EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0391

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment {SEG(2005) 1057}

/* KUMM/2005/0391 finali - COD 2005/0167 */

52005PC0391

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment {SEG(2005) 1057} /* KUMM/2005/0391 finali - COD 2005/0167 */


Brussell, 1.9.2005

KUMM(2005) 391 finali

2005/0167 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

(preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2005) 1057}

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' Novembru, 2001, dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni Illegali, il-Kummissjoni indikat li politika tar-ritorn hija parti integrali u kruċjali tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Il-politika tar-ritorn għandha tkun ibbażata fuq tliet elementi: prinċipji komuni, standards komuni u miżuri komuni. Il- Green Paper dwar Politika Komuni għar-Ritorn ta’ l-10 ta’ April, 2002, daħlet f’aktar dettal fil-kwistjoni tar-ritorn bħala parti integrali ta’ Politika Komunitarja dwar l-Immigrazzjoni u l-Kenn komprensiva. Għamlet enfażi fuq il-ħtieġa li jkun hemm tqarrib u kooperazzjoni aħjar fost l-Istati Membri dwar ir-ritorn, u pproponiet għadd ta’ elementi possibbli għal proposta leġiżlattiva li tista’ ssir ‘l quddiem dwar standards komuni biex jinbeda dibattitu wiesa' fost dawk li huma involuti.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Komunitajra għar-Ritorn ta’ Reżidenti Illegali li segwiet fl-14 ta’ Ottubru, 2002, ħadet f’kunsiderazzjoni r-riżultati ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u fasslet programm konkret għal aktar ħidma, b’enfażi partikolari fuq metodu li jieħu f’kunsiderazzjoni kull aspett . Għamlitha ċara li “…biex il-ħidma Komunitajra dwar ir-ritorn tkun effettiva bis-sħiħ, din trid tkun integrata tajjeb ma' ġestjoni ġenwina tal-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-migrazzjoni, u dan jeħtieġ tisħiħ ċar daqs il-kristall tat-toroq legali ta’ l-immigrazzjoni u tas-sitwazzjoni ta’ l-immigranti legali, sistema effettiva u ġeneruża ta’ kenn ibbażata fuq proċeduri mħaffa li joffru aċċess għal protezzjoni reali ta’ dawk li jeħtiġuha u djalogu aħjar ma’ pajjiżi terzi li se jkunu dejjem aktar mistiedna biex ikunu sħab f’dak li għandu jsir fil-qasam tal-migrazzjoni. Fuq il-bażi ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kunsill adotta l-Programm ta' Azzjoni għar-Ritorn tiegħu tat-28 ta’ Novembru, 2002 li fih sejjaħ għal kooperazzjoni operazzjonali aħjar fost l-Istati Membri, kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi u t-twaqqif ta’ standards komuni bil-għan li jitħaffef ir-ritorn operazzjonali.

Fl-aħħarnet, il-“Programm ta’ The Hague”, adottat fil-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru, 2004, kompla jsegwi din il-kwistjoni u talab b’mod ċar biex jitwaqqfu standards komuni biex il-persuni jkunu rritornati b’mod uman, bid-dinjità, u fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom ta’ bnedmin. Sejjaħ lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposta kmieni fl-2005.

L-oġġettiv ta’ din il-proposta huwa biex tkun ta’ tweġiba għal dik is-sejħa u biex tipprovdi regoli komuni ċari, trasparenti u ġusti dwar ir-ritorn, it-tneħħija, l-użu ta’ miżuri li jinkludu infurzar, il-kustodja temporanja u d-dħul mill-gdid, li jieħdu f’kunsiderazzjoni sħiħa r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-persuni konċernati.

Hemm possibbiltà tajba li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tkun suċċess, jekk din tkun ibbażata fuq komprensjoni komuni ta’ kwistjonijiet ċentrali. Għaldaqstant, għandhom jitwaqqfu standards komuni biex jitħaffef ix-xogħol ta’ l-awtoritajiet involuti u biex ikun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri. Fuq perjodu ta' żmien twil, standards bħal dawn jipprovdu l-bażi għal trattament xieraq simili ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin joqgħodu illegalment, ikun x’ikun l-Istat Membru li jkun qed iwettaq il-proċeduri tar-ritorn.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ġiet adottata varjetà sħiħa ta’ miżuri leġiżlattivi u non-leġiżlattivi bħala segwitu konkret tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Ritorn ta’ Novembru, 2002[1]. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni fil-qasam tar-ritorn, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/110/KE dwar l-assistenza f’każijiet ta’ tranżitu meta jkun hemm tkeċċija bl-ajru, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta’ April, 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tkeċċija, jirrappreżentaw l-ewwel stadji legali importanti.

Id-Direttiva 2001/40/KE dwar l-għarfien reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta' tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi-terzi flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens għall-iżbilanċi finanzjarji, jipprovdi qafas legali għall-għarfien reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ tkeċċija.

Dwar l-aspett finanzjarju tar-ritorn, il-Kummissjoni pproponiet it-twaqqif ta’ Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali: “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni” (COM(2005) 123 tas-6.4.2005. Il-ħidmiet ta’ tħejjija li jsiru bejn l-2005 u l-2007 jgħinu biex dan l-istrument finanzjarju ippjanat jibda jiddaħħal gradwalment.

2) KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT

Il- Green Paper ta’ l-2002 dwar Politika Komunitarja tar-Ritorn (COM(2002) 175) bdiet proċess ta' diskussjoni wiesgħa, li kien jinkludi smigħ pubbliku li għalih attendew aktar minn 200 ruħ u li matulu tkellmu madwar tletin espert. Is-smiegħ kien ta’ opportunità għal dawk kollha involuti direttament biex jesprimu ħsibijiethom dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ din il-proposta. Fuq il-bażi ta’ l-ideat mfissra fil- Green Paper , ġew diskussi l-mod kif qed titwettaq bħalissa l-politika tar-ritorn, u l-għażliet dwar politika UE komuni, fil-futur, dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fil-pajjiż illegalment. Is-smiegħ kien okkażjoni għal skambju miftuħ ta’ opinjonijiet bejn rappreżentanti ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej, Stati Membri, pajjiżi kandidati, pajjiżi ta’ oriġini u ta’ minn fejn jgħaddu l-movimenti migratorji llegali, pajjiżi oħra li huma ta’ destinazzjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali, awtoritajiet reġjonali u muniċipali, għaqdiet non-governattivi u istituzzjonijiet akkademiċi. Il-kontribuzzjonijiet bil-miktub li saru waqt dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ġew imxandra permezz ta’ l-internet.

Barra minn dan, fit-tieni nofs ta’ l-2004, esperti mill-Istati Membri attivi fil-qasam tar-ritorn ġew ikkonsultati dwar abbozz preliminari ta’ Direttiva dwar il-proċeduri tar-ritorn.

3) L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju ta' l-azzjoni proposta

Politika effettiva dwar ir-ritorn hija element essenzjali ta’ politika dwar il-migrazzjoni li tkun kredibbli u mmexxija sew. Jeħtieġ li jintlaħaq qbil dwar regoli ċari, trasparenti u ġusti li jkunu fil-kuntest ta' din il-ħtieġa, fil-waqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Din il-proposta hija maħsuba biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, kif ġej.

1. Tiġi stabbilita regola li r-reżidenza illegali trid tintemm permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti.

2. Jiġi mħajjar il-prinċipju ta’ ritorn volontarju billi tiġi stabbilita regola ġenerali biex jingħata, f’kull każ normali, “perjodu għat-tluq”.

3. Titwaqqaf – bħala prinċipju ġenerali – proċedura armonizzata b’żewġ passi: id-deċiżjoni tar-ritorn tkun l-ewwel pass u – jekk ikun meħtieġ – tinħareġ ordni ta’ tkeċċija bħala t-tieni pass, biex b’hekk sa ċertu punt ikunu allineati s-sistemi differenti li l-Istati Membri għandhom bħalissa.

4. Tkun indirizzata s-sitwazzjoni ta’ persuni li qed jgħixu fil-pajjiż illegalment iżda li (għalissa) ma jistgħux jiġu mkeċċija.

5. Jitfassal sett minimu ta’ salvagwardji proċedurali.

6. L-użu ta’ miżuri li jinkludu l-forza jitnaqqas kemm jista’ jkun, u dan l-użu jintrabat mal-prinċipju tal-proporzjonalità u t-tfassil ta' salvagwardji minimi dwar il-mod kif jitwettaq ir-ritorn furzat.

7. Tingħata dimensjoni Ewropea għall-effetti ta’ miżuri nazzjonali tar-ritorn billi tiġi stabbilita projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid li tkun valida madwar l-UE kollha.

8. Meta r-regoli jkunu segwiti, dan ikun ippremjat (fosthom billi jkun hemm il-possibbiltà li titneħħa xi projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid) u jkun ikkastigat min ma jsegwix ir-regoli (fosthom bil-possibbiltà li tittawwal xi projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid).

9. Jitħarsu l-interessi ta’ l-istat f’każijiet fejn ikun hemm theddid serju għas-sigurtà nazzjonali u pubblika (fosthom bil-possibbiltà li tittawwal projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid).

10. L-użu tal-kustodja tempranja jitnaqqas kemm jista’ jkun u jintrabat mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

11. Jitwaqqfu salvagwardji mimimi għal mod kif issir il-kustodja temporanja.

12. Jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li kontrih ikun hemm ordni ta’ tkeċċija jew ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru, jinqabad fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Ittieħdet attenzjoni dwar jekk il-kwistjoni tat- tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew pubblika għandhiex tkun indirizzata fil-kuntest ta’ din il-proposta, b'mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkeċċija ta’ persuni maħsuba li jkunu terroristi. Il-proposta m’għandhiex dispożizzjonijiet direttament dwar dan, għal tliet raġunijiet:

- Id-Direttivi tal-KE kollha adottati fil-qasam tal-kenn u l-immigrazzjoni diġà fihom klawżoli dwar l-“ordni pubbliku” li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri jistgħu jirtiraw permessi ta’ reżidenza u jkeċċu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ta’ theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. Fid-dokument ta’ ħidma tagħha COM(2001) 743 “ta’ wara l-11 ta’ Settembru”, maħruġ fil-5 ta' Diċembru, 2001, il-Kummissjoni ikkonkludiet li, “Jidher li applikazzjoni bir-reqqa ta’ dawn id-diżpozizzjonijiet tal-liġi huwa mod aktar xieraq kif tittejjeb is-sigurtà, milli li jkun hemm tibdil sostanzjali fid-diversi Proposti li qed jiġu kkunsidrati.”

- Mhux dejjem ikun fl-interess ta’ l-Istat li jkeċċi persuna li jkun maħsub li hi terrorista. Jista’ jkun aħjar li jinġiebu akkużi kriminali kontra persuna bħal din, jew li tinżamm taħt sorveljanza fi Stat Membru, aktar milli jitkeċċa lejn pajjiż terz.

- Anki jekk ikun hemm każ għal aktar armonizzazzjoni dwar il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ “tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku”, il-proposta għal armonizzazzjoni bħal din m’għandhiex issir fil-kuntest ta’ Direttiva dwar kif tintemm reżidenza illegali, jew dwar kif isir ir-ritorn, iżda pjuttost fil-kuntest tad-Direttivi li jirregolaw il-kundizzjonijiet tad-dħul u r-reżidenza – u t-tmiem – ta’ reżidenza legali.

Madankollu, darba li reżidenza legali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tkun intemmet għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, din il-persuna ssir ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed joqgħod illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tad-direttiva preżenti u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jkunu applikati għal dik il-persuna.

- Bażi legali

L-Artikolu 63(3) b tat-Trattat:

- Id-Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ingħarblet fil-fond biex id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu żgur kumpatibbli għal kollox mad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Kommunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, fosthom il-ħarsien tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem meħuda mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Bħala riżultat, sar enfażi partikolari fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ ħarsien fil-proċedura, l-għaqda tal-familja, il-kustodja temporanja u l-miżuri li jinkludu l-forza.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika minħabba li l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux ikunu milħuqa b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

L-għan ta’ din il-proposta huwa biex jitfasslu regoli komuni dwar ir-ritorn, it-tkeċċija, l-użu ta’ miżuri li jistgħu jinkludu l-forza, il-kustodja temporanja, u d-dħul mill-ġdid. Dawn ir-regoli komuni, li għandhom bħala għan li dejjem ikun hemm trattament xieraq u simili ta’ reżidenti illegali madwar l-UE kollha, ikun liema jkun l-Istat Membru li fih jinqabdu, jista’ jiġi maqbul biss fil-livell tal-Komunità.

Regoli fuq livell tal-Komunità huma indispensabbli b’mod partikolari biex jiġu indirizzati każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li diġa għandu kontrieh deċiżjoni ta’ tkeċċija, ordni ta’ tkeċċija u /jew projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid, maħruġ/a minn Stat Membru wieħed, jinqabad fi Stat Membru ieħor jew jipprova jidħol fi Stat Membru ieħor.

Il-“Programm ta’ The Hague” b’mod espliċitu jitlob li l-Kummissjoni għandha toħroġ b’din il-proposta. Din it-talba turi kemm l-Istati Membri stess jifhmu li huma waħidhom ma’ jistgħux jilħqu, b’mod xieraq, l-għan li jkun hawn politika Ewropea effettiva ta’ ritorn u li dan jista’ jsir aħjar mill-UE.

- Prinċipju ta' proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Id-Direttiva li qed tiġi proposta tfassal prinċipji ġenerali iżda tħalli lill-Istati Membri, li lejhom hija indirizzata, jagħżlu l-aktar forma u metodi xierqa biex iwettqu dawn il-prinċipji fis-sistemi legali nazzjonali rispettivi tagħhom, u fil-kuntest ġenerali.

Il-proposta għandha l-għan li tappoġġja l-isforzi effettivi dwar it-tkeċċija li jsiru fuq livell nazzjonali u biex ma jkunx hemm iddupplikar ta’ l-isforzi nazzjonali. Għalhekk – darba tkun adottata – għandha twassal biex jonqos il-piż amministrattiv li għandhom fuqhom l-awtoritajiet inkarigati bit-twettieq tagħha.

- L-għażla ta' l-istrumenti

L-istrument propost: Direttiva.

Kien meħtieġ li jintuża strument legali li jorbot li jkun jista’ jiġi nkorporat malajr fis-sistemi nazzjonali diverġenti. Kieku sar regolament, din kienet tkun ħaġa wisq riġida, fil-waqt li “liġi ħafifa” (bħal ma hi rakkomandazzjoni) ma kienx ikollha biżżejjed saħħa legali li torbot.

- Parteċipazzjoni fl-istrument legali

Il-bażi legali għal din il-proposta tinstab fit-Titlu IV tat-Trattat KE. Għal fejn tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma jissodisfawx aktar il-kundizzjonijiet ta’ dħul skond il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, il-proposta hija żvilupp fuq l-acquis ta’ Schengen li jrid ikun propost u adottat skond il-Protokolli mehmuża mat-Trattat ta’ Amsterdam dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda u l-pożizzjoni tad-Danimarka u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-atti ta' ftehim rispettivi ma' l-Iżlanda u n-Norveġja kif ukoll ma’ l-Iżvizzera, tikkostitwixxi – sal-punt imsemmi hawn fuq – żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen.

4) INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

Dawn l-ispjegazzjonijiet li ġejjin jiffokaw fuq l-aktar aspetti kruċjali tal-proposta. Aktar kummenti dettaljati huma mehmuża fl-anness.

Kapitolu I

Il-punt tat-tluq biex id-Direttiva proposta tkun applikata huwa r-“reżidenza illegali”. Il-proposta għandha l-għan – bħala miżura dwar l-immigrazzjoni illegali ibbażata fuq l-Artikolu 63(3)(b) tat-Trattat – li tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fil-pajjiż illegalment, tkun xi tkun ir-raġuni ta’ dan (p.e. viża skaduta, permess ta’ reżidenza skadut, revoka jew tneħħija ta’ permess ta’ reżidenza, deċiżjoni finali negattiva wara talba għal kenn, tneħħija ta’ l-istatus ta’ refuġjat, dħul illegali). Din il-proposta għal Direttiva ma tindirizzax ir-raġunijiet jew il-proċeduri biex tkun mitmuma r-reżidenza illegali.

Kapitolu II

Il-proposta tipprovdi proċedura b’żewġ passi, li twassal għat-tmiem tar-reżidenza illegali. Trid tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fil-pajjiż illegalment. Trid tingħata prijorità lil min ikun irid imur lura minn jeddu. Jekk iċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz ma jmurx lura minn jeddu, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu l-obbligu tar-ritorn permezz ta’ ordni ta’ tkeċċija. F’konsultazzjonijiet [avvanzati], ħafna Stati Membri wrew tħassib li l-proċedura b’żewġ passi tista’ tikkawża dewmien fil-proċeduri. B’risposta għal dan it-tħassib, il-proposta b’mod espliċitu tiċċara li l-Istati Membri jistgħu joħorġu sew id-deċiżjoni tar-ritorn kif ukoll l-ordni ta’ tkeċċija f’att wieħed jew deċiżjoni waħda. Id-dispożizzjonijiet sostanzjali ta’ dan il-kapitlu, b'mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mat-tkeċċija u l-possibbiltà ta’ ritorn volontarju għandhom ikunu rispettati mill-Istati Membri, minkejja dak li jkunu għażlu dwar jekk joħorġux id-deċiżjoni tar-ritorn u l-ordni ta’ tkeċċija separatament jew bħala att jew deċiżjoni waħda.

Il-proposta tipprovdi biex tiddaħħal “projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid”, biex dak li jkun ma jitħalliex jerġa’ jidħol fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha, li tinhemeż ma’ l-ordnijiet ta’ tkeċċija. Din l-“Ewropizzazzjoni” ta’ l-effetti ta’ miżuri ta’ ritorn nazzjonali hija maħsuba biex ikollha effetti ta’ prevenzjoni u biex tisseddaq il-kredibbiltà ta’ politika tar-ritorn tassew Ewropeja. It-tul tal-projbizzjoni ta' dħul mill-ġdid ikun determinat b'kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi relevanti kollha tal-każ individwali. Normalment, il-projbizzjoni m’għandhiex tkun għal aktar minn 5 snin. Huwa biss fejn ikun hemm theddid serju għall-politika jew għas-sigurtà pubblika li l-projbizzjoni ta’ dħul tista’ tinħareġ għal perjodu itwal.

Kapitolu III

Il-proposta tipprovdi għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjonijiet tar-ritorn u t-tkeċċija. Ir-rimedju ġudizzjarju għandu jkollu jew effett ta’ sospensjoni, jew ikun jinkludi d-dritt għaċ-ċittadin tal-pajjiż terz biex japplika għal sospensjoni ta’ l-infurzar tad-deċiżjoni tar-ritorn jew tat-tkeċċija, f’liema każ id-deċiżjoni tar-ritorn jew ta’ tkeċċija tkun posposta sakemm tkun konfermata jew ma tkunx għadha suġġetta għal rimedju li jkollu effetti ta’ sospensjoni.

Kapitolu IV

Dan il-kapitolu għandu l-għan li jillimita l-użu tal-kustodja temporanja u biex jorbotha mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-kustodja temporanja għandha tintuża biss fejn ikun meħtieġ biex ma jkunx hemm riskju li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinħbew, u jekk l-użu ta’ miżuri li jkun jinħtieġu anqas forza ma jkunx biżżejjed. Ir-raġunijiet biex persuna tinżamm fil-kustodja temporanja trid tkun riveduta minn awtorità ġudizzjarja b’mod regolari. Il-limiti ta’ żmien massimi għandhom jiżguraw li l-kustodja temporanja ma tittawwalx b’mod mhux xieraq. Din l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-kustodja temporanja għandha l-għan ukoll biex ma tħallix li jsiru movimenti sekondarji bejn Stati Membri ta’ persuni li jkunu qegħdin joqogħdu illegalment u li jkunu suġġetti għal miżuri skond din id-Direttiva.

Kapitolu V

Dan il-kapitlu jipprovdi għal sett ta’ regoli flessibbli, applikabbli jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija jew ta’ ritorn maħruġa fi Stat membru (“l-ewwel Stat Membru”) jinqabad fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (“it-tieni Stat Membru”). L-Istati Membri jistgħu jagħżlu minn diversi għażliet, skond iċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari.

Fuq naħa waħda, it-tieni Stat Membru jista’ jagħraf id-deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ tkeċċija maħruġa mill-ewwel Stat Membru. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens finanzjarju li dwaru ntlaħaq qbil fid-Deċiżjoni 2004/191/KE issir applikabbli f’dawn il-każijiet.

Minflok, it-tieni Stat Membru jista’ jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment, jew jiddeċiedi li jibda’ proċedura ġdida/awtonoma għar-ritorn, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Konnessjoni mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen:

L-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħra jkun vitali għall-implimentazzjoni effettiva u bla dewmien tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din il-proposta. L-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess ta’ malajr għall-informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta’ ritorn, ordnijiet ta’ tkeċċija u projbizzjonijiet ta’ dħul mill-ġdid, li jkunu nħarġu mill-Istati Membri. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ skond ir-regoli dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tat-Tieni Ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, (SIS II).

2005/0167 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta' politika effettiva ta’ tkeċċija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

(2) Jinħtieġ li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika tar-ritorn effettiva bħala element meħtieġ ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun immexxija tajjeb.

(3) Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jgħixu fi Stat Membru.

(4) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li reżidenza illegali titwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti.

(5) Bħala prinċipju ġenerali, għandha tkun applikata proċedura armonizzata f’żewġ passi, li tkun tinkludi deċiżjoni tar-ritorn bħala l-ewel pass u, - fejn meħtieġ, - li tinħareġ ordni ta’ tkeċċija bħala t-tieni pass. Madankollu, biex kemm jista’ jkun jitnaqqas id-dewmien fil-proċedura, l-Istati Membri għandhom jitħallew li joħorġu sew deċiżjoni tar-ritorn kif ukoll ordni ta’ tkeċċija permezz ta’ att wieħed jew deċiżjoni waħda.

(6) Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li dan ikun se jimmina l-iskop tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn voluntarju aktar milli ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju.

(7) Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar id-deċiżjonijiet tar-ritorn u tat-tkeċċija biex il-ħarsien effettiv ta’ l-interessi ta’ l-indivdwi konċernati jkun garantit.

(8) Għandha tkun indirizzata s-sitwazzjoni ta’ persuni li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mkeċċija. Għandhom jiġu stabbiliti standards minimi dwar il-kundizzjonijiet li taħthom dawn il-persuni jkunu jistgħu joqogħdu fil-pajjiż, b’referenza għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar, 2003 li tistabbilixxi standards minimi biex jintlaqgħu dawk li jkunu qed ifittxu kenn[3].

(9) L-użu ta’ mezzi li jinkludu l-forza għandu jkun marbut b’mod espliċitu mal-prinċipju tal-proporzjonalità u għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji minimi għar-ritorn bil-forza, billi tittieħed f’kunsiderazzjoni d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta’ April, 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tkeċċija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti ta’ ordnijiet ta’ tkeċċija individwali[4].

(10) L-effetti li jiġu minn miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid li tkun tgħodd fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha.

It-tul tal-validità tal-projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid għandu jkun determinat billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi relevanti kollha ta’ kull każ individwali u b’mod normali m’għandux ikun itwal minn 5 snin. F’każi ta’ theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika, l-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu projbizzjoni ta’ dħul mill-gdid itwal.

(11) L-użu tal-kustodja temporanja għandu jkun limitat u marbut mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-kustodja temporanja għandha tintuża biss jekk ikun hemm il-ħtieġa, biex jitnaqqas ir-riskju li jkun hemm min jinħeba u f’dawk il-każi fejn l-użu ta’ miżuri li jkunu jinħtieġu anqas forza ma jkunx biżżejjed.

(12) Iridu jittieħdu passi dwar is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun suġġett għal ordni ta’ tkeċċija jew deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru wieħed u li jinqabad fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(13) Din id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-għarfien ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn jew ordnijiet ta’ tkeċċija li jieħdu post id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE dwar l-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi[5]. Dik id-Direttiva għandha għalhekk titħassar.

(14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE[6] fiha kriterji u arranġamenti prattiċi għall-kumpens ta’ żbilanċi finanzjarji li joħorġu mill-għarfien reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ tkeċċija, li għandhom ikunu applikati mutatis mutandi meta jsir l-għarfien ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn jew ordnijiet ta’ tkeċċija skond din id-Direttiva.

(15) L-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess ta’ malajr għall-informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta’ ritorn, ordnijiet ta’ tkeċċija u projbizzjonijiet ta’ dħul mill-ġdid maħruġa minn Stati Membri oħra. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jsir skond [Deċiżjoni/Regolament ... dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tat-Tieni Ġenerazzjon tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)][7].

(16) Peress li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri dak li jiġu stabbilti regoli komuni dwar ir-ritorn, it-tkeċċija, l-użu ta’ miżuri li jinkludu l-forza, il-kustodja temporanja u d-dħul mill-ġdid, ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri b'mod xieraq u jista’, għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imfisser fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif iddikjarat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak illi huwa meħtieġ sabiex jiġu miksuba dawn l-oġġettivi.

(17) L-Istati Membri għandhom iwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetici, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija ta’ xi minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

(18) F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-1989, “l-aħjar interessi tat-tfal” għandhom ikunu kunsiderazzjoni ewlenija għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva. F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rispett għall-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva.

(19) Din id-Direttiva għandha tkun applikata mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’r-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju, 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar, 1967.

(20) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(21) Bi qbil mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din id-Direttiva tibni fuq – sa dak il-punt fejn tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul skond il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen[8] - l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titoli IV ta’ Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta’ dan l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li din id-Direttiva jkun adottat, jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(22) Din id-Direttiva hija – sa dak il-punt li tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skond il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim milħuq mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar is-sehem ta’ dawn iż-żewġ stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li huma fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE[9] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-ftehim.

(23) Din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni ta' din ta' l-aħħar ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen li jinsabu fi ħdan il-qasam msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE[10] dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċertu dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim.

(24) Din id-Direttiva hija – sa dak il-punt li tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul skond il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew b’mod ieħor relatat miegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 (2) ta’ l-Att ta’ Sħubija,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Is-Suġġett

Din id-Direttiva tistipula prinċipji komuni u proċeduri li għandhom ikunu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-ħarsien tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 2 Fejn u Kif Tapplika

1. Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri

1. li ma jissodisfawx jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul kif imfissra fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, jew

2. li b'xi mod ikunu qed joqogħdu b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikawx din id-Direttiva lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunu tħallew jidħlu f’żona ta’ transitu ta’ Stat Membru. Madankollu għandhom jaraw li t-trattament u l-livell ta' protezzjoni ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal dawn ma jkunx anqas favorevoli minn dak stipulat fl-Artikoli 8, 10, 13 u 15.

3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ċittadini ta’pajjiżi terzi.

3. li huma membri tal-familja ta’ ċittadini ta' l-Unjoni li jkunu wżaw id-dritt tal-moviment ħieles fi ħdan il-Komunità jew

4. li, skond atti ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-pajjiżi li tagħhom huma ċittadini, min-naħa l-oħra, igawdu minn drittijiet ta’ moviment ħieles ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni.

Artikolu 3 Id-definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 'ċittadin ta' pajjiż terz' tfisser kwalunkwe persuna li mhux ċittadin ta' l-Unjoni fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b) ‘reżidenza illegali’ tfisser il-preżenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax jew li m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jgħix jew joqogħod f’dak l-Istat Membru;

(c) ‘ritorn’ tfisser il-proċess li wieħed imur lura lejn il-pajjiż minn fejn joriġina, jew minfejn ikun għadda, jew pajjiż terz ieħor, sew jekk b’mod volontarju kif ukoll bil-forza;

(d) ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser att amministrattiv jew ġudizzjarju, jew att li jistqarr jew li jiddikjara li r-reżidenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi obbligu ta’ ritorn;

(e) ‘tkeċċija’ tfisser l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligu tar-ritorn, b’mod espliċitu t-tluq fiżiku mill-pajjiż;

(f) ‘ordni ta’ tkeċċija’ tfisser att amministrattiv jew ġudizzjarju, jew att li jordna t-tkeċċija;

(g) “projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid” tfisser att amministrattiv jew ġudizzjarju li ma jħallix id-dħul mill-ġdid fit-territorju ta’ l-Istat Membru għal perjod ta’ żmien speċifikat.

Artikolu 4 Dispożizzjonijiet l-aktar favorevoli

1. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

5. atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar;

6. atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika xi dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għal ċittadin ta’ pajjiż terz kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-kenn u b’mod partikolari fi:

7. Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE dwar id-dritt għar-rijunifikazzjoni tal-familja[11],

8. Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ilhom reżidenti għal żmien twil[12],

9. Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE dwar il-permessi ta’ reżidenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ traffikar tal-persuni jew li kienu suġġetti ta’ azzjoni biex tkun iffaċilitata l-immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti[13],

10. Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE dwar standards minimi biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat jikkwalifikaw għall-istatus bħala refuġjati jew bħala persuni li b’xi mod jinħtieġu ħarsien internazzjonali u l-kontenut tal-ħarsien li jingħata[14],

11. Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizzi volontarju[15],

12. Direttiva tal-Kunsill 2005/XX/KE dwar proċedura speċifika biex jidħlu ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ riċerka xjentifika[16],

3. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta' l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għal persuni li għalihom tapplika, basta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kumpatibbli ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 5 Relazzjonijiet familjari u l-aħjar interessi tat-tfal

Meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni t-tip u s-saħħa tar-relazzjonijiet familjari taċ-ċittadin tal-pajjiż terz, kemm ikun ilu fl-Istat Membru u jekk għandux xi rabtiet familjari, kulturali u soċjali mal-pajjiż minn fejn joriġina. Għandhom ukoll jieħdu f’kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta' l-1989.

Kapitolu II TERMINAZZJONI TAR-REŻIDENZA ILLEGALI

Artikolu 6 Deċiżjoni tar-ritorn

1. L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni tar-ritorn għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom.

2. Id-deċiżjoni tar-ritorn għandha tagħti perjodu xieraq ta’ massimu ta’ erba’ ġimgħat biex l-individwu jitlaq minn jeddu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet li jagħtu x’wieħed x’jifhem li l-persuna tista’ tinħeba tul dan il-perjodu. Ċerti obbligi maħsuba biex l-individwu ma jinħebiex, bħal ma huma li wieħed ikollu jirrapporta lill-awtoritajiet b’mod regolari, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, is-sottomissjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu ikunu imposti tul dak il-perjodu.

3. Id-deċiżjoni tar-ritorn għandha tinħareġ bħala att separat jew deċiżjoni, jew flimkien ma’ ordni tat-tkeċċija.

4. Meta l-Istati Membri jkunu suġġetti għal obbligi li joħorġu mid-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari kif imfissra fil-Kovenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħal ma hu d-dritt tan-non-refoulment, id-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt għall-għaqda tal-familja, m’għandha tinħareġ l-ebda deċiżjoni tar-ritorn. Meta tkun diġà nħarġet deċiżjoni tar-ritorn, din għandha titħassar.

5. L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li joħorġu permess ta’ reżidenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tkun toffri d-dritt ta’ reżidenza għal raġunijiet ta’ kumpassjoni, umanitarji jew oħrajn lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-kaz m’għandha tinħareġ l-ebda deċiżjoni ta’ ritorn, jew fejn tkun inħarġet deċiżjoni ta’ ritorn din għandha titħassar.

6. Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkollu permess ta’ reżidenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor, l-ewwel Stat Membru m'għandux joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn meta dik il-persuna minn jeddha tmur lura lejn it-territorju ta’ dak l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ reżidenza..

7. Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tiegħu ikun suġġett għal proċedura pendenti biex jiġġeddidlu l-permess ta’ reżidenza jew xi permess ieħor li jtih id-dritt ta' reżidenza, dak l-Istat Membru m'għandux joħroġ deċiżjoni tar-ritorn sakemm ma tkunx intemmet il-proċedura.

8. Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tiegħu jkun suġġett għal proċedura pendenti biex jinħariġlu l-permess ta’ reżidenza jew xi permess ieħor li jtih id-dritt ta' reżidenza, dak l-Istat Membru m'għandux joħroġ deċiżjoni tar-ritorn sakemm ma tkunx intemmet il-proċedura.

Artikolu 7 Ordni ta’ tkeċċija

1. L-Istati Membri għandhom joħorġu ordni ta’ tkeċċija dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun suġġett għal deċiżjoni tar-ritorn jekk ikun hemm riskju li dan jinħeba jew jekk l-obbligu biex jirritorna ma tkunx ġiet segwita fi żmien il-perjodu li fih seta’ jitlaq b’mod volontarju u li jkun ingħata skond l-Artikolu 6(2).

2. L-ordni ta’ tkeċċija għandha tispeċifika f’kemm żmien it-tkeċċija tkun se tiġi fil-fatt infurzata u l-pajjiż tar-ritorn.

3. L-ordni ta’ tkeċċija għandha tinħareġ bħala att separat jew deċiżjoni jew flimkien ma’ ordni tat-tkeċċija.

Artikolu 8 Postponiment

1. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-infurzar ta’ deċiżjoni tar-ritorn għal tul ta’ żmien xieraq, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali.

2. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-eżekuzzjoni ta’ l-ordni tat-tkeċċija fiċ-ċirkostanzi li ġejjin, sakemm dawn jibqgħu fis-seħħ:

13. jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma jkunx jista’ jivvjaġġa jew ma jkunx jista’ jittieħed lejn il-pajjiż tar-ritorn minħabba l-istat fiżiku jew il-ħila mentali tiegħu jew tagħha,

14. raġunijiet tekniċi, bħal ma huma n-nuqqas ta’ mezzi ta’ trasport jew diffikultajiet oħra li minħabba fihom ikun impossibbli li t-tkeċċija tiġi nfurzata b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

15. ma jkunx hemm assikurazzjoni li minuri li jkun waħedhom ikunu jistgħu, fil-mument tat-tluq jew tal-wasla, jingħaddu lil xi membru tal-familja tagħhom jew xi ħadd li jirrappreżentah, jew persuna b'responsabbiltà ta’ ġenitur jew uffiċjal kompetenti tal-pajjiż tar-ritorn, wara li jkunu evalwati l-kundizzjonijiet li fihom il-minuri se jkun/tkun ritornat/a.

3. Jekk l-infurzar ta’ deċiżjoni tar-ritorn jew l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ tkeċċija tkun posposta hekk kif provdut fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu ikunu imposti ċerti obbligi fuq iċ-ċittadin involut tal-pajjiz terz, bil-ħsieb li jitwarrab ir-riskju li l-individwu jinħeba, bħal ma hu r-rappurtar regolari għand l-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, is-sottomissjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’post partikolari.

Artikolu 9 Projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid

1. L-ordnijiet ta’ tkeċċija għandhom ikollhom magħhom projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid ta’ mhux aktar minn 5 snin.

Deċiżjonijiet tar-ritorn jistgħu jinkludu projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid bħal din.

2. It-tul ta’ projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid għandu jkun determinat b’kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi kollha relevanti tal-każi individwali, u b’mod partikolari jekk iċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz:

(a) ikun suġġett ta’ ordni tat-tkeċċija għall-ewwel darba;

(b) diġà kien suġġett għal aktar minn ordni ta’ tkeċċija wieħed;

(c) ikun daħal fl-Istati Membru tul il-perjodu ta’ projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid;

(d) ikun ta’ theddida għall-politika pubblika u s-sigurtà pubblika.

Il-projbizzjoni tad-dħul mill-ġdid tista’ tinħareġ għal perjodu itwal minn ta’ 5 snin meta ċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika.

3. Il-projbizzjoni tad-dħul mill-ġdid tista’ tiġi rtirata b’mod partikolari f’dawk il-każijiet li fihom iċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz:

(a) ikun suġġett ta’ deċiżjoni tar-ritorn jew ordni tat-tkeċċija għall-ewwel darba;

(b) ikun irrapporta lura lejn uffiċċju konsulari ta’ Stat Membru;

(c) ikun ħallas lura l-ispejjeż kollha tal-proċedura tar-ritorn ta’ qabel.

4. Il-projbizzjoni tad-dħul mill-ġdid tista’ tiġi sospiża fuq bażi eċċezzjonali u temporanja f’każijiet individwali xierqa.

5. Il-paragrafi 1 u 4 jgħoddu mingħajr preġudizzju għad-dritt li wieħed ifittex kenn f’wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 10 It-tkeċċija

1. Meta l-Istati Membri jużaw mezzi ta’ forza biex iwettqu t-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tkeċċija, dawn il-mezzi għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jaqbżu l-limiti raġjonevoli tal-forza. Dawn għandhom ikunu implimentati skond id-drittijiet fundamentali u b’rispett xieraq għad-dinjità taċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz.

2. Meta jkunu qed iwettqu tkeċċija, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-Linji-Gwida komuni dwar dispożizzjonijiet ta’ sigurtà għat-tkeċċija konġunta bl-ajru, mehmuża mad-Deċiżjoni 2004/573/KE.

Kapitlu III SALVAGWARDJI PROĊEDURALI

Artikolu 11 Il-forma:

1. Deċiżjonijiet tar-ritorn u ordnijiet ta’ tkeċċija għandhom jinħarġu bil-miktub.

L-Istati Membri għandhom jaraw li r-raġunijiet skond il-fatti u skond il-liġi ikun dikjarati fid-deċiżjoni u/jew l-ordni u li ċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz ikun infurmat bil-miktub dwar ir-rimedji legali disponibbli.

2. L-Istati Membri għandhom jagħtu, meta hekk mitluba, traduzzjoni miktuba jew bil-fomm tal-punti prinċipali tad-deċiżjoni tar-ritorn u/jew ta’ l-ordni tat-tkeċċija f’lingwa li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun raġjonevolment mistenni li jifhem.

Artikolu 12 Rimedji Ġudizzjarji

1. L-Istati Membri għandhom jaraw li ċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz ikollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti jew tribunal biex jappella kontra, jew biex jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew ordni ta’ tkeċċija.

2. Ir-rimedju ġudizzjarju għandu jkollu jew effett ta' sospensjoni jew jinkludi d-dritt taċ-ċittadin tal-pajjiż terz biex jitlob għal sospensjoni ta’ l-infurzar ta’ deċiżjoni tar-ritorn jew ta’ l-ordni tat-tkeċċija, f’liema każ id-deċiżjoni tar-ritorn jew l-ordni tat-tkeċċija tkun posposta sakemm tkun ikkonfermata jew ma tkunx għadha suġġetta għal rimedju li jkollu effetti ta’ sospensjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat ikollu l-possibbiltà li jirċievi pariri, rappreżentazzjoni legali u, fejn ikun meħtieġ, għajnuna lingwistika. Għajnuna legali għandha tingħata lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija neċessarja sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

Artikolu 13 Salvagwardji sakemm isir ir-ritorn

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ reżidenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li d-deċiżjoni tar-ritorn tagħhom tkun ġiet posposta, jew li ma jistgħux ikunu mkeċċija għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva ma jkunux agħar minn dawk stipulati fl-Artikoli 7 u 10, l-Artikolu 15 u l-Artikoli 17 u 20 tad-Direttiva 2003/9/KE.

2. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 konferma bil-miktub li l-infurzar tad-deċiżjoni tar-ritorn ikun ġiet pospost għal perjodu speċifiku jew li l-ordni tat-tkeċċija ma tkunx se tiġi infurzata għal żmien temporanju.

Kapitolu IV KUSTODJA TEMPORANJA GĦALL-ISKOP TA’ TKEĊĊIJA

Artikolu 14 Kustodja temporanja

1. Fejn ikun hemm raġunijiet serji li jagħtu x’wieħed x’jifhem li jkun hemm riskju li individwu jinħeba u fejn ma jkunx biżżejjed li jkunu applikati miżuri li jirrekjedu anqas forza, bħal ma huma li wieħed jirrapporta b’mod regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, l-għoti ta’ dokumenti, obbligu li wieħed joqgħod f'post jew miżuri oħra biex jitwarrab dak ir-riskju, l-Istati Membri għandhom iżommu f’kustodja temporanja liċ-ċittadin tal-pajjiż terz, li jkun suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija jew deċiżjoni tar-ritorn.

2. L-ordinjiet tal-kustodja temporanja għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet ġudizzjarji. F’każijiet urġenti dawn jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet amministrattivi, f’liema każ l-ordni ta’ kustodja temporanja għandha tkun ikkonfermata mill-awtoritajiet ġudizzjarji fi żmien 72 siegħa mill-bidu tal-kustodja temporanja.

3. L-ordnijiet tal-kustodja temporanja għandhom ikunu rivedibbli mill-awtoritajiet ġudizzjarji mill-anqas darba f’xahar.

4. Il-kustodja temporanja tista’ tiġi estiża mill-awtoritajiet ġudizzjarji għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

Artikolu 15 Kundizzjonijiet tal-kustodja temporanja

1. L-Istati Membri għandhom jaraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu miżmuma f’kustodja temporanja jkunu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u b’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Meta mitluba, dawn għandhom bla dewmien jitħallew jistabbilixxu kuntatt ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet non-governattivi u internazzjonali relevanti.

2. Il-kustodja temporanja għandha tkun f’faċilitajiet maħsuba apposta għal dan il-għan. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità apposta għall-kustodja temporanja u jkollu juża l-faċilitajiet tal-ħabs, għandu jara li ċ-ċittadini tal-pajjiż terz li jkunu qed jinżammu f’kustodja temporanja jkunu dejjem miżmuma fiżikament separati mill-priġunieri normali.

3. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli. L-Istati Membri għandhom jaraw li l-minuri ma jinżammewx f’akkomodazzjoni komuni f’ħabs. Minuri li ma jkollhomx adulti magħhom għandhom jinżammu separati mill-adulti sakemm ma jkunx meqjus li jkun fl-aħjar interess tat-tifel/tifla li ma jsirx hekk.

4. L-Istati Membri għandhom jaraw li organizzazzjonijiet internazzjonali u non-governattivi jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet tal-kustodja temporanja biex ikun evalwat kemm il-kundizzjonijiet tal-kustodja temporanja jkunu xierqa. Żjarat bħal dawn jistgħu ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni.

Kapitolu V ARREST FI STATI MEMBRI OĦRA

Artikolu 16 L-arrest fi Stati Membri oħra

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax jew li ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul kif imfissra fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u li huwa suġġett ta’ deċiżjoni tar-ritorn jew ordni ta’ tkeċċija maħruġa fi Stat Membru wieħed (“l-ewwel Stat Membru”) jinqabad fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (“it-tieni Stat Membru”), it-tieni Stat Membru jista’ jieħu wieħed minn dawn il-passi:

(a) jagħraf id-deċiżjoni tar-ritorn jew l-ordni ta’ tkeċċija maħruġa mill-ewwel Stat Membru u jwettaq it-tkeċċija, f’liema każ l-Istati Membri għandhom jikkumpensaw lil xulxin għal xi żbilanċ finanzjarju li jista’ jkun hemm, bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE mutatis mutandis;

(b) jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura mingħajr dewmien liċ-ċittadin konċernat tal-pajjiż terz, f’liema każ l-ewwel Stat Membru jkun obbligat li jwettaq it-talba sakemm ma jkunx jista’ juri li l-persuna konċernata tkun telqet mit-territorju ta’ l-Istati Membri wara l-ħruġ tad-deċiżjoni tar-ritorn jew ordni ta’ tkeċċija mill-ewwel Stat Membru;

(c) jibda’ l-proċedura tar-ritorn skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu;

(d) iżomm jew joħroġ – permess ta’ reżidenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt għal reżidenza minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni, kumpassjoni, umanitarji u oħrajn, wara konsultazzjoni ma’ l-ewwel Stat Membru skond l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

Kapitolu VI DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17 Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha minn żmien għal żmien tħejji rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mod kif qed tkun applikata din id-Direttiva fl-Istati Membri u, fejn ikun xieraq, tipproponi emendi.

Il-Kummissjoni għandha tħejji l-ewwel rapport mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 18 (1).

Artikolu 18 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar minn (24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea) Huma għandhom, mingħajr telf ta' żmien, jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw it-tali dispożizzjonijiet, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza meta dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri jridu jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 19 Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Id-Direttiva tieħu post l-Artikoli 23 u 24 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

Artikolu 20 Revoka

Id-Direttiva 2001/40/KEE hija imħassra.

Artikolu 21 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 22 Indirizzi

Din id-Direttiva hija ndirizzata lejn l-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall–Parlament Ewropew Għall–Kunsill

Il–President Il–President

[1] Lista sħiħa ta’ dawn il-miżuri tinsab fil- Working Paper tal-Persunal tal-Kummissjoni “Rapport annwali dwar l-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u l-ittraffikar tal-persuni, fruntieri esterni, u r-ritorn ta’ reżidenti illegali” tal-25.10.2004, SEC(2004) 1349.

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18

[4] ĠU L 261 6.8.2004. p. 28

[5] ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34

[6] ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55

[7]

[8] ĠU L 239, 22.9.2000, p.19

[9] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31

[10] ĠU L 370 17.12.2004, p. 78

[11] ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

[12] ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

[13] ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

[14] ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

[15] ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

[16] ĠU L XX.

Top