Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0376

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat

    /* KUMM/2005/0376 finali */

    52005PC0376

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat /* KUMM/2005/0376 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.8.2005

    KUMM(2005) 376 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Skond l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxa fuq il-fatturat - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): bażi uniformi ta' valutazzjoni, il-Kunsill billi jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kull Stat Membru biex idaħħal jew jestendi miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti tipi ta' evażjoni tat-taxxa. B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 2005, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga dwar tranżazzjonijiet fl-injam preċedentement mogħtija għal perjodu limitat mill-Att ta’ l-Adeżjoni. B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 bit-talba magħmula mil-Latvja. B’ittra li ġġib id-data tal-31 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |

    Il-kuntest ġenerali Is-suq ta' l-injam fil-Latvja huwa ddominat minn kumpaniji lokali żgħar u fornituri individwali, li spiss urew li huma negozji tranżitorji, li huma ta’ diffikulta għall-amministrazzjoni fiskali biex tikkontrolla u mezzi għall-evażjoni fiskali. L-aktar forma komuni ta’ evażjoni tinvolvi l-fatturazzjoni ta’ provvisti min-negozji li wara jisparixxu mingħajr ma jħallsu t-taxxa imma jħallu lill-konsumatur b’irċevuta ta’ fattura valida li biha jista’ jieħu t-taxxa lura. Sabiex tiġi evitata l-evażjoni fiskali, kienet inkluża dispożizzjoni speċjali dwar il-VAT fil-liġi tal-Latvja. Din id-dispożiżżjoni mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE, tistipula li fil-każ ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma' l-injam, minn jirċievi l-prodotti jew is-servizzi huwa, taħt ċerti ċirkostanzi, il-persuna responsabbli mill-VAT. Din is-sistema tapplika għall-provvista ta' prodotti u servizzi fi ħdan it-territorju tal-Latvja u ma jħalli ebda impatt fuq tranżazzjonijiet bejn pajjiż u ieħor. Il-Kummissjoni tifhem li dan l-arranġament ippermetta li l-Latvja effettivament tnaqqas ir-riskju ta’ l-evażjoni tal-VAT u tissimplifika l-proċedura biex titħallas it-taxxa fis-suq ta’ l-injam. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra l-awtorizzazzjoni biex il-Latvja tkompli tapplika l-miżuri speċjali bħala waħda mhux xierqa. |

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Deroga mogħtija preċedentement fl-Att ta’ l-Adeżjoni, Kapitolu 7, punt 1(b) ta’ l-Anness VIII. |

    Il-konsistenza ma' politika u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

    IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT |

    Konsultazzjoni tal-partijiet interessati |

    Mhux rilevanti |

    Ġbir u użu ta' kompetenza |

    Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. |

    Valutazzjoni ta' l-impatt Id-Deċiżjoni proposta timmira li tiġġieled kontra l-evażjoni potenzjali tal-VAT fis-suq ta’ l-injam tal-Latvja u għalhekk għandha impatt ekonomiku potenzjalment pożittiv. F'kull każ l-impatt se jkun limitat minħabba l-firxa dejqa tad-deroga. |

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

    Taqsira ta' l-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni għal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE fir-rigward ta' l-użu ta' mekkaniżmu ta’ reverse charge għal tranżazzjonijiet fl-injam. |

    Bażi legali L-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima. |

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-fatt ma japplikax. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejjin. |

    Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu. |

    Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata ma’ l-għan li għandu jinkiseb. |

    Għażla ta' strumenti |

    Strumenti proposti: oħrajn. |

    Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejjin: Skond l-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat, Deċiżjoni tal-Kunsill biss hija possibbli. |

    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA |

    Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit Komunitarju. |

    INFORMAZZJONI ULTERJURI |

    Klawsola ta’ evalwazzjoni/reviżjoni/estinzjoni |

    Il-proposta tinkludi klawsola ta’ estinzjoni |

    1. Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat

    (It-test Latvjan biss huwa awtentiku)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa fuq il-fatturat - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): bażi uniformi ta' valutazzjoni[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

    Billi:

    (1) Skond l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, il-Kunsill, filwaqt li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti tipi ta' evażjoni tat-taxxa.

    (2) B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 2005, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga dwar tranżazzjonijiet fl-injam.

    (3) B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 bit-talba magħmula mil-Latvja. B’ittra li ġġib id-data tal-31 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

    (4) Is-suq ta’ l-injam fil-Latvja huwa ddominat minn kumpaniji lokali żgħar u fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ħolqu frodi fiskali li l-awtoritajiet tat-tassazzjoni sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġi miġġieled dan l-abbuż, ġiet inkluża dispożizzjoni speċjali dwar il-VAT fil-liġi tal-Latvja, li tistipula li l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa, taħt ċerti ċirkostanzi, hija dik il-persuna li għaliha l-provvista ta’ prodotti u servizzi taxxabbli qiegħda sseħħ.

    (5) L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 77/388/KEE fil-verżjoni stipulata fl-Artikolu 28(g) ta’ l-imsemmija Direttiva, tistipula li taħt is-sistema interna, il-persuna taxxabbli li tforni l-prodotti u s-servizzi hija dik li normalment responsabbli li tħallas it-taxxa. Madankollu, l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003[3], u b’mod partikolari l-Kapitolu 7, punt 1(b) ta’ l-Anness VIII tiegħu, jawtorizza lil-Latvja li għal perjodu limitat tkompli tapplika l-proċedura tagħha li timponi l-VAT fuq tranżazzjonijiet fl-injam.

    (6) Il-Kummissjoni tifhem li dan l-arranġament ippermetta li l-Latvja effettivament tnaqqas ir-riskju ta’ l-evażjoni tal-VAT u tissimplifika l-proċedura biex titħallas it-taxxa fis-suq ta’ l-injam.

    (7) Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi Komunitarji proprji li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    L–uniku Artikolu

    B’deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, fil-verżjoni stipulata fl-Artikolu 28(g) tiegħu, il-Latvja qiegħda tiġi awtorizzata li tkompli tikkunsidra min jirċievi l-prodotti jew servizzi bħala l-persuna responsabbli li tħallas il-VAT fil-każ ta’ tranżazzjonijiet fl-injam sal-31 ta’ Diċembru 2009.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

    Magħmula fi Brussell, [...]

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p.1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, ta’ l-1.5.2004, p.35)

    [2] ĠU L , , p. .

    [3] ĠU L 236, tat-23.9.2003, p. 33

    Top