EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0319

Proposta ta' regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji u t-toroq

/* KUMM/2005/0319 finali - COD 2000/0212 */

52005PC0319

Proposta ta' regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji u t-toroq /* KUMM/2005/0319 finali - COD 2000/0212 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.7.2005

KUMM(2005) 319 finali

2000/0212 (COD)

Proposta ta'

REGOLAMENT TAL-KUNSILL U TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji u t-toroq

Daħla

Mit-tieni nofs tas-seklu XX, l-operaturi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq l-art, b'mod speċjali fuq il-ferroviji, kellhom iżommu għaddejja xi servizzi li ma kinux kummerċjalment vijabbli, u esperjenzaw restrizzjonijiet qawwija rigward il-prezzijiet li setgħu jesiġu.

Mis-snin sittin, il-ferroviji bdew imajnaw bil-qawwa minħabba l-kompetizzjoni mill-karozzi. Fi Franza, pereżempju, l-użu tas-servizzi reġjonali tal-ferroviji niżel minn 6.4 bn sa 5.2 bn passiġġier-kilometru bejn l-1964 u l-1969. Dak iż-żmien, l-Istat tista' tgħid li ma kien jagħti l-ebda sussidju lill- SNCF ; għaxar snin wara, is-sussidju minħabba l-obbligi ta' servizz pubbliku (OSP) kienu jqarrbu maż-2 bn Frank. Is-servizzi tat-trasport pubbliku fuq l-art daħlu f'qagħda ta' defiċit strutturali ma' l-Ewropa kollha. L-operatur tas-settur kellhom jitolbu lill-Istati li jew jeħilsuhom minn dawn l-obbligi, jew inkella jikkumpensawhom għall-ispejjeż b'mod aktar sistematiku.

Din it-tematika kienet waħda minn ta' l-ewwel li fuqha saret ħidma fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport. Qabel kollox, kien jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġi, l-aktar finanzjarji, mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi kenux jikkostitwixxu kumpens ġust għall-OSP imposti fuq l-operaturi, jew inkella kellhomx aktar in-natura ta' għajnuniet statali. L-istabbiliment ta' metodi Komunitarji dettaljati biex jiġi kkalkulat il-kumpens għalhekk kien sar indispensabbli biex tiġi evitata l-applikazzjoni stretta tal-proċeduri rigward l-għajnuniet statali. Fin-nuqqas tal-ħolqien ta' qafas ta' dan it-tip, il-Kummissjoni Ewropea kien ikollha teżamina kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi ta' kumpens, akkost ta' żieda fit-toqol tal-proċeduri u r-riskju ta' paraliżi tas-sistema li din iż-żieda kienet timplika.

Wara l-ewwel deċiżjoni tal-Kunsill fl-1965[1], fl-1969 ġie adottat Regolament li għadu sallum jikkostitwixxi l-qafas Komunitarju applikabbli għat-trasport tal-passiġġieri fuq l-art[2].

Dan ir-Regolament, li jkopri t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq il-ferroviji, it-toroq u l-ilmijiet navigabbli, jippermetti lill-Istati Membri li jimponu l-OSP bil-ħsieb li jiggarantixxu l-għoti ta' servizzi li jkun konformi ma' ċerti normi tariffarji, ta' kontinwità, ta' regolarità jew ta' kapaċità, u ta' dan iħallsu kumpens ta' l-ispejjeż lill-operatur. Jiddefinixxi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti qabel ma jitħallas dan il-kumpens, kif ukoll il-metodi dettaljati ta' kalkolu li jiżgura li s-somma tkun waħda xierqa. Il-ħlasijiet ta' kumpens li jingħataw skond dawn ir-regoli ma jaqgħux taħt l-obbligu ta' notifika u awtorizzazzjoni minn qabel skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

Dan il-qafas leġiżlattiv ġie mmodifikat għall-aħħar darba fl-1991, partikolarment sabiex l-ambitu tiegħu jiġi estiż għat-trasport lokali.

Sa ftit ilu, kien jikkostitwixxi qafas sodisfaċenti f'settur tat-trasport pubbliku li fih l-operaturi kienu esklussivament nazzjonali, reġjonali jew lokali. Illum m'għadux adattat, u t-tħaddim tiegħu minn dawk li huma kkonċernati huwa partikolarment diffiċli f'suq li l-ħin kollu qiegħed jiżviluppa. Id-derogi huma n-norma, speċjalment fit-trasport pubbliku lokali[3], settur li fih id-derogi mill-obbligi marbuta mal-ħruġ ta' kuntratti pubbliċi qed jidhru li ftit li xejn jimxu id f'id mat-trasparenza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni li jitlob suq li qed isir dejjem aktar u aktar miftuħ. Barra minn hekk, ir-Regolament lanqas ma jiddefinixxi l-modi li bih jingħataw kuntratti ta' servizz pubbliku. Sar sors ta' inċertezza legali li diġa qiegħda tissarraf f'żieda fl-għadd ta' kawżi u fl-eżitazzjoni ta' l-operaturi biex jidħlu għal impenji ta' investimenti kbar, minħabba li r-regoli tal-logħba għad mhumiex definiti ċar biżżejjed.

It-trasport pubbliku fuq l-art tal-passiġġieri (it-tren, il-metrò, it-tram, u l-kowċ urbana) fl-2004 kienu jirrappreżentaw madwar 150 miljun passaġġier kuljum, 1.5 miljun impjiegi u fatturat li huwa stamt li jlaħħaq mal-€ 100 biljun (ċifri għall-UE 15). Minn xi tnax-il sena 'l hawn, dan is-settur żviluppa mill-fond, bl-emerġenza ta' operaturi li jagħtu s-servizzi tagħhom f'iktar minn Stat Membru wieħed u ta' awtoritajiet pubbliċi deċiżi li jaffrontaw offerti differenti ta' servizzi ta' trasport.

Minkejja l-eżistenza ta' offerta kompetittiva li bdiet terġa' tagħti d-dinamiżmu lit-trasport tal-passiġġieri, is-sehem tas-suq tat-trasport pubbliku kompla jitnaqqar mill-kompetizzjoni tal-karozza privata. Għalhekk, bejn l-1970 u l-2001, is-sehem tal-karozza kiber minn 73.8% sa 78.2%, filwaqt li dak tat-trasport pubbliku fuq l-art waqa' minn 24.7% sa 16%[4]. Din il-qagħda kompliet taċċentwa l-ħtieġa li t-trasport pubbliku jiġi mmodernizzat, u li titkabbar l-effikaċja tiegħu sabiex jinżamm, jew inkella jitkabbar, is-sehem tas-suq tiegħu, kif ukoll li s-settur jipparteċipa fit-titjib ta' l-ambjent u tal-mobilità.

Fuq il-bażi ta' dan l-għarfien doppju tan-nuqqas ta' konvenjenza tal-qafas leġiżlattiv tal-Komunità u ta' l-indispensabbiltà ta' titjib fl-effikaċja u l-kwalità tas-servizzi, f'Lulju 2000 il-Kummissjoni ressqet proposta ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni ta' l-Istati Membri rigward l-eżiġenzi tas-servizz pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji, it-toroq u l-ilmijiet navigabbli[5]. Preċiżament, din il-proposta kellha l-għan li tfejjaq l-inċertezza legali li taffettwa lis-settur u li tistabbilixxi sistema kompetittiva li għandha twassal għal servizzi aktar effikaċi u attraenti għall-passiġġieri. Għal dan il-għan, kienet tissejjes fuq għadd ta' prinċipji:

- it-tqegħid fuq bażi kuntrattwali tar-relazzjonijiet bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur/i inkarigat/i bil-forniment tas-servizzi hekk kif jingħataw ħlasijiet ta' kumpens finanzjajru jew drittijiet esklussivi;

- il-ħtieġa li l-klawżoli tal-kuntratt minn żmien għall-ieħor jiġu eżaminati mill-ġdid, u għaldaqstant li t-tul tal-kuntratt ikun limitat;

- is-sejħiet kompetittivi għall-kuntratti ta' servizz pubbliku, ħlief f'xi każijiet meta jkunu jistgħu jingħataw direttament (pereżempju taħt ċerti kundizzonijiet għall-ferroviji jew il-metrò, jew inkella taħt ċerta għatba finanzjarja).

Wara li għaddew ħames snin, din il-proposta għadha bblukkata mill-Kunsill. Ma setax jintlaħaq kompromess biex tinstab pożizzjoni komuni, minħabba li l-Istati Membri huma maqsuma wisq dwar kemm it-trasport ta' l-art għandu jinfetaħ għall-kompetizzjoni, speċjalment fid-dawl tad-disparità ta' l-esperjenzi li saru f'okkażjoijiet meta dan il-ftuħ seħħ.

Minn lat ieħor, il-ħidmiet tal-Kunsill baqgħu sospiżi għal żmien twil fl-istennija ta' deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża Altmark. Din id-deċiżjoni ingħatat f'Lulju 2003, u temmet id-dibattitu legali dwar il-kwalifikazzjoni għall-għajnuniet statali, billi ddefiniet biċ-ċar il-kunċett ta' vantaġġ finanzjarju li f'dan jikkostitwixxi l-kriterju essenzjali. Madankollu, l-impatt tagħha fuq it-trasport bl-art huwa limitat mill-fatt li hemm regoli speċifiċi stabbiliti mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

Wara li kkunsidrat il-ħafna emendi adottati fl-Ewwel Qari mill-Parlament Ewropew fl-2001, u l-fatt li l-proposta hija bblukkata fil-Kunsill (ara Kap. 4), il-Kummissjoni llum qed tipprova li tirrekonċilja ma' xulxin il-pożizzjonijiet differenti li ġew espressi, billi tirrevedi l-proposta tagħha, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-aħħar żviluppi fil-ġurisprudenza (id-deċiżjoni Altmark) u tal- White Paper tagħha ta' ftit ilu dwar is-servizzi ta' interess ġenerali (SIĠ).

Fil-fatt, il-kwistjoni ta' l-organizzazzjoni tal-modalitajiet tal-kumpens għall-OSP mhijiex limitata għat-trasport waħdu. Il-kwistjoni tqum f'għadd ta' setturi oħrajn, u b'hekk tikkostitwixxi element prinċipali ta' riflessjoni orizzontali vasta li l-Kummissjoni qed tmexxi dwar it-tema tas-SIĠ.

1. Is-servizzi ta' interess ġenerali

L-espressjoni "servizz ta' interess ġenerali" ma tidhirx fit-Trattat. Fil-prassi Komunitarja, toħroġ mill-espressjoni "servizz ta' interess ekonomiku ġenerali", li tokkorri fit-Trattat[6]. Għandha sens usa' u tkopri s-servizzi kummerċjali u mhumiex li l-awtoritajiet pubbliċi jqisuhom li huma ta' interess ġenerali, u li huma suġġetti għal obbligi speċifiċi ta' servizz pubbliku.

Madankollu, l-espressjoni "servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali" mhijiex iddefinita fit-Trattat jew fil-leġiżlazzjoni sekondarja. Fil-prassi Komunitarja, titqies li tirreferi għas-servizzi ta' natura ekonomika li l-Istati Membri jew il-Komunità j/timponi OSP fuqhom minħabba kriterju ta' interess ġenerali.

Il- White Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, ippublikata fit-12 ta' Mejju 2004[7], ġibdet xi konklużjonijiet mid-dibattitu ġenerali attwali u nediet riflessjoni dwar il-mod li s-SIĠ jiġi ggarantit fi ħdan is-suq intern, fuq il-bażi ta' sensiela ta' prinċipji ġenerali li huma integrati fil-politika Komunitarja.

Tenfasizza li, fil-qasam tas-SIĠ, ir-responsabbiltajiet jinqasmu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

Tfakkar li huwa kompitu ta' "l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali li jiddefinixxu, jorganizzaw, jiffinanzjaw u jimmaniġġjaw is-servizzi ta' interess ġenerali".

Fil-punt 4.3, il-Kummissjoni tkompli tippreċiża:

"Fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom firxa kbira biex jiddeċiedu kif jorganizzaw servizzi ta’ interess ġenerali. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-Komunità, l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti (...) huma fil-prinċipju ħielsa li jiddeċiedu jekk jipprovdux servizz ta’ interess ġenerali huma nfushom jew jekk jafdawx il-forniment lil entità oħra (...). Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ ġewwa, huma intrapriżi, u għalhekk huma suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat."

Il- White Paper tenfasizza wkoll li r-regolamenti settorjali għandhom jikkonċentraw fuq "l-industriji kbar f’netwerks bħat-telekomunikazzjoni, servizzi postali, transport u enerġija, li għandhom dimensjoni trans-Ewropea" evidenti. It-trasport huwa settur essenzjali f'din l-analiżi, għaliex ir-regoli settorjali tal-Komunità jinkludu taqsima żviluppata sew li tirregola l-forniment ta' servizzi tat-trasport liċ-ċittadini kollha.

Fir-rapport tiegħu[8], il-Parlament Ewropew, jappella biex, flimkien mal-Kunsill, tiġi stabbilita kodeċiżjoni dwar qafas legali li jistabbilixxi fil-liġi Komunitarja għadd ta' prinċipji komuni għas-SIĠ.

L-abbozz tat-trattat kostituzzjonali wkoll jipprevedi bażi legali ġdida għall-adozzjoni ta' liġijiet li jistabbilixxu l-prinċipji u l-kundizzjonijiet, speċjalment dawk ekonomiċi, li jħallu s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jaqdu l-funzjonijiet tagħhom (Artikolu III-122).

Din il-proposta riveduta ta' Regolament timxi fuq strateġija settorjali li hija konformi mal-linja ġenerali li ħadet il-Kummissjoni fil- White Paper.

2. L-obbligi ta' servizz pubbliku fis-settur tat-trasport

2.1 L- acquis communautaire

Fis-settur tat-trasport, ir-regoli Komunitarji jippermettu lill-Istati Membri li jistabbilixxu OSP, jiġifieri "obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet" [9].

Fit-trasport bl-ajru[10] jew bil-baħar[11], il-leġiżlazzjoni Komunitarja tesiġi li l-kuntratti ta' servizz pubbliku jingħataw kompetittivament.

Fit-trasport fuq l-art, tillimia ruħha għall-impożizzjoni ta' metodi strettigħall-kalkolu tas-somom tal-ħlasijiet ta' kumpens għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 73 tat-Trattat.

Dan l-Artikolu huwa implimentat minn żewġ testi: ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 dwar l-għajnuniet[12] u r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 dwar is-servizzi pubbliċi.

Ir-regolament 1191/69 jistabbilixxi l-qafas ġenerali applikabbli għall-OSP fil-qasam tat-trasport fuq l-art, u jimponi metodi ta' kalkolu għall-ħlasijiet ta' kumpens korrispondenti. Jippermetti lill-Istati Membri li jimponu jew iżommu OSP speċifiċi[13], li huma madankollu obbligati jikkompensaw lill-operaturi għalihom jekk dawn jidħlu fi spejjeż biex jaqduhom[14], u jistabbilixxi metodi dettaljati ta' kif isir il-kalkoli li jiżguraw ħlasijiet xierqa ta' kumpens[15]. Il-ħlasijiet li jingħataw skond dawn il-metodi huma eżenti mill-obbligu tan-notifika tal-Kummissjoni, mingħajr verifika minn qabel dwar kemm jistgħu eventwalment jitqiesu bħala għajnuniet statali. Ir-Regolament imsemmi ma japplikax għall-operaturi li prinċipalment ifornu servizzi lokali jew reġjonali[16].

Fl-1991, ir-Regolament ta' emenda 1893/91 daħħal lill-operaturi urbani, tas-subborgi u reġjonali fl-ambitu tat-test, imma ppermetta lill-Istati Membri li jidderogaw minn din id-dispożizzjoni[17]. Jipprevedi bħala regola ġenerali li post l-impożizzjoni ta' l-OSP jittieħed mill-għoti ta' kuntratti pubbliċi[18], filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti jibqgħu jkunu jistgħu jimponu obbligi rigward is-servizzi urbani, fis-subborgi u reġjonali, kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet favur kategoriji soċjali partikolari[19]. Madankollu, ir-Regolament emendat ta' l-1991 ma jispeċifikax kif għandhom jingħataw il-kuntratti ta' servizz pubbliku, u b'mod partikolai, lanqas jekk għandhomx ikunu s-suġġett ta' kompetizzjoni.

Fil-fatt, sa ftit ilu, l-UE ma kinet tħabbel rasha xejn dwar il-modi li bihom kienu jingħataw kuntratti ta' servizz pubbliku f'dan is-settur, fid-dawl tan-nuqqas ta' kompetizzjoni transnazzjonali. La kien hemm ħtieġa li jiġu eżaminati l-modi li bihom ingħataw dawn it-tużżani ta' eluf ta' kuntratti lokali u lanqas il-ħlasijiet ta' kumpens li ngħataw il-operaturi. Il-qagħda nbidlet minn mindu ċerti operaturi tat-trasport pubbliku rrispondew għal sejħiet għall-offerti fi Stati Membri oħra, u, meta ma ngħatawx il-kuntratti, ressqu l-każ tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali jew quddiem il-Kummissjoni[20]. Xi wħud minn dawn ir-rikorsi waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja[21].

Minflok ma toqgħod tirreaġixxi għal kull waħda minn dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati – tisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi adottata sistema ta' regoli li jkollhom għan essenzjali wieħed: li l-kompetizzjoni tkun regolata, inkluża dik fir-reġjuni u l-ibliet, sabiex tiġi żgurata sew it-trasparenza fl-għoti tal-kuntratti ta' servizz pubbliku kif ukoll il-kundizzjonijiet tat-twettiq tagħhom. It-waqqif ta' sistema ta' regoli bħal din twarrab kwalunkwe suspetti li l-kumpens imħallas mingħajr proċess kompetittiv ta' sejħiet għall-offerti ma jkunx ħlief għajnuna statali.

2.2 Il-ftuħ tas-suq

Mindu l-1969, l-ambjent ekonomiku tas-settur tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq l-art inbidel ħafna. Is-swieq ta' ċerti Stati Membri bdew jinfetħu għall-kompetizzjoni, sew fil-qasam tat-trasport fl-ibiet kif ukoll f'dak tal-ferroviji.

Ir-Renju Unit nieda ta l-impetu għall-moviment fl-1986, meta neħħa d-drittijiet esklussivi li kienu n-norma fis-settur tat-trasport bil-kowċ. Ħlief f'Londra u fl-Irlanda ta' Fuq, kwalunkwe operatur jista' jforni s-servizz ta' l-għażla tiegħu. L-ispejjeż ta' l-operat naqsu drammatikament, imma hekk għamel ukoll l-użu tas-servizzi.

Din l-esperjenza ta' deregolazzjoni ma ġites ripetuta fi ħdan l-Unjoni. L-Istati Membri li fetħu s-suq tagħhom x'aktarx żviluppaw sistema ta' l-hekk imsejjaħ "kompetizzjoni regolata", li fiha awtorità kompetenti tattribwixxi dritt esklussiv għal perjodu determinat wara li tkun saret sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti, li tista' tistabbilixxi l-livell ta' servizz, l-istandards ta' kwalità u/jew it-tariffi.

Din is-sistema taħdem pjuttost tajjeb, u tat riżultati tajbin fl-ibliet (Stokkolma, Ħelsinki, Kopenħagen, Londra, Lille, ...), għas-servizzi ferrovjarji reġjonali (Liżbona, it-Tramuntana ta' l-Olanda, il-Länder Ġermaniżi) u għas-servizzi fuq distanzi twal (kowċis fi Spanja, ferroviji fl-Iżvezja). Ġeneralment, il-kompetizzjoni regulata timxi id f'id ma' żieda fl-użu tas-servizz u tnaqqis fl-ispejjeż[22]. Fl-2003, madwar 25% tas-suq ta' l-UE tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq l-art kien miftuħ għall-kompetizzjoni b'dan il-mod.

Dan il-ftuħ ħab miegħu l-emerġenza fil-fatt ta' suq internazzjonali għall-forniment ta' servizzi ta' trasport pubbliku. Fil-bidu, ċerti gruppi industrijali privati bħal Connex (F), Arriva (UK) u Concordia (N) kienu l-aktar attivi fit-tiftix tal-kuntratti barra l-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom. Għadd ta' dawn l-operaturi llum jagħmlu aktar minn 50% tal-fatturat tagħhom f'pajjiżi oħrajn, lil hinn minn pajjiżhom. Xi gruppi tas-settur pubbliku, bħalma huma DB (D), NS (NL) u RATP (F), wara għamlu bħalhom. L-operaturi nazzjonali ta' dari ħadu l-opportunità ta' dan l-iżvilupp biex jintervjenu jew jipparteċipawfi swieq ġodda fil-pajjiżi tagħhom stess (pereżempju, RATP, l-operatur tat-trasport urban f'Pariġi, Mulhouse u Clermont-Ferrand), jew barra pajjiżhom (bħal NS, l-operatur tal-ferroviji nazzjonali Olandiżi, li rebħu kuntratt għat-trasport ferrovjarju urban f'Liverpool).

3. Il-proposta tal-Kummissjoni ta' l-2000, emendata fl-2002

L-iżvilupp ta' suq dejjem aktar kompetittiv fis-settur tat-trasport pubbliku fuq l-art jirrikjedi li tinħoloq sistema ta' l-OSP li tkun traspraenti u li ma tħallix li l-ħlasijiet jiġu meqjusa bħala għajnuniet statali.

Fis-26 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni pproponiet Regolament imsejjes fuq il-prinċipji tal-kuntrattwalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-awtorità u l-operatur, u tal-kompetizzjoni fil-kuntratti ta' servizz pubbliku, sabiex l-għoti ta' dawn il-kuntratti jkun trasparenti u mhux diskriminatorju. Din il-proposta fil-bidu kienet tipprevedi għadd ta' qagħdiet eċċezzjonali li fihom l-awtorità pubblika setgħet, taħt ċerti kundizzjonijiet, taqtagħha li tagħti kuntratti ta' servizz pubbliku direttament, mingħajr sejħa għall-offerti:

- fil-qasam tal-ferroviji, minħabba raġunijiet ta' sikurezza;

- fil-qasam tal-metrò jew tal-metrò ħafif, għal raġunijiet ta' spiża u ta' sikurezza;

- fil-qasam tas-servizzi integrati, jiġifieri li jinvolvu aktar minn tip ta' trasport wieħed, pereżempju servizzi tal-metrò u tal-kowċ bħal ma huwa l-każ tal-kuntratt ta' STIB fi Brussell jew ta' RATP f'Pariġi, għal raġunijiet ta' spiża u ta' sikurezza;

- li l-valur annwali tagħhom ikun stmat li jaqa' taħt it-€ 800 000.

F'Novembru 2001, il-Parlament Ewropew fl-ewwel qari adotta pożizzjoni li, filwaqt li ferħet bil-proposta, kienet tinkludi aktar minn mitt emenda. Minn fost dawn l-emendi, l-aktar essenzjali huwa l-Emenda 61, li għandha l-efett li tipproteġi lis-servizzi tat-trasport pubbliku ta' distanzi qosra[23] jekk l-awtorità pubblika kompetenti tiddeċiedi li tforni dawn is-servizzi hija stess, b'esklussività. Din il-pożizzjoni kellha l-kundizzjoni li tiġi rrispettata klawżola ta' reċiproċità li l-Kummissjoni aċċettatha fil-verżjoni mibdula tagħha ta' l-2002, billi integrata fil-perjodu ta' tranżizzjoni.

Emendi oħrajn kellhom l-għan, b'mod partikolari, li jibdlu l-lista ta' eċċezzjonijiet (it-tneħħija ta' dik rigward is-servizzi integrati, it-twessigħ tal-bażi f'każijiet oħrajn) jew li jtawlu sew il-perjodu tal-kuntratti (minħabba li kuntratti qosra wisq setgħu jkunu ta' xkiel għall-kontinwità tal-forniment tas-servizz, għall-investiment jew għall-istaff) kif ukoll il-perjodu ta' tranżizzjoni.

Fuq il-bażi ta' din il-pożizzjoni, fi Frar 2002 il-Kummissjoni adottat proposta mibdula li għamlet tagħha parti biss minn dawn l-emendi:

- estensjoni tal-perjodu tal-kuntratti (8 snin għas-servizzi bil-kowċ, 15-il sena għat-trasport ferrovjarju);

- estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni (8 snin);

- tibdil tal-lista ta' eċċezzjonijiet għall-obbligu ta' sejħiet kompetittivi, u partikularment żieda (minn € 800 000 għal € 3 miljun) tal-massimu li taħtu jista' jsir l-għoti dirett, u t-tneħħija ta' l-eċċezzjoni favur is-servizzi integrati. Madankollu, l-mekkaniżmi li ddaħħlu fil-qafas ta' l-emenda 61 ma ġewx proposti mill-ġdid.

Kif diġà ġie indikat, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill malajr urew li ma kienx se jkun possibbli li tinkiseb maġġoranza adegwata, u li ma kienx hemm tassew ir-rieda politika li l-proposta tilħaq l-għanijiet tagħha. B'mod partikolari, fid-dawl tad-diverġenzi kbar bejn l-esperjenzi rispettivi li l-Istati Membri kienu għamlu rigward il-ftuħ, dawn ma damux ma ħarġu fid-dieher fehmiet differenti dwar l-istess estent tal-ftuħ tas-settur tat-trasport fuq l-art. Barra minn hekk, bl-iskuża ta' l-istennija ta' deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża Altmark, il-Kunsill waqaf minn ħidmietu sa minn tmiem il-presidenza Spanjola (l-ewwel semestru ta' l-2002), u ma reġax qabadhom wara dik id-data. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom fehmiet diverġenti ħafna rigward elementi li jinsabu fil-qalba tal-proposta:

- xi Stati li jinsabu f'fażijiet differenti tal-ftuħ sħiħ jew parzjali tas-settur tat-trasport pubbliku fuq l-art kienu favur il-proposta, b'mod ġenerali, xi wħud minnhom kien jiddispjaċihom li kienet baqgħet lura wisq, u li kienet tħalli wisq lok għall-għoti dirett ta' kuntratti ta' servizz pubbliku.

- xi Stati oħra, speċjalment xi wħud minn dawk li kellhom monopolji pubbliċi sinifikanti fis-settur, kienu kontra l-proposta u favur iż-żamma ta' l-istatus quo.

- l-Istati Membri nqasmu wkoll rigward l-ambitu ta' l-applikazzjoni tar-Regolament, u dwar il-mezzi ta' trasport li kellu jkopri (biss is-servizzi bil-kowċ, jew is-servizzi urbani kollha, inklużi t-tram u l-metrò? Kellu jkopri l-ferroviji, jew le?).

4. Id-deċiżjoni Altmark

Wara l-iżviluppi reċenti fil-ġurisprudenza[24], l-attenzjoni kollha dawn l-aħħar snin waqgħet fuq il-kwistjoni jekk il-ħlasijiet għas-servizz pubbliku fis-setturi differenti ta' l-ekonomija jikkostitwixxux jew le għajnuniet statali fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Ma hemm l-ebda dubju li d-deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Altmark Trans GmbH[25] tat kontribut essenzjali f'dan id-dibattitu. Il-Kummissjoni minn naħa tagħha rreaġiet bla dewmien, billi fi Frar 2004 pproponiet sensiela ta' miżuri li jippreċiżaw il-konsegwenzi tad-deċiżjoni. Dan il-"pakkett" leġiżlattiv ġie adottat f'Lulju 2005: japplika għas-setturi kollha ta' l-ekonomija, ħlief għal dak tat-trasport fuq l-art, li għandu bażi legali proprja li fuqha jissejjes dan ir-Regolament.

Il-fatti tal-każ

Il-każ għandu x'jaqsam ma' kunflitt bejn żewġ operaturi żgħar tat-trasport pubbliku fir-reġjun Ġermaniż ta' Stendal. Fl-1994, wieħed minnhom ingħata xi liċenzji biex jopera ċerti linji tal-kowċ, mingħajr ma kienet saret sejħa għall-offerti. L-ieħor ħassu offiż, ikkuntesta din l-għotja u attakka l-ħlasijiet li l-kompetitur tiegħu kien irċieva mill-awtoritajiet pubbliċi.

Billi l-liġi Ġermaniża ma tippermettix l-għotja diretta ta' ċerti tipi ta' ħlasijiet ħlief wara sejħa għall-offerti, it-tribunal nazzjonali kellu jiddeċiedi jekk il-ħlasijiet ikkonċernati jinux jaqgħu f'din il-kategorija. Biex jagħmel hekk, kellu jiddeċiedi jekk l-awtoritajiet pubbliċi setgħux jagħmlu dawn il-ħlasijiet mingħajr ma jqisu r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuniet statali. Għal dan il-għan, fl-2000 ressaq talba għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 73 u 87 tat-Trattat u tar-Regolament 1191/69.

Fid-deċiżjoni li tat f'Lulju 2003, il-Qorti tippreċiża kif id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward l-għajnuniet statali japplikaw għas-servizzi pubbliċi globalment u għat-trasport pubbliku partikolarment. Bil-maqlub ta' dak li kienu jistennew xi wħud, id-deċiżjoni Altmark ma timplika l-ebda tibdil fundamentali għas-settur tat-trasport.

Il-konsegwenzi tad-deċiżjoni fis-settur tat-trasport

Għas-settur tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-art, is-sitwazzjoni legali li toħroġ mill-analiżi tad-deċiżjoni "Altmark" hija kif ġej:

- Id-deċiżjoni tikkonferma li, mill-1995, diversi Stati Membri fetħu s-swieq tat-trasport għall-kompetizzjoni minn intrapriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra. B'riżultat ta' dan, il-ħlasijiet mogħtija lill-operaturi ta-trasport pubbliku – anki dawk lil operaturi żgħar lokali – jistgħu jaffettwaw l-iskambji bejn l-Istati Membri[26], u jekk jikkwalifikawx jew le għall-għotja ta' għajnuna statali għandha, fil-prinċipju, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

- Rigward is-settur partikolari tat-trasport pubbliku fuq l-art, il-Qorti tinnota l-eżistenza ta' ġabra speċifika ta' regoli dwar il-ħlasijiet lill-operaturi kkonċernati: dawk imsemmija fl-Artikolu 73 tat-Trattat u fil-liġijiet sekondarji li jikkorrispondu miegħu, jiġifieri r-Regolamenti 1991/69, 1192/69 u 1107/70[27]. Effettivament, id-deċiżjoni Altmark tikkonferma li l-Artikolu 73 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward ta' l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, għaliex jistabbilixxi regoli applikabbli għall-ħlasijiet ta' kumpens għas-servizz pubbliku fis-settur tat-trasport pubbliku. Minn dan joħroġ li ħlasijiet li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 73, li ġie implimentat b'mod eżawrjenti mir-Regolamenti 1107/70 u 1191/69, ma jikkostitwixxux għajnuniet statali li huma kompatibbli mat-Trattat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 86(2), jew ta' kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat.

- Id-deċiżjoni tikkonferma li l-ħlasijiet għat-trasport pubbliku jaqgħu taħt ir-Regolament 1191/69 dwar is-servizzi pubbliċi. L-Istati Membri li ma japplikawx dawn ir-regoli jonqsu mill-obbligu tagħhom li jiżguraw li l-liġi Komunitarja tiġi applikata kif suppost. Barra minn hekk, il-ħlasijiet li jkunu kontra dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu meqjusa bħala għajnuniet statali u ddikjarati inkompatibbli mat-Trattat.

- Fl-aħħarnett id-deċiżjoni tiddistingwi s-sitwazzjoni ta' l-Istati Membri li implimentaw il-possibbiltà li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament għas-settur tat-trasport lokali. F'dan il-każ, il-ħlasijiet li ma jissodisfawx "l-erba' kundizzjonijiet ta' Altmark" (ara aktar 'l isfel) għandhom jitqiesu bħala għajnuniet statali li jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni[28].

Din il-qagħda legali tqajjem diffikultajiet reali inkwantu, minn naħa waħda, ir-Regolament 1191/69, li huwa applikabbli għall-parti l-kbira tal-ħlasijiet għal servizzi ta' trasport pubbliku, ma għadux jikkorrispondi mar-realtà ekonomika tas-settur, u min-naħa l-oħra, fil-każ ta' deroga mir-regoli għat-trasport lokali, huwa diffiċli ħafna li s-sodisfazzjon ta' "l-erba' kundizzjonijiet ta' l-Altmark" minħabba li l-eżami tar-raba' kriterju huwa partikolarment inadatt għall-karatteristiċi speċifiċi tas-settur.

F'dan is-settur, l-inċertezza legali tista' tingħeleb biss permezz ta' Regolament ġdid li jiddefinixxi qafas trasparenti għall-għoti ta' kuntratti ta' OSP u għall-ħlasijiet għalihom.

Il-konsegwenzi tad-deċiżjoni għas-setturi l-oħrajn

Rigward is-servizzi pubbliċi b'mod ġenerali, minbarra t-trasport fuq l-art, il-Qorti ppreċiżat l-erba' kundizzjonijiet biex ħlas għal OSP ma jkunx jikkostitwixxi vantaġġ finanzjarju, u għalhekk ma jkunx jista' jitqies bħala għajnuna statali:

- l-intrapriża li tibbenefika effettivament tkun inkarigata mill-qadi ta' l-OSP, li jridu jkunu ddefiniti ċar;

- il-metodu tal-ħlas ikun stabbilit minn qabel, bit-trasparenza u l-oġġettività;

- il-ħlas ma jridx jaqbeż l-ispejjeż li jkunu saru fil-qadi ta' l-OSP;

- fin-nuqqas ta' sejħa għall-offerti, il-ħlas irid jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' tqabbil ma' "intrapriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra adegwatament".

Kif diġà ġie indikat, wara li ingħatat din id-deċiżjoni, fi Frar 2004 il-Kummissjoni adottat abbozz ta' deċiżjoni kif ukoll proposta ta' sistemazzjoni għall-applikazzjoni għall-ħlasijiet ta' servizz pubbliku ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat. Madankollu, ġaladarba t-trasport ma jaqax taħt dan l-Artikolu, imma huwa speċifikament trattat mill-Artikolu 73, dawn id-dokumenti ma japplikawx għall-ħlasijiet ta' servizz pubbliku fis-settur tat-trasport fuq l-art27.

5. L-istrateġija l-ġdida proposta mill-Kummissjoni

Fuq il-bażi ta' l-analiżi preċedenti, il-Kummissjoni tiddeċidi li tippreżenta proposta riveduta li tqis sew id-dibattiti dwar il- White Paper tagħha dwar is-SIĠ, id-deċiżjoni Altmark, u proġetti leġiżlattivi oħra li jinsabu għaddejjin, rigward it-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji. Jidhrilha li dan ir-Regolament il-ġdid għandu jiġi adottat mill-aktar fis.

Il-proposta riveduta toħloq qafas għall-modalitajiet ta' l-intervenzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti – l-għoti ta' drittijiet esklussivi u ta' ħlasijiet għall-qadi ta' l-OSP – li jistgħu jinfluwixxu l-iktar fuq il-kompetizzjoni u fuq l-iskambji bejn l-IStati Membri.

F'dak li jirrigward l-qsim ta' responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tipproponi li t-test tagħha jiġi magħmul aktar sempliċi u flessibbli , kif ukoll li ssir kunsiderazzjoni aħjar tal-prinċipju tas- sussidjarjetà .

Il-mira li t-test isir aktar sempliċi jikkonkretizza ruħu fuq kollox fi sforz ta' kjarifika tal-mekkaniżmi proposti, u fi tnaqqis ta' l-għadd ta' l-Artikoli.

B'mod partikolari, is-simplifikazzjoni tolqot il-mekkaniżmi għall-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku. Pereżempju, turi ruħha fit-tneħħija tal-formoli proposti fl-Artikoli 7a jew 8 tal-proposta ta' l-2002, li kienu jippermettu li kuntratti ta' servizz pubbliku jingħataw skond mekkaniżmi kkumplikati ta' tqabbil tal-kwalità, mingħajr sejħa formali għall-offerti. Il-proposta ġdida me tipprevedix aktar minn żewġ modi kbar ta' l-għoti ta' kuntratti: is-sejħiet għall-offerti u l-għoti dirett.

Din l-istess rieda li t-test isir iktar sempliċi mexxiet it-tfassil ta' l-Anness dwar ir-regoli applikabbli għall-ħlasijiet fin-nuqqas ta' sejħa għall-offerti. Dan l-Anness għandu –għan li jistabbilixxi metodi oġġettivi, trasparenti u realistiċi msejsa fuq prinċipji stabbiliti sew tal-liġi Komunitarja (li la jkun hemm ħlas aktar minn dak dovut u lanqas sussidji reċiproċi, is-separazzjoni tal-kontijiet, ir-realtà ta' l-infiq, il-promozzjoni tal-kwalità u ta' l-effikaċja).

L-għan li t-test isir aktar flessibbli juri ruħu b'mod speċjali fir-rikonoxximent tal-possibilità li għandhom l-awtoritajiet kompetenti li jfornu huma stess, jew permezz ta' operatur intern, is-servizzi ta' trasport pubbliku, mingħajr sejħa għall-offerti. Madankollu, din il-possibbiltà tiddependi rigorożament mir-rispett ta' trasparenza akbar u mid-definizzjoni ta' kriterji preċiżi u applikabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħlasijiet għall-OSP. Hija suġġetta wkoll għall-kondizzjoni tal-ġurisdizzjoni ġeografika ta' l-atività ta' l-awtorità kompetenti jew inkella ta' l-operatur intern tagħha (cf. Artikolu 5(5)).

Ir-rikonoxximent ta' din il-possibbiltà ta' l-awtoforniment (tmexxija) ta' servizzi tat-trasport li jista' japplika jkun xi jkun il-mezz ta' trasport ikkonċernat (kowċ, tram, metrò, tren, servizzi integrati...) takkumpanja t-tħaffif tal-lista ta' l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta' sejħiet kompetittivi għall-offerti għall-għoti tal-kuntratti ta' servizz pubbliku (partikolarment it-twarrib ta' l-eċċezzjonijiet għall—għoti dirett ta' kuntratti għas-servizzi tal-metrò jew tal-metrò ħafif). L-eċċezzjoni li tikkonċerna s-servizzi integrati kient diġà tneħħiet fil-proposta emendata ta' l-2002, fuq it-talba tal-Parlament Ewropew. B'hekk, jibqgħu eżenti minn dan l-obbligu biss is-servizzi tal-ferroviji reġjunali u ta' distanzi twal.

Il-mira li t-test isir aktar flessibbli tidher ukoll fl-adattabbiltà li qed tiġi proposta fejn jidħol it-tul tal-kuntratti, fl-Artikoli 4(5) u (6), u fl-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija. Fl-aħħarnett, il-qies aħjar tal-prinċipju tas- sussidjarjetà jikkonkretizza ruħu b'mod partikolari fl-istrateġija igward id-definizzjoni tat-trasport reġjonali jew fuq distanzi twal jew fiż-żamma ta' livelli li taħthom jistgħu jingħataw kuntratti diretti.

Il-Kummissjoni qed tagħti aktar spazju lill-awtoritajiet poubbliċi biex jorganizzaw fid-dettall is-sejħiet kompetittivi għall-offerti. Għaldaqstant, ma tiffissax lista ta' kriterji għall-għażla li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jridu jimxu fuqha fl-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku. Bl-istess mod, il-Kummissjoni baqgħet lura milli tistipula, biss għas-settur tat-trasport pubbliku fuq l-art, regoli speċifiċi dwar dak li jirrigwarda s-sottokuntratti (qabel trattat fl-Artikolu 9(1)) jew ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti (qabel trattat fl-Artikolu 92(2)), li kieku kienu joħolqu riġiditajiet negativi, kif urew id-dibattiti li saru sallum.

Bl-istess mod, fil-proposta l-ġdida tagħha, il-Kummissjoni għażlet li ma tintervjenix fid-definizzjoni tal-livell adegwat tal-kwalità tat-trasport pubbliku jew dak ta' l-informazzjoni lill-passiġġieri, ħaġa li tispjega t-twarrib ta' l-Artikoli 4 u 4b. B'dan il-mod, biħsiebha tirrispetta aħjar id-diversità ta' metodi rigward dawn it-temi, filwaqt li tiddefinixxi qafas koerenti.

Din il-proposta l-ġdida, li tirrifletti r-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-prinċipji ta' ekwità, trasparenza u tal-ftuħ għall-pubbliku, sejra tiżgura ċ-ċertezza legali filwaqt li tħares l-ispeċifiċità tas-SIĠ, li huma fattur essenzjali fil-mudell Ewropew.

PREżENTAZZJONI ARTIKOLU B'ARTIKOLU

Ħarsa globali lejn ir-Regolament propost u spjega tat-tibdiliet li saru fir-rigward tal-proposta emendata tal-21 ta' Frar 2002[29].

Artikolu 1: L-għan u l-ambitu

L-Artikolu 1 jerġa' jagħmel tiegħu l-ambitu tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Jillimita l-għanijiet tar-Regolament għall-ħolqien ta' qafas għall-modalitajiet ta' l-intervenzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti – l-għoti ta' drittijiet esklussivi u ta' ħlasijiet għall-qadi ta' l-OSP – li jistgħu jinfluwixxu l-iktar fuq il-kompetizzjoni u fuq l-iskambji bejn l-IStati Membri. Bi rbit ma' din il-limitazzjoni u r-rieda li jillimita ruħu għad-definizzjoni tal-qafas li hija strettament meħtieġa, tneħħew l-Artikoli l-qodma 4, 4a, 4b, 7a (ħlief il-paragrafu 1), 8, 9 (ħlief il-paragrafu 3), 12 (ħlief il-paragrafu 1), 14 u 18.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kunċetti essenzjali. Dawk ta' operatur u ta kuntratt ta' servizz pubbliku huma definiti b'tali mod li jkopru r-relazzjonijiet legali bejn l-awtoritajiet u l-operaturi. Il-kunċetti ta' operatur intern, ta' awtorità kompetenti fuq il-livell lokali u ta' trasport fuq il-ferroviji reġjonali jew fuq distanzi twal ġew definiti bil-għan li jippermettu l-applikazzjoni tal-possibbiltajiet ta' l-għoti dirett tal-kuntratti li jissemmew fl-Artikolu 5.

Artikolu 3 Kuntratti ta' servizz pubbliku u regoli ġenerali

Dan l-Artikolu jagħmel tiegħu s-sustanza ta' l-Artikolu l-qadim 3 dwar l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta' servizz pubbliku ma' l-operatur magħżul u jissimplifika l-Artikolu l-qadim 10 dwar ir-regoli ġenerali rilevanti, bil-għan li jillimita ruħu għal dak li huwa strettament meħtieġ.

Artikolu 4 Kontenut obbligatorju tal-kuntratti ta' servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali

Dan l-Artikolu jagħmel tiegħu s-sustanza ta' l-Artikoli 6, 6a, 9(3) u 16 dwar il-kontenut u t-tul tal-kuntratti filwaqt li jqis il-ġurisprudenza reċenti (id-deċiżjoni "Altmark") dwar l-obbligu i jiġu definiti l-OSP u l-modlitajiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet għalihom.

Artikolu 5 Għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku

Il-paragrafu 1 jippermetti li jiġi ċċarat l-irbit ma' l- acquis communautaire f'dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi (l-Artikolu l-qadim 2). Il-paragrafu 2 jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali għandhom il-possibilità li huma stess ifornu servizzi ta' trasport pubbliku, jew li jafdawhom f'idejn operatur intern li fuqu jeżerċitaw setgħa komparabbli għal dik li jeżerċitaw fuq is-servizzi tagħhom stess, bil-kundizzjoni partikolari li dan l-operatur jillimita l-attività tiegħu għat-territorju tal-kollettività.

Il-paragrafu 3 jagħmel tiegħu l-prinċipju ta' l-għoti ta' kuntratti permezz ta' sejħiet għall-offerti, kif ukoll l-Artikolu l-qadim 12(1) dwar il-prinċipji applikabbli għall-proċeduri tas-sejħiet kompetittivi għall-offerti. Idaħħal ukoll il-possibbiltà ta' negozjati.

Il-paragrafi 4 (kuntratti ta' valur zgħir[30]), 5 (miżuri ta' urġenza), u 6 (servizzi fuq il-ferroviji reġjonali u fuq distanzi twal) jagħmlu tagħhom xi wħud mill-eċċezzjonijiet għall-obbligu tas-sejħiet kompetittivi għall-offerti tal-paragrafi l-qodma 7(4) u (1), u 7b.

Artikolu 6 Ħlasijiet ta' kumpens għas-servizz pubbliku

Il-paragrafu 1 jerġa jaqbad id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 u ta' l-Anness għal dak li għandi x'jaqsam mal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet fil-każijiet ta' l-għoti dirett ta' kuntratti.

Il-paragrafu 2 jiffissa l-obbligi ta' l-awtoritajiet kompetenti rigward il-Kummissjoni, bil-għan li l-applikazzjoni tajba tar-Regolament tiġi ssorveljata.

Artikolu 7 Pubbiċità

Jiddetermina l-istrumenti (rapport annwali u pubblikazzjoni fil-ĠU ta' l-UE) li jiżguraw livell adegwat ta' trasparenza.

Article 8 Tranżizzjoni

Dan l-Artikolu jagħmel tiegħu s-sustanza ta' l-Artikolu l-qadim 17, filwaqt li jissimplifikaha. Fuq il-mudell tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-tul tal-kuntratti, jiddistingwi t-tul tal-perjodu tranżitorju fis-settur tat-trasport bil-kowċ (8 snin) minn dak fis-settur tat-trasport bil-ferroviji (10 snin).

Jipprevedi mekkaniżmu għall-introduzzjoni gradwali tas-sejħiet għall-offerti u jirregola l-kwistjoni ta' kuntratti li jkunu laħqu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Iżomm il-prinċipju ta' reċiproċità tranżitorja.

Article 9 Kompatibbiltà mat-Trattat

Dan l-Artikolu jagħmel tiegħu s-sustanza ta' l-Artikolu l-qadim 11. Jistipula li biss dawk il-pagamenti għall-OSP li jkunu tħallsu f'konformità huma kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, jeħlishom mill-obbligu ta' l-avviż.

Artikolu 10 Revoka

Dan l-Artikolu jagħmel tiegħu s-sustanza ta' l-Artikolu l-qadim 20, u jipprevedi barra minn hekk ir-revoka totali tar-Regolament 1107/70, li żmienu għadda. L-Artikolu 73 tat-Trattat, li japplika biss għat-trasport fuq l-art, effettivament jipprevedi żewġ possibilitajiet għall-eżenzjoni mir-regoli rigward l-għajnuniet statli: għal dawk l-għajnuniet li jkunu mmirati għall-koordinazzjoni tat-trasport (fuq l-art), u għal dawk il-ħlasijiet għall-qadi ta' l-OSP li jikkostitwixxu għajnuniet statali. Ir-Regolament 1107/70 jimplimenta l-modalitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-eżenzjonijiet minħabba l-koordinazzjoni. Matul is-snin, u fid-dawl ta' l-iżvilupp tas-settur tat-trasport fuq l-art, il-kummissjoni ma reġgħetx irrikorriet għall-eżenzjonijiet elenkati f'dan ir-Regolament, imma minflokhom użat strumenti orizzontali ta' eżenzjoni li jimplimentaw l-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat. Ir-revoka tar-Regolament 1107/70 sejjer jelimina r-restrizzjonijiet (Artikolu 3(1) tar-Regolament) rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 73 tat-Trattat rigward il-koordinazzjoni tat-trasport fuq l-art.

Artikolu 11 Segwitu

Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kummissjoni ssegwi l-implimentazzjoni tar-Regolament u l-iżvilupp tal-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġieri fl-Ewropa.

Anness – Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)

Dan l-Anness jissimplifika dak qadim u jillimita ruħu għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu definiti r-regoli applikabbli fin-nuqqas ta' sejħa kompetittiva għall-offerti.

2000/0212 (COD)

Proposta ta'

REGOLAMENT TAL-KUNSILL U TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji u t-toroq

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 71 u 89 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1) L-Artikolu 16 tat-Trattat tal-KE li jafferma l-post tas-servizzi pubbliċi fost il-valuri komuni ta' l-Unjoni.

(2) L-Artikolu 86(2) tat-Trattat jiddisponi li l-intrapriżi nkarigati mill-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi huma soġġetti għar-regolamenti tat-Trattat, speċjalment għar-regolamenti rigward il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta' dawn ir-regolamenti ma twaqqafhomx milli jaqdu l-missjoni tagħhom.

(3) L-Artikolu 73 tat-Trattat jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward ta' l-Artikolu 86(2). Jistabbilixxi regolamenti li japplikaw għall-ħlasijiet lis-servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport fuq l-art.

(4) L-għanijiet ewlenin tal-politika komuni tat-trasport, hekk kif huma definiti fil- White Paper [31] huma li tingħata garanzija ta' servizzi tat-trasport sikuri, effiċjenti u ta' kwalità bis-saħħa ta' kompetizzjoni rregolata li tiżgura wkoll it-trasparenza u r-riżultati mixtieqa tas-servizzi tat-trasport pubbliku, speċjalment fid-dawl tal-fatturi soċjali, ambjentali u tal-ġestjoni ta' l-artijiet, jew bil-ħsieb li jiġu offruti kondizzjonijiet ta' prezzijiet li jkunu ġew iffissati biex jiffavorixxu ċerti kategoriji ta' passiġġieri, kif ukoll biex jitwarrbu d-disparitajiet bejn intrapriżi tat-trasport mill-Istati membri differenti, disparitajiet li sostanzjalment jiffalsifikaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

(5) Fil-preżent, għadd imdaqqas ta' servizzi tat-trasport fuq l-art li jirrappreżentaw neċessità f'dak li huwa l-interess ġenerali ma joffrux il-possibiltà ta' operat kummerċjali. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jintervjenu biex jiżguraw il-provvista ta' dawn is-servizzi. Il-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżguraw il-provvista tas-servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri jinkludu b'mod speċjali: il-konċessjoni ta' drittijiet esklussivi lill-operaturi, l-għoti ta' kumpens finanzjarju lill-operaturi u d-definizzjoni ta' regolamenti ġenerali f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport pubbliku, li jkunu applikabbli għall-operaturi kollha.

(6) Ħafna mill-Istati Membri għaddew liġijiet li jipprevedu l-konċessjoni ta' drittijiet esklussivi u l-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku għal talanqas parti mis-suq tagħhom tat-trasport pubbliku, imsejsa fuq proċeduri ta' l-għażla trasparenti u ġusti. B'riżultat ta' dan, l-iskambji bejn l-Istati Membri tkattru sew, u bosta operaturi tat-trasport pubbliku llum joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed. Madankollu, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali wassal għall-applikazzjoni ta' proċeduri li mhumiex kompatibbli, u ħoloq inċertezza legali rigward id-drittijiet ta' l-operaturi u l-obbligi ta' l-aworitajiet kompetenti. Fil-fatt, ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 ma jittrattax il-mod li bih għandhom jingħataw il-kuntratti ta' servizz pubbliku fl-Ewropa, u partikolarment iċ-ċirkostanzi li fihom għandhom ikunu s-suġġett ta' sejħa kompetittiva għall-offerti. Għaldaqstant, il-qafas legali Komunitarji għandu jiġi aġġornat.

(7) Bil-għan li tkun tista' torganizza t-trasport pubbliku tagħha bl-iktar mod adatt għall-ħtiġijiet ta' l-abitanti, kwalunkwe awtorità kompetenti għandha tkun ħielsa li tagħżel l-operatur tat-trasport pubbliku tagħha, skond il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali ta' l-operaturi li jkunu qed jikkompetu kontra xulxin u tal-proporzjonalità meta jingħata kumpens jew inkella jiġu konċessi drittijiet esklussivi, huwa indispensabbli li, f'kuntratt bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul, jiġu definiti x-xorta ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku kif ukoll il-kumpens miftiehem. Il-forma jew l-isem ta' dan il-kuntratt jistgħu jvarjaw skond is-sistemi legali ta' l-Istati Membri.

(8) Bil-maqlub ta' dak li kien jipprevedi r-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li kien jinkludi s-servizzi tat-trasport pubbliku fuq l-ilmijiet interni navigabbli fl-ambitu ta' applikazzjoni tiegħu, ma jidhirx li jkun f'loku li dan ir-Regolament il-ġdid jittratta l-kwistjoni ta' l-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku f'dan is-settur speċifiku. L-organizzazzjoni ta' servizzi tat-trasport pubbliku fuq l-ilmijiet interni navigabbli għaldaqstant hija soġġetta għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat.

(9) F'għajnejn il-liġi Komunitarja, huwa għal kollox indifferenti jekk dawn is-servizzi ta' trasport jingħatawx minn intrapriżi pubbliċi jew privati. Dan ir-Regolament jissejjes fuq il-prinċipju tan-newtralità f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistema ta' proprjetà msemmija fl-Artikolu 295 tat-Trattat, fuq dak tal-libertà ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu s-servizzi ta' interess ġenerali, msemmi fl-Artikolu 16 tat-Trattat, u fuq dawk tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(10) Ċerti servizzi, fil-qofol tagħhom, jiġu operati għall-interess storiku tagħhom jew għall-funzjoni turistika li jaqdu. Ġaladarba huwa ċar li dawn l-operazzjonijiet jaqdu għan li huwa differenti minn dak tal-provvista ta' trasport pubbliku lill-passiġġieri, ma għandhomx jintlaqtu mir-regolamenti u l-proċeduri li huma applikabbli għall-eżiġenzi tas-servizz pubbliku.

(11) L-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli għall-organizzazzjoni tax-xibka tat-trasport pubbliku. Din l-organizzazzjoni, minbarra li tinkludi t-twettiq effiċjenti ta' servizz ta' trasport, tinkludi sensiela sħiħa ta' attivitajiet u funzjonijiet oħra li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu liberi li jagħmlu u jaqdu huma stess, jew li jassenjaw lil operatur ieħor, għal kollox jew parzjalment.

(12) Kuntratti fit-tul jistgħu jwasslu għall-għeluq tas-suq bla ħtieġa għal żmien twil, u jnaqqsu l-effetti benefiċi li jinkisbu mill-pressjoni tal-kompetizzjoni. Filwaqt li tiġi miżmuma l-kwalità tas-servizzi, sabiex il-kompetizzjoni tibqa' kemm jista' jkun bla mittiefsa, il-kuntratti tas-servizz pubbliku fil-prinċipju għandhom jingħataw għal perjodu limitat. Madankollu, jeħtieġ li jinħaseb għall-possibiltà ta' kuntratti aktar fit-tul f'dawk il-każijiet li fihom l-operatur ikollu jinvesti f'assi li d-deprezzament tagħhom jinfirex fuq żmien eċċezzjonalment twil.

(13) Meta l-konklużjoni ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jista' jkollha l-konsegwenza li l-operatur jinbidel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu fil-qagħda li jesiġu li l-operaturi japplikaw id-dispożizzjonjiet tad-Direttiva 2001/23/KE, tat-12 ta' Marzu 2001, dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward il-manteniment tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' bidliet ta' intrapriżi, stabbilimenti jew ta' gruppi ta' intrapriżi jew stabbilimenti[32].

(14) Sew l-istudji li saru, kif ukoll l-esperjenza miksuba mill-Istati li sa minn snin ilu daħħlu l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport pubbliku, juru li, fil-preżenza ta' klawżoli ta' ħarsien adegwati, l-introduzzjoni ta' kompetizzjoni regolata bejn l-operaturi Komunitarji tippermetti li s-servizzi jsiru aktar attraenti, innovattivi u rħas, mingħajr ma l-operaturi jixxekklu fit-twettiq tal-ħidmiet li jkunu ingħatawlhom. Din l-istrateġija għandha l-appoġġ tal-Kunsill Ewropew fi ħdan l-hekk imsejjaħ Proċess ta' Liżbona tat-28 ta' Marzu 2000, li stieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex "iħaffu l-liberalizzazzjoni f'oqsma bħalma huma [...] t-trasport".

(15) Kwalunkwe kollettività lokali tista' tagħżel li tforni hija stess servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fit-territorju tagħha, jew li mingħajr sejħa kompetittiva għall-oferti tafdahom f'idejn operatur intern. Madankollu, sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni, din is-setgħa ta' awtoforniment għandha tiġi regolata strettament.

(16) Meta min-naħa l-oħra awtorità pubblika tagħżel li tqabbad lil parti terza biex taqdi ħidma ta' servizz ta' interess ġenerali, hija għanha tagħżel l-operatur fl-osservanza tal-liġi Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet, hekk kif toħroġ mill-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat tal-KE, kif ukoll tal-prinċipji tat-trasparenza u l-ugwaljanza tat-trattament. B'mod partikolari, id-dispożizzjonjiet ta' dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi applikabbli għall-awtoritajiet pubbliċi skond id-Direttivi dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, meta l-kuntratti ta' servizz pubbliku jaqgħu taħt l-ambitu tagħhom.

(17) Ċerti sejħiet għall-offerti jobbligaw lill-awtoritajiet kompetenti li jiddefinixxu u jiddeskrivu sistemi kumplessi. Meta jagħtu kuntratt ta' dan it-tip, l-awtoritajiet kompetenti għalhekk għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw id-dettalji ma' waħda mill-partijiet jew inkella mat-totalità ta' l-operaturi potenzjali, wara l-preżentazzjoni ta' l-offerti.

(18) Ma għandux ikun obbligatorju li ssir sejħa għall-offerti bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta' servizz pubbliku meta dan il-kuntratt ikun jinvolvi somom żgħar jew inkella jkopri servizzi fuq distanzi qosra.

(19) Fejn ikun hemm ir-riskju ta' l-interruzzjoni tal-forniment tas-servizzi, l-awtoritajiet għandu jkollhom is-setgħa li jistabbilixxu miżuri ta' urġenza għal żmien qasir, sakemm jingħata kuntratt ġdid ta' servizz pubbliku.

(20) It-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji jqajjem kwistjonijiet partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-daqs ta' l-investimenti u l-ispiża infrastrutturali. F'Marzu 2004, il-Kummissjoni ressqet proposta ta' emenda tad-Direttiva 91/440, biex tiżgura lil kull intrapriża ferrovjarja tal-Komunità aċċess għall-infrastruttura ta' kull Stat Membru għal-finijiet ta' l-operat ta' servizzi internazzjonali tal-passiġġieri.

(21) Minħabba li jittratta s-servizzi pubbliċi, dan ir-Regolament jippermetti lil kull awtorità kompetenti, fil-qafas ta' kuntratt ta' servizz pubbliku, li tagħżel l-operatur tagħha tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri. Għal dawn ir-raġunijiet, u fid-dawl tad-diversità ta' l-organizzazzjoni territorjali ta' l-Istati Membri differenti, huwa ġustifikat li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jagħtu direttament l-il-kuntratti ta' servizz pubbliku tat-trasport reġjonali u fuq distanzi twal fuq il-ferroviji. Il-Kummissjoni sejra tkompli ssegwi b'attenzjoni l-iżvilupp tal-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, u b'mod partikolari ta' l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Ewropa; sejra tagħmel rapport dwar dan is-suġġett sentejn wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sejra tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mhux aktar tard minn sentejn wara l-applikazzjoni sħiħa tiegħu.

(22) Il-ħlasijiet mogħtija mill-Istati Membri fl-ebda każ ma jistgħu jaqbżu s-somom meħtieġa biex ikopru n-nefqiet ikkawżati mit-twettiq ta' kull obbligu ta' servizz pubbliku. Meta awtorità kompetenti tkun biħsiebha tagħti kuntratt mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha tosserva r-regolamenti dettaljati li jiżguraw l-adegwatezza tas-somma mħallsa u li jirriflettu l-isforz biex jingħata servizz effiċjenti u ta' kwalità.

(23) Bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta' servizz pubbiku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ta' pubbliċità u jgħarrfu b'din l-intenzjoni talanqas sena minn qabel, sabiex l-operaturi interessati jkunu jistgħu jirreaġixxu.

(24) Ġaladarba sew l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-operaturi sejrin jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw irwieħhom għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġu previsti sistemi tranżitorji li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-mezzi differenti tat-trasport.

(25) Waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni, huwa probabbli li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament issir fi żminijiet differenti mill-awtoritajiet kompetenti. Jista' jagħti l-każ, allura, li waqt dan il-perjodu, xi operaturi li jkunu ġejjin minn swieq li jkunu għadhom ma kkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jissottomettu offerti għal kuntratti fi swieq li jkunu nfetħu aktar malajr għall-kompetizzoni rregolata. Biex, permezz ta' azzjoni proporzjonali, ma jitħalla jseħħ kwalunkwe diżekwilibriju fil-ftuħ tas-suq tat-trasport pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom il-fakoltà li jirrifjutaw l-offerti sottomessi minn intrapriżi li jkollhom il-parti l-kbira ta' l-operat tagħhom fi swieq li jkunu għadhom ma nfetħux, minkejja li dan il-ftuħ ikun previst, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm diskriminazzjoni u li dan ikun ġie deċiż qabel ma tkun saret is-sejħa għall-offerti.

(26) Fid-deċiżjoni tagħha Altmark Trans GmbH, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej indikat li l-ħlasijiet tas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxux vantaġġi fis-sens ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, bir-riżerva li tliet kriterji kumulatttivi jkunu sodisfatti (deċiżjoni ta' l-24 ta' Lulju 2003, każ C-280/00, paragrafi 87 sa 95, ĠSQ I-7747). Meta dawn il-kriterji ma jkunux ġew sodisfatti, filwaqt li jkunu ġew sodisfatti l-kriterji ġenerali ta' applikabilità ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, il-ħlasijiet għas-servizz pubbliku jikkostitwixxu għajnuniet statali li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat.

(27) Jista' jirriżulta li xi ħlasijiet għal servizz pubbliku jkunu meħtieġa fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-art sabiex l-intrapriżi nkarigati bis-servizzi pubbliċi jaħdmu fuq il-bażi ta' prinċipji u f'kundizzjonjiet li jħalluhom jaqdu l-missjoni taqgħhom. Sakemm dawn il-ħlasijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala għajnuniet statali, jistgħu jkunu kompatibbli mat-Trattat, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat, taħt ċerti kundizzjonijiet. Minn naħa waħda, iridu jkunu ngħataw biex tiġi żgurata l-provvista ta' servizzi li tassew ikunu servizzi fl-interess ġenerali fis-sens tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet mhux ġustifikabbli tal-kompetizzjoni, ma jistgħux jaqbżu dak li jkun meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż netti kkawżati mit-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, meta jitqies id-dħul minn dan is-servizz kif ukoll qligħ raġunevoli.

(28) Il-ħlasijiet magħmula mill-Istati Membri f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jistgħu għalhekk jiġu eżentati mill-obbligu ta' notifika bil-quddiem previst mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(29) Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta' Ġunju 1969, rigward l-azzjoni ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, fit-toroq u fuq l-ilmijiet interni navigabbli[33]; għaldaqstant, hemm lok li r-Regolament imsemmi jiġi rrevokat.

(30) L-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70, ta' l-4 ta' Ġunju 1970, rigward l-għajnuniet mogħtija fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, fit-toroq u fuq l-ilmijiet interni navigabbli[34], huwa kopert minn dan ir-Regolament preżenti. Ġaladarba r-Regolament (KEE) Nru 1107/70 illum għadda żmienu, jeħtieġ li jiġi rrevokat sabiex ikun jista' jiġi applikat b'mod adatt għall-iżvilupp kostanti tas-settur l-Artikolu 73 tat-Trattat, mingħajr ħsara għal dan ir-Regolament u għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 rigward ir-regolamenti komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' l-intrapriżi ferrovjarji[35].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u Ambitu

1. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiddefinixxi il-mod kif, fl-osservanza tar-regolamenti tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jintervjenu fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri biex jiżguraw il-provvista ta' servizzi ta' interess ġenerali li, b'mod sinifikanti, jkunu aktar numerużi, aktar sikuri, ta' kwalità ogħla jew ta' prezz orħos minn dawk li jkunu jippermettu s-sempliċi relazzjonijiet tas-suq.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajet kompetenti jikkumpensaw lill-operaturi tat-trasport għall-ispejjeż li jkunu għamlu biex jaqdu l-obbligi ta' servizz pubbliku, u jikkonċedu drittijiet esklussivi għall-operat ta' servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri.

2. Dan ir-Regolament japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali ta' servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija u b'mezzi ferrovjarji oħrajn u fit-toroq, ħlief għas-servizzi li, fil-qofol tagħhom, jiġu operati għall-interess storiku tagħhom jew għall-funzjoni turistika tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom it-tifsiriet li ġejjin:

( a ) "trasport pubbliku tal-passiġġieri": dawk is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali tat-trasport li huma organizzati minn awtorità kompetenti u offruti lill-pubbliku mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi kontinwa;

(b) "awtorità kompetenti": kwalunkwe awtorità pubblika, jew grupp ta' awtoritajiet pubbliċi, ta' Stat Membru, li għandha/hom il-kompetenza li jorganizzaw it-trasport pubbliku tal-passiġġieri u li jagħtu kuntratti ta' servizz pubbliku f'żona ġeografika partikolari, jew inkella kwalunkwe organizzazzjoni inkarigata minn din il-funzjoni;

(c) "awtorità kompetenti fuq il-livell lokali": kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika li taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tagħha mhijiex dik nazzjonali;

(d) "operatur ta' servizz pubbliku": kwalunkwe intrapriża, pubblika jew privata, jew grupp ta' intrapriżi, li topera/joperaw servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri, jew kwalunkwe organizzazzjoni pubblika li tipprovdi servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri;

( e) "obbligu ta' servizz pubbliku": esiġenza definita jew iffissata minn awtorità kompetenti, bil-għan li jiġu żgurati servizzi ta' interess ġenerali tat-trasport tal-passiġġieri li operatur, li kieku kellu jqis l-interess kummerċjali tiegħu, mingħajr kumpens ma kienx jidħol għalihom, jew inkella ma kienx jidħol għalihom fl-istess miżura jew taħt l-istess kundizzjonijiet;

(f) "dritt esklussiv": dritt li jirriserva għal operatur wieħed, bl-esklużjoni ta' operaturi potenzjali oħrajn, il-possibilità ta' l-operat tas-servizzi ta' tratsport pubbliku tal-passiġġieri f'rotta, xibka ta' rotot jew żona partikolari;

(g) "ħlas ta' servizz pubbliku": kwalunkwe benefiċċju, b'mod partikolari finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mir-riżorsi pubbliċi waqt il-perjodu tat-twettiq ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku jew inkella relatat ma' dan il-perjodu;

(h) "għoti dirett": għoti ta' kuntratt lil operatur partikolari mingħajr ma tkun saret minn qabel proċedura ta' sejħa kompetittiva għall-offerti;

( i ) "kuntratt ta' servizz pubbliku": att legali, jew aktar minn att legali wieħed, li jorbot/jorbtu fil-liġi, u li fih/om jintwera l-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur bil-ħsieb li lil ta' l-aħħar jingħatawlu l-ġestjoni u l-operat tas-servizzi li jaqgħu taħt obbligu ta' servizz pubbliku; bl-istess mod, skond il-liġijiet ta' l-Istati Membri, il-kuntratt jista' jikkonsisti f'deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti:

- tieħu s-sura ta' att leġiżlattiv jew regolamentarju waħdieni, jew

- fiha l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti tista' hija stess tipprovdi s-servizzi jew inkella tassenja l-provvista ta' dawn is-servizzi lil operatur intern;

(j) "operatur intern": entità legali distinta li fuqha l-awtorità kompetenti teżerċita kontroll sħiħ u analogu għal dak li teżerċita fuq is-servizzi proprji tagħha. Sabiex jiġi deċiż jekk dan il-kontroll ikunx jeżisti jew le, iridu jitqiesu fatturi bħalma huma l-livell ta' preżenza fi ħdan l-organizzazzjonijiet ta' amministrazzjoni, direzzjoni jew sorveljanza, l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' dan fl-istatuti ta' assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza u l-kontroll effettiv fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi u fuq id-deċiżjonijiet individwali ta' tmexxija.

( k) "valur": il-valur ta' servizz, rotta, kuntratt jew sistema ta' kumpens għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni totali li tkun dovuta lill-operaturi, mingħajr it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, inkluż kull tip ta' kumpens imħallas mill-awtoritajiet pubbliċi u d-dħul mill-bejgħ tal-biljetti tat-trasport li ma jintraddx lill-awtorità kompetenti kkonċernata;

(l) "regolament ġenerali": miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha ta' trasport ta' l-istess tip f'żona ġeografika partikolari li taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità kompetenti.

(m) "trasport reġjonali jew fuq distanzi twal": kwalunkwe servizz ta' trasport li ma jaqdix il-ħtiġijiet tat-trasport f'ċentru urban jew ta' konurbazzjoni; u lanqas is-servizzi bejn konurbazzjoni u s-subborgi tagħha.

Artikolu 3

Kuntratti ta' servizz pubbliku u regolamenti ġenerali

1. Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lil operatur magħżul minnha dritt esklussiv jew kumpens ta' kwalunkwe tip bi tpattija għall-qadi ta' obbligi ta' serviz pubbliku, dan għandha tagħmlu fi ħdan kuntratt ta' servizz pubbliku.

2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta' servizz pubbliku li jaħsbu biex jiffissaw il-prezzijiet massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta' passiġġieri jistgħu jew jiġu inklużi f'kuntratt ta' servizz pubbliku, jew inkella jkunu s-suġġett ta' regolamenti ġenerali. L-awtorità kompetenti, fuq il-prinċipji msemmija fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, jikkumpensaw lill-operaturi ta' l-ispejjeż netti li joħorġu mill-qadi ta' l-obbligi tarrifarji li jkunu ġew stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali.

Artikolu 4

Il-kontenut obbligatorju tal-kuntratti ta' servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali

1. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku u r-regoli ġenerali jridu jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta' servizz pubbliku li l-operatur irid jaqdi, kif ukoll it-territorji kkonċernati.

2. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku u r-regolamenti ġenerali jridu jistabbilixxu minn qabel, b'mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li fuqhom jinġi kkalkolat kwalunkwe kumpens. Dawn il-parametri jiġu ffissati b'tali mod li l-ebda kumpens qatt ma jkun jista' jaqbeż is-somma meħtieġa biex tkopri l-ispejjeż netti kkaġunati mill-qadi ta' kull obbligu ta' servizz pubbliku, filwaqt li jitqiesu sew id-dħul irrelatat miżmum mill-operatur kif ukoll qligħ raġunevoli.

3. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku u r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-mod li bih isir il-qsim ta' l-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jinkludu b'mod partikolari dawk relatati ma' l-istaff, ma' l-enerġija, mal-manutenzjoni u t-tiswija ta' vetturi, u fejn dan ikun f'loku, l-ispejjeż fissi u remunerazzjoni xierqa fuq il-kapital proprju.

4. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku u r-regolamenti ġenerali jiddefinixxu l-mod li bih jiġi allokat id-dħul mill-bejgħ tal-biljetti tat-trasport, li jistgħu jinżammu mill-operatur, jintraddu lill-awtorità kompetenti, jew inkella jinqasmu bejniethom it-tnejn.

5. Il-kuntratti jkunu għal perjodu limitat, li ma jaqbiżx tmien snin fil-każ ta' servizzi tal-karozzi tal-linja u ħmistax-il sena għas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku li jinvolu aktar minn mezz wieħed tat-trasport ikunu llimitati għal perjodu ta' ħmistax-il sena jekk it-trasport bil-ferrovija jkun jirrappreżenta aktar minn 50% tal-valur tas-servizz ikkonċernat.

6. Jekk ikun hemm il-ħtieġa, meta jitqiesu l-kundizzjonijiet tad-deprezzament ta' l-assi, il-perjodu ta' kuntratt jista' jiġi mtawwal b'massimu ta' nofs il-perjodu oriġinali, jekk l-operatur jipprovdi assi li jkunu ta' entità sinifikanti fir-rigward ta' l-assi kollha meħtieġa għat-twettiq tas-servizzi ta' trasport li jkunu s-suġġett tal-kuntratt ta' servizz pubbliku kif ukoll marbutin esklussivament mas-servizzi ta' trasport li jkunu s-suġġett ta' dan il-kuntratt.

7. Fil-qafas tal-kuntratt, l-awtorità kompetenti tista' titlob lill-operatur magħżul li, lill-membri ta' l-istaff li jkunu ġew impjegat minn qabel biex jipprovdu s-servizzi joffrilhom dawk il-drittijiet li kienu jgawdu li kieku kien sar trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE. L-awtorità għandha telenka l-membri kollha ta' l-istaff u tippreċiża d-drittijiet kuntrattwali tagħhom.

Artikolu 5

L-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku

1. Il-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi li japplikaw għall-awtoritajiet kompetenti u li joħorġu mid-Direttivi 92/50[36], 93/36[37], 93/37[38] u 93/38[39] kif emendati, kif ukoll mid-Direttivi 2004/17[40] u 2004/18[41] dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

2. Kwalunkwe awtorità kompetenti fuq il-livell lokali tista' tiddeċiedi li jew tforni hija stess is-servizzi ta' trasport pubbliku jew li tagħti kuntratti ta' servizz pubbliku direttament lil operatur intern, bil-kundizzjoni li l-operatur intern, jew kwalunkwe entità li fuqha dan ikollu imqar l-iżken influwenza, jeżerċitaw l-intier ta' l-attivitajiet tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri ġewwa t-territorju ta' l-awtorità kompetenti u ma jipparteċipawx f'sejħiet kompetittivi għall-offerti li jiġu organizzati lil hinn mit-territorju ta' l-awtorità kompetenti.

3. Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal terzi persuni għandha tagħti l-kuntratti ta' servizz pubbliku permezz ta' sejħa għall-offerti, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa għall-offerti hija miftuħa għal kwalunkwe operatur, ekwa, u tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni. Wara li jseħħu l-preżentazzjoni ta' l-offerti u pre-selezzjoni possibbli, il-proċedura tista' tagħti lok għal negozjati fir-rispett ta' dawn il-prinċipji, sabiex jiġu ppreċiżati l-fatturi li jippermettu li tingħata l-aħjar risposta għall-ispeċifiċità jew għall-kumplessità tal-ħtiġijiet.

4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti ta' servizz pubbliku li l-valur annwali medju tagħhom ikun stmat li jlaħħaq għal anqas minn € 1 miljun jew li jkollhom bħala oġġett il-provvista ta' servizzi ta' trasport ta' anqas minn 300 000 kilometru kull sena.

5. Fil-każ ta' waqfien fis-servizz jew inkella li jinqala' r-riskju imminenti li dan iseħħ, l-awtorità kompetenti tista' tieħu miżura ta' urġenza. Din il-miżura ta' urġenza tieħu s-sura ta' l-għoti dirett ta' kuntratt ta' servizz pubbliku, jew inkella ta' ftehim formali ta' estensjoni ta' kuntratt ta' servizz pubbliku. Il-perjodu tal-kuntratt mogħti jew estiż bħala miżura ta' urġenza ma jaqbiżx it-tul ta' żmien li l-awtorità kompetenti tkun teħtieġ biex torganizza proċedura ġdida ta' għoti ta' kuntratt f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u fl-ebda każ ma jkun itwal minn sena.

6. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti ta' servizz pubbliku ta' trasport reġjonali jew fuq distanzi twal fis-settur ferrovjarju.

Artikolu 6

Kumpens għas-servizz pubbliku

1. Kwalunkwe kumpens marbut ma' regola ġenerali jew ma' kuntratt ta' servizz pubbliku jrid jikkonforma mad-dispożizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 4, ikunu xi jkunu l-modi li bih jingħata l-kuntratt. Kwalunkwe kumpens, ikun ta' liema tip ikun, b'rabta ma' kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2),(4),(5) jew (6), jew inkella b'rabta ma' regola ġenerali, barra minn hekk irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness.

2. Fuq talba miktuba mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri jikkomunikawlha fi żmien għoxrin ġurnata tax-xogħol, jew inkella fi kwalunkwe żmien itwal stipulat fl-istess talba, it-tagħrif kollu li l-Kummissjoni jidhrilha li jkun meħtieġ biex jiġi deċiż jekk il-kumpens mogħti jkunx kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Pubbliċità

1. Kull awtorità kompetenti għandha darba fis-sena tippubblika rapport dettaljat li juri l-obbligi ta' servizz pubbliku li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, l-operaturi magħżula minnhom, kif ukoll il-kumpensi u d-drittijiet esklussivi li jingħataw lill-operaturi bi tpattija. Dan ir-rapport jippermetti l-kontroll u l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba u tal-kwalità tax-xibka tat-trasport pubbliku mil-lat ta' l-aħjar użu tal-fondi pubbliċi.

2. Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sa mhux aktar tard minn sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, talanqas dan it-tagħrif li ġej:

a) L-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti;

b) It-tip ta' kuntratt magħżul;

c) Is-servizzi u ż-żoni li jaqgħu taħt il-kuntratt.

Artikolu 8

Tranżizzjoni

1. Il-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi li japplikaw għall-awtoritajiet kompetenti u li joħorġu mid-Direttivi 92/50[42], 93/36[43], 93/37[44] u 93/38[45] kif emendati, kif ukoll mid-Direttivi 2004/17[46] u 2004/18[47] dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

2. Kull awtorità kompetenti tieħu ħsieb:

a) li talanqas nofs, mill-aspett tal-valur, tal-kuntratti tagħha ta' servizz pubbliku ta' trasport bil-kowċ jingħataw f'konformità ma' dan ir-Regolament fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu; u

b) li l-kuntratti kollha tagħha ta' servizz pubbliku ta' trasport bil-kowċ jingħataw f'konformità ma' dan ir-Regolament fi żmien tmien snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

3. Kull awtorità kompetenti tieħu ħsieb:

a) li talanqas nofs, mill-aspett tal-valur, tal-kuntratti tagħha ta' servizz pubbliku ta' trasport bil-ferrovija jingħataw f'konformità ma' dan ir-Regolament fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu; u

b) li l-kuntratti kollha tagħha ta' servizz pubbliku ta' trasport bil-ferrovija jingħataw f'konformità ma' dan ir-Regolament fi żmien għaxar snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

4. Għal-kuntratti ta' servizz pubbliku li jinvolvu aktar minn mezz wieħed ta' trasport, il-perjodi ta' tranżizzjoni previsti fil-paragrafu 3 japplikaw jekk it-trasport bil-ferrovija jkun jirrappreżenta aktar minn 50% tal-valur tas-servizzi kkonċernati.

5. Għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 4, ma jiġux meqjusa l-kuntratti ta' servizz pubbliku li jkunu ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament bi proċedura ekwa ta' sejħa kompetittiva għall-offerti, minkejja li jista' jkollhom tul limitat u komparabbli ma' dawk previsti fl-Artikolu 4(5)ta' dan ir-Regolament. Dawn il-kuntratti jistgħu jitkomplew għall-perjodu sħiħ li jkunu nħasbu għalih.

6. Matul it-tieni nofs tal-perjodi ta' tranżizzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti permezz ta' sejħiet kompettivi għall-offerti lil dawk l-operaturi li ma jkunux jistgħu jagħtu prova li l-valur tas-servizzi tat-trasport pubbliku li għalih jirċievu kumpens jew dritt esklussiv mogħti lilhom f'konformità ma' dan ir-Regolament ikun jirrappreżenta talanqas nofs il-valur ta' l-intier tas-servizzi tat-trasport pubbliku li għalihom jbbenefikaw minn kumpens jew minn dritt esklussiv. Għall-applikazzjoni ta' dan il-kriterju, ma jiġux meqjusa l-kuntratti li jkunu ngħataw bħala miżura ta' urġenza kif jissemma fl-Artikolu 5(5).

Meta l-awtoritajiet kompetenti japplikaw din il-fakoltà, dan għandhom jagħmluh mingħajr diskriminazzjoni. Għandhom jeskludu lill-operaturi potenzjali kollha milquta minn dan il-kriterju, u jgħarrfu bid-deċiżjoni tagħhom lill-operaturi potenzjali fil-bidu tal-proċedura ta' l-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku.Sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw din id-dispożizzjoni.

Artikolu 9

Kompatibilità mat-Trattat

Safejn ikunu jikkostitwixxu għajnuniet Statali skond l-Artikolu 87(1), huma biss dawk il-ħlasijiet magħmula f'konformità ma' dan ir-Regolament li huma kompatibbli mas-suq komuni. Dawn il-ħlasijiet huma ħielsa mill-obbligu ta' notifika minn qabel imsemmi fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

Artikolu 10

Revoka

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 huwa rrevokat.

2. Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 huwa rrevokat.

Artikolu 11

Segwitu

1. Il- Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-iżvilupp tal-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fl-Ewropa sentejn wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mhux aktar tard minn sentejn wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3).

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-XXX jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jobbliga fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-

Għall-Parlament Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

Regolamenti applikabbli għall-kumpens finanzjarju fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)

1. Il-kumpens finanzjarju marbut ma' kuntratti mogħtija direttament f'konformità ma' l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6), jew inkella marbut ma' regolament ġenerali, irid jiġi kkalkolat skond ir-regoli msemmija f'dan l-Anness.

2. Il-kumpens ma jistax jaqbeż is-somma li tkun tikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett li jkun ekwivalenti għat-total ta' l-effetti – pożittivi jew negattivi – tal-qadi ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku fuq l-infiq u d-dħul ta' l-operatur. L-effetti jiġu kkalkolati billi jsir tqabbil bejn is-sitwazzjoni li fiha huwa moqdi l-obbligu ta' servizz pubbliku u dik li kient teżisti li kieku l-obbligu ma kienx moqdi u li kieku s-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligu kellhom jingħataw skond il-kundizzjonijiet tas-suq.

3. Il-kalkolu ta' l-effett finanzjarju jqis l-effett li l-qadi ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku għandu fuq it-talba għas-servizzi tat-trasport fuq il-xibka ta' trasport kollha kkonċernata.

4. Il-kalkolu ta' l-infiq u tad-dħul irid isir f'konformità ma' dawk il-prinċipji rilevanti li jkunu fis-seħħ.

5. Sabiex titkabbar it-trasparenza u jiġi evitat il-kumulu ta' sussidji, meta operatur fl-istess waqt iħaddem servizzi li fuqhom ikun hemm obbligi ta' servizz ta' trasport pubbliku kif ukoll imexxi attivitajiet oħrajn, il-kontijiet tas-servizzi pubbliċi msemmija jridu jinqasmu f'sezzjonijiet partikolari li talanqas jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

- il-kontijiet li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet ta' l-operat iridu jkunu separati, u dik il-parti ta' l-assi li tikkorrispondi ma' l-ispejjeż fissi tiġi allokata skond ir-regoli rilevanti tal-kontabilità li jkunu fis-seħħ;

- l-ispejjeż marbutin ma' attivitajiet oħra possibbli ta' l-operatur jkopru l-ispejjeż varjabbli, kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi, u profitt raġunevoli. Dawn l-ispejjeż ma jistgħu fl-ebda każ jingħaddu taħt is-servizz pubbliku kkonċernat;

- l-ispejjeż tas-servizz pubbliku huma bbilanċjati mid-dħul mill-operat u l-ħlasijiet mingħand l-awtoritàjiet pubbliċi, mingħajr il-possibiltà tat-trasferiment tad-dħul għal settur ieħor ta' attività ta' l-operatur.

6. Qligħ raġunevoli jfisser rata normali ta' dħul mill-kapitali f'dak is-settur, li fiha jrid jitqies ir-riskju, jew in-nuqqas ta' riskju, li għalih ikun daħal l-operatur permezz ta' l-intervent ta' l-awtorità pubblika.

7. Il-metodu ta' kumpens finanzjarju jinċentiva ż-żamma jew l-iżvilupp ta'

- ġestjoni effikaċi min-naħa ta' l-operatur, li tista' tiġi evalwata oġġettivament, u

- il-provvista ta' servizzi ta' trasport ta' kwalità adegwata.

[1] Id-Deċiżjoni 65/271 tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferroviji, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett tas-servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 156 tat-28 .6.1969, p. 1), kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169 tad-29.6.1991, p. 1).

[3] Artikolu 1(1) u (5), għas-servizzi urbani, fis-subborgi jew reġjonali.

[4] Sors: L-enerġija u t-trasport fl-UE fiċ-ċifri, 2003.

[5] COM (2000) 7-2000/0212 (COD), emendata minn COM (2002) 107.

[6] L-Artikolu 86(2).

[7] COM(2004) 374.

[8] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il- Green Paper ta' l-14 ta' Jannar 2004 (T5-0018/2004 ta' l-14.1.2004) (ir-rapport Herzog).

[9] Pereżempju Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

[10] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta' Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240 ta' l-24.08.1992, p. 1).

[11] Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92, tas-7 ta' Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364 tat-12.12.1992, p. 7).

[12] Regolament 1107/70 ta' l-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

[13] L-obbligu ta' l-operat, l-obbligu tat-trasport u l-obbligu rigward it-tarrifi – Artikolu 2 tar-Regolament.

[14] Artikolu 6(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

[15] Artikoli 3-13 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

[16] Artikolu 19(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (test oriġinali ta' l-1969).

[17] Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

[18] Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

[19] Artikolu 1(5) u (6) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

[20] Ksur 2003/5033 (DE) – kuntratti pubbliċi tas-servizzi tat-trasport lokali reġjonali – Ittra tat-tqegħid ifil-mora tat-13 ta' Ottubru 2004.

[21] Deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim Istanza tas-16 ta' Marzu 2004 Danske Busvognmænd kontra l-Kummissjoni T-157/01 "Combus" u d-deċiżjoni ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg/Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH.

[22] Ara: Report on public transport contracting , Colin Buchanan and partners, 2002, kapitlu 2 (http://europa.eu.int/comm/energy/en/fa_2_fr.html).

[23] Il-kunċett ta' distanzi qosra ġie definit kif ġej: "meta l-erja tas-servizz ta' trasport ma tkunx aktar minn 50 kilometru".

[24] Deċiżjoni tas-27 ta' Frar 1997 FFSA T-106/95 (ECR 1997 p. II-0229) u Deċiżjoni ta' l-10 ta' Mejju 2000 SIC T-46/97 (ECR 2000 p. II-2125). Deċiżjoni tat-22 ta' Novembru 2001 Ferring C-53/00 (ECR. P. I-9067). Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-avukat ġenerali Jacobs fit-30 ta' April 2002 fil-kawża GEMO (C-126/01) u kkonfermati mid-deċiżjoni ta' l-20 ta' Novembru 2003.

[25] Deċiżjoni ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg/Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH.

[26] Deċiżjoni Altmark, punti 77-82.

[27] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq jew u bil-passaġġi fuq l-ilma interni; Regolament tal-Kunsill Nru 1192/69, tas-26 ta' Ġunju 1969, dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija; Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70, ta' l-4 ta' Ġunju 1970, dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

[28] Il-Kummissjoni ma tistax tawtorizza dan it-tip ta' għajnuna statali ħlief fuq il-bażi tar-Regolament 1107/70 (ara l-Artikolu 3(1)).

[29] COM(2002) 107.

[30] Sors: l-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku ( UITP ).

[31] COM(2001) 370.

[32] ĠU L 82, tat-22.3.2001, p.16.

[33] ĠU L 156 tat-28.6.1969, p. 1, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1893/91 (ĠU L 169 tad-29.6.1991, p. 1).

[34] ĠU L 130 tal-15.6.1970, p. 71; Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 543/97 (ĠU L 84 tas-26.3.1997, p. 6).

[35] ĠU L 156 tat-28.06.1969, p. 0008-0020.

[36] Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' servizzi, ĠU L 209 ta' l-24.7.1992, p. 1.

[37] Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista, ĠU L 199 tad-9.8.1993, p. 1.

[38] Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet, ĠU L 199 tad-9.8.1993, p. 54.

[39] Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi fl-oqsma ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, ĠU L 199 tad-9.8.1993 p. 84.

[40] Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KEE, tal-31 ta' Marzu 2004, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi fl-oqsma ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, ĠU L 134 tat-30.4.2004 p. 1.

[41] Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet, ta' provvista u ta' servizzi, ĠU L 134 tat-30.4.2004, p. 114.

[42] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 35.

[43] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 36.

[44] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 37.

[45] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 38.

[46] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 39.

[47] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 40.

Top