This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52005PC0004
Proposal for a Council Decision authorising the Republic of Cyprus to apply a measure derogating from Article 11 of the Sixth Directive 77/388/EEC on the harmonisation of the laws of the Member States relating to turnover taxes
Proposal for a Council Decision authorising the Republic of Cyprus to apply a measure derogating from Article 11 of the Sixth Directive 77/388/EEC on the harmonisation of the laws of the Member States relating to turnover taxes
Proposal for a Council Decision authorising the Republic of Cyprus to apply a measure derogating from Article 11 of the Sixth Directive 77/388/EEC on the harmonisation of the laws of the Member States relating to turnover taxes
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 10.1.2006 KUMM(2005) 714 finali 2006/0002 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1) KONTENUT TAL-PROPOSTA ● Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha L-għan ta' din il-proposta huwa li tiġġestixxi s-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata sabiex l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana jinbnew mill-ġdid fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri, u li l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata minn hemm 'il quddiem jiġu sfruttati b'mod sostenibbli. ● Il-kuntest ġenerali Il-barbun tat-tbajja' u l-lingwata nstadu flimkien bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir bit-travu ( beam-trawls ) għal bosta deċennji fil-parti ta' isfel tal-Baħar tat-Tramuntana. Minn nofs il-Ħamsinijiet ir-rata ta' mortalità tal-ħut ta' l-istokk tal-barbun tat-tbajja' kibret iktar mid-doppju, iżda l-istokk tal-barbun tat-tbajja' naqas u l-ħatt l-art, wara żieda fuq medda ta' żmien qasir f'nofs il-Tmeninijiet, reġa' naqas għall-istess livell bħal dak ta' tmiem is-Sittinijiet. Fl-istess perjodu s-sajd għal-lingwata wera tendenza simili. ● Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Is-sajd għall-barbun tat-tbajja' u għal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti annwali dwar l-opportunitatjiet ta' sajd (il-Qabdiet Totali Permissibbli [ Total Allowable Catches ] u l-isforzi ta' sajd). L-iktar riċenti fosthom huwa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005 tat-22 ta' Dicembru 2004 li jiffissa għall-2005 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji u, għall-bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn hemm rekwiżiti ta' limiti fuq il-qbid. Is-sajd huwa suġġett ukoll għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar ta' l-organiżmi tal-baħar, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2056/2001 tad-19 ta' Ottubru 2001 li jistabbilixxi miżuri tekniċi addizzjonali għall-irkupru ta' l-istokkijiet tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Punent ta' l-Iskozja. Madankollu, m'hemm ebda regolament dwar il-ġestjoni fuq medda ta' żmien twil għall-barbun tat-tbajja' u għal-lingwata f'din iż-żona. Din il-proposta tixbaħ ftit lill-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istokkijiet tal-lingwata fil-Golf ta' Biscay u fin-naħa tal-Punent tal-Kanal Ingliż (KUMM(2003) 819) f'termini ta' kriterji għall-iffissar tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u l-aġġustament tal-mortalità tal-ħut, u huwa simili fl-istruttura għall-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2004 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta' l-istokkijiet tal-bakkaljaw. ● Il-konsistenza ma' politika u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Din il-proposta hija maħsuba skond l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità u l-Pjan ta' Implimentazzjoni li ġie maqbul fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002. 2) KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT ● Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati Metodi ta' konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta' dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni Il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar tat-Tramuntana ġie stabbilit bħala l-forum ewlieni li jaqdi lill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni dwar is-settur tas-sajd. Fost il-membri tiegħu hemm rappreżentanti tas-settur tas-sajd kummerċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu għall-ambjent tal-baħar, u s-settur ta' l-ipproċessar tal-ħut. Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu Il-kontribut tal-partijiet interessati u t-tweġiba tal-Kummissjoni huma deskritti fit-taqsima li jmiss. ● Ġbir u użu ta' għarfien espert Oqsma xjentifiċi/ta' għarfien espert ikkonċernati Xjenzjati tal-laboratorji tar-riċerka dwar is-sajd ta' l-Istati Membri. Il-metodoloġija użata Kumitati ta' esperti nazzjonali li jaħdmu b'konsensus fuq il-bażi tad- data nazzjonali dwar is-sajd. Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Sommarju tal-pariri rċevuti u użati Issemmiet l-eżistenza ta' riskji potenzjalment serji b'konsegwenzi irreversibbli. M'hemmx konsensus dwar l-eżistenza ta' dawn ir-riskji. Kull sena, il-Komunità titlob parir xjentifiku dwar il-qagħda ta' l-istokkijiet importanti tal-ħut mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Dawn il-Kumitati taw parir li l-barbun tat-tbajja' u l-lingwata ġeneralment jinqabdu flimkien f'sajd imħallat, u li l-istokk tal-barbun tat-tbajja' jinsab fir-riskju li l-kapaċità riproduttiva tiegħu tonqos, li s-sostenibilità tas-sajd għal din l-ispeċi hija mhedda, u li nqabżet il-kwota tas-sajd meta mqabbla ma' l-ogħla rendita li tista' ssir mill-istokk. Proporzjon kbir ħafna tal-barbun tat-tbajja' maqbud huwa mwarrab. Fl-2003 l-Kumitati taw parir li kien meħtieġ pjan ta' rkupru għall-barbun tat-tbajja'. Fl-2004 l-parir kien li d-daqs ta' l-istokk għandu jerġa' jinbena biex jilħaq aktar minn 230 000t fl-2006 (żieda ta' 24%). Parir simili ngħata fl-2005. L-istess Kumitati taw parir li l-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana tinsab fil-preżent fl-ogħla kapaċità riproduttiva tagħha, iżda tinsab fir-riskju li s-sostenibilità tas-sajd għaliha tiġi mhedda. L-istokk qed jiġi sfruttat iżżejjed fir-rigward ta' l-ogħla rendita fuq medda ta' żmien twil li tista' tittieħed mill-istokk. L-ICES kompla jirrakkomanda tnaqqis ta' 36% tal-qabda sabiex il-lingwata tinżamm fil-limiti bijoloġiċi sikuri fl-2007. Fl-livelli attwali tal-mortalità tal-ħut l-istokk tal-Baħar tat-Tramuntana mhux se jkun fil-limiti bijoloġiċi sikuri fl-2007. Il-parir mill-ICES dwar l-ġestjoni għal medda ta' żmien twil jindika li f'rata mmirata baxxa ta' mortalità tal-ħut (konsiderevolment iktar baxxa mil-livell preżenti), riskju baxx għar-riproduzzjoni u rendita għolja fuq medda ta' żmien twil jintlaħqu simultanjament. It-tendenza ġenerali hija li ma jkunx hemm kunflitt bejn iż-żewġ għanijiet. Mortalità tal-ħut baxxa twassal għal rendita għolja simultanjament ma' riskju baxx għar-riproduzzjoni li huwa inqas minn 5-10% ta' riskju li ġeneralment tqies aċċettabbli mill- managers . Miri ta' mortalità fil-medda bejn 0.3 u 0.4 jitqiesu xierqa. Madankollu, metodu ta' ġestjoni msejjes fuq TAC fissa jwassal eventwalment għal renditi iktar baxxi u riskji għolja. Mezzi użati sabiex il-pariri esperti jsiru disponibbli pubblikament Il-pubblikazzjoni fl-internet u fuq is-server Europa. ● Valutazzjoni ta' l-impatt Is-settur tas-sajd għall-barbun tat-tbajja' u għal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana jilħaq qabdiet annwali ta' madwar 18,000t ta' lingwata u 72,000t ta' barbun tat-tbajja' b'valur ta' kważi €300 miljun fl-ewwel bejgħ, li minnhom kważi €140 miljun mill-bejgħ tal-barbun tat-tbajja'. Is-settur tal-qbid huwa magħmul minn madwar 114-il bastiment mill-Belġju, 390 mill-Olanda, 11-il bastiment bix-xbieki tat-tkarkir bit-travu ( beam trawlers ) mid-Danimarka, 290 mill-Ġermanja DE u 110 mir-Renju Unit. Il-barbun tat-tbajja' huwa speċi importanti ukoll fil-qabdiet ta' 375 trawler Daniż taħt 24m u 95 bastiment tat-tartaruni. Fis-settur tal-bastimenti tat-tartaruni li jtajru l-bandiera Daniża l-barbun tat-tbajja' jirrapreżenta iktar min-nofs tal-qabda. Fuq il-bażi ta' livelli medji ta' ekwipaġġ ta' madwar ħamsa għal kull bastiment, dan jimplika li madwar 4,500 impjieg fuq il-baħar jiddependu fuq l-istokkijiet tal-lingwata u tal-ħut ċatt, u li 2,400 impjieg ieħor jiddependu fuq il-barbun tat-tbajja' għal parti tad-dħul tagħhom. Iktar impjiegi fuq l-art fil-qasam ta' l-ipproċessar, it-trattament, il-kummerċjalizzazzjoni u tal- catering jiddependu fuq il-provvista tal-lingwata u tal-barbun tat-tbajja' mis-settur tal- catering , iżda ma jistgħux ikunu kwantifikati fil-preżent. Valutazzjoni ekonomika ta' l-STECF turi li reċentement il-flotot Daniżi li jisfruttaw il-barbun tat-tbajja' kienu jaħdmu b'telf ta' bejn 5% u 23%. Il-bastimenti bix-xbieki tat-tkarkir bit-travu Belġjani għamlu telf fl-2002 u fl-2003. Fl-Olanda bastimenti kbar bix-xbieki tat-tkarkir bit-travu ('il fuq minn 24m) m'għamlux qligħ fl-2002 u fl-2003. Bastimenti iżgħar bix-xbieki tat-tkarkir bit-travu laħqu marġni ta' profitt operattiv ta' bejn 2.9% u 3.3% biss bejn l-2001 u l-2004. It-tkomplija tas-sajd fil-livelli attwali tirrappreżenta riskju sostanzjali għas-sostenibilità ta' l-istokk tal-barbun tat-tbajja', u għalhekk għal madwar nofs tal-valur ta' din is-sajda. Għalhekk, telf fil-ħatt l-art tal-barbun tat-tbajja' se jaffettwa serjament il-vijabilità tas-settur kollu kemm hu. Xi setturi, primarjament dak Daniż, jiddependu iktar fuq il-barbun tat-tbajja' milli fuq il-lingwata. Barra minn hekk, it-tkomplija tas-sajd fil-livelli attwali ġġib magħha spejjeż mhux meħtieġa fis-sajd għal-lingwata, billi l-istess rendita tista' tintlaħaq b'inqas sforz ta' sajd. Ir-rendita ekonomika minn dan is-settur tas-sajd jista' jkun aktar jekk jonqsu l-pressjonijiet ta' sajd, u għalhekk ikun hemm kemm benefiċċji ekonomiċi kif ukoll fil-konservazzjoni għat-tnaqqis tal-mortalità mis-sajd. Peress li l-flotot li jisfruttaw il-barbun tat-tbajja' u l-lingwata jaħdmu jew b'telf jew b'marġni ta' profitt baxx ħafna, jeħtieġu urġentement miżuri biex terġa' tinkiseb il-profittabilità, indipendentement mill-merti tal-konservazzjoni tagħhom. 3) ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA ● Sommarju ta' l-azzjoni proposta Proposta għal pjan ta' ġestjoni li jassigura sfruttament sostenibbli ta' l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana. ● Il-bażi legali Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, li jipprevedi t-twaqqif ta' pjan ta' ġestjoni li jkopri sajd li jisfrutta taħlita ta' stokkijiet, bil-għan li jassigura l-ġestjoni ta' l-istokkijiet f'limiti bijoloġiċi sikuri. L-għanijiet usa' tal-Politika Komuni tas-Sajd huma definiti fl-Artikolu 2 tal-Politika Komuni tas-Sajd u jinkludu l-iżgurar ta' l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jipprovdu kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. ● Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. ● Il-prinċipju tal-proporzjonalità Din il-proposta hi konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin. L-azzjoni proposta hija sempliċement meħtieġa għal azzjoni effikaċi u għall-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Din il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit Komunitarju; il-proposta tiżviluppa użu xieraq ta' stumenti eżistenti ta' ġestjoni sabiex tilħaq miri ta' konservazzjoni meħtieġa. ● Għażla ta' l-istrumenti Strumenti proposti: Regolament. Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni li ġejja/għar-raġunijiet li ġejjin. Ir-regolament huwa l-istrument leġiżlattiv kompatibbli mar-rekwiżiti ta' pjan ta' ġestjoni skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. 4) IMPLIKAZZJONI FUQ IL-BAĠIT Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit Komunitarju. 5) INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI ● Klawsola ri-eżaminatorja/reviżjonarja/terminatorja (sunset clause) Il-proposta tinkudi klawsola ri-eżaminatorja. 2006/0002 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2], Billi: 1. Pariri xjentifiċi reċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indikaw li l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' fil-Baħar tat-Tramuntana kienu suġġetti għal livelli ta' mortalità mis-sajd li għaddew il-livell iddeterminat mill-ICES b'koerenza ma' l-istrateġija ta' prekawzjoni lejn ġestjoni tas-Sajd, u l-istokk jinsab f'riskju li s-sostenibilità tiegħu tiġi mhedda. 2. Il-parir mill-kumitat ta' esperti li eżaminaw strateġiji multiannwali ta' ġestjoni indikaw li l-ogħla rendita tal-lingwata tista' tintlaħaq b'rata ta’ mortalità tal-ħut ta' 0.2[3]. 3. L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd[4]. jipprevedi t-twaqqif ta' pjan ta' ġestjoni li jkopri sajd li jisfrutta taħlita ta' stokkijiet. 4. Parti kbira mill-qabdiet tal-barbun tat-tbajja' fil-Baħar tat-Tramuntana jittieħed flimkien ma' dak tal-lingwata. Il-ġestjoni tal-barbun tat-tbajja' ma tistax tkun indirizzata indipendentement mill-ġestjoni tas-sajd għal-lingwata. 5. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jistabbilixxu pjan multiannwali għall-ġestjoni ta' l-istokk tal-barbun tat-tbajja' u dak tal-lingwata t-tnejn li huma fil-Baħar tat-Tramuntana f'konformità ma' l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 6. L-għan tal-pjan huwa li jassigura sfruttament tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. 7. Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jeħtieġ, inter alia , li biex jintlaħaq l-għan il- Politika Komuni tas-Sajd, il-Komunità għandha tapplika l-istrateġija ta' prekawzjoni fit-teħid ta' miżuri għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-istokk, li jippermetti għall-isfruttament sostenibbli tiegħu u li jnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Il-Komunità għandha timmira għal implimentazzjoni progressiva ta' strateġija għall-ġestjoni tas-sajd ibbażata fuq l-ekosistema, u għandu jikkontribwixxi għal attivitajiet ta' sajd effiċjenti fi ħdan industrija tas-sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiva. Dan ir-Regolament għandu jimmira li jipprovdi livell ta' għajxien ġust għal dawk dipendenti mis-sajd tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana u jqis l-interessi tal-konsumaturi; 8. Dan il-kontroll tar-rati ta' mortalità tal-ħut jista' jintlaħaq billi jiġi stabbilit metodu xieraq għall-istabbiliment tal-livell tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) ta' l-istokkijiet konċernati, u sistema li tinkludi limiti għall-jiem permissibbli fuq il-baħar sabiex l-isforz ta' sajd fuq dawk l-istokkijiet jiġi ristrett għal livelli fejn it-TACs u r-rati ta' mortalità tal-ħut x'aktarx ma jinqabżux. 9. Il-miżuri ta' kontroll flimkien ma' jew b’deroga minn dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni[5] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-irreġistrar ta’ informazzjoni dwar il-qabda tal-ħut ta’ l-Istati Membri[6], għandhom jiġu inklużi sabiex il-konformità mal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament ikunu assigurati. 10. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ta parir biex il-bijomassa prekawzjonali għall-istokk tal-barbun tal-tbajja' fil-Baħar tat-Tramuntana għandu jkun ta' 230 000t; biex ir-rata tal-mortalità tal-ħut meħtieġa biex tipproduċi l-ogħla rendita mill-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' fil-Baħar tat-Tramuntana jkun ta' 0.3 għall-medda ta' żmien twil, li l-bijomassa prekawzjonali għall-istokk tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana għandu jkun ta' 35 000t. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I Suġġett u għan Artikolu 1 Is-suġġett 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana (“il-pjan ta’ ġestjoni”). 2. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, il-"Baħar tat-Tramuntana" għandha tfisser iż-żona tal-baħar delinjata mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar bħala s-Sub-żona IV. Artikolu 2 L-għan tal-Pjan ta' ġestjoni 1. Il-pjan ta' ġestjoni għandu jassigura sfruttament sostenibbli ta' l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana. 2. L-għan speċifikat fil-paragrafu 1 għandu jintlaħaq waqt li r-rata tal-mortalità tal-ħut għall-barbun tat-tbajja' fil-Baħar tat-Tramuntana tinżamm f'rata ugwali għal jew mhux inqas minn 0.3. 3. L-għan speċifikat fil-paragrafu 1 għandu jintlaħaq waqt li l-mortalità tal-ħut għal-lingwata tinżamm f'rata ugwali għal jew mhux inqas minn 0.2. KAPITOLU II Qabdiet Totali Permissibbli Artikolu 3 L-iffissar tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) 1. Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, dwar il- Qabdiet Totali Permissibbli ( TACs) għas-sena li jmiss għall-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana. 2. It-TAC għall-barbun tat-tbajja' għandha tkun stabbilita skond l-Artikolu 4. 3. It-TAC għal-lingwata għandha tkun stabbilita skond l-Artikolu 5. Artikolu 4 Proċedura għall-iffissar tat-TAC għall-barbun tat-tbajja' 1. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi TAC għall-barbun tat-tbajja' għal dak il-livell li, skond evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill- Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) hija l-ogħla minn bejn dawn li ġejjin: a) it-TAC li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta fi tnaqqis ta' 10% fir-rata ta' mortalità tal-ħut fis-sena ta' applikazzjoni tagħha meta mqabbla mar-rata ta' mortalità tal-ħut stmata għas-sena ta' qabel. b) it-TAC li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta f'livell tar-rata ta' mortalità tal-ħut ta' 0.3 mill-età ta' sentejn (2) sa erba' (4) snin fis-sena ta' applikazzjoni tagħha 2. Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta f'TAC li tgħaddi t-TAC tas-sena ta' qabel b'aktar minn 15%, il-Kunsill għandu jistabbilixxi TAC li hija 15% akbar mit-TAC ta' dik is-sena. 3. Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta f'TAC li hija aktar minn 15% inqas mit-TAC tas-sena ta' qabel, il-Kunsill għandu jistabbilixxi TAC li hija 15% inqas mit-TAC ta' dik is-sena. Artikolu 5 Proċedura għall-iffissar tat-TAC għal-lingwata 1. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi TAC għal-lingwata għal dak il-livell li, skond evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-iSTECF hija l-ogħla minn bejn dawn li ġejjin: a) it-TAC li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta fl-istess bdil proporzjonat fir-rata ta' mortalità tal-lingwata kif iġġenerat mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1) dwar il-barbun tat-tbajja'; b) it-TAC li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta ta' 0.2 fil-livell tar-rata ta' mortalità tal-ħut fis-sena ta' applikazzjoni tagħha c) it-TAC li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta fi tnaqqis ta' 10% fir-rata ta' mortalità tal-ħut fis-sena ta' applikazzjoni tagħha meta mqabbla mar-rata ta' mortalità tal-ħut stmata għas-sena ta' qabel. 2. Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta f'TAC li tgħaddi t-TAC tas-sena ta' qabel b'aktar minn 15%, il-Kunsill għandu jistabbilixxi TAC li hija 15% akbar mit-TAC ta' dik is-sena. 3. Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta f'TAC li hija aktar minn 15% inqas mit-TAC tas-sena ta' qabel, il-Kunsill għandu jistabbilixxi TAC li hija 15% inqas mit-TAC ta' dik is-sena. KAPITOLU III Limitazzjoni ta' l-isforzi ta' sajd Artikolu 6 Limitazzjoni ta’ Sforz ta’ Sajd 1. It-TACs imsemmija fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu kkumplimentati minn sistema ta' limitazzjoni ta' l-isforz ta' sajd ibbażata fuq iż-żoni ġeografiċi u t-tip ta' tagħmir għas-sajd, u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-użu ta' dawn l-opportunitajiet ta' sajd stabbilit fl-Anness IVa mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005[7]. 2. Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, dwar in-numru massimu ta' jiem fuq il-baħar disponibbli għal bastimenti Komunitarji tas-sajd li jużaw tagħmir tax-xbieki tat-tkarkir bit-travu b'malji ta' daqs ta' 80 mm jew aktar u suġġett għas-sistema ta' limitazzjoni ta' l-isforz ta' sajd imsemmija fil-paragrafu 1. 3. L-aġġustament annwali tan-numru massimu ta' jiem imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun ta' l-istess proporzjon bħall-aġġustament annwali tar-rata tal-mortalità tal-ħut prevista skond l-Artikolu 5(1). 4. F'każ li jkun meħtieġ għall-irkupru jew għall-ġestjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin għajr il-barbun tat-tbajja' u l-lingwata, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi tal-proposta mill-Kummissjoni għal numru iżgħar ta' jiem fuq il-baħar minn dak previst mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3. KAPITOLU IV Monitoraġġ, spezzjoni u sorveljanza Artikolu 7 Komunikazzjonijiet dwar l-isforz L-Artikoli 19b sa 19e u Artikolu 19j tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandhom japplikaw għall-bastimenti Komunitarji tas-sajd suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.. Artikolu 8 Marġni ta' tolleranza 1. B'deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2807/83, il-marġni permess ta' tolleranza, fl-estimi tal-kwantitajiet, f'kilogrammi ta' piż ħaj miżmuma abbord il-bastimenti Komunitarji tas-sajd li kienu preżenti fil-Baħar tat-Tramuntana għandu jkun ta' 8% taċ-ċifra mdaħħla fil-ġurnal ta' abbord. Fil-każ li ebda fattur ta' konverżjoni m'huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-fattur ta' konverżjoni adottat mill-Istati Membri li l-bastimenti jtajru l-bandiera tagħhom għandu japplika. 2. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal speċi ta' organiżmu akkwatiku jekk il-kwantità ta' dik l-ispeċi miżmuma abbord hija inqas minn 50 kg. Artikolu 9 L-użin tal-ħut li jinħatt l-art L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom jassiguraw li fir-rigward ta' ħatt l-art magħmul minn kull bastiment Komunitarji tas-sajd li kien preżenti fil-Baħar tat-Tramuntana: (a) għandhom jintiżnu l-kwantitajiet kollha ta' lingwata u ta' barbun tat-tbajja' minn kull bastiment li jġorr abbord kull kwantità ta' lingwata li tisboq t-300 kg jew ta' barbun tat-tbajja' li tisboq l-500 kg; (b) l-użin tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata għandu jitwettaq fil-preżenza ta' kontrolluri u qabel it-trasport tagħhom mill-post li fih inħattu l-art u qabel l-ewwel bejgħ; (c) il-piż jittieħed bl-użu ta' miżien li l-preċiżjoni tiegħu ġiet ċertifikata fi ħdan marġni raġonevoli ta' tolleranza mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru. Artikolu 10 Notifika minn qabel 1. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju li kien preżenti fil-Baħar tat-Tramuntana li jġorr abbord iktar minn 500 kg ta' barbun tat-tbajja' jew iktar minn 300 kg ta' lingwata għandu, qabel kull dħul tal-bastiment tiegħu f'port jew f'kull post ta' żbark ta' Stat Membru, jgħarraf, għallinqas erba' sigħat qabel dan id-dħul, lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru: a) bl-isem tal-port jew post ta' żbark; b) bil-ħin stmat tal-wasla f'dak il-port jew post ta' żbark, c) bil-kwantitajiet f'kilogrammi tal-piż ħaj għall-ispeċi kollha li minnhom aktar minn 50 kg huma miżmuma abbord. 2. In-notifika stabbilita fil-paragrafu 1 tista' ssir ukoll minn rappreżentant tal-kaptan tal-bastiment Komunitarju tas-sajd. 3. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitrju li kien preżenti fil-Baħar tat-Tramuntana u li jixtieq jittrasborda xi kwantità ta' barbun tat-tbajja' jew lingwata miżmuma abbord jew li jiżbarka xi kwantità ta' barbun tat-tbajja' jew lingwata f'port jew post ta' żbark ta' pajjiż terz għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera għallinqas 24 siegħa qabel it-trasbord jew l-iżbark f'pajjiż terz, l-informazzjoni stabbilita f'punt 1. Artikolu 11 Stivar separat tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata 1. Meta kwantitajiet ta' barbun tat-tbajja' jew ta' lingwata ta' aktar minn 50 kg huma stivati abbord bastiment tas-sajd Komunitarju li kien preżenti fil-Baħar tat-Tramuntana, għandu jkun projbit li jinżammu abbord dak il-bastiment fi kwalunkwe kontenitur xi kwantità ta' barbun tat-tbajja' jew ta' lingwata mħallta ma' speċi oħra ta' organiżmu tal-baħar. 2. Kontenituri li jżommu barbun tat-tbajja' jew lingwata għandhom jiġu stivati separatament mill-kontenituri oħra. 3. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li kienu preżenti fil-Baħar tat-Tramuntana għandhom jagħtu lill-ispetturi ta' l-Istati Membri l-assistenza li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jwettqu kontroll bir-reqqa tal-kwantitajiet iddikjarati fil-ġurnal ta' abbord u l-qabdiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata miżmuma abbord. Artikolu 12 Trasport tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata B'deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, kwantitajiet ta' aktar minn 100 kg ta' kull taħlita ta' tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata li hija trasportata sa post li m'huwiex dak ta' l-iżbark jew importazzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 dwar il-kwantitajiet ta' tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata ttrasportati. L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13(4)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 m'għandhiex tapplika. Artikolu 13 Programm ta' monitoraġġ speċifiku B'deroga mill-Artikolu 34c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programmi ta' monitoraġġ speċifiku għall-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-baħar tat-tramuntana jista' jdum aktar minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. KAPITOLU V Segwitu Artikolu 14 Evalwazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni 1. Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-parir mill-STECF, tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' ġestjoni fuq l-istokkjiet ikkonċernati u fuq l-istabbilimenti għal dawk l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-baħar tat-tramuntana, fit-tieni sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u f'kull sena minn dawk li ġejjin. 2. Il-Kummissjoni għandha titlob parir xjentifiku mill-STECF dwar progress lejn il-miri tal-pjan ta' ġestjoni fit-tielet sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u matul it-tielet sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jekk jixraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri relevanti, u l-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata dwar miżuri alternattivi biex tinkiseb il-mira stabbilita fl-Artikolu 2. Artikolu 15 Ċirkostanzi speċjali F'każ li l-STECF jagħti parir li d-daqs ta' l-istokk riproduttiv tal-barbun tat-tbajja', dak tal-lingwata, jew it-tnejn qed isofru minn tnaqqis fil-kapaċità riproduttiva, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni dwar TAC għall-barbun tat-tbajja' li hija inqas minn dik prevista fl-Artikolu 4, dwar TAC għal-lingwata li hija inqas minn dik prevista fl-Artikolu 5, u dwar numru ta' jiem fuq il-baħar li huwa inqas minn dak previst fl-Artikolu 6. KAPITOLU VI Dispożizzjonijiet finali Artikolu 16 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU C [...], [...], p.[...]. [2] ĠU C [...], [...], p.[...]. [3] SEG(2004) 1209 tal-1.10.2004 [4] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. [5] ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 768/2005 (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1). [6] ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Regolament l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10). [7] ĠU L 12, 14.1.2005, p. 1.