Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0562

    Communication from the Commission - Commission Opinion on the application from the former Yugoslav Republic of Macedonia for membership of the European Union {SEC(2005) 1425 } {SEC(2005) 1429 }

    52005DC0562




    [pic] | COMMISSION OF THE EUROPEAN COMMUNITIES |

    Brussels, 9.11.2005

    COM(2005) 562 final

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni mir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea {SEG(2005) 1425}{SEG(2005) 1429}

    A. INTRODUZZJONI

    a) Daħla

    Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja ressqet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fit-22 ta’ Marzu 2004 u l-Kunsill tal-Ministri talab lill-Kummissjoni biex tressaq l-Opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni fis-17 ta’ Mejju 2004, f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jgħid: “Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 6(1) jista’ japplika biex isir membru ta’ l-Unjoni. Hu għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill, li għandu jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-kunsens mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b'maġġoranza assoluta tal-membri komponenti tiegħu.”

    L-Artikolu 6(1) jgħid li l-“L-Unjoni hija mwaqqfa fuq il-prinċipji tal-libertà, d-demokrazija, r-rispett lejn id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.”

    Dan huwa l-qafas legali li fih il-Kummissjoni tissottometti l-Opinjoni attwali.

    L-applikazzjoni tar-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja għas-sħubija hija parti minn proċess storiku, li fih il-pajjiżi Balkani tal-Punent qegħdin jegħlbu l-kriżi politika fir-reġjun tagħhom u jorjentaw ruħhom biex jissieħbu ma’ din iż-żona ta’ paċi, stabilità, u prosperità maħluqa mill-Unjoni. Fl-“Aġenda ta’ Salonka għall-Balkani tal-Punent”, adottata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2003, l-UE saħqet li “l -pass ta’ aktar moviment tal-pajjiżi Balkani tal-Punent lejn l-UE jinsab f’idejhom stess u se jiddependi mit-twettiq ta' l-implimentazzjoni tar-riformi, u għalhekk jirrispetta l-kriterji stipulati mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen ta’ l-1993 u mill-kundizzjonalità tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ”.

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen f’Ġunju 1993 ikkonkluda li:

    “Il-pajjiżi assoċjati fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li jixtiequ se jsiru membri ta’ l-Unjoni. L-adeżjoni sseħħ hekk kif il-pajjiż ikun jista' jerfa' r-responsabilità ta’ l-obbligi tas-sħubija billi jissodisfa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi.

    Is-sħubija titlob:

    - li l-pajjiż kandidat jilħaq l-istabilità ta’ l-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett lejn u l-ħarsien tal-minoritajiet;

    - l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li taħdem, kif ukoll il-kapaċità li din tlaħħaq ma’ pressjoni kompetittiva u mal-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni;

    - l-abbiltà li tassumi l-obbligi tas-sħubija, inkluża l-aderenza ma’ l-għanijiet ta’ l-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

    Il-Kapaċità ta’ l-Unjoni li tilqa' membri ġodda, filwaqt li ssostni forza ta’ integrazzjoni Ewropea, hija wkoll konsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali kemm ta’ l-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi kandidati.”

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Madrid f’Diċembru 1995 irrefera għall-ħtieġa li “joħloq il-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni gradwali u armonjuża tal-pajjiżi applikanti, b’mod partikolari permezz ta’ l-iżvilupp ta’ l-ekonomija tas-suq, l-aġġustament ta’ l-istruttura amministrattiva tagħhom, il-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku u monetarju stabbli.”

    Il-kundizzjonalitajiet tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP) kienu ddefiniti mill-Kunsill fid-29 ta’ April 1997 u kienu jinkludu l-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (ICTY) u l-kooperazzjoni reġjonali. Dawn il-kundizzjonijiet huma element fundamentali ta’ l-SAP u huma integrati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) mar-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, li daħal fis-seħħ f’April 2004.

    Fl-Opinjoni tagħha, il-Kummissjoni għalhekk tanaliżża l-applikazzjoni mir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja fuq il-bażi tal-kapaċità tal-pajjiż biex jilħaq il-kriterji stipulati mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen ta’ l-1993 u l-kundizzjonijiet stipulati għall-SAP, notevolment il-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill u l-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ April 1997.

    Il-metodu segwit fit-tħejjija ta’ din l-Opinjoni huwa l-istess kif użat f’Opinjonijiet ta’ qabel. Il-Kummissjoni analizzat kemm il-qagħda attwali kif ukoll il-prospetti fuq medda medja ta’ żmien. Għall-għan ta’ din l-Opinjoni u mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-ebda data futura għall-adeżjoni, il-perspettiva fuq medda medja ta’ żmien ġiet definita bħala perjodu ta’ ħames snin. Fit-tħejjija tar-rakkomandazzjoni tagħha dwar il-ftuħ ta’ negozjati ta’ adeżjoni, il-Kummissjoni qieset b'mod partikolari l-kapaċità eżistenti tar-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja li tilħaq il-kriterji politiċi.

    Ir-rapport li fih l-analiżi ddettaljata li fuqha din l-Opinjoni hija msejsa, ġie ppubblikat bħala dokument separat ( Rapport Analitiku għall-Opinjoni dwar l-applikazzjoni mir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja għas-sħubija fl-UE ).

    b) Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja

    Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja, li kienet fl-aktar parti ta’ isfel ta' l-ex-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja u li għandha popolazzjoni ta’ 2 miljuni, saret indipendenti f’Novembru 1991. Il-pajjiż żamm relazzjonijiet kuntrattwali mal-Komunitajiet Ewropej sa mill-1996. Fl-1997 iffirma Ftehim ta’ Kooperazzjoni kif ukoll Ftehim dwar Kummerċ u Tessuti li daħal fis-seħħ fl-1998. Ġie ffirmat Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) f’April 2001, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004.

    L-isfida ewlenija għall-istabilità politika fil-pajjiż minn mindu sar indipendenti kienet il-kriżi ta' l-2001. Il-Ftehim ta’ Qafas ta’ Ohrid, iffirmat fit-13 ta’ Awissu 2001, u l-impenn li ntwera mill-gvernijiet fil-poter mill-2001 biex jimplimentawh, wassal għal ritorn lejn l-istabilità. Il-Ftehim ta’ Qafas kien jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ programm leġiżlattiv wiesa’, li tlesta f’Lulju 2005. Il-Gvern qiegħed jissokta bl-implimentazzjoni effettiva tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid, li għandu jsaħħaħ aktar il-klima ta’ fiduċja u ta’ stabilità fil-pajjiż u jrawwem ambjent dejjem aktar pożittiv għall-integrazzjoni fl-UE.

    L-Unjoni Ewropea qiegħda konsistentement tappoġġa dan il-proċess. L-impenn ta' l-UE għall-paċi u għall-istabilità fil-pajjiż kompla jintwera mill-missjoni militari "Concordia" ta' l-UE, li ħadet it-tmexxija f’idejha mingħand il-missjonijiet tan-NATO, minn Marzu sa Diċembru 2003. Wara d-deċiżjoni li ttieħdet f’Settembru 2003 fuq l-istedina tal-gvern, l-UE bagħtet missjoni tal-pulizija, “EUPOL Proxima”, f’Diċembru 2003. Din għandha mandat li tappoġġa l-konsolidazzjoni tal-liġi u l-ordni u r-riforma fil-pulizija. Il-mandat attwali ta’ EUPOL Proxima għandu sal-15 ta' Diċembru 2005. Il-Missjoni ta’ Sorveljanza ta’ l-Unjoni Ewropea kienet ukoll preżenti fil-pajjiż mill-2001 taħt ftehim konkluż f’Awissu 2001.

    Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa finanzjarjament lir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja fl-isforzi tagħha ta’ integrazzjoni Ewropea u se tiffoka fuq miżuri biex tittratta n-nuqqasijiet identifikati f’din l-Opinjoni. Ġew adottati programmi nazzjonali annwali CARDS li swew €51 miljun fl-2004 u €39 miljun fl-2005.

    B. KRITERJI GĦAS-SĦUBIJA

    1. KRITERJI POLITIċI

    Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja għandha istituzzjonijiet demokratiċi stabbli li jaħdmu tajjeb, li jirrispettaw il-limiti tal-kompetenzi tagħhom u li jikkooperaw ma’ xulxin. Minkejja rakkomandazzjonijiet repetuti magħmula mill-OSCE-ODIHR wara l-elezzjonijiet ta’ l-2002, l-elezzjonijiet lokali fl-2005 wrew sensiela ta' irregolaritajiet serji. L-implimentazzjoni xierqa u f’waqtha tar-rakkomandazzjonijiet ta’ l-OSCE-ODIHR u l-impenn tal-partiti politiċi se jkunu deċiżivi biex jiżguraw l-integrità sħiħa ta’ l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss. Filwaqt li l-oppożizzjoni ġeneralment għandha rwol normali fit-tħaddim ta’ l-istituzzjonijiet, partit wieħed fl-oppożizzjoni ddeċieda li minn April 2005, jirtira milli jieħu sehem fix-xogħol tal-Parlament.

    Kien hemm impenn qawwi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Qafas Ohrid u l-progress importanti li sar mill-2001 kien kruċjali għat-tisħiħ ta’ l-istabilità tal-pajjiż. Biex tissaħħah aktar il-klima ta’ fiduċja u l-konsolidazzjoni tal-kisbiet, il-gvern għandu jissokta bl-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

    L-istat tad-dritt qiegħed jiġi kkonsolidat gradwalment. Qegħdin isiru sforzi konsiderevoli għar-riforma fil-pulizija mill-kriżi ta’ l-2001 'l hawn. Madankollu, għad iridu jittieħdu passi li jiżguraw l-istat tad-dritt fit-territorju kollu. Dan jinkludi t-twettiq fir-riforma tal-pulizija, li hija kruċjali għall-pulizija aktar effettiva u l-ħarsien minn eskalazzjoni possibbli ta’ inċidenti. L-isforzi biex jittejbu l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, l-ewwel u qabel kollox il-modifikazzjoni tal-Kostituzzjoni skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, jeħtieġ li jinżammu. Il-livell ta’ korruzzjoni jibqa’ għoli u jaffettwa ħafna mill-aspetti tal-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-pajjiż. Għalhekk, l-effettività tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li tissaħħaħ aktar.

    Ma hemmx problemi kbar fil-qasam tar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali. Twettqu għadd ta’ bidliet kostituzzjonali u leġiżlattivi li jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien għad-drittijiet tal-minoranzi. Huwa importanti li dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jkomplu jiġu implimentati kif suppost.

    Il-pajjiż qiegħed jikkoopera bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja. Huwa rratifika ftehim bilaterali ta’ immunità ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika rigward il-Qorti Kriminali Internazzjonali, li mhuwiex konformi mal-prinċipji ta’ gwida rilevanti ta’ l-UE. Il-pajjiż huwa marbut bl-impenn ta’ kooperazzjoni reġjonali. Jeħtieġu sforzi kontinwi f’dan il-qasam b'mod partikolari biex isolvu l-kwistjoni mal-Ġreċja dwar l-isem fl-interess ta’ relazzjonijiet tajba ta’ ġirien.

    2. KRITERJI EKONOMIċI

    Fir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja hemm qbil politiku wiesa’ dwar l-essenzjali fil-politika ekonomika. L-ekonomija kisbet livell għoli ta’ stabilità makroekonomika, b’inflazzjoni baxxa, finanzi pubbliċi bbilanċjati u dejn pubbliku baxx. Il-liberalizzazzjoni fil-prezz u l-kummerċ, kif ukoll il-privatizzazzjoni, twettqu b’mod ġenerali. Is-settur finanzjarju jidher li huwa stabbli. Il-forza tax-xogħol hija mgħammra b’edukazzjoni bażika soda u l-qagħda ta’ l-infrastruttura tat- telekomunikazzjoni u t-trasport tal-pajjiż hija pjuttost tajba. L-integrazzjoni ekonomika ma’ l-UE tinsab 'il quddiem sew.

    Madankolu, it-tħaddim ta’ l-ekonomija tas-suq hija mxekkla minn nuqqasijiet istituzzjonali, bħalma huma l-proċeduri twal u ingombranti, in-nuqqasijiet fil-ġudikatura u l-progress limitat fir-reġistrazzjoni ta’ l-art u l-proprjetà. Għaldaqstant, il-klima kummerċjali ma twassalx biex tħeġġeġ l-investiment, b’mod partikolari l-investiment barrani dirett, u t-tkabbir. Flimkien ma’ dan, it-tħaddim tas-suq tax-xogħol u ta' dak finanzjarju huwa defiċjenti, li ma jwassalx biex irażżan il-qgħad partikolarment għoli, u jfixkel l-għoti ta’ kreditu lill-intrapriżi. L-investiment lokali u barrani kien insuffiċjenti, li jirriżulta fi tkabbir ta’ produttività baxx u f’deterjorazzjoni fil-kompetittività. L-eżistenza ta’ settur konsiderevolment informali jwassal għal tgħawwiġ kbir fl-ekonomija. L-istruttura ta’ prodotti fl-esportazzjonijiet mhijiex bilanċjata. F’dan l-istadju, l-ekonomija għalhekk tista’ tiffaċċja diffikultajiet ewlenin biex iżżomm il-pressjonijiet kompetittivi fis-suq waħdieni. L-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati permezz tal-proċediment lejn riformi strutturali għandu jikkontribwixxi sabiex itejjeb it-tħaddim ta’ l-ekonomija tas-suq u l-kompetittività tagħha.

    3. L-ABILITÀ LI TASSUMI L-OBBLIGI TAS-SħUBIJA

    L-abilità tar-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja li tassumi l-obbligi tas-sħubija ġiet eżaminata skond l-indikaturi li ġejjin:

    - L-obbligi stipulati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

    - Progress fl-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' l-acquis.

    Ir--Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja għamlet progress fl-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, għalkemm trid tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex tiġi rrispettata d-data ta’ l-għeluq stabbilita msemmija.

    Il-pajjiż għamel sforzi sinifikanti biex il-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi ma’ l- acquis , b’mod partikolari f’oqsma li għandhom x’jaqsmu mas-Suq Intern u mal-kummerċ. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jissoktaw. Madankollu, il-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi ewlenin fl-implimentazzjoni u, b’mod speċjali, fl-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni. Il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja tibqa’ dgħajfa f’ħafna oqsma u jeħtieġ li tissaħħaħ b’mod sinifikanti biex l- acquis jiġi applikat kif xieraq.

    Jekk tissokta bl-isforzi tagħha, ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja m’għandux ikollha diffikultajiet ewlenin biex tapplika l- acquis fit-terminu medju fl-oqsma li ġejjin:

    - Is-sajd;

    - Il-politika ekonomika u monetarja;

    - L-istatistika;

    - L-intrapriża u l-politika industrijali;

    - In-netwerks trans-Ewropej;

    - Ix-xjenza u r-riċerka;

    - L-edukazzjoni u l-kultura;

    - Ir-relazzjonijiet esterni;

    - Il-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża;

    - Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji.

    Il-pajjiż se jkollu jagħmel aktar sforzi biex il-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi ma l- acquis u biex jimplimentaha u jinforzaha b'mod effettiv fit-terminu medju fl-oqsma li ġejjin:

    - Il-moviment liberu għall-ħaddiema;

    - Id-dritt ta' l-istabbiliment u l-libertà għall-provvista ta’ servizzi;

    - Il-moviment liberu tal-kapital;

    - Is-servizzi finanzjarji;

    - Il-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa.

    Il-pajjiż se jkollu jagħmel sforzi konsiderevoli u sostnuti biex il-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi ma l- acquis u biex jimplimentaha u jinforzaha b'mod effettiv fit-terminu medju fl-oqsma li ġejjin:

    - Ix-xiri pubbliku;

    - Il-liġi tal-kumpaniji;

    - Is-soċjetà ta’ l-informatika u l-midja;

    - L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

    - Is-sikurezza ta’ l-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja;

    - Il-politika tat-trasport;

    - L-enerġija;

    - It-tassazzjoni;

    - Il-politika soċjali u l-impjieg;

    - Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti strutturali;

    - Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;

    - L-unjoni doganali.

    Jekk l-isforzi ma jitħaffux b’mod konsiderevoli, il-pajjiż għandu mnejn ma jkunx jista’ jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ l- acquis fit-terminu medju fl-oqsma li ġejjin:

    - Il-moviment liberu tal-prodotti;

    - Il-liġi tal-proprjetà intellettwali;

    - Il-politika tal-kompetizzjoni;

    - Il-kontroll finanzjarju.

    Rigward l-ambjent, ikunu jinħtieġu sforzi sinifikanti ferm, inkluż l-investiment sostanzjali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Il-konformità sħiħa ma’ l- acquis tista’ tintlaħaq biss fuq medda twila ta' żmien tkun teħtieġ żieda fil-livelli ta’ investiment.

    C. KONKLUŻJONI U RAKKOMANDAZZJONI

    - Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedjonja hija demokrazija li taħdem, b’istituzzjonijiet stabbli, li ġeneralment jiggarantixxu l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-pajjiż iffirma Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) fl-2001, u minn dak iż-żmien 'l hawn ġeneralment wettaq l-obbligi relatati b’mod sodisfaċenti. Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja implimentat b’suċċess l-aġenda leġiżlattiva tal-Ftehim ta’ Qafas Ohrid li kkontribwixxa għal titjib ewlieni politiku u titjib fis-sigurtà tal-pajjiż. Din il-leġiżlazzjoni issa teħtieġ li tkun infurzata bis-sħiħ. Il-pajjiż jibqa’ impenjat lejn il-kooperazzjoni reġjonali. Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja teħtieġ tagħmel sforzi addizzjonali b’mod partikolari fl-oqsma tal-proċess elettorali, tar-riforma tal-pulizija, tar-riforma ġudizzjarja, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Fuq il-bażi tal-progress ġenerali tar-riformi miksuba, il-Kummissjoni tqis li l-pajjiż jinsab fit-triq it-tajba biex jissodisfa l-kriterji politiċi stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    - Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja ħadet passi importanti lejn il-ħolqien ta’ ekonomija tas-suq li taħdem. Billi mhux se jkun jista’ jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fil-medda taż-żmien medja, il-pajjiż nieda mogħdija ta' riforma ekonomika, li, jekk segwita b'mod rigoruż, tippermettilu jagħmel hekk fil-ġejjieni.

    - Ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja se tkun f'qagħda li terfa’ ħafna mill-obbligi tas-sħubija fil-medda taż-żmien medja, sakemm isiru sforzi konsiderevoli biex il-leġiżlazzjoni tagħha tkun konformi ma’ l- acquis , b’mod partikolari biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar. Jekk l-isforzi ma jitħaffux b’mod konsiderevoli, il-pajjiż għandu mnejn ma jkunx jista’ jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ l- acquis fil-medda taż-żmien medja fl-oqsma tal-moviment liberu tal-prodotti, tal-liġi tal-proprjetà intellettwali, tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-kontroll finanzjarju. Il-konformità sħiħa ma’ l- acquis fil-qasam ta’ l-ambjent tista’ tintlaħaq biss fuq medda twila ta' żmien u tkun teħtieġ żieda fil-livelli ta’ investiment.

    Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, u billi jitqies, b’mod partikolari l-progress sostanzjali li sar mill-pajjiż fit-tlestija tal-qafas leġiżlattiv li għandu x’jaqsam mal-Ftehim ta’ Qafas Ohrid ta’ l-2001, u l-erba’ snin ta' wara ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (inkluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha relatati mal-kummerċ f’forma ta’ Ftehim Interim) il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill għandu jagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja. Dan l-istatus huwa għarfien politiku ta’ relazzjoni eqreb bejn l-UE u r-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja fi triqitha lejn is-sħubija.

    Il-Kummissjoni tqis li għandhom jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja ladarba tkun laħqet grad suffiċjenti ta’ konformità mal-kriterji tas-sħubija.

    Din l-Opinjoni għandha magħha abbozz ta’ Sħubija Ewropea għar-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja li tidentifika l-prijoritajiet li l-pajjiż jeħtieġ li jindirizza fit-tħejjija għall-ftuħ tan-negozjati. L-UE se tissokta tissorvelja mill-qrib il-progress tar-riformi politiċi. Il-Kummissjoni se tressaq Rapport lill-Kunsill mhux aktar tard minn tmiem l-2006 dwar il-progress li kisbet ir-Repubblika ex-Jugożlava tal-Maċedonja.

    Top