EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0518

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar metodoloġija komuni tal’ l-UE biex jiġu evalwati l-ispejjeż amministrattivi imposti b’leġiżlazzjoni {SEC(2005)1329}

/* KUMM/2005/0518 finali */

52005DC0518




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.10.2005

KUMM(2005) 518 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar metodoloġija komuni tal’ l-UE biex jiġu evalwati l-ispejjeż amministrattivi imposti b’leġiżlazzjoni{SEC(2005)1329}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar metodoloġija komuni ta’ l-UE biex jiġu evalwati l-ispejjeż amministrattivi imposti b’leġiżlazzjoni

Il-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005 talab lill-“Kummisjoni u l-Kunsill biex jikkunsidraw metodoloġija komuni għall-kejl tal-piżijiet amministrattivi bl-għan li jintlaħaq ftehim sa l-aħħar ta’ l-2005”. Huwa enfasizza li “ftehim għandu jieħu vantaġġ tar-riżultati tal-proġetti bi prova tal-Kummissjoni” u li “inizjattivi meħuda fil-kuntest tat-titjib ta’ l-ambjent regolatorju ma jispiċċawx piżijiet amministrattivi huma stess.” (Il-Punt 24, konklużjonijiet tal-Presidenza).

Il-Komunikazzjoni preżenti tindika metodolġija komuni ta’ l-UE u tipproponi l-passi li jmiss għall-introduzzjoni tagħha. Il-mudell propost huwa bbażat fuq is-sejbiet tal-fażi bi prova li tnediet fil-bidu ta' April u li ġiet ippreżentata fid-dokument ta' Ħidma ta’ l-Istaff fl-Anness[1].

1. PIż AMMINISTRATTIV U REGOLAZZJONI AħJAR

Is-soċjetà moderna taħdem ħażin ħafna mingħajr leġiżlazzjoni u sistema ta’ qrati li taħdem. Il-liġijiet iħarsu liċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema, u n-negozji mill-abbużi, in-negliġenza u l-imġieba li tmur kontra l-etika billi jistabilixxu d-drittijiet u d-dmirijiet. Fil-każ partikolari ta' l-intrapriżi, dawn huma rekwiżit għal kompetizzjoni ġusta u għalhekk għall-kompetittività. Din hija r- raison d’être tal-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE, introdotta sabiex tikkoreġi n-nuqqasijiet tas-suq u tiżgura kundizzjonijiet ugwali fuq livell kontinentali.

Dan il-ħarsien spiss jista’ jkun żgurat biss permezz ta’ dmirijiet li jiġi pprovdut tagħrif u li tiġi rrappurtata l-applikazzjoni tan-normi leġiżlattivi. Dmirijiet amministrattivi m’għandhomx għalhekk jiġu ppreżentati bħala sempliċi ‘burokrazija’, terminu normalment riżervat għal proċeduri li jaħlulek ħafna ħin bla bżonn, li jkunu eċċessivament ikkumplikati jew li jkunu għalxejn[2]. Id-dmirijiet amministrattivi ta' l-UE lanqas ma għandhom jiġu ppreżentati bħala sempliċi fattur ta' l-ispejjez, peress li ħafna drabi dawn jissostitwixxu 25 leġiżlazzjoni nazzjonali differenti u għalhekk inaqqsu l-ispejjeż operattivi fil-livell ta’ l-UE. F’ħafna kwistjonijiet, l-assoċċjazzjonijiet Ewropej tan-negozji nnifishom komplew jistaqsu għal armonizzazzjoni mmirata tar-regoli bħala l-aqwa mod ta’ tmexxija ’l quddiem fis-sens tas-simplifikazzjoni. Barra minn hekk ħtiġijiet ta' tagħrif bħall-eżaminazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-konformità jipprovdu wkoll indikazzjoni kruċjali dwar il-konfini tar-responsabbiltà u rimedjazzjoni tan-negozju, li mhix negliġibbli meta taraha fl-isfond ta' dak li ġieli jiġi deskritt bħala "kultura ta' kumpens" li dejjem qiegħda tikber. Għal fejn jingħad li iktar libertà twassal għal aktar responsabbiltà, it-trażżin ta' ċerti dmirijiet legali jistgħu jwasslu għal spejjeż ġudizjarji u ta' arbitraġġ ikbar.

Mingħajr ma tiġi kkuntesta l-ħtieġa biex l-awtoritajiet pubbliċi jfittxu l-għanijiet politiċi tagħhom permezz tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, madankollu hemm raġuni biex jiġi kkunsidrat iktar bir-reqqa t-tfassil tagħha fl-istadji kollha tal-proċedura leġiżlattiva u l-implimetazzjoni mill-Istati Membri. Riforma regolatorja hija bżonnjuża sabiex tiġi adattata għall-bidliet fl-Unjoni u barra minnha. Dmirijiet amministrattivi mhumiex eċċezzjoni.

Għal dan il-għan u fil-qafas ta’ l-inizjattivi għal Regolazzjoni Aħjar (b’attenzjoni xierqa tingħata għax-xewqa li jinżamm korp leġiżlattiv stabbli), il-Kummissjoni sejħet għal reviżjoni regolari tad-dmirijiet amministrattivi eżistenti fil-livelli ta' l-UE u ta' l-Istati Membri u biex jittieħdu f’konsiderazzjoni l-benefiċċjji u l-ispejjeż ġenerali meta titħejja leġiżlazzjoni ġdida u tiġi ssimplifikata waħda eżistenti[3]. Spejjeż regolatorji, li d-dmirijiet amministrattivi huma biss element wieħed minnhom, għandhom jiġu analizzati f’kuntest wiesa’, li jinkludi l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ta' l-ambjent u l-benefiċċji ta' regolazzjoni. Reviżjoni regolari u analiżi integrata għandu jitqies minn kulħadd bħala komponent essenzjali ta' Regolazzjoni Aħjar.

2. KWANTIFIKAZZJONI TAL-PIż AMMINISTRATTIV FL-UE - IL-QAGħDA PREżENTI

It-Trattat tal-KE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha “tieħu f’konsiderazzjoni kif jixraq tal-bżonn li jiġi mminimizzat kwalunkwe piż, kemm finanzjarju u kemm amministrattiv, li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini b’mod proporzjonat ma’ l-għan li jrid jintlaħaq" (Il-Punt 9 - Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità).

Sabiex tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni diġà qiegħda tivvaluta l-impatt tal-miżuri proposti fit-terminu ta' piż amministrattiv u tevalwah meta tissimplifika leġiżlazzjoni eżistenti, iżda m’għandhiex metodu kwantitattiv ieħor biex tagħmel hekk. Analiżi trid issegwi regoli bażiċi, imma se tvarja b’mod naturali minn każ għal każ jekk xejn minħabba li l-metodoloġiji biex tinġabar id- data jridu jvarjaw minn każ għall-ieħor.

Xi sforzi biex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv ma involvewx kwantifikazzjoni. F’dawk il-każijiet, ilmenti u suġġerimenti minn gruppi interessati jinġabru permezz ta’ konsultazzjoni pubblika; grupp ta’ esperti ta’ livell għoli imbagħad jirrevedi l-qafas regolatorju u jagħmel rakkomandazzjonijet għal simplifikazzjoni[4].

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-16 ta’ Marzu 2005 dwar Regolazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet, il-Kummissjoni, filwaqt li enfasizzat li meta sseħħ l-azzjoni li l-ispejjeż ta’ l-azzjoni pubblika jingħatalhom piż differenzjat ma kinitx fundamentalment “anti-regolazzjoni”, ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħmel iktar progress fuq il-kwistjoni u tesplora l-possibbiltà ta’ żvilupp ta’ strateġija komuni fil-livell ta’ l-UE. (COM(2005)97). Id-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff anness mal-Komunikazzjoni indika strateġija possibbli u nieda l-fażi bi prova li fuqha hija mibnija l-Komunikazzjoni preżenti[5].

Il-bżonn għal iktar progress kien ukoll enfasizzat mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill f’okkażjonijiet varji, hekk ukoll mill-Presidenza tal-Kunsill[6]. Il-Parlament Ewropew, fost ħwejjeġ oħra, qed jipprepara rapport fuq inizjattiva personali dwar il-minimizzazzjoni ta’ l-ispejjeż amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE.

Fir-rigward ta’ l-Istati Membri, numru dejjem jikber tagħhom qed juru interess fil-kwantifikazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-piż amministrattiv. Hemm konverġenza ċara lejn l-hekk imsejjaħ Mudell Standard ta' l-Ispejjeż (SCM). Il-Mudell, li ġie introdott għall-ewwel darba fl-Olanda fl-2002, kien maħsub bħala għodda biex jitkejjel il-progress tal-programmi tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fil-livell nazzjonali. Dan jikkonsisti minn evalwazzjoni dettaljata ta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni individwali, ibbażati l-iżjed fuq intervisti diretti ma’ intrapriżi u deċiżjonijiet ta’ l-esperti (strateġija ta’ mikro evalwazzjoni). Għandha tinġabar data dwar iż-żmien u l-ispejjeż tax-xogħol meħtieġa għall-konformità ma’ kull rekwiżit ta’ tagħrif impost minn att leġiżlattiv, kif ukoll dwar in-numru ta’ entitajiet ikkonċernati.

Żewġ Stati Membri, l-Olanda u d-Danimarka, evalwaw il-leġiżlazzjoni fis-seħħ kollha tagħhom u issa qed jevalwaw sistematikament il-miżuri l-ġodda kollha. Ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka qed jippreparaw biex jagħmlu bħalhom iżda b’kejl bażiku tagħhom innifishom. Mill-inqas seba’ Stati Membri oħra ħadu passi billi eżaminaw l-SCM jew qed jippjanaw li jagħmlu hekk f'settur jew tnejn. Stat Mebru wieħed, il-Ġermanja, huwa osservatur fin-netwerk informali, imwaqqaf mill-utenti u l-eżaminaturi ta' l-SCM In-netwerk informali inbidel fi grupp internazzjonali ta’ direzzjoni f’Londra fid-19 ta’ Settembru 2005.

Mill-banda l-oħra, minn Ottubru 2005, tlettax-il Stat Membru ieħor ma jidhrux li qed jikkwantifikaw l-ispejjeż amministrattivi jew li qed jarawha li sseħħ fuq bażi ta’ prova. Xi wħud saħansitra indikaw li jippreferu minflok jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq simplifikazzjoni konkreta tal-miżuri.

3. IL-FATTIBBILTÀ TA’ METODOLOġIJA KOMUNI TA’ L-UE

Li tevalwa s-sejbiet tal-fażi bi prova u l-istudju ta' l-isforzi tal-kwantifikazzjoni fil-livell ta' l-Istati Membri qisha sa ċertu punt li tiddeċiedi jekk it-tazza hix nofsha mimlija jew jew nofsha vojta. Per eżempju, numru ta' punti metodoloġiċi ma setgħux jiġu indirizzati kompletament u kien hemm problemi bid-disponibbiltà u l-preċiżjoni tad- data bażika.

Il-Kummissjoni tagħżel li tkun ottimista u tikkonkludi pożittivament dwar il-fattibbiltà ta' metodoloġija komuni ta' l-UE, b’mod ġenerali. Il-konklużjoni pożittiva, madankollu, tiddependi fuq diversi kundizzjonijiet, notevolment li (1) l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri ta' l-UE kollha jużaw l-istess definizzjoni, ekwazzjoni ċentrali u dokument ta’ rappurtaġġ meta jiġu eżaminati l-ispejjeż amministrattivi fil-livell ta' l-UE; (2) il-metodoloġija komuni ta' l-UE hija applikata b’mod proporzjonat, (3) li izjed Stati Membri minn kull parti ta’ l-Unjoni jixtiequ jikkontribwixxu u (4) livell adegwat ta’ riżorsi ta’ l-istaff u finanzjarji huma disponibbli fi ħdan il-Kummissjoni għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni.

Il-metodoloġija komuni ta’ l-UE għandha tiġi applikata b’mod proporzjonat. Għandha tiġi applikata biss meta l-ammont tad-dmirijiet amministrattivi imposti minn att ta’ l-UE jiġġustifikaha u l-isforz ta’ l-eżami għandu jibqa’ proporzjonat ma’ l-ammont ta’ l-ispejjeż amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, trid tkun permessa flessibbiltà adegwata fil-mili tad-dokument komuni tar-rappurtaġġ.

Fir-rigward tan-numru u d-distribuzzjoni ta' l-Istati Membri li jikkontribwixxu, l-evidenza miġbura permezz ta’ proġetti bi prova tissuġġerixxi li għadhom m’humiex jipprovdu bażi suffiċenti għall-kalkolu ta' l-ispejjeż fil-livell ta’ l-UE. Idealment, il-maġġoranza ta' l-Istati Membri għandhom ikunu lesti u kapaċi jipprovdu data (din hija ħaġa iebsa li tkun aktar speċifika fuq il-massa kritika meħtieġa minħabba li x'aktarx ikun hemm varjazzjoni minn settur għall-ieħor). Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jintħeġġu biex jagħtu l-kontribut tagħhom, il-Kummissjoni naturalment se żżomm ir-responsabbiltà li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż tal-proposti tagħha abbażi ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-evidenza disponibbli[7].

Strateġija minimalista titlob biss li l-Istati Membri li jikkontribwixxu jipprovdu data b’mod standardizzat dwar l-ispejjeż tax-xogħol, iż-żmien u n-numru ta’ operaturi affettwati minn miżura (proposta) ta’ l-UE u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri ma jkollhomx japplikaw bilfors il-metodoloġija komuni ta’ l-UE biex jevalwaw il-leġiżlazzjoni purament nazzjonali tagħhom. Il-koeżistenza ta’ metodoloġiji differenti ħafna fil-livell nazzjonali u ta’ l-UE għandhom madankollu jżidu b’mod sinjifikanti l-ispejjeż ta’ l-evalwazzjoni ġenerali fit-termini ta’ duplikazzjoni u telf ieħor ta' effiċenza[8]. Il-konverġenza bejn il-metodoloġiji nazzjonali u ta’ l-UE tista’ barra minn hekk tiżgura l-interoperabbiltà bejn id- databases u toffri ekonomiji ta’ skala ikbar fit-terminu tal-ġbir tad- data .

Il-metodoloġija komuni ta’ l-UE tiggwadanja minn kjarifikazzjoni fuq numru ta’ kwistjonijiet tekniċi elenkati fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff fl-Anness (It-taqsima 4.1). Sforzi għall-ottimizzazzjoni madankollu ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala rekwiżiti għall-introduzzjoni ta' metodoloġija komuni. Id-dħul fi proċess ta’ ‘tgħallem billi tagħmel’ jista' jgħin ukoll biex jissolvew dawn il-kwistjonijiet.

4. IL-VALUR MIżJUD TA’ METODOLOġIJA KOMUNI TA’ L-UE

Abbażi tas-sejbiet tal-fażi bi prova u l-istudju ta’ l-isforzi ta’ kwantifikazzjoni fil-livell ta’ l-Istati Membri, u għalkemm għad fadal ħafna xogħol ta’ ottimizzazzjoni xi jsir, l-iktar fil-livell ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

(1) kwantifikazzjoni speċiifika bbażata fuq l-ispejjeż tgħin biex jiġu evalwati miżuri mill-perspettiva ta’ dawk li ġew affettwati u jieħdu f’konsiderazzjoni l-effetti ta’ distribuzzjoni ta’ miżura;

(2) kwantifikazzjoni speċifika bbażata fuq l-ispejjeż tikkontribwixxi għal trasparenza regolatorja (il-kwantifikazzjoni ta' l-ispejjeż tgħin biex il-korrelazzjonijiet ikunu iktar trasparenti, sakemm il-benefiċċji inklużi benefiċċji dewwiema jkunu investigati wkoll);

(3) kwantifikazzjoni speċifika bbażata fuq l-ispejjeż spiss tipprovdi indikatur rilevanti biex jiġi prijoritarizzat ix-xogħol ta’ simplifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, sakemm iċ-ċifri jitpoġġew fil-perspettiva proprja u l-limitazzjonijiet metadoloġiċi jkunu enfasizzati kif suppost;

(4) kwantifikazzjoni tiffaċilita l-komunikazzjoni (il-komunikazzjoni dwar l-isforzi għas-simplifikazzjoni hija aktar effettiva meta jiġu pprovduti riżultati kkwantifikati; dan hu partikolarment minnu fil-każ ta’ l-Unjoni peress, li ħafna miżuri ta' l-UE huma tekniċi u għalhekk it-titli tagħhom spiss ifissru ftit li xejn għall-pubbliku ġenerali);

(5) metodoloġija komuni ta’ l-UE tiffaċilita t-tqabbil tar-rendiment u l-identifikazzjoni ta’ l-aħjar prassi;

(6) metodoloġija komuni ta’ l-UE tiżgura li data nazzjonali tkun tista’ faċilment tiżdied bl-għan li jiġu evalwati atti individwali u/jew piż kumulattiv fil-livell settorjali.

Għalhekk ikun hemm valur nett miżjud sakemm metodoloġija komuni ta’ l-UE ma tkunx bi ħsara għall-analiżi ta' impatti oħra.

5. SINTEżI TA’ METODOLOġIJA KOMUNI TA’ L-UE BIEX JIġU EVALWATI L-ISPEJJEż AMMINISTRATTIVI IMPOSTI B’LEġIżLAZZJONI

Metodoloġija komuni ma tfissirx li ma jkollok l-ebda flessibbiltà fil-livell ta’ l-UE jew nazzjonali. Metodoloġija hija magħmula minn bosta komponenti fundamentali. Sabiex ikun hemm metodoloġija komuni ta’ l-UE, xi wħud iridu jintużaw minn kulħadd, oħrajn jistgħu ma jkunux obbligatorji. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE u l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jintroduċu karatteristiċi speċifiċi fil-metodoloġija tagħhom biex jevalwaw il-piż amministrattiv impost b’leġiżlazzjoni sakemm iċ-ċifri li jirriżultaw (1) ikunu jistgħu faċilment jitqabblu u (2) ikunu jistgħu faċilment u b’mod affidabbli jiżdiedu bl-għan ta' l-evalwazzjoni tal-piżijiet kumulattivi. Dan hu partikolarment minnu fil-każ tal-metodi ta' ġbir tad-data. Is-sinteżi ppreżentata fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff fl-Anness tkompli telabora fuq elementi oħra li mhumhiex obbligatorji jew li huma flessibbli u li hemm bżonn li jkunu ppriservati.

Madankollu, kif imsemmi qabel, il-Kummissjoni tqis li ma jistax ikun hemm l-ebda metodoloġija komuni mingħajr it-tliet komponenti li ġejjin: definizzjoni komuni, ekwazzjoni ċentrali komuni u dokument ta’ rappurtaġġ komuni. Il-fażi bi prova kkonfermat tentativament l-adegwatezza tad-definizzjoni, l-ekwazzjoni ċentrali u d-dokument ta’ rappurtaġġ ippreżentati fl-Anness tad-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff.

L-evalwazzjoni ta' l-ispejjeż amministrattivi netti kif proposta mill-Kummissjoni (spejjeż ġodda imposti minn att neħħi l-ispejjeż soppressi mill-istess att sew f’livell ta' l-UE sew f’ta’ l-Istat Membru) tidher preferibbli għal numru ta’ raġunijet. Turi b'mod ċar sa fejn waslu l-isforzi għas-simplifikazzjoni u jneħħu l-impressjoni li d-dmir ta’ l-UE awtomatikament ifisser spejjeż ‘ġodda’. Barra minn hekk, tkun konsistenti mal-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-istima ta’ l-impatt u l-manwal nazzjonali ta’ l-RIA (Stima ta’ l-Impatt Regolatorja), kif ukoll li tkun konformi ma’ l-ewwel prinċipju ta’ gwida ta’ l-OECD għal kwalità u rendiment regolatorji. Fl-aħħar nett, strateġija ta’ l-ispejjeż netti jkollha vantaġġ ċar għal dawk l-Istati Membri li jevalwaw piż amministrattiv b’mod sistematiku. L-ewwel nett, b’ċifri netti, m’hemmx bżonn li tgħaddi minn evalwazzjonijiet perjodiċi li jqumu l-flus tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ kollha kemm hi. It-tieni nett, ċifri konsolidati jistgħu jiġu prodotti fi kwalunkwe ħin li jfisser li l-progress jista’ jkun monitorjat fuq bażi kontinwa (m’hemmx bżonn li tistenna l-eżerċizzju ġenerali ta' l- istocktaking biex issir taf kif il-piż amministrattiv totali evolva mill-kejl tal-linja bażi inizjali).

Peress li l-mudell ta’ l-UE propost qed jibni fil-biċċa l-kbira fuq il-Mudell Standard ta’ l-Ispejjeż, l-ispejjeż ta’ l-aġġustamenti għall-utenti u l-eżaminaturi għandhom ikunu minimi.

Għandu jkun possibbli li jiżdiedu elementi komuni oħra biex jissimplifikaw l-evalwazzjoni u jsaħħu t-tqabbil u l-addizzjoni tad- data . Dan għandu jkompli jiġi studjat mal-Kunsill u l-Istati Membri.

6. IL-PASSI LI JMISS

Għall-medda qasira taż-żmien, il-Kummissjoni:

(1) bi ħsiebha tinkludi il-komponenti metadoloġiċi validati tentativament mill-fażi bi prova (jiġifieri id-definizzjoni komuni, l-ekwazzjoni ċentrali komuni u d-dokument ta’ rapurtaġġ komuni), fil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-istima ta’ l-impatt u għall-valutazzjoni, bl-implimentazzjoni u l-użu effettivi ikunu suġġetti għal

(a) il-prinċipju ta’ l-analiżi proporzjonata, bil-Kummissjoni iżżomm ir-responsabbiltà li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż tal-proposti tagħha;

(b) id-disponibbiltà ta’ data suffiċenti, affidabbli u rapreżentattiva, kompatibbli mal-metodoloġija komuni ta’ l-UE. F’dan il-kuntest l-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu data bħal din kif xieraq;

(c) id-disponibbiltà ta’ livell adegwat ta’ riżorsi ta’ l-istaff u finanzjarji

(2) tistieden lill-Istati Membri, f’laqgħa tal-Kunsill, biex isibu qbil mal-Kummissjoni dwar metodoloġija komuni, u jibnu fuq ir-riżultati tal-fażi bi prova tal-Kummissjoni;

Għall-medda itwal taż-żmien, il-Kummissjoni tipproponi:

(3) li teżamina, bl-għajnuna tal-grupp ta’ livell għoli ta’ esperti nazzjonali dwar regolazzjoni aħjar, kif se ssolvi l-kwisjonijiet metodoloġiċi pendenti;

(4) it-tfassil ta’ abbozz ta’ manwal operattiv ta’ l-UE b’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri;

(5) li tesplora, fuq bażi ta’ eżami, jekk il-metodoloġija komuni ta’ l-UE tistax tintuża b’mod sinjifikattiv jew tevalwa il-piż kumulattiv fis-settur settorjali;

(6) li tiftaħ negozjati interistituzzjonali bl-għan li tinkludi l-metodoloġija komuni ta' l-UE fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

[1] Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff, L-Iżvilupp ta’ metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ l-ispejjeż amministrattivi imposti b’leġiżlazzjoni ta' l-UE - Rapport dwar il-Fażi bi Prova (April - Settembru 2005), SEC(2005) 1329.

[2] Eżempji bħad-dmir li jiġu ippubblikati kontijiet kull sena jew li jiġu ppreżentati karozzi għal spezzjoni kull sena juru b’mod ċar kemm jistgħu jkunu indispensabbli d-dmirijiet amministrattivi.

[3] COM(2005)24.

[4] Ara per eżempju il-ħidma dwar il-piż regolatorju kumulattiv imqiegħed fuq is-settur al-karozzi (http://europa.eu.int/comm/enterprise/automotive/pagesbackground/competitiveness/cars21.htm).

[5] ‘Minimizzazzjoni ta' l-Ispejjeż imposti minn din il-leġiżlazzjoni’, SEC(2005)175.

[6] B’mod partikolari, ċifri ta' piżijiet amministrattivi fl-Istqarrija Konġunta “L-avvanz tar-riforma regolatorja fl-Ewropa" ffirmata fis-7 ta' Diċembru 2004 mis-sitt Stati Membri li kellhom wieħed wara l-ieħor il-presidenza tal-Kunsill mill-2004 sa l-2006 (l-Irlanda, l-Olanda, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Awstrija).

[7] Jekk isir mod ieħor jistgħu jinħolqu diffikultajiet kbar, speċjalment għal evalwazzjonijiet ex-ante fejn l-Istati Membri jistgħu ma jifhmux il-proposta bl-istess mod, ma jkunux iddeċidew fuq kif jispeċifikaw proċeduri amministrattivi jew ma jkollhom ebda data, u ma jistgħux ikunu mistennija li jipprovdu estimi f'waqthom peress li l-proposta tiġi modifikata waqt il-fażi ta' żvilupp tagħha.

[8] Il-ko-eżistenza ta’ metodoloġiji - inkompatibbli - fil-livell ta’ l-UE u nazzjonali jżid l-ispejjeż ta’ l-evalwazzjoni għar-raġunijiet li ġejjin. L-Istati Membri li jużaw definizzjoni differenti jew metodu ta' kwantifikazzjoni ieħor ma jkollhomx f’idejhom id-data mitluba għal evalwazzjoni mifruxa ma’ l-UE kollha, jiġu obbligati li jorganizzaw ġbir ta’ data speċifika. Li tintuża l-istess definizzjoni u l-istess strateġija għall-mezzi ta' kwantifikazzjoni tfisser li dawk li jkunu għadhom kif ġew jistgħu jevalwaw il-piż amministrattiv f’pajjiżhom billi jibnu fuq id-data eżistenti f’pajjiżi simili.

Top