EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0456

Rapport mill-Kummissjoni - L-Ewwel Rapport Annwali ta' Progress dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti u r-Reviżjoni ta' l-Acquis

/* KUMM/2005/0456 finali */

52005DC0456

Rapport mill-Kummissjoni - L-Ewwel Rapport Annwali ta' Progress dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti u r-Reviżjoni ta' l-Acquis /* KUMM/2005/0456 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.9.2005

KUMM(2005) 456 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

L-Ewwel Rapport Annwali ta' Progress dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntrattiu r-Reviżjoni ta' l-Acquis

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

L-Ewwel Rapport Annwali ta' Progress dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti u r-Reviżjoni ta' l-Acquis (Test b’relevanza għall–EEA)

1. DAħLA

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-progress li sar fil-qasam ta’ l-inizjattiva tal-Liġi Ewropea tal-Kuntratti (ECL) u r-reviżjoni ta’ l- acquis mindu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti u r-reviżjoni ta’ l- Acquis ta’ l-2004 (“il-Komunikazzjoni ta' l-2004”)[1] u jagħti sinteżi tal-kwistjonijiet ewlenin ta’ politika.

Dan ir-rapport, l-ewwel wieħed minn serje ta' rapporti annwali, jissodisfa l-impenn li ħadet il-Kummissjoni lejn il-Kunsill[2] u l-Parlament Ewropew (PE)[3] fil-Komunikazzjoni ta' l-2004.

Ingħata wkoll appoġġ lill-proġett mill-Kunsill Ewropew li fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Novembru 2004[4], bħala segwitu għall-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, adotta l-hekk imsejjaħ Programm ta’ Hague[5] li jinkludi wkoll il-Qafas Komuni ta' Riferiment (CFR - Common Frame of Reference ). Sussegwentement, il-Kummissjoni inkorporat is-CFR fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha ta’ l-10 ta' Mejju 2005[6], li kien ukoll approvat mill-Kunsill[7]. Barra minn hekk, il-PE, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-programm leġiżlattiv u ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2005[8], jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli bil-proġett ECL, u jenfasizza x-xewqa tiegħu li jkun assoċjat bis-sħiħ mal-proġett.

2. IT-TħEJJIJA TAS-CFR

2.1. Netwerk ta’ Riċerka

L-evalwazzjoni tal-proposti rċevuti wara sejħa għall-proposti f'Diċembru 2002 waslet għall-għażla ta’ netwerk ta’ riċerka li jkopri fil-wisa' t-tradizzjonijiet legali Ewropej[9]. Ir-riċerka hija mqassma f’pakketti ta’ ħidma proposti mir-riċerkaturi li se jikkontribwixxu għall-abbozz tas-CFR li għandu jsir sa tmiem l-2007.

2.2. CFR-net

2.2.1. L-Istabbiliment ta’ CFR-net

Wara sejħa għall-wiri ta’ interess[10], ġie stabbilit in-netwerk ta’ esperti minn partijiet interessati dwar is-CFR (“CFR-net”). Il-parteċipazzjoni tiegħu tassigura li r-riċerka tqis il-kuntest prattiku, li fih iridu jiġu applikati r-regoli, u l-ħtiġijiet ta’ l-utenti.

L-għażla ta’ l-esperti kienet ibbażata fuq 4 kriterji: varjetà ta' tradizzjonijiet legali, bilanċ ta' interessi ekonomiċi, għarfien espert u livell ta' impenn. Twettqet f’żewġ fażijiet ta’ evalwazzjoni, u t-tieni fażi kellha l-għan li jitranġaw in-nuqqasijiet inizjali fir-rigward tar-rappreżentazzjoni professjonali u ġeografika. In-netwerk issa għandu 177 membru, b’rappreżentanza wiesgħa ta’ l-Istati Membri u l-professjonijiet[11]. Lista tal-membri hija disponibbli pubblikament[12].

2.2.2. Il-Ħidma ta’ CFR-net

Is-CFR-net beda ħidmietu b’konferenza fil-15 ta’ Diċembru 2004. Matul il-proċess ta’ riċerka, se jagħti kontribut permezz ta’ kummenti fuq id-dokumenti ta’ riċerka, sabiex jiġu diskussi f'laqgħat ta' ħidma u fuq websajt speċifika għal dan il-għan.

F'dan l-istadju, 32 tema ġew identifikati għad-diskussjoni qabel it-tmiem ta’ l-2007. Il-membri tas-CFR-net irreġistraw l-interess tagħhom f’oqsma ta’ riċerka speċifiċi fuq il-bażi ta’ l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. Minħabba li l-laqgħat ta' ħidma għandhom jippermettu diskussjonijiet sostanzjali, id-daqs tal-gruppi kellu jkun limitat. Il-parteċpanti fil-laqgħat ta' ħidma jintgħażlu skond l-istess kriterji bħall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kumplessivament. Dawk il-membri tas-CFR-net li ma jistgħux jitħallew jieħdu sehem fil-laqgħat ta' ħidma jiġu mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

Attwalment, l-involviment tal-membri tas-CFR-net fil-ħidma ta’ riċerka huwa mqassam kif ġej:

- Qabel il- workshops , l-abbozzi ta’ riċerka jitpoġġew fuq il-websajt speċifika. Dawk il-membri tas-CFR-net li rreġistraw interess fit-tema speċifika jiġu mistiedna jeżaminaw l-abbozzi u jikkummentaw.

- Wara l-laqgħat ta' ħidma, l-esperti tas-CFR-net jiġu mistiedna jagħtu sinteżi bil-miktub tal-kontribut tagħhom lid-diskussjoni. Il-Kummissjoni tħejji rapport li jirrifletti l-kummenti mressqa mill-membri tas-CFR-net fil-laqgħa ta' ħidma , il-kontributi bil-miktub tagħhom u r-reazzjonijiet tar-riċerkaturi. Speċifikament, ir-rapporti jidentifikaw kwistjonijiet ta’ politika, partikolarment dawk rilevanti għall- acquis tal-liġi tal-kuntratti tal-konsumatur, kif ukoll mistoqsijiet orizzontali.

- Ir-riċerkaturi għandhom 6 xhur sabiex jirreaġixxu għall-kummenti tas-CFR-net miġbura fil-qosor fir-rapport tal-Kummissjoni, billi jdaħħluhom fl-abbozzi riveduti tagħhom, jew, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, billi jispjegaw ir-raġunijiet għal dan.

Minn Marzu 2005 ‘l hawn, saru l-laqgħat ta' ħidma li ġejjin: Kuntratti ta’ servizzi (il-11 ta’ Marzu); Frankiġja, Aġenzija, Distribuzzjoni (is-16 ta’ Marzu); (Drittijiet ta’ Sigurtà Personali (id-19 ta’ April); Intervent Benevolu (id-29 ta’ April); Arrikkament Inġust (l-20 ta’ Mejju) Il-Kunċett u l-Funzjonijiet ta’ Kuntratt (is-7 ta’ Ġunju) u l-Kunċett ta’ Konsumatur u Professjonist (il-21 ta’ Ġunju).

2.3. In-netwerk ta’ esperti ta' l-Istati Membri

In-netwerk ta’ esperti ta’ l-Istati Membri dwar is-CFR ġie stabbilit wara li dawn ġew nominati mill-Istati Membri. Il-lista tal-membri hija disponibbli pubblikament[13]. In-netwerk beda ħidmietu bl-ewwel laqgħa ta' ħidma fit-3 ta' Diċembru 2004[14]. It-tieni laqgħa ta' ħidma fil-31 ta’ Mejju 2005 sar speċifikament għar-reviżjoni ta’ kwistjonijiet proċedurali u sostantivi li ħarġu mill-ħidma fuq is-CFR[15].

2.4. Websajt

Il-Kummissjoni stabbiliet websajt speċifika li għandhom aċċess għaliha l-membri tas-CFR-net, l-esperti ta’ l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew. Id-dokumenti rilevanti kollha, eż. l-abbozzi tar-riċerkaturi, il-kummenti tas-CFR-net, ir-rapporti tal-laqgħat ta' ħidma tal-Kummissjoni, se jitpoġġew fuqha matul il-proċess kollu tas-CFR.

2.5. Forum ta’ Diskussjoni Ewropew

L-ewwel Forum ta’ Diskussjoni Ewropew - forum li, skond il-Komunikazzjoni ta’ l-2004, kellu l-għan li jlaqqa' flimkien perjodikament dawk kollha li qed jikkontribwixxu fuq livell politiku jew tekniku għall-iżvilupp tas-CFR, partikolarment membri tas-CFR-net u l-esperti ta' l-Istati Membri - kien skedat għas-7/8 ta' Lulju 2005 f'Londra, ko-ospitat mill-presidenza tar-Renju Unit. Din il-konferenza kellha titħassar minħabba l-attakki terroristiċi f’Londra. Issa hija skedata għas-26 ta’ Settembru 2005. Il-Forum ta' Diskussjoni Ewropew li jmiss, ko-ospitat mill-Presidenza Awstrijaka, huwa previst għall-25/26 ta’ Mejju fi Vjenna.

2.6. Kwistjonijiet li ħarġu mill-ewwel fażi ta’ tħejjija għas-CFR.

2.6.1. CFR-net u reviżjoni ta’ l-acquis

Kif ġie indikat fil-Komunikazzjoni ta’ l-2004, is-sejbiet rilevanti (eż. d-definizzjonijiet, ir-regoli mudell) fit-tħejjija għas-CFR se jiġu ttestjati fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l- acquis li għandu x'jaqsam mal-konsumaturi. Ir-reviżjoni ta’ l- acquis min-naħa tagħha, tagħti kontribut għall-iżvilupp tas-CFR usa’. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li t-tħejjija tas-CFR tiffoka biċ-ċar fuq l-aspetti ta’ politika sabiex ikun iggarantit li l-proċess jiffunzjona aħjar u jkun iżjed effiċjenti. Il-Kummissjoni, għalhekk, se tipprijoritizza b’mod ċar il-kwistjonijiet li huma rilevanti għall- acquis tal-liġi tal-kuntratti tal-konsumatur, u oqsma oħra ta’ l- acquis marbuta mal-liġi tal-kuntratti .

2.6.2. Kwistjonijiet proċedurali

L-effiċjenza tal-kooperazzjoni fi ħdan il-proċess CFR hija essenzjali. Il-Kummissjoni, għalhekk, tixtieq ittejjeb il-ħidma fis-CFR-net, u partikolarment ittejjeb l-effettività tal-kontribut tas-CFR-net. Kif ġie deċiż iktar qabel, mit-tieni nofs ta’ l-2005 l-Kummissjoni se testendi, minn xahar għal xahrejn, iz-żmien li l-membri tas-CFR-net se jkollhom biex jeżaminaw l-abbozzi tar-riċerkaturi.

L-evalwazzjoni tal-kwestjonarji li l-Kummissjoni qassmet fil-laqgħat ta' ħidma tas-CFR kif ukoll id-diskussjonijiet ma' l-esperti ta’ l-Istati Membri kienu utli ħafna. Fuq dan l-isfond, sabiex jittejjeb il-proċess tas-CFR, il-Kummissjoni sejra:

- Tipprijoritizza dawk it-temi/laqgħat ta' ħidma li huma importanti għar-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur, u possibbilment iżżid mal-lista ta’ temi/laqgħat ta' ħidma bi kwistjonijiet rilevanti ta’ l- acquis .

- Tirranġa għal indikazzjoni fl-abbozzi ta’ dawk il-partijiet tar-regoli li huma speċifikament rilevanti għall-użu ewlieni tas-CFR, jiġifieri r-reviżjoni ta' l- acquis , u dawk il-partijiet li jipprovdu dettalji supplimentari possibbilment għall-użu mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' direttivi.

- Tintroduċi iktar flessibbiltà fl-għamla tal-laqgħat ta' ħidma (eż. fejn xieraq, torganizza “gruppi ta' abbozzar" sabiex jelaboraw l-abbozzar ta' rakkomandazzjonijiet għal mistoqsijiet speċifiċi; jinnominaw delegati mil-laqgħat ta' ħidma sabiex tkun żgurata l-koerenza orizzontali).

- Tinvestiga possibilitajiet sabiex tiffinalizza d-diskussjoni fejn diġà saret laqgħa ta' ħidma waħda.

- Tistieden riċerkaturi sabiex jagħtu sinteżi komprensiva li tiġbor fil-qosor il-karatteristiċi ewlenin ta’ l-abbozz qabel ma ssir il-laqgħa ta' ħidma.

- Torganizza laqgħat ta' ħidma dwar l-istruttura kumplessiva ta’ l-abbozz tas-CRF.

- Tistieden rappreżentanti mill-Istati Membri jew il-Parlament Ewropew sabiex jipproduċu abbozzi ta’ rapporti fuq il-laqgħat ta' ħidma tas-CFR. Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tirrevedi abbozzi ta’ rapporti sabiex tiggarantixxi rrappurtar newtrali u konsistenti.

2.6.3. Kwistjonijiet sostantivi orizzontali

Fir-rigward tas-sustanza, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza dan li ġej, fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-partijiet interessati u l-Istati Membri:

- Il-Kummissjoni se tinkludi fil-proċess tas-CFR kwistjonijiet li joħorġu mill-fażi dijanjostika tar-reviżjoni ta' l- acquis tal-konsumatur.

- Id-definizzjonijiet ta’ termini legali astratti huma indispensabbli għat-tħejjija tas-CFR u jeħtieġ li jiddaħħlu fl-abbozzi. Fejn jinħtieġ li jkun hemm distinzjoni skond is-settur speċifiku, dan għandu jiġi enfasizzat u spjegat. Id-definizzjonijiet għandhom jiġu kkoordinati mill-qrib mar-regoli elaborati.

- Il-koerenza kumplessiva ta’ abbozz ta’ CFR hija kruċjali: l-interdipendenza bejn il-liġi ġenerali tal-kuntratti u dik speċifika jeħtieġ li tiġi ċċarata. Għal kwistjonijiet orizzontali, jeħtieġ li jinsabu soluzzjonijiet koerenti. L-ambitu tar-regoli għandu jiġi ċċarat.

- Deċiżjonijiet ta’ politika għandhom jiġu identifikati u spjegati b'mod ċar, partikolarment fis-sinteżi tar-riċerkaturi u fil-kummenti marbuta ma' l-abbozzi tar-regoli.

- Il-prinċipju tal-libertà ta’ kuntratt jeħtieġ li jingħata importanza kruċjali għall-proċess. Jekk ir-regoli jkunu obbligatorji, dan għandu jiġi ċċarat u ġġustifikat fl-abbozzi.

- Hija ta’ importanza kbira li ssir distinzjoni xierqa bejn kuntratti B2B u B2C. Il-liġi tal-konsumatur taġġusta l-iżbilanċi strutturali bejn konsumatur u negozjant; għalhekk, deċiżjonijiet ta’ politika jistgħu jittieħdu b’mod differenti f’kuntest ta’ B2B u f’kuntest ta’ B2C. Sabiex jinsabu soluzzjonijiet li jagħmlu biżżejjed distinzjoni, jidher li jixraq trattament każ b'każ li jidentifika fejn jinħtieġu regoli tal-konsumatur speċifiċi u li, għal dawn il-każi, jissuġġerixxi devjazzjonijiet mir-regoli ġenerali.

Il-Kummissjoni se tistieden ir-riċerkaturi jqisu dawn il-kwistjonijiet fit-tħejjija ta’ abbozzi futuri jew fir-reviżjoni ta’ l-abbozzi.

3. IR-REVIżJONI TA' L- ACQUIS TAL-KONSUMATUR

Sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tagħha ta’ Regolazzjoni Aħjar u tibbenefika minn sinerġiji mal-proġett ECL, il-Kummissjoni nidiet ir-reviżjoni ta’ l- acquis sabiex il-qafas regolatorju jiġi ssimplifikat u komplut. Il-proċess ta’ reviżjoni huwa deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjoni ta' l-2004 u jieħu mill-eżempju ta’ l- acquis tal-konsumatur minħabba r-rilevanza tiegħu għal-liġi tal-kuntratti. Dan ir-rapport għandu l-għan li jiddeskrivi f'iktar dettall dan il-proċess u darb’oħra jsegwi trattament ibbażat fuq l-eżempji. Il-progress li sar fir-reviżjoni huwa deskritt hawn taħt b’enfasi fuq il-proċess iżda tressqu wkoll xi sejbiet preliminari dwar id-direttivi individwali tal-konsumatur u xi riżultati possibbli.

3.1. Il-Proċess

Il-Kummissjoni għadha fil-fażi dijanjostika li tinvolvi analiżi tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi tal-konsumatur mill-Istati Membri. Dan huwa essenzjali sabiex jiġu identifikati problemi regolatorji, xkiel tas-suq intern u nuqqasijiet fil-ħarsien tal-konsumatur u sabiex ikun evalwat jekk dawn joħorġux minn problemi fid-direttivi eżistenti jew mill-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ħażina fi Stat Membru wieħed jew iktar.

Analiżi komparattiva tal-liġi qiegħda titwettaq bħalissa minn netwerk ta’ akkademiċi u prattikanti legali f’isem il-Kummissjoni. Din l-analiżi se tikkomplimenta l-kontrolli ta’ trażpożizzjoni tal-Kummissjoni. Se teżamina l-applikazzjoni tad-direttivi fl-Istati Membri, inklużi l-każistika nazzjonali ewlenija u deċiżjonijiet amministrattivi. Ir-riċerkaturi se jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar ir-razzjonalizzazzjoni u ssimplifikazzjoni ta’ l- acquis sabiex jeħilsu minn inkonsistenzi, duplikazzjoni, xkiel tas-suq intern u distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. L-istudju se jkun disponibbli għall-pubbliku fil-Ħarifa ta’ l-2006.

Il-Kummissjoni biħsiebha toħroġ dokument komprensiv li jirrapporta fuq ir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur. Dan id-dokument hu mistenni li jiġi ppubblikat fl-ewwel nofs ta’ l-2006.

Il-Kummissjoni biħsiebha twettaq konsultazzjoni mifruxa, u r-riżultati tagħha jkunu disponibbli għall-pubbliku. Il-PE se jkun infurmat regolarment bis-sejbiet u l-progress tal-ħidma tagħna. Se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma permanenti ta’ esperti ta’ l-Istati Membri, kif indikat fil-Komunikazzjoni ta’ l-2004. L-ewwel laqgħa tiegħu se tkun fil-ħarifa ta’ l-2005. Konsultazzjonijiet regolari mal-partijiet interessati se jibdew formalment bil-pubblikazzjoni tar-rapport fl-2006. Madankollu, il-partijiet interessati jistgħu jikkumentaw u jressqu tagħrif lill-Kummissjoni minn qabel.

Minkejja li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar l-għamla tal-konsultazzjoni, l-esperti nazzjonali u l-partijiet interessati se jintalbu jqisu xi direttivi fuq bażi individwali, filwaqt li workshop s speċifiċi jistgħu jiġu organizzati sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ‘orizzontali’, inklużi definizzjonijiet u rimedji.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jagħlaq il-fażi dijanjostika. Il-Kummissjoni se tevalwa l-għażliet varji ta’ politika u tqis il-ħtieġa għal miżuri regolatorji.

Minkejja li għadu kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet dwar id-direttivi individwali, ix-xogħol li sar s'issa fuq id-Direttivi dwar il-Prezz Unitarju[16], l-Inġunzjonijiet[17], it- Timeshare [18], u l-Bejgħ mill-bogħod[19], jipprovdi sejbiet preliminari. Huwa importanti li wieħed jinnota li fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn id-direttivi, il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa li l-infurzar xieraq tagħhom ikun assigurat, inklużi l-miżuri awto-regolatorji. Il-Kumitat li se jiġi stabbilit skond ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Ħarsien tal-Konsumatur[20] se jagħti kontribut siewi għar-reviżjoni.

3.2. Sejbiet preliminari dwar it-traspożizzjoni

3.2.1. Prezzijiet Unitarji

Id-Direttiva tħalli diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha. Dan irriżulta f’miżuri ta’ traspożizzjoni pjuttost diverġenti. L-ewwelnett, id-Direttiva tippermetti, bħala alternattiva għall-unitajiet metriċi, l-użu ta' unitajiet ta’ kwantità li jintużaw normalment u b’mod mifrux fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti fi Stati Membri. Dan wassal għall-użu ta’ unitajiet differenti ta’ kwantità madwar it-territorju tal-Komunità fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, għadu mhuwiex ċar sa liema punt dan jista’ jfixkel it-tqabbil tal-prezzijiet u l-kapaċità ta’ l-impriżi li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stati Membri oħra.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu eżenzjonijiet għall-obbligu ġenerali li l-prezz unitarju jkun indikat, bir-raġuni li indikazzjoni bħal din ma tkunx utli jew tikkawża l-konfużjoni. L-Istati Membri għamlu użu minn din il-possibilità b’modi differenti. Il-Kummissjoni hija konxja li din hija problema, minħabba l-fatt li minoranza biss ta’ prodotti li mhumiex ikel jistgħu jinbiegħu bi prezz unitarju (eż. iż-żebgħa, l-injam). Il-possibbiltà li tiġi żviluppata regola li tgħodd fil-każijiet kollha tidher dubbjuża.

Fl-aħħarnett, id-Direttiva tippermetti, matul perjodu tranżitorju, deroga mill-obbligu ġenerali li jkunu indikati l-prezzijiet unitarji favur in-negozji tal-bejgħ żgħar. Madankollu, minħabba li d-Direttiva ma fihiex definizzjoni ta’ “negozju tal-bejgħ zgħir”, l-Istati Membri identifikaw il-benefiċjarji tad-deroga b'referenza għal kriterji inkonsistenti. Mhuwiex ċar jekk dan iwassalx għal problema sinifikanti, meta wieħed iqis in-natura lokali ta’ ħafna mis-swieq ġeografiċi relevanti.

F’kull każ, minħabba li l-indikazzjonijiet tal-prezz jikkostitwixxu prassi kummerċjali, humiex fir-riklam jew le, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva jiġu kkoordinati mad-Direttiva riċenti dwar Prassi Kummerċjali Inġusti[21].

3.2.2. Inġunzjonijiet

Ħafna mill-entitajiet jew l-organizzazzjonijiet innotifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skond id-Direttiva ta’ l-Inġunzjonijiet huma organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. S’issa, l-ebda waħda minn dawn ma talbet inġunzjoni f’pajjiż li mhuwiex tagħha. Il-ħidma li għaddejja bħalissa għandha tgħin fl-identifikazzjoni x-xkiel ewlieni li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom meta jitolbu inġunzjoni fi Stat Membru ieħor.

L- Office of Fair Trading tar-Renju Unit (OFT) s’issa kellu l-uniku każ. Kumpanija Belġjana kienet qed tibgħat katalgi tax-xiri bil-posta mhux mitluba lil residenti tar-Renju Unit flimkien ma' notifika ta’ rebħa ta’ premju. Il-konsumaturi ngħataw x’jifhmu li kellhom jixtru mill-katalgu sabiex jiksbu l-premju allegat. Madankollu, ir-rebbieħa tal-premju kienu magħżula minn qabel u l-probabbiltà kienet li l-maġġoranza ta’ dawk li rċevew il-katalgu ma kinux se jirċievu l-premju. L-OFT qal li n-notifiki tal-premju kienu qed iqarrqu bil-konsumaturi u talab inġunzjoni mill-qrati Belġjani. Dawn ta' l-aħħar ordnaw li dan ir-reklamar jieqaf.

Ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Ħarsien tal-Konsumatur jistabbilixxi netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-ħarsien ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur, jarmonizza parzjalment is-setgħat ta' investigazzjoni tagħhom u jipprovdi għal għajnuna reċiproka. L-OFT għalhekk se jkun jista’ jitlob lill-kontroparti Belġjana tiegħu sabiex tadotta miżuri ta’ infurzar.

3.2.3. Timeshare

Il-problemi tal-konsumaturi bit- timeshare huma sfida kbira. Il-Kummissjoni tirċievi numru ta’ lmenti, primarjament mingħand konsumaturi u l-Parlament Ewropew, li huma marbuta mat-timeshare fi Spanja u, f'livell inqas, fil-Portugall u Ċipru. Xhieda miċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jidher li tikkonferma li l-problema hija waħda kbira.

Il-kwistjonijiet ewlenin huma:

- Prodotti ġodda ma jaqgħux fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni tat- timeshare (ez. Klabbs tal-btajjel, kuntratti għal inqas minn 3 snin u kuntratti marbuta ma’ akkomodazzjoni fuq dgħajjes);

- Isir reklamar qarrieqi u ma jingħatax biżżejjed tagħrif lill-konsumaturi dwar il-prodott u dwar il-perjodu ta’ riflessjoni;

- Metodi ta’ bejgħ aggressivi eż. bejgħ bil-forza;

- Problemi bil-ħlas lura ta’ depożiti li huma pprojbiti skond id-Direttiva.

Xi wħud minn dawn il-problemi, marbuta ma' prassi ta’ reklamar qarrieqa u aggressiva, se jiġu indirizzati mid-Direttiva riċenti dwar Prassi Kummerċjali Inġusti.

3.2.4. Il-bejgħ mill-bogħod

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar Bejgħ mill-Bogħod s'issa kkonfermat il-ħtieġa li jiġu ċċarati ċerti definizzjonijiet u li t-termini jiġu użati b'mod iktar konsistenti, kemm f'din id-Direttiva kif ukoll minn direttiva għall-oħra. Eżempji tajba huma referenzi għal “jiem ta’ ħidma” u “jiem” fid-Direttiva u l-perjodi “minimi” differenti ta’ riflessjoni fi strumenti differenti ta’ ħarsien tal-konsumatur[22].

Tfaċċaw ukoll problemi iktar sostantivi ta’ definizzjoni. F’sentenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[23] fejn l-OFT talbet sentenza preliminari dwar it-tifsira ta’ “servizzi ta’ trasport”, il-Qorti applikat interpretazzjoni usa’ minn dik li l-Kummissjoni jew l-OFT kellhom u eskludiet l-applikazzjoni tad-Direttiva lil servizzi ta’ kiri ta' karozzi.

Uħud mill-eżenzjonijiet tad-Direttiva qegħdin jikkawżaw problemi wkoll fil-prattika. Pereżempju, il-bejgħ bl-irkant huwa eskluż mid-Direttiva, iżda xi Stati Membri għażlu li jeskludu biss ċerti tipi ta’ bejgħ bl-irkant. Madankollu, ċerti websajts jikkombinaw il-bejgħ bl-irkant ma’ bejgħ bi prezz fiss. Fil-każ ta' l-aħħar, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom japplikaw biss għat-tranżazzjonijiet B2C. Dan jista’ joħloq konfużjoni għall-konsumaturi.

Bl-istess mod, teknoloġiji u prassi ġodda ta’ reklamar jeħtieġu l-kunsiderazzjoni ta’ l-adegwatezza ta' ċerti definizzjonijiet. Pereżempju, tinħtieġ il-konferma bil-miktub ta' tagħrif b’'mezz dewwiemi'. Ċerti Stati Membri għandhom tħassib dwar kif jinterpretaw dan it-terminu fil-kuntest ta’ kuntratti li saru permezz ta’ SMS (jiġifieri messaġġi qosra ta' test li jintbagħtu permezz tal-mowbajls). Fil-konsiderazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni naturalment se tqis l-interpretazzjoni ta’ kunċetti simili fi strumenti Komunitarji oħra, eż. fid-Direttiva dwar ir-Reklamar mill-Bogħod ta’ Servizzi Finanzjarji[24].

Il-Kummissjoni se tara wkoll kemm id-Direttiva hija faċli biex tiġi applikata fil-prattika. In-negozji jew il-konsumaturi kellhom problemi b’aspetti speċifiċi tad-Direttiva? Pereżempju, il-fatt li l-perjodu ta’ riflessjoni jibda minn ġranet differenti fil-każ ta’ prodotti u servizzi ħoloq il-konfużjoni għall-konsumaturi u xkiel għan-negozji fejn kuntratt ikopri kemm prodotti u servizzi?

B’mod iktar ġenerali, ir-reviżjoni tad-Direttiva teħtieġ konsiderazzjoni bir-reqqa ta’ l-interazzjoni tagħha ma' strumenti Komunitarji oħra, kemm fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur (eż. interazzjoni ma' rekwiżiti ta' informazzjoni minn qabel tad-Direttivi dwar l-Ivvjaġġar kollox Kompriż ( Package Travel )[25] u t- Timeshare ; prodotti bħax-xiri bin-nifs jew il-kiri jammontaw għal servizzi finanzjarji għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva u/jew id-Direttiva dwar ir-Reklamar mill-Bogħod ta' Servizzi Finanzjarji?) kif ukoll f’setturi oħrajn bħall-Ħarsien tad-Data u l-Kummerċ Elettroniku.

3.3. Riżultati possibbli

Jekk, matul il-fażi dijanjostika, il-Kummissjoni ssib evidenza li l- acquis jeħtieġ li jiġi rivedut jew komplut, il-Kummissjoni teoretikament tista’ tagħżel bejn żewġ possibbiltajiet:

a) strateġija vertikali li tikkonsisti fir-reviżjoni individwali ta’ direttivi eżistenti (eż. reviżjoni tad-Direttiva tat- Timeshare ) jew ir-regolazzjoni ta’ setturi speċifiċi (eż. Direttiva dwar it-turiżmu, inklużi dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-Ivvjaġġar kollox Kompriż u t- Timeshare );

b) strateġija iktar orizzontali, l-adozzjoni ta' strument ta’ qafas wieħed jew iktar sabiex jirregola l-aspetti komuni ta' l- acquis . Dan/dawn l-istrument(i) ta’ qafas jipprovdi/u definizzjonijiet komuni u jirregola/w id-drittijiet u r-rimedji kuntrattwali ewlenin tal-konsumaturi.

Bl-istrateġija orizzontali, il-Kummissjoni tkun tista’, per eżempju, tħejji direttiva dwar il-kuntratti B2C ta’ bejgħ ta’ oġġetti. Tkun tista’ tirregola konsistentement l-aspetti kuntrattwali tal-bejgħ, li attwalment huma mifruxa f’diversi direttivi (eż. id-Direttivi dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti għall-Konsumaturi[26], Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti[27], Bejgħ mill-Bogħod, u Bejgħ minn fuq l-Għatba tad-Dar)[28]. Skond il-prinċipji ta’ Regolazzjoni Aħjar, dan l-istrument jirrazzjonalizza l-qafas regolatorju konsiderevolment minħabba li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi eżistenti rilevanti jkunu sistematizzati fid-direttiva l-ġdida. Il-partijiet ta’ Direttivi eżistenti li jkopru metodi ta' reklamar (eż. restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod) u servizzi jibqgħu fis-seħħ. Dawn, jekk ikun possibbli u meħtieġ, jista' jkun irregolat minn strument/i ta' qafas separat/i fil-ġejjieni. L-istrateġija orizzontali ma tkunx teskludi soluzzjonijiet vertikali, jekk dan ikun meħtieġ.

Tkun liema tkun l-istrateġija magħżula, is-sinerġiji bejn ir-reviżjoni ta’ l- acquis u l-inizjattiva ECL se jiġu sfruttati.

Kwalunkwe deċiżjoni għar-reviżjoni ta’ l- acquis tkun suġġetta għal evalwazzjoni ta’ l-impatt. Skond il-Ftehim Inter-istituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet[29], ir-riżultati tagħha jsiru disponibbli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-pubbliku.

4. ŻVILUPPI OħRAJN

4.1. Il-Miżura II tal-Pjan ta’ Azzjoni

Fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-2003, il-Kummissjoni qablet li teżamina jekk tistax tippromwovi l-iżvilupp minn partijiet privati ta' Termini u Kundizzjonijiet Standard ("STCs" Standard Terms and Conditions ) mifruxa ma' l-UE kollha partikolarment billi tospita websajt fejn il-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jiskambjaw tagħrif rilevanti.

Wara eżaminazzjoni bir-reqqa, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex xieraq li tospita websajt ta' dan it-tip għar-raġunijiet li ġejjin:

- Jekk l-STCs għandhom jiġu infurzati fis-sistemi legali kollha taż-ŻEE, dawn għandhom ikunu konformi ma' l-iktar liġi nazzjonali restrittiva. Il-Kummissjoni temmen li partijiet li ma joperawx fil-ġurisdizzjonijiet ta’ l-UE kollha, partikolarment f’dawk bl-iktar reġimi nazzjonali restrittivi, jista’ jkollhom it-tentazzjoni li ma japplikawx dawn l-STCs. Dan inaqqas konsiderevolment iċ-ċirku ta’ atturi ekonomiċi li jibbenefikaw minn eżerċizzju bħal dan.

- L-STCs huma normalment imfassla għal settur speċifiku. Huwa diffiċli li wieħed jara kif klawżoli kuntrattwali mfassla għal settur speċifiku jistgħu jkunu utli għal setturi oħra ta’ l-ekonomija.

- Il-ħeffa dejjem tiżdied tal-bidla leġiżlattiva tirrikjedi li l-STCs jiġu aġġornati kontinwament. STCs impoġġija f’websajt tal-Kummissjoni għalhekk, jitilfu s-siwi tagħhom malajr.

- Il-kumplessità u l-ħtieġa għal reviżjoni kostanti ta’ l-STCs ifisser li l-aġġornament ta’ l-STCs sejra tqum ħafna f’termini ta’ ħlasijiet legali. Il-Kummissjoni tiddubita kemm il-partijiet li jinvestu somom kbar fl-iżvilupp u l-aġġornament ta’ l-STCs ikunu ħerqana li jaqsmu r-riżultat aħħari b’xejn mal-kompetituri.

- Il-Kummissjoni diġà stqarret fil-Pjan ta' Azzjoni u fil-Komunikazzjoni ta' l-2004 li l-STCs jittellgħu fuq il-websajt bir-responsabbiltà esklussiva ta' dawk li jippubblikawhom hemm, mingħajr ma l-Kummissjoni tilqa' kwalunkwe responsabbiltà rigward il-validità legali jew kummerċjali ta' l-STCs. Jekk, madankollu, l-STCs imtellgħa fuq il-websajt ma jiġux iċċekkjati rigward il-validità u l-infurzabbiltà tagħhom fil-ġurisdizzjonijiet kollha ta' l-UE, jew rigward il-kompatibilità tagħhom mal-liġi tal-KE, dan inaqqas konsiderevolment mill-valur ta’ skambju bħal dan.

Fid-dawl ta’ l-ispiża għolja prevista sabiex tospita websajt bil-funzjonalitajiet meħtieġa, l-ammont previst għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni, u fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħmilx websajt għall-iskambju ta’ l-STCs.

4.2. L-opportunità ta’ strument fakultattiv fl-ECL (“is-26 reġim”)

Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni, fil-Green Paper tagħha dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji (2005-2010)[30], tirrikonoxxi d-dibattitu dwar l-hekk imsejjaħ "is-26 reġim", u ħalliet il-25 ġabra ta' regoli mhux mittiefsa. Il-Kummissjoni wieġbet għas-sejħa li dawn is-26 reġim jiġu esplorati ulterjorment permezz tat-tnedija ta’ studju tal-fattibbiltà, eż. fl-oqsma ta’ prodotti sempliċi ta’ l-assigurazzjoni (assigurazzjoni temporanja fuq il-ħajja) u t-tfaddil. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll l-istabbiliment ta' gruppi Forum għal prodotti tal-bejgħ speċifiċi, li jikkonsistu minn esperti li jirrappreżentaw l-industrija u l-interessi tal-konsumatur sabiex jidentifikaw ix-xkiel u jeżaminaw soluzzjonijiet possibbli. Din il-ħidma se tkun appoġġata minn riċerka estensiva. Barra minn hekk, fil-Green Paper tagħha dwar il-Kreditu Ipotekarju fl-UE[31] il-Kummissjoni tilqa' fehmiet dwar il-merti ta' l-istandardizzazzjoni ta' kuntratti ipotekarji eż. permezz ta' strument tas-26 reġim u tindika li reġim bħal dan jista' jiġi introdott bi strument legali li jaħdem flimkien ma’, iżda mingħajr ma jibdel, ir-regoli nazzjonali, u li jkun disponibbli bħala għażla għall-partijiet ta’ kuntratt.

Annex: CFR-net members; overview

Country | Business | Legal professions | Consumers’ org. | Total |

|Industry |Trade |Services |Financial Services |General |Lawyers |Judges |Notaries |Arbitrators |Public registrars | | | |Austria | | | | |2 |1 | | | | | |3 | |Belgium | | | | | |2 | | | | |1 |3 | |Cyprus | | | | | | | | | | | | | |Czech Republic |1 | | | | |1 | | | | | |2 | |Denmark | | | | | |1 | | | | | |1 | |Estonia | | | | | | | | | | | | | |Finland | | | | |1 |1 | | | | | |2 | |France | |1 | |3 |1 |2 | | | | |1 |8 | |Germany |11 | |1 |6 | |5 |10 |2 | | | |35 | |Greece | | | | | | | | | | | | | |Hungary | | | | | | | | | | | | | |Ireland | | | | | |1 | | | | | |1 | |Italy | |1 | |1 | |4 |2 |1 | | |1 |10 | |Latvia | | | | | |1 | | | | | |1 | |Lithuania | | | | | | | | | | |1 |1 | |Luxemburg | | | |1 |1 | | | | | |1 |3 | |Malta | | | | | |1 | | |1 | | |2 | |Netherlands |2 | | | | |1 |1 | | | | |4 | |Poland |1 | | | | |1 | | | | | |2 | |Portugal | | | | | |1 | | | | |2 |3 | |Slovakia | | | | | | | | | | | | | |Slovenia | | | | |1 | | | |1 | | |2 | |Spain | | | | | |4 | | | |2 |1 |7 | |Sweden |2 | | | | |2 | | | | | |4 | |UK |2 |1 |2 |4 | |12 |2 | |1 | |1 |25 | |EU org. |8[32] |5[33] |1 |14 |2 |4[34] | |13[35] | | |4 |51 | |Non-EU |4 | | | | | | | | | | |4 | |

[1] COM(2004) 651 finali, ĠU C 14, ta’ l-20.1.2005, p. 6.

[2] ĠU C 246, ta’ l-14.10.2003, p. 1.

[3] P5_TA(2003)0355.

[4] Dokument tal-Kunsill 14292/04, tal-5.11.2004.

[5] L-Anness I għad-Dokument tal-Kunsill 14292/04.

[6] COM(2005) 184 finali.

[7] Dokument tal-Kunsill 9778/2/05 REV 2, ta’ l-10.6.2005.

[8] P6_TA-PROV (2005) 0053.

[9] Ara wkoll: ftp://ftp.cordis.lu/pub/citizens/docs/kickoff_p7_p8_2004.pdf

[10] ĠU S 148, tal-31.7.2004.

[11] Ara l-Anness.

[12] http://europa.eu.int/comm/consumers/cons_int/safe_shop/fair_bus_pract/cont_law/common_frame_ref_en.htm

[13] Ara n-nota 12.

[14] Ara n-nota 12.

[15] Ara n-nota 12.

[16] Direttiva 98/6/KE tas-16.2.2004, ĠU L 80, tat-18.3.1998, p. 27.

[17] Direttiva 98/27/KE tad-19.5.1998, ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51.

[18] Direttiva 94/47/KE tas-26.10.1994, ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83.

[19] Direttiva 97/7/KE ta’ l-20.5.1997, ĠU L 144, ta’ l-4.6.1997, p. 19.

[20] Regolament (KE) Nru 2004/2006 tas-27.10.2004, ĠU L 364, tad-9.12.2004, p. 1.

[21] Direttiva 2005/29/KE tal-11.5.2005, ĠU L 149, tal-11.6.2005, p. 22.

[22] Il-problemi assoċjati ma’ perjodi differenti ta’ riflessjoni kienu rikonoxxuti diġà meta ġiet adottatad-Direttiva, ara d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill u l-PE, ĠU L 144, 4.6. 1997, p. 28.

[23] C-336/03 Easycar (UK) Ltd v. Office of Fair Trading.

[24] Direttiva 2002/65 tat-23.9.2002, ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16.

[25] Direttiva 90/314/KEE tat-13.6.1990, ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.

[26] Direttiva 1999/44/KE tal-25.5.1999, ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12.

[27] Direttiva 93/13/KE tal-5.4.1993, ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 28.

[28] Direttiva 85/577/KE ta’ l-20.12.1985, ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 31.

[29] ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.

[30] COM(2005) 177 finali.

[31] COM(2005) 327 finali.

[32] 1 Belgium, 1 Spain, 1 Germany,1 Norway, 2 Italy (UNICE).

[33] 1 Spain, 1 France (FEDSA).

[34] 1 France, 1 Italy, 1 Slovenia, 1 UK (CCBE).

[35] 1 Austria, 1 Belgium, 4 France, 1 Hungary, 3 Germany, 1 Netherlands, 1 Italy, 1 Spain (CNUE).

Top