EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004PC0587

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE li jikkonċerna l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fuq l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidji ġewwa jew fuq l-ikel u l-għalf li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

/* KUMM/2004/0587 finali - COD 2003/0052 */

52004PC0587

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE li jikkonċerna l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fuq l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidji ġewwa jew fuq l-ikel u l-għalf li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE /* KUMM/2004/0587 finali - COD 2003/0052 */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE li jikkonċerna l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fuq l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidji ġewwa jew fuq l-ikel u l-għalf li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

2003/0052 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE li jikkonċerna l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fuq l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidji ġewwa jew fuq l-ikel u l-għalf li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

1- SFOND

Data tat-trasmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

(dokument KUMM(2003)117 finali - 2003/0052 COD): // 14 ta' Marzu 2003

Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: // 16 ta' Lulju 2003

Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari // 20 ta' April 2004

Data tat-trasmissjoni tal-proposta emendata // 26 ta' April 2004*

Data ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni // 19 ta' Lulju 2004.

* In vista tat-termini qosra, bil-ftehim politiku milħuq fil-Kunsill sitt ijiem wara l-Ewwel Qari, - il-Kummissjoni ma kellhiex żmien taddotta proposta emendata a bażi tal-verżjoni finali ta' l-opinjoni ta' l-EP. Il-Kummissjoni aċċettat it-test li fuqu ntlaħaq ftehim politiku u tespremi f'din il-Komunikazzjoni l-opinjonijiet kunsidrati ta' l-emendi ta' l-EP.

2- GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

1. L-għan ta' l-abbozz propost tar-Regolament huwa li jissostitwixxi, jikkodifika u jissimplifika l-erba' Direttivi tal-Kunsill eżistenti fuq Livelli Massimi tar-Residwi (MRLs) għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (Direttivi 76/895/KEE, 86/362/KEE, 86/363/KEE u 90/642/KEE), jarmonizza l-MRLs kollha fuq livell ta' l-UE u jiddefinixxi r-rwoli ta' l-Istati Membri, tal-Kummissjoni, ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel (EFSA) u partijiet oħrajn fil-proċess tad-determinazzjoni tal-MRLs.

2. Ir-Regolament jipprovdi biex l-MRLs jgħoddu direttament u jkunu jistgħu jiġu inforzati fl-Istati Membri, imsejjes fuq stimi tar-riskju għall-konsumatur disponibbli pubblikament li għalihom għandha responsabbilità ġenerali l-EFSA. Meta l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti m'humiex awtorizzati għall-użu fil-Komunità, fejn l-użi barra mill-Komunità m'humiex aċċettabbli f'termini ta' teħid mill-konsumatur ta' residwi, jew fejn id-data m'humiex suffiċjenti biex titlesta stima tar-riskju, għandu jgħodd valur applikabbli ta' 0.01 mg/kg.

3. Ir-Regolament jiddefinixxi l-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-kontroll u l-inforzar tal-MRLs u r-rapportar tad-data dwar kontroll u inforzar lill-EFSA u l-pubblikazzjoni ta' dawn id-data f'rapport annwali mill-EFSA

3- KUMMENTI FUQ IL-POSIZZJONI KOMUNI

3.1. Rimarki Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni addottata mill-Kunsill bl-unanimità tirrappreżenta elaborazzjoni bilanċjata ulterjuri tal-proposta tal-Kummissjoni, fejn diversi disposizzjonijiet mitluba mill-Kunsill ġew inklużi, u li fihom diversi mill-emendi ta' l-1 Qari tal-Parlament Ewropew ġew meqjusa. Ir-rwoli u l-kompiti ta' l-Istati Membri u ta' l-EFSA fil-proċessi ta' l-evalwazzjoni qabel id-determinazzjoni tal-MRLs mill-Kummissjoni ġew modifikati fil-proposta riveduta. Minħabba li tibqa' miftuħa l-possibilità li fi stadju aktar tard, bażat fuq rapport mill-Kummissjoni u proposti xierqa ulterjuri - din id-diviżjoni ta' rwoli u kompiti tista' tmur lura għall-proposta tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' taċċetta t-tibdiliet. Fil-ħin meta ntlaħaq il-ftehim politiku fuq it-test, il-Kummissjoni u l-Kunsill għamlet dikjarazzjonijiet (ara Anness) biex taċċerta li r-rwol ta' l-EFSA huwa rispettat u li fi stadju aktar tard il-koordinazzjoni tax-xogħol jiġi rivedut.

Disposizzjonijiet oħrajn inklużi fuq talba tal-Kunsill kienu: il-possibilità li l-MRL applikabbli jista' jiġi sostitwit mil-limitu effettiv l-aktar baxx tad-determinazzjoni analitika (LOD) għal sustanzi fejn id-data huma disponibbli, derogi dwar l-MRLs ta' emerġenza u trattamenti tal-fumigazzjoni, l-introduzzjoni tal-klawżola tar-reviżjoni amministrattiva u t-tibdil tad-dati tar-rapportaġġ rigward ir-rapport annwali. Il-Kummissjoni hija dubjuża dwar kemm hi xierqa l-klawsola tar-reviżjoni amministrattiva u tenfasiżża illi m'għandhiex tindaħal fl-indipendenza ta' l-EFSA fil-provvediment ta' pariri xjentifiċi u għajnuna teknika. Il-bqija tat-tibdiliet huma aċċettabbli għall-Kummissjoni. Ħafna talbiet oħrajn mill-Kunsill kienu identiċi għall-emendi proposti mill-EP u huma diskussi fil-paragrafi li ġejjin.

3.2. Rimarka Speċifika

Fl-artikolu 14(1) il-kliem "sottomessi għall-adozzjoni" għandhom jiġu sostitwit b'"li għandhom jiġu addottati" sabiex jiġu riflessi l-kliem korretti għal proċedura tal-komitoloġija.

3.3. Emendi li saru mill-Parlament Ewropew fl-Ewwel Qari

Emendi inkorporati fil-Pożizzjoni Komuni:

Il-Kunsill inkluda fil-pożizzjoni komuni bosta emendi li ġew addottati fl-ewwel qari mill-Parlament Ewropew u ġew aċċettati wkoll mill-Kummissjoni. Dawn l-emendi jikkonċernaw aspetti ta' tariffi li għandhom jitħallsu mill-applikanti biex ikun hemm fondi għall-attivitajiet ta' kontroll, inforzar u evalwazzjoni, it-terminu għad-determinazzjoni ta' l-MRLs finali wara l-evalwazzjoni ta' sustanza taħt id-Direttiva 91/414/KEE, żidiet ta' kommoditajiet mal-lista, bħall-infużjonijiet erbali, u provvediment ta' protezzjoni żejda lill-gruppi vulnerabbli bħat-tfal.

Emendi mhux inkorporati fil-Posizzjoni Komuni, li mandankollu l-Kummissjoni sabet aċċettabbli per se jew f'forma bi kliem kemmxejn differenti jew mhux fil-post eżatt fejn riedhom l-EP.

Dawn l-emendi jikkonċernaw informazzjoni dwar rapportaġġ fuq l-ismijiet ta' trasgressuri u jeħtieġu lill-EFSA tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar ir-riskji tal-pestiċidji. Il-Kummissjoni għandha wkoll attitudni pożittiva lejn l-idea tat-teħid ta' kont ta' l-esposizzjoni kumulattiva u għandha l-intenzjoni li titlob lill-EFSA tiżviluppa l-metodoloġija li tippermetti dawn l-istimi jsiru. Xi punti huma diġà indirizzati f'leġislazzjoni oħra speċifika dwar l-awtorizzazzjoni jew l-użu tal-pestiċidji. (Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE) eż., amministrazzjoni integrata tal-pesti, immunotossiċità, endocrine disruptors eċċ.

Emendi mhux aċċettabbli

Xi emendi li jimponu restrizzjonijiet dwar it-tolleranzi ta' l-importazzjoni m'humiex aċċettati mill-Kummissjoni għaliex ikun possibbli li jiġu sfidati fil-WTO minħabba li jiddiskriminaw kontra l-bdiewa barra mill-UE għal raġunijiet mhux permessi taħt il-ftehim WTO-SPS. Il-kundizzjonijiet dwar it-tolleranzi ta' l-importazzjoni m'għandhomx ikunu aktar stretti minn kundizzjonijiet imposti fuq bdiewa ta' l-UE u għandhom ikunu skond regoli speċifiċi tal-WTO.

4- KONKLUŻJONI

Għall-iskopijiet t'hawn fuq il-Kummissjoni tappoġġja l-Pożizzjoni Komuni addottata mill-Kunsill.

5- DIKJARAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI U TAL-KUNSILL

Dawn id-dikjarazzjonijiet li ġejjin mill-Kunsill u mill-Kummissjoni:

- Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-espansjoni tal-lista ta' kommoditajiet li għalihom huma determinati MRLs.

- Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-intenzjoni li ma tiġix kumplikata d-determinazzjoni tal-MRLs billi jiġu kombinati l-proposti konfliġġenti f'pakkett wieħed.

- Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-intenzjoni li tikkonsulta lill-iStati Membri rigward riżorsi finanzjarji

- Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar MRLs għall-miżuri ta' emerġenza meħuda mill-Istati Membri

- Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar ir-rwol ta' l-EFSA u l-Istati Membri fl-evalwazzjonijiet tal-MRLs;

Dawn id-dikjarazzjonijiet huma annnessi ma' din il-Komunikazzjoni.

ANNESS

DIKJARAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI U TAL-KUNSILL

Dwar l-Artikolu 4: Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

"Il-Kummissjoni ser tipprova tiżgura li l-introduzzjoni ta' prodotti ġodda fl-Anness I ikun f'tali ħin li jitnaqqas l-isfrattu għall-kummerċ jew trobbija ta' l-annimali."

Dwar l-Artikolu 14: Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

"Il-Kummissjoni ser iżżomm il-prattika kurrenti tagħha li tinkludi aktar minn sustanza attiva waħda f'proposta biss meta dan x'aktarx ma jwaqqafx il-pass ta' l-adozzjoni tal-proposta."

Dwar l-Artikolu 18: Dikjarazzjoni tal-Kunsill

"Il-Kunsill jiftakar l-obbligi ta' l-Istati Membri li jikkontrollaw l-użu ta' prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti skond l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/414/KEE u biex jipprovdu għal kontrolli uffiċjali effettivi skond il-Kapitolu V ta' dan ir-Regolament. Dawn il-kontrolli għandhom b'mod partikolari japplikaw għal prodotti li ġew imqiegħda fuq is-suq skond l-Artikolu18(4) u jkunu immirati li jaċċertaw illi jiġu mibjugħa fis-suq biss skond id-disposizzjonijiet ta' dak il-paragrafu."

Dwar l-Artikolu 37: Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

"Il-Kummissjoni ser iżżomm il-prattika kurrenti tagħha li tikkonsulta lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti rigward il-miżuri msemmija fl-Artikolu 36(1)."

Dwar l-Arranġamenti ta' l-Evalwazzjoni u r-Rwol ta' l-EFSA: Dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

"Il-Kunsill iqis li l-arranġamenti ta' l-evalwazzjoni previsti mir-Regolament jirriflettu l-ħtieġa li tiġi aċċertata transizzjoni mingħajr problemi għall-proċedura l-ġdida armonizzata għal kollox tad-determinazzjoni tal-MRLs filwaqt li jiġu rispettati l-arranġamenti kurrenti dwar awtorizzazzjonijiet nazzjonali għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti.

Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa dwar titjieb li jidhru meħtieġa fid-dawl ta' l-esperjenza fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament."

"Il-Kummissjoni tinnota lill-Kunsill laħaq kunsens unanimu dwar din il-kwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq li fl-eżaminazzjoni futura ta' din il-proposta tingħata aktar konsiderazzjoni għat-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-EFSA u l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri sabiex it-talbiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jiġu proċessati bil-mod l-aktar effettiv.

Top