EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0858

Rapport mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Istruttura tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni {SEC(2004) 1725}

/* KUMM/2004/0858 finali */

52004DC0858

Rapport mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Istruttura tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni {SEC(2004) 1725} /* KUMM/2004/0858 finali */


Brussel 7.1.2005

KUMM(2004) 858 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar it-traspożizzjoni legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Istruttura tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar timiji et konġunti ta’ investigazzjoni {SEC(2004) 1725}

INTRODUZZJONI

Minħabba t-tkabbir fil-kriminalità mingħajr fruntieri u t-tifrix tat-terroriżmu, l-Istati Membri waslu biex jadottaw strument leġislattiv li jipprovdi għal leġislazzjoni armonizzata b’regoli ċari dwar it-twaqqif u t-tmexxija ta’ timijiet konġunti ta’ investigazzjoni. Fil-prattika, timijiet informali kienu qed joperaw diġà iżda ma kien hemm ebda leġislazzjoni komuni eżistenti li tirregolahom.

L-ewwel pass f’din id-direzzjoni kienet il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Kwistjonijiet Kriminali, 2000[1] (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni 2000”), li titkellem dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni (Artikolu 13) u tipprovdi wkoll għal ħafna iżjed strumenti li jikkumbattu l-kriminalità mingħajr fruntieri, bħal ma huma t-tpartit volontarju ta’ informazzjoni, l-investigazzjonijiet sigrieti, il-kontroll ta’ oġġetti kkunsinnati, eċċ.

Minħabba d-dewmien biex tiġi rratifikata l-Konvenzjoni 2000, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas dwar it-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni[2] (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni Qafas”) fit-13 ta’ Ġunju 2002, sabiex jipprovdi mezz aktar f’waqtu li jtejjeb l-operazzjoni tat-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni.

Id-Deċiżjoni Qafas ma tibqax fis-seħħ meta l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Kwistjonijiet Kriminali tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri kollha (Artikolu 5).

Skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas sa l-1 ta’ Jannar 2003.

Fit-28 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill adotta Protokoll[3] li jemenda il-Konvenzjoni Europol sabiex l-uffiċjali ta’ l-Europol ikunu jistgħu jieħdu sehem f’timijiet konġunti ta’ investigazzjoni.

Fit-8 ta’ Mejju 2003, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar Mudell ta’ Ftehim sabiex jitwaqqaf tîm konġunt ta’ investigazzjoni[4].

Wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Marzu 2004 f’Madrid, fid-Dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2004[5], il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri li kien fadal sabiex id-Deċiżjoni Qafas tkun implimentata kompletament sa Ġunju 2004 u jassiguraw li r-rappreżentanti ta’ l-Europol u l-Eurojust ikunu msieħba kemm jista’ jkun max-xogħol tat-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni.

SKOP TAR-RAPPORT U METODU TA’ EVALWAZZJONI

Deċiżjonijiet Qafas jorbtu lill-Istati Membri fejn jidħol ir-riżultat li għandu jinkiseb, iżda jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali l-għazla tal-forma u l-metodu ta’ kif għandu jinkiseb dan ir-riżultat. Id-Deċiżjonijiet Qafas m’ghandhomx effett dirett.

Billi l-Kummissjoni m’għandhiex awtorità skond it-Tielet Pilastru li tibda proċedura għal ksur ta’ obbligi kontra Stat Membru, in-natura u l-iskop ta’ dan ir-rapport hu limitat għall-evalwazzjoni fattwali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li ttiehdu.

Il-Kummissjoni fakkret l-Istati Membri dwar l-obbligi li ghandhom permezz ta’ ittra mibgħuta fil-5 ta’ Frar 2003. Sa dak iż-żmien Stat Membru wieħed biss (ir-Renju Unit) kien bagħat informazzjoni dwar l-implimentazzjoni. Sal-31 ta’ Diċembru 2003, disgħa Stati Membri (il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) kienu taw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni lill-Kummissjoni. F’April 2004, Stat Membru wieħed (Franza) bagħat informazzjoni dwar implimentazzjoni u Stat Membru ieħor (l-Awstrija) informa lill-Kummissjoni illi kellha tidħol fis-seħħ leġislazzjoni ġdida dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni. F’Mejju 2004 il-Kummissjoni reġgħet ikkuntattjat lil dawk l-Istati Membri li ma kienu taw ebda informazzjoni (il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda u l-Olanda) u rċeviet risposta mingħand tlieta minnhom (il-Belġju, il-Greċja u l-Olanda).

Fit-13 ta’ April 2004 il-Kummissjoni, fid-dawl tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea, kkuntattjat lill-Istati Membri fl-istadju ta’ adeżjoni u talbithom informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Sitta minn dawn irrispondew (Ċipru, l-Ungerija, il-Latvija, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja).

Għalkemm it-terminu perentorju li fih ir-rapport kellu jkun ippreżentat lill-Kunsill kien l-1 ta’ Lulju 2004, sabiex issir stima ta’ l-implimentazzjoni fl-akbar parti ta’ l-Istati Membri, kull informazzjoni li ngħatat sal-15 ta’ Awwissu 2004 kienet ikkunsidrata.

Tliet Stati Membri (id-Danimarka, il-Latvija u l-Finlandja) adottaw il-leġiżlazzjoni tat-traspożizzjoni sat-terminu perentorju msemmi f’Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas u Stat Membru wieħed biss (Renju Unit) - li adotta wkoll parti mill-miżuri tat-traspożizzjoni qabel it-terminu perentorju - bagħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti fil-ħin.

B’kollox, 14-il Stat Membru bagħtu lill-Kummissjoni l-leġiżlazzjoni rilevanti (id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Latvija, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit). Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda informazzjoni minn ħames Stati Membri (l-Estonja, l-Irlanda, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovenja), waqt li erba’ Stati Membri bagħtu t-test tal-liġi (il-Belġju, l-Italja, Ċipru u is-Slovakkja) u żewġ Stati Membri informaw lill-Kummissjoni li abbozz kien qed jitħejja (il-Greċja u l-Lussemburgu).

Il-kwalità ta’ l-informazzjoni nazzjonali li l-Kummissjoni rċeviet inevitabilment tinfluwenza l-valur u l-puntwalità ta’ dan ir-rapport. Il-Kummissjoni ltaqgħat ma’ diversi diffikultajiet fil-ġbir ta’ l-informazzjoni rilevanti. Barra dan, il-leġislazzjoni domestika kienet parzjali u kienet tagħmel referenza għal dispożizzjonijiet oħra li ma ngħatawx lill-Kummissjoni. L-evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni li l-Kummissjoni rċeviet jikxef il-fatt li, anki fejn il-leġislazzjoni mhijiex indispensabbli, jista’ ikun utli li jinħarġu linjigwida jew ċirkulari biex jiċċaraw ċerti kwistjonijet fundamentali.

Fl-analiżi inqalgħu wkoll diffikultajiet minħabba li d-Deċiżjoni Qafas saret billi l-Artikoli 13, 15 u 16 ittieħdu direttament mill-Konvenzjoni 2000. Dispożizzjonijiet dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni kienu miftiehma fil-Konvenzjoni 2000 bħala parti minn sistema komplessa li tinvolvi diversi strumenti dwar ko-operazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità mingħajr fruntieri. Fejn jidħlu t-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, id-Deċiżjoni Qafas ma rriproduċietx il-Konvenzjoni 2000 fl-intier tagħha u dan jista’ jwassal, f’dan il-perjodu transitorju qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni 2000, għal nuqqas ta’ ċarezza f’aspetti bħal liema hi l-awtorità kompetenti li twaqqaf it-timijiet jew dwar il-fatt li ċerti attivitajiet investigattivi (per eżempju investigazzjonijiet sigrieti jew il-kontroll ta’ oġġetti kkunsinnati li jistgħu jsiru mit-tîm b’mod utli) mhumiex regolati mid-Deċiżjoni Qafas.

F’dan id-dawl, irid jittieħed qies tal-fatt li l-Konvenzjoni 2000 kienet ratifikata minn tmien Stati Membri (id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Latvija, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall, il-Finlandja). Ċerti Stati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni 2000 adottaw ukoll leġiżlazzjoni speċifika li tippromulga d-Deċiżjoni Qafas (Spanja, il-Latvija, il-Portugall, il-Finlandja), filwaqt li oħrajn implimentaw id-Deċiżjoni Qafas permezz ta’ liġi li tirratifika il-Konvenzjoni 2000 (id-Danimarka u l-Olanda). Stat Membru wieħed (il-Litwanja) bagħat biss it-test tal-leġiżlazzjoni speċifika domestika mingħajr ma annetta il-liġi tar-ratifika u Stat Membru ieħor (l-Estonja) ma ta ebda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni, minkejja li rratifika l-Konvenzjoni 2000.

KONKLUŻJONIJIET

Sabiex issir stima ta’ l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, il-Kummissjoni għandha żżomm f’moħħha li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw, sa fejn hu meħtieġ, leġiżlazzjoni ġdida għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, jekk is-sistema ġudizzjarja, fl-intier tagħha, kienet diġà tinkludi xi regoli vinkolanti li jiżguraw l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, l-ebda leġiżlazzjoni oħra m’hi meħtiega. Barra dan, mhuwiex neċessarju li l-leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni jkollha l-istess għażla ta’ kliem bħad-Deċiżjoni Qafas, sakemm ir-riżultat finali jiggarantixxi l-applikazzjoni fis-sħiħ tar-regoli ggvernati mid-Deċiżjoni Qafas u joħloq sitwazzjoni legali ċara u preċiża biżżejjed.

F’termini ġenerali, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri kellhom jadottaw leġiżlazzjoni ġdida jew għall-inqas jemendaw ċerti dispożizzjonijet interni sabiex id-Deċiżjoni Qafas tkun implimentata.

Xi Stati Membri għamlu traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-liġijiet nazzjonali li bejn wieħed u ieħor għandhom l-istess kontenut tad-Deċiżjoni Qafas (Spanja, il-Portugall) waqt li oħrajn emendaw dispożizzjonijiet eżistenti jew adottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi għal regoli ġodda (id-Danimarka, Franza, il-Latvija, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżvezja).

Stat Membru (ir-Renju Unit) iddikjara li kien meħtieg illi ċerti dispożizzjonijiet ikunu ppromulgati filwaqt li ta’ oħrajn issir it-traspożizzjoni permezz ta’ Ċirkulari. Minħabba li ċ-ċirkulari mhuwiex vinkolanti, dawn id-dispożizzjonijiet kienu kkunsidrati bħala mhux konformi mad-Deċiżjoni Qafas.

Tliet Stati Membri (il-Ġermanja, il-Litwanja u Malta) iddeċidew li ma kienet meħtieġa ebda leġiżlazzjoni speċifika sabiex id-Deċiżjoni Qafas tkun implimentata.

Il-leġiżlazzjoni fi Stat Membru (l-Olanda) tippermetti li jkunu mwaqqfa timijiet konġunti ta’ investigazzjoni “sa fejn hu maħsub minn xi trattat jew konvenzjoni”. Minħabba li d-Deċiżjoni Qafas mhijiex trattat jew konvenzjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti mhumiex konformi mad-Deċiżjoni Qafas.

Il-konklużjonijiet li ġejjin jagħmlu stima ta’ l-implimentazzjoni ta’ kull dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Għal kjarifika ulterjuri u eżami dettaljat tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ara l-Anness 1.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l- Artikolu 1 ( 1) , il-parti l-aktar kruċjali tad-Deċiżjoni Qafas, hu biżżejjed li l-kuntest legali ġenerali jippermetti li jkunu mwaqqfa timijiet konġunti ta’ investigazzjoni bħala gruppi ta’ ħidma li joperaw f’dimensjoni li tmur lilhinn mill-fruntieri nazzjonali għal zmien limitat u b’għanijiet speċifiċi. Kważi kull Stat Membru implimenta din id-dispożizzjoni (Spanja, Franza, il-Latvija, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja). Il-leġiżlazzjoni ta’ ħafna Stati Membri tagħmel referenza għal ftehim (Spanja, il-Latvija, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja u l-Iżvezja), li f’xi każi hu ndikat bħala Mudell ta’ Ftehim adottat mill-Kunsill (l-Awstrija) filwaqt li f’oħrajn it-terminu jirreferi għal kuntatt ġenerali bejn l-awtoritajiet kompetenti (Franza, il-Litwanja).

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-proposta dwar il-kompożizzjoni tat-tîm imsemmi fl- Artikolu 1(2), għandu jiġi nnutat li kull meta ssir referenza għal ftehim jew ftehim differenti bejn awtoritajiet kompetenti, anki jekk ma ssir ebda referenza għall-Mudell ta’ Ftehim adottat mill-Kunsill, il-leġiżlazzjoni tinkludi b’mod impliċitu l-kompożizzjoni tat-tîm.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l- Artikolu 1(3) , dwar it-tmexxija tat-tîm, il-liġi applikabbli u l-arranġamenti ta’ l-organizzar, ikun biżżejjed li kull Stat Membru jipprovdi għal dawk ir-regoli li jridu jiġu applikati fuq it-territorju tiegħu mingħajr ma jsemmi liema regoli huma applikabbli fl-Istati Membri l-oħra. Madankollu, dan kien implimentat fis-sħiħ minn żewġ Stati Membri biss (Spanja u l-Awstrija). F’erba’ Stati Membri saret traspożizzjoni biss ta’ ċerti dispożizzjonijiet bħal regoli ġenerali dwar “is-setgħat ta’ sorveljanza” mogħtija lill-kap tat-tîm u tal-liġi applikabbli (Franza) jew dispożizzjonijiet dwar il-kap tat-tîm u l-liġi applikabbli mingħajr ebda referenza għall-organizzazzjoni (il-Latvija, l-Ungerija u l-Finlandja). Il-leġislazzjoni li Stati Membri oħra adottaw (id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta, l-Olanda, il-Portugall, l-Iżvezja, ir-Renju Unit) ma tittrattax dawn il-kwistjonijiet.

Dwar l- Artikolu 1(4) (li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni ta’ “membru issekondat”) għandu jiġi nnutat li, anki jekk ebda dispożizzjoni ma tipprovdi espressament għal definizzjoni ta’ “membru issekondat”, meta l-leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni tagħmel referenza għal dawk in-nies issekondati, mat-tîm, huwa ċar mill-kuntest ġenerali li, din tirreferi għal membri tat-tîm konġunt ta’ investigazzjoni ġejjin minn Stati Membri għajr dak li fih jopera t-tîm.

Wieħed mill-aspetti l-aktar sinjifikattivi tad-Deċiżjoni Qafas għandu x’jaqsam mas-setgħat mogħtija lill-membri ssekondati ( Artikoli 1(5) u (6) ). Il-leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni tvarja minn Stat għal ieħor b’mod konsiderevoli. Waqt li f’xi Stati Membri l-attivitajiet li membri ssekondati jistgħu jkunu nkarigati bihom huma mogħtija f’lista u speċifikament indikati (Franza, Malta u l-Finlandja), f’oħrajn id-dispożizzjoni hi ġenerali ħafna (il-Litwanja) jew tagħmel riferenza għall-ftehim li waqqaf it-tîm (Spanja) għal tipi oħra ta’ approvazzjoni mill-awtorità kompetenti (il-Ġermanja) jew għal-liġi nazzjonali (l-Awstrija) u f’ċerti Stati Membri oħra d-deċiżjoni dwar liema setgħat jistgħu jkunu fdati lill-membri ssekondati tittiehed mill-kap tat-tîm (il-Latvija u l-Portugall).

L- Artikolu 1(7) jirregola dik is-sitwazzjoni fejn tîm jeħtieġ li jittieħdu miżuri investigattivi f’wieħed mill-Istati Membri li waqqaf dak it-tîm. L-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa biex it-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni ma jkollhomx bżonn ta’ ittri rogatorji. Tliet Stati Membri biss (Spanja, il-Finlandja, l-Iżvezja) huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Stat Membru wieħed (ir-Renju Unit) illimita il-miżuri investigattivi għall-mandati ta’ tfittxija u għall-ordnijiet ta’ produzzjoni, u l-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tidħolx f’din il-kwistjoni (id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall). Stat Membru wieħed (il-Litwanja) adotta dispożizzjonijiet li mhumiex ċari u li ma jidħrux li huma konformi ma’ l-Artikolu 1(7).

Saret it-traspożizzjoni kompleta ta’ l- Artikolu 1(8) minn żewġ Stati Membri (Spanja u l-Portugall). L- Artikolu 1(8) għandu x’jaqsam ma’ l-assistenza meħtieġa minn Stat Membru, minbarra dawk li qed jieħdu sehem fit-tîm, jew minn xi Stat terz. Stat Membru wieħed (il-Latvija) adotta dispożizzjonijiet li mhumiex ċari. Skond l-informazzjoni li waslet, l-Istati Membri l-oħrajn m’għandhom l-ebda leġiżlazzjoni rilevanti għall-Artikolu 1(8).

Id-dispożizzjonijiet dwar l-għotja ta’ informazzjoni (l- Artikolu 1(9) ) kienu implimentati direttament minn tliet Stati Membri (il-Latvija, il-Portugall u l-Iżvezja). Madankollu l-possibiltà li membri ssekondati jipprovdu t-tîm bl-informazzjoni disponibbli fl-Istat Membru li jissekonda tista’ tkun dedotta minn interpretazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni (Spanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Finlandja). L-ebda dispożizzjoni rilevanti ma nstabet fil-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra.

Dwar l-użu ta’ l-informazzjoni miġbura (l- Artikolu 1(10) ) tista’ ssir l-osservazzjoni li tliet Stati Membri mxew fis-sħiħ ma’ din id-dispożizzjoni (Spanja, Portugall, Żvezja) u tnejn oħra implimentawaha parzjalment (l-Awstrija u l-Finlandja). Stat Membru wieħed adotta dispożizzjonijiet li mhumiex konformi mad-Deċiżjoni Qafas (il-Latvija).

Rigward l- Artikolu 1(11) (li jgħid li d-Deċiżjoni Qafas hi mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni jew arranġament ieħor eżistenti dwar it-twaqqif jew t-tmexxija tat-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni) l-ebda Stat Membru ma bagħat leġiżlazzjoni speċifika. Madankollu sakemm m’hemm l-ebda dispożizzjoni konfliġġenti fil-leġiżlazzjoni li timplimenta, l-Istati Membri kollha għandhom jitqiesu li huma konformi ma’ l-Artikolu 1(11).

L-għażla li tippermetti lil persuni għajr dawk li huma rappreżentanti ta’ l-Istati Membri jieħdu sehem fit-tîm ( Artikolu 1(12) ) ittieħdet minn sitt Stati Membri biss (Spanja, il-Latvija, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja). Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (il-Litwanja) tagħmel referenza għal “każijiet provduti fi trattat internazzjonali”. It-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma saritx mill-Istati Membri oħra.

Rigward l- Artikolu 2 (responsabilità kriminali) id-dispożizzjonijiet għall- implimentazzjoni kienu adottati minn sitt Stati Membri (id-Danimarka, Spanja, il-Litwanja, Malta, l-Awstrija, Ir-Renju Unit); Stat Membru implimentah parzjalment (il-Ġermanja). L-oħrajn ma adottaw l-ebda miżuri ta’ traspożizzjoni.

Tliet Stati Membri (Spanja, l-Awstrija, il-Portugall) għamlu t-traspożizzoni ta’ l -Artikolu 3 (responsabilità ċivili) filwaqt li f’ħames Stati Membri saret biss traspożizzjoni parzjali (id-Danimarka, il-Litwanja, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit). L-ebda dispożizzjoni ma kienet adottata fl-Istati Membri l-oħra.

Bħala konklużjoni, Stat Membru wieħed biss adotta miżuri ta’ traspożizzjoni li huma kompletament konformi mad-Deċiżjoni Qafas (Spanja).

Madankollu, għandha ssir l-enfażi illi kull meta il-leġiżlazzjoni tipprovdi ġħal timijiet konġunti ta’ investigazzjoni li għandhom ikunu mwaqqfa permezz ta’ ftehim (ara l-kummenti dwar l-Artikolu 1(1)), l-implimentazzjoni għandha titqies bħala sodisfaċenti.

Il-Kummissjoni, f’rapport supplimentari, se tikkunsidra informazzjoni oħra lilha mogħtija u taġġorna, fejn hemm bżonn, l-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sadanittant, il-Kummissjoni tistieden l-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni veloċi u sħiħa tad-Deciżjoni Qafas fuq it-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni u biex jinformawha bil-miżuri li ttieħdu.

Żewġ dokumenti f’għamla ta’ dokumenti ta’ ħidma ppreparati mill-impjegati tal-Kummissjoni huma annessi ma dan ir-rapport: fl-ewwel dokument, skond l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, issir stima tal-leġiżlazzjoni adottata jew li waslet biex tkun adottata minn kull Stat Membru b’referenza għal kull dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas; it-tieni dokument jinkludi tabella bid-dettalji tat-traspożizzjoni ta’ kull artikolu tad-Deċiżjoni Qafas f’dispożizzjonijiet nazzjonali.

[1] Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jwaqqaf skond l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, ĠU C 197/1 ta’ 12.7.2000

[2] Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, ĠU L 162/1 ta’ 20.6.2002

[3] Att tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2002 Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni li twaqqaf l-Uffiċju tal-Pulizija Ewropew (Konvenzjoni tal-Europol) u l-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Europol, il-membri tagħha, l-viċi diretturi u l-impjegati tal-Europol, ĠU C 312/1 ta’ 16.12.2002

[4] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar mudell ta’ ftehim sabiex jitwaqqaf tîm konġunt ta’ investigazzjoni (JIT), ĠU C 121/1 ta’ 23.5.2003

[5] Dokument tal-Kunsill 7906/04 JAI, 100

Top