Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0823

    Komunikazzjoni mill-kummissjoni lill-parlament ewropew u lill-kunsill - Qafas Speċjali ta’ Assistenza għal Fornituri Tradizzjonali tal-Banana ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(ACP) (regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999) - Rapport ta’ Kull Sentejn mill-Kummissjoni 2004

    /* KUMM/2004/0823 finali */

    52004DC0823

    Komunikazzjoni mill-kummissjoni lill-parlament ewropew u lill-kunsill - Qafas Speċjali ta’ Assistenza għal Fornituri Tradizzjonali tal-Banana ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(ACP) (regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999) - Rapport ta’ Kull Sentejn mill-Kummissjoni 2004 /* KUMM/2004/0823 finali */


    Brussel 21.12.2004

    KUMM(2004)823 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Qafas Speċjali ta’ Assistenza għal Fornituri Tradizzjonali tal-Banana ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(ACP)(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999)Rapport ta’ Kull Sentejn mill-Kummissjoni2004

    1. INTRODUZZJONI

    1.1 Fl-2003, il-produzzjoni dinjija tal-banana kienet ta’ madwar 69 miljun tunnellata. L-akbar produttur huwa l-Indja filwaqt li l-esportaturi prinċipali huma l-Ekwador, il-Kosta Rika, il-Filippini u l-Kolumbja.

    Kważi l-banana kollha li tiġi importata ġewwa l-Istati Uniti hija ta’ oriġini Amerikana Latina. Il-banana mill-Amerika Latina għandha wkoll sehem ta’ iktar minn 60% tas-suq tal-KE filwaqt li l-importazzjoni mill-ACP u l-produzzjoni tal-Komunità jaqsmu bejniethom il-bqija tas-suq kważi bl-istess proporzjon.

    Fl-2002, kważi 95% ta’ l-esportazzjoni kollha tal-banana mill-pajjiżi ta’ l-ACP inbiegħet lill-UE. Fl-2003, l-importazzjoni tal-banana mill-Kosta ta’ l-Avorju u l-Kamerun kienet tammonta għal iktar minn 60% ta’ l-importazzjoni kollha ta’ l-ACP lejn l-UE.

    1.2. Tradizzjonalment l-importazzjoni tal-banana ġewwa l-Unjoni Ewropea kienet regolata minn sistema ta’ kwoti bi trattament preferenzjali qawwi favur il-banana li tiġi mill-Afrika, mill-Karibew u l-Paċifiku (’lhekk imsejjħa pajjiżi ta’ l-ACP). Ir-reġim li jirregola l-importazzjoni tal-banana ta’ l-UE ma nbidilx matul il-perjodu 2002-2004. Wara t-tkabbir ta’ l-UE fl-1 ta’ Mejju 2004, il-volum tal-banana importata ġie miżjud bi kwantità addizzjonali għall-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2004 sabiex tkun garantita provvista suffiċjenti ta’ banana lill-konsumaturi fil-Komunità mkabbra.

    L-UE kisbet żewġ derogi mingħand l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex ikopru l-arranġamenti preferenzjali fuq l-importazzjoni għall-ACP. L-ewwel[1] tkopri l-preferenza tat-tariffi għall-importazzjoni tal-banana għall-ACP taħt il-Ftehim ta’ Cotonou sa l-1 ta’ Jannar 2008. It-tieni[2] tkopri r-riserva ta’ kwota Ċ għall-ACP sa l-1 ta’ Jannar 2006.

    L-UE qablet li tintroduċi reġim ta’ “tariffi biss” għall-importazzjoni tal-banana mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006.[3] Il-livell ta’ din it-tariffa għadu ma ġiex iffissat. Il-pajjiżi ta’ l-ACP ser ikomplu jgawdu minn preferenza tat-tariffi taħt ir-reġim il-ġdid: il-vantaġġ preferenzjali tagħhom fuq is-suq ikun jiddependi, madankollu, fuq il-livell miftiehem tat-tariffa.

    1.3 Bl-għan li jagħmilha iktar faċli għat-tnax-il fornitur tal-banana ta’ l-ACP biex ilaħħqu mat-transizzjoni għall-kondizzjonijiet il-ġodda tas-suq, fl-1999 kien diġà twaqqaf Qafas Speċjali ta’ Assistenza (SFA), permezz ta’ entrata speċifika fil-baġit. Ħames pajjiżi Afrikani u seba’ pajjiżi tal-Karibew huma kkunsidrati bħala fornituri tradizzjonali u għalhekk huma benefiċjarji ta’ l-SFA. Dan il-qafas jipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja għal proġetti speċifiċi sottomessi mill-pajjiżi konċernati, ibbażati fuq strateġija fit-tul miftiehma minn qabel u approvata mill-Kummissjoni. L-allokazzjonijiet individwali tal-pajjiżi jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ żewġ kriterji, jiġifieri, kemm id-differenza fil-kompetittività li tkun osservata meta mqabbla ma’ fornituri ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-importanza tal-produzzjoni tal-banana lill-ekonomija tal-pajjiżi kkonċernati ta’ l-ACP. B’mod ġenerali, matul l-ewwel snin ta’ l-implimentazzjoni (1999-2001) l-allokazzjonijiet iffokaw iktar fuq it-titjib fil-produttività milli fuq id-diversifikazzjoni, filwaqt illi matul il-perjodu mill-2002 sa l-2004 il-prijorità kienet li jkunu ffaċilitati l-isforzi fid-diversifikazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati. Taħt iż-żewġ Regolamenti,[4] beda jkun applikat tnaqqis massimu ta’ 15% mill-bidu ta’ l-2004 għall-allokazzjonijiet kollha tal-pajjiżi. Skond ir-Regolamenti, it-tnaqqis huwa inqas fil-każ ta’ pajjiżi li rnexxilhom iżidu l-kompetittività tagħhom.

    2. BAżI LEGALI

    Fit-22 ta’ April 1999, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 856/1999[5] billi introduċa qafas speċjali ta’ assistenza għal fornituri tradizzjonali tal-banana ta’ l-ACP. Fit-22 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1609/1999[6] li jistipula r-regoli dettaljati ta’ l-implimentazzjoni tiegħu.

    Fl-2002, l-entrata fil-baġit kienet tammonta għal €40 miljun. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li allokat l-ammonti (individwali) disponibbli fl-2003 taħt il-qafas speċjali ta’ assistenza kienet adottata fl-14 ta’ Marzu.[7] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rilevanti għall-entrata fil-baġit ta’ l-2004, li jammonta għal total ta’ € 37.31 miljun, kienet adottata fl-1 ta’ April 2004.[8]

    2.1. Għanijiet

    L-għan globali huwa li jew tkun mtejba l-kompetittività tal-produzzjoni tal-banana mill-pajjiżi tradizzjonali ta’ l-ACP jew li tkun sostnuta d-diversifikazzjoni kull fejn il-kompetittività ma tistax tinkiseb iktar. Fil-qosor, dan l-għan jista’ jinkiseb billi jingħataw fondi lil proġetti disinjati biex:

    - tiżdied il-produttività mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent,

    - titjieb il-kwalità, inklużi miżuri fitosanitarji,

    - jiġu adattati l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l- marketing sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ kwalità tal-Komunità,

    - jiġu stabbiliti organizzazzjonijiet tal-produtturi li jiffokaw fuq it-titjib tal- marketing u fuq l-iżvilupp ta’ metodi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż il-kummerċ ġust tal-banana,

    - ikunu żviluppati strateġiji fil- marketing u/jew il-produzzjoni immirati biex jilħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa mill-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-UE għall-banana,

    - jgħinu lill-produtturi tal-banana biex jiżviluppaw metodi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż kummerċ ġust fil-banana,

    - jgħinu permezz ta’ taħriġ u informazzjoni fuq is-swieq, u jtejbu l-infrastruttura tad-distribuzzjoni,

    - jgħinu fid-diversifikazzjoni kull meta l-kompetittività tas-settur tal-banana ma tkunx sostenibbli.

    2.2. Rappurtar

    L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill jispeċifika li “sal-31 ta’ Diċembru 2000, u f’għeluq kull sentejn wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma proposti jekk meħtieġa”. Dan ir-rapport jaderixxi ma’ dak l-obbligu fir-rigward tas-snin 2003 u 2004. Ir-rapport preċedenti, li ttratta s-snin 2001 u 2002, inħareġ fit-23.12.2002.[9]

    3. INFORMAZZJONI DWAR IS-SUQ

    Fl-2003, il-produzzjoni dinjija tal-banana kienet ta’ madwar 69 miljun tunnellata (68 miljun tunnellata fl-2002). L-akbar produttur huwa l-Indja (23.8% tal-popolazzjoni tad-dinja) filwaqt li l-esportaturi prinċipali huma l-Ekwador, il-Kosta Rika, il-Filippini u l-Kolumbja, li fl-2002 flimkien kienu jikkontrollaw 63% ta’ l-esportazzjoni dinjija tal-banana.

    L-ikbar swieq ta’ l-importazzjoni tal-banana huma l-Istati Uniti (3.9 miljun tunnellata fl-2002) u l-UE (3.3 miljun tunnellata fl-2002). Kważi l-banana kollha importata fl-Stati Uniti hija ta’ oriġini Amerikana Latina. Bil-maqlub, il-banana mill-Amerika Latina (63%) taqsam is-suq ta’ l-UE flimkien ma’ l-importazzjoni mill-ACP (19%) u l-produzzjoni mill-Komunità (18%).

    Fl-2002, kważi 95% ta’ l-esportazzjoni kollha tal-banana ta’ l-ACP kienet mibjugħa lill-UE. Fl-2003, l-importazzjoni tal-banana mill-Kosta ta’ l-Avorju u l-Kamerun kienet tammonta għal 63% (61% fl-2002) ta’ l-importazzjoni kollha mill-ACP lill-UE.

    L-UE hija suq attraenti għall-fornituri tal-banana minħabba l-prezzijiet iktar għoljin, meta mqabblin mas-suq ta’ l-Istati Uniti, kif jirriżulta mis-sistema tal-kwoti u d-differenzi kemm fid-dazji u kif ukoll fl-ispejjeż tat-trasport. Fl-2003, il-medja tal-prezzijiet tal-provvisti mill-Amerika Latina kienet ta’ €621/t, u l-medja tal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-ACP laħqet is-€616/t. Madankollu, jistgħu jidhru differenzi sinifikattivi fost il-fornituri ta’ l-ACP: fl-2003, il-medja tal-prezzijiet għall-banana li toriġina mill-Belize kienet tammonta għal €501/t, filwaqt li għall-banana mill-Kosta ta’ l-Avorju l-medja tal-prezzijiet kienet tammonta għal €676/t.

    4. REĠIM DWAR IL-KUMMERĊ FL-UE

    Ir-reġim dwar il-kummerċ fl-UE fir-rigward tal-banana ma nbidilx mil-aħħar rapport ta’ l-SFA.

    Mill-1 ta’ Jannar 2002, l-importazzjoni tal-banana ġewwa l-Komunità kienet regolata minn kwoti tat-tariffi u liċenzji ta’ importazzjoni allokati fuq il-bażi tal-kummerċ tal-passat.

    It-tliet kwoti tat-tariffi li ġejjin japplikaw: kwota A ta’ 2 200 000 tunnellata b’tariffa ta’ €75/t (€0 għall-banana ta’ l-ACP); kwota B ta’ 453 000 tunnellata b’tariffa ta’ €75/t (€0 għall-banana ta’ l-ACP); kwota Ċ ta’ 750 000 tunnellata b’tariffa ta’ €0/t (riservata għall-banana ta’ l-ACP). Il-kwoti A u B huma miftuħin għall-banana ta’ kull oriġini; il-kwota Ċ hija riservata għall-pajjiżi ta’ l-ACP.

    L-importazzjoni ta’ banana barra minn dawn il-kwoti hija suġġetta għal dazju doganali ta’ €680/t. Il-pajjiżi ta’ l-ACP igawdu minn tariffa preferenzjali ta’ €300/t.

    Wara t-tkabbir ta’ l-UE fl-1 ta’ Mejju 2004, saru arranġamenti xierqa biex tkun garantita provvista adegwata ta’ banana lil konsumaturi fil-Komunità mkabbra. Għal dan il-għan, il-volumi kurrenti ta’ l-importazzjoni tal-banana ġew miżjuda bi kwantità addizzjonali ta’ 300 000 tunnellata għall-perjodu 1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Diċembru 2004.

    Fil-kuntest ukoll tat-tkabbir ta’ l-UE, fil-kors ta’ l-2004 l-UE uriet li hija lesta tinnegozja mal-membri rilevanti tal-WTO kumpens ta’ kummerċ possibbli skond l-Artikolu XXIV.6 tal-GATT għaż-żjieda fid-dazji ta’ l-importazzjoni fir-rigward tal-banana bħala riżultat ta’ l-applikazzjoni tat-tariffa 15 ta’ l-UE lill-Istati Membri ġodda.

    Fl-aħħarnett, meta tqis li fir-Regolament dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni fir-rigward tal-banana, fil-Ftehim fuq il-Banana ma’ l-Ekwador u l-Istati Uniti, u fir-rinunzji tal-WTO ta’ l-Artikolu 1 tal-GATT rigward il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ACP-KE, hemm previst id-dħul fis-seħħ ta’ reġim ta’ importazzjoni bbażat biss fuq it-tariffi sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, fil-15 ta’ Lulju 2004 l-UE nnotifikat lil-WTO bl-intenzjonijiet tagħha li temenda l-konċessjonijiet tal-WTO dwar il-banana skond il-proċeduri ta’ l-Artikolu XXVIII tal-GATT.

    Sa fejn jikkonċerna l-fornituri tal-banana ta’ l-ACP, il-Kummissjoni hija marbuta li tonora l-obbligi tagħha li joħorġu mill-Ftehim ta’ Cotonou u għalhekk bi ħsiebha tagħti attenzjoni partikolari għall-implikazzjonijiet tal-bidla fir-reġim ta’ l-importazzjoni tagħha għall-produtturi tal-banana ta’ l-ACP, biex teżamina modi xierqa kif tindirizza s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, inkluż l-aċċess preferenzjali għall-prodotti ta’ l-ACP, u li tfittex li żżomm livell ta’ preferenza għall-pajjiżi ta’ l-ACP ekwivalenti għal dak mogħti mill-Komunità mkabbra għal 25.

    5. DEĊIŻJONIJIET FINANZJARJI

    5.1. Entrata fil-Baġit ta’ l-2003

    Il-Proposti Finanzjarji preparati mit-12-il pajjiż benefiċjarju ta’ l-ACP kienu approvati kollha fil-Kumitat EDF ta’ Novembru 2003. Minkejja li l-impenni finanzjarji kienu ġew adottati kollha fl-aħħar ta’ l-2003, l-iffirmar tal-ftehim finanzjarji korrispondenti kien possibbli biss fl-aħħar ta’ l-2004, minħabba l-eżerċizzju ta’ verifika skond l-Artikolu 164 tar-Regolamenti Finanzjarji (ħlief għas-Somalja li kien iffirmat iktar kmieni, billi l-kontroll tal-programm kien ċentralizzat). Dan ta’ l-aħħar, mwettaq f’Ottubru/Novembru 2004, jivverifika l-konformità mal-kriterji li jirrigwardaw il-kontroll deċentralizzat.

    L-ammont totali tal-ftehim finanzjarji ta’ l-2003 huwa ta’ €40 miljun u ġie allokat kif jidher fl-Anness 1.

    5.2. Entrata fil-Baġit ta’ l-2004

    L-ammonti indikattivi ta’ l-2004 kienu ġew mgħarrfa lill-istati benefiċjarji f’April 2004. Billi t-12-il pajjiż kollha ppreżentaw proposti finanzjarji, ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ allokazzjoni mill-ġdid ta’ riżorsi mhux użati.

    L-ammont totali ta’ l-allokazzjonijiet ta’ l-2004 huwa kemmxejn inqas mis-snin ta’ qabel, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (Nru) Nru 856/1999:

    “Mis-sena 2004 […] għandu jiġi applikat ko-effiċjent massimu ta’ tnaqqis ta’ 15% fuq il-livell ta’ assistenza li jkun tqiegħed għad-disposizzjoni tal-fornituri tradizzjonali individwali ta’ l-ACP. Fejn jiġu implimentati programmi definiti taħt l-Artikolu 3(2)(a) [immirati biex jagħtu spinta lill-produttività) , dan il-ko-effiċjent ta’ tnaqqis għandu jitnaqqas bl-itess limitu li tkun ġiet osservata żjieda fil-kompetittività meta mqabbla mas-sena ta’ qabel”.

    It-12-il proposta finanzjarja intbagħtu lill-Kumitat ta’ l-EDF ta’ Novembru, li ta l-approvazzjoni tiegħu.

    6. IMPLIMENTAZZJONI

    Meta mqabbel mal-perjodu 1999-2002, il-proporzjon ta’ l-ammonti allokati fil-ftehim finanzjarji ta’ l-2003 u 2004 biex jagħtu spinta lill-produttività tal-pjantaġġun tal-banana, ikompli jonqos.

    Il-proporzjon tad-diversifikazzjoni għall-produttività fl-ammonti allokati fl-2003 u l-2004 kienu 171% u 178% rispettivament, żjieda mill-81% u l- 178% fl-2001 u fl-2002 (ara Anness VI).

    Kif indikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (Nru) Nru 856/1999, “tiġi mogħtija assistenza teknika u finanzjarja […] biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ programmi mmirati […] biex isostnu d-diversifikazzjoni fejn it-tijib fil-kompetittività fis-settur tal-banana m’huwiex sostenibbli” .

    Mill-24-il ftehim ta’ finanzjament, 16 minnhom allokaw fondi għall-proġetti ta’ diversifikazzjoni.

    6.1. Diversifikazzjoni

    Il-programmi li jinkoraġġixxu d- diversifikazzjoni jimmiraw prinċipalment għat-taħriġ mill-ġdid għall-bdiewa li jikkoltivaw il-banana.

    - Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Dominika, Grenada, Kap Verde, is-Somalja u l-Madagaskar ippjanaw li jagħmlu użu mill-ammont sħiħ ta’ l-allokazzjonijiet tagħhom għall-2003 u l-2004 għall-proġetti ta’ sostenn agrikolu u istituzzjonali.

    - L-allokazzjonijiet ta’ l-2003 u l-2004 għall-Ġamajka huma mifruxa fuq iż-żewġ setturi: li jingħata inkoraġġiment lill-produttività u d-diversifikazzjoni.

    - Sitta mit-tmien pajjiżi li qed jimplimentaw il-proġetti ta’ diversifikazzjoni bl-għajnuna ta’ l-allokazzjonijiet tagħhom ta’ l-2003-2004 inkludew ukoll parti dwar assistenza teknika speċifika fil-programmi tagħhom.

    6.2. Inkoraġġiment lill-Produttività

    Proġetti mmirati għaż- żjieda fil-produttività tal-pjantaġġuni tal-banana qed jitwettqu f’5 mit-12-il pajjiż. Fl-2003 u l-2004, dawn il-proġetti jinkludu attivitajiet dwar:

    - tisqija u drenaġġ fil-Kamerun, Kosta ta’ l-Avorju, Ġamajka u Surinam;

    - tiġdied ta’ pjantaġġuni fil-Kamerun, il-Kosta ta’ l-Avorju u l-Beliże;

    - ippakkjar u ħażna ta’ uċuħ tar-rabà fil-Kamerun, fil-Kosta ta’ l-Avorju u fis-Surinam;

    - proġetti ta’ infrastruttura u soċjali fil-Kamerun, fil-Kosta ta’ l-Avorju u fil-Beliże;

    - assistenza teknika speċifika fil-Kosta ta’ l-Avorju, fil-Beliże, fil-Ġamajka u fis-Surinam;

    - ċertifikazzjoni ta’ strumenti ta’ produzzjoni fil-Kosta ta’ l-Avorju sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ kwalità imposti mill-kondizzjonijiet tas-suq.

    6.3. Pagamenti u Żburżar

    It-tabelli fl-Annessi II, III u IV juru allokazzjonijiet, pagamenti u żburżar għal kull SFA u kull pajjiż, rispettivament, fil-15/10/2004 u fil-31/12/2003.

    Jidher tnaqqis drastiku fil-pagamenti fl-2004, prinċipalment minħabba l-ħtieġa biex proġetti dejjem sejrin ikunu adattati għall-ħtiġiet tar-Regolamenti Finanzjarji ġodda li daħlu fis-seħħ fl-2003.

    Ċertament, l-implimentazzjoni tal-proġett permezz tal-Pjanijiet tax-Xogħol ta’ Kull Sena (AWP)[10] ma kienetx aktar possibbli billi l-eżerċizzju ta’ verifika skond l-Artikolu 164 tar-Regolamenti Finanzjarji ma kienx għadu ta l-konklużjonijiet tiegħu.

    Kif jidher fl-Anness VIII, l-ammont imħallas fuq l-AWPs għall-proġetti implimentati bejn l-1999 u l-2004 huwa ta’ €62.60 miljun filwaqt li l-iżburżar jilħaq il-€35.67 miljun.

    Filwaqt li kien osservat dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ proġetti fl-2003 u fl-2004, is-sitwazzjoni għandha tmur għall-aħjar sal-bidu ta’ l-2005 billi l-eżerċizzju ta’ verifika skond l-Artikolu 164 tar-Regolamenti Finanzjarji jaħseb għal amministrazzjoni deċentralizzata f’bosta mill-pajjiżi.

    7. KONTROLL

    Filwaqt li ma ġew imwettqa ebda attivitajiet fil-ħin tal-missjoni inizjali ta’ kontroll fil-pajjiżi kollha tal-Karibew fl-2001, intant il-proġetti rilevanti ġew mnedija b’suċċess.

    Ġie kkuntrattat konsulent mid-DĠ AGRI fi ħdan l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni tal-Banana (CMO) biex iwettaq analiżi ristretta ta’ l-SFA. Ġie miftiehem li t-termini ta’ referenza jiġu estiżi sabiex jinkludu analiżi dettaljata dwar l-impatt ta’ l-SFA mill-1999 sa l-2004.

    Il-missjoni ta’ kontroll tiffoka ukoll fuq l-Istrateġiji kurrenti tal-Banana u tagħmel stima tas-sensittività tagħhom għal-livell tat-tariffa waħdanija li tkun ser tiġi introdotta. Barra dan, il-programmi proposti u implimentati taħt l-SFA jiġu stmati għall-effikaċja tagħhom biex jikkontribwixxu għall-Istrateġija ta’ kull pajjiż benefiċjarju.

    Il-missjoni, li sejra żżur it-12-il pajjiż kollha kemm huma, bdiet fl-aħħar ta’ l-2004 u għandha tippreżenta rapport sa nofs l-2005.

    8. RAKKOMANDAZZJONIJIET U KONKLUŻJONIJIET

    Minħabba l-eżerċizzju ta’ verifika skond l-Artikolu 164 tar-Regolamenti Finanzjarji, matul l-aħħar sentejn kien hemm dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ proġetti. Id-disposizzjoni ta’ dan l-artikolu taħseb għal amministrazzjoni deċentralizzata fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi konċernati. Għalhekk is-sitwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni għandha titjieb fil-bidu ta’ l-2005.

    B’mod parallel mat-tnaqqis tal-ko-effiċjenti ta’ 15% għal-livell ta’ assistenza mqegħda għad-disposizzjoni u t-tnaqqis b’mod proporzjonali maż-żjieda fil-kompetittività osservata, l-implimentazzjoni u l-ipprogrammar għaddew minn sostenn għall-kompetittività għal sostenn primarjament tad-diversifikazzjoni. Din it-tendenza kompliet fil-perjodu 2002-2004.

    Fl-2002, kienet ġiet ikkummissjonata u mwettqa valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 856/1999. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha, e.ż., l-ipprogrammar fuq bażi t’aktar minn sena biex jitnaqqsu l-passi amministrattivi u konsegwentement iħaffu l-proċess amministrattiv, instabu li ma kienux jikkorrispondu mal-ħtiġiet tar-Regolament ta’ l-SFA u r-Regolament Finanzjarju. Ġew ikkummissjonati, mfassla u mwettqa rapporti oħrajn għal donaturi oħrajn.[11] Il-Kummissjoni hija fil-preżent fil-proċess li teżamina l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha bl-għan li tagħmel eħfef u aktar mgħaġġla l-implimentazzjoni ta’ l-SFA fil-kuntest tal-qafas regolatorju eżistenti.

    WORKING DOCUMENTS

    Introduction to the Annexes:

    Annexes II (1999), III (2000), IV (2001), V (2002) and VIII (recapitulative) show per country:

    - payments (transfer from EC account to double signature account)

    - disbursements (final payments of invoices) for annual work programmes

    - payments/disbursements for specific commitments.

    ANNEX I:BANANA BUDGET LINE 21-03-18 (Ex B7-8710) COUNTRY ALLOCATIONS for 2003 AND 2004

    +++++ TABLE +++++

    ANNEX II:SFA 1999

    Financial situation as at:15/10/2004 for payments 31/12/2003 for disbursements

    +++++ TABLE +++++

    ANNEX III: SFA 2000

    Financial situation as at:15/10/2004 for payments 31/12/2003 for disbursements

    +++++ TABLE +++++

    ANNEX IV: FA 2001

    Financial situation as at:15/10/2004 for payments 31/12/2003 for Disbursements

    +++++ TABLE +++++

    ANNEX V:SFA 2002

    Financial situation as at:15/10/2004 for payments 31/12/2003 for disbursements

    +++++ TABLE +++++

    ANNEX VI:Overview of activities by type of assistance

    [pic]

    1) Irrigation and drainage 2) Renewal of plantations (3) Phyto-sanitary treatment (4) Fertiliser (5) Packing (6) Cold storage (7) Agriculture/rural development (8) Roads (9) Social infrastructure (10) Microcredit (11) Social projects (12) Training (13) Institutional support (14) Technical Assistance ANNEX VII:CHART:Global payments on AWP over Global Payments on Specific Commitments

    [pic]

    ANNEX VIII:CHART:Global payments over Global Disbursements on AWP only

    [pic]

    +++++ TABLE +++++

    [1] Deċiżjoni tal-WTO ta’ l-14 ta’ Novembru 2001: WT/MIN(01)15: “Komunitajiet Ewropej – Il-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE ”.

    [2] Deċiżjoni tal-WTO ta’ l-14 ta’ Novembru 2001: WT/MIN(01)16: “Komunitajiet Ewropej – Reġim tradizzjonali għall-kwota tar-rata tat-tariffi awtonomi tal-KE fuq l-importazzjoni tal-banana”.

    [3] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001

    [4] Art. 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999 u Art. 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/1999

    [5] ĠU L 108, tas-27.4.1999, pġ. 2

    [6] ĠU L 190, tat-23.7.1999, pġ. 14

    [7] Deċiżjoni E/2003/359 – K(2003)766

    [8] Deċiżjoni E/2004/644 – K(2004)1142

    [9] KUM(2002)763 finali

    [10] Pjan ta’ Ħidma ta’ Kull Sena (AWP), msejjaħ ukoll stima ta’ programm, huwa dokument li jistipula r-rżorsi umani u materjali meħtieġa, il-baġit, l-arranġament tekniċi dettaljati u dawk amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq perjodu speċifikat.

    [11] Bħala eżempju, ir-rapport tan-NERA dwar il-Konsulenza Ekonomika “Li jindirizza l-impatt tat-tnaqqir bħala preferenza tal-banana fuq pajjiżi tal-Karibew” imwettaq għad-DFID f’Awissu 2004

    [12] Approximate amount calculated at the exchange rate of December 2003.

    [13] The disbursed amount is higher than the one paid from HQ because of the exchange rates fluctuations.

    [14] Approximate amount calculated at the exchange rate of December 2003.

    [15] The disbursed amount is higher than the one paid from HQ because of the exchange rates fluctuations.

    Top