EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0503

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament ewropew - Sistema Komuni Ewropea ta’ Kenn Politiku Aktar Effiċjenti: Il-Proċedura Unika bħala l-Pass li Jmiss {SEC(2004) 937}

/* KUMM/2004/0503 finali */

52004DC0503

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament ewropew - Sistema Komuni Ewropea ta’ Kenn Politiku Aktar Effiċjenti: Il-Proċedura Unika bħala l-Pass li Jmiss {SEC(2004) 937} /* KUMM/2004/0503 finali */


Brussel, 15.07.2004

KOM(2004) 503 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

Sistema Komuni Ewropea ta’ Kenn Politiku Aktar Effiċjenti: Il-Proċedura Unika bħala l-Pass li Jmiss {SEC(2004) 937}

Daħla

Il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li ltaqa’ fil-Lussemburgu fid-29 ta’ April 2004 kien adotta b’mod formali d-Direttiva tal-Kunsill fuq l-istandards minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew inkella bħala persuni li b’xi mod ikunu jeħtieġu kenn internazzjonali (id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni), u kien laħaq ftehim politiku fuq il-proposta Emendata għad-Direttiva tal-Kunsill fuq l-istandards minimi li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri adottati mill-Istati Membri biex dawn jagħtu jew ineħħu stat ta’ refuġjat (id-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku). L-adozzjoni formali tista’ sseħħ wara li jkun ħareġ ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew. Ikun hemmhekk li l-ewwel fażi tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Kenn Politiku tkun tlestiet kollha.

It-tmiem ta’ l-ewwel fażi tal-programm leġislattiv taħt it-Trattat ta’ Amsterdam jeħtieġ kemm li l-UE tqis x’se jkunu l-karatteristiċi tat-tieni fażi tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Kenn Politiku kif ukoll li tirrifletti fuq u tagħmel valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-istrumenti miftiehma f’dawn l-aħħar erba’ snin.

Il-konklużjoni 27 tal-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki ta’ Ġunju 2003 sejħet għal aktar tisħiħ tal-proċeduri tal-kenn politiku biex dawn isiru aktar effiċjenti ħalli jitħaffef kemm jista’ jkun l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet tal-ħarsien non-internazzjonali. Dan isejjaħ għal tweġiba fuq kif l-UE tista’ tibni dan it-tisħiħ u din il-ħeffa fil-proċeduri li jwasslu għaż-żewġ għamliet ta’ ħarsien internazzjonali li ġew definiti fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Għar-raġunijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, li jittieħdu passi lejn proċedura unika x’aktarx twieġeb għal dawn id-domandi.

Din il-Komunikazzjoni tpoġġi f’dan il-kuntest l-istudju reċenti tal-proċedura unika li huwa maħsub li jagħti bidu għal aktar diskussjonijiet fuq il-proċedura unika li se sseħħ fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Wara li fażi tat-tħejjija tkun intemmet, il-Kummissjoni se tressaq proposta biex tiddaħħal fil-liġi tal-Komunità.

L-Isfond għal din il-Komunikazzjoni

1. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2000 “Lejn proċedura komuni ta’ kenn politiku u stat uniformi li jkun validu fl-Unjoni kollha għall-persuni li jingħataw kenn politiku” kienet saħqet li ċerti Stati Membri għandhom jadottaw tip ta’ proċedura li tkun tkopri kollox. Il-Kummissjoni daħlet li tagħti bidu għal studju bħala bażi għal aktar riflessjoni.

2. L- “Istudju fuq proċedura unika ta’ kenn politiku li tkun tkopri kollox fl-isfond tas-sistema komuni Ewropea tal-kenn politiku u l-għan ta’ proċedura komuni ta’ kenn politiku” (l-Istudju) kien ġie ppubblikat f’Jannar 2003 u wieħed jista’ jirreferi għalih f’dan l-indirizz ta’ l-internet:

http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/asylum/studies/docs/study_one_stop_shop_en.pdf

(ISBN: 92-894-5256-0)

L-isfond kollu ta’ din il-politika u taqsira tar-riżultati ta’ l-Istudju qed jidhru fl-Anness A .

Għaliex proċedura unika?

Ħeffa u Effiċjenza

3. L-ewwel u l-aktar vantaġġ ovvju li jkun hemm proċedura unika huwa ż-żieda fil-ħeffa u fl-effiċjenza tal-proċedura. Fl-Istudju, dawk l-Istati Membri li jħaddmu proċedura unika juru mill-ewwel dawn l-effetti. Proċedura li tiffoka fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġiet tal-kenn iddefiniti fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u fejn awtorità waħda tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ wieħed minn dawk is-settijiet ta’ kriterji żgur li jkollha l-potenzjal li tkun aktar mgħaġġla mix-xenarju ta’ applikazzjonijiet waħda wara l-oħra li jsiru lil awtorità waħda jew aktar, fejn ikunu qed jiġu mistħarrġa l-istess fatti u appelli kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet differenti li jkunu qed jitmexxew b’mod parallel.

4. Iċ-ċentralizzazzjoni tar-riżorsi biex ikunu ttrattati l-applikazzjonijiet għall-ħarsien tista’ wkoll tkun ta’ ġid kbir. Li jkun hemm stħarriġ wieħed u integrat tal-każ jiffranka ħafna żmien u riżorsi, bħalma huma l-esperti legali u tal-pajjiż kif ukoll l-interpreti. Din tgħin ukoll biex ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar sfidi amministrattivi bħalma huma l-għaqda fiż-żamma tal-fajls u l-ħolqien ta’ data statistika rappreżentattiva li tkun ibbażata fuq definizzjonijiet armonizzati. Dan jista’ jkun ta’ ġid kbir għall-Istati Membri – sistema aktar mgħaġġla u aktar effiċjenti tgħin fl-integrazzjoni tar-refuġjati u fit-tneħħija ta’ dawk li ma jkunux jeħtieġu kenn politiku.

Il-Kenn

5. Hemm argumenti b’saħħithom għall-introduzzjoni ta’ proċedura unika marbuta ma’ l-aspetti tal-kenn ta’ l-applikazzjonijiet għall-kenn internazzjonali. Ma jista’ jkun hemm l-ebda tama jekk applikanti għall-kenn internazzjonali ikunux jistgħu jagħmlu valutazzjoni dwar jekk it-talba tagħhom ikollhiex x’taqsam mal-kriterji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jew jekk ikollhomx għarfien ieħor fejn għandhom x’jaqsmu strumenti oħra tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu l-bażi ta’ għamliet oħrajn ta’ kenn internazzjonali.

6. It-tnaqqis ta’ biża’ kbir li jista’ jkun hemm kif ukoll in-natura trasparenti ta’ proċedura inklussiva waħda huma wkoll ta’ kuraġġ għall-applikant biex dan jippreżenta l-każ tiegħu jew tagħha b’mod komprensiv li jkun ikopri l-aspetti kollha li jagħmluha impossibbli għalih jew għaliha li jmorru lura lejn pajjiżhom. Dan jevita wkoll il-possibbiltà li fatti importanti jiġu żvelati wara li l-proċedura ewlenija tal-kenn politiku tkun tlestiet, meta l-garanziji kollha applikabbli għall-proċess tal-kenn politiku ma jkunux jgħoddu aktar. Il-kredibbiltà ta’ l-applikant tista’ wkoll titjieb jekk dawn ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jiffaċċjaw sensiela ta’ proċeduri, bil-biża’ li d-dikjarazzjonijiet tagħhom jiġu rranġati biex jitqiesu l-kriterji differenti li fuqhom din toqgħod titkejjel minn awtoritajiet differenti.

Il-Perċezzjoni pubblika

7. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2003 “Dwar il-politika komuni ta’ kenn politiku u l-Aġenda għall-kenn politiku” kienet saħqet dwar il-kriżi li teżisti fis-sistema tal-kenn politiku, liema sistema kienet tolqot l-aktar ċerti Stati Membri waqt li kien hemm ċerta preokkupazzjoni dejjem tikber fl-opinjoni pubblika. Fejn deċiżjoni waħda tiġi bħala riżultat ta’ proċedura mħaffa u komprensiva (ssuktata bil-possibbiltà ta’ appell kontra dik id-deċiżjoni), l-ambigwità u l-perċezzjoni ta’ ħsara li dawn jibqgħu f’pajjiż minħabba kenn politiku ma jibqgħux jeżistu. M’hemm xhieda li t-twaqqif ta’ proċedura unika żżidx il-ġibda li jkun hemm aċċess għal din il-proċedura bħala ħaġa waħda; ħafna mill-Istati Membri jagħtu inqas kenn lil dawk li ma jkunux jikkwalifikaw għall-istat tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

Ir-Ritorn

8. Proċedura unika żżid il-valur għas-sistemi tal-kenn politiku ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE fl-isforzi tagħhom biex jibagħtu lura lil dawk li ma jkunux jikkwalifikaw għal kenn internazzjonali. Fejn ir-rabtiet kolha possibbli ta’ kenn ikunu ddaħħlu f’proċedura unika, iċ-ċans li jkun hemm aktar ostakli marbuta mal-kenn biex idewmu jew biex jevitaw it-tneħħija ta’ dawn ikun ferm inqas. L-awtoritajiet responsabbli għar-ritorn imbagħad jaġixxu fuq il-fatt li ma jkunx hemm kunsiderazzjonijiet pendenti x’jiġu ttrattati. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kenn politiku u dawk tar-ritorn hija importanti ħafna biex ikun hemm aktar proċeduri mingħajr diffikultà.

Għaliex azzjoni fuq livell ta’ UE?

Il-mili ta’ vojt potenzjali ta’ kenn

9. Id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni torbot lill-Istati Membri biex dawn jagħtu stat ta’ kenn sussidjarju lil kull ċittadin ta’ pajjiżi terz jew persuna mingħajr stat li jkunu jikkwalifikaw għall-ħarsien sussidjarju skond il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva. Għandha ssir valutazzjoni tar-raġunijiet ta’ l-applikant għall-kenn skond il-kriterji li hemm fid-Direttiva li jinkludu l-fatti relevanti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-pajjiż ta’ l-oriġini, dikjarazzjonijiet u dokumenti relevanti, u ċ-ċirkustanzi individwali tat-talba.

10. Id-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku tgħodd għall-applikazzjonijiet kollha għall-kenn politiku li jkunu saru fit-territorju jew fil-fruntieri jew f’żoni ta’ transitu ta’ l-Istati Membri. Id-Direttiva tgħid li l-Istati Membri li jkunu qed iħaddmu jew jintroduċu proċedura li fiha jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet mhux biss bħala applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra iżda wkoll bħala applikazzjonijiet għall-kenn sussidjarju, għandhom japplikaw id-Direttiva fil-proċedura kollha tagħhom.

11. Fid-dawl ta’ l-adozzjoni formali tal-Kunsill tal-ĠAI li sar fil-Lussemburgu fid-29 ta’ April 2004, fuq Direttiva li tintroduċi ftehim komuni ta’ żewġ għamliet differenti ta’ stat ta’ kenn fost l-Istati Membri u ftehim politiku fuq Direttiva li torbot lill-Istati Membri biex idaħħlu standards minimi fuq il-proċeduri li jwasslu għal wieħed minn dawk iż-żewġ stati biss, tibqa’ d-domanda dwar kif għandhom jiddaħħlu garanziji proċedurali għal dawk li japplikaw espliċitament għall-istat ta’ kenn sussidjarju jew li, fi stadju bikri fl-applikazzjoni tagħhom, ma jagħtux raġunijiet li jkunu żgur relevanti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda li minkejja dan xorta jikkwalifikaw għall-kenn sussidjarju. It-tkomplija ta’ l-ewwel fażi tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Kenn Politiku żgur teħtieġ li jimtela dan “il-vojt ta’ kenn” potenzjali biex l-applikazzjonijiet kollha għall-kenn internazzjonali, kif iddefinit fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni, ikunu koperti bl-istess garanziji proċedurali. Taħt il-liġi tal-Komunità wieħed ma jistax jimmaġina li dawk li jkunu qed jagħmlu talba għall-kenn sussidjarju (li għal dan il-liġi tal-Komunità se toffri stat) ma jkollhomx l-istess possibbiltajiet biex jippreżentaw il-każ tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet ta’ l-appell bħal dawk li jkunu qed jagħmlu talba biex jitqiesu bħala refuġjati (li għal dan il-liġi tal-Komunità ukoll toffri stat). Dan huwa l-aktar relevanti meta wieħed iqis li l-Istati Membri ta’ l-UE ħafna drabi joffru kenn sussidjarju ferm aktar minn dak ibbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għall-applikazzjonijiet għall-kenn internazzjonali. Li jimtela dan il-vojt ta’ kenn ma jsawwarx fih innifsu proċedura unika – anzi, żewġ proċeduri paralleli jistgħu iservu bħala l-ewwel pass lejn proċedura unika vera (proċedura b’awtorità waħda li tieħu deċiżjoni waħda).

Li jsiru t-tibdiliet meħtieġa fuq livell ta’ UE

12. Waqt li l-implimenatazzjoni tad-Direttiva ta’ l-istandards minimi teħtieġ li jsir tibdil fil-prattiċi amministrattivi f’ħafna mill-Istati Membri, id-dħul ta’ proċedura unika tista’ tinvolvi tibdil aktar sostanzjali fl-istrutturi amministrattivi. Il-pożizzjonijiet tal-bidu ta’ l-Istati Membri dwar l-adozzjoni possibbli ta’ proċedura unika jvarjaw ħafna. Il-bidla fil-fażi meħtieġa biex jintlaħaq livell f’dan il-qasam tista’ ssir biss jekk jiġi identifikat għan komuni li dwaru jkun hemm qbil f’UE mkabbra.

Il-valur miżjud tal-kooperazzjoni ta’ l-UE – metodoloġija konġunta

13. Biex jingħata bidu għal dan it-tibdil u biex ikun hemm l-għajnuna teknika biex l-Istati Membri jitħejjew għall-possibbiltà ta’ aġġustamenti legali u infrastrutturali, il-Kummissjoni tirrakkomanda żewġ avviċinamenti:

- Il-Fażi tat-Tħejjija. Perjodu ta’ konsultazzjoni, dibattitu u tħejjija fuq x’jeħtieġu l-Istati Membri biex jgħaqqdu l-proċeduri li jwasslu għaż-żewġ għamliet ta’ stat stabbiliti fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Din għandha tibda mill-Kummissjoni f’sensiela ta’ azzjonijiet ta’ l-operat u proġetti tekniċi li jinkludu laqgħat ta’ l-esperti mmexxija mill-Kummissjoni li jħarsu fuq jekk il-prattiċi applikabbli biex ikun stabbilit stat ta’ refuġjat jistgħux jitwessgħu għall-valutazzjoni dwar jekk applikant jikkwalifikax għall-kenn sussidjarju u kif il-proċedura sħiħa tkunx tista’ ssir aktar effiċjenti u mħaffa. Il-Fażi tat-Tħejjija għalhekk tipprepara l-bażi u twaqqaf kunsens wiesa’ biex jitqiesu dawn li ġejjin:

- Il-Liġi tal-Komunità. L-ewwel pass ta’ azzjoni leġislattiva biex jitwessgħu l-garanziji miftiehma li jgħoddu għat-talbiet ta’ stat ta’ refuġjat fid-Direttuva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku għal dawk marbuta ma’ l-istat ta’ kenn sussidjarju li hemm fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni dwar jekk id-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku tistax tiġi emendata biex jitqiesu d-dettalji tal-valutazzjoni tat-talbiet għall-kenn sussidjarju. Hekk ukoll dwar jekk il-Kundizzjonijiet ta’ l-Ilqugħ għandhomx jiġu emendati u jekk ir-Regolament Dublin II jistax jitwessa’ biex ikopri l-applikazzjonijiet għall-kenn sussidjarju.

14. L-interdipendenza taż-żewġ avviċinamenti hija ċara: il-leġislazzjoni għandha tidħol biex tindirizza dawk l-oqsma magħrufa mill-Fażi tat-Tħejjija bħala adattati, possibbli u ta’ ġid veru għas-sistemi ta’ kenn politiku ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE.

Kif tista’ tintlaħaq proċedura unika fl-UE

A: L-Avviċinament leġislattiv: domandi importanti

15. Il-leġislazzjoni hija żgur meħtieġa għall-bidla fil-fażi prevista. Madankollu, kull azzjoni leġislattiva teħtieġ li titħejja sew u jkollha bażi soda fir-riżultati tal-konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħra, liema azzjoni għandha tindirizza l-punti tekniċi u politiċi kollha li jitqajmu. Hemm ħafna domandi importanti li jridu jitwieġbu, inklużi dawk li kienu tqajmu mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni ta’ Novembru 2000 “Lejn proċedura komuni ta’ kenn politiku u stat uniformi li jkun validu fl-Unjoni kollha” , li kienu ġew eżaminati f’ċertu dettal fl-Istudju li ssemma qabel.

Il-Livell ta’ ambizzjoni

16. L-attenzjoni tal-leġislazzjoni jiddpenedi ħafna fuq il-fażi tat-tħejjija li għandha tagħmel valutazzjoni ta’ a) x’jista’ jinbidel mill-Istati Membri billi sempliċiment jiġu aġġustati l-prattiċi ta’ l-operat tagħhom u b) x’għandu jinbidel, min-naħa l-oħra, bil-leġislazzjoni.

17. Hemm diversi possibbiltajiet għall-għanijiet ewlenin li huma l-bażi ta’ azzjoni leġislattiva:

- li għall-applikazzjonijiet għall-kenn sussidjarju jitwessgħu l-garanziji għall-ewwel stħarriġ li jgħoddu għall-applikazzjonijiet għal stat ta’ refuġjat skond il-Kapitlu II tad-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku;

- li deċiżjonijiet negattivi fuq applikazzjonijiet għall-kenn sussidjarju jiġu suġġetti għall-kunċett ta’ rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal fejn għandhom x’jaqsmu deċiżjonijiet li jiċħdu applikazzjoni għal stat ta’ refuġjat taħt il-Kapitolu V tad-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku;

- li jitwessa’ l-għan tad-Direttiva tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Ilqugħ għall-applikanti li jkunu qed japplikaw għall-kenn sussidjajru;

- li jitwessa’ l-għan tar-Regolament Dublin II biex ikopri applikazzjonijiet għall-kenn sussidjarju;

- li jiddaħħal avviċinament amministrattiv komuni għall-proċeduri ta’ l-istħarriġ bħalma huma l-introduzzjoni ta’ awtorità waħda biex tistħarreġ l-applikazzjonijiet kemm għal stat ta’ refuġjat kif ukoll għall-kenn sussidjarju;

- li jitwessa’ l-għan ta’ kull wieħed mill-istandards tal-Komunità li ssemmew diġà fuq dawn il-proċeduri għal raġunijiet oħrajn li ma jkunux jippermettu t-tneħħija ta’ dawn mill-UE. Dan bil-ħsieb li jkun hemm proċedura unika li tkun inklussiva kollha kemm hi.

Iż-Żmien tal-leġislazzjoni

18. Qed tkun prevista l-introduzzjoni ta’ din il-leġislazzjoni f’diversi fażijiet. L-ewwel din għandha tiffoka fuq l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali għaż-żewġ għamliet ta’ kenn politiku. Imbagħad jidħol it-twessiegħ tal-garanziji l-oħra li hemm fid-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku. Dan ikun issuktat bit-twessiegħ ta’ l-għan għall-istrumenti l-oħrajn li jkun hemm fl-ewwel fażi tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Kenn Politiku, u ftit ftit jasal għal proċedura unika li tkun tkopri l-aspetti kollha ta’ l-istħarriġ ta’ talba.

L-Għan ta’ proċedura unika – liema standards proċedurali għandhom ikunu inklużi/esklużi?

19. Bħala l-ewwel fażi, almenu il-Kapitolu II tad-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku, “Il-Prinċipji u l-Garanziji Bażiċi” (li jittratta dwar l-aċċess għall-proċedura, id-dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru sakemm ikunu twettqu l-eżami, il-kriterji ta’ l-eżami, l-intervisti, ir-regoli fuq l-għajnuna legali u l-proċeduri għat-tneħħija) għandu jkun jgħodd b’mod indaqs għall-applikazzjonijiet tal-kenn sussidjarju. L-istandards huma importanti ħafna biex ikun hemm proċeduri ġusti u dawn isawru l-pedament tal-proċeduri komuni kollha li jista’ jkun hemm taħt il-liġi tal-ġejjieni tal-Komunità.

Kif għandhom jiġu ttrattati l-appelli fi proċedura unika?

20. L-obbligu li jingħata rimedju effettiv f’każ ta’ deċiżjoni negattiva li tkun tolqot id-drittijiet ta’ persuna taħt il-liġi tal-Komunità huwa suġġett preskritt mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda wkoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ikun importanti li wieħed jara kif l-Istati Membri se jħaddmu l-prinċipju ewlieni ta’ “rimedju effettiv” li hemm fid-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku u kif dak il-prinċipju se jkun intepretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ sistemi legali nazzjonali li jkunu differenti. Proċedura unika li tkun tinkludi l-livell ta’ appelli żżid il-vantaġġi ta’ l-effiċjenza amministrattiva. Madankollu, meta wieħed iqis l-impatt li jista’ jkun hemm fuq is-sistemi legali nazzjonali, wieħed jista’ jippreferi li jfittex dik il-possibbiltà fi stadju aktar tard, għalkemm il-Fażi tat-Tħejjija għandha tqis ukoll l-ideat tal-qrati rispettivi ta’ l-Istati Membri.

L-Għan ta’ proċedura unika – inklużi/esklużi raġunijiet oħra għall-waqfa

21. Ikun importanti ħafna li wieħed jistħarreġ safejn u f’liema perjodu ta’ żmien il-Komunità tkun tixtieq li tipproċedi: jekk għandux ikun hemm proċedura li “tkun inklussiva kollha kemm hi” li tkun tista’ tittratta l-applikazzjonijiet li jkunu saru fuq raġunijiet barra minn dawk deskritti fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni jew jekk dawk ir-raġunijiet addizzjonali għandhomx jitħallew għall-ħiliet ta’ l-awtoritajiet barranin ta’ l-Istati Membri għar-raġunijiet stabbiliti fl-Istudju (flessibbiltà fuq il-post, ħila prattika eċċ).

Kif l-integrità tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra se tkun imħarsa

22. Għandha tingħata attenzjoni dwar il-fatt li l-introduzzjoni ta’ proċedura unika tista’ twassal għal mawran lura tal-Konvenzjoni ta’ Ġinervra li tfissret fl-Istudju. L-Istudju jinnota li l-introduzzjoni ta’ proċedura unika ġeneralment iżżid it-tendenza li jingħata stat li jkun inqas ta’ ġid mill-istat ta’ Konvenzjoni; dan jiġri biex ikun evitat li xi refuġjat jieħu vantaġġ mill-benfiċċji kollha stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u bit-twessiegħ tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Dispożizzonijiet li jkunu jħarsu kontra din it-tendenza jistgħu jinkludu sekewenza premeditata ta’ stħarriġ biex it-talbiet għall-kenn sussidjarju jiġu eżaminati biss wara li jkun hemm valutazzjoni negattiva tar-raġunijet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u deċiżjoni rraġunata tajjeb biex tiġi miċħuda talba għall-istat tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra fejn il-kenn sussidjarju huwa permess. It-taħriġ li kabbar il-ftehim ta’ dawk li jipprattikaw il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jista’ juri li huwa għodda bżonnjuża ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Dan jista’ jintuża wkoll biex isaħħaħ il-ftehim ta’ fejn ir-rabtiet taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għandhom jieqfu u fejn għandhom jibdew dawk taħt il-kenn sussidjarju.

Il-mixi ’l quddiem – iż-żamma tal-kwalità tad-deċiżjonijiet

23. Għandu jkun hemm bilanċ bejn il-ħeffa u l-kwalità tal-proċeduri. Waqt li l-leġislazzjoni għandha tgħin biex tħaffef il-proċedura tal-kenn, il-kwalità tajba tat-teħid tad-deċiżjoni, l-aktar fl-ewwel fażi, ukoll hija importanti biex tkun żgurata l-integrità tas-sistema (u din tista’ tnaqqas in-numru ta’ appelli li huma permessi, u b’hekk jiġu ffrankati aktar żmien u riżorsi). Kull miżura leġislattiva għandha tqis dan il-bilanċ. F’terminu medju u twil l-UE għandha taqbel fuq il-prinċipji ewlenin ta’ prattika tajba għall-atti amministattivi, bħalma huma l-intervisti u t-teħid ta’ deċiżjoni, waqt li tista’ twaqqaf ukoll Ċentru ta’ Eċċellenza għal min jipprattika l-kenn politiku. Dan iċ-ċentru għandu jmexxi ’l quddiem l-aħjar prattika u jagħti taħriġ fuq dawn il-punti, waqt li jaġixxi wkoll bħala riżors ewlieni biex ikun jista’ jitqassam it-Tagħrif tal-Pajjiż ta’ l-Oriġini.

24. F’dan il-kuntest ukoll għandha tingħata attenzjoni lid-domanda dwar jekk l-eżami fuq ir-raġunijiet tal-kenn sussidjarju għandux iseħħ ex officio (fejn l-uffiċċju ta’ l-eżami għandu awtomatikament jagħti attenzjoni fuq il-kenn sussidjarju jekk dawk għall-istat tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma jkunux intlaħqu) jew inkella fuq it-talba biss li eżami ex officio tar-raġunijiet tal-kenn sussidjarju jkunx jista’ jgħin biex jitnaqqas id-dewmien possibbli li seta’ seħħ matul il-proċeduri tar-ritorn; dan billi titneħħa l-possibbiltà li dawn ir-raġunijiet iseħħu ħalli tkun imdewma it-tneħħija ta’ dawn il-persuni.

Ir-Ritorn

25. Proċedura unika fuq l-applikazzjonijiet għall-kenn internazzjonali kif iddefinita fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni se ssaħħaħ il-potenzjal għal proċess effettiv ta’ ritorn fis-Sistema Komuni Ewropea tal-Kenn Politiku. Biex tiżdied kemm jista’ jkun l-effettività ta’ proċedura unika ta’ l-UE fejn għandu x’jaqsam ir-ritorn, l-Istati Membri jeħtieġ jaqblu li “deċiżjoni finali” (eż. appell bla bażi kontra deċiżjoni negattiva fuq ir-raġunijiet li hemm fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni) kienet ukoll id-deċiżjoni li mexxiet ’il quddiem ir-ritorn. Biex jissaħħu aħjar il-possibbiltajiet għal ritorn effettiv, il-proċedura unika tista’ titwessa’ għal raġunijiet li jkunu barra d-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni jew inkella tinkludi twissija minn qabel u mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet tar-ritorn. Għan aħħari possibbli jista' jkun li tkun żgurata deċiżjoni parallela li tkun tagħmel proċessi kemm fil-proċedura unika ta’ kenn politiku kif ukoll fil-proċedura tar-ritorn. F’dan id-dawl, għandha tingħata attenzjoni kbira għat-trattament xieraq ta’ applikazzjonijiet imtennija li jkunu jevitaw azzjoni effettiva ta’ ritorn/tneħħija.

Ir-Referenzi lejn strumenti oħrajn

26. Il-miżuri kollha fil-pakkett tal-kenn politiku jistgħu jiġu affettwati sa ċertu punt bl-introduzzjoni ta’ proċedura unika. Id-Direttiva tal-Proċeduri tal-Kenn Politiku tista’ tkun il-vettura għall-bidla leġislattiva jekk l-Istati Membri jkunu ddeċidew li jkunu jridu jillimitaw l-introduzzjoni ta’ proċedura unika għall-għamliet ta’ stat koperti bid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Ma tkun meħtieġa l-ebda emenda għad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni sakemm l-Istati Membri jiddeċiedu li permess wieħed ta’ residenza jew stat għandu jinħareġ mill-għoti ta’ kenn internazzjonali. L-għan tad-Direttiva tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Ilqugħ għandu jitwessa’ biex ikopri applikazzjonijiet għall-kenn sussidjarju. Fil-prattika, dan jista’ jkollu effett baxx, minħabba li skond id-definizzjonijiet li hemm f’dik id-Direttiva kull applikazzjoni għall-kenn internazzjonali jitqies bħala applikazzjoni għall-kenn politiku sakemm ma tintalabx b’mod espliċitu għamla oħra ta’ kenn li tista’ tiġi applikata separatament. Anke issa, fejn applikant jinstab li mhuwiex refuġjat, dawn jistgħu jaqgħu wkoll fl-għan tad-Direttiva sakemm tittieħed deċiżjoni li bis-saħħa tagħha applikant ma jibqax aktar fit-territorju ta’ Stat Membru bħala persuna li tkun qed tfittex kenn politiku. Għalkemm ir-Regolament Dublin II japplika biss għall-applikazzjonijiet tal-kenn politiku fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, m’hemm l-ebda raġuni konvinċenti li tkun iddejjaq l-applikazzjoni tar-Regolament għall-applikanti li japplikaw biss għall-istat tal-Konvenzjoni.

B: Il-Fażi tat-Tħejjija

27. Biex ikun żgurat li l-leġislazzjoni tal-KE tinbena fuq pedament b’saħħtu ta’ kunsens kif ukoll ta’ għarfien u fehim reċiproku ta’ l-isfidi ffaċċjati biex jinbidlu s-sistemi tal-kenn politiku ta’ l-Istati Membri biex dawn jadattaw ruħhom għal proċedura unika, hija meħtieġa fażi ta’ tħejjija biex tistabbilixxi dawn il-pedamenti. Il- Fażi tat-Tħejjija se tibda f’Jannar 2005 u tibqa’ sejra in tandem bl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel fażi tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Kenn Politiku. Il-Kummissjoni se tissottometti dokument li jkun jiddeskrivi Pjan ta’ Azzjoni li jkun Ikopri Kollox biex jimplimenta dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni, dibattitu u tħejjija fuq x’jistgħu jagħmlu l-Istati Membri biex jgħaqqdu l-proċeduri tagħhom (deskrizzjoni dettaljata qed tidher fl- Anness D ). Il-koordinazzjoni se tkun żgurata mill-Kumitat fuq l-Immigrazzjoni u l-Kenn Politiku; il-Kummissjoni se tirrapporta lil din l-entità fuq ir-riżultati ta’ kull ħidma. Fl-aħħar tal-proċess, konferenza għandha tanalizza r-riżultati tal-ħidmiet u tagħti gwida lill-Kummissjoni fuq kif din għandha tgħaddihom fil-proċess tat-tfassil tal-leġislazzjoni.

28. L-għan tal- Fażi tat-Tħejjija għandu jkun maqsum fi tlieta: i) li fuq livell tekniku jmexxi u jgħarraf id-diskussjoni fuq kif l-UE għandha tmexxi ’l quddiem l-adozzjoni ta’ proċedura unika, ii) li jidentifika dawk l-elementi ta’ bidla li jeħtieġ iseħħu u iii) li jagħmel dawk il-bidliet bl-aġġustament tal-prattiċi ta’ l-operat kemm jista’ jkun qabel jew b’mod parallel ma’ l-avviċinament leġislattiv. Fl-aħħarnett, il- Fażi tat-Tħejjija tista’ sservi wkoll bħala pjattaforma għall-proċess konsultattiv li jeħtieġ iseħħ qabel ma titmexxa ’l quddiem il-leġislazzjoni tal-KE.

- Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb programm komprensiv u koerenti ta’ ħidmiet li jinkludu l-bdil ta’ tagħrif fuq l-aħjar prattiċi, il-bidu ta’ azzjonijiet tal-Komunità ta’ l-ERF II u l-bidu ta’ sejħat għall-proġetti taħt il-programmi ARGO biex ikunu ttrattati l-ħtiġiet speċifiċi mfissra mill-Istati Membru f’dan il-qasam.

- L-Istati Membri huma mistiedna jibdew miżuri speċifiċi ta’ l-operat biex imantnu l-proċess tal-bini ta’ ħila progressiva bħalma huma proġetti ta’ ġemellaġġ u bdil ta’ impjegati bejn l-awtoritajiet li japplikaw il-proċedura unika u l-awtoritajiet li jkunu qed ifasslu li jagħmlu hekk, kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ għal min jipprattika.

29. Il-Fażi tat-Tħejjija għandha tindirizza d-domandi li kienu tqajmu dwar kif l-UE għandha ddaħħal proċedura unika permezz tax-xogħol f’erba’ temi ewlenin. Il-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti fil-leġislazzjoni eżistenti tal-KE dwar il-kenn politiku se toffri l-pedament biex ikun mistħarreġ kif l-Istati Membri qed jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet fl-ewwel fażi tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Kenn Politiku li jeħtieġu li l-Istati Membri għandhom jintroduċu l-istess trattament kemm għall-applikanti għal stat ta’ refuġjat kif ukoll għal dawk li jitolbu kenn sussidjarju (per eżempju l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni fuq il-valutazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi). L-analiżi kumparattiva ta’ proċedura unika jew proċeduri separati u l-attenzjoni fuq kif il-miżuri anċillari għal proċedura unika jistgħu jtejbu l-effiċjenza se tinbena fuq dan. Dawn it-tliet temi se jissaħħu bil- paraguni tar-riżorsi u l-infiq bejn sistemi nazzjonali differenti . Il-Fażi tat-Tħejjija għandha toffri wkoll metodu ġdid dwar kif dawn jistgħu jaslu għall-kunsens fuq fejn il-leġislazzjoni għandha sseħħ u dwar l-għan ta’ dik il-leġislazzjoni; l-opportunità għal armonizzazzjoni “minn isfel għal fuq” permezz tat-tqassim u t-twaqqif ta’ l-aħjar prattiċi.

30. It-teħid ta’ dawn il-passi jindirizza s-sejħa ta’ Tessaloniki biex ikun hemm aktar tisħiħ fil-proċeduri tal-kenn politiku biex dawn ikunu aktar effiċjenti bil-ħsieb li jitħaffef kemm jista’ jkun l-ipproċessar tal-kenn internazzjonali li għandu x’jaqsam ma’ l-applikazzjonijiet, waqt li tkun tista’ ssir it-tkomplija ta’ l-għanijiet tal-kenn li kienu fil-mira tal-mandat Tampere.

Konklużjonijiet

31. Il-Kummissjoni se taħdem biex jintlaħqu l-għanijiet identifikati fil-Komunikazzjoni, u dan se tagħmlu b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, il-UNHCR u ma’ partijiet interessati relevanti oħrajn.

32. Sat-tmiem tas-sena 2004 il-Kummissjoni se tkun mexxiet ’il quddiem “Il-Pjan ta’ Azzjoni li tkun Tkopri Kollox” bħala l-għodda ewlenija ta’ implimentazzjoni tal-Fażi tat-Tħejjija li hija meħtieġa qabel mal-leġislazzjoni tidħol fis-seħħ.

33. Il-Kummissjoni qed titlob lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex japprovaw l-avviċinament ta’ żewġ fażijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni bħala l-pass li jmiss lejn it-triq biex tintlaħaq il-proċedura komuni ta’ kenn politiku li twassal għal stat uniformi li jkunu validu fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ngħataw kenn politiku minħabba l-progress li jkun sar fl-aġenda Tampere.

Top