EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0498

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni - Proposta għal tiġdid tal- ftehim interistituzzjonali dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi

/* KUMM/2004/0498 finali */

52004DC0498

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni - Proposta għal tiġdid tal- ftehim interistituzzjonali dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi /* KUMM/2004/0498 finali */


Brussel 14.7.2004

KUMM(2004) 498 finali

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

Proposta għal tiġdid tal-FTEHIM INTERISTITUZZJONALIdwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-abbozz mehmuż tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi huwa maħsub biex iservi bħala dokument ta’ ħidma għan-negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

L-għan ta’ dan il-Ftehim Interistituzzjonali huwa li jipprovdi sett ta’ regoli miftiehma dwar it-tmexxija tal-qafas finanzjarju multiannwali u s-sekwenza ta’ l-operati fejn għandha x’taqsam il-proċedura ta’ l-estimi annwali.

Linjigwida għal ftehim ġdid dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi

Iż-żamma tal-prinċipji fundamentali

L-Aġenda 2000 laħqet tajjeb l-għanijiet ewlenin tagħha dwar id-dixxiplina finanzjarja, l-evoluzzjoni ordnata tan-nefqa u l-kollaborazzjoni interistituzzjonali waqt il-proċedura ta’ l-estimi. L-Estimi ta’ l-Unjoni Ewropea ġew adottati f’waqthom kull sena, u ż-żewġt idriegħi ta’ l-awtorità ta’ l-estimi aġġustaw b’mod konġunt l-Aġenda 2000 biex ikunu ttrattati l-kriterji finanzjarji supplementari marbuta mat-tkabbir għal għaxar Stati Membri ġodda.

Għalhekk, il-ftehim Interistituzzjonali preżenti jipproponi li jżomm mhux mibdula l-karatteristiċi ewlenin tal-qafas finanzjarju:

- in-nefqa hija maqsuma skond kategoriji wesgħin ta’ nefqa msejħa intestaturi, għal kull sena tal-perijodu 2007-2013;

- l-ogħla ammonti, li jissejħu limiti ffissati, ikunu stabbiliti fit-tabella tal-qafas finanzjarju għall-perijodu 2007-2013 (ara l-Anness I) f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ rabtiet u għal kull intestatura;

- l-ammonti annwali ġenerali jkunu mfissra kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ rabta kif ukoll għall-approprjazzjonijiet tal-ħlas;

- il-livelli annwali għall-approprjazzjonijiet tal-ħlas għandhom jirrispettaw il-livell tar-riżorsi proprji li bħalissa huwa stabbilit għal 1,24 % tad-dħul gross nazzjonali (GNI) ta’ l-UE.

Simplifikazzjoni u konsolidazzjoni

Il-Ftehim Interistituzzjonali preżenti jipprovdi mhux biss għat-tiġdid tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 fid-dawl ta’ l-esperjenza li nkisbet diġà fl-implimentazzjoni tiegħu, iżda wkoll għall-konsolidazzjoni tad-dikjrazzjonijiet konġunti kollha u l-ftehim interistituzzjonali li ġew konklużi fuq materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-estimi mill-1982 ’il hawn.

B’mod speċjali, il-ftehim preżenti jaħseb li jħaddan fih il-Ftehim Interistituzzjonali tas-7 ta’ Novembru 2002 fuq il-ħolqien tal-Fond tas-Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (EUSF), li dwar dan kien hemm ftehim matul il-perijodu preżenti tal-perspettiva finanzjarja. Qed ikun propost li l-EUSF jiżviluppa fi strument Ewropew ta’ Solidarjetà u Reazzjoni Rapida.

Fil-perspettiva ta’ l-iżviluppi istituzzjonali tal-ġejjieni, il-Ftehim Interistituzzjonali preżenti qed jipproponi li jibdel it-terminu 'perspettiva finanzjarja' b’'qafas finanzjarju multiannwali', imsejjaħ ukoll il-'qafas finanzjarju'.

Flessibbiltà u trasparenza: nikkunsidraw l-esperjenza ta’ l-Aġenda 2000

Il-flessibbiltà fil-qafas finanzjarju multiannwali miftiehem hija l-korollarju essenzjali għad-dixxiplina finanzjarja. Jekk titfassal kif suppost, din għandha tgħin biex tissaħħaħ l-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi, waqt li tkun tista’ tippermetti li jkun hemm tweġiba għal ħtiġiet mhux mistennija jew għal prijoritajiet ġodda. Hemm diversi parametri li jinfluwenzaw il-grad ta’ flessibbiltà tal-qafas finanzjarju: it-tul tal-perijodu kopert bil-perspettiva finanzjarja; in-numru ta’ intestaturi ta’ nefqa; il-marġini disponibbli f’kull livell ta’ nefqa; il-marġini taħt il-livell tar-riżorsi proprji; is-sehem ta’ l-infiq ta’ l-UE li jkun determinat minn qabel bl-ammonti ta’ referenza' f’liġijiet li jkunu ġew ko-deċiżi; il-programmi multiannwali allokati minn qabel; l-attitudni ġenerali lejn l-użu tal-proċedura tar-reviżjoni.

Il-grad ta’ flessibbiltà żviluppa matul iż-żmien bit-taħlita ta’ dawk il-parametri li qed jinbidlu. L- Aġenda 2000 s’issa rnexxielha twieġeb għall-isfidi mhux mistennija fl-estimi ta’ l-UE, għalkemm dan sar b’aktar kumplessità u b’inqas trasparenza, u għalkemm mhux neċessarjament tjiebet l-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi. L-istrument eżistenti tal-flessibbiltà u l-Fond tas-Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (EUSF) kellhom jinħolqu barra l-perspettiva finanzjarja biex iwieġbu għall-ħtiġiet magħrufa. L-użu preżenti ta’ l-istrument tal-flessibbiltà juri telqa mill-għanijiet oriġinali tiegħu, bir-riskju li tiddgħajjef il-kredibbiltà tas-sistema u thedded il-kollaborazzjoni interistituzzjonali fuq materji marbuta ma’ l-estimi. Il-Kummissjoni tqis li strumenti aktar trasparenti li jkunu integrati b’mod sħiħ fil-qafas finanzjarju jistgħu jsaħħu d-dixxiplina ta’ l-estimi. Il-Kummissjoni qed tipproponi l-miżuri li ġejjin biex tindirizza l-isfidi tal-ġejjieni u ssib il-bilanċ proprju bejn id-dixxiplina ta’ l-estimi u l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.

L-ewwel, il-proċedura ta’ reviżjoni tal-limiti ffissati tan-nefqa għandha tingħata r-rwol oriġinali tagħha bħala l-istrument ewlieni li jippermetti l-aġġustamenti għall-qafas finanzjarju meta jseħħu bidliet sostanzjali u li jdumu fil-prijoritajiet politiċi. Biex il- proċedura tar-reviżjoni tingħata r-rwol oriġinali tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun hemm reviżjoni ġenerali tal-ħtiġiet, eż. fil-forma ta’ laqgħa bejn tlieta tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qabel ma ssir il-preżentazzjoni ta’ kull abbozz preliminari ta’ l-estimi.

It-tieni, l-użu intensiv ta’ l-istrument tal-flessibbiltà matul l-Aġenda 2000 juri li l-ħolqien tiegħu kien iġġustifikat. Madankollu, dan l-istrument m’għadux jilħaq l-għanijiet oriġinali tiegħu u, ħafna drabi, intuża bħala mezz indirett biex jgħolli l-livell għal azzjonijiet barranin. Dan it-tbegħid mill-għanijiet oriġinali huwa ta’ riskju għax idgħajjef il-kreddibbiltà tas-sistema waqt li jhedded il-kollaborazzjoni interistituzzjonali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-estimi. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun hemm ri-allokazzjoni ta’ flessibbiltà ġdida, li allura tieħu post l-‘istrument tal-flessibbiltà’ preżenti. Dan iwassal biex l-awtorità ta’ l-estimi, fuq proposta mill-Kummissjoni, tkun tista’ talloka mill-ġdid l-approprjazzjonijiet bejn l-intestaturi tan-nefqa f’ċerti limiti u f’ċerti livelli ġenerali.

It-tielet, qed ikun propost il-ħolqien ta’ fond ta’ l-aġġustament tat-tkabbir biex jaġġusta l-qafas finanzjarju għall-ambjent ekonomiku. Il-fond ta’ l-aġġustament tat-tkabbir jista’ jiġi mmobilizzat sa biljun Euro fl-intestatura tan-nefqa ‘kompetittività għat-tkabbir u x-xogħol’ (1a). Dan l-ammont jista’ jiżdied b’approprjazzjonijiet mhux użati mill-istrumenti Strutturali, meta s-sitwazzjoni tkun tippermetti, billi tkun applikata r-regola N+2, sa massimu ta’ biljun Euro kull sena.

Ir-raba’, il-klassifikazzjoni l-ġdida tan-nefqa li hija proposta se ssaħħaħ ukoll il-flessibbiltà u l-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi billi tkun evitata delimitazzjoni żejda.L-istruttura tan-nefqa fl-Aġenda 2000 hija sa ċertu punt it-tħollija tat-twaqqif ta’ l-ewwel perspettiva finanzjarja u ta’ dawk li ġew warajha. Din hija mqassma fi 8 intestaturi ta’ nefqa, li se jsiru 11 meta jitqiesu s-sotto-intestaturi. Id-delimitazzjoni tar-riżorsi f’numru kbir ta’ intestaturi u sotto-intestaturi tagħmel lis-sistema waħda riġida u tista’ tfixkel aġġustament xieraq u użu aktar effettiv tar-riżorsi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ l-Unjoni, u b’hekk ixxekkel l-għan aħħari li jkun hemm mezzi ta’ l-estimi għas-servizz ta’ għan ta’ politika.Numru aktar limitat ta’ intestaturi ta’ l-estimi mhux biss jirrifletti l-għanijiet wiesgħa ta’ politika, iżda jipprovdi wkoll l-ispazju meħtieġ biex ikunu manuvrati dawk l-iżviluppi li ma jkunux dejjem jistgħu jiġu previsti minn ħafna snin qabel. Għall-qafas finanzjarju 2007-2013, il-Kummissjoni qed tipproponi ħames intestaturi ta’ nefqa ewlenin li jidhru fit-tabella tal-qafas finanzjarju (ara l-Anness I).

Fl-aħħarnett, qed ikun propost li l-Istrument Ewropew ta’Solidarjetà u Reazzjoni Rapida jiddaħħal fil-qafas finanzjarju għad-dixxiplina ta’ l-estimi u għal raġunijiet ta’ trasparenza. Il-ħolqien tal-predeċessur tiegħu, il-Fond ta’Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea, ’il barra mill-qafas finanzjarju wera li, fin-nuqqas ta’ flessibbiltà suffiċjenti fil-perspettiva finanzjarja, kienu jinstabu soluzzjonijiet 'il barra minnha fil-każ ta’ bżonn. Il-Kummissjoni temmen li dan l-istrument se jibqa’ meħtieġ, iżda qed tipproponi li tintegrah b’mod sħiħ fil-qafas finanzjarju multiannwali.

Il-Konsegwenza għar-Regolament dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi

L-esperjenza li nkisbet fil-perspettiva finanzjarja 2000-2006 wriet li m’hemmx aktar ħtieġa biex tinżamm il-linjagwida agrikola prevista fir-Regolament tal-Kunsill nru. 2040/2000 dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi. Dan għaliex in-nefqa ta’ l-agrikoltura diġà hija marbuta bil-limiti ffissati li kienu ġew miftiehma sa l-2013. Id-dispożizzjonijiet l-oħra dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi għall-agrikoltura se jkunu msaħħa bir-Regolament il-ġdid li qed ikun propost (l-Artikoli 18-20) dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni. Bil-bidla minn intervent ta’ suq lejn ħlasijiet diretti lill-bdiewa kif ukoll in-nefqa agrikola fuq miżuri marbuta ma’ l-iżvilupp rurali wkoll saret ħaġa li tista’ tkun aktar prevista.

Ir-riżerva monetarja m’għadhiex teżisti, u l-proposti mehmuża għat-tiġdid tal-ftehim interistituzzjonali m’għadhomx jeħtieġu dispożizzjonijiet ad hoc dwar ir-riżervi għal operati barranin u għall-għajnuna ta’ emerġenza.

Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li r-Regolament tal-Kunsill nru. 2040/2000 għandu jitħassar. Il-Kummissjoni, għalhekk, qed tipproponi att legali xieraq fil-ġejjieni qrib.

Linjigwida dwar il-kollaborazzjoni interistituzzjonali għall-proċedura ta’ l-estimi

Id-dispożizzjonijiet inklużi fil-Parti II għandhom l-għan li jtejbu l-proċedura ta’ l-estimi annwali. Ħafna minn dawn id-dispożizzjonijiet ġejjin mill-prattika ta’ l-estimi jew minn ftehim jew dikjarazzjonijiet oħra ta’ qabel. Dawn ġew aġġornati f’rabta mar-regolament finanzjarju l-ġdid[1]. L-Annessi I sa IV jiffurmaw parti integrali mill-ftehim preżenti li qed ikun propost.

L-Istruttura u l-klassifikazzjoni tan-nefqa

L-Anness III jipprovdi aġġornament tal-klassifikazzjoni tan-nefqa bejn infiq obbligatorju u mhux obbligatorju għall-istruttura l-ġdida skond l-intestatura. Qed tinżamm dispożizzjoni biex iż-żewġ driegħi ta’ l-awtorità ta’ l-estimi tkun tista’ tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-punti ta’ l-estimi l-ġodda fil-proċedura konċiljatorja ta’ kull sena.

Dispożizzjonijiet finanzjarji fi strumenti leġislattivi

Il-prinċipju stabbilit fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-6 ta’ Marzu 1995, u inkorporat fil-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999, li bis-saħħa tiegħu l-istituzzjonijiet daħlu li jkunu konformi matul il-proċedura ta’ l-estimi ma’ l-ammonti ta’ referenza adottati fil-proċedura tal-ko-deċiżjoni leġislattiva, qed jinżamm. Madankollu, mill-1995 ’il quddiem il-proċedura tal-ko-deċiżjoni kienet twessgħet regolarment, u d-dispożizzjonijiet stretti dwar l-ammonti ta’ referenza jimponu aktar sforzi għall-politika ta’ l-estimi. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-awtorità ta’ l-estimi u l-Kummissjoni, meta dawn ikunu qed ifasslu l-abbozz preliminari ta’ l-estimi, jingħataw marġini ta’ manuvra bil-possibbiltà li dawn ikunu jistgħu jmorru lil hinn minn dawn l-ammonti b’marġinu limitat (ta’ 5 %).

Konklużjoni

Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi wera li huwa għodda effiċjenti biex tkun tista’ titfassal il-prattika ta’ l-estimi annwali f’qafas finanzjarju multiannwali li dwaru jkun hemm qbil. It-tiġdid tiegħu għandu jitqies bħala opportunità biex ikunu aġġoranti u mħaffa d-diversi ftehim u dikjarazzjonijiet konġunti li jeżistu dwar materji li jolqtu l-estimi. Fl-aħħarnett, dan il-ftehim jaħseb biex itejjeb l-għodod tal-flessibbiltà u t-trasparenza biex jinstab il-bilanċ xieraq bejn id-dixxiplina ta’ l-estimi u l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.

Abbozz

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI TAL-PARLAMENT EWROPEW

IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

ta’ […]

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċeduri ta’ l-estimi

NB: minħabba l-possibbiltà tad-dħul fis-seħħ tal-Kostituzzjoni matul il-perspettiva finanzjarja li ġejja, fl-abbozz li ġej id-definizzjoni ta’ 'qafas finanzjarju multiannwali' qed jieħu post it-terminu 'perspettiva finanzjarja'.

Il-kummenti qed jirreferu għall-bidliet vis-à-vis it-test tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999.

+++++ TABLE +++++

+++++ TABLE +++++

+++++ TABLE +++++

ANNESS I

IL-QAFAS FINANZJARJU 2007-2013

[pic]

ANNESS II

KOLLABORAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FIL-QASAM TA’ L-ESTIMI

+++++ TABLE +++++

ANNESS III

KLASSIFIKAZZJONI TAN-NEFQA

[pic]

ANNESS IV

L-IFFINANZJAR TAN-NEFQA LI TKUN ĠEJJA MILL-FTEHIM TAS-SAJD

+++++ TABLE +++++

DIKJARAZZJONIJIET

Dikjarazzjoni fuq l-aġġustament tal-Fondi Srutturali, l-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ l-implimentazzjoni tagħhom

L-istituzzjonijiet jistgħu jiddeċiedu, fuq proposta tal-Kummissjoni, li fil-każ ta’ l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda li jikkontrollaw il-Fondi Strutturali, l-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd wara l-1 ta’ Jannar 2007, l-approprjazzjonijiet mhux użati fl-ewwel sena tal-qafas finanzjarju jistgħu jiġu trasferiti għas-snin ta’ wara.

[1] ĠU L 248, is-16.9.2002, p. 1.

[2] Il-qafas finanzjarju multiannwali jissemma wkoll fil-'qafas finanzjarju' tal-ftehim preżenti.

[3] ĠU C 172, it-18.6.1999, p. 1. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali diġà ħa post u ddikjara li m’għadhomx fl-użu l-istrumenti li ġejjin:- id-Dikarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 1982 fuq id-diversi miżuri biex titjieb il-proċedura ta’ l-estimi, ĠU C 194, it-28.7.1982, p. 1.- il-Ftehim Interistituzzjonali tad-29 ta’ Ottubru 1993 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fuq id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi, ĠU C 331, is-7.12.1993, p. 1.- id-Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 1995 fuq l-inkorporazzjoni ta’ dispożizzjonijiet finanzjarju f’atti leġislattivi, ĠU C 102, l-4.4.1996, p. 4.- id-Dikjarazzjoni Konġunta tat-12 ta’ Diċembru 1996 dwar it-titjib fit-tagħrif li jingħata lill-awtorità ta’ l-estimi fuq il-ftehim tas-sajd, ĠU C 20, l-20.1.1997, p. 109.- il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 1997 fuq dispożizzjonijiet li jolqtu l-iffinanzjar tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, ĠU C 286, it-22.9.1997, p. 80.- il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ Ottubru 1998 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fuq il-bażijiet legali u l-implimentazzjoni ta’ l-estimi, ĠU C 344, it-12.11.1998, p. 1.

[4] ĠU C 283, l-20.11.2002, p. 1.

[5] ĠU L 248, is-16.9.2002, p. 1.

[6] ĠU L 248, is-16.9.2002, p. 1.

[7] ĠU L 161/1 tas-26.6.1999, l-Artikolu 31(2).

Top