Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42021X0388

    Regolament tan-NU Nru 156 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software u tas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software [2021/388]

    PUB/2020/799

    ĠU L 82, 9.3.2021, p. 60–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/388/oj

    9.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 82/60


    It-testi oriġinali tan-NU/KEE biss għandhom effett ġuridiku skont id-dritt internazzjonali pubbliku. L-istatus u d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istat NU/KEE TRANS/WP.29/343 disponibbli fuq: http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29fdocstts.html

    Regolament tan-NU Nru 156 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software u tas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software [2021/388]

    Data tad-dħul fis-seħħ: it-22 ta’ Jannar 2021

    Dan id-dokument huwa maħsub biss bħala għodda ta’ dokumentazzjoni. It-test awtentiku u legalment vinkolanti huwa: ECE/TRANS/WP.29/2020/80.

    KONTENUT

    REGOLAMENT

    1.

    Kamp ta’ applikazzjoni

    2.

    Definizzjonijiet

    3.

    Applikazzjoni għall-approvazzjoni

    4.

    Marki

    5.

    Approvazzjoni

    6.

    Ċertifikat ta’ konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    7.

    Speċifikazzjonijiet ġenerali

    8.

    Modifika tat-tip ta' vettura u estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip

    9.

    Konformità tal-produzzjoni

    10.

    Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

    11.

    Produzzjoni mwaqqfa b’mod definittiv

    12.

    Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

    ANNESSI

    1

    Dokument ta’ informazzjoni

    Appendiċi 1 - Mudell tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    2

    Komunikazzjoni

    3

    L-arranġament tal-marka ta’ approvazzjoni

    4

    Mudell ta’ Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    1.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    1.1.

    Dan ir-Regolament japplika għal vetturi tal-Kategoriji (1) M, N, O, R, S u T li jippermettu aġġornamenti tas-software.

    2.   DEFINIZZJONIJIET

    2.1.

    “Tip ta’ vettura” tfisser vetturi li mhumiex differenti f’tal-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    Id-deżinjazzjoni tal-manifattur tat-tip ta’ vettura;

    (b)

    Aspetti essenzjali tad-disinn tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-proċessi ta’ aġġornament tas-software.

    2.2.

    “Numru ta’ Identifikazzjoni tas-Software RX (RXSWIN)” tfisser identifikatur iddedikat, definit mill-manifattur tal-vettura, li jirrappreżenta informazzjoni dwar is-software rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip tas-Sistema ta’ Kontroll Elettroniku li tikkontribwixxi għall-karatteristiċi rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip tar-Regolament Nru X tal-vettura.

    2.3.

    “Aġġornament tas-software” tfisser pakkett użat biex jaġġorna s-software għal verżjoni ġdida li tinkludi bidla fil-parametri tal-konfigurazzjoni.

    2.4.

    “Eżekuzzjoni” tfisser il-proċess tal-installazzjoni u tal-attivazzjoni ta’ aġġornament li jkun tniżżel.

    2.5.

    “Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software (SUMS)” tfisser approċċ sistematiku li jiddefinixxi l-proċessi u l-proċeduri organizzattivi għaż-żamma tal-konformità mar-rekwiżiti għat-twassil tal-aġġornamenti tas-software skont dan ir-Regolament.

    2.6.

    “Utent tal-vettura” tfisser persuna li topera jew issuq il-vettura, sid ta’ vettura, rappreżentant awtorizzat jew impjegat ta’ diriġent tal-flotta, rappreżentant awtorizzat jew impjegat tal-manifattur tal-vettura, jew tekniku awtorizzat.

    2.7.

    “Stat sikur” tfisser modalità operattiva f’każ ta’ ħsara ta’ oġġett mingħajr livell ta’ riskju mhux raġonevoli.

    2.8.

    “Software” tfisser il-parti ta’ Sistema ta’ Kontroll Elettroniku li tikkonsisti f’data u struzzjonijiet diġitali.

    2.9.

    “Aġġornament over-the-air (OTA)” tfisser kwalunkwe metodu ta’ trasferiment tad-data bla fili minflok l-użu ta’ kejbil jew konnessjoni lokali oħra.

    2.10.

    “Sistema” tfisser sett ta’ komponenti u/jew subsistemi li jimplimentaw funzjoni jew funzjonijiet.

    2.11.

    “Data għall-validazzjoni tal-integrità” tfisser rappreżentazzjoni ta’ data diġitali, li magħha jistgħu jsiru paraguni biex jiġu identifikati żbalji jew bidliet fid-data. Din tista’ tinkludi checksums u valuri hash.

    3.   APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI

    3.1.

    L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-proċessi ta’ aġġornament tas-software għandha tiġi ppreżentata mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant tiegħu li jkun akkreditat kif xieraq.

    3.2.

    Għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti msemmija hawn taħt, fi tliet kopji, u mid-dettalji li ġejjin:

    3.3.

    Deskrizzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-elementi speċifikati fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

    3.4.

    F’każijiet fejn jintwera li l-informazzjoni hija koperta minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew tikkostitwixxi għarfien espert speċifiku tal-manifattur jew tal-fornituri tiegħu, il-manifattur jew il-fornituri tiegħu għandhom jagħmlu disponibbli biżżejjed informazzjoni biex il-kontrolli msemmija f’dan ir-Regolament ikunu jistgħu jsiru kif suppost. Informazzjoni bħal din għandha tiġi ttrattata fuq bażi kunfidenzjali.

    3.5.

    Iċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software skont il-paragrafu 6 ta’ dan ir-Regolament.

    3.6.

    Vettura rappreżentattiva tat-tip ta’ vettura li għandu jiġi approvat għandha tiġi ppreżentata lis-Servizz Tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni.

    3.7.

    Id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli f’żewġ partijiet:

    (a)

    Il-pakkett ta’ dokumentazzjoni formali għall-approvazzjoni, li fih il-materjal speċifikat fl-Anness 1 li għandu jiġi pprovdut lill-Awtorità tal-Approvazzjoni jew lis-Servizz Tekniku tagħha fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip. Dan il-pakkett ta’ dokumentazzjoni għandu jintuża mill-Awtorità tal-Approvazzjoni jew mis-Servizz Tekniku tagħha bħala r-referenza bażika għall-proċess tal-approvazzjoni. L-Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku tagħha għandhom jiżguraw li dan il-pakkett ta’ dokumentazzjoni jibqa’ disponibbli għal mill-inqas 10 snin minn meta l-produzzjoni tat-tip ta’ vettura titwaqqaf b’mod definittiv.

    (b)

    Materjal addizzjonali rilevanti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament jista’ jinżamm mill-manifattur iżda jkun disponibbli għal spezzjoni fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip. Il-manifattur għandu jiżgura li kwalunkwe materjal li jkun disponibbli għal spezzjoni fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip jibqa’ disponibbli għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin li jibdew jgħoddu minn meta l-produzzjoni tat-tip tal-vettura titwaqqaf b’mod definittiv.

    4.   IMMARKAR

    4.1.

    Ma’ kull vettura li tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, b’mod li jolqot l-għajn u f’post faċilment aċċessibbli kif speċifikat fil-formola tal-approvazzjoni, għandha titwaħħal marka tal-approvazzjoni internazzjonali magħmula minn:

    4.1.1.

    Ċirku madwar l-Ittra “E” segwit min-numru li jiddistingwi l-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni. (2)

    4.1.2.

    In-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit bl-ittra “R”, sing u n-numru tal-approvazzjoni fuq il-lemin taċ-ċirku deskritt fil-paragrafu 4.1.1 ta’ hawn fuq.

    4.2.

    Jekk il-vettura tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat skont Regolament wieħed ieħor jew aktar anness(i) mal-Ftehim fil-pajjiż li jkun ħareġ l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu preskritt fil-paragrafu 4.1.1 ta’ hawn fuq ma hemmx għalfejn jiġi ripetut; f’dak il-każ, in-numri tar-Regolament u tal-approvazzjoni flimkien mas-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha li skonthom ingħatat l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu f’kolonni vertikali fuq in-naħa tal-lemin tas-simbolu preskritt fil-paragrafu 4.1.1 ta’ hawn fuq.

    4.3.

    Il-marka tal-approvazzjoni għandha tkun tinqara b’mod ċar u ma tkunx tista’ titħassar.

    4.4.

    Il-marka tal-approvazzjoni għandha titqiegħed fuq jew qrib tal-plakka li turi d-data dwar il-vettura mwaħħla mill-Manifattur.

    4.5.

    L-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament jagħti eżempji tal-arranġamenti tal-marka tal-approvazzjoni.

    5.   APPROVAZZJONI

    5.1.

    L-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni għandhom jagħtu, kif xieraq, l-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-proċeduri u l-proċessi tal-aġġornament tas-software, għal dawk it-tipi ta’ vetturi biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

    5.1.1.

    L-Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku għandhom jivverifikaw billi jittestjaw vettura tat-tip ta’ vettura li l-manifattur tal-vettura jkun implimenta l-miżuri li jkunu ddokumentaw. It-testijiet għandhom jitwettqu mill-awtorità tal-approvazzjoni jew mis-servizz tekniku nnifsu jew f’kollaborazzjoni mal-manifattur tal-vettura permezz tal-kampunjar.

    5.2.

    L-avviż tal-approvazzjoni jew tal-estensjoni jew tar-rifjut tal-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tkun konformi mal-mudell fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.

    5.3.

    L-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni ma għandhom jagħtu l-ebda approvazzjoni tat-tip mingħajr ma jiżguraw li l-manifattur ikun stabbilixxa arranġamenti u proċeduri sodisfaċenti għall-ġestjoni xierqa tal-aspetti tal-proċessi tal-aġġornament tas-software kif koperti minn dan ir-Regolament.

    6.   ĊERTIFIKAT TA’ KONFORMITÀ GĦAS-SISTEMA TA’ ĠESTJONI TAL-AĠĠORNAMENT TAS-SOFTWARE

    6.1.

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħtru Awtorità tal-Approvazzjoni biex twettaq il-valutazzjoni tal-manifattur u biex toħroġ Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software.

    6.2.

    Applikazzjoni għal Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software għandha tiġi ppreżentata mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant tiegħu li jkun akkreditat kif xieraq.

    6.3.

    Għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti msemmija hawn taħt, fi tliet kopji, u mid-dettalji li ġejjin:

    6.3.1.

    Dokumenti li jiddeskrivu s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software.

    6.3.2.

    Dikjarazzjoni ffirmata, abbażi tal-mudell kif definit fl-Appendiċi 1 tal-Anness 1.

    6.4.

    Fil-kuntest tal-valutazzjoni, il-manifattur għandu jiddikjara, abbażi tal-mudell kif definit fl-Appendiċi 1 tal-Anness 1 u juri għas-sodisfazzjon tal-Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku tagħha, li għandu l-proċessi meħtieġa biex jikkonforma mar-rekwiżiti kollha għall-aġġornamenti tas-software skont dan ir-Regolament.

    6.5.

    Meta din il-valutazzjoni tkun tlestiet b’mod sodisfaċenti u tkun irċeviet dikjarazzjoni ffirmata mill-manifattur skont il-mudell kif definit fl-Appendiċi 1 tal-Anness 1, iċ-ċertifikat imsemmi Ċertifikat ta’ Konformità għas-SUMS kif deskritt fl-Anness 4 ta’ dan ir-Regolament (minn hawn ’il quddiem iċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-SUMS) għandu jingħata lill-manifattur.

    6.6.

    Iċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-SUMS għandu jibqa’ validu għal massimu ta’ tliet snin mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat sakemm ma jiġix irtirat.

    6.7.

    L-Awtorità tal-Approvazzjoni li tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software tista’ fi kwalunkwe mument tivverifika l-konformità kontinwa tagħha. Iċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software jista’ jiġi rtirat jekk ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

    6.8.

    Il-manifattur għandu jinforma lill-Awtorità tal-Approvazzjoni jew lis-Servizz Tekniku tagħha dwar kwalunkwe bidla li taffettwa r-rilevanza taċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software. Wara konsultazzjoni mal-manifattur, l-Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku tagħha għandhom jiddeċiedu jekk humiex meħtieġa kontrolli ġodda.

    6.9.

    Fi tmiem il-perjodu ta’ validità taċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software, l-Awtorità tal-Approvazzjoni għandha, wara valutazzjoni pożittiva, toħroġ Ċertifikat ta’ Konformità ġdid għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software jew testendi l-validità tiegħu għal perjodu ulterjuri ta’ tliet snin. L-Awtorità tal-Approvazzjoni għandha toħroġ ċertifikat ġdid f’każijiet fejn il-bidliet ikunu nġiebu għall-attenzjoni tal-Awtorità tal-Approvazzjoni jew tas-Servizz Tekniku tagħha u l-bidliet ikunu ġew ivvalutati mill-ġdid b’riżultat pożittiv.

    6.10.

    Approvazzjonijiet tat-tip ta’ vettura eżistenti ma għandhomx jitilfu l-validità tagħhom minħabba l-iskadenza taċ-Ċertifikat ta’ Konformità tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software tal-manifattur.

    7.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET ĠENERALI

    7.1.

    Rekwiżiti għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software tal-manifattur tal-vettura

    7.1.1.

    Proċessi li għandhom jiġu vverifikati fil-valutazzjoni inizjali

    7.1.1.1.

    Proċess li bih l-informazzjoni rilevanti għal dan ir-Regolament tiġi dokumentata u miżmuma b’mod sigur għand il-manifattur tal-vettura u tista’ ssir disponibbli għal Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku tagħha fuq talba;

    7.1.1.2.

    Proċess li bih l-informazzjoni dwar il-verżjonijiet tas-software inizjali u aġġornati kollha, inkluża d-data għall-validazzjoni tal-integrità, u l-komponenti rilevanti tal-hardware ta’ sistema tat-tip approvat jistgħu jiġu identifikati b’mod uniku;

    7.1.1.3.

    Proċess fejn, għal tip ta’ vettura li għandu RXSWIN, l-informazzjoni dwar l-RXSWIN tat-tip ta’ vettura qabel u wara aġġornament tista’ tiġi aċċessata u aġġornata. Dan għandu jinkludi l-abbiltà li tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar il-verżjonijiet tas-software u d-data tagħhom għall-validazzjoni tal-integrità tas-software rilevanti kollu għal kull RXSWIN;

    7.1.1.4.

    Proċess li bih, għal tip ta’ vettura li għandu RXSWIN, il-manifattur tal-vettura jista’ jivverifika li l-verżjoni(jiet) tas-software preżenti fuq komponent ta’ sistema tat-tip approvat ikunu konsistenti ma’ dawk definiti mill-RXSWIN rilevanti;

    7.1.1.5.

    Proċess li bih tista’ tiġi identifikata kwalunkwe interdipendenza tas-sistema aġġornata ma’ sistemi oħra;

    7.1.1.6.

    Proċess li bih il-manifattur tal-vettura jkun jista’ jidentifika vetturi fil-mira għal aġġornament tas-software;

    7.1.1.7.

    Proċess biex tiġi kkonfermata l-kompatibbiltà ta’ aġġornament tas-software mal-konfigurazzjoni tal-vettura/vetturi fil-mira qabel ma jinħareġ. Dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-aħħar konfigurazzjoni tas-software/hardware magħrufa tal-vettura/vetturi fil-mira għall-kompatibbiltà mal-aġġornament qabel ma jinħareġ;

    7.1.1.8.

    Proċess biex jiġi vvalutat, identifikat u rreġistrat jekk aġġornament tas-software jaffettwax xi sistema tat-tip approvat. Dan għandu jikkunsidra jekk l-aġġornament hux se jħalli impatt jew ibiddilx kwalunkwe wieħed mill-parametri użati biex jiġu ddefiniti s-sistemi li l-aġġornament jista’ jaffettwa jew jekk jistax jibdel kwalunkwe wieħed mill-parametri użati għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi (kif definit fil-leġiżlazzjoni rilevanti);

    7.1.1.9.

    Proċess biex jiġi vvalutat, identifikat u rreġistrat jekk aġġornament tas-software hux se jżid, ibiddel jew jippermetti kwalunkwe funzjoni li ma kinitx preżenti, jew attivata, meta l-vettura kienet approvata għat-tip jew ibiddel jew jiddiżattiva xi parametru jew funzjoni oħra li huma definiti fil-leġiżlazzjoni. Il-valutazzjoni għandha tinkludi kunsiderazzjoni ta’ jekk:

    (a)

    Ikunx meħtieġ li l-entrati fil-pakkett ta’ informazzjoni jiġu modifikati;

    (b)

    Ir-riżultati tat-test ma għadhomx ikopru l-vettura wara l-modifika;

    (c)

    Kwalunkwe modifika fil-funzjonijiet fuq il-vettura hijiex se taffettwa l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura.

    7.1.1.10.

    Proċess biex jiġi vvalutat, identifikat u rreġistrat jekk aġġornament tas-software jaffettwax xi sistema oħra meħtieġa għat-tħaddim sikur u kontinwu tal-vettura jew jekk l-aġġornament hux se jżid jew ibiddel il-funzjonalità tal-vettura meta mqabbel ma’ meta ġiet irreġistrata;

    7.1.1.11.

    Proċess li bih l-utent tal-vettura jkun jista’ jiġi infurmat dwar l-aġġornamenti;

    7.1.1.12.

    Proċess li bih il-manifattur tal-vettura għandu jkun jista’ jagħmel l-informazzjoni skont il-paragrafu 7.1.2.3 u 7.1.2.4 disponibbli għall-Awtoritajiet responsabbli jew għas-Servizzi Tekniċi. Dan jista’ jkun għall-fini tal-approvazzjoni tat-tip, tal-konformità tal-produzzjoni, tas-sorveljanza tas-suq, tas-sejħiet lura u tal-Ispezzjoni Teknika Perjodika (PTI).

    7.1.2.

    Il-manifattur tal-vettura għandu jirreġistra, u jaħżen, l-informazzjoni li ġejja għal kull aġġornament applikat għal tip partikolari ta’ vettura:

    7.1.2.1.

    Dokumentazzjoni li tiddeskrivi l-proċessi użati mill-manifattur tal-vettura għall-aġġornamenti tas-software u kwalunkwe standard rilevanti użat biex tintwera l-konformità tagħhom;

    7.1.2.2.

    Dokumentazzjoni li tiddeskrivi l-konfigurazzjoni ta’ kwalunkwe sistema rilevanti tat-tip approvat qabel u wara aġġornament, din għandha tinkludi identifikazzjoni unika għall-hardware u s-software tas-sistema tat-tip approvat (inklużi l-verżjonijiet tas-software) u kwalunkwe parametru rilevanti tal-vettura jew tas-sistema;

    7.1.2.3.

    Għal kull RXSWIN, għandu jkun hemm reġistru verifikabbli li jiddeskrivi s-software kollu rilevanti għall-RXSWIN tat-tip ta’ vettura qabel u wara aġġornament. Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar il-verżjonijiet tas-software u d-data tagħhom għall-validazzjoni tal-integrità għas-software rilevanti kollu għal kull RXSWIN.

    7.1.2.4.

    Dokumentazzjoni li telenka l-vetturi fil-mira għall-aġġornament u l-konferma tal-kompatibbiltà tal-aħħar konfigurazzjoni magħrufa ta’ dawk il-vetturi mal-aġġornament.

    7.1.2.5.

    Dokumentazzjoni għall-aġġornamenti kollha tas-software għal dak it-tip ta’ vettura li tiddeskrivi:

    (a)

    L-għan tal-aġġornament;

    (b)

    Liema sistemi jew funzjonijiet tal-vettura jistgħu jiġu affetwati mill-aġġornament;

    (c)

    Liema minn dawn huma approvati għat-tip (jekk ikun hemm);

    (d)

    Jekk applikabbli, jekk l-aġġornament tas-software jaffettwax l-issodisfar ta’ xi rekwiżit rilevanti ta’ dik is-sistema tat-tip approvat;

    (e)

    Jekk l-aġġornament tas-software jaffettwax xi parametru tal-approvazzjoni tat-tip tas-sistema;

    (f)

    Jekk intalbitx approvazzjoni għall-aġġornament minn korp tal-approvazzjoni;

    (g)

    Kif jista’ jiġi eżegwit l-aġġornament u taħt liema kundizzjonijiet;

    (h)

    Konferma li l-aġġornament tas-software se jitwettaq b’rispett għas-sikurezza u għas-sigurtà;

    (i)

    Konferma li l-aġġornament tas-software jkun għadda b’suċċess minn proċeduri ta’ verifika u ta’ validazzjoni.

    7.1.3.

    Sigurtà - il-manifattur tal-vettura għandu juri:

    7.1.3.1.

    Il-proċess li jkun se juża biex jiżgura li l-aġġornamenti tas-software jkunu protetti biex b’mod raġonevoli jipprevjenu l-manipulazzjoni qabel ma jinbeda l-proċess ta’ aġġornament;

    7.1.3.2.

    Il-proċessi ta’ aġġornament użati jkunu protetti biex jiġi evitat b’mod raġonevoli li jiġu kompromessi, inkluż l-iżvilupp tas-sistema ta’ twassil ta’ aġġornament;

    7.1.3.3.

    Il-proċessi użati biex jiġu vverifikati u vvalidati l-funzjonalità u l-kodiċi tas-software użat fil-vettura huma xierqa.

    7.1.4.

    Rekwiżiti addizzjonali għal aġġornamenti over-the-air tas-software

    7.1.4.1.

    Il-manifattur tal-vettura għandu juri l-proċessi u l-proċeduri li se juża biex jivvaluta li l-aġġornamenti over-the-air ma jkollhomx impatt fuq is-sikurezza, jekk jitwettqu waqt is-sewqan.

    7.1.4.2.

    Il-manifattur tal-vettura għandu juri l-proċessi u l-proċeduri li se juża biex jiżgura li, meta aġġornament over-the-air jirrikjedi azzjoni speċifika kkwalifikata jew kumplessa, pereżempju jikkalibra mill-ġdid sensur wara l-ipprogrammar, sabiex jitlesta l-proċess ta’ aġġornament, l-aġġornament jista’ jipproċedi biss meta persuna mħarrġa biex tagħmel dik l-azzjoni tkun preżenti jew tkun fil-kontroll tal-proċess.

    7.2.

    Rekwiżiti għat-Tip ta’ Vettura

    7.2.1.

    Rekwiżiti għall-aġġornamenti tas-Software

    7.2.1.1.

    L-awtentiċità u l-integrità tal-aġġornamenti tas-software għandhom jiġu protetti sabiex jiġi evitat il-kompromess tagħhom b’mod raġonevoli u jiġu evitati aġġornamenti invalidi b’mod raġonevoli.

    7.2.1.2.

    Fejn tip ta’ vettura juża RXSWIN:

    7.2.1.2.1.

    Kull RXSWIN għandu jkun identifikabbli b’mod uniku. Meta s-software rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip jiġi mmodifikat mill-manifattur tal-vettura, l-RXSWIN għandu jiġi aġġornat jekk iwassal għal estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip jew għal approvazzjoni ġdida tat-tip.

    7.2.1.2.2.

    Kull RXSWIN għandu jkun jista’ jinqara faċilment b’mod standardizzat permezz tal-użu ta’ interfaċċa ta’ komunikazzjoni elettronika, tal-inqas permezz tal-interfaċċa standard (port OBD).

    Jekk RXSWINs ma jinżammux fuq il-vettura, il-manifattur għandu jiddikjara l-verżjoni(jiet) tas-software tal-vettura jew l-ECUs singoli bil-konnessjoni mal-approvazzjonijiet tat-tip rilevanti lill-Awtorità tal-Approvazzjoni. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi aġġornata kull darba li l-verżjoni(jiet) tas-software ddikjarati jiġu aġġornati. F’dan il-każ, il-verżjoni(jiet) tas-software għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment b’mod standardizzat permezz tal-użu ta’ interfaċċa ta’ komunikazzjoni elettronika, tal-inqas permezz tal-interfaċċa standard (port OBD).

    7.2.1.2.3.

    Il-manifattur tal-vettura għandu jipproteġi l-RXSWINs u/jew il-verżjoni(jiet) tas-software fuq vettura kontra modifikazzjoni mhux awtorizzata. Fil-mument tal-Approvazzjoni tat-Tip, il-mezzi implimentati għall-protezzjoni minn modifikazzjoni mhux awtorizzata tal-verżjoni(jiet) RXSWIN u/jew tas-software magħżula mill-manifattur tal-vettura għandhom jiġu pprovduti b’mod kunfidenzjali.

    7.2.2.

    Rekwiżiti Addizzjonali għal aġġornamenti over-the-air

    7.2.2.1.

    Il-vettura għandu jkollha l-funzjonalità li ġejja fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software:

    7.2.2.1.1.

    Il-manifattur tal-vettura għandu jiżgura li l-vettura tkun kapaċi tirrestawra s-sistemi għall-verżjoni preċedenti tagħhom f’każ ta’ aġġornament li ma jirnexxix jew li jiġi interrott jew li l-vettura tista’ titqiegħed fi stat sikur wara li aġġornament ma jkunx irnexxa jew ikun ġie interrott.

    7.2.2.1.2.

    Il-manifattur tal-vettura għandu jiżgura li l-aġġornamenti tas-software jistgħu jitwettqu biss meta l-vettura jkollha biżżejjed enerġija biex tlesti l-proċess ta’ aġġornament (inkluż dak meħtieġ għal irkupru possibbli għall-verżjoni preċedenti jew biex il-vettura titqiegħed fi stat sikur).

    7.2.2.1.3.

    Meta l-eżekuzzjoni ta’ aġġornament tista’ taffettwa s-sikurezza tal-vettura, il-manifattur tal-vettura għandu juri kif l-aġġornament se jitwettaq b’mod sikur. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ mezzi tekniċi li jiżguraw li l-vettura tkun fi stat fejn l-aġġornament jista’ jitwettaq b’mod sikur.

    7.2.2.2.

    Il-manifattur tal-vettura għandu juri li l-utent tal-vettura jista’ jiġi infurmat dwar aġġornament qabel ma jiġi eżegwit l-aġġornament. L-informazzjoni disponibbli għandu jkun fiha:

    (a)

    L-għan tal-aġġornament. Dan jista’ jinkludi l-kritikalità tal-aġġornament u jekk l-aġġornament huwiex għal skopijiet ta’ sejħa lura, ta’ sikurezza u/jew ta’ sigurtà;

    (b)

    Kwalunkwe bidla implimentata mill-aġġornament fuq il-funzjonijiet tal-vettura;

    (c)

    Iż-żmien mistenni biex titlesta l-eżekuzzjoni tal-aġġornament;

    (d)

    Kwalunkwe funzjonalità tal-vettura li tista’ ma tkunx disponibbli matul l-eżekuzzjoni tal-aġġornament;

    (e)

    Kwalunkwe struzzjoni li tista’ tgħin lill-utent tal-vettura jeżegwixxi l-aġġornament b’mod sikur;

    Fil-każ ta’ gruppi ta’ aġġornamenti b’kontenut simili, informazzjoni waħda tista’ tkopri grupp.

    7.2.2.3.

    Fis-sitwazzjoni fejn l-eżekuzzjoni ta’ aġġornament waqt is-sewqan tista’ ma tkunx sikura, il-manifattur tal-vettura għandu juri kif se:

    (a)

    Jiġi żgurat li l-vettura ma tkunx tista’ tinstaq matul l-eżekuzzjoni tal-aġġornament;

    (b)

    Jiġi żgurat li s-sewwieq ma jkun jista’ juża l-ebda funzjonalità tal-vettura li taffettwa s-sikurezza tal-vettura jew l-eżekuzzjoni b’suċċess tal-aġġornament.

    7.2.2.4.

    Wara l-eżekuzzjoni ta’ aġġornament, il-manifattur tal-vettura għandu juri kif se jiġu implimentati dawn li ġejjin:

    (a)

    L-utent tal-vettura jista’ jiġi infurmat dwar is-suċċess (jew il-falliment) tal-aġġornament;

    (b)

    L-utent tal-vettura jista’ jiġi infurmat dwar il-bidliet implimentati u dwar kwalunkwe aġġornament relatat mal-manwal tal-utent (jekk applikabbli).

    7.2.2.5.

    Il-vettura għandha tiżgura li l-prekundizzjonijiet jkollhom jiġu ssodisfati qabel ma jiġi eżegwit l-aġġornament tas-software.

    8.   MODIFIKA TAT-TIP TA' VETTURA U ESTENSJONI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP

    8.1.

    Kull modifika tat-tip ta’ vettura li taffettwa l-prestazzjoni teknika u/jew id-dokumentazzjoni tagħha meħtieġa f’dan ir-Regolament għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni. Imbagħad, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’:

    8.1.1.

    Tikkunsidra li l-modifiki li saru għadhom konformi mar-rekwiżiti u d-dokumentazzjoni ta’ approvazzjoni tat-tip minn qabel; jew

    8.1.2.

    Tirrikjedi rapport ġdid ta’ test mis-Servizz Tekniku inkarigat li jagħmel it-testijiet.

    8.1.3.

    Il-konferma jew l-estensjoni jew ir-rifjut tal-approvazzjoni, fejn jiġu speċifikati l-bidliet, għandha tiġi kkomunikata permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tkun konformi mal-mudell fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament. L-awtorità tal-approvazzjoni li toħroġ l-estensjoni tal-approvazzjoni għandha tassenja numru tas-serje għal din l-estensjoni u għandha tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tkun konformi mal-mudell fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.

    9.   KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

    9.1.

    Il-Proċeduri tal-Konformità tal-Produzzjoni għandhom ikunu konformi ma’ dawk stabbiliti fl-Iskeda 1 tal-Ftehim tal-1958, (E/ECE/TRANS/505/Rev.3), bir-rekwiżiti li ġejjin:

    9.1.1.

    Id-detentur tal-approvazzjoni għandu jiżgura li r-riżultati tat-testijiet tal-konformità tal-produzzjoni jiġu rreġistrati u li d-dokumenti annessi jibqgħu disponibbli għal perjodu determinat bi qbil mal-Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku tagħha. Dan il-perjodu ma għandux jaqbeż l-10 snin li jibdew jgħoddu miż-żmien meta l-produzzjoni titwaqqaf b’mod definittiv;

    9.1.2.

    L-Awtorità tal-Approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-metodi għall-kontroll tal-konformità applikati f’kull faċilità tal-produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ dawn il-verifiki għandha tkun ta’ darba kull tliet snin.

    9.1.3.

    L-Awtorità tal-Approvazzjoni jew is-Servizz Tekniku tagħha għandhom jivvalidaw perjodikament li l-proċessi użati u d-deċiżjonijiet meħuda mill-manifattur tal-vettura huma konformi, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-manifattur tal-vettura jkun għażel li ma jinnotifikax lill-Awtorità tal-Approvazzjoni jew lis-Servizz Tekniku tagħha dwar aġġornament. Dan jista’ jinkiseb fuq bażi ta’ kampjunar.

    10.   PENALI GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

    10.1.

    L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward ta’ tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżit stabbilit f’dan ir-Regolament jew jekk il-vetturi tal-kampjun jonqsu milli jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

    10.2.

    Jekk Awtorità tal-Approvazzjoni tirtira approvazzjoni li kienet tat qabel, din għandha tavża minnufih b’dan lill-Partijiet Kontraenti li qed japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.

    11.   PRODUZZJONI MWAQQFA B’MOD DEFINITTIV

    11.1.

    Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jwaqqaf għalkollox il-manifattura ta’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tkun tat l-approvazzjoni. Malli tirċievi l-komunikazzjoni rilevanti, dik l-awtorità għandha tinforma b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ kopja tal-formola tal-approvazzjoni li fl-aħħar tagħha jkollha, b’ittri kbar, l-annotazzjoni “PRODUZZJONI MWAQQFA” iffirmata u datata.

    12.   ISMIJIET U INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI RESPONSABBLI GĦAT-TWETTIQ TAT-TESTIJIET TAL-APPROVAZZJONI U TAL-AWTORITAJIET TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP

    12.1.

    Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jagħtu l-approvazzjoni, u lil min għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew l-estensjoni, jew ir-rifjut jew l-irtirar tal-approvazzjoni, maħruġa f’pajjiżi oħra.

    (1)  Kif iddefinit fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6, para. 2 - www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29resolutions.html

    (2)  In-numri li jiddistingwu l-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim tal-1958 jingħataw fl-Anness 3 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6.


    ANNESS 1

    Dokument ta’ informazzjoni

    L-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli, għandha tingħata fi tliet kopji u tinkludi lista tal-kontenut. Kwalunkwe disinn għandu jiġi pprovdut fi skala xierqa u b’dettall suffiċjenti fuq karta ta’ daqs A4, jew fuq folder ta’ format A4. F’każ li jkun hemm xi ritratti, dawn għandhom ikunu ddettaljati biżżejjed.

    1.   

    Għamla (l-isem kummerċjali tal-manifattur): …

    2.   

    Tip u deskrizzjoni(jiet) kummerċjali ġenerali: …

    (It-tip huwa t-tip li għandu jiġi approvat, id-deskrizzjoni kummerċjali tirreferi għall-prodott li fih jintuża t-tip approvat)

    3.   

    Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkat fuq il-vettura: …

    4.   

    Fejn tinsab dik il-marka: …

    5.   

    Kategorija/kategoriji tal-vettura: …

    6.   

    L-isem u l-indirizz tal-manifattur/ tar-rappreżentat tal-manifattur: …

    7.   

    L-isem/ismijiet u l-indirizz(i) tal-impjant(i) tal-assemblaġġ: …

    8.   

    Ir-ritratt(i) u/jew id-disinn/disinji ta’ vettura rappreżentattiva: …

    9.   

    Aġġornamenti tas-Software

    9.1.   

    Il-karatteristiċi ġenerali tal-kostruzzjoni tat-tip ta’ vettura: …

    9.2.   

    In-numru taċ-Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software: …

    9.3.   

    Miżuri ta’ sigurtà.

    9.3.1.   

    Dokumenti għat-tip ta’ vettura li għandhom jiġu approvati li jiddeskrivu li l-proċess ta’ aġġornament se jitwettaq b’rispett għas-sigurtà …

    9.3.2.   

    Dokumenti għat-tip ta’ vettura li għandhom jiġu approvati li jiddeskrivu li l-RXSWINs fuq vettura huma protetti minn manipulazzjoni mhux awtorizzata …

    9.4.   

    Aġġornamenti over-the-air tas-software

    9.4.1.   

    Dokumenti għat-tip ta’ vettura li għandhom jiġu approvati li jiddeskrivu li l-proċess ta’ aġġornament se jitwettaq b’rispett għas-sikurezza …

    9.4.2.   

    Kif utent tal-vettura jista’ jiġi infurmat dwar aġġornament qabel u wara l-eżekuzzjoni tiegħu. …

    Appendiċi 1 tal-Anness 1

    Mudell tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-manifattur mar-rekwiżiti għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    Isem il-Manifattur: …

    Indirizz tal-manifattu: …

    … … … … …(Isem il-Manifattur) jafferma li l-proċessi meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software stabbiliti fil-paragrafu 7.1 tar-Regolament tan-NU Nru 156 huma installati u se jinżammu.

    Magħmul fi: ………………………………………… (post)

    Data: …

    Isem il-firmatarju: …

    Funzjoni tal-firmatarju: …

    …………………………………………

    (Timbru u firma tar-rappreżentant tal-manifattur)


    ANNESS 2

    Komunikazzjoni

    (Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

    Image 1

     (1)

    Maħruġa minn:

    Isem l-amministrazzjoni:


    Li tikkonċerna (2):

    Approvazzjoni mogħtija

    Approvazzjoni estiża

    Approvazzjoni rtirata b’effett minn jj/xx/ssss

    Approvazzjoni rrifjutata

    Produzzjoni mwaqqfa b’mod definittiv

    ta’ tip ta’ vettura, skont ir-Regolament tan-NU Nru 156

    Nru tal-Approvazzjoni: …

    Nru tal-Estensjoni: …

    Raġuni għall-estensjoni: …

    1.   

    Għamla (l-isem kummerċjali tal-manifattur): …

    2.   

    Tip u deskrizzjoni(jiet) kummerċjali ġenerali …

    3.   

    Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkat fuq il-vettura: …

    3.1.   

    Fejn tinsab dik il-marka: …

    4.   

    Kategorija/kategoriji tal-vettura: …

    5.   

    L-isem u l-indirizz tal-manifattur/ tar-rappreżentat tal-manifattur: …

    6.   

    L-Isem/Ismijiet u l-Indirizz(i) tal-impjant(i) tal-produzzjoni …

    7.   

    Numru taċ-ċertifikat ta’ konformità għas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornament tas-software: …

    8.   

    Aġġornamenti over-the-air tas-software inklużi (iva/le): …

    9.   

    Is-Servizz Tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet: …

    10.   

    Data tar-rapport tat-test: …

    11.   

    Numru tar-rapport tat-test: …

    12.   

    Rimarki: (jekk applikabbli). …

    13.   

    Post: …

    14.   

    Data: …

    15.   

    Firma: …

    16.   

    L-indiċi għall-pakkett tal-informazzjoni ppreżentat lill-Awtorità tal-Approvazzjoni, li jista’ jinkiseb fuq talba, huwa mehmuż.


    (1)  In-numru li jiddistingwi l-pajjiż li ta/estenda/irrifjuta/irtira l-approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet tal-marki (nota f’qiegħ il-paġna) f’dan ir-Regolament).

    (2)  Ingassa dak li ma japplikax.


    ANNESS 3

    L-arranġament tal-marka ta’ approvazzjoni

    MUDELL A

    (Ara l-paragrafu 4.2 ta’ dan ir-Regolament)

    Image 2

    a = 8 mm min.

    Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq imwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ikkonċernat ta’ vettura elettrika tat-triq ġie approvat fin-Netherlands (E 4), skont ir-Regolament Nru 156, u bin-numru tal-approvazzjoni 001234. L-ewwel żewġ ċifri tan-numru tal-approvazzjoni juru li l-approvazzjoni ngħatat f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu (00).


    ANNESS 4

    Mudell ta’ Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    Ċertifikat ta’ Konformità għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Aġġornament tas-Software

    mar-Regolament Nru 156 tan-NU

    Numru taċ-Ċertifikat [Numru ta’ referenza]

    [……. Awtorità tal-Approvazzjoni]

    Tiċċertifika li

    Manifattur: …

    Indirizz tal-manifattur: …

    Jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 156

    Saru verifiki fi: …

    minn (l-isem u l-indirizz tal-Awtorità tal-Approvazzjoni): …

    Numru tar-rapport: …

    Iċ-ċertifikat huwa validu sa: [……………………………………………Data]

    Magħmul fi: [……………………………………………Post]

    Fi: [……………………………………………Data]

    [……………………………………………Firma]


    Top