EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42019Y0605(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ — Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027

ST/9149/2019/INIT

ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027

(2019/C 189/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA,

JISSOTTOLINJAW LI:

1.

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ huwa għodda essenzjali għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE u pajjiżi Ewropej oħra, skont il-każ, li l-elementi ċentrali tiegħu jinkludu d-djalogu dirett bejn min jieħu d-deċiżjonijiet u ż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tagħhom, il-konsultazzjoni taż-żgħażagħ rigward suġġetti rilevanti għalihom u s-sħubija kontinwa fil-governanza tal-proċess fil-livell lokali, dak nazzjonali u Ewropew. Rigward l-implimentazzjoni tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ u f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ, l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ għandhom “iservu bħala ispirazzjoni u jipprovdu orjentazzjoni għall-UE, l-Istati Membri tagħha u l-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-awtoritajiet tagħhom” (1).

2.

L-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ tenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-flessibbiltà u l-marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri fl-approċċ tagħhom għall-implimentazzjoni tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ.

3.

L-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ tispeċifika għadd ta’ elementi meta tiddefinixxi l-implimentazzjoni tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ, li huma:

a.

il-fatt li jinbena fuq l-esperjenzi tal-imgħoddi;

b.

l-għan ta’ proċess aktar ċar u sempliċi;

c.

ċikli ta’ ħidma preferibbilment ta’ 18-il xahar;

d.

prijorità tematika waħda għal kull ċiklu;

e.

il-pjan ta’ ħidma;

f.

flessibbiltà rigward l-atturi li jieħdu sehem fil-governanza u l-implimentazzjoni tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ;

g.

segwitu kontinwu biex ikunu ssorveljati l-eżiti tal-kwalità u l-impatt tal-proċess kollu;

h.

rikonoxximent tar-rwol tal-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali. Dawn huma l-entitajiet fil-livell ta’ Stat Membru li huma inkarigati biex jikkontribwixxu għall-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet, għall-promozzjoni u l-impatt tad-djalogu maż-żgħażagħ (2). Skont id-dispożizzjonijiet tal-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, “l-Istati Membri huma mħeġġa jippermettu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-fażijiet kollha ta’ implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ billi jingħata fost l-oħrajn rwol ewlieni fil-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali għall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ” (3).

4.

Is-suġġerimenti tal-Presidenza ta’ Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni u l-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (4) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ” (5) jistgħu jservu bħala dokumenti gwida għal dawk involuti fid-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ.

GĦANDHOM BĦALA GĦAN:

5.

Din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li tipprovdi orjentazzjoni rigward il-governanza tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ, b’mod partikolari b’enfasi fuq l-atturi involuti, ir-rwoli tagħhom, il-qafas organizzattiv fejn iseħħu l-attivitajiet tagħhom u l-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni marbutin mal-governanza. Is-settur Ewropew taż-żgħażagħ għandu rwol importanti fil-qafas organizzattiv tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ (6).

IQISU LI:

6.

It-Triju ta’ Presidenzi għandu jieħu r-rwol ewlieni biex imexxi l-implimentazzjoni tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenziji Nazzjonali, kif ukoll mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ (7).

7.

Filwaqt li t-Triju ta’ Presidenzi jorganizza ruħu skont kif iqis xieraq, għandha tingħata prijorità lit-trawwim tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ bħala l-pedament ta’ governanza ta’ kwalità tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ u l-implimentazzjoni sussegwenti. Fil-livell tal-UE, is-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ għandha tkun involuta preferibbilment permezz tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u partijiet ikkonċernati oħra li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ, skont il-każ. Fil-livell tat-Triju ta’ Presidenzi, is-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ għandha tkun irrappreżentata mill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali, preferibbilment, fejn possibbli, permezz tal-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ, fid-dawl tar-rwol ewlieni tagħhom f’din l-istruttura.

8.

Bil-ħsieb li tkun appoġġata l-governanza tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ, għandhom jiġu organizzati skambji regolari bejn it-Triju ta’ Presidenzi u l-istrutturi msemmija fil-paragrafi 6 u 7; tali skambji għandhom isiru fi ħdan grupp ta’ koordinazzjoni, pereżempju l-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew.

9.

Ir-rwol tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew huwa li:

a.

jipprovdi l-gwida ġenerali tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ, li tkopri kwistjonijiet bħall-prijorità tematika taċ-ċiklu, l-istrumenti ta’ konsultazzjoni, l-avvenimenti rilevanti għall-konsultazzjoni, inkluż il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ.

b.

jipprovdi kontributi, għodod u appoġġ fejn meħtieġ, bil-ħsieb li tkun żgurata l-kwalità tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ u l-konsistenza tematika fi ħdan ċiklu;

c.

jiżgura kooperazzjoni effikaċi mal-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali billi jipprovdi, skont il-każ, linji gwida, għodod u appoġġ, bil-ħsieb li tkun żgurata implimentazzjoni ta’ kwalità tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ;

d.

jiżgura evalwazzjoni parteċipattiva taċ-ċiklu, kif ukoll il-monitoraġġ, is-segwitu, l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ;

e.

irawwem il-preservazzjoni ta’ memorja istituzzjonali, bil-ħsieb li din tingħadda lit-Triju ta’ Presidenzi li jmiss, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea;

f.

jieħu passi biex jiffaċilita proċess ta’ transizzjoni bla xkiel għat-Triju ta’ Presidenzi li jmiss;

g.

ikopri kwalunkwe aspett ieħor li t-Triju ta’ Presidenzi, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, jista’ jqis meħtieġ.

10.

It-Triju ta’ Presidenzi għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ fil-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, li huwa forum ta’ deliberazzjoni fejn għandhom jiġu diskussi u jitrawmu soluzzjonijiet konġunti. It-Triju ta’ Presidenzi jista’ jinkludi atturi oħra fil-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, bħal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jkunu rappreżentattivi fil-livell Ewropew u/jew fil-livell ta’ Stat Membru, riċerkaturi, esperti, eċċ. Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti u l-atturi msemmija hawn fuq fil-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew huwa bla ħsara għall-kompetenzi tat-Triju ta’ Presidenzi kif stabbiliti bit-Trattati u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

11.

Bħala prinċipju gwida biex tkun żgurata r-rappreżentattività tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew sa fejn huma kkonċernati ż-żgħażagħ, it-Triju ta’ Presidenzi għandu jqis miżuri bil-ħsieb li jiġi inkluż leħen iż-żgħażagħ kollha, inkluż dawk b’inqas opportunitajiet u ta’ dawk li ma jkunux organizzati f’assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ.

12.

Jekk meħtieġ, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, il-kompiti organizzattivi u l-metodi ta’ ħidma tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew għandhom jiġu deskritti sew f’Dokument ta’ Ħidma.

13.

Sabiex tkun żgurata l-prevedibbiltà ta’ kif jiżvolġi d-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ f’kull ċiklu ta’ 18-il xahar, il-Presidenza għandha tinforma lill-Grupp ta’ Ħidma dwar iż-Żgħażagħ u lill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali fi żmien debitu dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, bil-progress fl-implimentazzjoni tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ u bi kwalunkwe aspett ieħor marbut ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 9 hawn fuq.

14.

F’konformità mal-għotjiet tal-UE stabbiliti għal dan l-għan, il-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-konfigurazzjoni u l-proċeduri operattivi li jaqdu bl-aħjar mod il-bżonnijiet tagħhom skont l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri tagħhom u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, bil-ħsieb li jkun żgurat li jintlaħqu l-objettivi ta’ kull ċiklu ta’ djalogu tal-UE maż-żgħażagħ u rappreżentazzjoni adegwata ta’ min ifassal il-politika, l-istituzzjonijiet pubbliċi rilevanti, iż-żgħażagħ u l-isfond soċjoekonomiku differenti tagħhom (8).

15.

Din ir-Riżoluzzjoni għandha tidħol b’effett mill-1 ta’ Lulju 2019 u tiġi rieżaminata skont il-każ, b’riżultat tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ li għandu jitwettaq mill-Kunsill fl-2024, sabiex jaġġustah għal żviluppi u bżonnijiet ġodda possibbli.

(1)  L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 2 (il-punt 3, it-3 paragrafu))

(2)  Ara l-programm ta’ ħidma annwali għall-2019 għall-implimentazzjoni ta’ “Erasmus+”: il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport. Referenza online C (2018) 6572 tal-11 ta’ Ottubru 2018.

(3)  Strateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, p. 9 (l-Anness I, il-punt 4, it-3 paragrafu).

(4)  Dok. 15018/18 REV 1 + COR 1 + COR 2

(5)  Dok. 9264/18 + ADD 1-8 - COM(2018) 269 final + SWD(2018) 168 u 169 final

(6)  It-terminu “settur taż-żgħażagħ tal-UE” ġeneralment jirreferi għat-totalità tal-organizzazzjonijiet, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-membri tad-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ jew esperti oħra involuti fl-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ li jwettqu attivitajiet u proġetti rilevanti għaż-żgħażagħ fl-UE.

(7)  Qed issir referenza għall-Aġenziji Nazzjonali inkarigati mill-amministrazzjoni tal-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà mill-Istati Membri li jagħmlu parti mit-Triju ta’ Presidenzi.

(8)  Ibid nota ta’ qiegħ il-paġna 2


Top