Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42013Y0306(01)

    Deċiżjoni tal-Bordijiet Eżekuttivi tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2 li tistabbilixxi l-Qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità dwar il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2

    ĠU C 65, 6.3.2013, p. 4–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/4


    Deċiżjoni tal-Bordijiet Eżekuttivi tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2 li tistabbilixxi l-Qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità dwar il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2

    2013/C 65/04

    IL-MINISTRI TAT-TRASPORT TAR-RENJU TAL-BELĠJU, TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, TAR-REPUBBLIKA TALJANA, TAL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU, TAR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

    FIL-PREŻENZA TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw:

    Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 39, 43, 45, 46, 48, 56.1 u l-Anness VII tad-Direttiva;

    Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (2) u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 13, 14, 15, 18, 19 u 20 tar-Regolament;

    Billi:

    Il-Bordijiet Eżekuttivi tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2, kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, ġew stabbiliti u d-dikjarazzjoni tal-missjoni tagħhom ġew adottati fl-okkażjoni tal-Konferenza ta’ Antwerp, fis-27 ta’Ġunju 2011;

    Il-Presidenti tal-Bordijiet Eżekuttivi tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2 għarrfu lill-Kummissjoni Ewropea bl-istabbiliment tal-bordijiet tagħhom permezz tal-ittri bid-data tad-29 ta’ Ġunju 2011 u tal-11 ta’ Lulju 2011 rispettivament;

    Il-Kummissjoni Ewropea wieġbet lill-Presidenti, permezz tal-ittri bid-data tad-19 ta’Ottubru 2011, billi laqgħet l-istabbiliment tal-Bordijiet Eżekuttivi tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2;

    Il-Bordijiet Eżekuttivi għandhom jiddefinixxu l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

    L-Isvizzera qiegħda tinnegozja it-traspożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 mal-Kummissjoni Ewropea;

    Il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2 huma interkonnessi f’Rotterdam, f’Antwerp, f’Basle; il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 8 huma interkonnessi f’Antwerp, f’Duisburg; il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 6 huma interkonnessi f’Milan; il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 2 u Nru 6 huma interkonnessi f’Lyon; u l-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 2 u Nru 4 huma interkonnessi f’Metz;

    Huma meħtieġa regoli komuni vinkolanti fil-livell tal-kurituri li jippermettu Punti ta’ Waqfa Waħda għall-Kurituri (Corridor One-stop-Shops/C-OSS) sabiex ikun hemm allokazzjoni ġusta inkluż f’każ ta’ applikazzjonijiet konfliġġenti;

    Huwa mixtieq Qafas armonizzat għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura fuq il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija;

    Il-Bordijiet ta’ Tmexxija tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2 qablu dwar dan il-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura;

    Il-Ġesturi (il-Maniġers) tal-Infrastruttura/il-Korpi tal-Allokazzjoni għandhom jirreferu għalih fid-dikjarazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom dwar in-netwerk fid-dawl tal-implimentazzjoni tiegħu;

    Il-Korpi Regolatorji esprimew il-pożizzjoni tagħhom dwar dan il-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura;

    Il-Ministri li jiffirmaw dan id-dokument se jkollhom l-għan li japplikaw dan id-dokument u se jikkunsidraw jestendu l-applikazzjoni tiegħu għal kurituri oħrajn li jkunu involuti fihom;

    Hemm disponibbli verżjoni bl-Ingliż ta’ dan il-qafas,

    JIDDEĊIEDU li jadottaw il-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2, fl-Anness;

    JIDDEĊIEDU li dan il-qafas għandu jiġi implimentat;

    JESPRIMU l-kunsens tal-Istati tagħhom li jkunu marbutin b’din id-Deċiżjoni;

    JITOLBU li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika din id-Deċiżjoni u l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija Nru 1 u Nru 2 fl-Anness, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    IL-QAFAS TAL-KURITUR

    għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura fuq il-kurituri tal-merkanzija skont ir-Regolament (UE) Nru 913/2010

    I.   L-GĦAN, IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U L-KARATTRU TAL-QAFAS

    1.

    L-Artikolu 14.1 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 (“ir-Regolament”) jesiġi li l-Bord Eżekuttiv jistabbilixxi qafas ta’ kuritur għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Il-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità fuq il-kuritur tikkonċerna aspetti mandatorji tar-Regolament dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità.

    Dan il-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-kuritur (“Corridor-framework”) jikkonċerna biss l-allokazzjoni marbuta ma’ mogħdijiet ferrovjarji maqbulin (stabbiliti) minn qabel u mal-kapaċità ta’ riserva mogħtija lill-Punt ta’ Waqfa Waħda għall-Kuritur (“C-OSS”) għall-ferroviji tal-merkanzija, li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda fuq kuritur kif previst fl-Artikolu 14.4 tar-Regolament, jiġifieri fejn l-allokazzjoni tal-kapaċità mis-C-OSS hija obbligatorja, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament.

    Il-Bord Eżekuttiv se jevalwa l-funzjonament tal-Qafas tal-Kuritur, filwaqt li jqis il-monitoraġġ stabbilit fl-Anness 1. Il-korpi regolatorji se jgħarrfu lill-Bord Eżekuttiv dwar l-osservazzjonijiet tagħhom stess.

    2.

    Il-qafas għandu japplika għall-Maniġers tal-Infrastruttura u għall-Korpi tal-Allokazzjoni sabiex dawn jinkorporaw prinċipji ċari u trasparenti fil-proċess tal-allokazzjoni mis-C-OSS ta’ mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel u ta’ kapaċità ta’ riserva. Il-Maniġers tal-Infrastruttura u l-Korpi tal-Allokazzjoni se jinfurzaw l-implimentazzjoni tal-qafas billi jinkludu d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-netwerk.

    Il-kamp tal-applikazzjoni tal-qafas se jiġi definit fil-pjan ta' implimentazzjoni tal-kuritur fejn għandhom jiġu ddefiniti r-rotot u l-linji ta’ konnessjoni.

    II.   PRINĊIPJI GĦALL-FORNIMENT TA’ MOGĦDIJIET STABBILITI MINN QABEL

    Il-kapaċità pprovduta mill-Maniġers tal-Infrastruttura u mill-Korpi tal-Allokazzjoni nazzjonali għal mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel u għall-kapaċità ta’ riserva lis-C-OSS, tittieħed mill-kapaċità nazzjonali ddedikata għat-traffiku tal-merkanzija. Il-Maniġers tal-Infrastruttura u l-Korpi tal-Allokazzjoni se jorganizzaw il-kostruzzjoni ta’ mogħdijiet stabbiliti minn qabel u d-definizzjoni ta’ kapaċità ta’ riserva, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament, billi huma jqisu inter alia:

    l-istudju dwar is-Suq tat-Trasport, li janalizza d-domanda għat-traffiku internazzjonali tal-merkanzija fuq il-kuritur u li jkopri t-tipi differenti ta’ traffiku, speċjalment it-traffiku tal-passiġġieri;

    it-talba għall-kapaċità ta’ infrastruttura marbuta mal-iskedi tax-xogħol tal-passat u tal-preżent;

    il-ftehimiet ta’ qafas nazzjonali.

    Id-dettalji tal-forniment ta’ mogħdijiet stabbiliti minn qabel huma spjegati fid-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur.

    Dawn il-mogħdijiet stabbiliti minn qabel jingħataw lis-C-OSS għall-ġestjoni esklussiva tiegħu sa, l-aktar tard, X-11 u għar-riserva ta’ kapaċità mill-anqas 60 jum qabel ma tibda taħdem il-ferrovija (X-2).

    Il-Maniġers tal-Infrastruttura u l-Korpi tal-Allokazzjoni se jimmiraw li fil-forniment ta’ mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel, jinkludu l-aċċess u l-mogħdijiet li jikkonnettjaw it-terminals, fejn dan ikun fattibbli.

    Il-mogħdijiet stabbiliti minn qabel ġestiti mis-C-OSS għall-allokazzjoni fl-iskeda annwali u għall-kapaċità ta’ riserva huma ddedikati lill-kuritur. Għalhekk huwa essenzjali li l-kapaċità ddedikata murija tiġi protetta fil-konfront tal-adattamenti sussegwenti min-naħa tal-Maniġers tal-Infrastruttura u mill-Korpi tal-Allokazzjoni li huma kritiċi għall-applikanti.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi jekk, u il-kapaċità mhux użata tingħatax lura mis-C-OSS lill-Maniġers tal-Infrastruttura u lill-Korpi tal-Allokazzjoni rilevanti fil-X-7,5 u jekk iva, sa liema punt, skont prinċipju ppubblikat fid-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur u billi jqis il-ħtieġa ta’ kapaċità ta’ riserva suffiċjenti u ta’ kwalità tajba.

    III.   PRINĊIPJI TAL-ALLOKAZZJONI TAL-MOGĦDIJIET FERROVJARJI STABBILITI MINN QABEL U TA’ KAPAĊITÀ TA’ RISERVA MIS-C-OSS

    Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel u ta’ kapaċità ta’ riserva għall-kuritur tal-merkanzija tittieħed mis-C-OSS, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament.

    Bħall-Maniġers tal-Infrastruttura u l-Korpi tal-Allokazzjoni, is-C-OSS għandu jirrispetta r-regoli tad-Direttiva 2012/34/UE, speċjalment l-Artikolu 29.

    L-attivitajiet fil-proċessi tal-iskedar li jikkonċernaw il-mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel u l-kapaċità ta’ riserva huma deskritti fl-Anness 2.

    1.   Prinċipji ġenerali relatati mat-twaqqif tas-C-OSS

    Is-C-OSS għandu jiġi stabbilit skont il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ indipendenza, ta’ bilanċ u ta’ imparzjalità u huwa rregolat minnhom.

    Il-Bord ta’ Tmexxija huwa responsabbli għall-ħatra jew għat-twaqqif tas-C-OSS, inklużi l-modalitajiet operattivi tiegħu. Il-pjan ta’ implimentazzjoni, li se jifforma parti mid-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur li se jiġi ppubblikat mill-Bord ta’ Tmexxija skont l-Artikolu 18 tar-Regolament, se jiddeskrivi l-kompetenzi, il-forma ta’ organizzazzjoni, id-drittijiet tal-aċċess, ir-responsabbiltà vis-à-vis l-applikanti u l-mod tal-funzjonament tas-C-OSS u l-kondizzjonijiet tiegħu għall-użu.

    2.   Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni

    Minbarra d-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur, ladarba jiġi adottat, il-Maniġers tal-Infrastruttura u l-Korpi tal-Allokazzjoni se jippubblikaw il-funzjonament u l-organizzazzjoni tas-C-OSS fid-dikjarazzjonijiet dwar in-netwerk tagħhom. Huma se jsemmu wkoll id-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur fid-dikjarazzjonijiet dwar in-netwerk tagħhom stess.

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament, kwalunkwe applikazzjoni ta’ mogħdijiet stabbiliti minn qabel u ta’ kapaċità ta’ riserva ta’ infrastruttura għall-kapaċità tal-kuritur, li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda fuq kuritur, minn impriża ferrovjarja jew minn applikant awtorizzat se titmexxa mis-C-OSS (trattament ta’ talbiet, koordinazzjoni mal-Maniġers tal-Infrastruttura u mal-Korpi tal-Allokazzjoni, sorveljanza, deċiżjonijiet u tweġibiet). Kull applikazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn C-OSS u tkun suġġetta għat-tweġiba dovuta.

    Wara l-wasla tat-talbiet kollha għal mogħdijiet stabbiliti minn qabel fil-X-8 (id-data ta’ skadenza regolari għas-sottomissjoni tat-talbiet għal mogħdijiet għall-iskeda annwali) is-C-OSS se jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet stabbiliti minn qabel sal-X-7,5 u se jimmarka l-allokazzjoni fir-reġistru tal-mogħdijiet skont dan.

    Skont l-Artikolu 13.3 u 13.4 tar-Regolament, bl-istess mod huwa mitlub li s-C-OSS jgħarrfu mingħajr dewmien lill-Maniġers tal-Infrastruttura u lill-Korpi tal-Allokazzjoni kompetenti dwar l-applikazzjonijiet riċevuti u d-deċiżjonijiet meħuda dwarhom. Huwa mitlub ukoll li għal kull applikazzjoni li ma tistax tiġi ssodisfata, is-C-OSS għandu mingħajr dewmien, jibgħat l-applikazzjoni għall-kapaċità ta’ infrastruttura lill-Maniġers tal-Infrastruttura u lill-Korpi tal-Allokazzjoni kompetenti, li għandhom jieħdu deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni u jikkomunika din id-deċiżjoni lis-C-OSS biex tkun segwita. Din il-proċedura tippermetti segwitu ta' applikazzjonijiet li s-C-OSS jista’ jirċievi fir-rigward ta' mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija fuq il-kuritur.

    3.   Prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza

    Is-C-OSS jirrispetta d-dmirijiet ta’ kunfidenzjalità rigward l-applikazzjonijiet riċevuti.

    Fil-kuntest tal-kuritur, u konsegwentement minn perspettiva ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-esperti tal-persunal tas-C-OSS għandhom, fil-limiti tal-mandat tagħhom, jaħdmu indipendentement mill-kompiti tagħhom ta’ Maniġers tal-Infrastruttura u ta’ Korpi tal-Allokazzjoni filwaqt li jassiguraw deċiżjonijiet ta' allokazzjoni għal mogħdijiet stabbiliti minn qabel u ta’ kapaċità ta’ riserva fil-livell ta’ kuritur. Madankollu, l-esperti tas-C-OSS jistgħu jaħdmu ma’ Maniġers tal-Infrastruttura u ma’ Korpi tal-Allokazzjoni għall-iskop ta’ koordinazzjoni tal-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-kuritur mal-allokazzjoni ta’ mogħdijiet nazzjonali ta’ alimentazzjoni/ta’ ħruġ.

    4.   Prinċipji ta’ kooperazzjoni u ta’ bilanċ

    Il-Maniġers tal-Infrastruttura u l-Korpi tal-Allokazzjoni se jikkoordinaw u jiġbru flimkien il-mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel tal-kuritur fil-katalgu tal-mogħdijiet tas-C-OSS sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq, espressi permezz ta’, pereżempju, Studju dwar is-Suq tat-Trasport. Il-Bord ta’ Tmexxija se jinforma lill-Bord Eżekuttiv fuq bażi annwali dwar l-iżvilupp kwantitattiv u kwalitattiv ta’ mogħdijiet ferrovjarji tal-kuritur, skont l-Artikolu 19.2 tar-Regolament (ara l-Anness 1 għal sett minimu ta’ indikaturi).

    5.   Prijoritajiet li għandhom jiġu applikati mis-C-OSS f’każ ta’ applikazzjonijiet konfliġġenti

    Wara l-wasla tat-talbiet kollha għal mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel fil-X-8, is-C-OSS se jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet stabbiliti minn qabel.

    F’każ ta’ applikazzjonijiet konfliġġenti, is-C-OSS se japplika r-regola ta’ prijorità komuni għal koordinazzjoni li tiffoka fuq l-ippremjar tal-applikanti li mill-perspettiva tal-Maniġers tal-Infrastruttura/tal-Korpi tal-Allokazzjoni għandhom valur kummerċjali ogħla u sabiex ikun immassimizzat l-użu tal-kapaċità (sezzjonijiet tal-mogħdijiet stabbiliti minn qabel itwal u dan aktar ta’ spiss). Il-formula hija deskritta fl-Anness 3.

    Jistgħu jsiru bidliet f’dan l-Anness bil-kundizzjoni li jkun hemm ftehim komuni bejn iż-żewġ Bordijiet, dak Eżekuttiv u l-Bord ta’ Tmexxija.

    Din ir-regola ta’ prijorità għall-koordinazzjoni tikkonċerna biss il-mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel tal-kuritur u jiġu applikati biss bejn X-8 u X-7,5 fil-każ ta’ applikazzjonijiet konfliġġenti.

    Ladarba tkun saret id-deċiżjoni tal-allokazzjoni wara li jkunu saru t-talbiet sal-X-8, is-C-OSS jipproponi mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel alternattivi lill-applikanti li ma ntlaqatilhomx it-talba. Jekk dawn is-soluzzjonijiet alternattivi mhumiex adegwati biżżejjed għall-applikant, is-C-OSS jibgħat it-talbiet lill-Maniġers tal-Infrastruttura/lill-Korpi tal-Allokazzjoni kompetenti skont l-Artikolu 13.4 tar-Regolament. Dawk it-talbiet għal mogħdijiet għandhom jiġu kkunsidrati mill-Maniġers tal-Infrastruttura/mill-Korpi tal-Allokazzjoni li tressqu qabel id-data ta’ skadenza X-8.

    Rigward it-talbiet li jitressqu wara X-8, għandha tiġi applikata r-regola ta’ prijorità għall-koordinazzjoni “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”.

    Dawn ir-regoli se jiddaħħlu fid-dikjarazzjonijiet dwar in-netwerk nazzjonali ta’ kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija tal-kuritur, se jiddeskrivu l-aspetti tal-kuritur, u mbagħad se jiġu ppubblikati fid-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur.

    IV.   KONTROL REGOLATORJU

    L-impatt tal-qafas dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità fuq l-allokazzjoni annwali huwa, fil-każ ta’ ilmenti, suġġett għal kontroll (ex post) mill-korpi regolatorji. Il-korpi regolatorji jistgħu wkoll jibdew b’investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħhom stess.

    Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, il-korpi regolatorji ta’ kull kuritur għandhom jikkollaboraw. Il-Ministri jistiednu lill-Korpi Regolatorji biex jiddeskrivu l-mod kif jikkooperaw fir-rigward tal-kontroll regolatorju tas-C-OSS, u b’mod partikolari kif jintlaħaq ftehim ta’ kooperazzjoni li jiddefinixxi kif għandhom jiġu ffajljati l-ilmenti dwar il-proċess tal-allokazzjoni tas-C-OSS u kif għandha tittieħed deċiżjoni wara lment. Dan il-ftehim għandu jiġi ppubblikat.

    Skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali f'ċerti pajjiżi, il-korpi regolatorji għandhom jiġu involuti fil-proċess tal-allokazzjoni (eż. fil każ li talba ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata). F’dan il-każ il-korp regolatorju se jkollu l-kompetenza li jissorvelja lill-Maniġers tal-Infrastruttura/lill-Korpi tal-Allokazzjoni fuq it-territorju tiegħu stess skont l-Artikolu 56.1 tad-Direttiva 2012/34/UE.

    V.   APPLIKANTI AWTORIZZATI

    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament, applikant awtorizzat jista’ japplika direttament mas-C-OSS għall-allokazzjoni ta’ mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel/ta’ kapaċità ta' riserva. Jekk il-mogħdija ferrovjarji stabbilita minn qabel/il-kapaċità ta’ riserva ġiet allokata mis-C-OSS skont dan, l-applikant awtorizzat għandu jindika lis-C-OSS fiż-żmien deċiż mill-Bord ta’ Tmexxija, l-impriża/i ferrovjarja/i li se tuża/jużaw mogħdija ferrovjarja/kapaċità ta’ riserva f’isem l-applikant awtorizzati. L-impriża ferrovjarja maħtura għalhekk trid tikkonkludi l-kuntratti individwali neċessarji mal-Maniġers tal-Infrastruttura/mal-Korpi tal-Allokazzjoni kkonċernati billi tiddependi fuq kondizzjonijiet ta’ aċċess rispettivi tan-network nazzjonali.

    Id-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur se jiddeskrivi d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti vis-à-vis s-C-OSS, b’mod partikolari fejn l-ebda Impriża Ferrovjarja ma tkun għada ġiet assenjata. Id-Dikjarazzjonijiet dwar in-Netwerk għandhom jinkludu t-tariffi ta’ prenotazzjoni sabiex jipprovdu inċentiv għall-użu effiċjenti tal-mogħdija allokata.

    IMPLIMENTAZZJONI

    Dan il-Qafas tal-Kuritur għandu jidħol fis-seħħ mal-iffirmar tal-qafas preżenti. L-ewwel evalwazzjoni tal-Qafas tal-Kuritur mill-Bordijiet Eżekuttivi se sseħħ xahrejn wara l-wasla ta’ rapport ta’ sorveljanza għas-sena 2014, previst fl-Artikolu 19.2. Din il-verżjoni ta’ dan il-qafas għandha tiġi ppubblikata fid-Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Kuritur.

    ANNESSI

    1.

    Il-monitoraġġ tal-proċess tal-allokazzjoni

    2.

    L-attivitajiet fil-proċessi tal-iskedar rigward il-mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel u l-kapaċità ta’ riserva

    3.

    Id-deskrizzjoni tar-regola tal-prijorità għall-koordinazzjoni fil-X-8 fil-każ ta’ talbiet konfliġġenti għal mogħdijiet stabbiliti minn qabel

    Iffirmata fi Brussel, fl-20 ta’ Diċembru 2012, stabbilita f’oriġinali unika fil-lingwa Franċiża, Ġermaniża, Taljan u Olandiża, billi kull test huwa ugwalment awtentiku.

    Melchior WATHELET

    Staatssecretaris voor Mobiliteit

    Secrétaire d’Etat à la mobilité

    Staatssekretär für Mobilität

    Voor het Federal Overheid Dienst Mobiliteit and Vervoer van Belgïe

    Pour le service publique fédéral mobilité et transports de Belgique

    Für den Föderaler Öffentlicher Dienst Mobilität und Transportwesen

    Peter RAMSAUER

    Bundesminister für Verkehr, Bau und Stadtentwicklung von Bundesrepublik Deutschland

    Für das Bundesministerium für Verkehr, Bau und Stadtentwicklung

    Frédéric CUVILLIER

    Ministre délégué auprès de la ministre de l'écologie, du développement durable et de l'énergie, en charge des transports, de la mer et de la pêche de la République française

    Pour le ministre de l'écologie, du développement durable et de l'énergie

    Mario CIACCIA

    Vice Ministro delle infrastrutture e dei trasporti de la Repubblica italiana

    Per il Ministero delle infrastrutture e dei trasporti

    Claude WISELER

    Ministre du développement durable et des infrastructures du Grand-Duché de Luxembourg

    Pour le Département des Transports du Grand-Duché de Luxembourg

    Wilma J. MANSVELD

    De Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu van het Koninkrijk der Nederlanden

    Voor het Ministerie van Infrastructuur en Milieu

    In Anwesenheit von Siim KALLAS, Vizepräsident der Europäischen Kommission

    En présence de M. Siim KALLAS, vice-président de la Commission européenne

    In presenza di Siim KALLAS, vicepresidente della Commissione europea

    In aanwezigheid van Siim KALLAS, vicevoorzitter van de Europese Commissie


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

    (2)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.


    ANNESS 1

    Is-sorveljanza tal-proċess tal-allokazzjoni

    Il-proċess tal-allokazzjoni ta’ kapaċità għandu tal-kuritur jiġi vvalutat kull sena bil-għan li jkun hemm titjib kontinwu fil-proċess. L-evalwazzjoni se ssir wara l-allokazzjoni tal-iskeda tax-xogħol annwali, jiġifieri fil-perjodu bejn in-nofs ta’ Awwissu u Ottubru ta’ kull sena.

    L-evalwazzjoni se ssir mill-Bord ta’ Tmexxija Maniġerjali, u se jiġu kkonsultati l-Grupp Konsultattiv tal-Impriżi Ferrovjarji u l-Grupp Konsultattiv dwar it-Terminals.

    Abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, li jinkludi rakkomandazzjonijiet, se jiġi diskuss fil-Bord Eżekuttiv fl-aħħar Trimestru ta’ kull sena.

    Ir-riżultati tas-sorveljanza se jiġu ppubblikati mill-Bord ta’ Tmexxija, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament.

    L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni se jsir għas-sena 2014.

    Is-sorveljanza bl-indikaturi għandha ssir darbtejn fis-sena (il-perjodu 1: minn nofs Diċembru sa nofs Ġunju, il-perjodu 2: minn nofs Ġunju sa nofs Diċembru (bidla fl-iskeda)):

    il-mogħdija ferrovjarji stabbilita minn qabel:

    l-għadd ta’ mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel X-11 għal kull taqsima

    L-għadd ta’ talbiet għall-perjodu X-11 sa X-8 u X-8 (– 1 jum) sa X-2 (mingħajr taqsimiet ta’ alimentazzjoni/ħruġ)

    l-għadd ta’ mogħdijiet ferrovjarji li jiġu allokati mis-C-OSS

    l-għadd ta’ mogħdijiet ferrovjarji li laħqu fażi ta’ skeda attiva

    l-għadd ta’ applikazzjonijiet konfliġġenti (prenotazzjoni doppja fi X-8)

    Indikatur ta’ kapaċità ta’ riserva li tiġi allokata mis-C-OSS fi X-2:

    mogħdijiet ferrovjarji offruti;

    mogħdijiet ferrovjarji allokati;

    mogħdijiet ferrovjarji li laħqu l-istatus ta’ skeda attiva.


    ANNESS 2

    Attivitajiet fi ħdan il-proċessi tal-iskedar rigward il-mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel u l-kapaċità ta’ riserva

    Data/Perjodu

    Attività

    X-11

    Pubblikazzjoni ta’ mogħdijiet stabbiliti minn qabel provduti mill-Maniġers tal-Infrstruttura/mill-Korpi tal-Allokazzjoni

    X-8

    L-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ talbiet

    X-7,5

    Jintbagħtu talbiet ma’ “approċċi flessibbli” (eż. l-ewwel/l-aħħar mil) jew “ trattamenti speċjali lill-Maniġers tal-Infrstruttura/lill-Korpi tal-Allokazzjoni”

    X-7,5

    Ritorn possibbli ta’ ċerti mogħdijiet stabbiliti minn qabel (li baqgħu ma ntużawx) lill-Maniġers tal-Infrastruttura/lill-Korpi tal-Allokazzjoni kompetenti – fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Kuritur – biex jintużaw matul l-elaborazzjoni tal-iskeda annwali mill-Maniġers tal-Infrastruttura/mill-Korpi tal-Allokazzjoni

    X-5,5

    Finalizzazzjoni tal-kostruzzjoni ta’ mogħdijiet għal “approċċi flessibbli” mitluba mill-Maniġers tal-Infrastruttura/mill-Korpi tal-Allokazzjoni u t-twassil tar-riżultati C-OSS għal informazzjoni u żvilupp tal-abbozz tal-iskeda

    X-5

    Pubblikazzjoni tal- abbozz tal-iskeda għal mogħdijiet stabbiliti minn qabel – inklużi t-taqsimiet pprovduti mill-Maniġers tal-Infrastruttura/mill-Korpi tal-Allokazzjoni għal “approċċi flessibbli” mitluba mis-C-OSS

    X-5 – X-4

    Osservazzjonijiet mingħand l-applikanti

    X-4 – X-3,5

    Proċessar sussegwenti u allokazzjoni finali

    X-4 – X-2

    Pjanar (produzzjoni) ta’ kapaċità ta’ riserva għat-traffiku ad hoc

    X-2

    Pubblikazzjoni ta’ kapaċità ta’ riserva għat-traffiku ad hoc


    ANNESS 3

    Deskrizzjoni tar-regola tal-prijorità għall-koordinazzjoni fil-X-8 fil-każ ta’ talbiet konfliġġenti għal mogħdijiet stabbiliti minn qabel

    LPAP

    =

    Total tat-tul mitlub tal-mogħdija stabbilita minn qabel

    LTP

    =

    Total tat-tul mitlub tal-mogħdija kompluta

    YRD

    =

    L-għadd ta’ jiem operattivi mitluba għall-perjodu tal-iskeda.

    K

    =

    Ir-rata għall-prijorità

    It-tulijiet kollha huma magħduda f’kilometri.

    Il-prijorità hija kkalkolata skont din il-formula:

    Formula

    Din il-formula tista’ tintuża sabiex, l-ewwel nett, il-valur ta’ prijorità (K) jiġi kkalkolat biss bl-użu tat-total tat-tul mitlub tal-mogħdija stabbilita minn qabel (LPAP) immultiplikat bil-Għadd ta’ jiem operattivi mitluba (YRD).

    Fil-każ li t-talbiet ma jkunux jistgħu jiġu sseparati b’dan il-mod, it-Total tat-tul mitlub ta’ mogħdija kompluta (LTP) jiżdied ukoll fil-kalkolu biex it-talbiet jiġu sseparati.


    Top