EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42010X0630(01)

Ir-Regolament Nru 61 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet Uniformi għall-approvazzjoni ta’ vetturi kummerċjali fir-rigward tal-isporġenzi esterni tagħhom quddiem il-panew ta’ wara tal-kabina

ĠU L 164, 30.6.2010, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/61(2)/oj

30.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/1


It-testi oriġinali UN/ECE biss għandhom effett legali skont id-dritt pubbliku internazzjonali. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istatus UN/ECE TRANS/WP.29/343, disponibbli fuq:

http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29fdocstts.html

Ir-Regolament Nru 61 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet Uniformi għall-approvazzjoni ta’ vetturi kummerċjali fir-rigward tal-isporġenzi esterni tagħhom quddiem il-panew ta’ wara tal-kabina

Li jinkorpora t-test validu kollu sa:

Suppliment 1 għall-verżjoni oriġinali tar-Regolament – Data tad-dħul fis-seħħ: 10 ta’ Ottubru 2006

KONTENUT

REGOLAMENT

1.

Kamp tal-applikazzjoni u ambitu

2.

Definizzjonijiet

3.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

4.

Approvazzjoni

5.

Speċifikazzjonijiet ġenerali

6.

Rekwiżiti ġenerali

7.

Modifika tat-tip ta’ vettura

8.

Konformità tal-produzzjoni

9.

Penali għan-nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

10.

Produzzjoni mwaqqfa b’mod definittiv

11.

Ismijiet u indirizzi tas-servizzi tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, u tad-dipartimenti amministrattivi

ANNESSI

Anness 1 –

Komunikazzjoni rigward l-approvazzjoni (jew rifjut jew irtirar tal-approvazzjoni jew twaqqif definittiv tal-produzzjoni) ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-isporġenzi esterni tagħha, skont ir-Regolament Nru 61

Anness 2 –

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

Anness 3 –

Proċedura għall-istabbiliment tal-punt “H” u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil u għall-verifika tar-relazzjoni tagħhom mal-punt “R” u l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil

Anness 4 –

Kejl tal-isporġenzi u d-distanzi

1.   KAMP TAL-APPLIKAZZJONI U AMBITU

1.1.   Dan ir-Regolament japplika għall-isporġenza esterna ta’ vetturi tal-merkanzija tal-kategoriji N1, N2 u N3  (1), limitata għall-“wiċċ ta’ barra” kif definit hawn isfel.

Huwa ma japplikax għall-mirja ta’ barra li juru wara, inkluż is-sostenn tagħhom, jew għall-aċċessorji bħalma huma l-antenni u l-ixtillieri tal-bagalji.

1.2.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jnaqqas ir-riskju jew il-gravità tal-korrimenti li ssofri persuna li tiġi f’kuntatt mal-wiċċ ta’ barra tal-vettura f’każ ta’ impatt.

2.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

2.1.

“Wiċċ ta’ barra” jfisser dik il-parti tal-vettura li tiġi quddiem il-panew ta’ wara tal-kabina kif definit fl-paragrafu 2.5 hawn isfel, bl-eċċezzjoni tal-panew ta’ wara nnifsu, u jinkludi affarijiet bħall-ġwienaħ ta’ quddiem, il-bampers ta’ quddiem u r-roti ta’ quddiem;

2.2.

“Approvazzjoni tal-vettura” tfisser l-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-isporġenzi esterni tagħha;

2.3.

“Tip ta’ vettura” tfisser vetturi bil-mutur li ma jkunux differenti minn xulxin f’aspetti essenzjali bħalma huma l-“wiċċ ta’ barra”;

2.4.

“Kabina” tfisser dik il-parti tal-bodi tal-vettura li tikkostitwixxi l-kompartiment tax-xufier u tal-passiġġieri, inklużi l-bibien;

2.5.

“Panew ta’ wara tal-kabina” tfisser il-parti l-aktar fuq wara tal-wiċċ ta’ barra tal-kompartiment tax-xufier u tal-passiġġieri. Fejn ma jkunx possibbli li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-panew ta’ wara tal-kabina, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandha titqies li tkun il-pjan trasversali vertikali li jinsab 50 ċentimetru fuq wara tal-punt R tas-sedil tax-xufier, mas-sedil, jekk dan ikun jista’ jiġi aġġustat, li jinsab fil-pożizzjoni tas-sewqan l-aktar lura (ara l-Anness 3). Madankollu, il-manifattur, bil-qbil tas-servizzi tekniċi, jista’ jitlob distanza alternattiva jekk ikun jista’ jintwera li 50 ċentimetru mhumiex xierqa għal vettura partikolari (2);

2.6.

“Pjan ta’ referenza” jfisser pjan orizzontali li jgħaddi miċ-ċentru tar-roti ta’ quddiem jew pjan orizzontali li jinsab fl-għoli ta’ 50 ċentimetru ’l fuq mill-art, skont liema wieħed minnhom ikun l-iżjed baxx;

2.7.

“Linja tal-art” tfisser linja determinata kif ġej:

 

Meta kon ta’ ass vertikali ta’ għoli mhux determinat li jkollu l-ġenb tiegħu f’angolu ta’ 15 ° mal-vertikali jiċċaqlaq madwar il-wiċċ ta’ barra tal-vettura mgħobbija sabiex jibqa’ f’kuntatt mal-wiċċ ta’ barra tal-bodi tal-vettura fl-iżjed punt baxx tiegħu, il-linja tal-art hija t-traċċa ġeografika tal-punti ta’ kuntatt.

 

Fl-istabbiliment tal-linja tal-art, m’għandhomx jitqiesu l-pajpijiet tal-egżost jew ir-roti, jew l-elementi mekkaniċi funzjonali mqabbda mal-qiegħ bħalma huma l-punti ta’ rfigħ, il-mountings tas-suspenxins jew it-tqabbid għall-użu fl-irmunkar jew f’każ ta’ waqfien. Fl-ispazji fuq barra tal-arkati tar-roti għandu jiġi preżunt wiċċ immaġinarju li jestendi l-uċuħ esterni kontigwi mingħajr bdil tal-pożizzjoni. Il-bampers ta’ quddiem għandhom jiġu kkunsidrati fl-istabbiliment tal-linja tal-art. Jiddependi mit-tip ta’ vettura, it-traċċa tal-linja tal-art tista’ tkun jew fix-xifer ta’ barra tal-profil tal-bamper jew fil-panew tal-bodi ’l isfel mill-bamper. Fejn ikun hemm żewġ punti ta’ kuntatt jew aktar fl-istess ħin, għandu jintuża l-iżjed punt ta’ kuntatt baxx biex tiġi stabbilita l-linja tal-art,

2.8.

“Raġġ tal-kurvatura” jfisser ir-raġġ tal-ark ta’ ċirku li jiġi l-eqreb lejn il-forma għat-tond tal-komponent li jkun qed jiġi kkunsidrat.

3.   APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI

3.1.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-isporġenzi esterni għandha tiġi ppreżentata mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant akkreditat tiegħu.

3.2.   Hija għandha tkun akkumpanjata minn tliet kopji tad-dokumenti imsemmija hawn taħt:

3.2.1.

ritratti tal-partijiet ta’ quddiem u tal-ġenb tal-vettura,

3.2.2.

dawk it-tpinġijiet tal-“wiċċ ta’ barra” li fl-opinjoni tas-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet ikunu meħtieġa sabiex juru l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6 hawn taħt.

3.3.   L-applikant għandu jissottometti lis-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-test tal-approvazzjoni:

3.3.1.

jew vettura rappreżentattiva tat-tip li għandha tiġi approvata jew il-parti(jiet) tal-vettura meqjusa essenzjali sabiex jitwettqu l-kontrolli u t-testijiet meħtieġa f’dan ir-Regolament,

3.3.2.

ċerti partijiet u kampjuni tal-materjali użati, jekk dan ikun meħtieġ mis-servizz tekniku.

4.   APPROVAZZJONI

4.1.   Jekk il-vettura ppreżentata għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 5 u 6 hawn isfel, għandha tingħata l-approvazzjoni ta’ dak it-tip ta’ vettura.

4.2.   Għandu jiġi assenjat numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ ċifri tiegħu (fil-preżent 00 għar-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu) għandhom jindikaw is-serje tal-emendi li tinkorpora l-iżjed emendi tekniċi riċenti importanti magħmula fir-Regolament fiż-żmien tal-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma’ għandhiex tassenja l-istess numru lill-istess tip ta’ vettura li jkollha struttura esterna differenti jew lil tip ieħor ta’ vettura.

4.3.   L-avviż tal-approvazzjoni jew tar-rifjut tal-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament u ta’ tpinġijiet u ritratti ċitati fil-paragrafi 3.2.1 u 3.2.2 fornuti mill-applikant għall-approvazzjoni, f’format li ma jaqbiżx l-A4 (210 × 297 mm) jew mitwija f’dak il-format u fuq skala xierqa.

4.4.   Ma’ kull tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament għandu jkun hemm imwaħħal, b’mod li jidher u f’post aċċessibbli faċilment speċifikat fil-formola tal-approvazzjoni, marka ta’ approvazzjoni internazzjonali li tikkonsisti minn:

4.4.1.

ċirku madwar l-ittra “E” segwit min-numru li jidentifika l-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni (3),

4.4.2.

in-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit mill-ittra “R”, daxx u n-numru tal-approvazzjoni fuq il-lemin taċ-ċirku preskritt fil-paragrafu 4.4.1.

4.5.   Jekk il-vettura tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat, skont wieħed jew aktar mir-Regolamenti annessi mal-Ftehim, fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu preskritt fil-paragrafu 4.4.1 ma jkollux għalfejn jiġi ripetut, f’każ bħal dan, ir-Regolament u n-numri tal-approvazzjoni u s-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha skont liema tkun ingħatat l-approvazzjoni fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu f’kolonni vertikali fuq il-lemin tas-simbolu preskritt fil-paragrafu 4.4.1.

4.6.   Il-marka tal-approvazzjoni u s-simbolu addizzjonali għandhom ikunu jistgħu jinqraw b’mod ċar u li ma jitħassarx.

4.7.   Il-marka tal-approvazzjoni għandha titpoġġa qrib jew fuq il-pjanċa ta’ informazzjoni dwar il-vettura mwaħħla mill-manifattura.

4.8.   L-Anness 2 għal dan ir-Regolament jagħti eżempji ta’ arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni.

5.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET ĠENERALI

5.1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma’ għandhomx japplikaw għal dawk il-partijiet tal-“wiċċ ta’ barra” tal-vettura li, bil-vettura fil-kundizzjoni mhux mgħobbija, bil-bibien, it-twieqi, l-għotjien ta’ aċċess, eċċ., fil-pożizzjoni magħluqa jkunu jew:

5.1.1.

barra minn żona li jkollha bħala l-limitu ta’ fuq tagħha pjan orizzontali 2 00 metri ’l fuq mill-art u bħala l-limitu ta’ taħt tagħha jew il-pjan ta’ referenza definit fil-paragrafu 2.6 jew il-linja tal-art definita fil-paragrafu 2.7, kif magħżul mill-manifattur, jew

5.1.2.

ikunu pożizzjonati b’mod li, f’kundizzjoni statika, ma jkunux jistgħu jintmissu minn sfera b’dijametru ta’ 100 mm.

5.1.3.

Meta l-pjan ta’ referenza jkun il-limitu ta’ taħt taż-żona, għandhom jiġu kkunsidrati biss il-partijiet tal-vettura li jkunu bejn żewġ pjanijiet vertikali, wieħed imiss il-wiċċ ta’ barra tal-vettura u l-ieħor parallel miegħu f’distanza ta’ 80 mm lejn il-parti ta’ ġewwa tal-vettura.

5.2.   Il-“wiċċ ta’ barra” tal-vettura ma għandu jkun fih, dirett ’il barra, l-ebda port li jista’ jolqot lin-nies mexjin fit-triq, lis-sewwieqa tar-roti jew lis-sewwieqa tal-muturi.

5.3.   Kwalunkwe komponent speċifikat fil-paragrafu 6 aktar ’l isfel, ma għandux ikun fih, dirett ’il barra, partijiet bil-ponta jew jaqtgħu jew xi sporġenzi ta’ tip, qisien, direzzjoni jew ebusija li jkunu probabbli li jżidu r-riskju jew il-gravità ta’ korriment fil-ġisem ta’ persuna li tintlaqat mill-wiċċ ta’ barra jew tħokk miegħu f’każ ta’ ħabta.

5.4.   Il-partijiet li jisporġu ’l barra mill-wiċċ estern li jkollhom ebusija ta’ mhux aktar minn 60 Shore A, jista’ jkollhom raġġ ta’ kurvatura iżjed baxx mill-valuri preskritti fil-paragrafu 6 hawn isfel.

6.   REKWIŻITI SPEĊIFIĊI

6.1.   Ornamenti, simboli kummerċjali, ittri u numri ta’ marki kummerċjali

6.1.1.

L-ornamenti, is-simboli kummerċjali, l-ittri u n-numri tal-marki kummerċjali m’għandux ikollhom raġġ ta’ kurvatura ta’ inqas minn 2,5 mm. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal dawk il-partijiet jekk dawn ma jisporġux ’il barra aktar minn 5 mm mill-wiċċ tal-madwar; f’dan il-każ, madankollu, ix-xfar tagħhom li jisporġu ’l barra għandhom ikunu ma jaqtgħux.

6.1.2.

Ornamenti, simboli kummerċjali, ittri u numri ta’ marki kummerċjali, li jisporġu ’l barra b’iżjed minn 10 mm mill-wiċċ ta’ madwarhom għandhom jinġibdu lura, jinqalgħu jew jintlewew taħt forza ta’ 10 daN eżerċitata fl-iżjed punt saljenti tagħhom fi kwalunkwe direzzjoni fi pjan bejn wieħed u ieħor parallel mal-wiċċ li fuqu jkunu mmuntati.

Sabiex tiġi applikata forza ta’ 10 daN, għandu jintuża ram b’tarf ċatt li jkollu dijametru ta’ mhux iżjed minn 50 mm. Fejn dan ma jkunx possibbli, għandu jintuża metodu ekwivalenti. Wara li l-ornamenti jinġibdu lura, jinqalgħu jew jintlewew, il-porzjon li jifdal ma għandux jisporġi ’l barra b’aktar minn 10 mm u m’għandux ikollu xfar ippuntati, misnuna jew jaqtgħu.

6.2.   Il-viżieri u r-rimmijiet tal-fanali ta’ quddiem

6.2.1.

Viżieri u rimmijiet li jisporġu ’l barra għandhom ikunu permessi fuq il-fanali ta’ quddiem bil-kundizzjoni li l-isporġenza tagħhom, kif imkejla fir-rigward tal-wiċċ ta’ barra trasparenti tal-fanal ta’ quddiem ma taqbiżx it-30 mm u r-raġġ tal-kurvatura tagħhom ikun mill-inqas 2,5 mm kullimkien.

6.2.2.

Il-fanali ta’ quddiem li jersqu lura għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6.2.1 hawn fuq kemm fil-pożizzjoni operattiva u anki meta mressqa ’l ġewwa.

6.2.3.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6.2.1 hawn fuq m’għandhomx japplikaw għal fanali ta’ quddiem imdaħħlin ’il ġewwa fil-bodi tal-vettura, jew fejn il-fanal ta’ quddiem ikun iżjed ’l isfel mill-bodi tal-vettura, bil-kundizzjoni li x-xogħol tal-bodi jikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 5.2 hawn fuq.

6.3.   Il-gradilji

Il-partijiet tal-gradilji għandhom juru raġġ ta’ kurvatura ta’:

Mhux inqas minn 2,5 mm jekk id-distanza bejn partijiet kontigwi tkun aktar minn 40 mm;

Mhux inqas minn 1 mm jekk id-distanza tkun bejn 25 mm u 40 mm;

Mhux inqas minn 0,5 mm jekk id-distanza tkun inqas minn 25 mm.

6.4.   L-apparat li jnaddaf il-windscreen u l-fanali ta’ quddiem

6.4.1.

L-apparat hawn fuq imsemmi għandu jkun tali li x-xaftijiet tal-wajpers ikollhom kisja protettiva b’raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 2,5 mm u erja tas-superfiċje ta’ mhux inqas minn 150 mm2 imkejla fl-isporġenza ta’ sezzjoni ta’ mhux aktar minn 6,5 mm mill-aktar punt li jisporġi ’l barra.

6.4.2.

Iż-żennuni għall-ħassiela tal-windscreen u l-apparat li jnaddaf il-fanali ta’ quddiem għandu jkollhom raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas min 2,5 mm. Dawk li jisporġu inqas minn 5 mm għandu jkollhom xfar iħarsu ’l barra li ma jaqtgħux.

6.5.   L-apparat protettiv (bampers)

6.5.1.

It-truf tal-apparat protettiv ta’ quddiem għandhom ikunu mdawrin ’il ġewwa lejn il-wiċċ ta’ barra tal-bodi tal-vettura.

6.5.2.

Il-komponenti tal-apparat protettiv ta’ quddiem għandhom ikunu mfasslin b’mod li l-uċuħ riġidi kollha li jħarsu ’l barra jkollhom raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 5 mm.

6.5.3.

It-tagħmir bħal-legaturi u l-vinċijiet tal-irmunkar ma’ għandux jisporġi aktar mill-iżjed wiċċ ’il quddiem tal-bamper. Madankollu, il-vinċijiet jistgħu jisporġu aktar mill-aktar wiċċ ’il quddiem tal-bamper bil-kundizzjoni li meta ma jkunux qegħdin jintużaw ikunu mgħottija b’għata protettiva xierqa li jkollha raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 2,5 mm.

6.5.4.

Ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6.5.2 ma’ għandhomx japplikaw għal partijiet tal-bamper jew partijiet immuntati fuq jew imdaħħla fil-bamper li jisporġu inqas minn 5 mm. Ix-xfar ta’ apparat li jisporġi ’l barra b’inqas minn 5 mm ma għandhomx ikunu jaqtgħu. Rigward l-apparat immuntat fuq il-bampers u li hemm referenza għalih f’paragrafi oħrajn ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti partikolari li hemm f’dan ir-Regolament għandhom jibqgħu applikabbli.

6.6.   Il-mankijiet, iċ-ċpiepet, il-buttuni tal-bibien, il-bonits tal-kompartimenti tal-bagalji, il-fetħiet, il-ġwienaħ ta’ aċċess u l-mankijiet li taqbad magħhom

6.6.1.

Il-partijiet hawn fuq imsemmija m’għandhomx jisporġu ’l barra iżjed minn: 30 mm fil-każ tal-buttuni, 70 mm fil-każ tal-mankijiet li taqbad magħhom u l-qfil tal-bonits, u 50 mm fil-każijiet l-oħra kollha. Huma għandu jkollhom raġġi ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 2,5 mm.

6.6.2.

Jekk il-manki tal-bibien tal-ġenb iduru sabiex jaħdmu, huma għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

6.6.2.1.

Fil-każ ta’ mankijiet li jduru b’mod parallel mal-pjan tal-bieba, it-tarf il-miftuħ tal-manki għandu jħares lura. It-tarf ta’ mankijiet bħal dawn għandu jkun imdawwar lura lejn il-pjan tal-bieba u jkun imwaħħal f’dawra protettiva jew imdaħħal ’il ġewwa;

6.6.2.2.

Il-mankijiet li jduru ’l barra fi kwalunkwe direzzjoni li ma jkunux paralleli mal-pjan tal-bieba għandhom, meta jkunu fil-pożizzjoni magħluqa, ikunu maqfulin f’dawra protettiva jew imdaħħlin ’il ġewwa. It-tarf il-miftuħ għandu jħares jew lura jew ’l isfel.

Madankollu, jistgħu jiġu aċċettati mankijiet li ma jissodisfawx din l-aħħar kundizzjoni jekk:

huma jkollhom mekkaniżmu ta’ ritorn indipendenti,

jekk il-mekkaniżmi ta’ ritorn ma jaħdmux, dawn ma jistgħux jisporġu ’l barra iżjed minn 15 mm,

f’tali pożizzjoni miftuħa, huma jkollhom raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 2.5 mm (dan ir-rekwiżit ma japplikax jekk fl-aktar pożizzjoni miftuħa, l-isporġenza tkun inqas minn 5 mm, f’liema każ, l-angoli tal-partijiet li jħarsu ’l barra ma’ għandhomx ikunu jaqtgħu),

l-erja tas-superfiċje tagħhom, meta mkejla mhux aktar minn 6,5 mm mill-aktar punt li jisporġi ’l barra, ma tkunx inqas minn 150 mm2.

6.7.   L-istafef u t-turġien

Ix-xfar tal-istafef u t-turġien għandhom ikunu għat-tond.

6.8.   Id-difletturi laterali tal-arja u x-xita u d-difletturi tal-arja kontra t-tidlik tat-twieqi

Ix-xfar li kapaċi jintlewew ’il barra għandu jkollhom raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 1 mm.

6.9.   It-truf tax-sheet metal

It-truf tax-sheet metal huma permessi bil-kundizzjoni li t-tarf jintlewa lura lejn il-bodi tal-vettura sabiex ma jkunx jista’ jintmess minn sfera b’dijametru ta’ 100 mm jew ikollu għata protettiva li jkollha raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 2,5 mm.

6.10.   L-iskorfini, il-hub caps u l-apparat protettiv

6.10.1.

L-iskorfini, il-hub caps u l-apparat protettiv m’għandux ikollhom sporġenzi forma ta’ xewka.

6.10.2.

Meta l-vettura tkun miexja f’linja dritta, l-ebda parti tar-roti, ħlief it-tajers, li jinsabu fuq il-pjan orizzontali, li jgħaddi mill-ass ta’ rotazzjon tagħhom, ma għandha tisporġi ’l barra mill-isporġenza vertikali fi pjan orizzontali, tax-xifer tal-panew tal-bodi tal-vettura ’l fuq mir-rota. Madankollu, jekk ir-rekwiżiti funzjonali jitolbu dan, l-apparat protettiv li jgħatti l-iskorfini tar-roti u l-hubs jistgħu joħorġu ’l barra mill-isporġenza vertikali tax-xifer tal-panew tal-bodi tal-vettura ’l fuq mir-rota, bil-kundizzjoni li r-raġġ tal-kurvatura tal-wiċċ tal-parti li tkun ħierġa ’l barra ma tkunx inqas minn 5 mm u li l-isporġenza lil hinn mill-isporġenza vertikali tax-xifer tal-panew tal-bodi tal-vettura ’l fuq mir-rota fl-ebda każ ma jaqbeż it-30 mm.

6.10.3.

Għandu jitwaħħal apparat protettiv li jikkonforma mal-paragrafu 6.10.2 hawn fuq jekk il-boltijiet u l-iskorfini joħorġu ’l barra iżjed mill-isporġenza tal-wiċċ ta’ barra tat-tajer (il-parti tat-tajer li tinsab fuq il-pjan orizzontali li jgħaddi mill-ass ta’ rotazzjoni tar-rota)

6.11.   Il-punti ta’ rfigħ u l-pajp(ijiet) tal-egżost

6.11.1.

Il-punti ta’ rfigħ (jekk ikun hemm) u l-pajp jew il-pajpijiet tal-egżost ma għandhomx joħorġu ’l barra iżjed minn 10 mm lil hinn mill-isporġenza vertikali tal-linja tal-art jew l-isporġenza vertikali tal-intersezzjoni tal-pjan ta’ referenza mal-wiċċ ta’ barra tal-vettura.

6.11.2.

Minkejja r-rekwiżit ta’ hawn fuq, pajp tal-egżost jista’ jisporġi aktar minn 10 mm bil-kundizzjoni li x-xfar tiegħu jkunu għat-tond fit-tarf għal raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 2.5 mm.

7.   MODIFIKA TAT-TIP TA’ VETTURA

7.1.   Kwalunkwe modifika fit-tip ta’ vettura għandha tiġi nnotifikata lid-dipartiment amministrattiv li jkun approva t-tip ta’ vettura. Imbagħad, id-dipartiment jista’ jew:

7.1.1.

jikkunsidra li mhuwiex probabbli li l-modifiki magħmula jkollhom effett ħażin sinifikanti u li, fi kwalunkwe każ, il-vettura tkun għadha tikkonforma mar-rekwiżiti; jew

7.1.2.

jitlob rapport ta’ test ieħor mingħand is-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet.

7.2.   Il-konferma jew iċ-ċaħda tal-approvazzjoni, li tispeċifika l-modifiki, għandha tiġi kkomunikata bil-proċedura speċifikata fil-paragrafu 4.3 hawn fuq lill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament.

8.   KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

8.1.   Kull vettura li jkollha marka tal-approvazzjoni kif preskritt skont dan ir-Regolament, għandha tikkonforma, fir-rigward tal-isporġenzi esterni, mat-tip ta’ vettura approvat.

8.2.   Sabiex tiġi vverifikata l-konformità kif preskritt fil-paragrafu 8.1 hawn fuq, għandhom isiru numru suffiċjenti ta’ kontrolli każwali fuq vetturi manifatturati f’serje li jkollhom il-marka tal-approvazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament.

9.   PENALI GĦAN-NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

9.1.   L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward ta’ tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6 hawn fuq ma jiġux rispettati jew jekk il-vettura ma tgħaddix mit-test preskritt fl-Anness 3.

9.2.   Jekk xi Parti għall-Ftehim li tkun qiegħda tapplika dan ir-Regolament tirtira approvazzjoni li tkun tat qabel, hija għandha tinforma minnufih b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn li jkunu qegħdin japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ kopja tal-formola tal-approvazzjoni li fit-tarf ikollha, b’ittri kbar, l-annotazzjoni ffirmata u datata “APPROVAZZJONI RTIRATA”.

10.   TWAQQIF GĦAL KOLLOX TAL-PRODUZZJONI

Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jwaqqaf kompletament il-manifattura ta’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tkun tat l-approvazzjoni. Wara li tirċievi l-komunikazzjoni rilevanti, dik l-awtorità għandha tinforma biha lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim li jkunu qegħdin japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ kopja tal-formola tal-approvazzjoni li fit-tarf ikollha, b’ittri kbar, l-annotazzjoni ffirmata u datata: “PRODUZZJONI MWAQQFA”.

11.   ISMIJIET U INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI RESPONSABBLI GĦAT-TWETTIQ TAT-TESTIJIET TAL-APPROVAZZJONI, U TAD-DIPARTIMENTI AMMINISTRATTIVI

Il-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw, lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ismijiet u l-indirizzi tas-servizzi tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tad-dipartimenti amministrattivi li jagħtu l-approvazzjoni u li lilhom iridu jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda jew l-irtirar tal-approvazzjoni, maħruġa f’pajjiżi oħra.


(1)  Kif definiti fl-Anness 7 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), (dokument TRANS/WP.29/78/Rev.1/Emend.2 kif emendat l-aħħar bl-Emend.4).

(2)  L-użu ta’ din l-opzjoni ma timmodifikax l-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(3)  1 għall-Ġermanja, 2 għal Franza, 3 għall-Italja, 4 għall-Olanda, 5 għall-Iżvezja, 6 għall-Belġju, 7 għall-Ungerija, 8 għar-Repubblika Ċeka, 9 għal Spanja, 10 għas-Serbja u Montenegro, 11 għar-Renju Unit, 12 għall-Awstrija, 13 għal-Lussemburgu, 14 għall-Iżvizzera, 15 (vakanti), 16 għan-Norveġja, 17 għall-Finlandja, 18 għad-Danimarka, 19 għar-Rumanija, 20 għall-Polonja, 21 għall-Portugall, 22 għall-Federazzjoni Russa, 23 għall-Greċja, 24 għall-Irlanda, 25 għall-Kroazja, 26 għas-Slovenja, 27 għas-Slovakkja, 28 għall-Belarus, 29 għall-Estonja, 30 (vakanti), 31 għall-Bosnija u Ħerzegovina, 32 għal-Latvja, 33 (vakanti), 34 għall-Bulgarija, 35 (vakanti), 36 għal-Litwanja, 37 għat-Turkija, 38 (vakanti), 39 għall-Ażerbajġan, 40 għall-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, 41 (vakanti), 42 għall-Komunità Ewropea (l-approvazzjonijiet jingħata mill-Istati Membri billi jużaw is-simbolu KEE rispettiv tagħhom), 43 għall-Ġappun, 44 (vakanti), 45 għall-Awstralja, 46 għall-Ukraina, 47 għall-Afrika ta’ Isfel, 48 għan-New Zealand, 49 għal Ċirpu, 50 għal Malta, 51 għar-Repubblika tal-Korea, 52 għall-Malasja u 53 għat-Tajlandja. In-numri suċċessivi għandhom jiġu assenjati lill-pajjiżi l-oħrajn fl-ordni kronoloġika li biha jirratifikaw il-Ftehim dwar l-Adozzjoni ta’ Kundizzjonijiet Uniformi ta’ Approvazzjoni u l-Għarfien Reċiproku tal-Approvazzjoni għal Tagħmir u Partijiet ta’ Vetturi bil-Mutur, jew li biha jaderixxu ma’ dak il-Ftehim, u n-numri assenjati b’dan il-mod għandhom jiġu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.


ANNESS 1

KOMUNIKAZZJONI

(format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 2

ARRANĠAMENTI TAL-MARKI TAL-APPROVAZZJONI

MUDELL A

(Ara l-paragrafu 4.4 ta’ dan ir-Regolament)

Image

MUDELL B

(Ara l-paragrafu 4.5 ta’ dan ir-Regolament)

Image


(*)  In-numru tal-aħħar huwa mogħti biss bħala eżempju.


ANNESS 3

Proċedura għall-istabbiliment tal-punt “H” u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil u għall-verifika tar-relazzjoni tagħhom mal-punt “R” u d-disinn tal-angolu tad-dahar tas-sedil

1.   DEFINIZZJONIJIET

1.1.

Il-punt “H”, li jindika l-pożizzjoni ta’ okkupant bilqiegħda fil-kompartiment tal-passiġġier, huwa t-traċċa, fi pjan vertikali lonġitudinali, tal-ass teoretiku ta’ rotazzjoni bejn is-saqajn u t-torso ta’ ġisem uman irrappreżentat mill-manikin deskritt fil-paragrafu 3 hawn isfel.

1.2.

Il-punt “R” jew il-“punt ta’ referenza bilqiegħda” huwa l-punt ta’ referenza speċifikat mill-manifattur li:

1.2.1.

għandu koordinati determinati fir-rigward tal-istruttura tal-vettura;

1.2.2.

jikkorrispondi mal-pożizzjoni teoretika tal-punt ta’ rotazzjoni torso/saqajn (punt “H”) għall-iżjed pożizzjoni baxxa u l-iżjed pożizzjoni lura tas-sewqan jew pożizzjoni ta’ użu mogħtija lil kull sedil ipprovdut mill-manifattur tal-vettura.

1.3.

“Angolu tad-dahar tas-sedil” ifisser l-inklinazzjoni tad-dahar tas-sedil fir-rigward tal-vertikali.

1.4.

“Angolu attwali tad-dahar tas-sedil” ifisser l-angolu ffurmat mill-vertikali minn ġol-punt “H” bil-linja ta’ referenza tat-torso tal-ġisem uman rappreżentat mill-manikin deskritt fil-paragrafu 3 hawn isfel.

1.5.

“Angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil” ifisser l-angolu preskritt mill-manifattur li:

1.5.1.

jiddetermina l-angolu tad-dahar tas-sedil għall-iżjed pożizzjoni baxxa u l-iżjed pożizzjoni lura normali tas-sewqan jew il-pożizzjoni tal-użu mogħtija lil kull sedil mill-manifattur tal-vettura;

1.5.2.

huwa ffurmat fil-punt “R” mill-vertikali u l-linja ta’ referenza tat-torso;

1.5.3.

jikkorrispondi teoretikament mal-angolu attwali tad-dahar tas-sedil.

2.   STABBILIMENT TAL-PUNTI “H” U L-ANGOLI ATTWALI TAD-DAHAR TAS-SEDIL

2.1.

Għandu jiġi stabbilit punt “H” u “angolu attwali tad-dahar tas-sedil” għal kull sedil ipprovdut mill-manifattur. Jekk is-sedili fl-istess ringiela jistgħu jitqiesu bħala simili (sedil bank, sedili identiċi, eċċ.), għandu jiġi stabbilit punt “H” wieħed u “angolu attwali tad-dahar tas-sedil” għal kull ringiela ta’ sedili, bil-manikin deskritt fil-paragrafu 3 hawn isfel ikun poġġut bilqiegħda f’post meqjus bħala rappreżentattiv għar-ringiela. Dan il-post għandu jkun:

2.1.1.

fil-każ tar-ringiela ta’ quddiem, is-sedil tax-xufier;

2.1.2.

fil-każ tar-ringiela jew ir-ringieli ta’ wara, sedil fuq barra.

2.2.

Meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti l-punt “H” u l-“angolu attwali tad-dahar tas-sedil”, is-sedil li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat għandu jitpoġġa fl-aktar pożizzjoni baxxa u fl-iżjed pożizzjoni normali lura tas-sewqan jew il-pożizzjoni tal-użu pprovdut għalih mill-manifattur. Jekk l-inklinazzjoni tiegħu tkun tista’ tiġi aġġustata, id-dahar tas-sedil għandu jkun illokkjat kif speċifikat mill-manifattur jew, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe speċifikazzjoni, għal angolu attwali tad-dahar tas-sedil kemm jista’ jkun viċin il-25° mill-vertikali.

3.   DESKRIZZJONI TAL-MANIKIN

3.1.

Għandu jintuża manikin tridimensjonali ta’ piż u kurvatura li jikkorrispondu għal dawk ta’ raġel adult ta’ tul medju. Manikin bħal dan huwa ppreżentat fil-figura 1 u 2 hawn isfel.

3.2.

Il-manikin għandu jinkludi:

3.2.1.

Żewġ komponenti, wieħed li jissimula d-dahar u l-ieħor il-warrani tal-ġisem, li jduru fuq ass li jirrappreżenta l-ass ta’ rotazzjoni bejn it-torso u l-koxxa; it-traċċa ta’ dan l-ass fuq il-ġenb tal-manikin huwa punt “H” tal-manikin;

3.2.2.

Żewġ komponenti li jissimulaw is-saqajn u mwaħħlin b’mod pivotali mal-komponent li jissimula l-warrani; u

3.2.3.

Żewġ komponenti li jissimulaw is-saqajn u mqabbda mas-saqajn permezz ta’ ġonot pivotali li jissimulaw l-għekiesi.

3.2.4.

Barra minn hekk, il-komponent li jissimula l-warrani tal-ġisem għandu jkun ipprovdut b’invell li jagħmilha possibbli li tiġi verifikata l-orjentazzjoni trasversali tiegħu.

3.3.

Għandu jintrabat piż ta’ segmenti tal-ġisem f’punti xierqa li jirrappreżentaw iċ-ċentri korrispondenti tal-gravità sabiex il-piż totali tal-manikin jinġieb għal madwar 75,6 kg. Dettalji tad-diversi piżijiet huma mogħtija fit-tabella fil-figura 2 tal-appendiċi għal dan l-Anness.

3.4.

Il-linja ta’ referenza tat-torso tal-manikin hija kkunsidrata minn linja dritta li tgħaddi minn ġol-ġonta bejn is-sieq u l-pelvi u l-ġonta teoretika bejn l-għonq u t-toraċi (ara figura 1 tal-appendiċi għal dan l-Anness).

4.   TQEGĦID TAL-MANIKIN

Il-manikin tridimensjonali għandu jitqiegħed kif ġej:

4.1.

Il-vettura għandha titpoġġa fuq pjan orizzontali u s-sedili jiġu aġġustati kif preskritt fil-paragrafu 2.2 hawn fuq;

4.2.

Is-sedil għall-ittestjar għandu jitgħatta b’biċċa ċarruta sabiex tiffaċilita t-tqegħid tal-manikin;

4.3.

Il-manikin għandu jitpoġġa fuq is-sedil ikkonċernat, bl-ass pivotali tiegħu jkun perpendikulari mal-pjan lonġitudinali tas-simetrija tal-vettura;

4.4.

Is-saqajn tal-manikin għandhom jitpoġġew kif ġej:

4.4.1.

Fis-sedili ta’ quddiem, b’mod li l-invell li jivverifika l-orjentazzjoni trasversali tal-warrani tal-manikin jinġieb għall-orizzontali;

4.4.2.

Fis-sedili ta’ wara, safejn possibbli sabiex ikun f’kuntatt mas-sedili ta’ quddiem. Jekk is-saqajn imbagħad jistrieħu fuq partijiet tal-art li jkunu f’livelli differenti, is-sieq li tiġi l-ewwel f’kuntatt mas-sedil ta’ quddiem għandha sservi bħala punt ta’ referenza u s-sieq l-oħra għandha tkun irranġata b’mod li l-invell li jagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-orjentazzjoni trasversali tal-warrani tal-manikin jinġieb għall-orizzontali;

4.4.3.

Jekk il-punt “H” ikun qiegħed jiġi determinat f’sedil ċentrali, is-saqajn għandhom jitpoġġew waħda fuq kull naħa tal-mina;

4.5.

Il-piżijiet għandhom jitpoġġew fuq il-koxox, l-invell li jivverifika l-orjentazzjoni trasversali tal-warrani tal-manikin għandu jinġieb għall-orizzontali, u l-piżijiet għandhom jitpoġġew fuq il-komponent li jirrappreżenta l-warrani tal-manikin;

4.6.

Il-manikin għandu jitressaq lil hinn mid-dahar tas-sedil permezz tal-ħadida tal-pern tal-irkoppa u d-dahar tal-manikin għandu jitressaq ’il quddiem. Il-manikin għandu jiġi ppożizzjonat mill-ġdid fuq is-sedil tal-vettura billi jiżżerżaq lura fuq is-sedil tiegħu sakemm jiltaqa’ ma’ reżistenza, imbagħad id-dahar tal-manikin jitpoġġa mill-ġdid mad-dahar tas-sedil;

4.7.

Għandha tiġi applikata tagħbija orizzontali ta’ madwar 10 ± 1 daN fuq il-manikin għal darbtejn. Id-direzzjoni u l-punt tal-applikazzjoni tat-tagħbija huma murija bi vleġġa sewda fil-figura 2;

4.8.

Il-piżijiet għandhom jiġu applikati fuq il-ġnub tal-lemin u tax-xellug u l-piżijiet tat-torso għandhom imbagħad jitpoġġew fil-pożizzjoni. L-invell trasversali tal-manikin għandu jinżamm orizzontali;

4.9.

Billi l-invell trasversali tal-manikin jinżamm orizzontali, id-dahar tal-manikin għandu jitressaq ’il quddiem sakemm il-piżijiet tat-torso jkunu ’l fuq mill-punt “H”, sabiex tiġi eliminata kwalunkwe frizzjoni mad-dahar tas-sedil;

4.10.

Id-dahar tal-manikin għandu jitressaq bil-mod lura sabiex titlesta l-operazzjoni tat-tqegħid. L-invell trasversali tal-manikin għandu jkun orizzontali. Jekk ma jkunx, il-proċedura deskritta hawn fuq għandha tiġi ripetuta.

5.   RIŻULTATI

5.1.

Meta l-manikin ikun tqiegħed kif deskritt fil-paragrafu 4 hawn fuq, il-punt “H” u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil inkwistjoni huma kostitwiti mill-punt “H” u mill-angolu ta’ inklinazzjoni tal-linja ta’ referenza tat-torso tal-manikin.

5.2.

Il-koordinati tal-punt “H” fir-rigward ta’ tliet pjani perpendikulari ma’ xulxin, u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil, għandhom jitkejlu għal tqabbil mal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur tal-vettura.

6.   VERIFIKA TAL-POŻIZZJONIJIET RELATTIVI TAL-PUNTI “R” U “H” U R-RELAZZJONI BEJN L-ANGOLU TAD-DISINN TAD-DAHAR TAS-SEDIL U L-ANGOLU ATTWALI TAD-DAHAR TAS-SEDIL

6.1.

Ir-riżultati tal-kejl imwettaq f’konformità mal-paragrafu 5.2 għall-punt “H” u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil għandhom jitqabblu mal-koordinati tal-punt “R” u l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil kif ipprovdut mill-manifattur tal-vettura.

6.2.

Il-pożizzjonijiet relattivi tal-punt “R” u l-punt “H” u r-relazzjoni bejn l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil għandhom jitqiesu sodisfaċenti għas-sedil inkwistjoni jekk il-punt “H”, kif definit mill-koordinati tiegħu, ikun ġewwa kaxxa b’ġenb ta’ 50 mm li d-dijagonali tagħha jiltaqgħu fil-punt “R”, u jekk l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil ikun sa 5° mill-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil.

6.2.1.

Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-punt “R” u l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil għandhom jintużaw għat-test u, jekk ikun meħtieġ, il-manikin għandu jiġi aġġustat b’mod li l-punt “H” jaqbel mal-punt “R” u l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil jaqbel mal-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil.

6.3.

Jekk il-punt “H” jew l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6.2 hawn fuq, il-punt “H” jew l-angolu attwali tad-dahar tas-sedil għandhom jiġu stabbiliti darbtejn oħra (tliet darbiet b’kollox). Jekk ir-riżultati ta’ tnejn minn dawn it-tliet operazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti, ir-riżultat tat-test għandu jitqies bħala sodisfaċenti.

6.4.

Sakemm mill-inqas tnejn mit-tliet riżultati tat-test ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6.2, ir-riżultat tat-test għandu jitqies bħala li mhuwiex sodisfaċenti.

6.5.

Jekk tinħoloq is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 6.4 hawn fuq, jew jekk il-verifika ma tkunx tista’ ssir minħabba li l-manifattur ma jkunx ipprovda informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-punt “R” jew dwar l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil, tista’ tintuża l-medja tar-riżultati tat-tliet determinazzjonijiet u tintuża bħala applikabbli fil-każijiet kollha fejn il-punt “R” jew l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sedil jissemma f’dan ir-Regolament.

Appendiċi

IL-KOMPONENTI TAL-MANIKIN TRIDIMENSJONALI

Image

Test ta 'immaġni

DIMENSJONIJIET U PIŻ TAL-MANIKIN

Piż tal-manikin

kg

Komponenti li jissimulaw id-dahar u l-warrani tal-ġisem

16,6

Piż tat-torso

31,2

Piż tal-warrani

7,8

Piż tal-koxxa

6,8

Piż tas-sieq

13,2

Total

75,6

Figura 2

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 4

KEJL TAL-ISPORĠENZI U D-DISTANZI

1.   METODU TA’ STABBILIMENT TAD-DIMENSJONIJIET TAL-ISPORĠENZI TA’ PARTI MWAĦĦLA FUQ IL-WIĊĊ TA’ BARRA

1.1.

Il-qisien tal-isporġenza ta’ parti mmuntata fuq panew konvess jistgħu jiġu stabbiliti jew direttament jew b’referenza għal tpinġija ta’ sezzjoni xierqa tal-parti fil-pożizzjoni mwaħħla.

1.2.

Jekk l-Isporġenza ta’ parti mmuntata fuq panew li ma jkunx konvess ma tkunx tista’ tiġi stabbilita b’kejl sempliċi, hija għandha tiġi stabbilita mill-varjazzjoni massima fid-distanza bejn il-linja ta’ referenza tal-panew u ċ-ċentru ta’ sfera b’dijametru ta’ 100 mm meta l-isfera tiċċaqlaq f’kuntatt mal-parti. Eżempju tal-użu ta’ dan il-metodu huwa mogħti fil-figura 1.

1.3.

Għall-mankijiet li żżomm magħhom, l-isporġenza għandha titkejjel fir-rigward tal-pjan li jgħaddi minn ġol-punti tat-tqabbid. Eżempju huwa mogħti fil-figura 2.

2.   METODU GĦALL-ISTABBILIMENT TAL-ISPORĠENZA TAL-VIŻIERI U R-RIMMIJIET TAL-FANALI TA’ QUDDIEM

2.1.

L-isporġenza mill-wiċċ ta’ barra tal-fanal ta’ quddiem għandha titkejjel b’mod orizzontali mill-punt ta’ kuntatt ta’ sfera b’dijametru ta’ 100 mm, kif muri fil-figura 3.

3.   METODU GĦALL-ISTABBILIMENT TAD-DISTANZA BEJN IL-PARTIJIET TA’ GRADILJA

3.1.

Id-distanza bejn il-partijiet ta’ gradilja għandha tkun id-distanza bejn iż-żewġ pjani li jgħaddu minn ġol-punt ta’ kuntatt tal-isfera u perpendikulari mal-linja li tgħaqqad il-punti ta’ kuntatt. Eżempji tal-użu ta’ dan il-metodu huma mogħtija fil-figuri 4 u 5.

Figura 1

Image

Figura 2

Image

Figura 3

Image

Figuri 4 u 5

Image


Top