EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42008X1221(02)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha

ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 320/10


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha

(2008/C 320/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

1.

WARA LI KKUNSIDRAW:

it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005 (1),

il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-14 ta' Novembru 1970 dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-projbizzjoni u t-twaqqif tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' proprjetà illeċita ta' beni kulturali,

id-Deċiżjoni Nru 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008) (2).

2.

WAQT LI LAQGĦU:

il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2008 (3), li permezz tagħhom il-kooperazzjoni kulturali u d-djalogu interkulturali huma kkunsidrati bħala komponenti vera u proprja tal-firxa sħiħa ta' politiki esterni.

3.

WAQT LI RREFEREW:

għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-kultura (4),

għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar Kompetenzi Interkulturali (5),

u għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010 (6).

4.

WAQT LI LAQGĦU B'INTERESS:

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (7).

5.

BILLI:

id-djalogu interkulturali jista' jikkontribwixxi għat-tqarrib tal-individwi u tal-popli, għall-prevenzjoni tal-konflitti u għall-proċessi ta' rikonċiljazzjoni, partikolarment fir-reġjuni li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità politika,

l-iskambji kulturali u l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni kulturali, inkluż fil-qasam awdjoviżiv, jistgħu jgħinu għat-tfassil ta' relazzjonijiet ibbażati fuq is-sħubija, għat-tisħiħ tal-post u r-rwol tas-soċjetà ċivili, għall-proċessi ta' demokratizzazzjoni u ta' governanza tajba, kif ukoll għall-promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-libertajiet fundamentali,

il-kultura, komponent essenzjali tal-ekonomija tal-għarfien, hija wkoll settur b'potenzjal ekonomiku qawwi, b'mod partikolari dwar l-industriji kulturali u kreattivi u dik tat-turiżmu kulturali sostenibbli,

il-post tal-Ewropa fid-dinja, mill-perspettiva artistika, intelletwali u xjentifika jiddependi b'mod ġenerali mid-dinamiżmu tal-kreattività kulturali tagħha u minn dawn mill-iskambji kulturali tagħha mal-pajjiżi terzi,

ir-rabtiet kulturali bejn l-Ewropa u r-reġjuni l-oħrajn fid-dinja jistgħu jkunu importanti għall-iżvilupp tad-djalogu interkulturali u l-implimentazzjoni ta' proġetti kulturali komuni; l-Unjoni għandha tiżgura wkoll li tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika tagħha.

6.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U FIR-RISPETT TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

A.   Jissuktaw bl-objettivi politiċi li ġejjin:

1.

isaħħu l-post u r-rwol tal-kultura fil-politiki u l-programmi mmexxija fil-qafas tar-relazzjonijiet esterni u jiffavorixxu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, partikolarment l-Unesco u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex itejbu l-kwalità u d-diversità tal-azzjonijiet kulturali implimentati, u b'mod aktar ġenerali, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-politika esterna u għall-iżvilupp sostenibbli;

2.

jippromwovu l-Konvenzjoni tal-UNesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005:

iħeġġu r-rattifika u l-implimentazzjoni ta' din il-konvenzjoni, element ċentrali tar-relazzjonijiet kulturali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiżi terzi u waħda mill-pilastri tal-governanza globali,

jieħdu kont sħiħ fir-relazzjonijiet esterni tal-ispeċifiċità tal-attivitajiet, beni u servizzi kulturali, li għandhom natura doppja, ekonomika u kulturali,

jidħlu fi djalogu politiku mal-pajjiżi terzi jew jissuktaw b'dan, partikolarment dwar l-oqsfa leġislattivi u regolamentari, sabiex jiżviluppaw il-post għall-kultura fil-politiki tagħhom,

jippromwovu politiki kulturali esterni li jiffavorixxu d-dinamiżmu u l-bilanċ tal-iskambji tal-beni u s-servizzi kulturali mal-pajjiżi terzi, partikolarment l-ekonomiji emerġenti, sabiex jippreservaw u jippromwovu d-diversità kulturali fid-dinja u jikkontribwixxu għall-vitalità tal-ekonomija Ewropea tal-kultura,

isaħħu l-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli u jiffavorixxu l-kopperazzjoni u s-solidarjetà mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi spirtu ta' sħubija, partikolarment bil-ħsieb li jżidu l-kapaċità ta' dawn il-pajjiżi li jipproteġu u jippromwovu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, inklużi l-industriji kulturali u l-kreazzjoni kontemporanja.

3.

jiffavorixxu d-djalogu interkulturali permezz tal-issukktar ta' proġetti konkreti, ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' skambji ta' prattiki tajbin imwettqa b'suċċess fl-Istati Membri u barra mill-Unjoni fil-qafas tas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008), partikolarment abbażi tal-bilanċ ta' din is-sena li ser ikun stabbilit mill-Kummissjoni.

B.   Jiddefinixxu l-approċċi gloabli u koerenti:

l-elaborazzjoni ta' strateġija Ewropea li timmira għall-inklużjoni b'mod koerenti u sistematiku tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u li tikkontribwixxi għall-kumplimentarjetà tal-azzjonijiet tal-Unjoni ma' dawk ta' dawn l-Istati Membri,

l-implimentazzjoni ta' strateġiji speċifiċi mar-reġjuni u l-pajjiżi terzi, bil-ħsieb li jiġu ppreċiżati l-objettivi u l-mezzi ta' azzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali; dawn l-istrateġiji ser ikunu adattati b'mod partikolari għall-karratteristiċi u għall-perspettivi tal-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-kultura tagħhom, għall-istat ta' skambji kulturali mal-Unjoni, kif ukoll għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom,

dawn l-istrateġiji speċifiċi jistgħu jiġu definiti, fir-rispett tar-ridistribuzzjoni tal-kompetenzi stabbiliti mit-Trattat, fi tmiem tal-proċessi ta' kompetenza u ta' konsultazzjoni mal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati.

C.   Isaħħu l-appoġġ f'dan il-qafas:

għall-azzjonijiet ta' kooperazzjoni kulturali mwettqa mal-pajjiżi terzi, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, partikolarment bil-ħsieb li jiġu promossi l-iskambji kulturali u artistiċi u l-koproduzzjonijiet, biex isir kontribu għat-taħriġ u l-mobbiltà ta' artisti u professjonisti tal-kultura u biex jissaħħu, jekk meħtieġ partikolarment permezz tal-iskambju ta' tagħrif espert — il-kapaċitajiet ta' żvilupp tas-setturi kulturali tal-pajjiżi sħab,

għall-promozzjoni fil-livell internazzjonali tal-attivitajiet, beni u servizzi kulturali Ewropej, inklużi awdjoviżivi, bħas-servizzi awdjoviżivi esterni, u għall-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura Ewropej barra mill-Unjoni,

għall-multilingwiżmu — partikolarment permezz tat-tagħlim tal-lingwi, it-traduzzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-lingwi Ewropej kollha għall-iżvilupp tad-djalogu kulturali u ekonomiku mal-bqija tad-dinja — u għall-iżvilupp ta' kompetenzi interkulturali,

għall-mobbiltà taż-żgħażagħ, fil-qafas tal-inizjattivi u l-programmi Komunitarji adegwati, għall-edukazzjoni kulturali u artistika tagħhom, inkluża l-edukazzjoni tagħhom dwar il-midja, u għall-aċċess tagħhom għall-espressjonijiet artistiċi fid-diversità tagħhom,

għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati u għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija fil-livell internazzjonali, fil-qafas ta' ftehmiet bilaterali u multilaterali pertinenti u tad-djalogu politiku u tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi,

għall-protezzjoni, il-preservazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-partimonju kulturali, materjali u immaterjali, u għall-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż permezz tal-iskambju ta' esperjenzi fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1970 msemmija hawn fuq, fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra s-serq u t-traffiku illeċtu tal-beni kulturali, partikolarment dawk miksuba illegalment permezz ta' tiftix illegali jew serq ta' monumenti.

D.   Jiżviluppaw f'din il-perspettiva l-metodi ta' ħidma u l-istrumenti li ġejjin:

jirrikorru għall-analiżi tas-setturi tal-kultura tal-pajjiżi terzi, inkluża l-perspettiva tagħhom ta' żvilupp u l-qafas tagħhom ta' regolamenti, sabiex isir kontribut għal definizzjoni aħjar tal-istrateġiji u l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu; il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Istati terzi, ser tikkontribwixxi għal din l-analiżi,

jieħdu vantaġġ mill-esperjenza tal-Istati Membri u jinkoraġġixxu s-sinerġiji bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-kumplimentarjetà tal-azzjonijiet imwettqa mill-Unjoni ma' dawk tal-Istati Membri tagħha u biex iħeġġu aktar azzjonijiet u proġetti kulturali komuni internazzjonalment; il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni “kultura” jista' jikkontribwixxi għal dan,

f'dan il-qafas, l-istrumenti finanzjarji eżistenti, programmi operattivi u adattati għall-karatteristiċi tas-settur tal-kultura, partikolarment għall-istrutturi żgħar ta' produzzjoni u diffużjoni, u għall-karatteristiċi lokali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab: it-titjib tal-aċċess lill-professjonisti għall-informazzjoni dwar il-programmi u l-azzjonijiet ta' appoġġ, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' ksib ta' sussidji, ir-reġistrazzjoni ta' assistenza finanzjarja fit-tul, eċċ.,

jieħdu kont fil-qafas tan-negozjati ta' ftehim internazzjonali mal-organizzazzjonijiet reġjonali jew il-pajjiżi sħab, tal-istrateġiji implimentati ma' kull wieħed fosthom,

iħeġġu l-involviment ta' artisti, professjonisti tal-kultura u, b'mod aktar ġenerali, tas-soċjetà ċivili, kemm tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politiki kulturali esterni,

jippromwovu, finalment, kooperazzjoni akbar bejn l-istituzzjonijiet kulturali tal-Istati Membri tal-Unjoni stabbiliti fil-pajjiżi terzi, inkluż istituzzjonijiet kulturali, f'pajjiżi terzi, u l-omologi tagħhom f'dawk il-pajjiżi, partikolarment permezz tal-implimentazzjoni ta' netwerk.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15)

(2)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 44.

(3)  11018/08.

(4)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(5)  9021/08.

(6)  ĠU C 143, 10.6.2008, p. 9.

(7)  COM(2007) 242 finali.


Top