Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025L0002

Direttiva (UE) 2025/2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà u s-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera, u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE u 2013/34/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/5/2024/REV/1

ĠU L, 2025/2, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2

8.1.2025

DIRETTIVA (UE) 2025/2 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2024

li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà u s-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera, u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE u 2013/34/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ħolqot regoli prudenzjali aktar ibbażati fuq ir-riskju u aktar armonizzati għas-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva huma soġġetti għal klawżoli ta' rieżami. L-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva kkontribwiet sostanzjalment għat-tisħiħ tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u għamlet l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni aktar reżiljenti għal varjetà ta' riskji. Għalkemm hija komprensiva ħafna, dik id-Direttiva ma tindirizzax id-dgħufijiet identifikati kollha li jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(2)

Il-pandemija tal-Covid-19 ikkawżat ħsara soċjoekonomika tremenda u ħalliet l-ekonomija tal-Unjoni fil-bżonn ta' rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Bl-istess mod, il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għadhom qed jiżviluppaw. Din għamlet il-ħidma fuq il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni saħansitra aktar urġenti, b'mod partikolari l-iżgurar li l-ekonomija tkun għas-servizz tan-nies u tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Is-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jista' jipprovdi sorsi privati ta' finanzjament lin-negozji Ewropej u jista' jagħmel l-ekonomija aktar reżiljenti billi jipprovdi protezzjoni kontra firxa wiesgħa ta' riskji. B'dan ir-rwol doppju, is-settur għandu potenzjal kbir li jikkontribwixxi għall-kisba tal-prijoritajiet tal-Unjoni.

(3)

Kif enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020“Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji”, l-inċentivar tal-investituri istituzzjonali, b'mod partikolari l-assiguraturi, biex jagħmlu investimenti aktar fit-tul, ser ikun strumentali fl-appoġġ tar-riekwitizzazzjoni fis-settur korporattiv. Sabiex tiġi ffaċilitata l-kontribuzzjoni tal-assiguraturi għall-finanzjament tal-irkupru ekonomiku tal-Unjoni, jenħtieġ li l-qafas prudenzjali jiġi aġġustat sabiex iqis aħjar in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni. B'mod partikolari, meta jiġi kkalkolat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont il-formula standard, jenħtieġ li tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li jintuża parametru standard aktar favorevoli għall-investimenti fl-ekwità li jinżammu b'perspettiva fit-tul, dment li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jikkonformaw ma' kriterji sodi u robusti, li jippreservaw il-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz u l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li tali kriterji jkollhom l-għan li jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu jistgħu jevitaw il-bejgħ furzat ta' ekwitajiet maħsubin biex jinżammu fit-tul, inkluż f'kundizzjonijiet ta' stress fis-suq. Peress li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom varjetà wiesgħa ta' għodod għall-ġestjoni tar-riskju biex jevitaw tali bejgħ furzat, jenħtieġ li dawk il-kriterji jirrikonoxxu tali varjetà u ma jeħtiġux id-delimitazzjoni legali jew kuntrattwali tal-assi ta' investiment fit-tul sabiex l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jibbenefikaw mill-parametru standard aktar favorevoli għall-investimenti fl-ekwità. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-maniġment tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jimpenja ruħu għal perjodu minimu ta' żamma tal-ekwitajiet li l-impriża tinvesti fihom permezz ta’ regoli bil-miktub u juri l-kapaċità tal-impriża li żżomm dawk l-ekwitajiet tul dak il-perjodu ta' żamma.

(4)

Aġġustamenti li jqisu aħjar in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni jistgħu jwasslu għal żieda fil-kapital disponibbli liberament b'riżultat tat-tnaqqis fir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Meta dak ikun il-każ, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu li ma jidderiġux il-kapital liberat lejn id-distribuzzjonijiet tal-azzjonisti jew il-bonusijiet tal-maniġment, iżda jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jidderieġu l-kapital liberat lejn investimenti produttivi fl-ekonomija reali sabiex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku u l-objettivi ta' politika usa' tal-Unjoni.

(5)

L-assiguraturi u r-riassiguraturi għandhom il-libertà li jinvestu kullimkien fid-dinja, u mhumiex limitati għall-Unjoni. L-investimenti f'pajjiżi terzi jistgħu jwasslu wkoll għal politiki ġenerali ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżguraw li l-politika ta' investiment tagħhom tirrifletti l-objettivi tal-lista aġġornata tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa u tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fir-rigward ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir.

(6)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ħadet impenn li tintegra aħjar il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali fil-qafas prudenzjali tal-Unjoni. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għat-tkabbir, li għandu l-għan li jittrasforma lill-Unjoni f'ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta' gassijiet serra sal-2050. Ser jikkontribwixxi għall-objettiv li tiġi żviluppata ekonomija għas-servizz tan-nies, filwaqt li jsaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Unjoni u jgħin jiżgura li din tkun lesta għall-futur u li twassal għal stabbiltà, impjiegi, tkabbir u investiment. Fil-proposta tagħha tal-4 ta' Marzu 2020 għal Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni pproponiet li l-objettiv ta' newtralità klimatika u reżiljenza għall-klima sal-2050 isir vinkolanti fl-Unjoni. Din il-proposta ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Lulju 2021 (5). L-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura tmexxija globali mill- Unjoni fit-triq lejn l-2050 ġiet imtennija fir-Rapport ta' Prospettiva Strateġika tal-2021, li jidentifika l-iżvilupp ta' sistemi ekonomiċi u finanzjarji reżiljenti u validi fil-futur bħala qasam strateġiku ta' azzjoni.

(7)

Il-qafas ta' finanzjament sostenibbli tal-UE ser ikollu rwol importanti fl-ilħuq tal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jenħtieġ li r-regolamentazzjoni ambjentali tiġi kkomplementata b'qafas ta' finanzjament sostenibbli li jidderieġi l-finanzjament lejn investimenti li jnaqqsu l-iskopertura għal riskji klimatiċi u ambjentali. Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' Lulju 2021 bit-titlu “Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli”, il-Kummissjoni ħadet impenn li tipproponi emendi għad-Direttiva 2009/138/KE biex tintegra b'mod konsistenti r-riskji għas-sostenibbiltà fil-ġestjoni tar-riskju tal-assiguraturi billi teħtieġ analiżi tax-xenarju tat-tibdil fil-klima mill-assiguraturi.

(8)

Reċentement ġew proposti u adottati numru ta' atti leġiżlattivi biex titjieb ir-reżiljenza u li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà, b'mod partikolari b'rabta mar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà, inkluż ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, li kollha kemm huma jaffettwaw is-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(9)

L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern tal-Unjoni għall-assigurazzjoni hija objettiv ewlieni ta' din id-Direttiva emendatorja. L-integrazzjoni tas-suq intern għall-assigurazzjoni żżid il-kompetizzjoni u d-disponibbiltà tal-prodotti tal-assigurazzjoni madwar l-Istati Membri għall-benefiċċju tan-negozji u tal-konsumaturi. Il-fallimenti tal-assigurazzjoni fis-suq intern tal-Unjoni għall-assigurazzjoni minn meta bdiet tapplika d-Direttiva 2009/138/KE jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar konsistenza u konverġenza tas-superviżjoni fl-Unjoni kollha. Jenħtieġ li s-superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joperaw bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-dritt tal-istabbiliment tittejjeb aktar mingħajr ma jiddgħajjef l-objettiv ta' integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern għall-assigurazzjoni biex tiġi żgurata protezzjoni konsistenti tal-konsumatur u tiġi ssalvagwardjata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern kollu.

(10)

Id-Direttiva 2009/138/KE teskludi lil ċerti impriżi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, minħabba d-daqs tagħhom. Wara l-ewwel snin ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u bl-għan li jiġi żgurat li ma tapplikax bla bżonn għall-impriżi iżgħar, huwa xieraq li dawk l-esklużjonijiet jiġu rieżaminati billi jiżdiedu dawk il-limiti, sabiex impriżi żgħar li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ma jkunux soġġetti għal dik id-Direttiva. Bħalma diġà huwa l-każ għall-impriżi tal-assigurazzjoni esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, jenħtieġ li l-impriżi li jibbenefikaw minn dawn il-limiti ogħla jkollhom l-għażla li jżommu jew jitolbu awtorizzazzjoni skont dik id-Direttiva sabiex jibbenefikaw mil-liċenzja unika pprovduta fiha u jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jagħmlu lill-impriżi tal-assigurazzjoni esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE soġġetti għal dispożizzjonijiet li jkunu simili jew identiċi għal dawk previsti f'dik id-Direttiva.

(11)

Id-Direttiva 2009/138/KE ma tapplikax għal attività ta' assistenza fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) ta' dik id-Direttiva. L-ewwel kundizzjoni tiddikjara li l-assistenza għandha tkun relatata ma' inċidenti jew waqfien li jinvolvu vettura tat-triq li jseħħu fit-territorju tal-Istat Membru tal-impriża li tipprovdi kopertura. Dik id-dispożizzjoni tista' timplika li rekwiżit ta' awtorizzazzjoni bħala assiguratur tapplika għall-fornituri ta' assistenza għall-vetturi tat-triq f'każ ta' inċident jew waqfien li jseħħ eżatt wara l-fruntiera u tista' tfixkel l-assistenza bla bżonn. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq li dik il-kundizzjoni tiġi rieżaminata. Għalhekk, jenħtieġ li l-kundizzjoni skont l-Artikolu 6(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2009/138/KE tiġi estiża għal inċidenti jew waqfien li jinvolvu l-vettura tat-triq koperta minn dik l-impriża, li xi kultant iseħħu f'pajjiż ġar.

(12)

L-informazzjoni dwar kwalunkwe applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jinbeda negozju fi Stat Membru u l-eżiti tal-valutazzjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jipprovdu informazzjoni essenzjali għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet fi Stati Membri oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja konċernata tiġi infurmata mill-applikant dwar ċaħdiet jew irtirar preċedenti ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni fi Stat Membru ieħor.

(13)

Qabel l-għoti ta' awtorizzazzjoni lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun impriża sussidjarja ta' impriża li tinsab fi Stat Membru ieħor, jew li ser tkun taħt il-kontroll tal-istess persuna ġuridika jew fiżika bħal impriża oħra tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru li jagħti l-awtorizzazzjoni tikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji ta' kwalunkwe Stat Membru kkonċernat. Fid-dawl ta' żieda fl-attivitajiet tal-grupp tal-assigurazzjoni fi Stati Membri differenti, huwa neċessarju li jissaħħu l-applikazzjoni konverġenti tal-liġi tal-Unjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, b'mod partikolari qabel ma jingħataw l-awtorizzazzjonijiet. Għalhekk, meta jkun meħtieġ li jiġu kkonsultati diversi awtoritajiet superviżorji, jenħtieġ li kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata titħalla titlob valutazzjoni konġunta ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn ikun għaddej il-proċess ta' awtorizzazzjoni ta' impriża futura tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-grupp. Id-deċiżjoni li tingħata l-awtorizzazzjoni tibqa' l-kompetenza tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju fejn l-impriża kkonċernata titlob l-awtorizzazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li jitqiesu r-riżultati tal-valutazzjoni konġunta meta tittieħed dik id-deċiżjoni.

(14)

Jenħtieġ li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi applikata f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni proporzjonata tad-Direttiva għal impriżi li huma iżgħar u inqas kumplessi mill-impriża medja, u biex jiġi żgurat li huma ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta' piż sproporzjonat, huwa neċessarju li jiġu pprovduti kriterji bbażati fuq ir-riskju li jippermettu l-identifikazzjoni tagħhom.

(15)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-impriżi li jikkonformaw mal-kriterji bbażati fuq ir-riskju jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi f'konformità ma' proċess sempliċi ta' notifika. Meta, f'perjodu timitat wara tali notifika, l-awtorità superviżorja ma topponix il-klassifikazzjoni għal raġunijiet debitament ġustifikati marbuta mal-valutazzjoni tal-kriterji rilevanti, jenħtieġ li dik l-impriża titqies bħala impriża żgħira u mhux kumplessa. Ladarba tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa, fil-prinċipju, jenħtieġ li impriża tibbenefika awtomatikament minn miżuri ta' proporzjonalità identifikati dwar ir-rappurtar, l-iżvelar, il-governanza, ir-reviżjoni tar-regoli bil-miktub, il-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi, il-valutazzjoni tas-solvenza u tar-riskju proprju, u l-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità.

(16)

B'deroga mill-benefiċċju awtomatiku minn miżuri ta' proporzjonalità, meta l-awtoritajiet superviżorji jkollhom tħassib serju b'rabta mal-profil tar-riskju ta' impriża żgħira u mhux kumplessa individwali, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li l-impriża kkonċernata toqgħod lura milli tuża miżura ta' proporzjonalità waħda jew aktar. Din is-setgħa tista' tintuża meta jidentifikaw li ma jkunx għad hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, meta jkun hemm riskju ta' nuqqas ta' konformità, meta l-profil tar-riskju ta' impriża jinbidel materjalment, jew meta s-sistema ta' governanza ta’ impriża ma tkunx effettiva.

(17)

Huwa xieraq li l-miżuri ta' proporzjonalità jkunu disponibbli wkoll għal impriżi li mhumiex ikklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi, iżda li għalihom xi wħud mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE huma għaljin u kumplessi wisq, fid-dawl tar-riskji involuti fin-negozju mwettaq minn dawn l-impriżi. Jenħtieġ li dawk l-impriżi jitħallew jużaw miżuri ta' proporzjonalità abbażi ta' analiżi għal kull każ u wara approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom.

(18)

Implimentazzjoni xierqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità hija kruċjali biex jiġi evitat piż eċċessiv fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jressqu rapport lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom biss meta jkun hemm bidla fl-ambitu tal-miżuri ta' proporzjonalità li japplikaw.

(19)

L-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive li jkopru biss ir-riskji assoċjati mal-grupp industrijali jew kummerċjali li jappartjenu għalih, jippreżentaw profil tar-riskju partikolari li jenħtieġ li jitqies meta jiġu ddefiniti xi rekwiżiti, b'mod partikolari dwar il-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza, l-iżvelar u l-awtorizzazzjonijiet relatati biex il-Kummissjoni tispeċifika aktar ir-regoli dwar dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-miżuri ta' proporzjonalità meta jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi.

(20)

Huwa importanti li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jżommu pożizzjoni finanzjarja solida. Għal dak il-fini, id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi superviżjoni finanzjarja fir-rigward tal-istat ta' solvenza ta' impriża, l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet tekniċi tagħha, l-assi u l-fondi proprji eliġibbli tagħha. Madankollu, is-sistema ta' governanza ta' impriża hija wkoll fattur importanti fl-iżgurar li l-impriża żżomm is-solidità finanzjarja tagħha. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu meħtieġa jwettqu rieżamijiet regolari tas-sistema ta' governanza bħala parti mis-superviżjoni finanzjarja tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(21)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu intitolati jirċievu minn kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni taħt superviżjoni u mill-gruppi tagħhom, mill-inqas kull tliet snin, rapport narrattiv regolari b'informazzjoni dwar in-negozju u l-prestazzjoni, is-sistema ta' governanza, il-profil tar-riskju, il-ġestjoni tal-kapital u informazzjoni rilevanti oħra għal finijiet ta' solvenza. Sabiex jiġi ssimplifikat dak l-obbligu ta' rappurtar għall-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li l-informazzjoni tar-rapport superviżorju regolari relatata mal-grupp u mas-sussidjarji tiegħu tiġi ppreżentata b'mod aggregat għall-grupp kollu.

(22)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-impriżi żgħar u mhux kumplessi jingħataw prijorità meta s-superviżuri jagħtu eżenzjonijiet u limitazzjonijiet għar-rappurtar. Għal dak it-tip ta' entità, jenħtieġ li l-proċess ta' notifika li japplika għall-klassifikazzjoni bħala impriża żgħira u mhux kumplessa jiżgura li jkun hemm biżżejjed ċertezza fir-rigward tal-użu ta' eżenzjonijiet u limitazzjonijiet għar-rappurtar.

(23)

Jenħtieġ li l-iskadenzi għar-rappurtar u għall-iżvelar jiġu stabbiliti b'mod ċar fid-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġifieri emerġenzi tas-saħħa, katastrofijiet naturali u avvenimenti estremi oħra, jistgħu jagħmluha impossibbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jissottomettu tali rapporti u żvelar, sal-iskadenzi stabbiliti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa testendi l-iskadenzi f'tali ċirkostanzi wara li tkun ikkonsultat lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(24)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk kwalunkwe persuna ġdida maħtura biex timmaniġġa impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew biex twettaq funzjoni ewlenija tkunx kompetenti u idonea. Madankollu, jenħtieġ li dawk li jimmaniġġaw l-impriża jew li jwettqu funzjoni ewlenija jkunu kompetenti u idonei fuq bażi kontinwa. F'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jieħdu miżuri, bħal, fejn xieraq, it-tneħħija tal-persuna kkonċernata mill-pożizzjoni rilevanti.

(25)

Peress li l-attivitajiet tal-assigurazzjoni jistgħu jikkawżaw jew jamplifikaw ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinkorporaw kunsiderazzjonijiet u analiżi makroprudenzjali fl-attivitajiet tagħhom ta' sottoskrizzjoni, investiment, u ġestjoni tar-riskju. Dan jista' jinkludi li titqies l-imġiba potenzjali ta' parteċipanti oħra fis-suq, riskji makroekonomiċi, bħal tnaqqis fiċ-ċiklu tal-kreditu jew likwidità mnaqqsa fis-suq, jew konċentrazzjonijiet eċċessivi fil-livell tas-suq f'ċerti tipi ta' assi, kontropartijiet jew setturi.

(26)

Meta jintalbu mill-awtorità superviżorja, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jieħdu kont ta' kwalunkwe informazzjoni makroprudenzjali rilevanti pprovduta mill-awtoritajiet superviżorji fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskju proprju u tas-solvenza. Sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' tali rekwiżiti makroprudenzjali addizzjonali, jenħtieġ li l-EIOPA tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet superviżorji meta jkunu qed jidentifikaw l-impriżi li għalihom tapplika l-miżura. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji janalizzaw ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jintalbu jqisu konsiderazzjonijiet makroprudenzjali fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, jaggregawhom u jipprovdu kontribut lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni dwar l-elementi li jenħtieġ li jitqiesu fil-valutazzjonijiet futuri tagħhom tar-riskju proprju u tas-solvenza, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji makroprudenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta jafdaw awtorità jew korp b'mandat makroprudenzjali, l-eżitu u s-sejbiet tal-valutazzjonijiet makroprudenzjali mill-awtoritajiet superviżorji jiġu kondiviżi ma' dik l-awtorità makroprudenzjali.

(27)

F'konformità mal-Prinċipji Fundamentali tal-Assigurazzjoni adottati fl-2011 mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu jistgħu jidentifikaw, jimmonitorjaw u janalizzaw l-iżviluppi tas-suq u finanzjarji li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew lis-swieq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u jenħtieġ li jużaw dik l-informazzjoni fis-superviżjoni ta' impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Meta jwettqu dawk il-kompiti, jenħtieġ li, fejn xieraq, l-awtoritajiet superviżorji jużaw informazzjoni minn awtoritajiet superviżorji oħra u għarfien miksub minnhom.

(28)

Korpi jew awtoritajiet b'mandat makroprudenzjali huma responsabbli għall-politika makroprudenzjali għas-suq nazzjonali tagħhom tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Il-politika makroprudenzjali tista' tiġi segwita mill-awtorità superviżorja jew minn awtorità jew korp ieħor fdat b'dak l-għan.

(29)

Koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-korpi u l-awtoritajiet rilevanti b'mandat makroprudenzjali hija importanti għall-identifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-analiżi tar-riskji possibbli għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u għat-teħid ta' miżuri biex dawk ir-riskji jiġu indirizzati b'mod effettiv u xieraq. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ikollha wkoll l-għan li tevita kwalunkwe forma ta' azzjoni duplikata jew inkonsistenti.

(30)

Jenħtieġ li ma jiġix prevenut l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet tat-taxxa. Jenħtieġ li dawn l-iskambji jkunu f'konformità mal-liġi nazzjonali u, meta l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li tiġi skambjata biss bil-ftehim espliċitu tal-awtorità rilevanti li minnha toriġina l-informazzjoni.

(31)

Id-Direttiva 2009/138/KE teħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkollhom valutazzjoni perjodika tar-riskju proprju u tas-solvenza bħala parti integrata mill-istrateġija kummerċjali tagħhom. Xi riskji, bħar-riskji tat-tibdil fil-klima, ma jistgħux jiġu kkwantifikati faċilment jew inkella jimmaterjalizzaw fuq perjodu li jkun itwal minn dak użat għall-kalibrar tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Dawn ir-riskji jistgħu jitqiesu aħjar fil-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza. Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkollhom skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jwettqu, f'intervalli xierqa u bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza, analiżijiet tal-impatt ta' xenarji fit-tul tar-riskju tat-tibdil fil-klima fuq in-negozju tagħhom. Jenħtieġ li dawn l-analiżijiet ikunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriżi. B'mod partikolari, filwaqt li jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-materjalità tal-iskopertura għar-riskji tat-tibdil fil-klima tkun meħtieġa mill-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa analiżijiet tax-xenarju fit-tul tat-tibdil fil-klima għal impriżi żgħar u mhux kumplessi.

(32)

Jenħtieġ li l-impriżi jiżviluppaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' pjanijiet speċifiċi biex jindirizzaw ir-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn fatturi ta' sostenibbiltà. Meta grupp ikun meħtieġ ifassal pjan bħal dan fil-livell tal-grupp, jenħtieġ li jiġi żgurat li r-rekwiżit li jitfasslu pjanijiet fil-livell individwali jiġi rinunzjat għas-sussidjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-grupp jekk l-aspetti rilevanti kollha ta' dawk is-sussidjarji jkunu riflessi fil-pjan fil-livell tal-grupp.

(33)

Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi l-iżvelar, mill-inqas kull sena, ta' informazzjoni essenzjali permezz tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja. Dak ir-rapport huwa mmirat lejn id-detenturi ta' poloz u l-benefiċjarji minn naħa waħda, u l-analisti u professjonisti oħra tas-suq min-naħa l-oħra. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta' dawk iż-żewġ gruppi differenti, jenħtieġ li l-kontenut tar-rapport jinqasam f'żewġ partijiet. L-ewwel parti, indirizzata prinċipalment lid-detenturi ta' poloz u lill-benefiċjarji, jenħtieġ li jkun fiha l-informazzjoni ewlenija dwar in-negozju, il-prestazzjoni, il-ġestjoni tal-kapital u l-profil tar-riskju. It-tieni parti, indirizzata lill-professjonisti tas-suq, jenħtieġ li jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar in-negozju u dwar is-sistema ta' governanza, informazzjoni speċifika dwar id-dispożizzjonijiet tekniċi u obbligazzjonijiet oħra, il-pożizzjoni ta' solvenza kif ukoll data oħra rilevanti għal analisti speċjalizzati.

(34)

Huwa possibbli li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jaġġustaw l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għall-kalkolu tal-aħjar stima f'konformità mal-movimenti tal-firxa tal-assi tagħhom wara l-approvazzjoni superviżorja (“aġġustament ta' korrispondenza”) jew f'konformità mal-moviment medju tal-firxa tal-assi miżmuma mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f'munita jew f'pajjiż partikolari (“aġġustament tal-volatilità”). Jenħtieġ li l-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja mmirata lejn id-detenturi ta' poloz u l-benefiċjarji jkun fiha biss l-informazzjoni li hija mistennija tkun rilevanti għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' detentur ta' polza jew benefiċjarju medju. Filwaqt li jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżvelaw pubblikament l-impatt li ma jiġux applikati l-aġġustament ta' korrispondenza, l-aġġustament tal-volatilità u l-miżuri tranżizzjonali fuq ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju u fuq id-dispożizzjonijiet tekniċi fuq il-pożizzjonijiet finanzjarji tagħhom, jenħtieġ li tali żvelar ma jitqiesx rilevanti għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' detentur ta' polza jew benefiċjarju medju. Għalhekk, jenħtieġ li dan l-iżvelar jiġi inkluż fil-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja mmirata lejn il-professjonisti tas-suq u mhux fil-parti mmirata lejn id-detenturi ta' poloz u l-benefiċjarji.

(35)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta' żvelar ma jkunux ta' piż eċċessiv għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Għal dan il-għan, jenħtieġ li xi miżuri ta' simplifikazzjoni u proporzjonalità jiġu inklużi fid-Direttiva 2009/138/KE, b'mod partikolari meta ma jipperikolawx il-leġibbiltà tad-data pprovduta mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tiġi emendata sabiex ikun possibbli li l-impriżi żgħar u mhux kumplessi jillimitaw ir-rappurtar tagħhom dwar is-sostenibbiltà skont l-istandards simplifikati tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà tal-SMEs stabbiliti f'dik id-Direttiva.

(36)

Sabiex jiġi ggarantit l-ogħla grad ta' akkuratezza tal-informazzjoni żvelata lill-pubbliku, jenħtieġ li xi elementi mir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja jkunu soġġetti għal verifika. Jenħtieġ li tali rekwiżit ta' verifika jkopri mill-inqas il-karta tal-bilanċ ivvalutata f'konformità mal-kriterji ta' valwazzjoni stipulati fid-Direttiva 2009/138/KE.

(37)

Peress li l-impriżi żgħar u mhux kumplessi mhumiex mistennija jkunu rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, huwa xieraq li għal dawk l-impriżi tiġi inkluża eżenzjoni mir-rekwiżit ta' verifika tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja. Bl-istess mod, minħabba l-profil tar-riskju partikolari u l-ispeċifiċità tal-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive, huwa xieraq li r-rekwiżit ta' verifika ma jiġix impost fuqhom. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri li diġà japplikaw rekwiżiti ta' verifika għall-impriżi kollha jew għal elementi tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja minbarra l-karta tal-bilanċ, ikomplu japplikaw dawn ir-rekwiżiti.

(38)

Jenħtieġ li jiġi rrikonoxxut li, għalkemm huwa ta' benefiċċju, ir-rekwiżit ta' verifika jkun piż addizzjonali għal kull impriża. Għalhekk, jenħtieġ li l-iskadenzi annwali għar-rappurtar u għall-iżvelar għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u għall-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiġu estiżi sabiex dawn jingħataw biżżejjed żmien biex jipproduċu rapporti vverifikati.

(39)

Il-Linji Gwida tal-EIOPA dwar ir-rappurtar għal finijiet ta' stabbiltà finanzjarja diġà jistabbilixxu kriterji biex jiġu identifikati l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma rilevanti għall-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji fl-Unjoni.

(40)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-metodi għall-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi ta' kuntratti b'opzjonijiet u garanziji jkunu proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji ffaċċjati mill-assiguratur. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġu pprovduti xi simplifikazzjonijiet.

(41)

Jenħtieġ li l-kost tal-kapital jitnaqqas meta mqabbel mal-livell stabbilit fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u l-atti delegati adottati skont dik id-Direttiva, filwaqt li jinżamm livell suffiċjenti ta' prudenza u protezzjoni tad-detenturi ta' poloz. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kalkolu tal-marġni ta' riskju jqis id-dipendenza tar-riskji fuq iż-żmien u jnaqqas l-ammont tal-marġni ta' riskju, b'mod partikolari għall-obbligazzjonijiet fit-tul, u b'hekk titnaqqas is-sensittività tal-marġni ta' riskju għall-bidliet fir-rati tal-imgħax. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi introdott element esponenzjali u dipendenti fuq iż-żmien.

(42)

Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi li jiġi ddeterminat l-ammont ta' fondi proprji eliġibbli meħtieġa biex jiġu appoġġati l-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sabiex ikun jista' jiġi kkalkolat il-marġni ta' riskju u li r-rata tal-Kost tal-Kapital tkun daqs ir-rata addizzjonali, ogħla mir-rata rilevanti tal-imgħax mingħajr riskju, li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġġarrab meta jkollha dak l-ammont ta' fondi proprji eliġibbli. Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi wkoll li r-rata tal-Kost tal-Kapital tiġi rieżaminata perjodikament. Għal dak il-fini, jenħtieġ li r-rieżamijiet jiżguraw li r-rata tal-Kost tal-Kapital tibqa' bbażata fuq ir-riskju u ma taqbiżx 5 %.

(43)

Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti tibbilanċja l-użu ta' informazzjoni derivata minn strumenti finanzjarji rilevanti mal-kapaċità tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jiħħeġġjaw ir-rati tal-imgħax derivati minn strumenti finanzjarji. B'mod partikolari, jista' jseħħ li impriżi iżgħar tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ma jkollhomx il-kapaċitajiet li jiħħeġġjaw ir-riskju tar-rata tal-imgħax ma' strumenti għajr bonds, self jew assi simili bi flussi ta' flus fissi. Għalhekk, jenħtieġ li l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti tiġi estrapolata għall-maturitajiet meta s-swieq għall-bonds ma jibqgħux profondi, likwidi u trasparenti. Madankollu, jenħtieġ li l-metodu għall-estrapolazzjoni jagħmel użu minn informazzjoni derivata minn strumenti finanzjarji rilevanti għajr bonds, meta tali informazzjoni tkun disponibbli minn swieq profondi, likwidi u trasparenti għall-maturitajiet meta s-swieq tal-bonds ma jibqgħux profondi, likwidi u trasparenti. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-applikazzjoni armonizzata filwaqt li tkun tista' tinkiseb ukoll reazzjoni f'waqtha għall-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tispeċifika kif jenħtieġ li japplika l-metodu ta' estrapolazzjoni l-ġdid. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq, jenħtieġ li l-punt tat-tluq għall-estrapolazzjoni għall-euro fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja jibqa' fl-istess livell bħal-livell tagħha fil-31 ta' Diċembru 2023, jiġifieri b'maturità ta' 20 sena.

(44)

Id-determinazzjoni tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għandha impatt sinifikanti fuq il-pożizzjoni ta' solvenza, b'mod partikolari għall-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja b'obbligazzjonijiet fit-tul. Sabiex jiġi evitat tfixkil għan-negozju tal-assigurazzjoni eżistenti u sabiex tkun tista' ssir tranżizzjoni bla xkiel għall-metodu l-ġdid ta' estrapolazzjoni, huwa neċessarju li jiġi previst mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali. Jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali jkollu l-għan li jevita t-tfixkil fis-suq u jipprovdi perkors trasparenti għall-metodu ta' estrapolazzjoni finali.

(45)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi aġġustament tal-volatilità, li jfittex li jtaffi l-effett ta' eżaġerazzjonijiet tal-firxiet tal-bonds u huwa bbażat fuq portafolli ta' referenza għall-muniti rilevanti tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u, fil-każ tal-euro, fuq portafolli ta' referenza għas-swieq nazzjonali tal-assigurazzjoni. L-użu ta' aġġustament uniformi tal-volatilità għal muniti jew għal pajjiżi sħaħ jista' jwassal għal benefiċċji li jaqbżu l-mitigazzjoni ta' firxiet eżaġerati tal-bonds, b'mod partikolari meta s-sensittività tal-assi rilevanti ta' dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għall-bidliet fil-firxiet tal-kreditu tkun aktar baxxa mis-sensittività tal-aħjar stima rilevanti għall-bidliet fir-rati tal-imgħax. Sabiex jiġu evitati tali benefiċċji eċċessivi mill-aġġustament tal-volatilità, jenħtieġ li l-aġġustament tal-volatilità jkun soġġett għal approvazzjoni superviżorja u jenħtieġ li l-kalkolu tiegħu jqis il-karatteristiċi speċifiċi għall-impriża relatati mas-sensittività tal-firxa tal-assi u s-sensittività tar-rata tal-imgħax tal-aħjar stima tad-dispożizzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li bħala salvagwardja addizzjonali jiġu introdotti kundizzjonijiet minimi għall-użu tal-aġġustament tal-volatilità. L-Istati Membri, li xi wħud minnhom diġà jagħmlu l-użu tal-aġġustament tal-volatilità soġġett għal proċess ta' approvazzjoni superviżorja, jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jestendu l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni biex jinkludu valutazzjoni bi tqabbil mas-suppożizzjonijiet sottostanti tal-aġġustament tal-volatilità. Fid-dawl tas-salvagwardji addizzjonali, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jitħallew jiżdiedu sa proporzjon akbar ta' 85 % tal-firxa b'riskju kkoreġut derivata mill-portafolli rappreżentattivi għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju bażika.

(46)

Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tinvesti fi strumenti ta' dejn li jkollhom kwalità ta' kreditu aħjar mill-istrumenti ta' dejn li jkunu jinsabu fil-portafoll rappreżentattiv għall-kalkolu tal-aġġustament tal-volatilità, l-aġġustament tal-volatilità jista' jikkumpensa żżejjed it-telf ta' fondi proprji kkawżat minn firxiet usa' tal-bonds u jista' jwassal għal volatilità mhux dovuta fil-fondi proprji. Bl-għan li tiġi kkumpensata l-volatilità artifiċjali kkawżata minn tali kumpens żejjed, jenħtieġ li, f'dawn il-każijiet, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu jistgħu japplikaw għal modifika tal-aġġustament tal-volatilità li tqis l-informazzjoni dwar l-investimenti speċifiċi tal-impriża fi strumenti ta' dejn.

(47)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi komponent tal-pajjiż fl-aġġustament tal-volatilità li għandu l-għan li jiżgura li jittaffew l-eżaġerazzjonijiet tal-firxiet tal-bonds f'pajjiż speċifiku. Madankollu, l-attivazzjoni tal-komponent tal-pajjiż hija bbażata fuq limitu assolut u fuq limitu relattiv fir-rigward tal-firxa b'riskju aġġustat riskju tal-pajjiż, li tista' twassal għal effetti ta' preċipizju u għalhekk iżżid il-volatilità tal-fondi proprji tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-eżaġerazzjonijiet tal-firxiet tal-bonds fi Stat Membru speċifiku li l-munita tiegħu hija l-euro tiġi mmitigata b'mod effettiv, jenħtieġ li l-komponent tal-pajjiż jiġi sostitwit b'makrokomponent li għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-differenzi bejn il-firxa b'riskju kkoreġut għall-euro u l-firxa b'riskju kkoreġut għall-pajjiż. Sabiex jiġu evitati l-effetti ta' preċipizju, jenħtieġ li l-kalkolu jevita diskontinwitajiet fir-rigward tal-parametri tal-input.

(48)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-prattiki ta' investiment tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati biex tistipula kriterji għall-eliġibbiltà tal-assi li għandhom jiġu inklużi fil-portafoll assenjat ta' assi fejn in-natura tal-assi tkun tista' twassal għal prattiki diverġenti fir-rigward tal-kriterji għall-applikazzjoni u l-kalkolu tal-aġġustament ta' korrispondenza.

(49)

Sabiex jiġi żgurat li jiġi applikat l-istess trattament għall-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jikkalkolaw l-aġġustament tal-volatilità, jew biex jitqiesu l-iżviluppi tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kalkolu ta' elementi tal-aġġustament tal-volatilità speċifiċi għall-impriża. Għal valuti li mhumiex l-euro, il-kalkolu tal-elementi speċifiċi għall-munita tal-aġġustament tal-volatilità jenħtieġ li jqis il-possibbiltà ta' tqabbil tal-flussi ta' flus bejn il-pari ta' valuti marbuta tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan inaqqas b'mod konsistenti r-riskju tal-kambju.

(50)

Għall-fini tal-kalkolu tal-fondi proprji tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), l-istituzzjonijiet li jappartjenu għal konglomerati finanzjarji li huma soġġetti għad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jistgħu jitħallew ma jnaqqsux l-investimenti sinifikanti tagħhom f'impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, dment li jiġu ssodisfati ċerti kriterji. Hemm bżonn li jiġi żgurat li r-regoli prudenzjali applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u għall-istituzzjonijiet ta' kreditu jippermettu kundizzjonijiet ekwi xierqa bejn il-gruppi finanzjarji mmexxija mill-banek u dawk immexxija mill-assigurazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jitħallew ukoll ma jnaqqsux mill-parteċipazzjonijiet ta' fondi proprji eliġibbli tagħhom f'istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji, soġġett għal kundizzjonijiet simili. B'mod partikolari, jenħtieġ li għal grupp li jinkludi kemm l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif ukoll l-istituzzjoni relatata tapplika jew superviżjoni tal-grupp f'konformità mad-Direttiva 2009/138/KE jew superviżjoni supplimentari f'konformità mad-Direttiva 2002/87/KE. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fl-istituzzjoni tkun investiment fl-ekwità ta' natura strateġika għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu sodisfatti fir-rigward tal-livell ta' ġestjoni integrata, ta' ġestjoni tar-riskju u ta' kontrolli interni fir-rigward tal-entitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp jew tas-superviżjoni supplimentari.

(51)

Il-limiti eżistenti imposti fuq il-livell tal-aġġustament simetriku jirrestrinġu l-kapaċità ta' dak l-aġġustament biex itaffi l-effetti proċikliċi potenzjali tas-sistema finanzjarja u biex jevita sitwazzjoni fejn l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu mġiegħla bla bżonn jiġġeneraw kapital addizzjonali jew ibigħu l-investimenti tagħhom minħabba movimenti avversi mhux sostnuti fis-swieq finanzjarji, bħal dawk ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, jenħtieġ li l-aġġustament simetriku jiġi emendat sabiex jippermetti bidliet akbar fl-imposta standard ta' kapital ta' ekwità u jkompli jtaffi l-impatt ta' żidiet jew tnaqqis qawwi fis-swieq tal-istokks.

(52)

Biex tittejjeb il-proporzjonalità fir-rekwiżiti kwantitattivi, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jingħataw il-possibbiltà li jikkalkolaw ir-rekwiżit kapitali għal riskji immaterjali fil-formula standard b'approċċ simplifikat għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin. Jenħtieġ li tali approċċ simplifikat jippermetti lill-impriżi jistmaw ir-rekwiżit kapitali għal riskju immaterjali abbażi ta' daqs xieraq tal-volum li jvarja maż-żmien. Jenħtieġ li dak l-approċċ ikun ibbażat fuq regoli komuni u jkun soġġett għal kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta' riskji immaterjali.

(53)

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw l-aġġustament ta' korrispondenza jridu jidentifikaw, jorganizzaw u jiġġestixxu l-portafoll assenjat ta' assi u ta' obbligi b'mod separat mill-partijiet l-oħra tan-negozju, u għalhekk ma jitħallewx jindirizzaw riskji li jitfaċċaw xi mkien ieħor fin-negozju billi jużaw il-portafoll assenjat ta' assi. Madankollu, il-ġestjoni separata tal-portafoll ma tirriżultax f'żieda fil-korrelazzjoni bejn ir-riskji f'dak il-portafoll u dawk fil-bqija tal-impriża. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw l-aġġustament ta' korrispondenza jitħallew jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħhom abbażi tas-suppożizzjoni ta' diversifikazzjoni sħiħa bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-portafoll u l-bqija tal-impriża, sakemm il-portafolli tal-assi li jkopru l-aħjar stima korrispondenti tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jiffurmawx fond delimitat.

(54)

Il-ħtieġa li jiġu riflessi kif xieraq ir-rati tal-imgħax estremament baxxi u negattivi fis-superviżjoni tal-assigurazzjoni rriżultat minħabba dak li kien ġie osservat fis-swieq f'dawn l-aħħar snin. Jenħtieġ li dan jinkiseb permezz ta' rikalibrazzjoni tas-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax biex tiġi riflessa l-eżistenza ta' ambjent b'rendiment negattiv. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-metodoloġija li għandha tintuża ma tirriżultax fi tnaqqis kbir mhux realistiku fil-parti likwida tal-kurva u dan jista' jiġi evitat billi jiġi previst limitu minimu espliċitu li jirrappreżenta limitu aktar baxx ta' rati tal-imgħax negattivi. F'konformità mad-dinamika tar-rati tal-imgħax, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-għan li tintroduċi limitu minimu li jkun dipendenti mit-terminu aktar milli ċatt, sal-punt li d-data tas-suq disponibbli tippermetti kalibrazzjoni robusta bbażata fuq ir-riskju ta' din id-dipendenza mit-terminu.

(55)

Il-Kummissjoni rraggruppat is-setgħat kollha previsti fid-Direttiva 2009/138/KE fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (12). Dak l-approċċ ħadem sew għall-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva u għamilha aktar faċli biex tiġi żgurata l-konformità ma' dak ir-Regolament Delegat. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jibqa’ fis-seħħ u jenħtieġ li l-emendi kollha meħtieġa skont is-setgħat eżistenti kif ukoll l-implimentazzjoni ta' setgħat ġodda skont din id-Direttiva jiġu effettwati esklużivament bħala atti emendatorji għar-Regolament Delegat (UE) 2015/35. Meta dawn l-emendi jkunu ser jiġu raggruppati f'att delegat emendatorju wieħed jew aktar fil-futur, il-Kummissjoni, f'konformità mal-paragrafu 31 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13), matul il-konsultazzjonijiet fit-tħejjija ta' tali atti delegati, tindika wkoll liema setgħat jitqiesu li huma marbuta b'mod sostantiv, li għalihom il-Kummissjoni mistennija tipprovdi ġustifikazzjonijiet oġġettivi bbażati fuq ir-rabta sostantiva bejn żewġ setgħat jew aktar.

(56)

Bħala parti mill-proċess ta' rieżami superviżorju, huwa importanti li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jqabblu l-informazzjoni bejn l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jissorveljaw. Il-mudelli interni parzjali u sħaħ jippermettu l-ġbir aħjar tar-riskju individwali ta' impriża u d-Direttiva 2009/138/KE tippermetti lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jużawhom biex jiddeterminaw ir-rekwiżiti kapitali mingħajr limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-formula standard. L-awtoritajiet superviżorji jibbenefikaw minn aċċess ukoll għal stimi tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ddeterminati f’konformità mal-formula standard sabiex iqabblu l-impriżi ma' xulxin u jqabblu impriża partikolari tul iż-żmien. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw mudell intern sħiħ jew parzjali jirrappurtaw regolarment lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom stima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ddeterminata f'konformità mal-formula standard. Jenħtieġ li din l-istima tirrifletti kif xieraq il-metodi u s-suppożizzjonijiet sottostanti tal-formula standard li tiffaċilita valutazzjoni superviżorja xierqa. Sabiex jiġi evitat piż eċċessiv għall-impriżi meta jiddeterminaw l-istima, jenħtieġ li dawn jitħallew jagħmlu użu mill-informazzjoni dderivata mis-simplifikazzjonijiet rilevanti fil-formula standard stabbilita fid-Direttiva 2009/138/KE u fl-atti delegati adottati skont dik id-Direttiva. Meta jintuża approċċ simplifikat bħal dan biex tiġi ddeterminata l-istima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, jenħtieġ li s-suppożizzjonijiet sottostanti jiġu spjegati b'mod ċar għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet superviżorji.

(57)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi l-possibbiltà li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħhom b'mudell intern soġġett għall-approvazzjoni superviżorja. Meta jiġi applikat mudell intern, dik id-Direttiva ma tipprevjenix lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni milli tqis l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità fil-mudell intern tagħha. Peress li l-użu tal-aġġustament tal-volatilità jista' jwassal għal benefiċċji li jaqbżu l-mitigazzjoni ta' firxiet tal-bonds eżaġerati fil-kalkolu tal-aħjar stima, tali benefiċċji eċċessivi jistgħu joħolqu distorsjoni wkoll fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fejn l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità jitqies fil-mudell intern. Sabiex tiġi evitata din id-distorsjoni, jenħtieġ li jiġi applikat limitu minimu għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, fejn l-awtoritajiet superviżorji jippermettu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità fil-mudell intern tagħhom, f'livell li taħtu jkunu mistennijin iseħħu l-benefiċċji fuq ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza li jaqbżu l-mitigazzjoni ta' firxiet tal-bonds eżaġerati.

(58)

Jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jingħataw inċentivi biex jibnu reżiljenza għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità fil-mudell intern tagħhom, filwaqt li jqisu wkoll l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità makro, dan jista' jdgħajjef b'mod sever kwalunkwe inċentiv biex tinbena r-reżiljenza għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ma jitħallewx iqisu aġġustament tal-volatilità makro fil-mudell intern tagħhom.

(59)

Meta jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jiġbru informazzjoni makroprudenzjali rilevanti dwar l-istrateġija ta' investiment tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, janalizzawha flimkien ma' informazzjoni rilevanti oħra li tista' tkun disponibbli minn sorsi oħra tas-suq, u jinkorporaw perspettiva makroprudenzjali fis-superviżjoni tagħhom tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Dan jista' jinkludi s-superviżjoni tar-riskji relatati ma' ċikli ta' kreditu speċifiċi, ma' reċessjonijiet ekonomiċi u ma' mġiba kollettiva jew komunitarja fl-investimenti.

(60)

Huwa neċessarju li jiġu ttrattati b'mod effiċjenti l-pożizzjonijiet finanzjarji tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jkunu qed jiddeterjoraw, jew il-ksur tar-rekwiżiti regolatorji minn dawk l-impriżi, u li tiġi evitata l-eskalazzjoni tal-problemi. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jimponu miżuri preventivi. Madankollu, jenħtieġ li dawn is-setgħat preventivi jkunu konsistenti mal-iskala tal-interventi u mas-setgħat superviżorji diġà previsti fid-Direttiva 2009/138/KE għal ċirkostanzi simili, inkluż is-setgħat superviżorji previsti fil-proċess ta' rieżami superviżorju stabbilit fl-Artikolu 36 ta' dik id-Direttiva. Jenħtieġ li setgħat preventivi bħal dawn ma jwasslux għal skattatur ġdid ta' intervent definit minn qabel, qabel ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, ta' dik id-Direttiva. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw kull sitwazzjoni individwalment u jiddeċiedu dwar il-ħtieġa għal miżuri preventivi abbażi taċ-ċirkostanzi, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-ġudizzju superviżorju tagħhom.

(61)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar fl-Istati Membri kollha ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-riorganizzazzjoni jew l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni. Dik id-Direttiva tiżgura li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-impriża, irrispettivament mill-pajjiż li jinsabu fih, jiġu ttrattati fi proċess uniku fl-Istat Membru ta' domiċilju u li l-kredituri fl-Istati Membru ospitanti jiġu ttrattati bħall-kredituri fl-Istat Membru ta' domiċilju. Sabiex tinkiseb riżoluzzjoni effettiva, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE f'każ li jintużaw l-għodod ta' riżoluzzjoni, kemm meta dawk l-għodod jiġu applikati għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif ukoll meta jiġu applikati għal entitajiet oħra koperti mir-reġim ta' riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu emendati kif xieraq.

(62)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi estensjoni tal-perjodu ta' rkupru f'każijiet ta' ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza meta l-EIOPA tkun iddikjarat l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali. Id-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru wara talbiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, li huma meħtieġa jikkonsultaw lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), fejn xieraq qabel it-talba. Il-konsultazzjoni mal-BERS b'mod deċentralizzat mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali hija inqas effiċjenti minn konsultazzjoni mal-BERS b'mod ċentralizzat mill-EIOPA. Sabiex jiġi żgurat proċess effiċjenti, jenħtieġ li tkun l-EIOPA, u mhux l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, li tikkonsulta lill-BERS qabel id-dikjarazzjoni tal-eżistenza ta' sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali, meta n-natura tas-sitwazzjoni tkun tippermetti tali konsultazzjoni minn qabel.

(63)

Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinfurmaw lill-awtorità superviżorja kkonċernata minnufih meta josservaw nuqqas ta' konformità, jew riskju ta' nuqqas ta' konformità fit-tliet xhur ta' wara, mar-Rekwiżit Kapitali Minimu. Madankollu, dik id-Direttiva ma tispeċifikax meta n-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew ir-riskju ta' nuqqas ta' konformità fit-tliet xhur ta' wara jista' jiġi osservat u l-impriżi jistgħu jdewmu l-għoti ta' informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji sa tmiem it-trimestru rilevanti meta jkun ser isir il-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali Minimu li għandu jiġi rrappurtat formalment lill-awtorità superviżorja. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji jirċievu informazzjoni f'waqtha u jkunu jistgħu jieħdu l-azzjoni meħtieġa, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet superviżorji dwar nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew riskju ta' nuqqas ta' konformità anke meta dan ikun ġie osservat abbażi ta' stimi jew ta' kalkoli bejn żewġ dati ta' kalkoli uffiċjali tar-Rekwiżit Kapitali Minimu, fit-trimestru rilevanti.

(64)

Il-protezzjoni tal-interessi tal-persuni assigurati hija objettiv ġenerali tal-qafas prudenzjali li jenħtieġ li jiġi segwit mill-awtoritajiet superviżorji f'kull stadju tal-proċess ta’ rieżami superviżorju, inkluż f'każijiet ta' ksur jew ta' ksur probabbli tar-rekwiżiti mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jista' jwassal għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li dak l-objettiv jiġi segwit qabel u wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u jenħtieġ li tiġi kkunsidrata kwalunkwe implikazzjoni legali għall-persuni assigurati li tista' tirriżulta minn dak l-irtirar.

(65)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu mgħammra b'għodod biex jipprevjenu l-materjalizzazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja fis-swieq tal-assigurazzjoni, jillimitaw l-imġiba proċiklika mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u jtaffu l-effetti konsegwenzjali negattivi fis-sistema finanzjarja u fl-ekonomija reali.

(66)

Kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji reċenti, b'mod partikolari l-kriżi li rriżultat mill-pandemija tal-COVID-19, urew li ġestjoni tajba tal-likwidità mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tista' tipprevjeni riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jsaħħu l-ġestjoni u l-ippjanar tal-likwidità, speċjalment fil-kuntest ta' sitwazzjonijiet avversi li jaffettwaw parti kbira jew it-totalità tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(67)

Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni bi profili partikolarment vulnerabbli, bħal dawk li jkollhom obbligazzjonijiet likwidi, li jkollhom assi illikwidi, jew b'vulnerabbiltajiet ta' likwidità, li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja ġenerali, ma jirrimedjawx is-sitwazzjoni kif xieraq, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu jistgħu jintervjenu sabiex isaħħu l-pożizzjoni ta' likwidità ta' dawk l-impriżi.

(68)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex jippreservaw il-pożizzjoni ta' solvenza ta' impriżi speċifiċi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni matul sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal avvenimenti ekonomiċi jew tas-suq negattivi li jaffettwaw parti kbira jew it-totalità tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, sabiex jipproteġu lid-detenturi ta' poloz u jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jinkludu l-possibbiltà li jiġu ristretti jew sospiżi d-distribuzzjonijiet lill-azzjonisti u lil kredituri subordinati oħra ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni partikolari qabel ma jseħħ ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu applikati fuq bażi ta' każ b'każ, jirrispettaw kriterji komuni bbażati fuq ir-riskju u ma jfixklux il-funzjonament tas-suq intern.

(69)

Peress li r-restrizzjoni jew is-sospensjoni tad-distribuzzjoni tad-dividendi u ta' bonusijiet oħra jaffettwaw, anke fuq bażi temporanja, id-drittijiet tal-azzjonisti u ta' kredituri subordinati oħrajn, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jqisu kif xieraq il-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità meta jieħdu tali miżuri. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jiżguraw ukoll li l-ebda waħda mill-miżuri adottati ma tkun tinvolvi effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fi Stati Membri oħrajn jew fl-Unjoni kollha kemm hi. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jirrestrinġu d-distribuzzjonijiet kapitali fi grupp tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss, u meta jkun debitament iġġustifikat biex tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

(70)

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal riskji sinifikanti ta' likwidità. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jissospendu temporanjament, għal perjodu qasir ta' żmien u bħala miżura tal-aħħar istanza biss, id-drittijiet ta' tifdija fuq poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja ta' tali impriżi kkonċernati minn riskji sinifikanti ta' likwidità. Jenħtieġ li din il-miżura eċċezzjonali tintuża bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-protezzjoni kollettiva tad-detenturi ta' poloz, jiġifieri l-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz kollha, inkluż dawk li jistgħu jiġu affettwati indirettament minn dawn ir-riskji.

(71)

Il-fallimenti reċenti tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joperaw b'mod transfruntier enfasizzaw il-ħtieġa li l-awtoritajiet superviżorji jkunu informati aħjar dwar l-attivitajiet imwettqa minn dawk l-impriżi. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom dwar kwalunkwe bidla materjali li taffettwa l-profil tar-riskju tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tal-assigurazzjoni transfruntieri tagħhom li jkunu għaddejjin, u jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati.

(72)

Skont id-Direttiva 2009/138/KE, l-EIOPA għandha s-setgħa li tistabbilixxi u tikkoordina pjattaformi ta' kollaborazzjoni biex ittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji rilevanti meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq, jew ikun biħsiebha twettaq, attivitajiet li jkunu bbażati fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew fuq id-dritt tal-istabbiliment. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjonijiet superviżorji ttrattati f'dawk il-pjattaformi, f'diversi każijiet, l-awtoritajiet superviżorji jonqsu milli jilħqu fehma komuni dwar kif jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li qed topera fuq bażi transfruntiera. Fil-każ li l-awtoritajiet superviżorji involuti fil-pjattaformi ta' kollaborazzjoni ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar kwistjonijiet relatati ma' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed topera fuq bażi transfruntiera, jenħtieġ li l-EIOPA jkollha s-setgħa li ssolvi n-nuqqas ta' qbil f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(73)

Jenħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju li tkun tat awtorizzazzjoni lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri fejn dik l-impriża twettaq attivitajiet billi tistabbilixxi fergħat jew billi tipprovdi servizzi, sabiex jiġu evitati aħjar il-problemi potenzjali li jaffettwaw id-drittijiet tal-konsumatur u biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz madwar l-Unjoni. Dik il-kooperazzjoni msaħħa hija partikolarment importanti fejn ikun hemm attivitajiet transfruntieri sinifikanti, u jenħtieġ li żżid it-trasparenza u l-iskambju obbligatorju regolari ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Jenħtieġ li dan l-iskambju jkun informattiv biżżejjed u jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun ġejja mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju, b'mod partikolari rigward l-eżitu tal-proċess ta' rieżami superviżorju relatat mal-attività transfruntiera u l-kundizzjoni finanzjarja tal-impriża. Biex jiġu żgurati l-aċċess bla xkiel għad-data superviżorja disponibbli, ir-rapporti dwar il-proċess ta' rieżami superviżorju u informazzjoni rilevanti oħra b'rabta mal-impriżi li jwettqu attivitajiet transfruntieri sinifikanti, kif ukoll l-iskambju effiċjenti tagħhom, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li jintużaw għodod diġitali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Għalhekk, tali informazzjoni tista' tingħadda permezz tal-għodod eżistenti ta' kollaborazzjoni diġitali stabbiliti mill-EIOPA.

(74)

Meta l-awtorità superviżorja ta' Stat Membru ospitanti jkollha tħassib serju dwar il-pożizzjoni ta' solvenza ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li twettaq attivitajiet transfruntieri sinifikanti fit-territorju tagħha, jenħtieġ li jkollha s-setgħa li titlob li ssir spezzjoni konġunta fuq il-post flimkien mal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju, fejn ikun hemm nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew mar-Rekwiżit Kapitali Minimu. Jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tikkoordina l-ispezzjoni konġunta fuq il-post u jenħtieġ li tistieden lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali rilevanti kollha kif ukoll lill-EIOPA. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji kollha jaqblu dwar l-objettivi tal-ispezzjoni fuq il-post qabel ma titwettaq. Sa tmiem l-ispezzjoni, jenħtieġ li dawn jiffurmaw ukoll fehma komuni dwar il-miżuri superviżorji meħtieġa li għandhom jittieħdu. Jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kollha kkonċernati dwar is-segwitu għall-ispezzjoni fuq il-post. Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux dwar jekk ikunx meħtieġ li jwettqu spezzjoni konġunta fuq il-post, jenħtieġ li l-EIOPA jkollha s-setgħa li ssolvi n-nuqqas ta' qbil f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(75)

Skont id-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma humiex meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar it-twettiq tan-negozju tagħhom lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti fil-ħin. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb biss billi tintalab mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju. Madankollu, approċċ bħal dan ma jiżgurax l-aċċess għall-informazzjoni f'perjodu raġonevoli. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti jkollhom is-setgħa li jitolbu informazzjoni direttament mingħand l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni f'waqtha. Jenħtieġ li dik is-setgħa ma tipprevjenix it-trażmissjoni volontarja ta' informazzjoni mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti.

(76)

Sabiex tiġi identifikata bħala kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, kumpanija prinċipali trid, b'mod partikolari, ikollha, bħala n-negozju ewlieni tagħha, l-akkwiżizzjoni u ż-żamma ta' parteċipazzjonijiet f'impriżi sussidjarji, fejn dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklużivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew inkella impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi. Bħalissa, l-awtoritajiet superviżorji għandhom interpretazzjonijiet differenti fir-rigward tat-tifsira ta' “esklużivament jew prinċipalment” f'dak il-kuntest. Għalhekk, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni tiġi emendata u ċċarata, filwaqt li jitqiesu emendi simili għad-definizzjoni ta' kumpanija azzjonarja finanzjarja kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għas-settur bankarju. B'mod partikolari, sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, jenħtieġ li n-negozju ewlieni tagħha jkun relatat mal-akkwiżizzjoni u ż-żamma ta' impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, il-forniment ta' servizzi anċillari lil impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatati, jew it-twettiq ta' attivitajiet finanzjarji oħra mhux regolati. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa jikkonkludu li dan il-kriterju jkun issodisfat, irrispettivament mill-fini jew l-objettiv korporattiv iddikjarat tal-impriża stess.

(77)

F'xi każijiet, fi grupp soġġett għal superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) jew (c), tad-Direttiva 2009/138/KE, parteċipazzjonijiet f'impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jinsabu f'pajjiż terz jinżammu permezz ta' kumpanija azzjonarja intermedja mhux regolata. Anke jekk din il-kumpanija azzjonarja intermedja mhux regolata ma jkollha l-ebda impriża sussidjarja tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun jinsab fl-Unjoni, huwa importanti li tkun tista' tiġi ttrattata b'mod simili għal kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta u tkun inkluża fil-kalkoli tas-solvenza tal-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta' kumpaniji azzjonarji ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi sabiex il-gruppi jkunu jistgħu jqisu impriżi relatati ta' pajjiżi terzi fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.

(78)

F'xi każijiet, diversi impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiffurmaw grupp de facto u jaġixxu bħala tali, għalkemm ma jissodisfawx id-definizzjoni ta' grupp kif stipulat fl-Artikolu 212 tad-Direttiva 2009/138/KE. Għalhekk, it-Titolu III ta' dik id-Direttiva ma japplikax għal tali impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. F'każijiet bħal dawn, b'mod partikolari għal gruppi orizzontali mingħajr rabtiet kapitali bejn impriżi differenti, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jkollhom is-setgħa li jidentifikaw l-eżistenza ta' grupp. Jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll kriterji oġġettivi sabiex issir identifikazzjoni bħal din. Fin-nuqqas ta' bidliet fl-ispeċifiċitajiet tal-gruppi, huwa mistenni li l-gruppi li diġà huma soġġetti għas-superviżjoni tal-grupp ser ikomplu jkunu soġġetti għal tali superviżjoni.

(79)

Il-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni huma liberi li jiddeċiedu dwar l-arranġamenti interni speċifiċi, id-distribuzzjoni tal-kompiti u l-istruttura organizzazzjonali fi ħdan il-grupp kif jaraw li jkunu xierqa sabiex jiżguraw il-konformità mad-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, fi ftit każijiet, tali arranġamenti u strutturi organizzazzjonali jistgħu jipperikolaw is-superviżjoni effettiva tal-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom is-setgħa - f'ċirkostanzi eċċezzjonali u wara li jikkonsultaw lill-EIOPA u lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra - li jirrikjedu bidliet f'dawk l-arranġamenti jew fl-istrutturi organizzazzjonali. Jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jiġġustifikaw kif xieraq id-deċiżjonijiet tagħhom u jispjegaw għaliex l-arranġamenti jew l-istrutturi eżistenti jxekklu u jipperikolaw is-superviżjoni effettiva tal-grupp.

(80)

Is-superviżuri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu li jeskludu impriża mis-superviżjoni tal-grupp, b'mod partikolari meta din l-impriża titqies ta' interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp. L-EIOPA nnotat interpretazzjonijiet diverġenti dwar il-kriterju ta' interess negliġibbli, u identifikat li, f'xi każijiet, esklużjonijiet bħal dawn jirriżultaw f'eżenzjonijiet sħaħ tas-superviżjoni tal-grupp jew fis-superviżjoni fil-livell ta' kumpanija prinċipali intermedja. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ċċarat li deċiżjonijiet ta’ esklużjoni li jirriżultaw f'eżenzjonijiet sħaħ tas-superviżjoni tal-grupp jew f’superviżjoni fil-livell ta’ kumpanija prinċipali intermedja jenħtieġ li jittieħdu biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna u li jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jikkonsultaw lill-EIOPA qabel ma jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll kriterji sabiex ikun hemm aktar ċarezza dwar x'għandu jitqies bħala interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp.

(81)

Deċiżjonijiet biex impriża ma tiġix inkluża fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp jistgħu jkunu bbażati fuq diversi dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE. Għalhekk, jenħtieġ li l-emendi għall-Artikolu 214(2) ta' dik id-Direttiva li għandhom l-għan li jispeċifikaw il-kunċett ta' “interess negliġibbli” ma jaffettwawx il-bażi eżistenti possibbli biex jittieħdu deċiżjonijiet ta' esklużjonijiet mis-superviżjoni tal-grupp skont il-punt (c) ta' dak il-paragrafu, meta l-Istat Membru jkun ittraspona l-Artikolu 214 ta' dik id-Direttiva b'tali mod li jippermetti l-esklużjoni tal-impriża prinċipali aħħarija meta din tal-aħħar ikollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin: tibqa' soġġetta għas-superviżjoni tal-awtorità superviżorja skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru, ma jkollhiex awtorizzazzjoni biex tibda negozju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, ma tipprovdix servizzi anċillari lis-sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-grupp, ikollha liġijiet sekondarji li jipprekludu espressament lill-impriża milli twettaq koordinazzjoni ċentrali tas-sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tagħha f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru li tillimita strettament l-ambitu tal-attivitajiet tal-impriża, u jkun hemm entità intermedja stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru li timmaniġġa attivament is-sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-grupp.

(82)

Hemm nuqqas ta' ċarezza rigward it-tipi ta' impriża li għalihom jista' jiġi applikat il-metodu 2, jiġifieri metodu ta' tnaqqis u aggregazzjoni definit fid-Direttiva 2009/138/KE, meta tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp, li huwa ta' detriment għall-kundizzjonijiet ekwi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat b'mod ċar liema impriżi jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp permezz tal-metodu 2. Jenħtieġ li l-Metodu 2 japplika biss għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi, impriżi li jappartjenu għal setturi finanzjarji oħra, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, u impriżi prinċipali oħra li n-negozju ewlieni tagħhom huwa li jakkwistaw u jżommu parteċipazzjonijiet f'impriżi sussidjarji, fejn dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklużivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi.

(83)

F'xi gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, impriża prinċipali intermedja għajr impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiż terz takkwista u żżomm parteċipazzjonijiet f'impriżi sussidjarji fejn dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklużivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiż terz. Skont ir-regoli attwali, jekk dawk l-impriżi prinċipali intermedji ma jkollhomx parteċipazzjoni f'mill-inqas impriża sussidjarja waħda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, dawn ma jiġux ittrattati bħala kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, għalkemm in-natura tar-riskji tagħhom hija simili ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli jiġu emendati sabiex tali kumpaniji azzjonarji ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp.

(84)

Id-Direttiva 2009/138/KE u r-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jipprovdu erba' metodi ta' inklużjoni fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp ta' impriżi li jappartjenu għal setturi finanzjarji oħrajn, inklużi l-metodi 1 u 2 stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE. Dak iwassal għal approċċi superviżorji inkonsistenti u għal kundizzjonijiet mhux ekwi, u jiġġenera kumplessità żejda. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli jiġu ssimplifikati sabiex l-impriżi li jappartjenu għal setturi finanzjarji oħrajn dejjem jikkontribwixxu għas-solvenza tal-grupp billi jużaw ir-regoli settorjali rilevanti rigward il-kalkolu tal-fondi proprji u tar-rekwiżiti kapitali. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti ta' fondi proprji u kapitali sempliċiment jiġu aggregati mar-rekwiżiti ta' fondi proprji u kapitali tal-parti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-grupp.

(85)

Skont ir-regoli attwali, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi jingħataw possibbiltajiet limitati sabiex jużaw kalkoli simplifikati għall-fini tad-determinazzjoni tas-solvenza tal-grupp tagħhom meta jintuża l-metodu 1, jiġifieri l-metodu bbażat fuq il-konsolidament kontabilistiku. Dan jiġġenera piż sproporzjonat, b'mod partikolari meta l-gruppi jkollhom parteċipazzjonijiet f'impriżi relatati li jkunu ta' daqs żgħir ħafna. Għalhekk, soġġetti għall-approvazzjoni superviżorja minn qabel, jenħtieġ li l-impriżi parteċipi jitħallew jintegraw impriżi relatati li d-daqs tagħhom huwa immaterjali fis-solvenza tal-grupp tagħhom billi jużaw approċċi simplifikati.

(86)

Mhuwiex ċar kif il-kunċett ta' restrizzjonijiet, li jenħtieġ li jitqies meta l-elementi ta' fondi proprji jiġu kklassifikati f'livelli, japplika għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta li ma għandhomx detenturi ta' poloz u benefiċjarji bħala klijenti diretti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti kriterji minimi li jippermettu l-identifikazzjoni ta' każijiet li fihom element ta' fondi proprji maħruġ minn kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew minn kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jkun ħieles minn restrizzjonijiet.

(87)

Jenħtieġ li l-ambitu tal-impriżi li jenħtieġ li jitqies meta jiġi kkalkolat il-limitu minimu għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp ikun konsistenti mal-ambitu tal-impriżi li jikkontribwixxu għall-fondi proprji eliġibbli li jkunu disponibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat. Għalhekk, meta jikkalkolaw il-limitu minimu, jenħtieġ li jitqiesu l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi inklużi permezz tal-metodu 1.

(88)

Il-formula għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat tista' twassal għal sitwazzjonijiet li fihom dak il-minimu jkun qrib, jew saħansitra daqs, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat. Jenħtieġ li fejn, f'każijiet bħal dawn, grupp ma jikkonformax mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat iżda għadu jikkonforma mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tiegħu fil-livell tal-grupp ikkalkolat abbażi ta' data konsolidata, l-awtoritajiet superviżorji jużaw biss is-setgħat li jkunu disponibbli meta jkun hemm nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.

(89)

Għall-finijiet tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, jenħtieġ li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jiġu ttrattati bħala impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Dak jimplika l-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali nozzjonali għal dawn l-impriżi. Madankollu, jenħtieġ li tali kalkoli qatt ma jimplikaw li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta ikunu meħtieġa jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti kapitali nozzjonali fil-livell individwali.

(90)

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tispeċifika kif għandha tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp meta jintuża kombinament tal-metodu 1 u tal-metodu 2. Dak iwassal għal prattiki inkonsistenti u għal inċertezzi, b'mod partikolari b'rabta mal-mod kif tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, inkluż permezz tal-metodu 2. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat kif is-solvenza tal-grupp għandha tiġi kkalkolata meta tintuża kombinazzjoni ta' metodi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li ma jiġi injorat l-ebda riskju materjali li jirriżulta minn tali impriżi fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp. Madankollu, sabiex jiġu evitati żidiet materjali fir-rekwiżiti kapitali u biex jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi għall-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-livell globali, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, għall-fini tal-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, ma għandha tiġi applikata l-ebda imposta kapitali għar-riskju ta' ekwità għal tali holdings. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li imposta kapitali għar-riskju tal-kambju tiġi applikata biss għall-valur ta' dawk il-holdings li jkun ogħla mir-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza ta' dawk l-impriżi relatati. Jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi jitħallew iqisu d-diversifikazzjoni bejn dak ir-riskju tal-kambju u riskji oħra sottostanti għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat.

(91)

Bħalissa, is-superviżuri tal-grupp jistgħu jiddeterminaw il-limiti li fuqhom it-tranżazzjonijiet intragrupp u l-konċentrazzjoni tar-riskju jitqiesu sinifikanti abbażi tar-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza, tad-dispożizzjonijiet tekniċi, jew tat-tnejn li huma. Madankollu, kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi oħra bbażati fuq ir-riskju, pereżempju fondi proprji eliġibbli, jistgħu jkunu xierqa wkoll biex jiġu ddeterminati l-limiti. Għalhekk, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom aktar flessibbiltà meta jiddefinixxu tranżazzjoni intragrupp sinifikanti jew konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti.

(92)

Il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jistgħu jkunu impriżi prinċipali ta' gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. F'dak il-każ, l-applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp hija meħtieġa fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata ta' tali kumpaniji azzjonarji. Peress li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkontrollati minn tali kumpaniji azzjonarji mhux dejjem ikunu jistgħu jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti dwar is-superviżjoni tal-grupp, huwa neċessarju li jiġi żgurat li s-superviżuri tal-grupp ikollhom is-setgħat superviżorji u ta' infurzar xierqa sabiex jiżguraw il-konformità mill-gruppi mad-Direttiva 2009/138/KE. Għalhekk, simili għall-emendi għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) introdotti bid-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom sett minimu ta' setgħat fuq il-kumpaniji azzjonarji, inkluż is-setgħat superviżorji ġenerali li huma applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għall-finijiet tas-superviżjoni tal-grupp.

(93)

Għall-finijiet ta' protezzjoni tad-detenturi ta' poloz, jenħtieġ li l-gruppi kollha tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Unjoni, irrispettivament minn fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-impriża prinċipali aħħarija tagħhom, jiġu ttrattati b'mod ugwali fl-applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp skont it-Titolu III tad-Direttiva 2009/138/KE. Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu parti minn grupp li l-impriża prinċipali tiegħu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f'pajjiż terz li ma jitqiesx ekwivalenti jew temporanjament ekwivalenti f'konformità mal-Artikolu 260 ta' dik id-Direttiva, l-eżerċitar tas-superviżjoni tal-grupp ikun aktar diffiċli. Is-superviżuri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-hekk imsejħa “metodi oħra” f'konformità mal-Artikolu 262 ta' dik id-Direttiva għal dawn il-gruppi. Madankollu, dawk il-metodi ma humiex definiti b'mod ċar u l-objettivi li jenħtieġ li jinkisbu minn dawk il-metodi l-oħrajn huma inċerti. Jekk ma tiġix indirizzata, dik il-kwistjoni tista' twassal għal effetti mhux mixtieqa fuq il-kundizzjonijiet ekwi bejn gruppi li l-impriża prinċipali aħħarija tagħhom tinsab fl-Unjoni u gruppi li l-impriża prinċipali aħħarija tagħhom tinsab f'pajjiż terz mhux ekwivalenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-iskop tal-metodi l-oħrajn jiġi speċifikat aktar, inkluż sett minimu ta' miżuri li jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jikkunsidraw. B'mod partikolari, jenħtieġ li dawk il-metodi jiġġustifikaw l-istess livell ta' protezzjoni għad-detenturi ta' poloz kollha tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-uffiċċju prinċipali tal-impriża prinċipali aħħarija tal-grupp li għalih jappartjenu dawn l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

(94)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/981 (17) introduċa trattament preferenzjali għal investimenti fit-tul fl-ekwità. Is-submodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-durata, li għandu l-għan ukoll li jirrifletti r-riskju aktar baxx ta' investiment fuq perjodu ta' żmien itwal, iżda li huwa ta' użu limitat ħafna fl-Unjoni, huwa soġġett għal kriterji li huma aktar stretti minn dawk applikabbli għal investimenti fl-ekwità fit-tul. Għalhekk, il-kategorija prudenzjali l-ġdida tal-investimenti fl-ekwità fit-tul tidher li telimina l-ħtieġa għas-submodulu eżistenti tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-durata. Peress li ma hemmx bżonn li jinżammu żewġ trattamenti preferenzjali distinti li jkollhom l-istess objettiv li jippremjaw investimenti fit-tul, jenħtieġ li jitħassar is-submodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-durata. Madankollu, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha dak it-tħassir iwassal għal effetti avversi, jenħtieġ li tiġi prevista klawżola ta' anterjorità fir-rigward tal-assiguraturi li bħalissa qed japplikaw is-submodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-durata.

(95)

Il-kisba tal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew teħtieġ id-direzzjonar ta' ammonti kbar ta' investimenti mis-settur privat, inkluż minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, lejn investimenti sostenibbli. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/138/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali ma jimpedixxux investimenti sostenibbli minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni iżda jenħtieġ li jirriflettu r-riskju sħiħ ta' investimenti f'attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jiġi vvalutat jekk l-evidenza dwar id-differenzi fir-riskju bejn investimenti li jagħmlu ħsara ambjentali jew soċjali u investimenti oħra hijiex suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat trattament prudenzjali differenzjat. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni xierqa tal-evidenza rilevanti, jenħtieġ li l-EIOPA timmonitorja u tirrapporta sal-1 ta’ Marzu 2025 dwar l-evidenza dwar il-profil tar-riskju ta' investimenti li jagħmlu ħsara ambjentali jew soċjali. Fejn xieraq, jenħtieġ li r-rapport tal-EIOPA jagħti pariri dwar il-bidliet fid-Direttiva 2009/138/KE u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dik id-Direttiva. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-EIOPA tinvestiga wkoll jekk ikunx xieraq li jitqiesu ċerti riskji ambjentali, minbarra r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, u kif għandu jsir dan. Pereżempju, jekk l-evidenza tissuġġerixxi hekk, l-EIOPA tista' tanalizza l-ħtieġa għall-estensjoni tal-analiżijiet tax-xenarji kif introdotti minn din id-Direttiva fil-kuntest tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima għal riskji ambjentali oħrajn.

(96)

It-tibdil fil-klima qed jaffettwa l-frekwenza u s-severità tal-katastrofi naturali, li t-tnejn li huma x'aktarx jiżdiedu aktar minħabba d-degradazzjoni ambjentali u t-tniġġis. Dan jista' jibdel ukoll l-iskopertura tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għar-riskju ta' katastrofi naturali u jrendi invalidi l-parametri standard għar-riskju ta' katastrofi naturali stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2015/35. Sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskrepanza persistenti bejn il-parametri standard għar-riskju ta' katastrofi naturali u l-iskopertura attwali tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għal tali riskji, jenħtieġ li l-EIOPA tirrieżamina regolarment l-ambitu tal-modulu ta' riskju ta' katastrofi naturali u l-kalibrazzjonijiet tal-parametri standard tiegħu. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-EIOPA tqis l-aħħar evidenza disponibbli mix-xjenza klimatika u, fejn jinstabu diskrepanzi, jenħtieġ li tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni kif xieraq.

(97)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 308b(12) tad-Direttiva 2009/138/KE jiġu emendati sabiex jiġu żgurati konsistenza mal-qafas bankarju u kundizzjonijiet ekwi fit-trattament tal-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew għall-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru. Għal dak il-fini, jenħtieġ li jiġi introdott reġim ta' anterjorità għal tali skoperturi biex l-iskoperturi rilevanti jiġu eżentati mill-imposti kapitali tar-riskju tal-firxa u tal-konċentrazzjoni tas-suq, dment li l-iskoperturi jkunu ġġarrbu qabel l-1 ta' Jannar 2023.

(98)

F'xi każijiet, il-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jiddependu ħafna fuq l-użu tal-miżura tranżizzjonali fuq ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju u tal-miżura tranżizzjonali fuq id-dispożizzjonijiet tekniċi. Din id-dipendenza tista' tirrappreżenta b'mod skorrett il-pożizzjoni attwali tas-solvenza tal-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jiżvelaw l-impatt fuq il-pożizzjoni ta' solvenza tagħhom tas-suppożizzjoni li l-fondi proprji li jirriżultaw minn dawk il-miżuri tranżizzjonali ma humiex disponibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu miżuri xierqa sabiex l-użu tal-miżuri jkun jirrifletti b'mod xieraq il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp. Madankollu, jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jaffettwawx l-użu, minn impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatati, ta' dawk il-miżuri tranżizzjonali meta jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza individwali tagħhom.

(99)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi miżuri tranżizzjonali għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju u għad-dispożizzjonijiet tekniċi li huma soġġetti għal approvazzjoni superviżorja u li japplikaw fir-rigward ta' kuntratti li jwasslu għal obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li ġew konklużi qabel l-2016. Filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri tranżizzjonali jħeġġu lill-impriżi sabiex jimxu b'mod kemm jista' jkun puntwali lejn il-konformità ma' dik id-Direttiva, l-applikazzjoni ta' miżuri tranżizzjonali approvati għall-ewwel darba ferm wara l-2016 x'aktarx li tnaqqasir-ritmu tal-perkors. Għalhekk, jenħtieġ li tali approvazzjoni tal-użu ta' dawk il-miżuri tranżizzjonali tkun ristretta għal każijiet li fihom impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ssir għall-ewwel darba soġġetta għar-regoli tad-Direttiva 2009/138/KE u meta impriża tkun aċċettat portafoll ta' kuntratti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-impriża trasferenti tkun applikat miżura tranżizzjonali fir-rigward tal-obbligi relatati ma' dak il-portafoll qabel it-trasferiment.

(100)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tas-suq u jiġu ssupplimentati ċerti aspetti tekniċi dettaljati ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta' impriżi u gruppi żgħar u mhux kumplessi, tat-trattament tar-riskju li jġibu magħhom il-kriptoassi fis-submodulu tar-riskju tas-suq, tal-kjarifiki fir-rigward tal-investimenti fit-tul, tal-kriterji għal rappurtar superviżorju limitat għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni captive, tal-valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima, tal-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat għall-fini tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport superviżorju regolari tal-grupp, u tal-estensjoni tal-iskadenzi tar-rappurtar f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(101)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-EIOPA tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet superviżorji għall-fini tal-identifikazzjoni tar-relazzjoni bejn impriżi differenti li jistgħu jifformaw parti minn grupp. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-EIOPA permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni żviluppati mill-EIOPA rigward xi elementi metodoloġiċi speċifiċi relatati mal-valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(102)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jingħataw inċentivi għall-assiguraturi biex jikkontribwixxu għall-finanzjament sostenibbli fit-tul tal-ekonomija, li tittejjeb is-sensittività għar-riskju, li tittaffa l-volatilità eċċessiva fuq terminu qasir fil-pożizzjonijiet ta' solvenza tal-assiguraturi, li jittejbu l-kwalità, il-konsistenza u l-koordinazzjoni tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni fl-Unjoni kollha u li tittejjeb il-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz u tal-benefiċjarji, u li tiġi indirizzata aħjar l-akkumulazzjoni potenzjali ta' riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(103)

Ir-Renju Unit sar pajjiż terz fl-1 ta' Frar 2020 u d-dritt tal-Unjoni ma baqax japplika għar-Renju Unit u fih fil-31 ta' Diċembru 2020. Minħabba li d-Direttiva 2009/138/KE għandha diversi dispożizzjonijiet li jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet ta' Stati Membri partikolari, meta t-tali dispożizzjonijiet jikkonċernaw speċifikament lir-Renju Unit, dawn ma baqgħux validi u, għalhekk, jenħtieġ li jitħassru.

(104)

Il-kalibrazzjonijiet li jintużaw għall-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni spiss ikunu bbażati fuq data li hija influwenzata ħafna mill-inklużjoni tad-data mis-suq tar-Renju Unit. Għalhekk, jenħtieġ li l-kalibrazzjonijiet kollha li jiddaħħlu għall-kalkoli tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u r-Rekwiżit Kapitali Minimu jiġu rieżaminati biex jiġi ddeterminat jekk humiex dipendenti bla bżonn fuq data mis-suq tar-Renju Unit u, fejn applikabbli, jenħtieġ li tali data tiġi eliminata mis-settijiet tad-data rilevanti, sakemm ma tkun disponibbli l-ebda data oħra.

(105)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li t-trattament prudenzjali tal-investimenti fit-titolizzazzjoni, inkluż titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS), jirrifletti b'mod xieraq ir-riskji reali, u li r-rekwiżiti kapitali assoċjati ma' dawn l-investimenti jkunu orjentati lejn ir-riskju. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-kalibrazzjonijiet eżistenti għall-investimenti f'titolizzazzjonijiet li huma stipulati fl-atti delegati adottati skont id-Direttiva 2009/138/KE, filwaqt li tqis id-data tas-suq disponibbli, u l-konsistenza tagħhom mar-rekwiżiti kapitali li huma applikabbli għal investimenti f'titoli oħra b'introjtu fiss. Abbażi ta' din il-valutazzjoni, u fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis li temenda l-att delegat li jistabbilixxi r-rekwiżiti kapitali applikabbli għall-investimenti fit-titolizzazzjoni. Dawn l-emendi, li jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-riskju u bbażati fuq l-evidenza, jistgħu jinkludu l-introduzzjoni ta' sett aktar granulari ta' fatturi tar-riskju skont il-klassifikazzjoni tas-segmenti tat-titolizzazzjoni, jew li jiddiferenzjaw bejn tipi differenti ta' titolizzazzjoni mhux STS skont ir-riskji tagħhom.

(106)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(3), il-punt (a)(iv) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(iv)

it-tipi tal-assigurazzjoni permanenti tas-saħħa li mhijiex soġġetta għall-kanċellazzjoni li teżisti bħalissa fl-Irlanda;”

;

(2)

fl-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(a)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub tal-impriża ma jaqbiżx il-EUR 15 000 000;

(b)

it-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi tal-impriża, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, ma jaqbiżx il-EUR 50 000 000;

(c)

meta l-impriża tkun tappartjeni għal grupp, it-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi tal-grupp definit bħala gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti ta' riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali ma jaqbiżx il-EUR 50 000 000;”

;

(3)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

l-assistenza tkun ipprovduta fil-każ ta' xi inċident jew waqfien li jinvolvi vettura tat-triq meta l-inċident jew il-waqfien iseħħ fit-territorju tal-Istat Membru tal-impriża li tipprovdi l-kopertura jew tal-pajjiżi ġirien;”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (b)(i) u (b)(ii), il-kundizzjoni li l-inċident jew il-waqfien irid ikun seħħ fit-territorju tal-Istat Membru tal-impriża li tipprovdi l-kopertura m'għandiex tapplika meta l-benefiċjarju jkun membru tal-korp li jipprovdi l-kopertura u s-servizz ta' waqfien jew il-ġarr tal-vettura jiġi pprovdut sempliċiment mal-preżentazzjoni ta' karta ta' sħubija, mingħajr ma jitħallas primjum addizzjonali, minn korp simili fil-pajjiż ikkonċernat abbażi ta' ftehim reċiproku.”

;

(c)

jitħassar il-paragrafu 3;

(4)

fl-Artikolu 8, jitħassar il-punt (3);

(5)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (7), jitħassar il-punt (b);

(b)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(10a)

‘impriża żgħira u mhux kumplessa’ tfisser impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, inkluż impriża tal-assigurazzjoni captive jew impriża tar-riassigurazzjoni captive, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 29a u li tkun ġiet ikklassifikata bħala tali f'konformità mal-Artikolu 29b;

(10b)

‘grupp żgħir u mhux kumpless’ tfisser grupp li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 213a u li jkun ġie kklassifikat bħala tali mis-superviżur tal-grupp skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu;

(10c)

‘awditur statutorju’ tfisser awditur statutorju skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; (*1)

(10d)

‘kumpanija tal-verifika’ tfisser ditta tal-verifiki skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (3), tad-Direttiva 2006/43/KE;

(*1)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;"

(c)

il-punti (15) u (16) huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“(15)

‘impriża prinċipali’ tfisser impriża prinċipali kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew impriża li l-awtoritajiet superviżorji jqisu bħala impriża prinċipali f'konformità mal-Artikolu 212(2) jew l-Artikolu 214(5) jew (6) ta' din id-Direttiva;

(16)

‘impriża sussidjarja’ tfisser impriża sussidjarja kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, inkluż sussidjarji tagħha, jew impriża li l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu bħala impriża sussidjarja f'konformità mal-Artikolu 212(2) jew l-Artikolu 214(5) jew (6) ta' din id-Direttiva;

(*2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(d)

fil-punt (18), il-kliem “l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “l-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE”;

(e)

il-punt (19) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(19)

‘tranżazzjoni intragrupp’ tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li permezz tagħha impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiż terz, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tiddependi, direttament jew indirettament, fuq impriżi oħra fl-istess grupp jew fuq persuna fiżika jew ġuridika konnessa mal-impriżi f'dak il-grupp b'rabtiet mill-qrib, għall-issodisfar ta' obbligu, kemm jekk kuntrattwali jew le, u kemm jekk bi ħlas jew le;”

;

(f)

il-punt (22) huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), il-kliem “l-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “l-Artikolu 4(1), il-punt (21), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3)

;

(ii)

fil-punt (b)(i), il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/UE”;

(g)

il-punt (25) huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), il-kliem “l-Artikolu 4(1), (5) u (21) tad-Direttiva 2006/48/KE” huwa sostitwit bil-kliem “l-Artikolu 4(1), il-punti (1), (18) u (26), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4)

;

(ii)

fil-punt (c), il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/UE”;

(h)

il-punt (27) huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ii)

fatturat nett, skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva 2013/34/UE, ta' EUR 13 600 000;”

;

(ii)

fit-tieni subparagrafu, il-kliem “id-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2013/34/UE”;

(i)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(41)

‘impriża regolata’ tfisser entità regolata skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva 2002/87/KE jew istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 6, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(42)

‘kriptoassi’ tfisser kriptoassi kif iddefinit fl-Artikolu 3(1), il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

(43)

‘miżura ta' proporzjonalità’ tfisser kwalunkwe waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 35(5a), l-Artikolu 41, l-Artikolu 45(1b), l-Artikolu 45(5), l-Artikolu 45a(5), l-Artikolu 51(6), l-Artikolu 51a(1), l-Artikolu 77(8) u l-Artikolu 144a(4) jew kwalunkwe miżura prevista fl-atti delegati adottati skont din id-Direttiva applikabbli espliċitament għal impriżi żgħar u mhux kumplessi f'konformità mal-Artikolu 29c;

(44)

‘riskju għas-sostenibbiltà’ tfisser avveniment ambjentali, soċjali jew ta' governanza jew kundizzjoni li, jekk dawn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv attwali jew potenzjali fuq il-valur tal-investiment jew fuq il-valur tal-obbligazzjoni;

(45)

‘fatturi ta' sostenibbiltà’ tfisser fatturi ta' sostenibbiltà kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (24), tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6);

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40)."

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

(6)

fl-Artikolu 18(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

biex jiġi indikat jekk ġietx miċħuda jew irtirata applikazzjoni fi Stat Membru ieħor għal awtorizzazzjoni biex jinbeda negozju ta' assigurazzjoni diretta jew ta' riassigurazzjoni jew biex jinbeda negozju ta' impriża regolata oħra jew ta' distributur tal-assigurazzjoni, u r-raġunijiet għaċ-ċaħda jew għall-irtirar.”

;

(7)

fl-Artikolu 23(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u, fejn l-awtorizzazzjonijiet biex jinbeda u jsir negozju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jingħataw fil-livell taż-żoni ġeografiċi fil-pajjiżi terzi, iż-żoni ġeografiċi rilevanti ta' dawk il-pajjiżi terzi, fejn l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata jkun biħsiebha topera.”

;

(8)

fl-Artikolu 24(2), it-tieni subparagrafu, il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/UE”;

(9)

l-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din id-dispożizzjoni għandha ssir ukoll fir-rigward ta' każijiet meta l-awtoritajiet superviżorji ma jkunux ittrattaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur jew, f'każijiet ta' valutazzjoni konġunta skont l-Artikolu 26(4), fi żmien tmien xhur mid-data meta tiġi riċevuta.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Kull rifjut ta' awtorizzazzjoni, inkluż l-identifikazzjoni tal-impriża applikanti u r-raġunijiet għar-rifjut, għandhom jiġu nnotifikati lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7). L-EIOPA għandha żżomm bażi ta' data aġġornata b'tali informazzjoni u tagħti aċċess għall-bażi ta' data lill-awtoritajiet superviżorji.

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).”;"

(10)

fl-Artikolu 25a, il-kliem “l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (‘EIOPA’) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)” huwa sostitwit bil-kelma “l-EIOPA”;

(11)

fl-Artikolu 26, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Meta jkun meħtieġ li diversi awtoritajiet superviżorji jiġu kkonsultati skont il-paragrafu 1, fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata tista' titlob lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-impriża li tkun qed titlob awtorizzazzjoni biex tivvalutaha b'mod konġunt. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-impriża li titlob l-awtorizzazzjoni għandha tqis il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni konġunta meta tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.”

;

(12)

fl-Artikolu 29, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva jiġu applikati b'mod xieraq li jkun proporzjonat għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' impriżi kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi.

4.   L-atti delegati u l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni għandhom iqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità, biex b'hekk jiżguraw l-applikazzjoni proporzjonata ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari b'rabta ma' impriżi żgħar u mhux kumplessi.

L-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-EIOPA f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomessi f'konformità mal-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament, u l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament, għandhom jiżguraw l-applikazzjoni proporzjonata ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari b'rabta ma' impriżi żgħar u mhux kumplessi.

5.   Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw:

(a)

il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a(1), inkluż l-approċċ biex tiġi kkalkolata s-somma msemmija fil-punti (a)(iv), (b) (v) u (c)(vii) tiegħu;

(b)

il-metodoloġija li għandha tintuża meta l-impriżi jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi; u

(c)

il-kundizzjonijiet biex tingħata jew tiġi rtirata l-approvazzjoni superviżorja għal miżuri ta' proporzjonalità li għandhom jintużaw minn impriżi mhux ikklassifikati bħala l-impriżi żgħar u mhux kumplessi msemmijin fl-Artikolu 29d.”

;

(13)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 29a

Kriterji għall-identifikazzjoni ta' impriżi żgħar u mhux kumplessi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi, skont il-proċess stipulat fl-Artikolu 29b fejn, għas-sentejn finanzjarji konsekuttivi direttament qabel din il-klassifikazzjoni, l-impriżi jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

Għall-impriżi li jwettqu attivitajiet tal-ħajja u għall-impriżi li jwettqu kemm attivitajiet tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja li d-dispożizzjonijiet tekniċi relatati mal-attivitajiet tal-ħajja tagħhom jirrappreżentaw 20 % jew aktar tad-dispożizzjonijiet tekniċi totali gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, u li l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub relatat mal-attivitajiet mhux tal-ħajja jirrappreżenta anqas minn 40 % tal-primjum gross miktub annwali totali, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

is-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 105(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), ma jkunx ogħla minn 5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(ii)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub minn negozju kkuntrattat fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta' domiċilju fejn l-impriża tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 14 ikun aktar baxx minn wieħed mil-limiti li ġejjin:

(1)

EUR 20 000 000;

(2)

10 % tal-introjtu annwali totali tagħha mill-primjum gross miktub;

(iii)

id-dispożizzjonijiet tekniċi minn attivitajiet tal-ħajja, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, ma jaqbżux il-EUR 1 000 000 000;

(iv)

is-somma ta' dawn li ġejjin ma tkunx ogħla minn 20 % tal-investimenti totali:

(1)

il-modulu tar-riskju tas-suq imsemmi fl-Artikolu 105(5);

(2)

il-parti tal-modulu ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti msemmi fl-Artikolu 105(6), li tikkorrispondi għal skoperturi għal titolizzazzjonijiet, derivattivi, riċevibbli minn intermedjarji u assi oħra ta' investiment li mhumiex koperti fis-submodulu tar-riskju ta' firxa;

(3)

kwalunkwe rekwiżit kapitali li huwa applikabbli għal investimenti f'assi intanġibbli li mhumiex koperti mir-riskju tas-suq u l-moduli ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti;

(v)

ir-riassigurazzjoni aċċettata mill-impriża ma taqbiżx il-50 % tal-introjtu annwali totali tagħha mill-primjum gross miktub;

(vi)

ikun hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

(b)

Għall-impriżi li jwettqu attivitajiet mhux tal-ħajja, u għall-impriżi li jwettqu kemm attivitajiet tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja li l-introjtu annwali totali tagħhom mill-primjum gross miktub relatat mal-attivitajiet mhux tal-ħajja jirrappreżenta 40 % jew aktar tal-introjtu annwali tagħhom mill-primjum gross miktub u li d-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom relatati mal-attivitajiet tal-ħajja jirrappreżentaw anqas minn 20 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi totali tagħhom gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti ta' riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

il-proporzjon medju kkombinat għall-attivitajiet mhux tal-ħajja nett mir-riassigurazzjoni tal-aħħar tliet snin ikun anqas minn 100 %;

(ii)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub minn negozju kkuntrattat fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta' domiċilju fejn l-impriża tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 14 ikun aktar baxx minn kwalunkwe wieħed mil-limiti li ġejjin:

(1)

EUR 20 000 000;

(2)

10 % tal-introjtu annwali totali tagħha mill-primjum gross miktub;

(iii)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub minn attivitajiet mhux tal-ħajja ma jkunx ogħla minn EUR 100 000 000;

(iv)

is-somma tal-primjums gross miktubin annwali fil-klassijiet 5 sa 7, 11, 12, 14 u 15 fil-Parti A tal-Anness I ma tkunx ogħla minn 30 % tal-primjums miktubin annwali totali ta' negozju mhux tal-ħajja;

(v)

is-somma ta' dawn li ġejjin ma tkunx ogħla minn 20 % tal-investimenti totali:

(1)

il-modulu tar-riskju tas-suq imsemmi fl-Artikolu 105(5);

(2)

il-parti tal-modulu ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti msemmi fl-Artikolu 105(6), li tikkorrispondi għal skoperturi għal titolizzazzjonijiet, derivattivi, riċevibbli minn intermedjarji u assi oħra ta' investiment li mhumiex koperti fis-submodulu tar-riskju ta' firxa;

(3)

kwalunkwe rekwiżit kapitali li huwa applikabbli għal investimenti f'assi intanġibbli li mhumiex koperti mir-riskju tas-suq u l-moduli ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti;

(vi)

ir-riassigurazzjoni aċċettata mill-impriża ma taqbiżx il-50 % tal-introjtu annwali totali tagħha mill-primjum gross miktub;

(vii)

ikun hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

(c)

Għall-impriżi li jwettqu kemm attivitajiet tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja li d-dispożizzjonijiet tekniċi relatati mal-attivitajiet tal-ħajja tagħhom jirrappreżentaw 20 % jew aktar tad-dispożizzjonijiet tekniċi totali gross tagħhom tal-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, u li l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub relatat mal-attivitajiet mhux tal-ħajja jirrappreżenta 40 % jew aktar tal-introjtu annwali totali tagħhom mill-primjum gross miktub, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

is-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 105(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), ma jkunx ogħla minn 5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(ii)

il-proporzjon medju kkombinat għall-attivitajiet mhux tal-ħajja nett mir-riassigurazzjoni tal-aħħar tliet snin ikun anqas minn 100 %;

(iii)

id-dispożizzjonijiet tekniċi minn attivitajiet tal-ħajja, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, ma jaqbżux il-EUR 1 000 000 000;

(iv)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub minn attivitajiet mhux tal-ħajja ma jkunx ogħla minn EUR 100 000 000;

(v)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub minn negozju kkuntrattat fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta' domiċilju fejn l-impriża tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 14 ikun aktar baxx minn kwalunkwe wieħed mil-limiti li ġejjin:

(1)

EUR 20 000 000;

(2)

10 % tal-introjtu annwali totali tagħha mill-primjum gross miktub;

(vi)

is-somma tal-primjums gross miktubin annwali fil-klassijiet 5 sa 7, 11, 12, 14 u 15 fil-Parti A tal-Anness I ma tkunx ogħla minn 30 % tal-primjums miktubin annwali totali ta' negozju mhux tal-ħajja;

(vii)

is-somma ta' dawn li ġejjin ma tkunx ogħla minn 20 % tal-investimenti totali:

(1)

il-modulu tar-riskju tas-suq imsemmi fl-Artikolu 105(5);

(2)

il-parti tal-modulu ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti msemmi fl-Artikolu 105(6), li tikkorrispondi għal skoperturi għal titolizzazzjonijiet, derivattivi, riċevibbli minn intermedjarji u assi oħra ta' investiment li mhumiex koperti fis-submodulu tar-riskju ta' firxa;

(3)

kwalunkwe rekwiżit kapitali li huwa applikabbli għal investimenti f'assi intanġibbli li mhumiex koperti mir-riskju tas-suq u l-moduli ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti;

(viii)

ir-riassigurazzjoni aċċettata mill-impriża ma taqbiżx il-50 % tal-introjtu annwali totali tagħha mill-primjum gross miktub;

(ix)

ikun hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Il-kriterji stabbiliti fil-punti (a)(ii) u (v), il-punti (b)(ii) u (vi), u l-punti (c)(v) u (viii) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx japplikaw għal impriżi tal-assigurazzjoni captive jew għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive għandhom ukoll jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi meta ma jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu dment li jikkonformaw maż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

il-persuni u l-benefiċjarji assigurati jkunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

entitajiet ġuridiċi tal-grupp li tiegħu hija parti l-impriża tal-assigurazzjoni captive jew l-impriża tar-riassigurazzjoni captive,

(ii)

persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti taħt il-poloz tal-assigurazzjoni ta' dak il-grupp, dment li n-negozju li jkopri dawk il-persuni fiżiċi jibqa' taħt il-5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi;

(b)

l-obbligi tal-assigurazzjoni u l-kuntratti tal-assigurazzjoni sottostanti għall-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive jew tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f'xi assigurazzjoni obbligatorja ta' responsabbiltà ta' parti terza.

2.   Għall-impriżi li jkunu kisbu awtorizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 14 fl-aħħar sentejn finanzjarji, il-konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi vvalutata b'referenza għall-aħħar sena finanzjarja qabel il-klassifikazzjoni, jew meta l-awtorizzazzjoni tkun inkisbet fl-aħħar 12-il xahar, l-iskema ta' operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23.

3.   L-impriżi li ġejjin qatt ma għandhom jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi:

(a)

impriżi li jużaw mudell intern parzjali jew sħiħ approvat biex jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, f'konformità mar-rekwiżiti għal mudelli interni sħaħ u parzjali stabbiliti fil-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, is-Subtaqsima 3;

(b)

impriżi li huma impriżi prinċipali ta' konglomerat finanzjarju skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (14), tad-Direttiva 2002/87/KE jew ta' grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212 ta’ din id-Direttiva, li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punt (a) jew (b), ta’ din id-Direttiva sakemm il-grupp ma jkunx klassifikat bħala grupp żgħir u mhux kumpless;

(c)

impriżi li huma l-impriża prinċipali ta' impriża msemmija fl-Artikolu 228(1), il-punti (a) sa (e);

(d)

impriżi li jamministraw fondi ta' gruppi ta' pensjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3), il-punti (b)(iii) u (b)(iv), fejn il-valur tal-assi tal-fondi ta' grupp ta' pensjoni jaqbeż il-EUR 1 000 000 000.

Artikolu 29b

Proċess ta' klassifikazzjoni għall-impriżi li jikkonformaw mal-kriterji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja b'tali konformità bl-għan li jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi sottomessa mill-impriża lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 14. Dik in-notifika għandha tinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)

evidenza tal-konformità mal-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 29a applikabbli għal dik l-impriża;

(b)

dikjarazzjoni li l-impriża ma tippjana l-ebda bidla strateġika li tkun twassal għal nuqqas ta' konformità ma' kwalunkwe wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a fit-tliet snin li ġejjin;

(c)

identifikazzjoni tal-miżuri ta' proporzjonalità li l-impriża mistennija timplimenta, b'mod partikolari jekk ikun maħsub li tintuża s-simplifikazzjoni tal-aħjar stima u jekk l-impriża tippjana li tuża l-metodu ssimplifikat biex tikkalkola d-dispożizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Artikolu 77(8).

3.   L-awtorità superviżorja tista' topponi l-klassifikazzjoni bħala impriża żgħira u mhux kumplessa fi żmien xahrejn minn meta tirċievi n-notifika kompluta msemmija fil-paragrafu 1 għal raġunijiet relatati esklużivament ma' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

nuqqas ta' konformità mal-kriterji previsti fl-Artikolu 29a;

(b)

nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ivvalutat mingħajr l-użu ta' kwalunkwe waħda mill-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikolu 77a(2), l-Artikolu 308c, l-Artikolu 308d jew, fejn rilevanti, l-Artikolu 111(1), it-tieni subparagrafu;

(c)

l-impriża tirrappreżenta aktar minn 5 % tas-suq tal-ħajja jew, fejn applikabbli, tas-suq mhux tal-ħajja, f'konformità mal-Artikolu 35a(1), it-tieni subparagrafu, tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-impriża.

4.   Kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li topponi l-klassifikazzjoni bħala impriża żgħira u mhux kumplessa għandha tiddikjara r-raġunijiet għal dan u għandha tiġi kkomunikata lill-impriża kkonċernata bil-miktub.

Fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni, l-impriża għandha tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa fi tmiem il-perjodu ta' xahrejn imsemmi fil-paragrafu 3.

Meta, qabel tmiem il-perjodu ta' xahrejn imsemmi fil-paragrafu 3, l-awtorità superviżorja tkun ħarġet deċiżjoni li tikkonferma l-konformità mal-kriterji, l-impriża għandha tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa mid-data ta' tali deċiżjoni.

5.   Fir-rigward tat-talbiet riċevuti mill-awtoritajiet superviżorji fl-ewwel sitt xhur tat-30 ta’ Jannar 2027, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi estiż għal erba' xhur.

6.   Impriża għandha tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa dment li din il-klassifikazzjoni ma tkunx intemmet f'konformità ma' dan il-paragrafu.

Meta impriża żgħira u mhux kumplessa ma tibqax tikkonforma ma' kwalunkwe wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a(1), hija għandha tinforma lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien. Meta tali nuqqas ta' konformità jippersisti kontinwament fuq sentejn konsekuttivi, l-impriża għandha tinforma lill-awtorità superviżorja b'dan, u m’għandhiex tibqa’ tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa mis-sena finanzjarja li jmiss.

Meta impriża li ġiet ikklassifikata bħala żgħira u mhux kumplessa tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 29a(3), dik l-impriża għandha tinforma lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien u m’għandhiex tibqa’ tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa mis-sena finanzjarja ta' wara.

Artikolu 29c

Użu ta' miżuri ta' proporzjonalità minn impriżi mhux klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi jkunu jistgħu jużaw il-miżuri kollha tal-proporzjonalità.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, meta l-awtorità superviżorja jkollha tħassib serju fir-rigward tal-profil tar-riskju ta' impriża żgħira u mhux kumplessa, l-awtorità superviżorja tista' titlob lill-impriża kkonċernata toqgħod lura milli tuża miżura ta' proporzjonalità waħda jew aktar, dment li t-talba tkun debitament ġustifikata bil-miktub b'referenza għat-tħassib speċifiku relatat mal-profil tar-riskju tal-impriża. Għandu jitqies li jeżisti tħassib serju meta:

(a)

ma jkunx għad hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, jew fejn ikun hemm riskju ta' nuqqas ta' konformità fit-tliet xhur ta' wara ivvalutati, fejn applikabbli, mingħajr l-użu ta' kwalunkwe waħda mill-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikolu 77a(2), l-Artikolu 308c, l-Artikolu 308d jew, fejn rilevanti, l-Artikolu 111(1), it-tieni subparagrafu;

(b)

is-sistema ta' governanza tal-impriża ma tkunx effettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 41; jew

(c)

bidliet materjali fil-profil tar-riskju tal-impriża jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' konformità sinifikanti ma' kwalunkwe wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a(1).

Artikolu 29d

Użu ta' miżuri ta' proporzjonalità minn impriżi mhux klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li mhumiex klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi jkunu jistgħu jużaw biss il-miżuri tal-proporzjonalità kif previst fl-Artikolu 35(5a), l-Artikolu 41, l-Artikolu 45(1b), l-Artikolu 45(5), l-Artikolu 77(8) u l-Artikolu 144a(4) u l-miżuri tal-proporzjonalità kif previsti fl-atti delegati adottati skont din id-Direttiva li huma kemm applikabbli espliċitament għal impriżi żgħar u mhux kumplessi f'konformità mal-Artikolu 29c kif ukoll identifikati għall-finijiet ta' dan l-Artikolu bl-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità superviżorja.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tissottometti talba bil-miktub għall-approvazzjoni lill-awtorità superviżorja. Dik it-talba għandha tinkludi:

(a)

lista tal-miżuri ta' proporzjonalità li hemm il-ħsieb li jintużaw u r-raġunijiet għaliex l-użu tagħhom huwa ġġustifikat fir-rigward tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b)

kwalunkwe informazzjoni materjali oħra dwar il-profil tar-riskju tal-impriża;

(c)

dikjarazzjoni li l-impriża mhijiex tippjana xi bidla strateġika li jkollha impatt fuq il-profil tar-riskju tal-impriża fit-tliet snin li ġejjin.

2.   L-awtorità superviżorja għandha, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, tivvaluta t-talba u tinforma lill-impriża bl-approvazzjoni jew biċ-ċaħda tagħha, kif ukoll bil-miżuri ta' proporzjonalità li ġie approvat l-użu tagħhom. Meta l-awtorità superviżorja tapprova l-użu ta' miżuri ta' proporzjonalità skont ċerti termini jew kundizzjonijiet, id-deċiżjoni ta' approvazzjoni għandu jkun fiha r-raġunijiet għal dawk it-termini u l-kundizzjonijiet. Deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li topponi l-użu ta' miżura waħda jew aktar ta' proporzjonalità minn fost dawk elenkati fit-talba għandha tiġi nnotifikata bil-miktub, u tiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu marbutin mal-profil tar-riskju tal-impriża,

3.   L-awtorità superviżorja tista' titlob kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun neċessarja sabiex titlesta l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Il-perjodu msemmi f'dak il-paragrafu għandu jiġi sospiż għall-perjodu bejn id-data tal-ewwel talba għal informazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji u dik ta' meta l-impriża kkonċernata tirċievi tweġiba għaliha. Kwalunkwe talba oħra mill-awtorità superviżorja ma għandhiex tirriżulta f'sospensjoni tal-perjodu ta' valutazzjoni.

4.   Fir-rigward tat-talbiet riċevuti mill-awtoritajiet superviżorji qabel il-31 ta’ Lulju 2027, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ta' erba' xhur.

5.   L-approvazzjoni għall-użu ta' miżuri ta' proporzjonalità tista' tiġi emendata jew irtirata fi kwalunkwe mument jekk jinbidel il-profil tar-riskju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li temenda jew tirtira dik l-approvazzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għal dan u għandha tiġi kkomunikata lill-impriża kkonċernata bil-miktub.

Artikolu 29e

Monitoraġġ tal-użu tal-miżuri ta' proporzjonalità

1.   Fi żmien sena minn meta jiġu kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom informazzjoni dwar il-miżuri ta' proporzjonalità użati bħala parti mill-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet ta' superviżjoni msemmija fl-Artikolu 35. Meta tali impriżi jkollhom l-intenzjoni li jibdlu l-lista ta' miżuri ta' proporzjonalità li għandhom jintużaw, huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom minnufih.

2.   Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw miżuri ta' proporzjonalità skont l-Artikolu 29d jiddeċiedu li jieqfu jużaw kwalunkwe minn dawn il-miżuri, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom b'dan.

3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw kwalunkwe miżura ta' proporzjonalità li tikkorrispondi għal miżuri eżistenti skont din id-Direttiva sat-28 ta’ Jannar 2025 jistgħu jkomplu japplikaw tali miżuri mingħajr ma japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 29b, 29c u 29d , għal perjodu li ma jaqbiżx erba' snin finanzjarji.”

;

(14)

fl-Artikolu 30(2), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Is-superviżjoni finanzjarja skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi verifika, rigward in-negozju kollu tal-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, is-sistema ta' governanza tagħha, l-istat ta' solvenza tagħha, l-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet tekniċi, l-assi tagħha u l-fondi proprji eliġibbli, f'konformità mar-regoli stipulati jew mal-prattika segwita fl-Istat Membru ta' domiċilju skont id-dispożizzjonijiet adottati fil-livell tal-Unjoni.”

;

(15)

l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji l-informazzjoni li hija neċessarja għall-finijiet tas-superviżjoni, filwaqt li jqisu l-objettivi tas-superviżjoni stabbiliti fl-Artikoli 27 u 28 u l-prinċipji ġenerali tas-superviżjoni stabbiliti fl-Artikolu 29, b'mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Filwaqt li jqisu l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafi 1, , 2, u 3 u l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji rapport superviżorju regolari li jinkludi informazzjoni dwar in-negozju u l-prestazzjoni tal-impriża, is-sistema ta' governanza, il-profil tar-riskju, il-valwazzjoni għall-finijiet ta' solvenza u l-ġestjoni tal-kapital matul il-perjodu ta' rappurtar.

Il-frekwenza tar-rapport superviżorju regolari għandha tkun:

(a)

għall-impriżi żgħar u mhux kumplessi, kull tliet snin, jew, fejn permess mill-awtorità superviżorja, sa kull ħames snin;

(b)

għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għajr l-impriżi żgħar u mhux kumplessi, kull tliet snin.

Għall-finijiet tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu, jekk jitqies meħtieġ, awtorità superviżorja tista' tirrikjedi li l-impriżi taħt superviżjoni jirrapportaw aktar spiss.”

;

(c)

il-paragrafi 6, 7 u 8 jitħassru;

(d)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.   Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw:

(a)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu;

(b)

il-kriterji għal rappurtar superviżorju limitat għal impriżi tal-assigurazzjoni captive u għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive b'kunsiderazzjoni tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji ta' dawk it-tipi speċifiċi ta' impriżi bl-għan li tiġi żgurata, sa fejn xieraq, il-konverġenza tar-rappurtar superviżorju.”

;

(e)

fil-paragrafu 10, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar ir-rappurtar superviżorju regolari fir-rigward tal-mudelli għas-sottomissjoni ta' informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji msemmija fil-paragrafi 1 u 2, inkluż il-limiti bbażati fuq ir-riskju li jistabbilixxu l-iskattatur għar-rekwiżiti ta' rappurtar, fejn applikabbli, jew kwalunkwe eżenzjoni ta' informazzjoni speċifika għal ċerti tipi ta' impriżi, bħall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni captive b'kunsiderazzjoni tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji ta' tipi speċifiċi ta' impriżi. L-EIOPA għandha tiżviluppa soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), inkluż mudelli ta' rappurtar u struzzjonijiet għar-rappurtar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.”

;

(f)

il-paragrafu 11 jitħassar;

(g)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“12.   Sad-29 ta’ Jannar 2027, l-EIOPA għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport dwar miżuri potenzjali, inkluż bidliet leġiżlattivi, biex tiżviluppa ġbir integrat tad-data sabiex:

(a)

tnaqqas l-oqsma ta' duplikazzjonijiet u ta' inkonsistenzi bejn l-oqfsa ta' rappurtar fis-settur tal-assigurazzjoni u f'setturi oħrajn tal-industrija finanzjarja;

(b)

ittejjeb l-istandardizzazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni u l-użu effiċjenti tad-data diġà rapportata fi ħdan kwalunkwe qafas ta' rappurtar tal-Unjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali; u

(c)

tnaqqas il-kostijiet ta' konformità.

L-EIOPA għandha tipprijoritizza, iżda ma tillimitax ruħha għal informazzjoni dwar l-oqsma tal-impriżi ta' investiment kollettiv u r-rappurtar tad-derivattivi.

Meta tħejji r-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-EIOPA għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħrajn u mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u għandha, fejn rilevanti, tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

;

(16)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 35a

Eżenzjonijiet u limitazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet superviżorji għar-rappurtar superviżorju regolari kwantitattiv

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(4), meta l-perjodi predefiniti msemmijin fl-Artikolu 35(2), il-punt (a)(i), ikunu anqas minn sena, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jillimitaw ir-rappurtar superviżorju regolari, meta:

(a)

is-sottomissjoni ta' dik l-informazzjoni tkun ta' piż żejjed meta mqabbla man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b)

l-informazzjoni tkun irrapportata tal-anqas darba fis-sena.

Dik il-limitazzjoni għar-rappurtar superviżorju regolari għandha tingħata biss lil impriżi li kollettivament ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja ta' Stat Membru rispettivament, fejn is-sehem tas-suq tal-ħajja jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet tekniċi gross u s-sehem tas-suq mhux tal-ħajja jkun ibbażat fuq primjums gross miktubin.

Meta jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-impriżi għal dawk il-limitazzjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu prijorità lill-impriżi żgħar u mhux kumplessi.

2.   L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jillimitaw ir-rappurtar superviżorju regolari, jew jeżentaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni milli jirrapportaw fuq bażi ta' element b'element, meta:

(a)

is-sottomissjoni ta' dik l-informazzjoni tkun ta' piż żejjed meta mqabbla man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b)

is-sottomissjoni ta' dik l-informazzjoni ma tkunx neċessarja għas-superviżjoni effettiva tal-impriża;

(c)

l-eżenzjoni ma ddgħajjifx l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji kkonċernati fl-Unjoni; u

(d)

l-impriża tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni fuq talba.

L-eżenzjoni mir-rappurtar fuq bażi ta' element b'element għandha tingħata biss lil impriżi li kollettivament ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja rispettivament, fejn is-sehem tas-suq tal-ħajja jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet tekniċi gross u s-sehem tas-suq mhux tal-ħajja jkun ibbażat fuq primjums gross miktubin.

Meta jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-impriżi għal dawk il-limitazzjonijiet jew l-eżenzjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu prijorità lill-impriżi żgħar u mhux kumplessi.

3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive għandhom ikunu eżentati minn rappurtar superviżorju regolari fuq bażi ta' element b'element meta l-perjodi predefiniti msemmijin fl-Artikolu 35(2), il-punt (a)(i), ikunu iqsar minn sena, dment li jikkonformaw maż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-persuni u l-benefiċjarji assigurati jkunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

entitajiet ġuridiċi tal-grupp li tiegħu hija parti l-impriża tal-assigurazzjoni captive jew l-impriża tar-riassigurazzjoni captive,

(ii)

persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti taħt il-poloz tal-assigurazzjoni ta' dak il-grupp, dment li n-negozju li jkopri lil dawk il-persuni fiżiċi jibqa' taħt il-5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi;

(b)

l-obbligi tal-assigurazzjoni u l-kuntratti tal-assigurazzjoni sottostanti għall-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive jew tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f'xi assigurazzjoni obbligatorja ta' responsabbiltà ta' parti terza.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċess ta' rieżami superviżorju, fir-rigward ta' impriżi klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk is-sottomissjoni tal-informazzjoni tkunx ta' piż żejjed meta mqabbla man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji tal-impriża, filwaqt li jitqiesu, tal-anqas:

(a)

ir-riskji tas-suq ikkawżati mill-investimenti tal-impriża;

(b)

il-livell ta' konċentrazzjonijiet tar-riskju;

(c)

l-effetti possibbli tal-ġestjoni tal-assi tal-impriża fuq l-istabbiltà finanzjarja;

(d)

is-sistemi u l-istrutturi tal-impriża biex tipprovdi informazzjoni għal finijiet ta' superviżjoni u r-regoli bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 35(5).

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, bħala parti mill-proċess ta' rieżami superviżorju, fir-rigward ta' impriżi mhux klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk is-sottomissjoni tal-informazzjoni tkunx ta' piż żejjed meta mqabbla man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji tal-impriża, filwaqt li jitqiesu, tal-anqas, il-paragrafu 4, il-punti (a) sa (d), u dawn li ġejjin:

(a)

il-volum ta' primjums, ta' dispożizzjonijiet tekniċi u ta' assi tal-impriża;

(b)

il-volatilità tal-klejms u tal-benefiċċji koperti mill-impriża;

(c)

in-numru totali ta' klassijiet ta' assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja li għalihom tingħata awtorizzazzjoni;

(d)

l-idoneità tas-sistema ta' governanza tal-impriża;

(e)

il-livell ta' fondi proprji li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u r-Rekwiżit Kapitali Minimu;

(f)

jekk l-impriża tkunx impriża tal-assigurazzjoni captive jew impriża tar-riassigurazzjoni captive li tkopri biss riskji assoċjati mal-grupp industrijali jew kummerċjali li tappartjeni għalih.

6.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti u konsistenti tal-paragrafi 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 biex tispeċifika aktar:

(a)

il-metodi għad-determinazzjoni tal-ishma tas-suq imsemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, u fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, ta' dan l-Artikolu;

(b)

il-proċess li għandu jintuża mill-awtoritajiet superviżorji biex jinformaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjoni jew eżenzjoni msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 35b

Skadenzi għar-rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) sa (4) fuq bażi annwali jew anqas frekwenti fi żmien 16-il ġimgħa mit-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) sa (4) fuq bażi trimestrali fi żmien ħames ġimgħat mit-tmiem ta' kull trimestru.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji r-rapport superviżorju regolari msemmi fl-Artikolu 35(5a) fi żmien 18-il ġimgħa mit-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.”

;

(17)

fl-Artikolu 36(2), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

is-sistema ta' governanza, inkluż ir-rekwiżiti ta' kompetenza u ta' idoneità kif stabbiliti fl-Artikolu 42, u l-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza, kif stabbilita fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 2;”

;

(18)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika waħda mill-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikoli 308c u 308d u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-impriża ma tikkonformax mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali;

(ii)

l-impriża tkun naqset milli tissottometti lill-awtorità superviżorja il-pjan ta' introduzzjoni gradwali inizjali fil-perjodu meħtieġ kif stabbilit fl-Artikolu 308e, it-tieni paragrafu, jew ir-rapport annwali meħtieġ kif stabbilit fit-tielet paragrafu ta' dak l-Artikolu.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (d) u (e), is-supplimentazzjoni kapitali għandha tkun proporzjonata għar-riskji materjali li jirriżultaw mid-devjazzjoni u n-nuqqas ta' konformità, rispettivament, imsemmijin f'dawk il-punti.”

;

(19)

fl-Artikolu 40, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Il-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandhom f'kull ħin ikunu ta' reputazzjoni tajba u jkollhom kollettivament biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Il-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ma għandhomx ikunu nstabu ħatja ta' xi reat serju jew reati ripetuti relatati mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jew reati oħra li jqajmu dubji dwar ir-reputazzjoni tajba tagħhom, tal-anqas, fl-għaxar snin ta' qabel is-sena li fiha jkunu qed iwettqu jew ser iwettqu dmirijiethom fl-impriża.”

;

(20)

l-Artikolu 41 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Is-sistema ta' governanza għandha tkun soġġetta għal rieżami intern regolari. Tali rieżami intern għandu jinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kompożizzjoni, tal-effettività u tal-governanza interna tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, filwaqt li jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jistabbilixxu politika li tippromwovi d-diversità fil-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, inkluż billi jistabbilixxu objettivi kwantitattivi individwali relatati mal-bilanċ bejn il-ġeneri.

L-EIOPA għandha toħroġ linji gwida dwar il-kunċett tad-diversità li għandhom jitqiesu għall-għażla tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jaħtru persuni differenti biex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, attwarjali, ta' verifika tal-konformità u tal-verifika interna, u li kull waħda minn dawn il-funzjonijiet titwettaq b'mod indipendenti mill-funzjonijiet l-oħrajn sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess.

Meta impriża tkun ġiet ikklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa, skont l-Artikolu 29b, jew meta impriża tkun kisbet approvazzjoni superviżorja minn qabel, skont l-Artikolu 29d, il-persuni responsabbli għall-funzjonijiet ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, attwarjali u ta' verifika tal-konformità jistgħu jwettqu wkoll kwalunkwe funzjoni ewlenija oħra differenti mill-verifika interna, kwalunkwe funzjoni oħra, jew ikunu membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kunflitti ta' interess potenzjali jiġu ġestiti kif xieraq;

(b)

il-kombinazzjoni ta' funzjonijiet jew il-kombinazzjoni ta' funzjoni mal-kundizzjoni ta' sħubija tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ma tikkompromettix il-kapaċità tal-persuna li twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha.”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandu jkollhom regoli bil-miktub rigward minn tal-anqas il-ġestjoni tar-riskju, il-kontroll intern, il-verifika interna, ir-remunerazzjoni u, fejn tkun rilevanti, l-esternalizzazzjoni. Għandhom jiżguraw li dawk il-poloz jiġu implimentati.

Dawk ir-regoli bil-miktub għandhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull sena. Għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u għandhom jiġu adattati fid-dawl ta' kull bidla sinifikanti fis-sistema jew fil-qasam ikkonċernat. L-impriżi żgħar u mhux kumplessi jistgħu jwettqu rieżami anqas frekwenti, tal-anqas kull ħames snin, sakemm l-awtorità superviżorja ma tikkonkludix, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' dik l-impriża, li jkun meħtieġ rieżami aktar frekwenti.”

;

(21)

fl-Artikolu 42, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja bi kwalunkwe bidla li tirrigwarda l-identità tal-persuni li effettivament imexxu l-impriża jew li jkunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn, flimkien mar-raġunijiet għall-bidliet u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk il-persuni l-ġodda maħtura biex imexxu l-impriża humiex kompetenti u idonei.

3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja tagħhom jekk kwalunkwe waħda mill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 1 jew tkun ġiet issostitwita għal dik ir-raġuni.

4.   Meta persuna li effettivament tmexxi l-impriża jew li jkollha funzjonijiet ewlenin oħrajn ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tneħħi lil tali persuna minn dik il-pożizzjoni.”

;

(22)

l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

ġestjoni tar-riskju operazzjonali, inkluż iċ-ċibersigurtà kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1) tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8);

(*8)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).”;"

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni japplikaw l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, il-pjanijiet ta' likwidità tagħhom għandhom iqisu l-użu tal-aġġustament tal-volatilità u jivvalutaw jekk jistgħux jinħolqu restrizzjonijiet ta' likwidità li ma jkunux konsistenti mal-użu tal-aġġustament tal-volatilità.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu l-perjodu ta' żmien qasir, medju u twil meta jivvalutaw ir-riskji għas-sostenibbiltà.

Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li l-impriżi, bħala parti mill-ġestjoni tar-riskju tagħhom, ikollhom strateġiji, politiki, proċessi u sistemi għall-identifikazzjoni, il-kejl, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskji għas-sostenibbiltà fuq terminu qasir, medju u twil.”

;

(b)

il-paragrafu 2a huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa emendat b'dan li ġej:

(1)

il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

is-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi u tal-fondi proprji eliġibbli tagħhom għas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-aġġustament ta' korrispondenza, inkluż il-kalkolu tal-firxa fundamentali msemmija fl-Artikolu 77c(1), il-punt (b);”

;

il-punt (iii) jitħassar;

(2)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

meta jiġi applikat l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, is-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi u tal-fondi proprji eliġibbli tagħhom għall-bidliet fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li jkunu jaffettwaw il-firxa b'riskju kkoreġut imsemmija fl-Artikolu 77d(3).”

;

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Meta jiġi applikat l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, ir-regoli bil-miktub dwar il-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 41(3) għandha tqis l-aġġustament tal-volatilità.”

;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2b.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżviluppaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' pjanijiet speċifiċi li jinkludu miri kwantifikabbli u proċessi għall-monitoraġġ u għall-indirizzar tar-riskji finanzjarji li jinħolqu fit-terminu qasir, medju u twil minn fatturi ta' sostenibbiltà, inkluż dawk li jirriżultaw mill-proċess ta' aġġustament u mix-xejriet ta' tranżizzjoni fil-kuntest tal-objettivi regolatorji u l-atti legali rilevanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri marbutin mal-fatturi tas-sostenibbiltà, b'mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9).

Il-miri u l-proċessi kwantifikabbli għall-indirizzar tar-riskji għas-sostenibbiltà inkluż fil-pjanijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jikkunsidraw l-aħħar rapporti u miżuri preskritti mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, b'mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-miri klimatiċi tal-Unjoni. Meta l-impriża tiżvela informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà f'konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, il-pjanijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu konsistenti mal-pjanijiet imsemmijin fl-Artikolu 19a jew fl-Artikolu 29a ta' dik id-Direttiva u għandhom, b'mod partikolari, jinkludu azzjonijiet fir-rigward tal-mudell tan-negozju u l-istrateġija tal-impriża li huma konsistenti fiż-żewġ pjanijiet. Fejn rilevanti, il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet li jsostnu l-miri, l-impenji u d-deċiżjonijiet strateġiċi żvelati mill-impriżi lill-pubbliku għandhom ikunu konsistenti mal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet inklużi fil-pjanijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-miri, il-proċessi u l-azzjonijiet biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sostenibbiltà inklużi fil-pjanijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-mudell tan-negozju tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 29(3).

2c.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar:

(a)

l-istandards minimi u l-metodoloġiji ta' referenza għall-identifikazzjoni, il-kejl, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskji għas-sostenibbiltà;

(b)

l-elementi li għandhom jiġu koperti fil-pjanijiet li għandhom jitħejjew f'konformità mal-paragrafi 2b u 2e ta’ dan l-Artikolu, li għandhom jinkludu skedi ta' żmien speċifiċi u miri u stadji importanti intermedji kwantifikabbli, sabiex jiġu mmonitorjati u indirizzati r-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn fatturi ta' sostenibbiltà, kif ukoll l-interkonnessjonijiet mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 45 u 45a;

(c)

approċċi superviżorji fir-rigward tal-pjanijiet, il-miri kwantifikabbli u l-proċessi msemmijin fil-paragrafi 2b u 2e;

(d)

l-elementi tal-pjanijiet imsemmijin fil-paragrafi 2b u 2e ta’ dan l-Artikolu li għandhom jiġu żvelati, inkluż il-miri kwantifikabbli rilevanti, f'konformità mal-Artikolu 51.

L-EIOPA għandha tippreżenta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2d.   L-impriża għandha tiżvela fuq bażi annwali l-miri kwantifikabbli inklużi fil-pjanijiet imsemmija fil-paragrafi 2b u 2e.

2e.   Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni tkun meħtieġa tfassal pjan f'konformità mal-paragrafu 2b ta' dan l-Artikolu fil-livell tal-grupp, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sussidjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma koperti minn dak il-pjan u li jkunu fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b), ikunu eżentati mit-tfassil ta' pjan fil-livell individwali f'konformità mal-paragrafu 2b ta' dan l-Artikolu.

(*9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (‘il-Liġi Ewropea dwar il-Klima’) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).”;"

(23)

l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

il-kunsiderazzjoni u l-analiżi tas-sitwazzjoni makroekonomika, u l-iżviluppi possibbli makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji;

(e)

fuq talba motivata mill-awtorità superviżorja, il-kunsiderazzjoni u l-analiżi ta':

(i)

it-tħassib makroprudenzjali li jista' jaffettwa l-profil speċifiku tar-riskju, il-limiti approvati tat-tolleranza tar-riskju, l-istrateġija tan-negozju, l-attivitajiet ta' sottoskrizzjoni jew id-deċiżjonijiet ta' investiment, u l-ħtiġijiet globali ta' solvenza tal-impriża msemmijin fil-punt (a);

(ii)

l-attivitajiet tal-impriża li jistgħu jaffettwaw l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji, u li għandhom il-potenzjal li jinbidlu f'sorsi ta' riskju sistemiku;

(f)

il-kapaċità ġenerali tal-impriża li ssalda l-obbligi finanzjarji tagħha lejn id-detenturi ta' poloz u kontropartijiet oħrajn meta dawk l-obbligi jkunu dovuti, anke f'kundizzjonijiet ta' stress.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (d) u (e), l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji għandhom jinkludu, tal-anqas, dawn li ġejjin:

(a)

il-livell tar-rati tal-imgħax u tal-firxiet;

(b)

il-livell tal-indiċijiet tas-suq finanzjarju;

(c)

l-inflazzjoni;

(d)

l-interkonnettività ma' parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji;

(e)

it-tibdil fil-klima, pandemiji, avvenimenti oħrajn fuq skala tal-massa u katastrofi oħra li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (e)(i), it-tħassib makroprudenzjali għandu jinkludi, tal-anqas, xenarji futuri mhux favorevoli u riskji plawżibbli relatati maċ-ċiklu ta' kreditu u ma' reċessjoni, mal-imġiba ta' akkomunament fl-investimenti jew mal-konċentrazzjonijiet eċċessivi ta' skopertura fil-livell settorjali.

1b.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-analiżi meħtieġa skont il-paragrafu 1, il-punt (d), ta' dan l-Artikolu tkun proporzjonata man-natura tar-riskji kif ukoll mal-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-impriżi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi żgħar u mhux kumplessi u l-impriżi li jkunu kisbu approvazzjoni superviżorja minn qabel, skont l-Artikolu 29d, ma jkunux obbligati jwettqu l-analiżi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), ta' dan l-Artikolu.”

;

(c)

il-paragrafu 2a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2a.   Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika l-aġġustament ta' korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b, l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d jew il-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikolu 77a(2), l-Artikoli 308c u 308d, jew, fejn rilevanti, l-Artikolu 111(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 111(2a), hija għandha twettaq il-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti kapitali msemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu billi tqis u mingħajr ma tqis dawk l-aġġustamenti u l-miżuri tranżizzjonali.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-rekwiżit ta' valutazzjoni għall-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali msemmi fl-Artikolu 77a ma għandux japplika għal munita li għaliha jkun japplika kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-sehem ta' flussi futuri ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f'dik il-munita meta mqabbla mal-flussi futuri kollha ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jaqbiżx il-5 %;

(b)

fir-rigward ta' flussi futuri ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f'dik il-munita, is-sehem ta' flussi futuri ta' flus relatati mal-maturitajiet fejn l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti tiġi estrapolata b'rabta mal-flussi futuri kollha ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jaqbiżx l-10 %.

2b.   Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha wkoll tinkludi s-sinifikanza li biha l-profil tar-riskju tal-impriża kkonċernata jiddevja mis-suppożizzjonijiet sottostanti għall-aġġustament tal-volatilità.”

;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi annwali, u mingħajr dewmien wara kull bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju tagħhom.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu jwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-anqas kull sentejn u mingħajr dewmien wara kwalunkwe bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju tagħhom, sakemm l-awtorità superviżorja ma tikkonkludix abbażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-impriża li tkun meħtieġa valutazzjoni aktar frekwenti, fejn tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impriża tkun ikklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa;

(b)

l-impriża tkun impriża tal-assigurazzjoni captive jew impriża tar-riassigurazzjoni captive li tikkonforma mal-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

il-persuni u l-benefiċjarji assigurati kollha jkunu entitajiet legali tal-grupp li l-impriża tal-assigurazzjoni captive jew l-impriża tar-riassigurazzjoni captive tkun parti minnu jew persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni ta' dak il-grupp u n-negozju li jkopri l-persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni tal-grupp jibqa' anqas minn 5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi;

(ii)

l-obbligi tal-assigurazzjoni u l-kuntratti tal-assigurazzjoni sottostanti għall-obbligi ta' riassigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive jew tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f'xi assigurazzjoni obbligatorja ta' responsabbiltà ta' parti terza.

L-eżenzjoni mill-valutazzjoni annwali ma għandhiex tipprevjeni lill-impriża milli tidentifika, tkejjel, timmaniġġja, timmonitorja u tirrapporta r-riskji fuq bażi kontinwa.”

;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“8.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (d) u (e),meta awtoritajiet minbarra l-awtoritajiet superviżorji jkunu fdati b'mandat makroprudenzjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jaqsmu s-sejbiet tal-valutazzjonijiet makroprudenzjali tagħhom tal-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, kif imsemmi f'dan l-Artikolu, mal-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti b'mandat makroprudenzjali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jikkooperaw ma' kwalunkwe korp u awtorità nazzjonali b'mandat makroprudenzjali sabiex janalizzaw ir-riżultati u, fejn applikabbli, jidentifikaw kwalunkwe tħassib makroprudenzjali dwar kif l-attività tal-impriżi tista' taffettwa l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jaqsmu kwalunkwe tħassib makroprudenzjali u parametri tal-input għall-valutazzjoni mal-impriża kkonċernata.

9.   Meta tiddeċiedi jekk titlobx kwalunkwe waħda mill-analiżijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (e), ta' dan l-Artikolu mingħand impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li hija impriża sussidjarja inkluża fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b), l-awtorità superviżorja għandha tikkunsidra jekk kwalunkwe waħda minn dawk l-analiżijiet titwettaqx fil-livell tal-grupp mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, u tkoprix l-ispeċifiċitajiet ta' dik l-impriża sussidjarja.

L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw fuq bażi annwali kemm lill-EIOPA kif ukoll lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10) il-lista ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-lista ta' gruppi li għalihom jitolbu l-miżuri makroprudenzjali addizzjonali.

(*10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).”;"

(24)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 45a

Analiżi tax-xenarju għat-tibdil fil-klima

1.   Għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-valutazzjoni tar-riskji msemmijin fl-Artikolu 45(2), l-impriża kkonċernata għandha tivvaluta wkoll jekk għandhiex xi skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima. L-impriża għandha turi l-materjalità tal-iskopertura tagħha għar-riskji tat-tibdil fil-klima fil-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1).

2.   Meta l-impriża kkonċernata jkollha skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima, l-impriża għandha tispeċifika tal-anqas żewġ xenarji fit-tul għat-tibdil fil-klima, inkluż dawn li ġejjin:

(a)

xenarju fit-tul għat-tibdil fil-klima li fih iż-żieda fit-temperatura globali tibqa' taħt żewġ gradi Celsius;

(b)

xenarju fit-tul għat-tibdil fil-klima li fih iż-żieda fit-temperatura globali tkun ogħla b'mod sinifikanti minn żewġ gradi Celsius.

3.   F'intervalli regolari, il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1) għandu jkun fiha analiżi tal-impatt fuq in-negozju tal-impriża tax-xenarji fit-tul għat-tibdil fil-klima speċifikati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-intervalli għandhom ikunu proporzjonati man-natura, mal-iskala u mal-kumplessità tar-riskji tat-tibdil fil-klima inerenti fin-negozju tal-impriża, iżda ma għandhomx ikunu itwal minn tliet snin.

4.   Ix-xenarji fit-tul għat-tibdil fil-klima msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull tliet snin, u aġġornati fejn ikun neċessarju. Meta jirrieżaminaw ix-xenarji fit-tul tat-tibdil fil-klima, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu l-prestazzjoni tal-għodod u l-prinċipji użati f'xenarji preċedenti tat-tibdil fil-klima, sabiex itejbu l-effettività tagħhom.

5.   B'deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4, l-impriżi żgħar u mhux kumplessi ma għandhomx ikunu meħtieġa li jispeċifikaw ix-xenarji għat-tibdil fil-klima jew li jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq in-negozju tal-impriża.”

;

(25)

l-Artikolu 51 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 51

Rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja: kontenut

1.   Filwaqt li jqisu l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 35(3) u l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jesiġu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżvelaw pubblikament, fuq bażi annwali, rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom.

Ir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja għandu jkun magħmul minn żewġ partijiet, identifikati b'mod ċar u żvelati flimkien. L-ewwel parti għandu jkun fiha informazzjoni mmirata b'mod speċifiku għad-detenturi ta' poloz u għall-benefiċjarji, u t-tieni parti għandu jkun fiha informazzjoni mmirata għal professjonisti tas-suq.

1a.   Il-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja li tikkonsisti f'informazzjoni mmirata għad-detenturi ta' poloz u għall-benefiċjarji għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni fil-qosor tan-negozju u tal-prestazzjoni tal-impriża;

(b)

deskrizzjoni fil-qosor tal-ġestjoni tal-kapital u tal-profil tar-riskju tal-impriża, inkluż fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà; u

(c)

dikjarazzjoni dwar jekk l-impriża tiżvelax il-pjanijiet imsemmijin fl-Artikolu 19a jew fl-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34/UE.

1b.   Il-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja li tikkonsisti f'informazzjoni mmirata għal professjonisti tas-suq għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, sħiħa jew permezz ta' referenzi għal informazzjoni ekwivalenti, kemm fin-natura kif ukoll fl-ambitu, żvelata pubblikament skont rekwiżiti legali jew regolatorji oħrajn:

(a)

deskrizzjoni tan-negozju u tal-prestazzjoni tal-impriża;

(b)

deskrizzjoni tas-sistema ta' governanza;

(c)

deskrizzjoni, separatament għall-assi, għad-dispożizzjonijiet tekniċi u għal obbligazzjonijiet oħrajn, tal-bażijiet u tal-metodi użati għall-valwazzjoni tagħhom;

(d)

deskrizzjoni tal-ġestjoni tal-kapital u tal-profil tar-riskju, li tinkludi tal-anqas dawn li ġejjin:

(i)

l-istruttura u l-ammont ta' fondi proprji, u l-kwalità tagħhom;

(ii)

l-ammonti tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u tar-Rekwiżit Kapitali Minimu;

(iii)

għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni rilevanti għall-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji fl-Unjoni, informazzjoni dwar is-sensittività għar-riskju;

(iv)

l-għażla stipulata fl-Artikolu 304 użata għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(v)

informazzjoni li tippermetti fehim xieraq tad-differenzi ewlenin bejn is-suppożizzjonijiet sottostanti tal-formula standard u dawk ta' kwalunkwe mudell intern użat mill-impriża għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħha;

(vi)

l-ammont ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità sinifikanti mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza matul il-perjodu ta' rappurtar, anke jekk dan jiġi riżolt aktar tard, flimkien ma' spjegazzjoni tal-oriġini u tal-konsegwenzi tiegħu u ta' kwalunkwe miżura rimedjali meħuda;

(e)

indikazzjoni ta' jekk l-impriża għandhiex xi skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima wara l-valutazzjoni tal-materjalità msemmija fl-Artikolu 45a(1), u, fejn rilevanti, jekk tkunx stabbiliet xi azzjoni;

(f)

dikjarazzjoni dwar jekk l-impriża tiżvelax il-pjanijiet imsemmijin fl-Artikolu 19a jew fl-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34/UE;

(g)

l-elementi msemmijin fl-Artikolu 44(2c), il-punt (d).

1c.   Meta jiġi applikat l-aġġustament ta' korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b, id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1b, il-punt (c), u l-punti (d)(i) u (ii), ta' dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi wkoll l-aġġustament ta' korrispondenza u l-portafoll tal-obbligi u tal-assi assenjati li għalih ikun applikat l-aġġustament ta' korrispondenza, kif ukoll kwantifikazzjoni tal-impatt ta' bidla għal żero tal-aġġustament ta' korrispondenza fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża.

Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1b, il-punt (c), u l-punti (d)(i) u (ii) ta' dan l-Artikolu għandu jkun fiha wkoll dikjarazzjoni dwar jekk l-impriża tużax l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d u, fejn jintuża l-aġġustament tal-volatilità, hija għandha tiżvela l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwantifikazzjoni tal-impatt ta' bidla għal żero tal-aġġustament tal-volatilità fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża;

(b)

għal kull munita rilevanti jew, kif applikabbli, il-pajjiż, l-aġġustament tal-volatilità kkalkolat f'konformità mal-Artikolu 77d u l-aħjar stimi korrispondenti għall-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

2.   Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1b, il-punt (d)(i), għandha tinkludi analiżi ta' kwalunkwe bidla sinifikanti meta mqabbla mal-perjodu ta' rappurtar preċedenti u spjegazzjoni ta' kwalunkwe differenza kbira fir-rigward tal-valur tat-tali elementi fir-rapporti finanzjarji, u deskrizzjoni fil-qosor tat-trasferibbiltà tal-kapital.

L-iżvelar tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza msemmi fil-paragrafu 1b, il-punt (d)(ii), ta' dan l-Artikolu għandu juri, separatament, l-ammont ikkalkolat f'konformità mal-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, is-Subtaqsimiet 2 u 3 u kwalunkwe supplimentazzjoni kapitali imposta f'konformità mal-Artikolu 37 jew l-impatt tal-parametri speċifiċi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun meħtieġa tuża f'konformità mal-Artikolu 110, flimkien ma' informazzjoni konċiża dwar il-ġustifikazzjoni tagħhom mill-awtorità superviżorja kkonċernata.

L-iżvelar tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza għandu jkun akkumpanjat, fejn applikabbli, b'indikazzjoni li l-ammont finali tiegħu għadu soġġett għall-valutazzjoni superviżorja.

3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni captive ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżvelaw il-parti mmirata għad-detenturi ta' poloz u għall-benefiċjarji u għandhom ikunu meħtieġa jinkludu biss, fil-parti mmirata għal professjonisti tas-suq, id-data kwantitattiva meħtieġa mill-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 56 dment li dawk l-impriżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-persuni u l-benefiċjarji assigurati jkunu entitajiet legali tal-grupp li l-impriża tal-assigurazzjoni captive tkun parti minnu jew persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni ta' dan il-grupp u n-negozju li jkopri l-persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni tal-grupp jibqa' anqas minn 5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi;

(b)

l-obbligi tal-assigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f'xi assigurazzjoni obbligatorja ta' responsabbiltà ta' parti terza.

4.   L-impriżi tar-riassigurazzjoni captive ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżvelaw il-parti mmirata għad-detenturi ta' poloz u għall-benefiċjarji u għandhom ikunu meħtieġa jinkludu biss fil-parti mmirata għal professjonisti tas-suq id-data kwantitattiva meħtieġa mill-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 56, dment li dawn l-impriżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-persuni assigurati u l-benefiċjarji jkunu entitajiet legali tal-grupp li l-impriża tal-assigurazzjoni captive tkun parti minnu jew persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni ta' dan il-grupp u n-negozju li jkopri l-persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni tal-grupp jibqa' anqas minn 5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi;

(b)

il-kuntratti tal-assigurazzjoni sottostanti għall-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma jkunux relatati ma' xi assigurazzjoni obbligatorja ta' responsabbiltà ta' parti terza;

(c)

is-self fis-seħħ mal-kumpanija prinċipali jew ma' kwalunkwe kumpanija fil-grupp, inkluż ippuljar ta' flus kontanti, ma jaqbiżx l-20 % tal-assi totali miżmumin mill-impriża tar-riassigurazzjoni captive; u

(d)

it-telf massimu li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tekniċi grossi jkun jista' jiġi vvalutat b'mod deterministiku mingħajr l-użu ta' metodi stokastiċi.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-impriżi tar-riassigurazzjoni jistgħu jagħżlu li ma jiżvelawx il-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja mmirata għad-detenturi ta' poloz u għall-benefiċjarji.

6.   B'deroga mill-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu, l-impriżi żgħar u mhux kumplessi jistgħu jiżvelaw biss id-data kwantitattiva meħtieġa mill-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 56 fil-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja li tikkonsisti f'informazzjoni mmirata għal professjonisti oħra tas-suq, dment li jiżvelaw rapport sħiħ li jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa f'dan l-Artikolu kull tliet snin.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżvelaw u jissottomettu lill-awtorità superviżorja l-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu fuq bażi annwali jew anqas frekwenti fi żmien 18-il ġimgħa mit-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.

8.   Bħala parti mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom ikunu meħtieġa jiżvelaw l-impatt tal-użu, għall-fini tad-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi stipulati fl-Artikolu 77, l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju ddeterminata mingħajr l-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali għall-estrapolazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 77e(1), il-punt (aa), minflok l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti.

Madankollu, b'deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-rekwiżit ta' żvelar ma għandux japplika għal munita li għaliha japplika kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-sehem ta' flussi futuri ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f'dik il-munita meta mqabblin mal-flussi futuri kollha ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jaqbiżx il-5 %;

(b)

fir-rigward ta' flussi futuri ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f'dik il-munita, is-sehem ta' flussi futuri ta' flus relatati mal-maturitajiet fejn l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti tiġi estrapolata b'rabta mal-flussi futuri kollha ta' flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jaqbiżx l-10 %.”

;

(26)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 51a

Rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja: rekwiżiti tal-verifika

1.   Għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għajr impriżi żgħar u mhux kumplessi u impriżi tal-assigurazzjoni captive u impriżi tar-riassigurazzjoni captive, il-karta tal-bilanċ żvelata bħala parti mir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja f'konformità mal-Artikolu 51(1) jew il-karta tal-bilanċ żvelata bħala parti mir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja f'konformità mal-Artikolu 256(2), il-punt (b), għandha tkun soġġetta għal verifika.

2.   B'deroga mill-Artikolu 29c, l-Istati Membri jistgħu jestendu r-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għal impriżi klassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi, għal impriżi tal-assigurazzjoni captive u għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive.

3.   L-Istati Membri jistgħu jestendu l-ambitu tar-rekwiżit tal-verifika msemmi fil-paragrafu 1 għal elementi oħrajn tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja.

4.   Il-verifika għandha titwettaq minn awditur statutorju jew minn kumpanija tal-verifika, f'konformità mal-istandards tal-verifika applikabbli skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2006/43/KE. L-awdituri statutorji u l-kumpaniji tal-verifiki, meta jwettqu dan il-kompitu, għandhom jikkonformaw mad-dmirijiet tal-awdituri stabbiliti fl-Artikolu 72 ta' din id-Direttiva.

5.   Fl-Istati Membri fejn fit-28 ta’ Jannar 2025 attwarji reġistrati huma awtorizzati skont il-liġi nazzjonali jwettqu l-verifika ta' dispożizzjonijiet tekniċi, rekuperabbli tar-riassigurazzjoni u elementi relatati, dawk l-attwarji reġistrati jistgħu jkomplu jwettqu tali verifika dment li jaġixxu f'konformità ma' standards vinkolanti li jiżguraw verifiki ta' kwalità għolja u jkopru mill-anqas il-qasam tal-prattika tal-verifika, l-indipendenza u l-kontrolli interni tal-kwalità meta jwettqu tali verifiki, u f'konformità mad-dmirijiet imsemmijin fl-Artikolu 72.

6.   Rapport separat, inkluż deskrizzjoni tan-natura, u tar-riżultati, tal-verifika, imħejji mill-awditur statutorju jew mill-kumpaniji tal-verifiki għandu jiġi sottomess flimkien mar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja lill-awtorità superviżorja mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.”

;

(27)

l-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

in-numru totali ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, diżaggregat skont jekk humiex impriżi żgħar u mhux kumplessi jew oħrajn, li jużaw simplifikazzjonijiet jew miżuri ta' proporzjonalità u n-numru ta' impriżi li jużaw miżuri speċifiċi ta' proporzjonalità;

(f)

in-numru ta' gruppi, diżaggregat skont jekk humiex gruppi żgħar u mhux kumplessi jew oħrajn, li jużaw simplifikazzjonijiet jew miżuri ta' proporzjonalità u n-numru ta' gruppi li jużaw miżuri speċifiċi ta' proporzjonalità.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

għal kull Stat Membru, in-numru ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u n-numru ta' gruppi, diżaggregati skont jekk humiex impriżi jew gruppi żgħar u mhux kumplessi, rispettivament, u oħrajn li jużaw simplifikazzjonijiet jew miżuri ta' proporzjonalità u n-numru ta' impriżi jew gruppi li jużaw simplifikazzjonijiet speċifiċi u miżuri oħra ta' proporzjonalità.”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-EIOPA għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, flimkien ma' rapport li jiddeskrivi l-grad ta' konverġenza superviżorja fl-użu ta' supplimentazzjonijiet kapitali u fl-użu ta' miżuri ta' proporzjonalità bejn l-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri differenti.

4.   L-EIOPA għandha tivvaluta l-effetti tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a(1) għall-identifikazzjoni ta' impriżi żgħar u mhux kumplessi, u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 213a(1) għall-identifikazzjoni ta' gruppi żgħar u mhux kumplessi, tal-anqas fir-rigward tal-objettivi tal-protezzjoni tad-detenturi tal-poloz, l-istabbiltà finanzjarja u kundizzjonijiet ekwi. L-EIOPA għandha tissottometti rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2030. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jikkunsidra l-possibbiltà li jiġu emendati dawk il-kriterji.”

;

(28)

fl-Artikolu 53, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 51(1a), il-punt (b), u l-Artikolu 51(1b), il-punti (d) u (e).”

;

(29)

fl-Artikolu 56, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-EIOPA għandha tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT għall-proċeduri, il-formati u l-mudelli msemmijin fit-tieni paragrafu, inkluż għall-istruzzjonijiet.”

;

(30)

fl-Artikolu 58(3), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(a)

jinsab jew huwa rregolat barra l-Unjoni; jew

(b)

persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont din id-Direttiva, id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11), id-Direttiva 2013/36/UE, jew id-Direttiva 2014/65/UE.

(*11)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).”;"

(31)

fl-Artikolu 60(1), il-punt (a), il-kliem “il-punt 2 tal-Artikolu 1a tad-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “l-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE”;

(32)

fl-Artikolu 62, l-ewwel paragrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Meta l-influwenza eżerċitata mill-persuni msemmijin fl-Artikolu 57 x'aktarx li taħdem kontra l-ġestjoni tajba u prudenti ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, l-Istati Membri għandhom jesiġu lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' dik l-impriża li fiha tinżamm, titfittex jew tiżdied il-holding kwalifikanti, biex tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm dik is-sitwazzjoni.”

;

(33)

fl-Artikolu 63, it-tieni paragrafu, il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huma sostitwiti bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/UE”;

(34)

fl-Artikolu 64, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet superviżorji milli jippubblikaw l-eżitu tat-testijiet tal-istress imwettqa f'konformità mal-Artikolu 34(4) ta' din id-Direttiva jew l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jew milli jittrażmettu l-eżitu tat-testijiet tal-istress lill-EIOPA għall-finijiet tal-pubblikazzjoni mill-EIOPA tar-riżultati tat-testijiet tal-istress fl-Unjoni kollha.”

;

(35)

fl-Artikolu 68(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“L-Artikolu 64, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 67 ma għandhomx jipprevjenu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet tat-taxxa fl-istess Stat Membru sa fejn tali skambju jkun permess mil-liġi nazzjonali. Meta dik l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, għandha tiġi skambjata biss bil-ftehim espliċitu tal-awtorità minn fejn toriġina l-informazzjoni.”

;

(36)

fl-Artikolu 70, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-kliem “il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)” huma sostitwiti bil-kelma “BĊE”;

(b)

fil-punt (c), il-kliem “Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)” huma sostitwiti bil-kelma “BERS”;

(37)

fl-Artikolu 72(1), il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-inqas li persuni awtorizzati skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE, li jwettqu f’impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni l-verifika statutorja msemmija fl-Artikolu 34 jew 35 tad Direttiva 2013/34/UE jew l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE jew kwalunkwe funzjoni statutorja oħra, għandu jkollhom id-dmir li jirrapportaw minnufih lill-awtoritajiet superviżorji kwalunkwe fatt jew deċiżjoni dwar dik l-impriża li saru jafu bihom fil-waqt li jwettqu dik il-funzjoni u li jkunu l-kawża ta’ li ġej:”

;

(38)

l-Artikolu 77 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jivvalutaw l-aħjar stima u l-marġni tar-riskju separatament, il-marġni tar-riskju għandu jiġi kkalkolat billi jiġi ddeterminat il-kost biex jiġi pprovdut ammont ta' fondi proprji eliġibbli ugwali għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza aġġustat skont il-ħin u meħtieġ biex isostni l-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tul il-ħajja tagħhom. L-aġġustament tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jikkonsisti f'element esponenzjali u dipendenti fuq il-ħin.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Ir-rata tal-Kost tal-Kapital imsemmija fil-paragrafu 5 għandha tiġi preżunta li hija ugwali għal 4,75 % mit-30 ta’ Jannar 2027. Ir-rieżami perjodiku msemmi fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu, għandu jsir mill-Kummissjoni mhux qabel il-31 ta’ Jannar 2032.

7.   Meta l-kuntratti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinkludu opzjonijiet u garanziji finanzjarji, il-metodi użati għall-kalkolu tal-aħjar stima għandhom jirriflettu b'mod xieraq li l-valur preżenti tal-flussi ta' flus li jirriżultaw minn dawk il-kuntratti jista' jiddependi kemm fuq l-eżitu mistenni ta' avvenimenti u ta' żviluppi futuri kif ukoll fuq devjazzjonijiet potenzjali tal-eżitu attwali mill-eżitu mistenni f'ċerti xenarji.

8.   Minkejja l-paragrafu 7, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma kklassifikati bħala impriżi żgħar u mhux kumplessi u impriżi li kisbu approvazzjoni superviżorja minn qabel jistgħu jużaw valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja b'opzjonijiet u b'garanziji li ma jitqisux materjali”

;

(39)

l-Artikolu 77a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 77a

Estrapolazzjoni tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti

1.   Id-determinazzjoni tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti msemmija fl-Artikolu 77(2) għandha tagħmel użu mill-informazzjoni miksuba minn strumenti finanzjarji rilevanti u tkun konsistenti magħha. Dik id-determinazzjoni għandha tikkunsidra l-istrumenti finanzjarji rilevanti ta' dawk il-maturitajiet meta s-swieq għal dawk l-istrumenti finanzjarji jkunu profondi, likwidi u trasparenti. Għall-maturitajiet lil hinn mill-ewwel punt ta' livellar, ir-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għandha tiġi estrapolata f'konformità mat-tielet subparagrafu. L-ewwel punt ta' livellar għal munita għandu jkun l-itwal maturità li għaliha jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-swieq għall-istrumenti finanzjarji ta' dik il-maturità jkunu profondi, likwidi u trasparenti;

(b)

il-perċentwal ta' bonds pendenti ta' dik il-maturità jew ta' maturità itwal fost il-bonds pendenti kollha denominati f'din il-munita jkun għoli biżżejjed.

Il-parti estrapolata tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għandha tkun ibbażata fuq rati forward li jikkonverġu gradwalment mir-rata forward applikabbli fl-ewwel punt ta' livellar sa rata forward aħħarija (UFR).

Ir-rata forward estrapolata għandha tkun ugwali għal medja ponderata ta' rata forward likwida u l-UFR. Ir-rata forward likwida għandha tkun ibbażata fuq rata jew sett ta' rati forward fir-rigward tal-itwal maturitajiet li għalihom l-istrumenti finanzjarji rilevanti jistgħu jiġu osservati f'suq profond, likwidu u trasparenti. Għal maturitajiet ta' tal-anqas 40 sena wara l-ewwel punt ta' livellar, il-piż tar-rata forward aħħarija għandu jkun tal-anqas 77,5 %.

Il-parti estrapolata tar-rati tal-imgħax rilevanti mingħajr riskju għandha tqis l-informazzjoni minn strumenti finanzjarji għajr bonds meta s-swieq għal dawk l-istrumenti finanzjarji jkunu profondi, likwidi u trasparenti.

2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu, soġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja tagħhom, japplikaw il-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali stabbilit fit-tieni subparagrafu.

Il-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkonsisti f'dan li ġej:

(a)

fit-30 ta’ Jannar 2027, il-parametri li jiddeterminaw il-veloċità tal-konverġenza tar-rati forward lejn ir-rata forward aħħarija tal-estrapolazzjoni għandhom ikunu stabbiliti b'tali mod li l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju tkun simili biżżejjed għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju f'dik id-data ddeterminata f'konformità mar-regoli għall-estrapolazzjoni applikabbli fid-29 ta’ Jannar 2027;

(b)

il-parametri li jiddeterminaw il-veloċità tal-konverġenza tar-rati forward lejn ir-rata forward aħħarija tal-estrapolazzjoni għandhom jitnaqqsu b'mod lineari fil-bidu ta' kull sena kalendarja, b'tali mod li l-parametri finali tal-estrapolazzjoni jiġu applikati mill-1 ta' Jannar 2032.

Il-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa d-determinazzjoni tal-profondità, tal-likwidità u tat-trasparenza tas-swieq finanzjarji u tal-ewwel punt ta' livellar imsemmi fil-paragrafu 1.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom, fil-parti tar-rapport tagħhom dwar il-kundizzjoni finanzjarja tas-solvenza tagħhom, li tikkonsisti f'informazzjoni mmirata għall-professjonisti tas-suq imsemmijin fl-Artikolu 51 (1b), jiżvelaw pubblikament:

(a)

il-fatt li huma japplikaw il-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali għall-estrapolazzjoni; u

(b)

il-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, fit-28 ta’ Jannar 2025, l-ewwel punt ta' livellar għall-euro, għandu jkun f'maturità ta' 20 sena.”

;

(40)

fl-Artikolu 77b(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punti (i), kuntratt kollettiv fuq il-ħajja għandu jitqies bħala kuntratt uniku.”

;

(41)

l-Artikolu 77d huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun tista' tapplika aġġustament tal-volatilità għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti sabiex tikkalkola l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2) soġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji meta jiġu ssodisfati tal-anqas il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-aġġustament tal-volatilità għal munita partikolari jiġi applikat fil-kalkolu tal-aħjar stima tal-obbligi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-impriża denominati f'dik il-munita fejn l-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti użata sabiex tiġi kkalkolata l-aħjar stima għal dawk l-obbligi ma tinkludix aġġustament ta' korrispondenza kif imsemmi fl-Artikolu 77b;

(b)

l-impriża turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li għandha proċessi adegwati fis-seħħ sabiex tikkalkola l-aġġustament tal-volatilità skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

1a.   Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li applikaw aġġustament tal-volatilità għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti sabiex jikkalkolaw l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2) qabel id-29 ta’ Jannar 2026 jistgħu, mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja, ikomplu japplikaw aġġustament tal-volatilità dment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel skont il-paragrafu 1, ta' dan l-Artikolu mit-30 ta’ Jannar 2027.

1b.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tieqaf tapplika aġġustament tal-volatilità għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti sabiex tikkalkola l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2) meta l-impriża ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel stabbilita mil-liġi nazzjonali f’konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Meta impriża terġa’ tistabbilixxi l-konformità ma’ dawk il-kundizzjonijiet, hija tista' titlob approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji sabiex tapplika aġġustament tal-volatilità għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti sabiex tikkalkola l-aħjar stima skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

1c.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu, soġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja, japplikaw aġġustament speċifiku għall-impriża għall-firxa b'riskju kkoreġut għall-munita msemmija fil-paragrafu 3, fejn:

(a)

il-firxa b'riskju kkoreġut tkun qabżet il-firxa b'riskju kkoreġut kkalkolata fuq il-bażi tal-portafoll ta' investimenti tal-impriża fi strumenti ta' dejn għall-erba' perjodi ta' rappurtar trimestrali qabel id-data tar-rappurtar; u

(b)

l-informazzjoni li hija inerenti għall-assi rilevanti tal-impriża u li hija rrapportata mill-impriża f'konformità mal-Artikolu 35(1) sa (4) tkun ta' kwalità suffiċjenti biex tippermetti kalkolu sod u affidabbli ta' dak l-aġġustament.

L-aġġustament għandu jikkorrispondi għall-anqas wieħed minn 105 % u l-proporzjon tal-firxa b'riskju kkoreġut kkalkolata abbażi tal-portafoll ta' investimenti tal-impriża fi strumenti ta' dejn u l-firxa b'riskju kkoreġut abbażi tal-portafoll ta' referenza għall-munita rilevanti. Il-firxa b'riskju kkoreġut abbażi tal-portafoll ta' investimenti tal-impriża fi strumenti ta' dejn għandha tiġi kkalkolata bl-istess mod bħall-firxa b'riskju kkoreġut abbażi tal-portafoll ta' referenza għall-munita rilevanti, iżda bl-użu ta' data speċifika għall-impriża dwar il-piżijiet u d-durata medja tas-subklassijiet rilevanti fil-portafoll ta' investimenti tal-impriża fi strumenti ta' dejn għall-munita rilevanti.

Meta jiġi applikat l-aġġustament, l-aġġustament tal-volatilità ma għandux jiżdied bl-aġġustament tal-volatilità makro msemmi fil-paragrafu 4.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jieqfu japplikaw l-aġġustament immedjatament meta jżidu l-firxa b'riskju kkoreġut tal-munita msemmija fil-paragrafu 3 għal żewġ perjodi ta' rappurtar trimestrali konsekuttivi.

2.   Għal kull munita rilevanti, l-aġġustament tal-volatilità għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għandu jkun ibbażat fuq il-firxa bejn ir-rata tal-imgħax li tista' tinkiseb minn portafoll ta' referenza ta' investimenti fi strumenti ta' dejn għal dik il-munita u r-rati tal-istruttura bażika ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għal dik il-valuta.

Il-portafoll ta' referenza ta' investimenti fi strumenti ta' dejn għal munita għandu jkun rappreżentattiv għall-assi li huma denominati f'dik il-munita u li fih l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinvestu biex ikopru l-aħjar stima għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni denominati f'dik il-valuta.

3.   L-ammont tal-aġġustament tal-volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju għal munita għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

VAcu= 85 % · CSSRcu · RCScu

fejn:

(a)

VAcu hija l-aġġustament tal-volatilità għal munita cu ;

(b)

CSSRcu hija l-proporzjon tas-sensittività tal-firxa tal-kreditu ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-munita cu ;

(c)

RCScu hija l-firxa b'riskju kkoreġut għall-munita cu .

VAcu għandha tapplika għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti tal-istruttura ta' terminu li ma humiex derivati permezz ta' estrapolazzjoni f'konformità mal-Artikolu 77a. Meta l-parti estrapolata tar-rati tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti tqis l-informazzjoni minn strumenti finanzjarji għajr bonds skont l-Artikolu 77a(1), VAcu għandha tapplika wkoll għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju derivati minn dawk l-istrumenti finanzjarji. L-estrapolazzjoni tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għandha tkun ibbażata fuq dawk ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju aġġustati.

Is-CSSRcu ma għandhiex tkun negattiva u ma għandhiex tkun ogħla minn wieħed. Hija għandha tieħu valuri anqas minn wieħed fejn is-sensittività tal-assi ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f'munita għall-bidliet fil-firxiet tal-kreditu tkun anqas mis-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi ta' dik l-impriża f'dik il-munita għal bidliet fir-rati tal-imgħax.

RCScu għandha tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn il-firxa msemmija fil-paragrafu 2 u l-porzjon ta' dik il-firxa li huwa attribwibbli għal valutazzjoni realistika tat-telf mistenni jew tal-kreditu mhux mistenni jew ta' riskju ieħor tal-assi.

Il-porzjon tal-firxa huwa attribwibbli għal valutazzjoni realistika tat-telf mistenni, ir-riskju ta' kreditu mhux mistenni jew kwalunkwe riskju ieħor għandu jiġi kkalkolat bħala perċentwal tal-firxiet. Dak il-perċentwal għandu jonqos hekk kif jiżdiedu l-firxiet u għandu mill-anqas jagħmel distinzjoni bejn it-tliet każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-firxiet ma jaqbżux il-medja fit-tul tagħhom;

(b)

fejn il-firxiet jaqbżu l-medja fit-tul tagħhom iżda ma jaqbżux id-doppju tal-medja fit-tul tagħhom;

(c)

fejn il-firxiet jaqbżu d-doppju tal-medja fit-tul tagħhom.

Il-korrezzjoni tar-riskju qatt ma għandha taqbeż perċentwal xieraq tal-firxiet medji fit-tul.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru b'munita marbuta mal-euro li tikkonforma mal-kriterji dettaljati għall-aġġustamenti għall-valuti marbutin mal-euro għall-fini li jiġi ffaċilitat il-kalkolu tas-submodulu tar-riskju tal-munita, kif stabbilit skont l-Artikolu 111(1), il-punt (p), meta jiġi kkalkolat l-aġġustament tal-volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju għall-munita marbuta u l-aġġustament tal-volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju għall-euro, għandhom jitħallew jikkalkolaw CSSRcu uniku kemm għall-munita lokali tagħhom kif ukoll għall-euro, billi jqisu b'mod konġunt l-assi u l-obbligazzjonijiet denominati f'euro u l-munita lokali tagħhom.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1c, l-aġġustament tal-volatilità għall-euro għandu jiżdied b'aġġustament tal-volatilità makro. L-aġġustament tal-volatilità makro għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

VAEuro,macro= 85 %·CSSREuro·max(RCSco-1.3·RCSEuro;0)·ωco

fejn:

(a)

VAEuro,macro hija l-aġġustament tal-volatilità makro għal pajjiż co ;

(b)

CSSREuro hija l-proporzjon tas-sensittività tal-firxa tal-kreditu ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-euro;

(c)

RCSco hija l-firxa b'riskju kkoreġut għall-pajjiż co ;

(d)

RCSEuro hija l-firxa b'riskju kkoreġut għall-euro;

(e)

ωco hija l-fattur ta' aġġustament tal-pajjiż għall-pajjiż co.

CSSREuro għandha tiġi kkalkolata bħala l-proporzjon tas-sensittività tal-firxa ta' kreditu ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-euro f'konformità mal-paragrafu 3.

RCSco għandha tiġi kkalkolata bl-istess mod bħall-firxa b'riskju kkoreġut għall-euro skont il-paragrafu 3, iżda fuq il-bażi ta' portafoll ta' referenza li huwa rappreżentattiv għall-assi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni qed jinvestu fihom sabiex ikopru l-aħjar stima għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' prodotti mibjugħin fis-suq tal-assigurazzjoni ta' dak il-pajjiż u denominati f'euro.

RCSEuro hija kkalkolata bħala l-firxa b'riskju kkoreġut għall-euro f'konformità mal-paragrafu 3.

Il-fattur ta' aġġustament tal-pajjiż imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

ωco= max(min

Image 1
(((RCSco*-0.6 %)/0.3 %);1);0)

Fejn RCSco * hija l-firxa b'riskju kkoreġut għall-pajjiż co kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), immoltiplikata bil-perċentwal ta' investimenti fi strumenti ta' dejn fir-rigward tal-assi totali miżmumin mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni awtorizzati fil-pajjiż co .

4a.   Biex tiġi kkalkolata l-firxa sottostanti għall-aġġustament tal-volatilità, għal kull munita u għal kull pajjiż, il-firxa msemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandha tkun is-somma tal-valur ponderat tal-firxa medja tal-munita fuq il-bonds tal-gvern u l-firxa medja tal-munita fuq bonds għajr bonds tal-gvern, self, u titolizzazzjonijiet. Għall-finijiet ta' dak il-kalkolu, il-piżijiet rispettivi għandhom ikunu l-proporzjon tal-valur tal-bonds tal-gvern inklużi fil-portafoll ta' referenza tal-assi għal dik il-munita jew pajjiż u l-valur tal-assi kollha inklużi f'dak il-portafoll ta' referenza, u l-proporzjon tal-valur tal-bonds għajr bonds tal-gvern, self u titolizzazzjonijiet inklużi fil-portafoll ta' referenza tal-assi għal dik il-munita jew pajjiż u l-valur tal-assi kollha inklużi f'dak il-portafoll ta' referenza.”

;

(42)

l-Artikolu 77e huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

għall-fini tal-iżvelar skont l-Artikolu 51(8), struttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti mingħajr kwalunkwe aġġustament ta' korrispondenza jew aġġustament tal-volatilità u ddeterminata mingħajr l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali għall-estrapolazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 77a(2);

(ab)

is-sett ta' xenarji li għandhom jintużaw għall-valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja skont l-Artikolu 77(8);”

;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

għal kull munita rilevanti u suq nazzjonali tal-assigurazzjoni, firxa b'riskju kkoreġut kif imsemmija fl-Artikolu 77d(3) u (4) rispettivament;”

;

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

għal kull Stat Membru rilevanti, il-perċentwal ta' investimenti fi strumenti ta' dejn relatati mal-assi totali miżmumin minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni awtorizzati fil-pajjiż kif imsemmi fl-Artikolu 77d(4).”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għal kull munita rilevanti u għal kull maturità meta s-swieq għall-istrumenti finanzjarji jew għall-bonds rilevanti ta' dik il-maturità jkunu profondi, likwidi u trasparenti, l-EIOPA għandha tistabbilixxi u tippubblika, tal-anqas fuq bażi annwali, il-perċentwal ta' bonds b'dik il-maturità jew b'maturità itwal minn fost il-bonds kollha denominati f'dik il-munita kif imsemmi fl-Artikolu 77a(1).”

;

(c)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi u tal-fondi proprji bażiċi, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu, għal kull munita rilevanti, l-informazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-ewwel punt ta' livellar skont l-Artikolu 77a(1). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jistgħu jagħmlu użu mill-informazzjoni ppubblikata mill-EIOPA skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”

;

(d)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Fir-rigward ta' muniti fejn il-firxa b'riskju kkoreġut imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), ma tkunx stabbilita fl-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2, ma għandu jiġi applikat l-ebda aġġustament tal-volatilità għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti sabiex tiġi kkalkolata l-aħjar stima. Fir-rigward tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u fejn il-firxa b'riskju kkoreġut imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), u l-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (d), ma jkunux stabbiliti fl-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2, ma għandu jiżdied l-ebda aġġustament tal-volatilità makro mal-aġġustament tal-volatilità.”

;

(e)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-ewwel punt ta' livellar għal munita stabbilit f'att ta' implimentazzjoni ma għandux jiġi mmodifikat, sakemm valutazzjoni tal-perċentwali ta' bonds b'maturità akbar minn jew ugwali għal maturità partikolari fost il-bonds kollha denominati f'dik il-munita ma tindikax l-ewwel punt ta' livellar differenti skont l-Artikolu 77a(1) u l-perċentwal stabbilit fl-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 86(1), il-punt (b)(iii), għal tal-anqas sentejn konsekuttivi.;”

(43)

l-Artikolu 86 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

il-valwazzjoni deterministika prudenti msemmija fl-Artikolu 77(8) kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom tista' tintuża dik il-valwazzjoni sabiex tiġi vvalutata l-aħjar stima tad-dispożizzjonijiet tekniċi b'opzjonijiet u b'garanziji”

;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

il-metodoloġiji, il-prinċipji u t-tekniki għad-determinazzjoni tal-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2), b'mod partikolari:

(i)

il-formula għall-estrapolazzjoni msemmija fl-Artikolu 77a(1), inkluż il-parametri li jiddeterminaw il-veloċità ta' konverġenza tal-estrapolazzjoni;

(ii)

il-metodu għad-determinazzjoni tal-profondità, tal-likwidità u tat-trasparenza tas-swieq għall-istrumenti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 77a(1);

(iii)

il-perċentwali relatati mal-munita li taħthom is-sehem ta' bonds b'maturitajiet itwal minn jew ugwali għal maturità partikolari fost il-bonds kollha għandu jitqies bħala baxx għall-finijiet tal-Artikolu 77a(1);

(iv)

il-mekkaniżmu ta' introduzzjoni gradwali msemmi fl-Artikolu 77a(2);”

;

(iii)

il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

metodi u suppożizzjonijiet għall-kalkolu tal-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

formula għall-kalkolu tal-proporzjon ta' sensittività tal-firxa tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 77d(3) u (4);

(ii)

għal kull klassi ta' assi rilevanti, il-perċentwal tal-firxa li jirrappreżenta l-porzjon tal-firxa li huwa attribwibbli għal valutazzjoni realistika tat-telf mistenni, għal riskju ta' kreditu mhux mistenni jew għal kwalunkwe riskju ieħor, li jiġi kkalkolat kif imsemmi fl-Artikolu 77d(3); tali perċentwal għandu jonqos hekk kif jiżdiedu l-firxiet, filwaqt li jitqiesu tal-anqas it-tliet każijiet li ġejjin:

(1)

fejn il-firxiet ma jaqbżux il-medja fit-tul tagħhom;

(2)

fejn il-firxiet jaqbżu l-medja fit-tul tagħhom iżda ma jaqbżux id-doppju tal-medja fit-tul tagħhom;

(3)

fejn il-firxiet jaqbżu d-doppju tal-medja fit-tul tagħhom.

Il-korrezzjoni tar-riskju qatt ma għandha taqbeż perċentwal xieraq tal-firxiet medji fit-tul.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Il-Kummissjoni tista' tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jistabbilixxu l-kriterji għall-assi li għandhom ikunu eliġibbli sabiex jiġu inklużi fil-portafoll tal-assi msemmi fl-Artikolu 77b(1), il-punt (a).

1b.   Meta r-rieżami perjodiku tar-Rata tal-Ispejjeż tal-Kapital imsemmija fl-Artikolu 77(5) jikkonkludi li l-valur preżunt ma għadux xieraq, il-Kummissjoni tista' tadotta att delegat li jemenda l-valur preżunt tar-rata tal-Ispejjeż tal-Kapital stabbilita fl-Artikolu 77(6). Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi biss il-valur preżunt tar-rata tal-Ispejjeż tal-Kapital f'livell li ma jkunx inqas minn 4 % u mhux ogħla minn 5 %.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tal-Artikolu 77(8), l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-metodoloġija biex jiġi ddeterminat is-sett ta' xenarji li għandhom jintużaw għall-valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja msemmijin f'dak il-paragrafu. L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”

;

(44)

fl-Artikolu 92, il-paragrafi 1a u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1a.   Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw it-trattament tal-parteċipazzjonijiet, skont it-tifsira tal-Artikolu 212(2), it-tielet subparagrafu, f’istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-fondi proprji, inklużi approċċi għat-tnaqqis mill-fondi proprji bażiċi ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ parteċipazzjonijiet materjali f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji.

Minkejja t-tnaqqis tal-parteċipazzjonijiet mill-fondi proprji eliġibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kif speċifikat fl-att delegat adottat skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għall-fini tad-determinazzjoni tal-fondi proprji bażiċi kif imsemmi fl-Artikolu 88, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jippermettu lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tnaqqasx il-valur tal-parteċipazzjoni tagħha f’istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(i)

l-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja u l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jappartjenu għall-istess grupp, kif iddefinit fl-Artikolu 212, li għalih tapplika s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 213(2) il-punti (a), (b) u (c), u l-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja relatata ma tkunx soġġetta għat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 228(5); jew

(ii)

l-awtoritajiet superviżorji jirrikjedu jew jippermettu lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni japplikaw metodi tekniċi ta’ kalkolu f’konformità mal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE, u l-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja tkun inkluża fl-istess superviżjoni supplimentari skont dik id-Direttiva bħall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(b)

l-awtoritajiet superviżorji jkunu sodisfatti fir-rigward tal-livell ta’ ġestjoni integrata, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern fir-rigward tal-impriżi fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp imsemmija fil-punt (a)(i) jew fl-ambitu tas-superviżjoni supplimentari msemmija fil-punt (a)(ii);

(c)

il-parteċipazzjoni fl-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja tkun investiment fl-ekwità ta’ natura strateġika kif speċifikat fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 111(1), il-punt (m).

2.   Parteċipazzjonijiet f’istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu kif imsemmijin fil-paragrafu 1a għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

parteċipazzjonijiet li impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom fi:

(i)

istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punti (1) u (26), rispettivament, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013,

(ii)

ditti ta' investiment skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

Strumenti tal-Grad 1 addizzjonali msemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u strumenti tal-Grad 2 imsemmijin fl-Artikolu 63 ta' dak ir-Regolament, kif ukoll strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*12), li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkollhom fir-rigward tal-entitajiet imsemmijin fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu li fihom ikollhom parteċipazzjoni.

(*12)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).”;"

(45)

fl-Artikolu 95, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għal dak l-għan, u fejn applikabbli, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirreferu għal-lista ta' elementi ta' fondi proprji msemmijin fl-Artikolu 97(1).”

;

(46)

fl-Artikolu 96, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 95 u għall-Artikolu 97(1), għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu applikati l-klassifikazzjonijiet li ġejjin:

(1)

fondi żejda skont l-Artikolu 91(2) għandhom jiġu kklassifikati fil-Livell 1;

(2)

ittri ta' kreditu u garanziji li huma miżmumin fi trust għall-benefiċċju ta' kredituri tal-assigurazzjoni minn trustee indipendenti u pprovduti minn istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jiġu kklassifikati fil-Livell 2;

(3)

kwalunkwe klejms futuri li jista' jkollhom kontra l-membri tagħhom l-assoċjazzjonijiet mutwi jew tat-tip mutwu tas-sidien tal-vapuri b'kontribuzzjonijiet varjabbli li jassiguraw biss ir-riskji elenkati fil-klassijiet 6, 12 u 17 fil-Parti A tal-Anness I permezz ta' sejħa għal kontribuzzjonijiet supplementari, fit-12-il xahar li jsegwu, għandhom jiġu kklassifikati fil-Livell 2.”

;

(47)

fl-Artikolu 105, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta, f'konformità mal-Artikolu 301a, atti delegati biex tissupplimenta din id-Direttiva, sabiex tirrifletti r-riskju ppreżentat mill-kriptoassi fil-modulu tar-riskju tas-suq imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u fil-modulu ta’ riskju ta’ nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti msemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.”

;

(48)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 105a

Investimenti fl-ekwità fit-tul

1.   B'deroga mill-Artikolu 101(3), u bħala parti mis-submodulu tar-riskju tal-ekwità msemmi fl-Artikolu 105(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tal-Istati Membri għandhom jippermettu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, japplikaw għal subsett speċifiku ta' investimenti fl-ekwità miżmuma b'perspettiva fit-tul rekwiżit kapitali f'konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, subsett ta' investimenti fl-ekwità ta' impriża jista' jiġi ttratat bħala investimenti f'ekwità fit-tul jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni turi, għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja, li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

is-subsett ta' investimenti fl-ekwità jkun identifikat b'mod ċar u ġestit separatament mill-attivitajiet l-oħra tal-impriża;

(b)

hija stabbilita politika għall-ġestjoni tal-investiment fit-tul għal kull portafoll tal-ekwità fit-tul u tirrifletti l-impenn tal-impriża li żżomm l-iskopertura ġenerali għall-ekwità fis-subsett ta' investiment fl-ekwità għal perjodu li jaqbeż bħala medja l-ħames snin. Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża għandhom japprovaw espliċitament il-politiki tal-ġestjoni tal-investiment u dawk il-politiki jiġu rieżaminati ta' spiss fl-isfond tal-ġestjoni reali tal-portafolli, u rrappurtati fil-valutazzjoni tar-riskju propju u tas-solvenza tal-impriża msemmija fl-Artikolu 45;

(c)

is-subsett ta' investimenti fl-ekwità jikkonsisti biss f'ekwitajiet li huma elenkati fil-pajjiżi li huma membri taż-ŻEE jew tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jew ta' ekwitajiet mhux elenkati tal-kumpaniji li għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom f'pajjiżi li huma membri taż-ŻEE jew tal-OECD;

(d)

l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun kapaċi turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li fuq bażi kontinwa u taħt kundizzjonijiet ta' stress, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni hija kapaċi tevita l-bejgħ furzat ta' investimenti fl-ekwità fis-subsett għal ħames snin;

(e)

il-ġestjoni tar-riskju, il-ġestjoni tal-attiv u l-passiv u l-politiki ta' investiment tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jirriflettu l-intenzjoni tal-impriża li żżomm is-subsett ta' investimenti fl-ekwità għal perjodu li jkun kompatibbli mar-rekwiżit stabbilit fil-punt (b) u l-kapaċità tal-impriża li tissodisfa r-rekwiżit stabbilit fil-punt (d);

(f)

is-subsett ta' investimenti fl-ekwità jkun diversifikat b'mod xieraq b'tali mod li tiġi evitata dipendenza eċċessiva fuq kwalunkwe emittent jew grupp ta' impriżi partikolari u akkumulazzjoni eċċessiva ta' riskju fil-portafoll ta' investimenti fl-ekwità fit-tul kollu kemm hu bl-istess profil tar-riskju;

(g)

is-subsett ta' investimenti fl-ekwità ma jinkludix parteċipazzjonijiet.

2.   Fejn l-ekwitajiet jinżammu f'fondi ta' investiment Ewropej fuq terminu twil jew f'ċerti tipi ta' impriżi ta' investiment kollettiv, inklużi fondi ta' investiment alternattivi, li huma identifikati fl-atti delegati adottati skont din id-Direttiva bħala li għandhom profil ta' riskju aktar baxx, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu vvalutati fil-livell tal-fondi u mhux tal-assi sottostanti miżmuma f'dawk il-fondi.

3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jittrattaw subsett ta' investimenti fl-ekwità bħala investimenti f'ekwità fit-tul f'konformità mal-paragrafu 1 ma għandhomx jerġgħu lura għal approċċ li ma jinkludix investimenti fl-ekwità fit-tul.

Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tittratta subsett ta' investimenti fl-ekwità bħala investimenti fl-ekwità fit-tul ma tibqax tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, din għandha tinforma lill-awtorità superviżorja immedjatament u tieħu l-miżuri neċessarji biex terġa' tistabbilixxi l-konformità.

Fi żmien xahar mid-data tal-ewwel osservazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tipprovdi lill-awtorità superviżorja l-informazzjoni meħtieġa u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-impriża biex tikseb, fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel osservazzjoni tan-nuqqas ta' konformità, l-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità ma' dawk il-kundizzjonijiet.

Meta l-impriża ma tkunx tista' terġa' tistabbilixxi l-konformità fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel osservazzjoni ta' nuqqas ta' konformità, hija għandha tieqaf tikklassifika kwalunkwe investiment fl-ekwità bħala investiment ta' ekwità fit-tul f'konformità ma' dan l-Artikolu għal perjodu ta' sentejn u nofs, jew sakemm il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma tiġix stabbilita mill-ġdid, skont liema perjodu jkun l-itwal.

4.   Ir-rekwiżit kapitali għal investimenti fl-ekwità fit-tul għandu jkun ugwali għat-telf fil-fondi proprji bażiċi li jirriżulta minn tnaqqis istantanju ugwali għal 22 % fil-valur tal-investimenti li jiġu ttrattati bħala ekwità fit-tul.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a biex jissupplimentaw din id-Direttiva billi jispeċifikaw aktar:

(a)

il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu;

(b)

it-tipi ta' impriżi ta' investiment kollettiv imsemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 51(1) u fir-rapport superviżorju regolari msemmi fl-Artikolu 35(5a).”

;

(49)

fl-Artikolu 106, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-aġġustament simetriku li jsir għall-imposta tal-kapital ta' ekwità standard li jkopri r-riskju li jirriżulta minn bidliet fil-livell tal-prezzijiet tal-ekwità ma għandux jirriżulta fl-applikazzjoni ta' imposta tal-kapital ta' ekwità li tkun aktar minn 13-il punt perċentwali aktar baxxa jew ogħla mill-imposta tal-kapital ta' ekwità standard.”

;

(50)

l-Artikolu 109 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 109

Simplifikazzjonijiet fil-formula standard

1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu jużaw kalkolu simplifikat għal modulu tar-riskju jew submodulu tar-riskju speċifiku meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji li jiffaċċjaw jiġġustifikaw l-użu ta' kalkolu simplifikat;

(b)

ikun sproporzjonat li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tintalab tapplika l-kalkolu standardizzat;

(c)

l-iżball meta mqabbel mal-kalkolu standardizzat ma jwassalx għal dikjarazzjoni materjali skorretta tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ħlief f'każijiet fejn il-kalkolu ssimplifikat iwassal għal Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza li jaqbeż ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza li jirriżulta mill-kalkolu standardizzat.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, impriżi żgħar u mhux kumplessi jistgħu jużaw kalkolu simplifikat għal modulu tar-riskju jew submodulu tar-riskju speċifiku meta jkunu jistgħu juru għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja u mill-inqas kull ħames snin li l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

kull modulu tar-riskju jew submodulu tar-riskju individwali li għalih huwa maħsub li jintuża kalkolu simplifikat, jirrappreżenta, mingħajr l-applikazzjoni tas-simplifikazzjoni, inqas minn 2 % tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku;

(b)

is-somma tal-moduli tar-riskju jew tas-submoduli tar-riskju kollha li għalihom huwa maħsub li jintuża kalkolu simplifikat, tirrappreżenta, mingħajr l-applikazzjoni tas-simplifikazzjoni, inqas minn 10 % tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, kalkoli simplifikati għandhom jiġu kkalibrati f'konformità mal-Artikolu 101(3).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għall-Artikolu 102(1), meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tikkalkola r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u modulu tar-riskju jew submodulu tar-riskju ma jirrappreżentax sehem ta' aktar minn 5 % tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku msemmi fl-Artikolu 103, il-punt (a), l-impriża tista' tuża kalkolu simplifikat għal dak il-modulu tar-riskju jew is-submodulu tar-riskju matul perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin wara dak il-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, is-somma tal-ishma, relattiva għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku, ta' kull modulu tar-riskju jew submodulu tar-riskju fejn jiġu applikati l-kalkoli simplifikati skont dak il-paragrafu ma għandhiex taqbeż l-10 %.

Is-sehem ta' modulu tar-riskju jew ta' submodulu tar-riskju relattiv għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun dak is-sehem kif ikkalkolat l-aħħar darba meta l-modulu tar-riskju jew is-submodulu tar-riskju jkun ġie kkalkolat mingħajr kalkolu simplifikat skont il-paragrafu 2.”

;

(51)

l-Artikolu 111 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (l) u (m) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(l)

il-kalkoli simplifikati previsti għal moduli tar-riskju u għal submoduli tar-riskju speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 109(1) u għal moduli tar-riskju u għal submoduli tar-riskju immaterjali msemmijin fl-Artikolu 109(2), kif ukoll il-kriterji li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, inklużi l-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive, għandhom ikunu meħtieġa jissodisfaw sabiex ikunu intitolati jużaw is-simplifikazzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 109(1);

(m)

l-approċċ li għandu jintuża fir-rigward ta' holdings kwalifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 13, il-punt (21), fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, b'mod partikolari l-kalkolu tas-submodulu tar-riskju ta' ekwità msemmi fl-Artikolu 105(5), filwaqt li jitqies it-tnaqqis probabbli fil-volatilità tal-valur ta' dawk il-holdings kwalifikanti li jirriżulta min-natura strateġika ta' dawk l-investimenti u mill-influwenza eżerċitata mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fuq dawk id-destinatarji ta' investiment;”

;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dan il-paragrafu, il-metodi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri standard għas-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 105(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), għandhom jirriflettu r-riskju li r-rati tal-imgħax jistgħu jkomplu jonqsu anke meta jkunu baxxi jew negattivi u l-kalkolu tas-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax għandu jkun konsistenti mal-estrapolazzjoni tar-rati tal-imgħax skontl-Artikolu 77a. Minkejja l-ewwel s-sentenza ta' dan is-subparagrafu, il-kalkolu tas-submodulu ta' riskju fuq ir-rata tal-imgħax ma għandux ikun meħtieġ iqis ir-riskju li r-rati tal-imgħax jaqgħu għal livelli taħt livell negattiv meta jiġi ddeterminat livell negattiv b'tali mod li l-probabbiltà li r-rati tal-imgħax fil-valuti rilevanti u fil-maturitajiet mhux dejjem ikunu ogħla mil-livell negattiv hija żgħira biżżejjed.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (h), ta' dan il-paragrafu, il-metodi u l-aġġustamenti li għandhom jintużaw sabiex jirriflettu l-ambitu mnaqqas għad-diversifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni relatati ma' fondi delimitati ma għandhomx japplikaw għall-portafolli tal-assi li ma humiex fondi delimitati u li huma assenjati sabiex ikopru l-aħjar stima korrispondenti tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 77b(1), il-punt (a).”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   "Meta l-Kummissjoni tadotta atti delegati, skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-metodi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri standard li għandhom jintużaw għall-kalkolu tas-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 105(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), bl-għan li tittejjeb is-sensittività tar-rekwiżiti kapitali f'konformità mal-iżviluppi fir-rati tal-imgħax, emendi għas-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax jistgħu jiġu introdotti gradwalment fuq perjodu tranżitorju ta' mhux aktar minn ħames snin. Tali introduzzjoni gradwali għandha tkun obbligatorja u tapplika għall-impriżi kollha tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Sad-29 ta’ Jannar 2030 u kull ħames snin wara dan, l-EIOPA għandha twettaq valutazzjoni tal-adegwatezza tal-metodi, is-suppożizzjonijiet, u l-parametri standard użati fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza abbażi tal-formola standard. Hija għandha, b' mod partikolari, tqis il-prestazzjoni ta' kwalunkwe klassi ta’assi u strumenti finanzjarji, l-imġiba tal-investituri f' dawk il-klassijiet ta’ assi u strumenti finanzjarji kif ukoll l-iżviluppi fl-istabbiliment ta' standard internazzjonali fis-servizzi finanzjarji. Ir-rieżami ta' ċerti riskji u ta’ ċerti klassijiet ta' assi jista' jiġi prijoritizzat. Abbażi tal-valutazzjoni tal-EIOPA, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn ikun xieraq, proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva, jew ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni adottati skontha.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw l-introduzzjoni gradwali msemmija fil-paragrafu 2a ta' dan l-Artikolu, għandhom, fil-parti tar-rapport tagħhom dwar il-kundizzjoni finanzjarja tas-solvenza tagħhom, li tikkonsisti f'informazzjoni mmirata għall-professjonisti tas-suq imsemmijin fl-Artikolu 51 (1b), jiżvelaw pubblikament:

(i)

il-fatt li japplikaw l-introduzzjoni gradwali msemmija fil-paragrafu 2a ta' dan l-Artikolu; u

(ii)

il-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-introduzzjoni gradwali msemmija fil-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom.”

;

(52)

fl-Artikolu 112, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Wara li jkunu rċevew approvazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jużaw mudell intern, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet superviżorji kull sentejn b’stima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ddeterminata f'konformità mal-formula standard, kif stabbilit fis-Subtaqsima 2. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu, permezz ta' deċiżjoni li tiddikjara r-raġunijiet, jitolbu rappurtar aktar frekwenti mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.”

;

(53)

Fl-Artikolu 122, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità kkalkolat f'konformità mal-Artikolu 77d fil-mudell intern tagħhom, biss meta:

(a)

il-metodu li għandu jqis l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità għal munita ma jqisx l-aġġustament speċifiku għall-impriża tal-firxa b'riskju kkoreġut skont l-Artikolu 77d(1c) u lanqas, fil-każ tal-euro, żieda possibbli tal-aġġustament tal-volatilità b'aġġustament tal-volatilità makro skont l-Artikolu 77d(4);

(b)

ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ma jkunx anqas minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza nozzjonali kkalkolat bħala r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ħlief li l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità jitqies f'konformità mal-metodoloġija użata mill-EIOPA għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni teknika skont l-Artikolu 77e(1), il-punt (c);

(ii)

Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza nozzjonali kkalkolat f'konformità mal-punt (i), ta’ dan il-punt, ħlief li l-portafoll rappreżentattiv għal valuta msemmija fl-Artikolu 77d(2), it-tieni subparagrafu, jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-assi li fihom l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun qed tinvesti minflok l-assi tal-impriżi kollha tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni b'obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni denominati f'dik il-munita.

Għall-finijiet fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), id-determinazzjoni tal-portafoll rappreżentattiv għal munita partikolari għandha tkun ibbażata fuq l-assi tal-impriża denominati f'dik il-munita u użati sabiex ikopru l-aħjar stima għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni denominati f'dik il-munita.”

;

(54)

l-Artikolu 132 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, il-kliem “id-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2009/65/KE”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji possibbli, meta jiddeċiedu dwar l-istrateġija ta' investiment tagħhom.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu wkoll l-impatt tar-riskji għas-sostenibbiltà fuq l-investimenti tagħhom u l-impatt potenzjali fit-tul tad-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà meta jiddeċiedu dwar l-istrateġija ta' investiment tagħhom.

6.   Fuq talba tal-awtorità superviżorja, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu t-tħassib makroprudenzjali meta jiddeċiedu dwar l-istrateġija ta' investiment tagħhom u jivvalutaw sa liema punt l-istrateġija ta' investiment tagħhom tista' taffettwa l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji u jkollha l-potenzjal li tbiddel f'sorsi ta' riskju sistemiku, u jinkorporaw tali kunsiderazzjonijiet bħala parti mid-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom.

7.   Għall-finijiet tal-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji kif ukoll it-tħassib makroprudenzjali għandu jkollhom l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 45.

8.   Meta tiddeċiedi jekk tagħmilx it-talba msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li hija impriża sussidjarja inkluża fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b) l-awtorità superviżorja għandha tikkunsidra jekk il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu titwettaqx fil-livell tal-grupp mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha reġistrat tagħha fl-Unjoni, u tkoprix l-ispeċifiċitajiet ta' dik l-impriża sussidjarja.”

;

(55)

fl-Artikolu 133(3), il-kliem “id-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2009/65/KE”;

(56)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 136a

Deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tas-solvenza

1.   Wara notifika skont l-Artikolu 136 jew wara l-identifikazzjoni ta' kundizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw skont l-Artikolu 36(3), fejn il-pożizzjoni ta' solvenza tal-impriża tiddeterjora, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw dak id-deterjorament.

2.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju u proporzjonati għas-sinifikanza tal-kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jieħdu mill-inqas il-miżuri li ġejjin:

(a)

jeħtieġu li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża jaġġorna l-pjan ta' rkupru preventiv imfassal f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2025/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13), meta ċ-ċirkostanzi jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet stabbiliti f'dak il-pjan;

(b)

jeħtieġu li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża jieħu miżuri stabbiliti fil-pjan ta' rkupru preventiv imfassal f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2025/1; meta l-pjan jiġi aġġornat skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, il-miżuri meħudin għandu jkun fihom kwalunkwe miżura aġġornata;

(c)

jeħtieġu li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta' impriża li ma jkollhiex fis-seħħ pjan ta' rkupru preventiv kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2025/1, jidentifika l-kawżi tan-nuqqas ta' konformità jew tan-nuqqas ta' konformità probabbli mar-rekwiżiti regolatorji u li jidentifika miżuri u perjodu ta' żmien xierqa għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti regolatorji;

(d)

jeħtieġu li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża jissospendi jew jirrestrinġi r-remunerazzjoni varjabbli u l-bonusijiet, id-distribuzzjonijiet fuq strumenti ta' fondi proprji jew ir-ripagament jew ir-riakkwist ta' elementi ta' fondi proprji.

(*13)  Direttiva (UE) 2025/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2017/1129 (ĠU L, 2025/1, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1/oj).”;"

(57)

l-Artikolu 138(4) huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Fil-każ ta' sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali li jaffettwaw l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mis-suq jew mil-linji operatorji affettwati, kif iddikjarat mill-EIOPA, l-awtorità superviżorja tista' testendi, għall-impriżi affettwati, il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, b'perjodu massimu ta' seba' snin b'kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha inkluż id-durata medja tad-dispożizzjonijiet tekniċi.”

;

(b)

fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-EIOPA skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-EIOPA, wara talba mill-awtorità superviżorja kkonċernata u, fejn xieraq, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tiddikjara l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali.”

;

(58)

l-Artikolu 139 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 139

Nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu

1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinformaw lill-awtorità superviżorja immedjatament meta jaraw li r-Rekwiżit Kapitali Minimu ma jkunx għadu qed jitħares, jew meta jkun hemm riskju ta' nuqqas ta' konformità fit-tliet xhur sussegwenti.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ir-rekwiżit li l-awtorità superviżorja tiġi informata għandu japplika irrispettivament minn jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tosservax in-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew ir-riskju ta' nuqqas ta' konformità matul kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali Minimu skont l-Artikolu 129(4) jew waqt kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali Minimu bejn żewġ dati meta tali kalkolu jiġi rrapportat lill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 129(4).

2.   Fi żmien xahar mill-osservazzjoni tan-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew mill-osservazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' konformità, l-impriża kkonċernata tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tissottometti, għall-approvazzjoni tal-awtorità superviżorja, skema finanzjarja realistika għal perjodu qasir sabiex tirkupra, fi żmien tliet xhur minn din l-osservazzjoni, il-fondi bażiċi proprji eliġibbli, tal-anqas sal-livell tar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew sabiex tnaqqas il-profil tar-riskju tagħha bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu.

3.   Jekk proċedura ta' stralċ ma tinfetaħx fi żmien xahrejn mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tikkunsidra li tillimita jew tipprojbixxi d-disponiment liberu tal-assi tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti b'dan. Fuq it-talba tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju, dawk l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-istess miżuri. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tagħżel l-assi li għandhom ikunu koperti b'tali miżuri.

4.   L-EIOPA tista' tiżviluppa linji gwida għall-azzjonijiet li jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jieħdu meta josservaw nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew mar-riskju ta' nuqqas ta' konformità msemmi fil-paragrafu 1.”

;

(59)

l-Artikolu 141 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 141

Setgħat superviżorji f'kundizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw

1.   Fejn kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmijin fl-Artikoli 136a, 138 u 139 titqies mill-awtoritajiet superviżorji bħala ineffettiva jew insuffiċjenti biex tindirizza d-deterjorament tal-pożizzjoni ta' solvenza tal-impriża, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu l-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jissalvagwardjaw l-interessi tad-detenturi tal-poloz fil-każ ta' kuntratti tal-assigurazzjoni, jew l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti tar-riassigurazzjoni.

2.   Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u b'hekk jirriflettu l-livell u t-tul ta' żmien tad-deterjorament tal-pożizzjoni tas-solvenza tal-impriża kkonċernata tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.”

;

(60)

Fl-Artikolu 144, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Fil-każ ta' rtirar tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkomplu jkunu soġġetti għar-regoli u għall-objettivi ġenerali tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III tat-Titolu I, mill-inqas sakemm jinfetaħ kwalunkwe proċedura ta' stralċ.”

;

(61)

fit-Titolu I, jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VIIa

Għodod makroprudenzjali

Artikolu 144a

Ġestjoni tar-riskju ta' likwidità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġestjoni tar-riskju ta' likwidità tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (d), tiżgura li huma jżommu likwidità adegwata sabiex isaldaw l-obbligi finanzjarji tagħhom fir-rigward tad-detenturi ta' poloz u ta' kontropartijiet oħrajn meta jsiru dovuti, anke taħt kundizzjonijiet ta' stress.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jfasslu u jżommu aġġornat pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jkopri l-analiżi ta' likwidità fuq perjodu qasir, jipproġetta l-flussi ta' flus li jidħlu u li joħorġu fir-rigward tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tagħhom. Meta jintalbu mill-awtoritajiet superviżorji, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jestendu l-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità biex ikopri wkoll l-analiżi tal-likwidità fuq terminu medju u twil. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżviluppaw u jżommu aġġornat sett ta' indikaturi tar-riskju tal-likwidità sabiex jidentifikaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw l-istress tal-likwidità potenzjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji l-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità bħala parti mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1).

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni żgħar u mhux kumplessi li jkunu kisbu approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 29d ma jkunux obbligati jfasslu pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni japplikaw l-aġġustament ta' korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b jew l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, huma jkunu jistgħu jikkombinaw il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu mal-pjan meħtieġ f'konformità mal-Artikolu 44(2), ir-raba' subparagrafu.

Artikolu 144b

Setgħat superviżorji sabiex jirrimedjaw il-vulnerabbiltajiet tal-likwidità f'ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Bħala parti mill-proċess ta' rieżami superviżorju regolari, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jimmonitorjaw il-pożizzjoni tal-likwidità tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Meta jidentifikaw riskji materjali ta' likwidità, huma għandhom jinformaw lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata b’dan. L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tispjega kif ikun biħsiebha tindirizza dawk ir-riskji ta' likwidità.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex jirrikjedu lill-impriżi jsaħħu l-pożizzjoni tal-likwidità tagħhom meta jiġu identifikati riskji jew nuqqasijiet ta' likwidità materjali. Tali setgħat għandhom jiġu applikati meta jkun hemm biżżejjed evidenza dwar l-eżistenza ta' riskji ta' likwidità materjali u n-nuqqas ta' rimedji effettivi meħudin mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

Il-miżuri meħudin minn awtorità superviżorja fuq il-bażi ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull sitt xhur u jitneħħew meta l-impriża tkun ħadet rimedji effettivi.

Meta rilevanti, l-awtorità superviżorja għandha taqsam l-evidenza tal-vulnerabbiltajiet f'termini ta' riskji ta' likwidità mal-EIOPA.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta' impriżi individwali li jiffaċċjaw riskji ta' likwidità materjali li jistgħu jikkawżaw theddida imminenti għall-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li temporanjament:

(a)

jirrestrinġu jew jissospendu d-distribuzzjonijiet tad-dividendi lill-azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn;

(b)

jirrestrinġu jew jissospendu pagamenti oħrajn lil azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn;

(c)

jirrestrinġu jew jissospendu x-xiri lura ta' ishma u r-ripagament jew it-tifdija ta' elementi ta' fondi proprji;

(d)

jirrestrinġu jew jissospendu l-bonusijiet jew remunerazzjoni varjabbli oħra;

(e)

jissospendu d-drittijiet tat-tifdija tad-detenturi ta' poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja (‘drittijiet ta’ tifdija’).

Is-setgħa li jiġu sospiżi d-drittijiet tat-tifdija għandha tiġi eżerċitata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffettwaw lill-impriża, bħala miżura tal-aħħar istanza u meta dak ikun fl-interess kollettiv tad-detenturi tal-poloz u l-benefiċjarji tal-impriża. Qabel ma teżerċita dik is-setgħa, l-awtorità superviżorja għandha tqis l-effetti potenzjali mhux intenzjonati fuq is-swieq finanzjarji, fuq id-drittijiet tad-detenturi ta' poloz u tal-benefiċjarji tal-impriża, inkluż f'kuntest transfruntier. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġġustifikaw b'mod pubbliku l-applikazzjoni ta' dik is-setgħa.

L-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex iddum aktar minn tliet xhur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżura tkun tista' tiġġedded jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikawha jkunu għadhom preżenti u li ma tibqax tiġi applikata meta dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux preżenti.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 144c(6), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sakemm titneħħa s-sospensjoni tad-drittijiet ta' tifdija mill-awtoritajiet superviżorji, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kkonċernati ma:

(a)

jagħmlu ebda distribuzzjoni jew pagamenti oħra lill-azzjonisti jew lil kredituri subordinati oħra;

(b)

iwettqu ebda xiri lura ta' ishma jew iħallsu lura jew jifdu kwalunkwe element ta' fondi proprji; jew

(c)

iħallsu bonusijiet jew remunerazzjoni varjabbli oħra lill-membri tal-bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, lid-detenturi ta' funzjonijiet ewlenin jew lill-maniġment superjuri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jinfurzaw ir-rekwiżiti msemmijin fir-raba' subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi jew l-awtoritajiet b'mandat makroprudenzjali, fejn differenti mill-awtoritajiet superviżorji, ikunu informati kif xieraq f'waqtu bl-intenzjoni tal-awtoritajiet superviżorji li jagħmlu użu mis-setgħa msemmija f'dan il-paragrafu, u jkunu involuti fil-valutazzjoni tal-effetti potenzjali mhux intenzjonati msemmijin fit-tieni subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jinnotifikaw lill-EIOPA u lill-BERS kull meta jiġu eżerċitati s-setgħat imsemmijin f'dan il-paragrafu sabiex jiġi indirizzat riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

4.   Fl-eżerċizzju tas-setgħatimsemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu kif xieraq il-kriterji ta' proporzjonalità msemmijin fl-Artikolu 29(3).

Meta, wara li tikkonsulta mal-BERS, l-EIOPA tqis li l-eżerċitar tas-setgħat imsemmijin fil-paragrafu 3 mill-awtorità kompetenti jkun eċċessiv, għandha toħroġ opinjoni lill-awtorità superviżorja kkonċernata li tirrakkomanda li d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja tiġi rieżaminata. Dik l-opinjoni ma għandhiex issir pubblika.

5.   Fl-eżerċizzju tas-setgħatimsemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu l-evidenza li tirriżulta mill- proċess ta' rieżami superviżorju u minn valutazzjoni li tħares 'il quddiem tal-pożizzjoni tas-solvenza u finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, f'konformità mal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (a) u (b).

6.   Is-setgħat imsemmijin fil-paragrafu 3 jistgħu jiġu eżerċitati fir-rigward tal-impriżi kkonċernati li joperaw fi Stat Membru partikolari fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmijin fil-paragrafu 3 jaffettwaw il-parti sħiħa jew parti sinifikanti tas-suq tal-assigurazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità sabiex teżerċita s-setgħat imsemmijin fl-ewwel subparagrafu.

Meta l-awtorità maħtura tkun differenti mill-awtorità superviżorja, l-Istat Membru għandu jiżgura koordinazzjoni u skambju xierqa ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kollha għandhom ikunu meħtieġa jikkooperaw mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni kollha li tista’ tkun neċessarja għat-twettiq b’mod adegwat tad-dmirijiet fdati lill-awtorità maħtura skont dan il-paragrafu.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità msemmija fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu, tinnotifika fi żmien debitu lill-EIOPA, u, fejn tittieħed il-miżura sabiex jiġi indirizzat riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, lill-BERS dwar l-użu tas-setgħat imsemmijin fil-paragrafu 6.

In-notifika għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżura applikata, id-durata tagħha, u r-raġunijiet għall-użu tas-setgħa, inkluż ir-raġunijiet għaliex il-miżura tqieset li hija effettiva u proporzjonata fir-rigward tal-effetti negattivi tagħha fuq id-detenturi ta' poloz.

8.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tiżviluppa linji gwida li jispeċifikaw aktar:

(a)

il-miżuri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tar-riskju ta' likwidità u l-forma, l-attivazzjoni u l-kalibrazzjoni tas-setgħat li l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jeżerċitaw sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-likwidità tal-impriżi fejn jiġu identifikati r-riskji tal-likwidità u ma jkunux rimedjati b'mod adegwat minn dawk l-impriżi;

(b)

l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni temporanja tad-drittijiet ta' tifdija;

(c)

il-kundizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tas-sospensjoni temporanja tad-drittijiet ta' tifdija bħala miżura tal-aħħar istanza madwar l-Unjoni u l-aspetti li għandhom jitqiesu għall-protezzjoni ugwali u adegwata tad-detenturi ta' poloz fil-ġuriżdizzjonijiet kollha ta' domiċilju u ospitanti.

Artikolu 144c

Miżuri superviżorji sabiex tiġi ppreservata l-pożizzjoni finanzjarja tal-impriżi matul xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 141, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jieħdu miżuri sabiex jippreservaw il-pożizzjoni finanzjarja ta' impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni matul perjodi ta' xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu li għandhom il-potenzjal li jheddu l-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

2.   Matul perjodi ta' xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi bi profil tar-riskju partikolarment vulnerabbli sabiex jieħdu tal-anqas il-miżuri li ġejjin:

(a)

jirrestrinġu jew jissospendu d-distribuzzjonijiet tad-dividendi lill-azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn;

(b)

jirrestrinġu jew jissospendu pagamenti oħrajn lil azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn;

(c)

jirrestrinġu jew jissospendu x-xiri lura ta' ishma u r-ripagament jew it-tifdija ta' elementi ta' fondi proprji;

(d)

jirrestrinġu jew jissospendu l-bonusijiet jew remunerazzjoni varjabbli oħra.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti b’mandat makroprudenzjali jiġu informati kif xieraq dwar l-intenzjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali li tagħmel użu mis-setgħat previsti f'dan l-Artikolu, u li jkunu involuti kif xieraq fil-valutazzjoni ta' xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu f'konformità ma' dan il-paragrafu.

3.   Meta jeżerċitaw is-setgħa msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu kif xieraq il-kriterji tal-proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 29(3), u l-eżistenza ta' limiti approvati ta' tolleranza tar-riskju mill-impriża u l-limiti fis-sistema ta' ġestjoni tar-riskju tagħha.

4.   Meta jeżerċitaw is-setgħa msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu l-evidenza li tirriżulta mill-proċess ta' rieżami superviżorju u minn valutazzjoni li tħares 'il quddiem tal-pożizzjoni tas-solvenza u finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, f'konformità mal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (a) u (b).

5.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 għandha ddum sakemm ikunu preżenti r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati mill-anqas kull tliet xhur u għandhom jitneħħew malli jintemmu r-raġunijiet li jkunu ġġustifikaw il-miżuri.

6.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti msemmijin fl-Artikolu 245(2), li jinkludu distribuzzjonijiet tad-dividendi intragrupp, għandhom jiġu sospiżi jew ristretti biss meta jkunu ta' theddida għall-pożizzjoni tas-solvenza jew tal-likwidità tal-grupp jew ta' mill-anqas waħda mill-impriżi fil-grupp. L-awtoritajiet superviżorji tal-impriżi relatati għandhom jikkonsultaw lis-superviżur tal-grupp qabel ma jissospendu jew jirrestrinġu t-tranżazzjonijiet mal-bqija tal-grupp.

7.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kriterji għall-identifikazzjoni ta' xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu. L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 144d

Applikazzjoni ta’ għodod makroprudenzjali addizzjonali

1.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-għodod makroprudenzjali msemmijin fl-Artikolu 45(1), il-punt (e), l-Artikolu 132(6) u l-Artikolu 144a(2), l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet superviżorji meta jiddefinixxu l-impriżi u l-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li għandhom jintalbu:

(a)

iwettqu l-analiżijiet makroprudenzjali addizzjonali msemmijin fl-Artikolu 45(1)(e), b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 9 ta' dak l-Artikolu;

(b)

jinkorporaw kunsiderazzjonijiet makroprudenzjali bħala parti mill-prinċipju tal-‘persuna prudenti’ msemmi fl-Artikolu 132(6), b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 8 ta' dak l-Artikolu;

(c)

ifasslu u jżommu pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jkopri l-analiżi tal-likwidità fuq terminu medju u twil f'konformità mal-Artikolu 144a(2).

L-EIOPA għandha tippreżenta l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-għodod makroprudenzjali msemmijin fl-Artikolu 144a(2), l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut u l-frekwenza tal-aġġornament tal-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, b'kont meħud tal-kombinament possibbli ta' pjanijiet kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dak l-Artikolu. L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), il-kriterji li għandhom jitqiesu għandhom ikunu proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, u b'mod partikolari l-livell ta' interkonnettività mas-swieq finanzjarji, in-natura transfruntiera tal-attivitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u l-investimenti tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), il-kriterji li għandhom jitqiesu għandhom ikunu proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, u b'mod partikolari l-kompożizzjoni tal-portafolli tal-assi u l-obbligazzjonijiet, in-natura u l-varjabbiltà tal-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-iskopertura tal-flussi ta' flus mistennija tal-assi għaċ-ċaqliq tas-suq.”

;

(62)

fl-Artikolu 145, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

l-isem ta' persuna li jkollha setgħat suffiċjenti sabiex torbot, fir-rigward ta' partijiet terzi, lill-impriża tal-assigurazzjoni;”

;

(b)

jitħassar it-tieni subparagrafu;

(63)

l-Artikolu 149 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 149

Bidliet fin-natura tar-riskji jew tal-impenji

1.   Il-proċedura prevista fl-Artikoli 147 u 148 għandha tapplika għal kwalunkwe bidla li impriża tal-assigurazzjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 147.

2.   Fejn ikun hemm bidla fin-negozju mwettaq mill-impriża tal-assigurazzjoni taħt il-libertà li tipprovdi servizzi li taffettwa materjalment il-profil tar-riskju tagħha jew li tinfluwenza materjalment l-attivitajiet tal-assigurazzjoni fi Stat Membru ospitanti wieħed jew aktar, l-impriża tal-assigurazzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati mingħajr dewmien.”

;

(64)

it-titolu tal-Kapitolu VIII, it-Taqsima 2A, huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Notifika, attivitajiet transfruntieri sinifikanti u pjattaformi ta' kollaborazzjoni”

;

(65)

fl-Artikolu 152a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinnotifika lill-EIOPA u lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti rilevanti jekk tidentifika kundizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw jew riskji emerġenti oħrajn, inkluż dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi, minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li twettaq attivitajiet li jkunu bbażati fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew id-dritt tal-istabbiliment u li jista' jkollhom effett transfruntier. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tista' wkoll tinnotifika lill-EIOPA u lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju rilevanti fejn ikollha tħassib serju u motivat fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-assistenza tagħha meta ma tkun tista' tinstab l-ebda soluzzjoni bilaterali.”

;

(66)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 152aa

Attivitajiet transfruntieri sinifikanti

1.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, ‘attivitajiet transfruntieri sinifikanti’ tfisser attivitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ospitanti partikolari taħt id-dritt tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li mhijiex ikklassifikata bħala impriża żgħira u mhux kumplessa, u li tissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-introjtu annwali totali mill-primjum gross miktub li jikkorrispondi għall-attivitajiet imwettqin mill-impriża f’ dak l-Istat Membru ospitanti taħt id-dritt tal-istabbiliment u taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jaqbeż il-EUR 15 000 000;

(b)

l-attivitajiet imwettqa taħt id-dritt tal-istabbiliment jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma kkunsidrati mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti bħala ta’ rilevanza fir-rigward tas-suq tal-Istat Membru ospitanti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards regolatorji tekniċi biex tispeċifika aktar il-kundizzjonijiet u l-kriterji li għandhom jintużaw meta jiġi ddeterminat liema impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni huma ta' rilevanza fir-rigward tas-suq tal-Istat Membru ospitanti.

L-EIOPA għandha tissottometti l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tqis li l-attivitajiet imwettqin taħt id-dritt tal-istabbiliment jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma ta' rilevanza fir-rigward tas-suq tal-Istat Membru ospitanti, hija għandha tinnotifika lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju filwaqt li tagħti r-raġunijiet għal dan.

4.   Fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju ma taqbilx dwar ir-rilevanza tal-attivitajiet imwettqin taħt id-dritt tal-istabbiliment jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija għandha tinnotifika lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti fi żmien xahar, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għal dan. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil dwar ir-rilevanza tal-attivitajiet imwettqin taħt id-dritt tal-istabbiliment jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-assistenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-EIOPA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħat mogħtijin minn dak l-Artikolu.

Artikolu 152ab

Kooperazzjoni superviżorja u skambju ta' informazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet superviżorji ta' domiċilju u ospitanti fir-rigward ta' attivitajiet transfruntieri sinifikanti

1.   Fil-każ ta' attivitajiet transfruntieri sinifikanti, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti għandhom jikkooperaw ma' xulxin sabiex jivvalutaw jekk l-impriża għandhiex fehim ċar u ġestjoni tajba tar-riskji li qed tiffaċċa, jew li tista' tiffaċċa, fl-Istat Membru ospitanti.

Il-kooperazzjoni għandha tkun proporzjonata mar-riskji involuti mill-attivitajiet transfruntieri sinifikanti u għandha tkopri tal-anqas l-aspetti li ġejjin:

(a)

is-sistema ta' governanza inkluż l-abbiltà tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju li jifhem l-ispeċifiċitajiet tas-suq transfruntier, l-għodod għall-ġestjoni tar-riskju, il-kontrolli interni fis-seħħ u l-proċeduri ta' konformità għan-negozju transfruntier;

(b)

esternalizzazzjoni u sħubijiet ta' distribuzzjoni;

(c)

l-istrateġija tan-negozju u t-trattament tal-klejms;

(d)

il-protezzjoni tal-konsumatur.

2.   L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma, f'waqtha, lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti dwar l-eżitu tal-proċess ta' rieżami superviżorju tagħha relatat mal-attivitajiet transfruntieri sinifikanti fejn ikunu ġew identifikati kwistjonijiet potenzjali ta' konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti jew ta' domiċilju jew kwistjonijiet materjali relatati mal-aspetti msemmijin tal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, u tali kwistjonijiet jaffettwaw jew jaf jaffettwaw l-eżerċizzju tal-attivitajiet transfruntieri fl-Istat Membru ospitanti.

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tipprovdi lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti li fih l-impriża twettaq attivitajiet transfruntieri sinifikanti, mill-inqas darba fis-sena, jew aktar ta' spiss fil-każ ta' talba mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti kkonċernat, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u r-Rekwiżit Kapitali Minimu, kif irrappurtati mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(b)

l-ammonti ta' fondi proprji eliġibbli biex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u r-Rekwiżit Kapitali Minimu, rispettivament, kif irrappurtati mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(c)

indikazzjoni ta' tħassib potenzjali mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju rigward il-kalkolu mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi, kif ukoll fir-rigward tal-elementi msemmijin fil-punti (a) u (b).

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti li fih l-impriża twettaq attivitajiet transfruntieri sinifikanti meta tidentifika kundizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw jew riskju ta' nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew mar-Rekwiżit Kapitali Minimu fit-tliet xhur li jkun imiss.

L-awtorità superviżorja ta' Stat Membru ospitanti fejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq attivitajiet transfruntieri sinifikanti tista' tindirizza talba debitament ġustifikata lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' dik l-impriża biex tirċievi informazzjoni għajr dik imsemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi, dment li tkun relatata mas-solvenza, is-sistema ta' governanza jew il-mudell kummerċjali ta' dik l-impriża. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tipprovdi tali informazzjoni fil-ħin.

3.   Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju ma tipprovdix fil-ħin l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti kkonċernat tista' tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA u titlob l-assistenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

4.   Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li twettaq attivitajiet transfruntieri sinifikanti ma tikkonformax jew x'aktarx ma tikkonformax mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew mar-Rekwiżit Kapitali Minimu fit-tliet xhur ta' wara, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti li fih dik l-impriża jkollha attivitajiet transfruntieri sinifikanti tista' titlob lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju twettaq miegħu spezzjoni konġunta fuq il-post tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għal tali talba.

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha taċċetta jew tirrifjuta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien xahar mill-wasla tagħha.

5.   Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju taqbel li twettaq spezzjoni konġunta fuq il-post, hija għandha tistieden lill-EIOPA tipparteċipa f’dik l-ispezzjoni.

Wara l-konklużjoni tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jilħqu konklużjonijiet konġunti, inkluż dwar l-azzjonijiet superviżorji l-aktar xierqa, fi żmien xahrejn. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tqis dawk il-konklużjonijiet konġunti meta tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet superviżorji adegwati.

Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jkunux jistgħu jilħqu konklużjoni konġunta dwar l-ispezzjoni konġunta fuq il-post, kwalunkwe waħda minnhom, fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet u għas-setgħat superviżorji li għandhom jittieħdu mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju sabiex tindirizza n-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew in-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' konformità probabbli mar-Rekwiżit Kapitali Minimu, tista' tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA u titlob l-assistenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-EIOPA wara l-iskadenza tal-perjodu ta' xahrejn imsemmi f'dan is-subparagrafu jew wara li jkun intlaħaq ftehim dwar konklużjonijiet konġunti bejn l-awtoritajiet superviżorji f'konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Jekk, fil-perjodu ta' xahrejn imsemmi fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun irreferiet il-kwistjoni lill-EIOPA f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tiddifferixxi l-adozzjoni tal-konklużjonijiet finali tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post u tistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-EIOPA tista' tieħu f'konformità mal-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandha tadotta l-konklużjonijiet f'konformità mad-deċiżjoni tal-EIOPA. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha għandhom jirrikonoxxu dawk il-konklużjonijiet bħala determinanti.

6.   Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tirrifjuta li twettaq spezzjoni konġunta fuq il-post, hija għandha tispjega bil-miktub ir-raġunijiet għal tali rifjut lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti.

Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux mar-raġunijiet għar-rifjut, huma jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-assistenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju. F'dak il-każ, l-EIOPA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħat mogħtijin lilha permezz ta' dak l-Artikolu.”

;

(67)

l-Artikolu 152b huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, fuq talba mill-EIOPA jew kwalunkwe awtorità superviżorja, l-awtoritajiet superviżorji rilevanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa b'mod f'waqtu biex il-pjattaforma ta' kollaborazzjoni tiffunzjona b'mod adatt.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Ir-rekwiżiti dwar il-kooperazzjoni superviżorja msaħħa u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji ta' domiċilju u ospitanti f'konformità mal-Artikolu 152ab għandhom japplikaw ukoll għall-awtoritajiet superviżorji li jipparteċipaw fi pjattaforma ta' kollaborazzjoni mill-istabbiliment ta' tali pjattaforma ta' kollaborazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu u irrispettivament minn jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkunx qed twettaq attivitajiet transfruntieri sinifikanti. Tali informazzjoni għandha tiġi kondiviża wkoll mal-EIOPA meta jiġu stabbiliti pjattaformi ta' kollaborazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.   Meta żewġ awtoritajiet rilevanti jew aktar ta' pjattaforma ta' kollaborazzjoni ma jaqblux dwar il-proċedura jew il-kontenut ta' azzjoni li għandha tittieħed, jew nuqqas ta' azzjoni, fir-rigward ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, u fejn ikun hemm tħassib serju dwar l-effett negattiv fuq id-detenturi ta' poloz, l-EIOPA tista', fuq talba ta’ kwalunkwe awtorità rilevanti, tgħin lill-awtoritajiet jilħqu ftehim f'konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Meta jkun hemm tħassib serju dwar l-effetti negattivi fuq id-detenturi ta' poloz fi Stati Membri oħra għajr l-Istat Membru ta' domiċilju u indikazzjoni ta' nuqqasijiet serji f'impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li għalihom ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta' rimedju jew ittieħdet azzjoni ta' rimedju insuffiċjenti mill-awtorità superviżorja kompetenti, l-EIOPA tista' titlob lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju twettaq spezzjoni fuq il-post tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tniedi l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr dewmien u għandha tistieden lill-EIOPA u lil awtoritajiet superviżorji oħra kkonċernati biex jipparteċipaw fiha. Għandhom japplikaw l-Artikolu 152ab(5), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi.

7.   Meta żewġ awtoritajiet rilevanti jew aktar ta' pjattaforma ta' kollaborazzjoni ma jaqblux dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni skont il-paragrafu 4 jew 5 ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA tista' tgħinhom jilħqu ftehim f'konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fuq talba ta' kwalunkwe awtorità rilevanti.

8.   Meta tqis li dan ikun xieraq fid-dawl tal-interess tal-protezzjoni tad-detenturi ta' polza jew għal finijiet ta' stabbiltà finanzjarja, l-EIOPA tista' tippubblika informazzjoni dwar sejbiet, rakkomandazzjonijiet jew miżuri li jirriżultaw minn xogħol superviżorju fil-kuntest tal-pjattaforma ta' kollaborazzjoni.

Meta l-EIOPA tkun biħsiebha tippubblika l-isem tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata, hija għandha mingħajr dewmien tinnotifika lil dik l-impriża bl-intenzjoni tagħha li tippubblika u tagħti biżżejjed żmien lil dik l-impriża biex tipprovdi kummenti bil-miktub u tippreżenta kwalunkwe informazzjoni jew argument rilevanti lill-EIOPA u lil awtoritajiet superviżorji oħra tal-pjattaforma ta' kollaborazzjoni. L-EIOPA għandha tivvaluta kif xieraq il-pożizzjoni tal-impriża kkonċernata u għandha tqisha kif xieraq meta tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tal-isem tal-impriża. L-EIOPA ma għandhiex tippubblika l-isem tal-impriża kkonċernata meta tali pubblikazzjoni tipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja jew tikkawża, sa fejn ikun jista' jiġi ddeterminat, dannu sproporzjonat għaliha.”

;

(68)

l-Artikolu 153 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 153

Perjodu ta' żmien u l-lingwa tat-talbiet għal informazzjoni

1.   L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tista' titlob l-informazzjoni li hija intitolata titlob fir-rigward tan-negozju ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li topera fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' dik l-impriża .Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien 20 jum tax-xogħol mid-data li fiha tirċievi t-talba, fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew f'lingwa oħra aċċettata mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, f'każijiet debitament ġustifikati, meta l-informazzjoni mitluba ma tkunx faċilment disponibbli għall-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju u tkun kumplessa biex tinġabar, l-iskadenza msemmija f'dak is-subparagrafu tista' tiġi estiża b'20 jum tax-xogħol.

2.   Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni fiż-żmien rilevanti msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tista' tindirizza t-talba direttament lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. F'dak il-każ, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju dwar it-talba għal informazzjoni qabel ma tindirizza t-talba lill-impriża. L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tkun meħtieġa tipprovdi dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.”

;

(69)

l-Artikolu 212 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), il-kliem “l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit bi “l-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE”;

(ii)

fil-punt (b), il-kliem “l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit bi “l-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE”;

(iii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

‘grupp’ tfisser grupp ta’ impriżi li:

(i)

jikkonsisti f'impriża parteċipi, fis-sussidjarji tagħha, fl-entitajiet li fihom l-impriża parteċipi jew is-sussidjarji tagħha jkollhom parteċipazzjoni u impriżi li huma ġestiti mill-impriża parteċipi jew mis-sussidjarji tagħha b'mod konġunt ma' impriża waħda jew aktar li ma humiex parti mill-grupp, kif ukoll impriżi marbutin ma' xulxin b'relazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-impriżi relatati tagħhom;

(ii)

huwa bbażat fuq l-istabbiliment, kuntrattwalment jew mod ieħor, ta’ relazzjonijiet finanzjarji b’saħħithom u sostenibbli fost dawk l-impriżi, u li jistgħu jinkludu assoċjazzjonijiet mutwi jew tat-tip mutwu, dment li:

waħda minn dawk l-impriżi teżerċita effettivament, permezz ta’ koordinazzjoni ċentralizzata, influwenza dominanti fuq id-deċiżjonijiet, inklużi deċiżjonijiet finanzjarji, tal-impriżi l-oħra li huma parti mill-grupp; u,

l-istabbiliment u x-xoljiment ta’ tali relazzjonijiet għall-finijiet ta’ dan it-Titolu huma soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mis-superviżur tal-grupp,

meta l-impriża li teżerċita l-koordinazzjoni ċentralizzata għandha titqies bħala l-impriża prinċipali, u l-impriżi l-oħra għandhom jitqiesu bħala sussidjarji; jew

(iii)

jikkonsisti f'taħlita tal-punti (i) u (ii);”

;

(iv)

il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

‘kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni’ tfisser impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-impriża hija impriża prinċipali;

(ii)

l-impriża mhijiex istituzzjoni ta' kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment jew istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali;

(iii)

l-impriża ma hijiex kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew kumpanija azzjonarja finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 4, il-punt (20) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(iv)

tal-anqas sussidjarja waħda tagħha hija impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(v)

minkejja l-għan korporattiv iddikjarat tagħha, in-negozju ewlieni tal-impriża huwa kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(1)

li jakkwista u jżomm parteċipazzjonijiet f'impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(2)

li jipprovdi servizzi anċillari għall-attività prinċipali ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata waħda jew aktar;

(3)

li jwettaq attività waħda jew aktar minn dawk imsemmijin fl-Anness I, il-punti 2 sa 12 u l-punt 15 tad-Direttiva 2013/36/UE, jew li jwettaq servizz wieħed jew attività waħda jew aktar minn dawk imsemmijin fl-Anness I, it-Taqsima B tad-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji msemmijin fl-Anness I, it-Taqsima C, tad-Direttiva 2014/65/UE;

(vi)

aktar minn 50 % ta' mill-anqas wieħed mill-indikaturi li ġejjin huma assoċjati, fuq bażi kostanti, ma' sussidjarji li huma impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin, kumpaniji azzjonarji ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi jew impriżi li jipprovdu servizzi li huma anċillari għall-attività prinċipali ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda jew aktar tal-grupp, kif ukoll ma' attivitajiet imwettqin mill-impriża nnifisha li ma humiex relatati mal-akkwist jew iż-żamma ta' parteċipazzjonijiet f'impriżi sussidjarji li huma impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi, meta dawk l-attivitajiet ikunu tal-istess natura bħal dawk imwettqin mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni:

(1)

l-ekwità tal-impriża fuq il-bażi tal-pożizzjoni konsolidata tagħha;

(2)

l-assi tal-impriża fuq il-bażi tal-pożizzjoni konsolidata tagħha;

(3)

id-dħul tal-impriża fuq il-bażi tal-pożizzjoni konsolidata tagħha;

(4)

il-persunal tal-impriża fuq il-bażi tal-pożizzjoni konsolidata tagħha;

(5)

kwalunkwe indikatur ieħor meqjus rilevanti mill-awtorità superviżorja nazzjonali;”

;

(v)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(fa)

‘kumpanija azzjonarja ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi’ tfisser impriża prinċipali minbarra kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (15), tad-Direttiva 2002/87/KE, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li takkwista u żżomm parteċipazzjonijiet f'impriżi sussidjarji, meta dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklużivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi;”

;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw ukoll bħala impriża prinċipali kwalunkwe impriża li, fl-opinjoni tal-awtoritajiet superviżorji, effettivament teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra, inkluż fejn din l-influwenza tiġi eżerċitata permezz ta' koordinazzjoni ċentralizzata, fuq id-deċiżjonijiet tal-impriża l-oħra.”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw ukoll bħala grupp fit-tifsira tal-paragrafu 1, il-punt (c), żewġ impriżi jew aktar li, fl-opinjoni tal-awtoritajiet superviżorji, huma ġestiti fuq bażi unifikata.

Meta mhux l-impriżi kollha msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-istess Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità superviżorja biss li taġixxi bħala superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247 tista' tikkonkludi, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati, li tali impriżi jifformaw grupp meta fl-opinjoni tagħha dawk l-impriżi jkunu ġestiti fuq bażi unifikata.

4.   Meta jidentifikaw relazzjoni bejn tal-anqas żewġ impriżi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

il-kontroll jew il-kapaċità ta' persuna fiżika jew ta' impriża li tinfluwenza d-deċiżjonijiet, inklużi dawk finanzjarji, ta' impriża, b'mod partikolari minħabba ż-żamma ta' kapital jew ta' drittijiet tal-vot, rappreżentanza fil-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, jew li tkun fost il-persuni li effettivament imexxu impriża jew li jkollhom funzjonijiet ewlenin, kritiċi jew importanti oħrajn;

(b)

dipendenza qawwija ta' impriża fuq impriża jew persuna ġuridika jew fiżika oħra, minħabba l-eżistenza ta' tranżazzjonijiet jew ta' operazzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarji materjali, inkluż esternalizzazzjoni u kondiviżjoni ta' persunal bejn l-impriżi;

(c)

evidenza ta' koordinazzjoni bejn żewġ impriżi jew aktar ta' deċiżjonijiet finanzjarji jew ta' investiment, inkluż investimenti konġunti f'impriżi relatati;

(d)

evidenza ta' strateġiji, operazzjonijiet jew proċessi koordinati u konsistenti bejn żewġ impriżi jew aktar, inkluż fir-rigward ta' kanali ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni, prodotti jew marki tal-assigurazzjoni, komunikazzjoni jew kummerċjalizzazzjoni.

5.   Meta grupp jiġi identifikat fuq il-bażi tal-paragrafi 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247 għandha tipprovdi lill-impriża maħtura bħala l-impriża prinċipali f'konformità mal-Artikolu 214(5) jew (6), u lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati bi spjegazzjoni dettaljata tal-fatturi li abbażi tagħhom tkun saret din l-identifikazzjoni.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji sabiex jissupplimentaw jew jispeċifikaw aktar il-fatturi li l-awtoritajiet superviżorji jridu jikkunsidraw biex jidentifikaw relazzjoni bejn tal-anqas żewġ impriżi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3. L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”

;

(70)

l-Artikolu 213 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżjoni tal-grupp tapplika meta grupp jinkludi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, li jkunu impriża parteċipanti f’tal-anqas impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni ta’ pajjiż terz jew impriża tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz waħda, f’konformità mal-Artikoli 218 sa 258;

(b)

impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, li l-impriża prinċipali tagħhom tkun kumpannija holding tal-assigurazzjoni jew kumpannija holding finanzjarja mħallta li għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikoli 218 sa 258;

(c)

impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, li l-impriża prinċipali tagħhom tkun kumpannija holding tal-assigurazzjoni jew kumpannija holding finanzjarja mħallta li għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha f’pajjiż terz jew impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz, f’konformità mal-Artikoli 260 sa 263;

(d)

impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, li l-impriża prinċipali tagħhom tkun kumpannija holding tal-assigurazzjoni ta’ attivitajiet imħallta, f’konformità mal-Artikolu 265.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, il-kliem “id-Direttiva 2006/48/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2013/36/UE”;

(71)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 213a

Użu ta' miżuri ta' proporzjonalità fil-livell tal-grupp

1.   Il-gruppi skont it-tifsira tal-Artikolu 212 li huma soġġetti għal superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b) għandhom jiġu kklassifikati bħala gruppi żgħar u mhux kumplessi mis-superviżur tal-grupp tagħhom, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu meta jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin fil-livell tal-grupp għall-aħħar sentejn finanzjarji direttament qabel din il-klassifikazzjoni:

(a)

meta tal-anqas impriża waħda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-ambitu tal-grupp ma tkunx impriża mhux tal-ħajja, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

is-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 105(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), ikkalkolat abbażi ta' data konsolidata, ma jkunx ogħla minn 5 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi konsolidati tal-grupp, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, bl-esklużjoni tal-impriżi li għalihom jiġi applikat il-metodu 2, li huwa stabbilit fl-Artikolu 233;

(ii)

it-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi konsolidati minn attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja tal-grupp, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali ma jkunx ogħla minn EUR 1 000 000 000;

(b)

meta tal-anqas impriża waħda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-ambitu tal-grupp ma tkunx impriża tal-ħajja, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

il-proporzjon medju kkombinat għall-attivitajiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja nett mir-riassigurazzjoni tal-aħħar tliet snin finanzjarji jkun anqas minn 100 %;

(ii)

l-introjtu mill-primjum gross miktub annwali tal-grupp ma jkunx ogħla minn EUR 100 000 000;

(iii)

is-somma tal-primjums grossi annwali miktubin fil-klassijiet 5 sa 7, 11, 12, 14 u 15 tal-Parti A tal-Anness I ma tkunx ogħla minn 30 % tal-primjums miktubin annwali totali tal-attivitajiet mhux tal-ħajja tal-grupp;

(c)

l-introjtu annwali totali mill-primjum gross miktub minn negozju kkuntrattat mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fl-ambitu tal-grupp li jkollhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tas-superviżur tal-grupp ikun aktar baxx minn wieħed miż-żewġlimiti li ġejjin:

(i)

EUR 20 000 000;

(ii)

10 % tal-introjtu annwali totali tal-grupp mill-primjum gross miktub;

(d)

l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub minn negozju kkuntrattat mill-grupp fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tas-superviżur tal-grupp ikun aktar baxx minn wieħed miż-żewġ limiti li ġejjin:

(i)

EUR 20 000 000;

(ii)

10 % tal-introjtu annwali totali tal-grupp mill-primjum gross miktub;

(e)

is-somma ta' dawn li ġejjin ma tkunx ogħla minn 20 % tal-investimenti totali kkalkolati abbażi ta' data konsolidata:

(i)

il-modulu tar-riskju tas-suq imsemmi fl-Artikolu 105(5);

(ii)

il-parti mill-modulu ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti msemmi fl-Artikolu 105(6) li tikkorrispondi għal skoperturi għal titolizzazzjonijiet, derivattivi, riċevibbli minn intermedjarji u assi oħra ta' investiment li mhumiex koperti fis-submodulu tar-riskju ta' firxa;

(iii)

kwalunkwe rekwiżit kapitali li huwa applikabbli għal investimenti f'assi intanġibbli li mhumiex koperti mir-riskju tas-suq u l-moduli ta' riskju ta' nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti;

(f)

ir-riassigurazzjoni aċċettata mill-impriżi tal-grupp ma taqbiżx il-50 % tal-introjtu annwali totali tal-grupp mill-primjum gross miktub;

(g)

id-differenza msemmija fl-Artikolu 230(1) fejn jintuża l-metodu 1, fl-Artikolu 233(1) fejn jintuża l-metodu 2, jew fl-Artikolu 233a(1) fejn tintuża taħlita ta' metodi, hija pożittiva;

(h)

fejn jintuża l-metodu 2 jew taħlita tal-metodi 1 u 2, kull impriża li għaliha jiġi applikat il-metodu 2 hija impriża żgħira u mhux kumplessa.

Il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(i) u l-punt (e), ma għandhomx japplikaw għal gruppi fejn jintuża biss il-metodu 2.

2.   L-Artikolu 29b għandu japplika mutatis mutandis fil-livell tal-impriża prinċipali aħħarija tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.

3.   Il-gruppi li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b) għal anqas minn sentejn għandhom iqisu biss l-aħħar sena finanzjarja meta jivvalutaw jekk jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Il-gruppi li ġejjin qatt ma għandhom jiġu kklassifikati bħala gruppi żgħar u mhux kumplessi:

(a)

gruppi li huma konglomerati finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt 14, tad-Direttiva 2002/87/KE;

(b)

gruppi fejn tal-anqas impriża sussidjarja waħda tkun impriża msemmija fl-Artikolu 228(1);

(c)

gruppi li jużaw mudell intern parzjali jew sħiħ approvat sabiex jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tagħhom.

5.   L-Artikoli 29c, 29d u 29e għandhom japplikaw mutatis mutandis.

6.   Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 301a, li jispeċifikaw:

(a)

il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluż l-approċċ għall-kalkolu tas-somma msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), ta' dak il-paragrafu;

(b)

il-metodoloġija li għandha tintuża meta l-gruppi jiġu kklassifikati bħala gruppi żgħar u mhux kumplessi; u

(c)

il-kundizzjonijiet biex tingħata jew tiġi rtirata l-approvazzjoni superviżorja għal miżuri ta' proporzjonalità li għandhom jintużaw minn gruppi mhux ikklassifikati bħala gruppi żgħar u mhux kumplessi.

Artikolu 213b

Impedimenti għas-superviżjoni tal-grupp

1.   Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 213(2), il-punt(b), il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tiżgura li:

(a)

l-arranġamenti interni u d-distribuzzjoni tal-kompiti fil-grupp huma adegwati għall-fini tal-konformità ma' dan it-Titolu u, b'mod partikolari, huma effettivi sabiex:

(i)

jiġu kkoordinati l-impriżi sussidjarji kollha tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta inkluż, fejn neċessarju, permezz ta' distribuzzjoni adegwata tal-kompiti fost dawk l-impriżi;

(ii)

jiġu evitati jew ġestiti kunflitti intragrupp; u

(iii)

jiġu infurzati l-politiki tal-grupp kollu stabbiliti mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni mħallta jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta fil-grupp kollu;

(b)

l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp li tkun parti minnu l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ma xxekkilx jew b'xi mod ieħor ma timpedixxix is-superviżjoni effettiva tal-grupp u tal-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tiegħu, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari:

(i)

il-pożizzjoni tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta fi grupp b'ħafna saffi;

(ii)

l-istruttura azzjonarja; u

(iii)

ir-rwol tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta fi ħdan il-grupp.

2.   Meta ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punt (a), is-superviżur tal-grupp għandu jkollu s-setgħa li jirrikjedi li l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jibdlu l-arranġamenti interni u d-distribuzzjonijiet tal-kompiti fil-grupp.

Meta ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tkun soġġetta għal miżuri superviżorji xierqa mis-superviżur tal-grupp sabiex jiġu żgurati jew irrestawrati, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità tas-superviżjoni tal-grupp u l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan it-Titolu. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji, meta jaġixxu bħala superviżuri tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247, ikollhom is-setgħa li jitolbu lill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta sabiex jistrutturaw il-grupp b'mod li jippermetti lill-awtorità superviżorja rilevanti teżerċita b'mod effettiv is-superviżjoni tal-grupp. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jeżerċitaw dik is-setgħa biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, wara konsultazzjoni mal-EIOPA u, fejn applikabbli, ma' awtoritajiet superviżorji oħra kkonċernati, u għandhom jipprovdu lill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta b'ġustifikazzjoni għal dan.

3.   Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b), ta’ din id-Direttiva, meta l-organizzazzjoni strutturali ta' grupp li jikkonsisti f'impriżi marbutin ma' xulxin b'relazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-impriżi relatati tagħhom, jew li jiġi identifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 212(3) ta' din id-Direttiva, tkun tali li tfixkel jew tipprevjeni s-superviżjoni effettiva ta' dak il-grupp jew tipprevjeni lil dak il-grupp milli jikkonforma ma' dan it-Titolu, il-grupp għandu jkun soġġett għal miżuri superviżorji xierqa sabiex jiġu żgurati jew irrestawrati, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità tas-superviżjoni tal-grupp u l-konformità ma' dan it-Titolu. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji, meta jaġixxu bħala superviżuri tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247 ta’ din id-Direttiva, ikollhom is-setgħa li jirrikjedu l-istabbiliment ta' kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew ta' kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, jew l-istabbiliment ta' impriża fl-Unjoni li effettivament teżerċita, permezz ta' koordinazzjoni ċentralizzata, influwenza dominanti fuq id-deċiżjonijiet, inkluż id-deċiżjonijiet finanzjarji, tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma parti mill-grupp. F'dak il-każ, dik il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew l-impriża li effettivament teżerċita koordinazzjoni ċentralizzata għandha tkun responsabbli għall-konformità ma' dan it-Titolu.”

;

(72)

l-Artikolu 214 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213 ma għandux jimplika li l-awtoritajiet superviżorji jkunu meħtieġa jkollhom rwol ta' superviżjoni rigward l-impriża tal-assigurazzjoni ta' pajjiż terz, l-impriża tar-riassigurazzjoni ta' pajjiż terz jew il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni b'attività mħallta meħuda individwalment.

Għall-iskop uniku li tiġi żgurata l-konformità ma' dan it-Titolu, l-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-grupp jista' jimplika superviżjoni diretta u l-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji fuq il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin mill-awtoritajiet superviżorji.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Meta jivvaluta jekk impriża tkunx ta' interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), is-superviżur tal-grupp għandu jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-daqs tal-impriża, f'termini tal-assi totali u tad-dispożizzjonijiet tekniċi, ikun żgħir meta mqabbel ma' dak ta' impriżi oħrajn tal-grupp u tal-grupp kollu kemm hu;

(b)

l-esklużjoni tal-impriża mill-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp ma jkollha l-ebda impatt materjali fuq is-solvenza tal-grupp;

(c)

ir-riskji kwalitattivi u kwantitattivi, inklużi dawk li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet intragrupp, li l-impriża toħloq jew tista' toħloq għall-grupp kollu, huma immaterjali.”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Meta l-esklużjoni ta' impriża waħda jew aktar mill-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità ma' dan l-Artikolu, il-paragrafu 2 tirriżulta f'każ li ma jkunx jiskatta l-applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c), is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta lill-EIOPA u, fejn applikabbli, lil awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati qabel ma jieħu d-deċiżjoni dwar esklużjoni. Tali deċiżjoni għandha tittieħed biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u għandha tkun debitament ġustifikata mill-EIOPA u, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn. Is-superviżur tal-grupp għandu jivvaluta mill-ġdid tal-anqas kull sena jekk id-deċiżjoni tiegħu tkunx għadha xierqa. Meta dan ma jkunx għadu l-każ, is-superviżur tal-grupp għandu jinnotifika lill-EIOPA u, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn li ser jibda jeżerċita s-superviżjoni tal-grupp.

Qabel ma jeskludi lill-impriża prinċipali aħħarija mis-superviżjoni tal-grupp skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta lill-EIOPA, u fejn applikabbli, lil awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati, u għandu jivvaluta l-impatt tal-eżerċitar tas-superviżjoni tal-grupp fil-livell ta' impriża parteċipi intermedja fuq il-pożizzjoni tas-solvenza tal-grupp. B'mod partikolari, tali esklużjoni ma għandhiex tkun possibbli jekk tirriżulta f'titjib materjali fil-pożizzjoni tas-solvenza tal-grupp.

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni koerenti u konsistenti ta' dan il-paragrafu, l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 biex tispeċifika aktar iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew il-każijiet fejn jista' jkun iġġustifikat li l-impriża prinċipali aħħarija, inkluż il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, tiġi eskluża mill-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, l-ambitu tal-grupp li għalih tapplika s-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 213(2) għandu jiġi identifikat f'konformità mal-Artikolu 212.

Meta grupp soġġett għal superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c) jiġi identifikat f'konformità mal-Artikolu 212(2) u (3), u meta impriża prinċipali jew impriża sussidjarja ta' dak il-grupp tkun ukoll l-impriża parteċipi aħħarija ta' grupp ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 212(1), il-punt (c), dak il-grupp l-ieħor għandu jitqies bħala inkluż fl-ambitu tal-grupp identifikat f'konformità mal-Artikolu 212(2) u (3).

L-awtoritajiet superviżorji jistgħu japplikaw l-Artikolu 212(2) u (3) sabiex jestendu l-ambitu ta' grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212(1), il-punt (c).

5.   Meta grupp identifikat f'konformità mal-Artikolu 212(3) ikun soġġett għal superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c), il-grupp għandu jaħtar waħda mill-impriżi li jkunu ġestiti fuq bażi unifikata bħala impriża prinċipali li għandha tkun responsabbli għall-konformità ma’ dan it-Titolu. L-impriżi l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 212(3), l-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu bħala impriżi sussidjarji.

6.   Meta l-ħatra tal-impriża prinċipali f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu tkun timplika ostakli sinifikanti għall-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-grupp, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-uffiċċju prinċipali reġistrat tal-impriża ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 247, jew meta l-ħatra tirriżulta fl-inabbiltà tal-grupp li jikkonforma b’mod effettiv ma’ dan it-Titolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp ikollha s-setgħa li titlob, wara konsultazzjoni ma’ awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati, il-ħatra ta’ impriża prinċipali oħra. Id-deċiżjoni li tinħatar impriża prinċipali oħra għandha tkun debitament ġustifikata mill-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp lill-grupp u lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn.

Meta grupp identifikat f’konformità mal-Artikolu 212(3) li jkun soġġett għal superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c), jonqos milli jaħtar impriża prinċipali f'konformità ma' dan l-Artikolu, il-paragrafu 5, l-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247 għandha taħtar, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati, impriża prinċipali ser tkun responsabbli għall-konformità ma' dan it-Titolu. L-impriżi l-oħrajn f'tali grupp għandhom jitqiesu bħala impriżi sussidjarji.

Meta taħtar impriża prinċipali f'konformità mal-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247 għandha tikkunsidra l-fatturi li ġejjin:

(a)

l-ammont ta' dispożizzjonijiet tekniċi ta' kull impriża;

(b)

il-primjums grossi miktubin annwali ta' kull impriża;

(c)

l-għadd ta' impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatati ta' kull impriża.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw tal-anqas kull sena jekk il-ħatra tibqax xierqa. Meta dan ma jkunx il-każ, l-awtorità superviżorja li taġixxi bħala s-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247 għandha taħtar impriża prinċipali oħra wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati. Dik l-impriża prinċipali l-oħra għandha tkun responsabbli għall-konformità ma' dan it-Titolu.”

;

(73)

l-Artikolu 220 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “stipulati fl-Artikoli 221 sa 233” huwa sostitwit bil-kliem “stipulati fl-Artikoli 221 sa 233a”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, meta jassumu r-rwol ta' superviżur tal-grupp fir-rigward ta' grupp partikolari, li jiddeċiedu, wara li jikkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn u lill-grupp innifsu, li japplikaw għal dak il-grupp il-metodu 2 f'konformità mal-Artikoli 233 u 234, jew, meta l-applikazzjoni esklużiva tal-metodu 1 ma tkunx xierqa, kombinazzjoni tal-metodi 1 u 2 f'konformità mal-Artikoli 233a u 234.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għat-trattament tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 228(1), l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-metodu 2 skont il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, ta' dan l-Artikolu biss għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi, għal kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, għal kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin, u għal kumpaniji azzjonarji ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi.”

;

(74)

l-Artikolu 221 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-iskop uniku tal-Artikolu 228, irrispettivament minn jekk jintużax il-metodu 1 jew il-metodu 2, ‘sehem proporzjonali’ tfisser il-proporzjon tal-kapital sottoskritt li jinżamm, direttament jew indirettament, mill-impriża parteċipi fl-impriża relatata.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

meta awtorità superviżorja tkun iddeterminat li żewġ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew aktar jiffurmaw grupp skont l-Artikolu 212(3) peress li huma ġestiti fuq bażi unifikata.”

;

(75)

l-Artikolu 222 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Is-somma tal-fondi proprji msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhiex teċċedi l-kontribuzzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Għall-finijiet tal-Artikolu 230(1), l-Artikolu 233(2) u l-Artikolu 233a(1), il-punt (a), element ta' fond proprju li jinħareġ minn impriża parteċipi ma għandux jitqies bħala ħieles minn restrizzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 93(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (c), jekk ir-ripagament ta' dak l-element ma jistax jiġi rrifjutat lid-detentur tiegħu meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata li tkun impriża sussidjarja tiġi stralċjata.”

;

(76)

l-Artikolu 226 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kumpaniji azzjonarji intermedji”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-kumpaniji azzjonarji ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu ttrattati wkoll bħala impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.”

;

(77)

fl-Artikolu 227(1), l-ewwel subparagrafu jiddaħħal il-kliem “u l-Artikolu 233a” wara l-kliem “l-Artikolu 233”;

(78)

l-Artikolu 228 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 228

Trattament ta' impriżi relatati speċifiċi minn setturi finanzjarji oħrajn

1.   Irrispettivament mill-metodu użat f'konformità mal-Artikolu 220 ta' din id-Direttiva, għall-fini tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tqis il-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp u għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi li ġejjin:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ditti ta’ investiment fit-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (2), ta’ dak ir-Regolament;

(b)

kumpaniji maniġerjali tal-UCITS skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE jew kumpaniji ta' investiment awtorizzati skont l-Artikolu 27 ta' dik id-Direttiva dment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali skont dik id-Direttiva;

(c)

maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv (AIFMs) skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*14);

(d)

impriżi għajr impriżi regolati li jwettqu waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fejn dawk l-attivitajiet jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-attività ġenerali tagħhom;

(e)

istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali fis-sens tal-Artikolu 6, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

2.   Il-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp tal-impriżi msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma tas-sehem proporzjonali tal-fondi proprji ta' kull impriża, fejn dawn il-fondi proprji jiġu kkalkolati kif ġej:

(a)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu f'konformità mar-regoli settorjali rilevanti, kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva 2002/87/KE;

(b)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 2(1), il-punt (l), tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (ad), tad-Direttiva 2011/61/UE;

(d)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), ta' dan l-Artikolu f'konformità mar-regoli settorjali rilevanti kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva 2002/87/KE jekk ikunu entitajiet regolati skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (4), ta' dik id-Direttiva;

(e)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), ta' dan l-Artikolu, il-marġni ta' solvenza disponibbli kkalkolat f'konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-ammont ta' fondi proprji ta' kull impriża relatata li jikkorrispondi għal riżervi mhux distribwibbli u għal entrati oħrajn identifikati mis-superviżur tal-grupp bħala li għandhom kapaċità mnaqqsa ta' assorbiment tat-telf, kif ukoll ishma privileġġati, kontijiet mutwalisti subordinati, obbligazzjonijiet subordinati, u assi ta' taxxa differita, li huma inklużi fil-fondi proprji li jaqbżu r-rekwiżiti kapitali kkalkolati f'konformità mal-paragrafu 3, ma għandhomx jitqiesu, sakemm l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi ma tkunx tista' tiġġustifika, għas-sodisfazzjon tas-superviżur tal-grupp, li dawn l-entrati jistgħu jsiru disponibbli biex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp. Meta tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-fondi proprji eċċessivi, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tqis li ċerti rekwiżiti ta' xi impriżi relatati għandhom jiġu ssodisfati biss b'kapital ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1 jew b'kapital tal-Grad 1 addizzjonali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Il-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi relatati msemmijin fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma tas-sehem proporzjonali tar-rekwiżit kapitali jew tar-rekwiżit kapitali nozzjonali ta' kull impriża relatata. Dak ir-rekwiżit kapitali jew ir-rekwiżit kapitali nozzjonali għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

(a)

għal impriżi relatati kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu, f'konformità ma' dan li ġej:

(i)

għal kull ditta ta' investiment li hija soġġetta għal rekwiżiti ta' fondi proprji f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/2033, is-somma tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament, ir-rekwiżiti speċifiċi ta' fondi proprji msemmijin fl-Artikolu 39(2), il-punt (a) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*15), jew ir-rekwiżiti ta' fondi proprji lokali f'pajjiżi terzi;

(ii)

għal kull istituzzjoni ta' kreditu, l-ogħla minn dawn li ġejjin:

(1)

is-somma tar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 92(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 458 u 459 ta' dak ir-Regolament, ir-rekwiżiti speċifiċi ta' fondi proprji sabiex jiġu indirizzati riskji għajr ir-riskju ta' ingranaġġ eċċessiv imsemmi fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, ir-rekwiżit ta' buffer kombinat definit fl-Artikolu 128, il-punt (6), ta' dik id-Direttiva, jew ir-rekwiżiti ta' fondi proprji lokali f'pajjiżi terzi;

(2)

is-somma tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 92(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 458 u 459 ta' dak ir-Regolament, ir-rekwiżiti speċifiċi ta' fondi proprji biex jiġi indirizzat ir-riskju ta' ingranaġġ eċċessiv imsemmi fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, ir-rekwiżit ta' buffer għall-proporzjon ta' lieva finanzjarja stipulat fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew tar-rekwiżiti ta' fondi proprji lokali f'pajjiżi terzi sa fejn dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu sodisfatti mill-kapital tal-Grad 1;

(b)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 7(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(d)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), ta' dan l-Artikolu, ir-rekwiżit kapitali li magħha l-impriża relatata jkollha tikkonforma skont ir-regoli rilevanti tas-settur kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (7) tad-Direttiva 2002/87/KE li kieku kienet entità regolata skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (4), ta' dik id-Direttiva;

(e)

għal kull impriża relatata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), ta' dan l-Artikolu, l-ogħla mill-marġni ta' solvenza meħtieġ ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/2341 u r-rekwiżiti kapitali totali imposti mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri fejn l-impriża hija reġistrata jew awtorizzata.

4.   Meta diversi impriżi relatati kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jifformaw sottogrupp li jkun soġġett għal rekwiżit kapitali fuq bażi konsolidata f'konformità ma' waħda mid-Direttivi jew wieħed mir-Regolamenti msemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, inkluż fejn kumpanija azzjonarja finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (20), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tkun impriża sussidjarja ta' grupp, is-superviżur tal-grupp jista' jitlob il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta' dawk l-impriżi relatati għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp bħala s-sehem proporzjonali tal-fondi proprji ta' dak is-sottogrupp minflok ma japplika l-paragrafu 2, il-punti (a) sa (e), ta' dan l-Artikolu, għal kull impriża individwali li tappartjeni għal dak is-sottogrupp. F'dak il-każ, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tikkalkola wkoll il-kontribuzzjoni ta' dawk l-impriżi relatati mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp bħala s-sehem proporzjonali tar-rekwiżit kapitali ta' dak is-sottogrupp, minflok ma tapplika il-paragrafu 3, il-punti (a) sa (e), ta' dan l-Artikolu, għal kull impriża individwali li tappartjeni għal dak is-sottogrupp. L-istituzzjonijiet finanzjarji kollha skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (26), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ukoll l-impriżi ta' servizzi anċillari skont it-tifsira tal-punt (18) ta' dak il-paragrafu, li huma fl-ambitu tas-sottogrupp għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-fondi proprji u tar-rekwiżit kapitali tas-sottogrupp.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għas-sottogrupp speċifiku abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (47), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew tal-Artikolu 4(1), il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2019/2033, jew abbażi tal-pożizzjoni konsolidata tiegħu, kif xieraq.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, meta jassumu r-rwol ta' superviżur tal-grupp fir-rigward ta' grupp partikolari, jiddeċiedu, fuq talba tal-impriża parteċipi jew fuq inizjattiva tagħhom stess, li jnaqqsu kwalunkwe parteċipazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (d) mill-fondi proprji eliġibbli għas-solvenza tal-grupp tal-impriża parteċipi.

(*14)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1)."

(*15)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).”;"

(79)

fl-Artikolu 229, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Fejn it-tnaqqis imsemmi fl-ewwel paragrafu jkun jtejjeb il-pożizzjoni tas-solvenza tal-grupp, meta mqabbel mal-pożizzjoni fejn l-impriża tinżamm fl-ambitu tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, ma għandux jiġi applikat it-tnaqqis.”

;

(80)

fit-Titolu III, il-Kapitolu II, it-Taqsima 1, is-Subtaqsima 3, jiżdied l-artikolu li ġej:

“Artikolu 229a

Kalkoli simplifikati

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 230, is-superviżur tal-grupp, wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn, jista' jippermetti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi tapplika approċċ simplifikat għall-parteċipazzjonijiet f'impriżi relatati li huma immaterjali.

L-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat imsemmi fl-ewwel subparagrafu għal impriża relatata waħda jew aktar għandha tkun iġġustifikata kif xieraq mill-impriża parteċipi lis-superviżur tal-grupp, filwaqt li jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji tal-impriża jew l-impriżi relatati.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża parteċipi tivvaluta, fuq bażi annwali, jekk l-użu tal-approċċ simplifikat għadux iġġustifikat, u li tiżvela pubblikament, fir-rapport tagħha dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp kif imsemmi fl-Artikolu 256(1), il-lista u d-daqs tal-impriżi relatati soġġetti għal dak l-approċċ simplifikat.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha turi, għas-sodisfazzjon tas-superviżur tal-grupp, li l-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat għall-parteċipazzjonijiet f'impriża relatata waħda jew aktar tkun prudenti biżżejjed biex tiġi evitata sottovalutazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn dik l-impriża jew minn dawk l-impriżi meta tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp.

Meta tiġi applikata għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' pajjiż terz li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f'pajjiż li ma huwiex ekwivalenti jew proviżorjament ekwivalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 227, l-approċċ simplifikat ma għandux jirriżulta f'kontribuzzjoni tal-impriża relatata għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp li tkun aktar baxxa mir-rekwiżit kapitali ta' dik l-impriża relatata, kif stabbilit mill-pajjiż terz ikkonċernat.

L-approċċ simplifikat ma għandux jiġi applikat għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata ta' pajjiż terz, fejn l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi ma jkollha l-ebda informazzjoni affidabbli dwar ir-rekwiżit kapitali kif stabbilit f'dak il-pajjiż terz.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-impriżi relatati għandhom jitqiesu bħala immaterjali meta l-valur kontabilistiku ta' kull waħda minnhom ikun jirrappreżenta anqas minn 0,2 % tal-assi tal-grupp ikkalkolati abbażi ta' data konsolidata u s-somma tal-valuri kontabilistiċi ta' dawn l-impriżi kollha tirrappreżenta anqas minn 0,5 % tal-assi tal-grupp ikkalkolati abbażi ta' data konsolidata.”

;

(81)

l-Artikolu 230 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-kalkolu tas-solvenza tal-grupp tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandu jsir fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati.

Is-solvenza tal-grupp tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi hija d-differenza bejn dawn li ġejjin:

(a)

is-somma tal-fondi proprji eliġibbli biex jiġi jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikkalkolat abbażi ta' data konsolidata, u l-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp ta' impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f'konformità mal-Artikolu 228(2) jew (4);

(b)

is-somma tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fil-livell tal-grupp ikkalkolata fuq il-bażi ta' data konsolidata u l-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f'konformità mal-Artikolu 228(3) jew (4).

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-parteċipazzjonijiet f'impriżi relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Is-Subtaqsimiet 1, 2 u 3, tat-Taqsima 3, tal-Kapitolu VI, tat-Titolu I, u is-Subtaqsimiet 1, 2 u 3, tat-Taqsima 4, tal-Kapitolu VI, tat-Titolu I għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-fondi proprji eliġibbli għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fil-livell tal-grupp fuq il-bażi ta' data konsolidata.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fit-tieni subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

is-sehem proporzjonali tar-rekwiżiti kapitali lokali, li fihom tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni, għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni relatati ta' pajjiżi terzi.”

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-fondi proprji eliġibbli biex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikkalkolat fuq il-bażi ta' data konsolidata, jaqbżu r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fil-livell tal-grupp ikkalkolat fuq il-bażi ta' data konsolidata, u ma jkunx hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat, l-Artikolu 138(1) sa (4) għandu japplika mutatis mutandis, filwaqt li l-Artikolu 139(1) u (2) ma għandux japplika. Għall-finijiet ta' dan is-subparagrafu, ir-referenza għal ‘Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza’ fl-Artikolu 138 għandha tinqara bħala referenza għal ‘Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat’.”

;

(82)

fl-Artikolu 232, l-ewwel subparagrafu, il-kliem introduttorju, il-kliem “msemmija fl-Artikolu 37(1), (a) sa (d),” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “msemmija fl-Artikolu 37(1), il-punti (a) sa (e)”;

(83)

l-Artikolu 233 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

il-valur fl-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi ta' impriżi relatati kif imsemmi fl-Artikolu 220(3) u fl-Artikolu 228(1) u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp aggregat, kif previst fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

is-sehem proporzjonali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi fil-fondi proprji eliġibbli għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta' kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata individwali.”

;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

il-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp ta' impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f'konformità mal-Artikolu 228(2) jew mal-Artikolu 228(4);”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

is-sehem proporzjonali tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta' kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata individwali.”

;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

il-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp ta' impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f'konformità mal-Artikolu 228(3) jew mal-Artikolu 228(4).”

;

(84)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 233a

Taħlita tal-metodi 1 u 2

1.   Is-solvenza tal-grupp ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tkun id-differenza bejn dawn li ġejjin:

(a)

is-somma ta' dawn li ġejjin:

(i)

għal impriżi li għalihom jiġi applikat il-metodu 1, il-fondi proprji eliġibbli sabiex jiġi kopert ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikkalkolat fuq il-bażi ta' data konsolidata;

(ii)

għal kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata li għaliha jiġi applikat il-metodu 2, is-sehem proporzjonali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi fil-fondi proprji eliġibbli għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata;

(iii)

il-kontribuzzjoni tal-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), ikkalkolata f'konformità mal-Artikolu 228(2) jew mal-Artikolu 228(4); u

(b)

is-somma ta' dawn li ġejjin:

(i)

għal impriżi li għalihom jiġi applikat il-metodu 1, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 230(2) fuq il-bażi ta' data konsolidata;

(ii)

għal kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata li għaliha jiġi applikat il-metodu 2, is-sehem proporzjonali tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħha;

(iii)

il-kontribuzzjoni tal-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), ikkalkolata f'konformità mal-Artikolu 228(3) jew mal-Artikolu 228(4).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a)(i), u tal-paragrafu 1, il-punt (b)(i), ta' dan l-Artikolu, il-parteċipazzjonijiet f'impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a)(i), u tal-paragrafu 1, il-punt (b)(i), ta' dan l-Artikolu, il-parteċipazzjonijiet f'impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-metodu 2 ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b)(i), ta' dan l-Artikolu, il-valur tal-parteċipazzjonijiet f'impriżi msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-metodu 2, lil hinn mis-sehem proporzjonali tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħhom stess, għandu jiġi inkluż fid-data konsolidata meta tiġi kkalkolata s-sensittività tal-assi u tal-obbligazzjonijiet għall-bidliet fil-livell jew fil-volatilità tar-rati tal-kambju tal-munita (‘riskju tal-kambju’). Madankollu, il-valur ta' dawk il-parteċipazzjonijiet ma għandux jiġi preżunt li huwa sensittiv għall-bidliet fil-livell jew fil-volatilità tal-prezzijiet tas-suq tal-ekwitajiet (‘riskju ta' ekwità’).

4.   L-Artikolu 233(4) għandu japplika mutatis mutandis għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (a)(ii) u (b)(ii), ta' dan l-Artikolu.

5.   L-Artikolu 231 għandu japplika mutatis mutandis fil-każ ta' applikazzjoni għall-permess sabiex ikun ikkalkolat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, fuq il-bażi ta' mudell intern, sottomessa minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u mill-impriżi relatati tagħha, jew b'mod konġunt mill-impriżi relatati ta' kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni.

6.   Ir-rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat għandu jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 230(2).

Ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat għandu jkun kopert minn fondi proprji bażiċi eliġibbli kif iddeterminati f'konformità mal-Artikolu 98(4), ikkalkolati fuq il-bażi ta' data konsolidata. Għall-finijiet ta' dak il-kalkolu, il-parteċipazzjonijiet f'impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 221 sa 229a għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-fini li jiġi ddeterminat jekk fondi proprji eliġibbli bħal dawn jikkwalifikawx sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat. L-Artikolu 139(1) u (2) għandu japplika mutatis mutandis.

Meta l-fondi proprji eliġibbli biex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikkalkolati fuq il-bażi ta' data konsolidata, jaqbżu r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fil-livell tal-grupp ikkalkolat fuq il-bażi ta' data konsolidata, u ma jkunx hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat, l-Artikolu 138(1) sa (4) għandu japplika mutatis mutandis, filwaqt li l-Artikolu 139(1) u (2) ma għandux japplika. Għall-finijiet ta' dan is-subparagrafu, ir-referenza għal ‘Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza’ fl-Artikolu 138 għandha tinqara bħala referenza għal ‘Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat’.

7.   Fid-determinazzjoni ta' jekk l-ammont ikkalkolat fil-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), ta' dan l-Artikolu jirriflettix b'mod xieraq il-profil tar-riskju tal-grupp fir-rigward tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-metodu 2, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil kwalunkwe riskju speċifiku eżistenti fil-livell tal-grupp li ma jkunx kopert biżżejjed minħabba li jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat.

Meta l-profil tar-riskju tal-grupp fir-rigward tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-metodu 2 jiddevja b'mod sinifikanti mis-suppożizzjonijiet sottostanti għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp aggregat imsemmi fl-Artikolu 233(3), tista' tiġi imposta supplimentazzjoni kapitali għall-ammont ikkalkolat fil-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 37(1) sa (5), flimkien mal-atti delegati u mal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni adottati f'konformità mal-Artikolu 37(6), (7) u (8) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 233b

Ekwitajiet fit-tul fil-livell ta' grupp

Meta jintuża l-metodu 1 jew taħlita ta' metodi, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta għandhom jitħallew japplikaw l-Artikolu 105a għal subsett ta' investimenti fl-ekwità.

Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw:

(a)

l-approċċ li għandu jintuża meta tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 105a(1) u meta jiġi kkalkolat l-ammont ta' ekwitajiet li huma ttrattati bħala investimenti fl-ekwità fit-tul fejn jintuża l-metodu 1 jew taħlita ta' metodi;

(b)

l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 256(1) jew ir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja imsemmi fl-Artikolu 256(2), u fir-rapport superviżorju regolari fil-livell tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 256b(1) jew fir-rapport superviżorju regolari uniku imsemmi fl-Artikolu 256b(2).”

;

(85)

l-Artikolu 234 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 234

Atti delegati għall-prinċipji u għall-metodi tekniċi stabbiliti fl-Artikoli 220 sa 229, għall-approċċ simplifikat stabbilit fl-Artikolu 229a, u għall-applikazzjoni tal-Artikoli 230 sa 233a

Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw:

(a)

il-prinċipji u l-metodi tekniċi stipulati fl-Artikoli 220 sa 229;

(b)

id-dettalji tekniċi tal-approċċ simplifikat stipulat fl-Artikolu 229a(1), kif ukoll il-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet superviżorji jistgħu japprovaw l-użu tal-approċċ simplifikat;

(c)

l-applikazzjoni tal-Artikoli 230 sa 233a, li jirriflettu n-natura ekonomika ta' strutturi legali speċifiċi.

Il-Kummissjoni tista' tissuplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom is-superviżur tal-grupp jista' japprova l-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat stipulat fl-Artikolu 229a(2).”

;

(86)

fl-Artikolu 244(3), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Sabiex jidentifika konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti li għandha tiġi rrapportata, is-superviżur tal-grupp, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn u lill-grupp, għandu jimponi limiti xierqa bbażati fuq ir-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza, id-dispożizzjonijiet tekniċi, il-fondi proprji eliġibbli, kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi oħrajn ibbażati fuq ir-riskju meqjusin xierqa jew taħlita tagħhom.”

;

(87)

l-Artikolu 245 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “il-paragrafi 2 u 3” huwa sostitwit bil-kliem “il-paragrafi 2, 3 u 3a”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Minbarra tranżazzjonijiet intragrupp skont it-tifsira tal-Artikolu 13, il-punt (19), għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, fejn ġustifikat, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirrikjedu li l-gruppi jirrapportaw ukoll tranżazzjonijiet intragrupp li jinvolvu impriżi għajr impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin.”

;

(88)

l-Artikolu 246 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu I, il-Kapitolu IV, it-Taqsima 2, għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-grupp. Is-sistema ta' governanza tal-grupp għandha tkopri impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni prinċipali tal-assigurazzjoni jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta prinċipali, kif ukoll l-impriżi relatati kollha fl-ambitu tal-grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212 li huwa soġġett għal superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c). Is-sistema ta' governanza tal-grupp għandha tkopri wkoll l-impriżi kollha li huma ġestiti mill-impriża parteċipi jew mis-sussidjarji tagħha b'mod konġunt ma' impriża waħda jew aktar li ma tkunx parti mill-istess grupp.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, is-sistemi ta' ġestjoni tar-riskju u ta' kontroll intern u l-proċeduri ta' rapportar għandhom jiġu implimentati b'mod konsistenti fl-impriżi kollha inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b), sabiex dawk is-sistemi u l-proċeduri ta' rappurtar ikunu jistgħu jiġu kkontrollati fil-livell tal-grupp.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża prinċipali aħħarija tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, jew il-kumpanija prinċipali maħtura f'konformità mal-Artikolu 214(5) jew (6), ikollha r-responsabbiltà finali għall-konformità, mill-grupp li għalih tapplika s-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c), mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva. Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta' kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fi ħdan il-grupp għandu jibqa' responsabbli għall-konformità tiegħu mar-rekwiżiti kollha, kif speċifikati fl-Artikolu 40 u fl-Artikolu 213(1), it-tieni subparagrafu.

Is-sistema ta' ġestjoni tar-riskju għandha tkopri tal-anqas l-attivitajiet kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin fil-grupp, kif ukoll l-attivitajiet materjali mhux tal-assigurazzjoni. Dan għandu jkopri wkoll ir-riskji li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet li għalihom huwa jew jista' jkun skopert il-grupp, u l-interdipendenzi tagħhom.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandhom jimmonitorjaw regolarment l-attivitajiet tal-impriżi relatati tagħha, inklużi l-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) u l-impriżi mhux regolati. Dak il-monitoraġġ għandu jkun proporzjonat man-natura, mal-iskala u mal-kumplessità tar-riskji li l-impriżi relatati jiġġeneraw jew li jistgħu jiġġeneraw fil-livell tal-grupp.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandu jkollha regoli bil-miktub fil-livell tal-grupp, u għandha tiżgura konsistenza mal-politiki tal-grupp tal-politiki miktubin tal-impriżi regolati kollha fl-ambitu tal-grupp. Għandha tiżgura wkoll li l-politiki tal-grupp jiġu implimentati b'mod konsistenti mill-impriżi regolati kollha fl-ambitu tal-grupp.”

;

(c)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza mwettqa fil-livell tal-grupp għandha tkopri tal-anqas l-attivitajiet kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin fil-grupp, kif ukoll l-attivitajiet materjali mhux tal-assigurazzjoni. Dan għandu jkopri wkoll ir-riskji li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet li għalihom huwa jew jista' jkun skopert il-grupp, u l-interdipendenzi tagħhom. Għandha tkun soġġetta għal rieżami superviżorju mis-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Kapitolu III.”

;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tiżgura li l-grupp ikollu arranġamenti ta' governanza robusti li jinkludu struttura organizzazzjonali ċara b'linji ta' responsabbiltà definiti sew, trasparenti u konsistenti u segregazzjoni tad-dmirijiet fi ħdan il-grupp. Is-sistema ta' governanza tal-grupp għandha tagħmel ħilitha sabiex tipprevjeni l-kunflitti ta' interess, jew fejn dan ma jkunx possibbli, għandha timmaniġġjahom.

Il-persuni li effettivament imexxu grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandhom jitqiesu li huma l-persuni li effettivament imexxu l-kumpanija prinċipali msemmija fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jidentifikaw il-persuni responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn fi ħdan il-grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma soġġetti għal superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c). Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju msemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, ta' dan l-Artikolu għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet imwettqin minn dawk il-persuni.

Meta l-persuni li effettivament imexxu grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ikunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn ikunu wkoll il-persuni li effettivament imexxu impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda jew aktar jew impriżi relatati oħrajn, jew ikunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn fi ħdan kwalunkwe waħda minn dawk l-impriżi, l-impriża parteċipi għandha tiżgura li r-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-livell tal-grupp ikunu segregati b'mod ċar minn dawk applikabbli fil-livell ta' kull impriża individwali.”

;

(89)

fit-Titolu III, jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IIa

Regoli makroprudenzjali fil-livell tal-grupp

Artikolu 246a

Ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell tal-grupp

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jfasslu u jżommu aġġornat pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell tal-grupp li jkopri l-analiżi tal-likwidità fuq terminu qasir u, meta mitlub mis-superviżur tal-grupp,li jikopri wkoll l-analiżi tal-likwidità fuq terminu medju u twil. L-Artikolu 144a għandu japplika mutatis mutandis.

2.   B'deroga mill-Artikolu 144a, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a) u (b) huma eżentati milli jfasslu u jaġġornaw pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell individwali kull meta l-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkopri l-ġestjoni tal-likwidità u l-ħtiġijiet tal-likwidità tas-sussidjarji kkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull impriża individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu tissottometti l-partijiet tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jkopru s-sitwazzjoni tal-grupp kollu u s-sitwazzjoni tagħha stess lill-awtorità superviżorja tagħha.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirrikjedu li impriża sussidjarja tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tfassal u taġġorna pjan ta' ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell individwali kull meta tidentifika vulnerabbiltà speċifika tal-likwidità jew il-pjan ta' ġestjoni tal-likwidità fil-livell tal-grupp ma jinkludix informazzjoni xierqa li l-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat l-impriża sussidjarja tirrikjedi li impriżi komparabbli jipprovdu għall-fini tal-monitoraġġ tal-pożizzjoni ta' likwidità tagħhom.

4.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-kontenut u l-frekwenza tal-aġġornament tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju ta' likwidità fil-livell tal-grupp. L-EIOPA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu fta” dan il-paragrafu “konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 246b

Regoli makroprudenzjali oħrajn

L-Artikoli 144b u 144c għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.”

;

(90)

fl-Artikolu 252, l-ewwel paragrafu, il-kliem “istituzzjoni ta' kreditu kif definita fid-Direttiva 2006/48/KE, jew ditta ta' investiment kif definita fid-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “istituzzjoni ta' kreditu kif definita fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ditta ta' investiment kif definita fid-Direttiva 2014/65/UE”;

(91)

fl-Artikolu 254, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni u l-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandhom jissottomettu lis-superviżur tal-grupp l-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu fuq bażi annwali fi żmien 22 ġimgħa minn tmiem is-sena finanzjarja tal-impriża, u, meta l-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu tkun meħtieġa fuq bażi trimestrali, fi żmien 11-il ġimgħa mit-tmiem ta' kull trimestru.”

;

(92)

l-Artikolu 256 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jiżvelaw pubblikament, fuq bażi annwali, rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp. Dak ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar il-grupp indirizzat lil professjonijiwt oħrajn fis-suq, kif imsemmi fl-Artikolu 51(1b). L-Artikoli 51, 53, 54 u 55 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jiżvelaw l-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu fuq bażi annwali fi żmien 24 ġimgħa minn tmiem is-sena finanzjarja tal-impriża.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

l-informazzjoni għal kwalunkwe waħda mis-sussidjarji fi ħdan il-grupp li trid tkun identifikabbli individwalment, inkluż iż-żewġ partijiet tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja, u trid tiġi żvelata f'konformità mal-Artikoli 51, 53, 54 u 55.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni li trid tiġi żvelata fir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u r-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”

;

(93)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 256b

Rapport superviżorju regolari tal-grupp

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jissottomettu lis-superviżur tal-grupp, fuq bażi annwali, rapport superviżorju regolari fil-livell tal-grupp. L-Artikolu 35(5a), l-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu, il-punt (a), għandu japplika mutatis mutandis.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu l-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu fuq bażi annwali jew anqas spiss fi żmien 24 ġimgħa minn tmiem is-sena finanzjarja tal-impriża.

2.   Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tista', soġġetta għall-qbil tas-superviżur tal-grupp, tipprovdi rapport superviżorju regolari uniku li għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni fil-livell tal-grupp, li għandha tiġi rrapportata f'konformità mal-paragrafu 1;

(b)

l-informazzjoni għal kwalunkwe waħda mis-sussidjarji fi ħdan il-grupp, li għandhom ikunu identifikabbli individwalment, għandha tiġi rrapportata f'konformità mal-Artikolu 35(5a) u ma għandhiex tirriżulta f'anqas informazzjoni mill-informazzjoni li kieku tiġi pprovduta mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jissottomettu rapport superviżorju regolari f'konformità mal-Artikolu 35(5a).

Qabel jagħti kunsens f'konformità mal-ewwel subparagrafu, is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta u jieħu kont b'mod debitu ta' kwalunkwe fehma u riżerva tal-membri tal-kulleġġ tas-superviżuri. In-nuqqas ta' qbil mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati għandu jkun iġġustifikat kif xieraq. Jekk ir-rapport superviżorju regolari uniku f'konformità ma' dan il-paragrafu jiġi approvat mill-kulleġġ tas-superviżuri, kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni individwali għandha tippreżenta r-rapport superviżorju regolari uniku lill-awtorità superviżorja tagħha. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li tissorvelja l-parti tar-rapport superviżorju regolari uniku li tkun speċifika għall-impriża sussidjarja rilevanti.

3.   Jekk ir-rapport superviżorju regolari uniku sottomess ma jkunx sodisfaċenti għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 jista' jiġi rtirat.

4.   Meta r-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 jonqos milli jinkludi informazzjoni li l-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat impriża sussidjarja fi ħdan il-grupp teħtieġ li impriżi paragunabbli jipprovdu, u meta l-ommissjoni tkun materjali, l-awtorità superviżorja kkonċernata għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi lil-impriża sussidjarja kkonċernata tirrapporta l-informazzjoni addizzjonali neċessarja.

5.   Meta l-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat impriża sussidjarja fil-grupp tidentifika kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 35(5a) jew titlob kwalunkwe emenda jew kjarifika rigward ir-rapport superviżorju regolari uniku, hija għandha tinforma wkoll lill-kulleġġ tas-superviżuri u s-superviżur tal-grupp għandu jissottometti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, lill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta l-istess talba.

6.   Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu li għandha tiġi rrapportata.

Artikolu 256c

Rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja: Rekwiżit ta' verifika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ta' grupp tkun soġġetta għal rekwiżit ta' verifika tal-karta tal-bilanċ tal-grupp żvelata bħala parti mir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 256(1) jew bħala parti mir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja imsemmi fl-Artikolu 256(2).

2.   Rapport separat, inkluż l-identifikazzjoni tat-tip ta' assigurazzjoni kif ukoll ir-riżultati tal-verifika, imħejji mill-kumpanija tal-verifika għandha tiġi sottomessa lill-awtorità superviżorja tal-grupp flimkien mar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 256(1) jew ir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja imsemmi fl-Artikolu 256(2) mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.

3.   Meta jkun hemm rapport wieħed dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 256(2), ir-rekwiżiti ta' verifika imposti fuq impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata għandhom jiġu rrispettati u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 51a(6) għandu jiġi sottomess lill-awtorità superviżorja ta' dik l-impriża mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.

4.   L-Artikolu 51a għandu japplika mutatis mutandis.”

;

(94)

l-Artikolu 257 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 257

Rekwiżiti ta' kompetenza u ta' idoneità għal persuni li effettivament imexxu kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew li jkollhom funzjonijiet ewlenin oħrajn

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li dawk li effettivament imexxu l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta, u fejn applikabbli, il-persuni li jkunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn, ikunu kompetenti u idonei biex jaqdu dmirijiethom.

L-Artikolu 42 għandu japplika mutatis mutandis.”

;

(95)

l-Artikolu 258 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji kollha biex jieħdu miżuri b'rabta ma' kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u ta' kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-gruppi li għalihom tiġi applikata s-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punti (a), (b) u (c), jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stipulati f'dan it-Titolu. Dawk is-setgħat għandhom jinkludu s-setgħat superviżorji ġenerali msemmijin fl-Artikolu 34.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-liġi kriminali , l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet fuq jew jadottaw il-miżuri relatati mal-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u mal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li jiksru l-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi traspost dan it-Titolu, jew b'rabta mal-persuna li tkun qiegħda effettivament timmaniġġja dawk il-kumpaniji. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li tali sanzjonijiet jew miżuri jkunu effettivi, speċjalment meta l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment ewlieni ta' kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew ta' kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ma tkunx tinsab fl-istess Stat Membru bħall-uffiċċju prinċipali tagħha.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Meta s-superviżur tal-grupp ikun stabbilixxa li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 213b(1) ma jkunux issodisfati jew ma baqgħux ikunu ssodisfati, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tkun soġġetta għal miżuri superviżorji adatti biex jiġu żgurati jew restawrati, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità ta' superviżjoni tal-grupp u tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f'dan it-Titolu. Fil-każ ta' kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta, il-miżuri superviżorji għandhom, b'mod partikolari, iqisu l-effetti fuq il-konglomerat finanzjarju kollu kemm hu kif ukoll fuq l-impriżi regolati relatati tiegħu.

2b.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2a ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri superviżorji li jistgħu jiġu applikati għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jinkludu, tal-anqas, dawn li ġejjin:

(a)

is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbutin mal-ishma tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni miżmumin mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta;

(b)

il-ħruġ ta' rimedji b'mandat ta' inibizzjoni, sanzjonijiet jew pieni kontra l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta' dawk il-kumpaniji;

(c)

l-għoti ta' struzzjonijiet jew ta' direzzjonijiet lill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta biex tittrasferixxi lill-azzjonisti tagħha l-parteċipazzjonijiet fl-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sussidjarji tagħha;

(d)

il-ħatra fuq bażi temporanja ta' kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni oħra, ta' kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-grupp bħala responsabbli biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan it-Titolu;

(e)

ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni ta' distribuzzjonijiet jew ta' pagamenti tal-imgħax lill-azzjonisti;

(f)

il-ħtieġa li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jiddivestu minn jew inaqqsu l-parteċipazzjonijiet f'impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew f'impriżi relatati oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 228(1);

(g)

il-ħtieġa li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jippreżentaw pjan dwar ir-ritorn, mingħajr dewmien, għall-konformità.

Is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn u lill-EIOPA qabel ma jieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu, meta dawk il-miżuri jaffettwaw lill-impriżi li jkollhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed.”

;

(96)

l-Artikolu 262 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fin-nuqqas ta' superviżjoni ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 260, jew meta Stat Membru ma japplikax l-Artikolu 261 fil-każ ta' ekwivalenza temporanja f'konformità mal-Artikolu 260(7), dak l-Istat Membru għandu japplika waħda minn dawn li ġejjin għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma parti minn grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212, u li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punt (c):

(a)

l-Artikoli 218 sa 235, u l-Artikoli 244 sa 258, mutatis mutandis;

(b)

wieħed mill-metodi stipulati fil-paragrafu 3.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom japplikaw metodi oħrajn li jiżguraw superviżjoni xierqa tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma parti minn grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212, u li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punt (c). Dawk il-metodi għandhom jiġu miftiehma mis-superviżur tal-grupp, identifikati f'konformità mal-Artikolu 247, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn.

Il-metodi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jippermettu li jintlaħqu l-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp kif speċifikat f'dan it-Titolu. Dawk l-objettivi għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

il-preservazzjoni tal-allokazzjoni tal-kapital u l-kompożizzjoni tal-fondi proprji tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-prevenzjoni tal-ħolqien materjali ta' kapital intragrupp meta tali ħolqien ta' kapital intragrupp ikun iffinanzjat mir-rikavati ta' dejn jew minn strumenti finanzjarji oħrajn li ma jikkwalifikawx bħala elementi ta' fondi proprji mill-kumpanija prinċipali;

(b)

il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji li jirriżultaw minn impriżi kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, u l-limitazzjoni tar-riskju ta' kontaġju minn dawk l-impriżi u minn impriżi mhux regolati oħrajn għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, u lis-sottogrupp li l-impriża prinċipali aħħarija tiegħu tkun impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 215, fejn jeżisti sottogrupp bħal dan.

Il-metodi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu ġġustifikati, dokumentati u nnotifikati kif xieraq lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kkonċernati, lill-EIOPA u lill-Kummissjoni.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu b'mod partikolari japplikaw wieħed jew aktar mill-metodi li ġejjin għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li jkunu parti minn grupp li huwa soġġett għal superviżjoni ta' grupp f'konformità mal-Artikolu 213(2), il-punt (c):

(a)

il-ħatra ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda li għandha tkun responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan it-Titolu, meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma parti mill-grupp ma jkollhomx impriża prinċipali komuni fl-Unjoni;

(b)

il-ħtieġa tal-istabbiliment ta' kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma parti mill-grupp ma jkollhomx impriża prinċipali komuni fl-Unjoni, u l-applikazzjoni ta' dan it-Titolu għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp immexxi minn dik il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta;

(c)

meta diversi impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma parti mill-grupp jifformaw sottogrupp li l-impriża prinċipali tiegħu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, minbarra l-applikazzjoni ta' dan it-Titolu għal dan is-sottogrupp, it-teħid ta' miżuri addizzjonali jew l-impożizzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali, inkluż rekwiżiti msemmijin fil-punti (d), (e), u (f) ta' dan is-subparagrafu u superviżjoni mtejba tal-konċentrazzjoni tar-riskju skont it-tifsira tal-Artikolu 244 u ta' tranżazzjonijiet intragrupp skont it-tifsira tal-Artikolu 245, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv imsemmi f'dan l-Artikolu, il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (b);

(d)

il-ħtieġa li l-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża prinċipali aħħarija fl-Unjoni jkunu indipendenti mill-impriża prinċipali aħħarija barra mill-Unjoni;

(e)

il-projbizzjoni, il-limitazzjoni, ir-restrizzjoni, il-monitoraġġ jew il-ħtieġa ta' notifika minn qabel tat-tranżazzjonijiet, inkluż id-distribuzzjonijiet tad-dividendi u l-pagamenti tal-kupuni fuq id-dejn subordinat, fejn tali tranżazzjonijiet huma jew jistgħu jkunu ta' theddida għall-pożizzjoni finanzjarja jew tas-solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fi ħdan il-grupp, u jinvolvu, minn naħa waħda, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, impriża li tappartjeni għall-grupp u li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha barra mill-Unjoni; meta s-superviżur tal-grupp fl-Unjoni ma jkunx waħda mill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru li fih impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, is-superviżur tal-grupp fl-Unjoni għandu jinforma lil dawk l-awtoritajiet superviżorji dwar is-sejbiet tiegħu biex jippermettilhom jieħdu l-miżuri xierqa;

(f)

il-ħtieġa ta' informazzjoni dwar is-solvenza u l-pożizzjoni finanzjarja, il-profil tar-riskju, u l-limiti tat-tolleranza tar-riskju tal-kumpaniji prinċipali li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mill-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, rapporti dwar dawk is-suġġetti li huma sottomessi lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew lill-awtoritajiet superviżorji ta' dawk l-impriżi prinċipali ta' pajjiżi terzi.”

;

(97)

fl-Artikolu 265, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mod partikolari li, meta l-impriża prinċipali ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda jew aktar tkun istituzzjoni ta' kreditu, ditta tal-investiment, istituzzjoni finanzjarja, kumpanija maniġerjali tal-UCITS, AIFM, istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali jew impriża mhux regolata li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fejn dawk l-attivitajiet jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-attività ġenerali tagħha, l-awtoritajiet superviżorji responsabbli għas-superviżjoni ta' dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jeżerċitaw superviżjoni ġenerali fuq it-tranżazzjonijiet bejn dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-impriża prinċipali u l-impriżi relatati tagħha.”

;

(98)

fl-Artikolu 267, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Għall-finijiet tad-Direttiva (UE) 2025/1, fil-każ ta' applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 26(3) ta' dik id-Direttiva u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu IV, ta' dik id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet fil-Kapitoli I, II u IV ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw għall-impriżi tar-riassigurazzjoni u għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b) sa (e), ta' dik id-Direttiva.

L-Artikoli 270 u 272 ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw fejn japplika l-Artikolu 63 tad-Direttiva (UE) 2025/1.”

;

(99)

l-Artikolu 268(1), l-ewwel subparagrafu, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser jew l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istati Membri li huma kompetenti għal miżuri ta' riorganizzazzjoni jew għall-proċedimenti ta' stralċ, jew awtorità ta' riżoluzzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva (UE) 2025/1 fir-rigward tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni meħudin skont dik id-Direttiva;”

;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

‘miżuri ta' organizzazzjoni’ tfisser miżuri li jinvolvu kwalunkwe intervent mill-awtoritajiet kompetenti li huma maħsubin biex jippreservaw jew jirrestawraw is-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża tal-assigurazzjoni u li jaffettwaw id-drittijiet preeżistenti ta' partijiet għajr tal-impriża tal-assigurazzjoni nnifisha, inkluż is-sospensjoni tal-pagamenti jew tal-miżuri ta' infurzar jew it-tnaqqis tal-klejms, l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) tad-Direttiva (UE) 2025/1 u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni msemmijin fit-Titolu III, il-Kapitolu IV, ta' dik id-Direttiva;”

;

(100)

l-Artikolu 301a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 29, 105, 105a, 213a, 233b, 256b u 304e għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' erba' snin mit-28 ta’ Jannar 2025.”

;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn sitt xhur qabel tmiem kull perjodu ta' erba' snin.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 17, 29, 31, 35, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 105, 105a,109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 213a, 216, 217, 227, 233b, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 256b, 258, 260, 304e u 308b tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 17, 29, 31, 35, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 105, 105a, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 213a, 216, 217, 227, 233b, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 256b, 258, 260 jew 308b għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5a.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 304e għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(101)

fl-Artikolu 304, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej;

“2.   Mit-30 ta’ Jannar 2027, l-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja jistgħu jkomplu japplikaw l-approċċ imsemmi fil-paragrafu 1 biss fir-rigward tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li għalihom l-awtoritajiet superviżorji approvaw l-applikazzjoni tas-submodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-durata qabel it-30 ta’ Jannar 2027.”

;

(102)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 304c

Rapport fir-rigward tar-riskju għas-sostenibbiltà

1.   L-EIOPA, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tivvaluta, fuq il-bażi tad-data disponibbli u tas-sejbiet tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*16), u l-EBA fil-kuntest tal-ħidma tagħha skont il-mandat stabbilit fl-Artikolu 501c(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jekk ikunx iġġustifikat trattament prudenzjali dedikat ta' skoperturi relatati ma' assi jew attivitajiet assoċjati sostanzjalment ma' objettivi ambjentali jew soċjali. B'mod partikolari, l-EIOPA għandha tivvaluta l-effetti potenzjali ta' trattament prudenzjali dedikat ta' skoperturi relatati ma' assi u ma' attivitajiet li huma assoċjati sostanzjalment ma' objettivi ambjentali jew soċjali jew li huma assoċjati sostanzjalment mal-ħsara għal tali objettivi dwar il-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz u l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, inkluż assi relatati mal-fjuwils fossili.

L-EIOPA għandha tissottometti rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu 2025. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jqis trattament prudenzjali bbażat fuq ir-riskju possibbli tal-iskoperturi relatati ma' assi u attivitajiet li huma assoċjati sostanzjalment mal-objettivi ambjentali jew soċjali jew li huma assoċjati sostanzjalment mal-ħsara għal tali objettivi. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt ta' dak it-trattament prudenzjali bbażat fuq ir-riskju possibbli ta' tali skoperturi fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

2.   L-EIOPA għandha tirrieżamina tal-anqas kull ħames snin, fir-rigward tar-riskju ta' katastrofi naturali, l-ambitu u l-kalibrazzjoni tal-parametri standard tas-submodulu ta' riskju ta’ katastrofi mhux tal-ħajja tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza msemmi fl-Artikolu 105(2), it-tielet subparagrafu, il-punt (b). Għall-finijiet ta' dawk ir-rieżamijiet, l-EIOPA għandha tqis l-aħħar evidenza rilevanti disponibbli dwar ix-xjenza klimatika u r-rilevanza tar-riskji f'termini tar-riskji assigurati mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw il-formula standard għall-kalkolu tas-submodulu ta' riskju ta’ katastrofi mhux tal-ħajja tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

L-ewwel rieżami skont l-ewwel subparagrafu għandu jitlesta sad-29 ta’ Jannar 2027.

Meta l-EIOPA ssib, matul rieżami skont l-ewwel subparagrafu, li, minħabba l-ambitu jew il-kalibrazzjoni tal-parametri standard tas-submodulu tar-riskju ta' katastrofi mhux tal-ħajja, ikun hemm diskrepanza sinifikanti bejn il-parti tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza relatata mal-katastrofi naturali u r-riskju reali ta' katastrofi naturali li jiffaċċjaw l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, l-EIOPA għandha tissottometti opinjoni dwar ir-riskju ta' katastrofi naturali lill-Kummissjoni.

Opinjoni dwar ir-riskju ta' katastrofi naturali ppreżentata lill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu għandha tikkunsidra l-ambitu jew il-kalibrazzjoni tal-parametri standard tas-submodulu ta' riskju ta’ katastrofi mhux tal-ħajja tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza sabiex tiġi rrimedjata d-diskrepanza misjuba u tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tal-emendi proposti fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

3.   L-EIOPA għandha tevalwa jekk u sa liema punt l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jivvalutaw l-iskopertura materjali tagħhom għar-riskju relatat mat-telfien tal-bijodiversità bħala parti mill-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1). L-EIOPA għandha sussegwentement tivvaluta liema azzjonijiet għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu dawk ir-riskji kif xieraq. L-EIOPA għandha tissottometti rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2025.

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, jiżviluppaw linji gwida biex jiżguraw li l-konsistenza, il-kunsiderazzjonijiet fit-tul u l-istandards komuni għall-metodoloġiji ta' valutazzjoni jiġu integrati fl-ittestjar tal-istress tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza. Il-Kumitat Konġunt għandu jippubblika dawk il-linji gwida sal-10 ta’ Jannar 2026. L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom, permezz ta' dak il-Kumitat Konġunt, jeżaminaw kif ir-riskji soċjali u relatati mal-governanza jistgħu jiġu integrati fl-ittestjar għal stress.

Artikolu 304d

Rieżami fir-rigward tas-separazzjoni tal-attivitajiet tal-ħajja u mhux tal-ħajja u tar-riżerva tal-kapital

1.   L-EIOPA għandha tivvaluta l-impatt tas-separazzjoni tan-negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja msemmi fil-paragrafu (1) tal-Artikolu 73. B'mod partikolari, l-EIOPA għandha tivvaluta l-effetti taż-żamma, u l-effetti potenzjali tat-tneħħija, tal-projbizzjoni komposta fir-rigward tal-protezzjoni tad-detenturi ta' poloz, is-sussidjar inkroċjat potenzjali bejn l-attivitajiet tal-ħajja u mhux tal-ħajja, l-effiċjenza tas-suq u l-kompetittività. Għall-fini tal-valutazzjoni, l-EIOPA għandha tqis l-esperjenzi superviżorji bl-impriżi komposti. L-EIOPA għandha tissottometti rapport bis-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2028.

2.   L-EIOPA għandha timmonitorja sal-31 ta’ Jannar 2032 il-kontribuzzjoni għar-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza tal-grupp imsemmijin fl-Artikolu 228(3), il-punt (a)(ii), ta' din id-Direttiva tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata ta' istituzzjonijiet ta' kreditu relatati, kif definit fl-Artikolu 128, il-punt (6), tad-Direttiva Nru 2013/36/UE. Għal dak l-għan, l-EIOPA għandha tikkoordina mal-EBA u tirrapporta lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe sejba.

Artikolu 304e

Estensjoni tal-iskadenzi f'ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Fil-każ ta' emerġenza tas-saħħa eċċezzjonali, katastrofi naturali jew ġrajja estrema oħra, l-EIOPA, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn awtorità superviżorja waħda jew aktar jew mill-Kummissjoni, għandha tivvaluta jekk tali emerġenza tas-saħħa eċċezzjonali, katastrofi naturali jew ġrajja estrema oħra hijiex tali li taffettwa materjalment il-kapaċitajiet operazzjonali tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u żżommhom milli jissottomettu informazzjoni sal-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 35b(1), (2) u (3), l-Artikolu 51(7), l-Artikolu 254(3), l-Artikolu 256(1) u l-Artikolu 256b(1). Meta twettaq dik il-valutazzjoni, l-EIOPA għandha tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti biex tiddetermina l-impatt tal-ġrajja estrema fuq il-kapaċità li tiġi sottomessa informazzjoni sal-iskadenzi stipulati f'dawk id-dispożizzjonijiet.

L-EIOPA għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn ġimgħa wara li tirċievi t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Meta l-EIOPA tqis li emerġenza tas-saħħa eċċezzjonali, katastrofi naturali jew ġrajja estrema oħra taffettwa materjalment il-kapaċitajiet operazzjonali tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u żżommhom milli jissodisfaw l-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 35b(1), (2) u (3), l-Artikolu 51(7), l-Artikolu 254(3), l-Artikolu 256(1) u l-Artikolu 256b(1), l-EIOPA, kif ukoll l-awtoritajiet superviżorji rilevanti, għandhom jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq is-siti web rispettivi tagħhom.

Il-Kummissjoni tista' testendi dawk l-iskadenzi permezz ta' att delegat adottat f'konformità ma' dan l-Artikolu.

2.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a għal ġrajjiet estremi individwali li:

(a)

jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tal-estensjoni tal-iskadenzi filwaqt li jqisu l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni affettwati mill-ġrajja;

(b)

jistabbilixxu skadenzi estiżi eċċezzjonali għar-rappurtar, li jistgħu jkunu mhux aktar minn għaxar ġimgħat itwal minn dawk previsti fl-Artikolu 35b(1), (2) u (3), l-Artikolu 51(7), l-Artikolu 254(3), l-Artikolu 256(1) u l-Artikolu 256b(1); u

(c)

jispeċifikaw liema informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35b(1), (2) u (3), l-Artikolu 51(7), l-Artikolu 254(3), l-Artikolu 256(1) u l-Artikolu 256b(1) trid tiġi rrapportata taħt tali skadenzi estiżi.

Fejn l-EIOPA ma tkunx ippreżentat valutazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tfittex il-fehmiet tal-EIOPA, kif xieraq, qabel ma tadotta att delegat f'konformità ma' dan l-Artikolu.

(*16)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”;"

(103)

fl-Artikolu 305, jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(104)

jitħassar l-Artikolu 308a;

(105)

l-Artikolu 308b huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassru l-paragrafi 5 sa 8;

(b)

il-paragrafu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“12.   Minkejja l-Artikolu 100, l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parametri standard li għandhom jintużaw meta tiġi kkalkolata l-konċentrazzjoni tar-riskju tas-suq u s-submoduli tar-riskju tal-firxa f'konformità mal-formula standard ikunu l-istess fir-rigward tal-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew għall-banek ċentrali tal-Istati Membri mġarrbin qabel l-1 ta' Jannar 2023 u ddenominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru bħal dawk li jkunu applikati għal tali skoperturi ddenominati u ffinanzjati fil-munita domestika tagħhom.”

;

(c)

fil-paragrafu 17, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Minkejja l-Artikolu 218(2) u (3), id-dispożizzjonijiet tranżitorji kif imsemmijin fil-paragrafi 9 sa 12 u 15 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikoli 308c, 308d u 308e għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-grupp.

Meta grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew kwalunkwe waħda mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni sussidjarji tiegħu, tkun qed tapplika l-miżura tranżizzjonali fuq ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju msemmijin fl-Artikolu 308c jew il-miżura tranżizzjonali fuq id-dispożizzjonijiet tekniċi msemmijin fl-Artikolu 308d, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandhom jiżvelaw pubblikament, bħala parti mir-rapport tagħha dwar is-solvenza tal-grupp u l-kundizzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 256, u b'mod supplimentari għall-iżvelar imsemmi fl-Artikolu 308c(4), il-punt (c), u l-Artikolu 308d(5), il-punt (c), il-kwantifikazzjoni tal-impatt fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħha tas-suppożizzjoni li l-fondi proprji li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri tranżizzjonali ma jistgħux effettivament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriża parteċipi li għaliha tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp.

Meta grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jiddependi b'mod materjali fuq l-użu tal-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikoli 308c u 308d b'tali mod li jirrappreżenta ħażin il-pożizzjoni attwali ta' solvenza tal-grupp, anke meta r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp jista' jkun issodisfat mingħajr l-użu ta' dawk il-miżuri tranżizzjonali, is-superviżur tal-grupp għandu jkollu s-setgħa li jieħu miżuri xierqa, li jinkludu l-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont ta' fondi proprji li jirriżulta mill-użu ta' dawk il-miżuri tranżizzjonali li jistgħu jitqiesu eliġibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.”

;

(106)

l-Artikolu 308c huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Wara t-30 ta’ Jannar 2027, l-awtoritajiet superviżorji għandhom japprovaw biss aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

matul perjodu ta' 18-il xahar qabel l-approvazzjoni, ir-regoli ta' din id-Direttiva applikati għall-ewwel darba għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni wara li tkun eżentata mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 4;

(b)

matul perjodu ta' sitt xhur qabel l-approvazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni tkun irċeviet awtorizzazzjoni li taċċetta portafoll ta' kuntratti ta' assigurazzjoni; jew riassigurazzjoni, meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tittrasferixxi tkun applikat l-aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti fir-rigward ta' dak il-portafoll ta' kuntratti qabel it-trasferiment.”

;

(b)

fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fil-parti tar-rapport tagħhom dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom li tikkonsisti f'informazzjoni indirizzata lil professjonisti tas-suq imsemmijin fl-Artikolu 51(1b), jiżvelaw pubblikament dan kollu li ġej:

(i)

il-fatt li japplikaw l-aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju;

(ii)

il-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta' applikazzjoni ta' dik il-miżura tranżizzjonali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom;

(iii)

meta l-impriża tkun konformi mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta' dik il-miżura tranżizzjonali, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tagħha;

(iv)

valutazzjoni tad-dipendenza tal-impriża fuq dik il-miżura tranżizzjonali u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-miżuri meħudin jew ippjanati mill-impriża biex tnaqqas jew tneħħi d-dipendenza.”

;

(107)

l-Artikolu 308d huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Wara t-30 ta’ Jannar 2027, l-awtoritajiet superviżorji għandhom japprovaw biss tnaqqis tranżizzjonali għad-dispożizzjonijiet tekniċi fil-każijiet li ġejjin:

(a)

matul perjodu ta' 18-il xahar qabel l-approvazzjoni, ir-regoli ta' din id-Direttiva applikati għall-ewwel darba għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni wara li tkun eżentata mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 4;

(b)

matul perjodu ta' sitt xhur qabel l-approvazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni tkun aċċettat portafoll ta' kuntratti tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tittrasferixxi tkun applikat l-aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura ta' terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti fir-rigward ta' dak il-portafoll ta' kuntratti qabel it-trasferiment.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fil-parti tar-rapport tagħhom dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom li tikkonsisti f'informazzjoni maħsuba għall-professjonisti tas-suq imsemmijin fl-Artikolu 51(1b), jiżvelaw pubblikament dan kollu li ġej:

(i)

il-fatt li japplikaw it-tnaqqis tranżizzjonali għad-dispożizzjonijiet tekniċi;

(ii)

il-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta' applikazzjoni ta' dak it-tnaqqis tranżizzjonali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom;

(iii)

meta l-impriża tkun konformi mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta' dak it-tnaqqis tranżizzjonali, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu;

(iv)

valutazzjoni tad-dipendenza tal-impriża fuq dak it-tnaqqis tranżizzjonali u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-miżuri meħudin jew ippjanati mill-impriża biex tnaqqas jew tneħħi d-dipendenza.”

;

(108)

fl-Artikolu 308e, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw il-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikolu 77a(2), l-Artikolu 111(1), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 308c jew l-Artikolu 308d, għandhom jinfurmaw lill-awtorità superviżorja malli josservaw li mhumiex ser jikkonformaw mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri tranżizzjonali. L-awtorità superviżorja għandha teżiġi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni konċernata tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fi tmiem il-perjodu tranżitorju.”

;

(109)

jiżdied l-artikolu li ġej:

“Artikolu 308f

Fil-parti mmirata lejn professjonijiet tas-suq tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom imsemmi fl-Artikolu 51(1), l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiżvelaw pubblikament l-impatt ikkombinat fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom f'każ li ma japplikawx l-introduzzjoni gradwali u l-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 77a(2), l-Artikoli 308c u 308d u, fejn rilevanti, l-Artikolu 111(1), it-tieni subparagrafu.”

;

(110)

fl-Artikolu 309(1), jitħassar ir-raba' subparagrafu;

(111)

fl-Artikolu 311, jitħassar it-tieni paragrafu;

(112)

l-Anness III huwa emendat f'konformità mal-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva 2013/34/UE

Fl-Artikolu 19a tad-Direttiva 2013/34/UE, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   B'deroga mill-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 9 u 10 ta' dan l-Artikolu, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (145), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-impriżi tal-assigurazzjoni captive kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (2), tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*17), l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (5), ta' dik id-Direttiva, u l-impriżi żgħar u mhux kumplessi kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (10a), ta' dik id-Direttiva jistgħu jillimitaw ir-rappurtar tagħhom dwar is-sostenibbiltà għall-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-impriża;

(b)

deskrizzjoni tal-politiki tal-impriża fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sostenibbiltà;

(c)

l-impatti negattivi reali jew potenzjali prinċipali tal-impriża fuq kwistjonijiet ta' sostenibbiltà, u kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu identifikati, monitorjati, prevenuti, mitigati jew rimedjati tali impatti negattivi reali jew potenzjali;

(d)

ir-riskji prinċipali għall-impriża b'rabta ma' kwistjonijiet ta' sostenibbiltà u kif l-impriża timmaniġġja dawk ir-riskji;

(e)

indikaturi ewlenin neċessarji għall-iżvelar imsemmi fil-punti (a) sa (d).

Impriżi żgħar u ta' daqs medju, istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni captive u impriżi żgħar u mhux kumplessi li jiddependu mid-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jirrappurtaw f'konformità mal-istandards tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju msemmijin fl-Artikolu 29c.".

Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva 2002/87/KE

Fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2002/87/KE, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Sal-31 ta' Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, f'rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-funzjonament ta' din id-Direttiva u d-Direttiva 2009/138/KE dwar l-aspetti elenkati hawn taħt, b'mod partikolari b'kont meħud tat-trattament prudenzjali ta' sjieda transettorjali ta' parteċipazzjoni taħt regoli settorjali, f'termini ta' kundizzjonijiet ekwi:

(a)

jekk il-fatt li hemm impriżi ta' servizzi finanzjarji li huma soġġetti għal superviżjoni finanzjarja skont regoli settorjali, iżda li mhumiex elenkati f'xi wieħed mis-setturi finanzjarji identifikati f'din id-Direttiva, joħloqx kundizzjonijiet mhux ekwi fost il-konglomerati finanzjarji;

(b)

jekk il-konglomerati finanzjarji kollha jimplimentawx regoli li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali, inkluż dawk stipulati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 342/2014 (*18), b'mod konsistenti, u jekk dawk ir-regoli jimponux rekwiżiti kwantitattivi ġenerali komparabbli għall-konglomerati finanzjarji, irrispettivament minn jekk is-settur finanzjarju ewlieni tal-konglomerat finanzjarju huwiex is-settur bankarju, is-settur tal-assigurazzjoni jew is-settur tas-servizzi tal-investiment;

(c)

jekk il-proċessi ta’ rieżami superviżorju, u l-allokazzjoni tal-mandati u s-setgħat ta' infurzar bejn il-koordinaturi u s-superviżuri settorjali, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali, humiex ċari u armonizzati biżżejjed biex jiżguraw li r-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali jiġu infurzati b'mod effettiv u konsistenti fl-Unjoni kollha, irrispettivament mis-settur finanzjarju ewlieni li fih jopera konglomerat finanzjarju;

(d)

jekk in-nuqqas ta' identifikazzjoni ta' impriża li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli għall-konformità ma' din id-Direttiva joħloqx kwistjonijiet fir-rigward tal-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-29 ta’ Jannar 2027, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-30 ta’ Jannar 2027.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C 275, 18.7.2022, p. 45.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2024.

(3)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(9)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(12)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(13)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni ta' kapital (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253).

(17)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/981 tat-8 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35, li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 161, 18.6.2019, p. 1).


ANNESS

L-Anness III tad-Direttiva 2009/138/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-taqsima A (Forom ta' impriża ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja), il-punt (27) jitħassar;

(2)

fit-taqsima B (Forom ta' assigurazzjoni tal-ħajja), il-punt (27) jitħassar;

(3)

fit-taqsima C (Forom tal-impriżi tar-riassigurazzjoni), il-punt (27) jitħassar.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top