EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2159

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2159 tat-12 ta’ Awwissu 2024 dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli biex jiġi indirizzat id-disturb fis-suq tal-inbid tal-Unjoni

C/2024/5740

ĠU L, 2024/2159, 13.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2159/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2159/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2159

13.8.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2159

tat-12 ta’ Awwissu 2024

dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli biex jiġi indirizzat id-disturb fis-suq tal-inbid tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suq tal-inbid tal-Unjoni qed jesperjenza disturbi minħabba t-tnaqqis fil-konsum domestiku u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi ta’ ċerti kategoriji tal-inbid, b’mod partikolari l-inbejjed ħomor f’ċerti reġjuni tal-produzzjoni. Fir-reġjuni tal-produzzjoni tal-inbid ikkonċernati, dan qed joħloq sitwazzjonijiet rikorrenti ta’ provvisti żejda u akkumulazzjoni ta’ stokkijiet. Fl-2023 (2), l-Unjoni adottat miżuri eċċezzjonali biex tneħħi mis-suq parti mill-istokkijiet akkumulati fl-aktar reġjuni affettwati. Iżda l-inċertezzi tas-suq għadhom fostna u d-domanda għadha dgħajfa. Minkejja l-ħsad komparattivament moderat fl-2023, l-istokkijiet ta’ ċerti kategoriji tal-inbid għadhom qed jakkumulaw f’ċerti reġjuni u l-prospettiva għas-snin li ġejjin hija inċerta u allura dan id-disturb fis-suq aktarx li jissokta jew imur għall-agħar.

(2)

Il-vitikulturi li għandhom awtorizzazzjonijiet biex iħawlu d-dwieli qed jiffaċċjaw ir-riskju ta’ sanzjonijiet jekk ma jużawhomx biex iħawlu l-vinji korrispondenti. Għalhekk, il-penali u l-perjodu qasir tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet qed iġiegħlu lill-vitikulturi jkomplu għaddejjin bit-tħawwil. It-tneħħija tal-penali u l-estensjoni tal-perjodu tal-validità fir-reġjuni produtturi b’disturbi fis-suq itaffu din il-pressjoni fuq il-vitikulturi u b’hekk tiċkien iż-żona mħawla bil-vinji u tiġi limitata l-introduzzjoni ta’ vinji produttivi addizzjonali f’suq diġà saturat. B’dawn il-miżuri, il-vitikulturi li għandhom awtorizzazzjonijiet biex iħawlu d-dwieli jkunu jistgħu jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjonijiet tagħhom dwar it-tħawwil u jirbħu aktar żmien biex jidentifikaw l-aktar varjetajiet tal-għeneb u tipi tal-inbid li jaqblu mad-domandi tas-suq u l-kundizzjonijiet klimatiċi reġjonali li dejjem jevolvu. Għalhekk, biex din is-sena u fis-snin li ġejjin tiġi limitata ż-żona tal-art imħawla fl-aktar reġjuni affettwati mid-disturbi fis-suq, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli li jiskadu fl-2024 jew fl-2025 u li jkunu għadhom ma ntużawx sad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi estiża bi tliet snin.

(3)

Biex jitħeġġeġ it-tnaqqis fiż-żona tal-vinji, jixraq li d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli jingħataw iċ-ċans jirrinunzjaw l-awtorizzazzjonijiet tagħhom għall-2024 u l-2025 mingħajr ma jkunu soġġetti għall-penali amministrattivi msemmija fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għal dak il-għan, dawn jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-intenzjoni tagħhom li ma jużawx l-awtorizzazzjonijiet tagħhom u jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità tagħhom.

(4)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta fih.

(5)

Minħabba l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli li diġà ngħataw, jidher li l-miżuri l-oħra disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhumiex biżżejjed jew adegwati biex iwaqqfu t-tkabbir taż-żona tal-vinji, u għalhekk biex jevitaw eċċess addizzjonali fis-suq tal-inbid.

(6)

Fid-dawl tad-disturb kontinwu fis-suq, u ż-żmien qasir disponibbli biex il-vitikulturi jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità prevista f’dan ir-Regolament, jeħtieġ tittieħed azzjoni immedjata. Għalhekk, dan ir-Regolament jeħtieġ jiġi adottat bil-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(7)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Derogi temporanji mill-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil u t-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli

1.   B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli li ma jintużawx u li ngħataw f’konformità mal-Artikoli 64 u 66 ta’ dak ir-Regolament li jiskadu fis-snin 2024 u 2025 u li jridu jintużaw fl-aktar reġjuni affettwati mid-disturbi fis-suq, kif identifikati mill-Istat Membru, hija estiża bi tliet snin.

2.   Iżda meta d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux jixtiequ jużawhom jew jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità tagħhom, dawn għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2024. B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ma għandhomx ikunu soġġetti għal penali amministrattivi.

Artikolu 2

Notifiki

1.   Sal-31 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-reġjuni li fihom ġie applikat l-Artikolu 1;

(b)

għal kull wieħed mir-reġjuni msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, iż-żoni f’ettari koperti minn awtorizzazzjonijiet ġodda għat-tħawwil u t-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli rispettivament, li l-validità tagħhom ġiet estiża f’konformità mal-Artikolu 1(1);

(c)

għal kull wieħed mir-reġjuni msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, iż-żoni f’ettari koperti minn awtorizzazzjonijiet ġodda għat-tħawwil u t-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli rispettivament, li l-vitikulturi ma jkunx beħsiebhom jużaw u li l-validità tagħhom mhix estiża f’konformità mal-Artikolu 1(2).

2.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (3).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1225 tat-22 ta’ Ġunju 2023 dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jindirizzaw id-disturb tas-suq fis-settur tal-inbid f’ċerti Stati Membri u li jidderogaw mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (ĠU L 160, 26.6.2023, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1225/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1183/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2159/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top