EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2146

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2146 tat-2 ta’ Awwissu 2024 dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderogaw fir-rigward tas-sena 2024 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-setturi tal-inbid u tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi

C/2024/5645

ĠU L, 2024/2146, 5.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2146/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2146/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2146

5.8.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2146

tat-2 ta’ Awwissu 2024

dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderogaw fir-rigward tas-sena 2024 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-setturi tal-inbid u tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

In-nixfa persistenti osservata fil-ħarifa tal-2023, kif ukoll fix-xitwa u fir-rebbiegħa tal-2024, kompliet taffettwa serjament is-settur tal-inbid, b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Italja u fi Spanja. Ix-xita eċċessiva matul perjodi twal fir-rebbiegħa tal-2024 f’reġjuni oħra ta’ produzzjoni, b’mod partikolari fit-Tramuntana tal-Italja u fi Franza, waqqfet lill-vitikulturi milli jwettqu ċerti operazzjonijiet f’waqthom. Dawn kienu diffikultajiet eċċezzjonali li ltaqgħu magħhom il-vitikulturi li jinsabu fir-reġjuni kkonċernati. Spanja, l-Italja u Franza infurmaw lill-Kummissjoni b’din is-sitwazzjoni u talbuha tieħu l-miżuri xierqa fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, li jiskadu fl-2024. Stati Membri oħra ġew affettwati wkoll minn dawn l-avvenimenti severi b’impatti simili u jistgħu jidentifikaw ukoll ir-reġjuni tagħhom li jipproduċu l-inbid bħala l-aktar affettwati.

(2)

B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet eċċezzjonalment xotti, minn naħa waħda, u x-xita akkumulata eċċessiva min-naħa l-oħra, żammew lill-vitikulturi milli jwettqu xogħlijiet fuq il-vinji tagħhom, li tipikament jitwettqu fil-ħarifa, fix-xitwa u fir-rebbiegħa, bħat-tindif u t-tħejjija tal-ħamrija, it-tħawwil ta’ dwieli ġodda jew it-tilqim. Fir-reġjuni milquta minn nixfa eċċezzjonali jew xita eċċessiva, tali attivitajiet ma jistgħux jitwettqu minħabba n-nixfa tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet estremament sfavorevoli għat-tkabbir ta’ żraġen ġodda jew minħabba l-impossibbiltà li wieħed jaċċessa l-irqajja’ ta’ art u jaħdem il-ħamrija f’każ ta’ xita eċċessiva.

(3)

L-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil u għat-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli huma validi għal 3 snin mid-data li fiha jkunu ngħataw. L-Artikolu 68(2), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija wara konverżjoni tad-drittijiet tat-taħwil għandhom l-istess perjodu ta’ validità tad-drittijiet tat-taħwil oriġinali. Fil-perjodu ta’ validità ta’ kull awtorizzazzjoni li tingħata, il-vitikulturi tipikament jieħdu d-deċiżjonijiet fuq il-varjetajiet u t-tip ta’ nbid li jkunu se jipproduċu fil-vinji l-ġodda, jippreparaw il-ħamrija fil-ħarifa jew fix-xitwa u jiksbu d-dwieli l-ġodda li mbagħad jitħawlu matul ir-rebbiegħa peress li r-rebbiegħa hi l-aktar perjodu xieraq tas-sena għat-taħwil.

(4)

Minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, il-vitikulturi li għandhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li għandhom jintużaw fir-reġjuni milquta min-nixfa jew mix-xita eċċessiva u li jiskadu fl-2024, fl-aħħar sena tal-validità tagħhom ma setgħux jużaw l-awtorizzazzjonijiet matul ir-rebbiegħa kif ippjanat. Peress li huwa impossibbli li jitbassar id-dewmien ta’ tali avvenimenti meteoroloġiċi avversi u tal-konsegwenzi tagħhom, mhuwiex ċert jekk dawk il-vitikulturi hux se jkollhom il-possibbiltà li jużaw l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tagħhom fil-perjodi ta’ validità rispettivi. Il-vitikulturi jkollhom iħawlu d-dwieli matul l-istaġun sħun u b’hekk f’mument inqas xieraq taċ-ċiklu tat-tkabbir, taħt kundizzjonijiet diffiċli u b’kost addizzjonali, meta s-settur tal-inbid ikun diġà qed isofri minn kundizzjonijiet tas-suq sfavorevoli.

(5)

Għalhekk, biex jiġi evitat it-telf tal-awtorizzazzjoni l-ġdida għat-tħawwil jew id-deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet li taħthom it-tħawwil ikollu jitwettaq fir-reġjuni li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri bħala reġjuni li ġew affettwati minn nixfa jew minn xita eċċessiva fl-2024, huwa meħtieġ li tiġi permessa, mingħajr dewmien, estensjoni ta’ sena tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil u għat-tħawwil mill-ġdid li jiskadu fis-sena 2024 fir-reġjuni affettwati min-nixfa jew mix-xita eċċessiva.

(6)

Il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil u għat-tħawwil mill-ġdid, maħruġa skont l-Artikolu 64, l-Artikolu 66 jew l-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jiskadu fl-2024 uli għandhom jintużaw fir-reġjuni identifikati mill-Istati Membri bħala reġjuni li ġew affettwati minn nixfa jew minn xita eċċessiva matul ir-rebbiegħa tal-2024 jenħtieġ għalhekk li tiġi estiża għal 12-il xahar addizzjonali mid-data ta’ skadenza attwali tagħhom fl-2024 biex il-vitikulturi kkonċernati jkunu jistgħu jħawlu d-dwieli fl-2025.

(7)

Minħabba dawk id-diffikultajiet, il-vitikulturi fir-reġjuni milquta min-nixfa jew mix-xita eċċessiva jenħtieġ li jitħallew jirrinunzjaw għall-awtorizzazzjoni għat-taħwil u għat-tħawwil mill-ġdid tagħhom li tiskadi fis-sena 2024 mingħajr ma jeħlu l-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jekk ma jkunux jixtiequ jkomplu jespandu ż-żona tal-vinji tagħhom.

(8)

Minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew f’diversi reġjuni tal-Istati Membri fir-rebbiegħa tal-2024, il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex ġarrbet ħsara drammatika. L-intensità tal-avvenimenti tal-ġlata f’April 2024 li seħħew fl-Awstrija u fiċ-Ċekja, u tal-avvenimenti tal-ġlata f’April 2024 u tas-silġ matul Mejju 2024 li seħħew fil-Polonja kienet straordinarja, u affettwat żona u sehem sinifikanti tal-produzzjoni nazzjonali. Il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex f’reġjuni oħra tal-produzzjoni madwar l-Unjoni wkoll ġiet affettwata serjament minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi fir-rebbiegħa tal-2024.

(9)

Biex jiġu indirizzati l-impatti tal-ġlata f’April 2024 u tas-silġ f’Mejju 2024, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2030 (2) jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għall-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid affettwati mill-avvenimenti klimatiċi avversi fl-Awstrija, fiċ-Ċekja u fil-Polonja. Madankollu, dak l-appoġġ finanzjarju huwa mmirat lejn il-produtturi affettwati, filwaqt li l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi kkawżaw ukoll kwistjonijiet usa’ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(10)

Minħabba dawk l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi, ħafna organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li l-attività ewlenija tagħhom tinsab fir-reġjuni affettwati qed jiffaċċjaw tnaqqis importanti fil-produzzjoni mill-membri produtturi tagħhom. Sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta’ tali tnaqqis fil-produzzjoni, u biex jittaffew l-impatti tiegħu fuq l-istatus ta’ rikonoxximent tagħhom u s-sospensjoni possibbli tal-pagamenti għall-programmi operazzjonali attwali tagħhom, jenħtieġ li fis-sena 2024 l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jinsabu fir-reġjuni affettwati jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (3), fir-rigward tal-obbligu li l-valur ekonomiku tal-prodotti mibjugħa minn produtturi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jrid ikun taħt il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(11)

Il-konsegwenzi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi fis-setturi tal-inbid u tal-frott u l-ħxejjex li huma deskritti hawn fuq ma jikkwalifikawx bħala tfixkil fis-suq fis-sens tal-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fil-fatt, l-impatt dirett tal-avvenimenti meteoroloġiċi msemmija huwa, minn naħa, l-impossibbiltà li wieħed jipproċedi bl-operazzjonijiet ippjanati ta’ tħawwil tad-dwieli u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis drastiku tal-valur tal-attività tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi mwettqa mal-membri produtturi tagħhom stess. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma tikkwalifika bħala tfixkil fis-suq. Lanqas ma huma r-riżultat ta’ mard tal-annimali jew tal-pjanti jew ta’ kriżi ta’ fiduċja tal-konsumaturi koperti mill-Artikolu 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjonijiet li dan ir-Regolament għandu l-għan li jwieġeb għalihom jikkostitwixxu problemi speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma jistgħux jiġu indirizzati bil-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament.

(12)

Fid-dawl tal-kobor tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2024 u tal-inċertezzi prevalenti tas-suq f’ċerti reġjuni għas-settur tal-inbid, jeħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi ssir deroga, sal-punt biss li huwa strettament meħtieġ u għas-sena 2024 biss, minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġodda għat-tħawwil tad-dwieli li jiskadu fl-2024 u għall-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli valida u li għadhom ma ntużatx mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament fis-settur tal-inbid u għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex fir-reġjuni affettwati.

(13)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżuri introdotti bih.

(14)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Derogi temporanji mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw ir-reġjuni tal-produzzjoni tal-inbid fit-territorju tagħhom li jkunu ġew affettwati minn nixfa severa jew xita eċċessiva, matul ix-xitwa u r-rebbiegħa tal-2024, sal-punt li l-vitikulturi ġew preklużi milli jwettqu l-operazzjonijiet meħtieġa relatati mat-tħawwil tad-dwieli matul dawk l-istaġuni.

2.   B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, u mill-Artikolu 68(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil u għat-taħwil mill-ġdid mogħtija f’konformità mal-Artikoli 64, l-Artikolu 66 jew l-Artikolu 68(1) ta’ dak ir-Regolament li jiskadu fis-sena 2024 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiskadu 12-il xahar mid-data tal-iskadenza inizjali tagħhom.

3.   B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil u għat-taħwil mill-ġdid li jiskadu fis-sena 2024 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu soġġetti għal penali amministrattivi jekk ma jużawx l-awtorizzazzjonijiet, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2024 li mhumiex beħsiebhom jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità prevista fil-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Deroga temporanja mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891

B’deroga mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, fis-sena 2024, il-limitazzjoni li taħtha organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tbigħ biss prodotti minn produtturi li mhumiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi meta l-valur ekonomiku ta’ dik l-attività jkun inqas mill-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħha ma għandhiex tapplika għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2024.

Artikolu 3

Notifiki

1.   Sal-31 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni jekk implimentawx jew le d-derogi previsti fl-Artikolu 1 għas-settur tal-inbid u, meta rilevanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-reġjuni li fihom id-derogi msemmija fl-Artikolu 1(2) u (3) ġew applikati;

(b)

iż-żona koperta mill-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil u għat-tħawwil mill-ġdid li għalihom il-validità tkun ġiet estiża għal 12-il xahar b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(2);

(c)

iż-żona koperta mill-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil u għat-tħawwil mill-ġdid li skadew fl-2024 li għaliha l-vitikultur li jżommhom irrinunzja għall-estensjoni tal-validità b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(3).

2.   Sal-31 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni jekk implimentawx jew le d-deroga prevista fl-Artikolu 2 għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u, meta rilevanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-reġjuni li fihom id-deroga msemmija fl-Artikolu 2 ġiet applikata;

(b)

l-għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li japplikaw id-derogi msemmija fl-Artikolu 2.

3.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (4).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-5 ta’ Awwissu 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Awwissu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2030 tat-23 ta’ Lulju 2024 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u għas-settur tal-inbid affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi fl-Awstrija, fiċ-Ċekja u fil-Polonja, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/2030, 24.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2030/oj ).

(3)   Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/891/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1183/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2146/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top