Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2137

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2137 tat-2 ta’ Awwissu 2024 li jikkoreġi u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2024/5616

ĠU L, 2024/2137, 5.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2137/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2137/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2137

5.8.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2137

tat-2 ta’ Awwissu 2024

li jikkoreġi u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni identifikat xi żbalji fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 tagħha (2). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 jeħtieġ li jiġi kkoreġut sabiex jipprovdi ċarezza u ċertezza legali lill-operaturi tan-negozju u lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u b’hekk tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa ta’ dak l-att. L-iżbalji soġġetti għal korrezzjoni jikkonċernaw b’mod partikolari raġunament imtejjeb dwar l-impatt tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni u l-inklużjoni ta’ tliet kodiċijiet NM neqsin u tliet kodiċijiet TARIC neqsin fl-Artikolu 1 tal-parti operattiva.

(2)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 (3) tagħha, il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ 3 snin. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 (4), il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1782 (5), il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2026. Il-prodott taħt rieżami fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 huwa waħda mill-kategoriji ta’ prodotti koperti mill-miżura ta’ salvagwardja. Konsegwentement, ladarba jinqabżu l-kwoti tariffarji stabbiliti taħt il-miżura ta’ salvagwardja, kemm id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota kif ukoll id-dazju anti-dumping isiru pagabbli fuq l-istess importazzjonijiet. Peress li din l-akkumulazzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma’ miżuri ta’ salvagwardja tista’ twassal għal effett fuq il-kummerċ akbar milli mixtieq, huwa neċessarju li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota għall-prodott taħt rieżami għad-durata tal-impożizzjoni tad-dazju ta’ salvagwardja.

(3)

Għaldaqstant, meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 jsir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jaqbeż il-livell tad-dazji anti-dumping skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475, jenħtieġ li jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazji ta’ salvagwardja u anti-dumping, il-ġbir tad-dazji imposti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 jenħtieġ li jiġi sospiż. Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 jsir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jiġi stabbilit f’livell aktar baxx mil-livell tad-dazji anti-dumping fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 jenħtieġ li jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u d-dazji anti-dumping ogħla imposti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475. Il-parti tal-ammont ta’ dazji anti-dumping mhux miġbura jenħtieġ li tiġi sospiża.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 jiġi kkoreġut u emendat kif xieraq.

(5)

Sabiex jiġi minimizzat il-perjodu ta’ inċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. Jenħtieġ li japplika b’effett mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għat-tipi kollha ta’ prodotti li kienu koperti mir-rieżami ta’ skadenza u tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-miżuri ta’ salvagwardja. L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’effett mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 ma tipproduċi l-ebda konsegwenza sfavorevoli għal dawk ikkonċernati fid-dawl tal-fatt li l-korrezzjonijiet u l-emendi ma jikkonċernawx bidliet fis-sustanza u ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

il-premessa 147 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(147)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kien madankollu sostanzjalment aktar baxx, kif spjegat fil-premessa (35), milli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Madankollu, meta mqabbel mar-rieżami preċedenti, kien hemm żieda żgħira fl-importazzjonijiet. Abbażi ta’ din l-analiżi, jista’ jiġi dedott li l-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien, fil-fatt, aktar sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat milli matul ir-rieżami preċedenti.”;

(2)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx (minbarra dawk il-pajpijiet u t-tubi b’fittings imwaħħla magħhom adattati għat-twassil ta’ gassijiet jew likwidi għall-użu f’inġenji tal-ajru ċivili), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7304 11 00 , 7304 22 00 , 7304 24 00 , ex 7304 41 00 , ex 7304 49 83 , ex 7304 49 85 , ex 7304 49 89 u ex 7304 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 7304 41 00 90, 7304 49 83 90, 7304 49 85 90, 7304 49 89 90, u 7304 90 00 91), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

Artikolu 2

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1475 jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

1.   Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (*1) jsir applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx (minbarra dawk il-pajpijiet u t-tubi b’fittings imwaħħla magħhom adattati għat-twassil ta’ gassijiet jew likwidi għall-użu f’inġenji tal-ajru ċivili) u jaqbeż il-livell tad-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

2.   Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż.

3.   Fejn id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 jsir applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx (minbarra dawk il-pajpijiet u t-tubi b’fittings imwaħħla magħhom adattati għat-twassil ta’ gassijiet jew likwidi għall-użu f’inġenji tal-ajru ċivili) u jiġi stabbilit f’livell aktar baxx mid-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u d-dazju anti-dumping ogħla stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-parti tal-ammont ta’ dazju anti-dumping mhux miġbura skont il-paragrafu 3 għandha tiġi sospiża.

5.   Is-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu limitati fiż-żmien għall-perjodu tal-applikazzjoni tad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Awwissu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1475 tat-30 ta’ Mejju 2024 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1475, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1475/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/159/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 biex jestendi l-miżura ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 225I, 25.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1029/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1782 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, inkluż l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tas-salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L, 2024/1782, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1782/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2137/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top