This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R1497
Council Regulation (EU) 2024/1497 of 27 May 2024 amending Regulation (EU) No 36/2012 concerning restrictive measures in view of the situation in Syria
Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1497 tas-27 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1497 tas-27 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
ST/8914/2024/INIT
ĠU L, 2024/1497, 28.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1497/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1497 |
28.5.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1497
tas-27 ta’ Mejju 2024
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (1) u, fil-31 ta’ Mejju 2013, huwa adotta d-Deċiżjoni Nru 2013/255/PESK (2) wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li fihom il-Kunsill ikkundanna l-vjolenza u l-ksur gravi mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja. |
(2) |
It-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 aggrava l-kundizzjonijiet diġà mwiegħra fil-pajjiż u żied it-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana. |
(3) |
Fit-23 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/408 (3) u r-Regolament (UE) 2023/407 (4), li introduċew eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet deżinjati u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kunsill iddeċieda li jenħtieġ li din l-eżenzjoni tapplika għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ċerti kategoriji definiti ta’ atturi involuti f’attivitajiet umanitarji u għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur sal-24 ta’ Awwissu 2023. |
(4) |
Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1467 (5) u r-Regolament (UE) 2023/1462 (6), li estendew din l-eżenzjoni sal-24 ta’ Frar 2024. Fit-18 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2876 (7) u r-Regolament (UE) 2023/2877 (8), li tawlu ulterjorment l-eżenzjoni sal-1 ta’ Ġunju 2024. |
(5) |
Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1496 (9) li tissostitwixxi l-eżenzjoni msemmija hawn fuq b’eżenzjoni li tapplika sal-1 ta’ Ġunju 2025, f’konformità mad-data tat-tmiem tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, u li tipprevedi, mingħajr preġudizzju għar-rieżami tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, li testendi aktar dik l-eżenzjoni wara l-1 ta’ Ġunju 2025. |
(6) |
Il-miżuri previsti- f’dan ir-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk, b’mod partikolari bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati. |
(7) |
Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 16a tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 16a
1. Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(2) ma għandhomx japplikaw sal-1 ta’ Ġunju 2025 għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:
(a) |
in-Nazzjonijiet Uniti inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha; |
(b) |
organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(c) |
organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji; |
(d) |
organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Na zzjonijiet Uniti„ il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji; |
(e) |
organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali; |
(f) |
l-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew |
(g) |
l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) waqt li u sakemm ikunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet. |
2. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(2) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni minn korpi pubbliċi jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew Stati Membri biex jagħtu sokkors umanitarju fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja fejn l-għoti ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun għax-xiri jew it-trasport ta’ prodotti petroliferi, jew finanzjament jew assistenza finanzjarja assoċjati, għall-uniku skop li jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew li tingħata assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja f’konformità mal-Artikolu 6a(1).
3. F’każijiet mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u b’deroga mill-Artikolu 14(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa meħtieġ biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.
4. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.
5. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 3 u 4 fi żmien 4 ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/408 tat-23 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 56 I, 23.2.2023, p. 4).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/407 tat-23 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 56 I, 23.2.2023, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1467 tal-14 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 180, 17.7.2023, p. 41).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1462 tal-17 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 180, 17.7.2023, p. 8).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2876 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L, 2023/2876, 19.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2876/oj).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2877 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L, 2023/2877, 19.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2877/oj).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1496 tas-27 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L, 2024/1496, 28.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1496/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1497/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)