Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0895

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/895 tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 fir-rigward tal-kalkolu tal-obbligazzjonijiet eliġibbli u r-reġim tranżizzjonali

    C/2023/8602

    ĠU L, 2024/895, 20.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/895/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/895/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/895

    20.3.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/895

    tat-13 ta’ Diċembru 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 fir-rigward tal-kalkolu tal-obbligazzjonijiet eliġibbli u r-reġim tranżizzjonali

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 103(7) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emendat id-definizzjoni ta’ “obbligazzjonijiet eliġibbli”, kif kien ġie stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-punt (71), tad-Direttiva 2014/59/UE. Bis-saħħa ta’ dik id-definizzjoni l-ġdida, “obbligazzjonijiet eliġibbli” huma biss dawk l-obbligazzjonijiet li huma eliġibbli għar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL). Dik l-emenda jenħtieġ li tiġi riflessa fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 (3), li jittratta l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. B’mod aktar partikolari, ir-referenzi f’dak l-Att Delegat għad-definizzjoni preċedenti ta’ “obbligazzjonijiet eliġibbli”, li kienet stabbilita fl-Artikolu 2(1), il-punt (71) tad-Direttiva 2014/59/UE, jenħtieġ li jiġu aġġustati għall-Artikolu 2(1), il-punt (71a), ta’ dik id-Direttiva, fejn ġiet stabbilita d-definizzjoni l-ġdida. Barra minn hekk, il-formula għall-kalkolu tal-indikatur “Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni f’eċċess tal-MREL” fl-Anness I, PASS I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 jeħtieġ li tiġi aġġustata wkoll biex tinkludi biss obbligazzjonijiet eliġibbli għall-MREL.

    (2)

    Id-Direttiva (UE) 2019/879 emendat ukoll l-Artikolu 45(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59/UE biex tipprevedi kalkolu ġdid tal-MREL, li skontu l-MREL issa huwa kkalkolat bħala perċentwal kemm tal-skopertura totali għar-riskju (TREA) u bħala perċentwal tal-kejl tal-iskopertura totali (TEM) tal-entità kkonċernata. Għalhekk jenħtieġ li jiġi speċifikat fuq il-bażi ta’ liema parametru għandu jiġi kkalkolat l-indikatur “Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni f’eċċess tal-MREL” imsemmi fir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat valur prudenti biżżejjed ta’ dak l-indikatur, jenħtieġ li jiġi stabbilit li għall-kalkolu ta’ dak l-indikatur jenħtieġ li jintuża l-ogħla valur tal-MREL bejn l-MREL ikkalkolat skont it-TREA minn naħa waħda, u l-MREL ikkalkolat skont it-TEM, min-naħa l-oħra.

    (3)

    Id-Direttiva (UE) 2019/879 estendiet ukoll il-possibbiltà li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżentaw entitajiet individwali mill-MREL fil-livell individwali u minflok jirrikjedu l-MREL fil-livell konsolidat, u b’mod partikolari għaċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 45f(3) u (4) u l-Artikolu 45 g tad-Direttiva 2014/59/UE. Jenħtieġ li dik l-emenda tad-Direttiva 2014/59/UE tiġi riflessa fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63.

    (4)

    L-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 attwalment jipprevedi reġim tranżizzjonali li jippermetti lil istituzzjonijiet iżgħar jikkontribwixxu għal arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni b’somma f’daqqa, aktar milli b’kontribuzzjoni sħiħa aġġustata għar-riskju. Dak ir-reġim tranżizzjonali jibqa’ għaddej sa tmiem il-perjodu inizjali previst biex jintlaħaq il-livell fil-mira tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2023. Madankollu, skont l-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-perjodu inizjali biex jintlaħaq il-livell fil-mira tal-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jintemm sena wara, fil-31 ta’ Diċembru 2024. Dik is-sitwazzjoni toħloq trattament mhux ugwali bejn l-istituzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u l-istituzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Sabiex l-istituzzjonijiet li jikkontribwixxu wkoll għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni nazzjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’somma f’daqqa sa tmiem il-perjodu inizjali tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rispettiv tagħhom, jenħtieġ li r-reġim tranżizzjonali jiġi estiż b’sena sal-31 ta’ Diċembru 2024 billi r-referenza fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 għall-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tiġi sostitwita b’referenza għall-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jingħataw biżżejjed żmien biex jadottaw u jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni f’konformità mar-rekwiżiti emendati. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi previst arranġament tranżizzjonali għas-sena 2024 li jestendi l-iskadenzi għal tali notifiki.

    (7)

    Peress li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeħtieġ li japplikaw ir-rekwiżiti emendati sabiex jikkalkolaw u jiġbru l-kontribuzzjonijiet għall- 2024 mill-aktar fis possibbli, huwa meħtieġ li jiġi previst id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mill-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

    (8)

    Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bl-informazzjoni li hija rilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet jingħataw xahar ieħor biex jipprovdu dik l-informazzjoni fl-2024.

    (9)

    Huwa meħtieġ li tiġi evitata l-inċertezza legali dwar il-metodu li għandu jiġi applikat għar-rapportar tal-informazzjoni u għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni nazzjonali. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom, filwaqt li titqies l-estensjoni tar-reġim tranżizzjonali ta’ somma f’daqqa fl-2024, ferm qabel l-iskadenza stabbilita għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet fl-2024. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tar-rapportar tal-informazzjoni u tal-metodu ta’ kalkolu matul il-perjodi ta’ kontribuzzjoni, u sabiex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu joħorġu l-istruzzjonijiet meħtieġa mill-1 ta’ Diċembru 2023, l-estensjoni tar-reġim tranżizzjonali li għandu jiġi stabbilit fl-Artikolu 20(5), (8) u (9) jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv minn dik id-data.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63

    Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 3, il-punt (17) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(17)

    ‘obbligazzjonijiet eliġibbli’ tfisser obbligazzjonijiet eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt (71a), tad-Direttiva 2014/59/UE;”;

    (2)

    fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Meta l-awtorità kompetenti tkun eżentat għal kollox l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti tal-kapital għal istituzzjoni fil-livell individwali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-awtorità tar-riżoluzzjoni tkun ukoll eżentat għal kollox l-applikazzjoni fil-livell individwali tal-istess istituzzjoni tal-MREL f’konformità mal-Artikolu 45f(3) jew (4), jew mal-Artikolu 45 g tad-Direttiva 2014/59/UE, l-indikatur imsemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a) ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi kkalkolat f’livell konsolidat. Il-punteġġ miksub minn dak l-indikatur fil-livell konsolidat għandu jiġi attribwit lil kull istituzzjoni li tkun parti mill-grupp sabiex jiġi kkalkolat l-indikatur tar-riskju ta’ dik l-istituzzjoni.”

    ;

    (3)

    fl-Artikolu 20, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, matul il-perjodu inizjali msemmi fl-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet li għandhom assi totali ta’ EUR 3 000 000 000 jew inqas, iħallsu somma f’daqqa ta’ EUR 50 000 għall-ewwel EUR 300 000 000 tal-obbligazzjonijiet totali, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom. Għall-obbligazzjonijiet totali bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom ta’ aktar minn EUR 300 000 000, dawk l-istituzzjonijiet għandhom jikkontribwixxu f’konformità mal-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-Regolament.”

    ;

    (4)

    fl-Artikolu 20, jiżdiedu il-paragrafi 8 u 9 li ġejjin:

    “8.   B’deroga mill-Artikolu 13(1), fil-perjodu ta’ kontribuzzjoni tal-2024 l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinnotifikaw lil kull istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 2 bid-deċiżjonijiet tagħhom li jiddeterminaw il-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni sal-31 ta’ Mejju 2024.

    9.   B’deroga mill-Artikolu 14(4), u fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fl-2023, l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu għandha tingħata sa mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024.”

    ;

    (5)

    L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(3) u (4), li għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 44).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).


    ANNESS

    “ANNESS I

    PROĊEDURA GĦALL-KALKOLU TAL- KONTRIBUZZJONIJIET ANNWALI TAL-INSTITUZZJONIJIET

    PASS 1

    Kalkolu tal-Indikaturi mhux maħduma

    L-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tikkalkula l-indikaturi li ġejjin billi tapplika l-miżuri li ġejjin:

    Pilastru

    Indikatur

    Miżuri

    Skopertura għar-riskju

    Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni f’eċċess tal-MREL

    Formula

    Fejn, għall-finijiet ta’ dan l-indikatur:

    Fondi proprji għandu jfisser is-somma ta’ Kapital ta’ Grad 1 u Grad 2 f’konformità mad-definizzjoni fl-Artikolu 4(1), il-punt (118), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Obbligazzjonijiet eliġibbli tfisser is-somma tal-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (71a) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    L-obbligazzjonijiet totali tfisser l-obbligazzjonijiet totali kif definit fl-Artikolu 3(11) ta’ dan ir-Regolament. L-obbligazzjonijiet derivattivi għandhom jiġu inklużi fit-total tal-obbligazzjonijiet fuq il-bażi li jingħata rikonoxximent sħiħ lid-drittijiet tal-innettjar tal-kontraparti.

    MREL għandu jfisser ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli kif definit fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Dan l-indikatur għandu jiġi kkalkolat billi jintuża l-ogħla valur tal-MREL li jagħżel bejn il-valur tal-MREL ikkalkolat fuq il-bażi ta’ perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tal-entità kkonċernata skont l-Artikolu 45(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2014/59/UE, u l-valur tal-MREL ikkalkolat abbażi ta’ perċentwal tal-kejl tal-iskopertura totali tal-entità kkonċernata skont l-Artikolu 45(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Skopertura għar-riskju

    Proporzjon ta’ Ingranaġġ

    Il-Proporzjon ta’ Ingranaġġ kif definit fl-Artikolu 429 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u rapportat f’konformità mal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

    Skopertura għar-riskju

    Proporzjon tal-Kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni

    Proporzjon tal-Kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni kif definit fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u rapportat f’konformità mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

    Skopertura għar-riskju

    TRE/Assi Totali

    Formula

    fejn:

    TRE jfisser l-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kif definit fl-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    L-assi totali kif definit fl-Artikolu 3(12) ta’ dan ir-Regolament.

    Stabbiltà u Varjetà tal-Iffinanzjar

    Proporzjon ta’ Ffinanzjar Stabbli Nett

    Proporzjon ta’ Ffinanzjar Stabbli Nett kif rapportat f’konformità mal-Artikolu 415 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Stabbiltà u Varjetà tal-Iffinanzjar

    Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità

    Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità kif irrapportat f’konformità mal-Artikolu 415 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont ir-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

    L-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija

    Sehem mis-self u depożiti interbankarji fl-UE

    Formula

    fejn:

    Self interbankarju huwa definit bħala s-somma tal-ammonti miżmuma fil-kotba ta’ self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu u korporazzjonijiet finanzjarji oħra kif stabbilit għall-finijiet tal-mudell numru 4.1, 4.2, 4.3 u 4.4 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

    Depożiti interbankarji huma definiti bħala l-ammonti miżmuma fil-kotba tad-depożiti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u korporazzjonijiet finanzjarji oħra kif stabbilit għall-finijiet tal-mudell numru 8.1 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

    Self interbankarju u depożiti totali fl-UE huma t-total tal-aggregati tas-self u d-depożiti interbankarji miżmuma minn istituzzjonijiet f’kull Stat Membru kif kalkulat f’konformità mal-Artikolu 15.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/895/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top