Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0749

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/749 tad-29 ta’ Frar 2024 dwar l-awtorizzazzjoni tas-sustanza lignosulfonat bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

C/2024/1224

ĠU L, 2024/749, 1.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/749/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/749/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/749

1.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/749

tad-29 ta’ Frar 2024

dwar l-awtorizzazzjoni tas-sustanza lignosulfonat bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Il-lignosulfonat, kien ġie awtorizzat mingħajr limitu ta’ żmien, f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE, bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Dik is-sustanza wara ddaħħlet fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-lignosulfonat bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha ta’ annimali. L-applikant talab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “sustanzi li jorbtu”. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjonijiet tagħha tas-6 ta’ Lulju 2015 (3), tal-10 ta’ Jannar 2020 (4) u tal-21 ta’ Marzu 2023 (5), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-lignosulfonat huwa sikur għall-ħnienes miftuma, għall-ħnieżer għat-tismin, għat-tiġieġ għat-tismin, għat-tiġieġ tal-bajd u għall-ifrat għat-tismin b’kontenut massimu ta’ 10 000 mg/kg ta’ għalf komplet u għall-ispeċijiet l-oħra kollha tal-annimali b’kontenut massimu ta’ 8 000 mg/kg ta’ għalf komplet, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Ikkonkludiet ukoll li għamliet solidi ta’ lignosulfonat jenħtieġ li jitqiesu bħala perikolużi minħabba l-inalazzjoni. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-addittiv huwa effettiv bħala sustanza li torbot il-pellet. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, sottomess mil-Laboratorju ta’ Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-lignosulfonat jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dik is-sustanza kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(6)

Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għas-sustanza kkonċernata, jixraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tappartejni għall-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u għall-grupp funzjonali “sustanzi li jorbtu”, hi awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u l-premixxeli li fihom dik is-sustanza, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-21 ta’ Settembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-21 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-21 ta’ Marzu 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-21 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsubin għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-21 ta’ Marzu 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-21 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2015;13(7):4160.

(4)   EFSA Journal 2020;18(2):6000.

(5)   EFSA Journal 2023;21(4):7956.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg tal-addittiv/kg ta’għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jorbtu

1g565

Lignosulfonat

Kompożizzjoni tal-addittiv

Lignosulfonat tal-kalċju, tas-sodju jew tal-manjeżju: ≥ 55 %

Zokkor riduċenti: ≤ 20 %

(fuq bażi ta’ materja niexfa)

Il-kontenut taz-zokkor riduċenti jintlaħaq bl-ultrafiltrazzjoni jew bil-fermentazzjoni bis-Saccharomyces cerevisae CBS 13806, Saccharomyces cerevisae CBS 13807 jew Saccharomyces cerevisae CBS 13808

Għamla solida jew likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Polimeri ramifikati b’fergħat amorfi ta’ lignin, li fihom monomeri tal-propan fenil sulfonati marbuta b’mod kovalenti (C9).

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni tal-lignosulfonat fl-addittiv fl-għalf:

determinazzjoni indiretta mit-total ta’ rmied u zokkor riduċenti mill-monografija JECFA (40-65 – speċifikazzjoni ġdida għall-lignosulfonat tal-kalċju).

Ħnienes miftuma, ħnieżer għat-tismin, tiġieġ għat-tismin, tiġieġ tal-bajd, frat għat-tismin

10 000

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Għall-utenti tal-addittiv (f’għamla solida) u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs.

il-21 ta’ Marzu 2034

L-ispeċijiet u l-kategoriji l-oħra kollha tal-annimali

8 000


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/749/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top