Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0450

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/450 tas-26 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-elementi minimi li għandhom jiġu inklużi fi pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati għall-approvazzjoni tiegħu mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni

    C/2023/7109

    ĠU L, 2024/450, 7.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/450/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/450/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/450

    7.2.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/450

    tas-26 ta’ Ottubru 2023

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-elementi minimi li għandhom jiġu inklużi fi pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati għall-approvazzjoni tiegħu mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(4), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 38(4), it-tieni subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    It-treġġigħ lura tal-vijabilità fit-tul tal-kontroparti ċentrali (CCP) wara l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni rilevanti, jitqies li jkun inkiseb meta, sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, is-CCP tkun kapaċi tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali rilevanti kollha u rekwiżiti regolatorji oħrajn fuq bażi progressiva, u jkollha mudell ta’ negozju vijabbli li jkun ukoll sostenibbli fit-tul.

    (2)

    Jenħtieġ li pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jqis l-event li wassal biex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 (“event skattatur”). Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi analiżi dettaljata tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi li wasslu għal dak l-event, li huma varjabbli importanti għat-tfassil tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u għall-identifikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    (3)

    Pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jistabbilixxi l-miżuri previsti biex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP. Sabiex jiġi massimizzat iċ-ċans tagħhom li jilħqu l-objettivi tagħhom, jenħtieġ li dawn ikunu adatti għas-servizzi tal-ikklirjar tas-CCP, iqisu l-kondizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tas-suq li fihom se topera s-CCP, jikkunsidraw kwalunkwe effett fuq il-partijiet ikkonċernati rilevanti tas-CCP, u jenħtieġ li jiżguraw kemm il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji. Sabiex pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jitqies kredibbli mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mill-awtorità kompetenti, jenħtieġ li dan ireġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP abbażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi u jispjega r-raġunijiet għaliex xi miżuri alternattivi ġew imwarrba mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    (4)

    Bħar-riorganizzazzjoni tan-negozju, l-ippjanar għall-irkupru għandu l-għan li jtejjeb il-prestazzjoni ta’ entità li tkun qed tiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi billi jidentifika u jindirizza l-kawżi ta’ dawk id-diffikultajiet. Għalhekk, sabiex is-sinerġiji bejn iż-żewġ tipi ta’ ppjanar jiġu sfruttati kif xieraq, meta jikkunsidra t-treġġigħ lura tal-vijabilità u l-kontinwità tas-servizzi tal-ikklirjar tas-CCP, jenħtieġ li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju juża l-informazzjoni li tinsab fil-pjan ta’ rkupru, sa fejn tali informazzjoni tkun rilevanti għat-treġġigħ lura tal-vijabilità fit-tul tas-CCP.

    (5)

    Pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jinkludi, fejn rilevanti, miżuri għar-riorganizzazzjoni u r-ristrutturar tal-attivitajiet tas-CCP, bidliet fis-sistema operattiva u fl-infrastruttura tas-CCP, jew bidliet fil-ġestjoni tar-riskju tas-CCP. Sabiex tiġi żgurata r-rilevanza ta’ kull miżura, jenħtieġ li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jinkludi preżentazzjoni dettaljata, li tqis l-impatt tal-miżuri proposti fuq l-attivitajiet tas-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-fornituri terzi, u li turi kif dik il-miżura se treġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP. B’mod partikolari, sabiex juri li s-CCP se tibqa’ konformi mar-rekwiżiti organizzazzjonali u prudenzjali stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li kwalunkwe bidla fil-ġestjoni tar-riskju tas-CCP tiġi dettaljata u vvalutata fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    (6)

    Pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jinkludi miżuri għall-bejgħ jew l-istralċ ta’ xi wħud mill-assi jew mil-linji tan-negozju tas-CCP. Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tagħhom, jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu appoġġati minn deskrizzjoni dettaljata tal-linji tan-negozju jew l-assi kkunsidrati għall-bejgħ, kif dak il-bejgħ ireġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP, u kwalunkwe impatt fuq il-kontinwità tal-operazzjonijiet tas-CCP.

    (7)

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni kredibbli tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li dan jinkludi skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha previsti. Jenħtieġ li l-iskeda ta’ żmien tgħin fl-identifikazzjoni tal-istadji importanti ewlenin tal-pjan, inklużi l-passi ta’ komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni.

    (8)

    Meta jivvalutaw jekk il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jreġġax lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jqisu kemm il-kriterji tal-prestazzjoni tal-vijabilità kif ukoll il-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja, li huma komplementari għal xulxin. Jenħtieġ li l-kriterji tal-prestazzjoni tal-vijabilità jgħinu biex jiġi vverifikat li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju huwa konsistenti mar-regoli u r-regolamenti interni tas-CCP, u li permezz tiegħu s-CCP tkun tista’ tkompli topera mingħajr ma toħloq riskji sinifikanti għas-sistema finanzjarja, filwaqt li tibqa’ konformi mar-rekwiżiti prudenzjali u organizzazzjonali applikabbli kollha. Jenħtieġ li l-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja jgħinu biex jiġi vverifikat li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju se jiggarantixxi l-vijabilità finanzjarja fit-tul tas-CCP, kemm mil-lat operazzjonali kif ukoll minn dak ekonomiku, wara r-riorganizzazzjoni.

    (9)

    Il-fluttwazzjonijiet huma parti inerenti miċ-ċiklu ekonomiku. Jenħtieġ li kwalunkwe pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jinkludi analiżi ta’ xenarji alternattivi, b’bidliet xierqa fis-suppożizzjonijiet sottostanti ewlenin biex jiġu inklużi s-suppożizzjonijiet tal-agħar u l-aħjar xenarji possibli. Sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li meta l-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw il-pjan, jivverifikaw li dan jiddependi fuq sett ta’ xenarji komprensivi u realistiċi, li jirriflettu b’mod preċiż l-ambjent tas-suq tas-CCP, u r-restrizzjonijiet operazzjonali u legali tagħha.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni kredibbli tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li meta l-awtorità kompetenti u l-awtorità tar-riżoluzzjoni jivvalutaw dak il-pjan, jiżguraw li kemm il-maniġment superjuri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati ewlenin ikollhom għarfien suffiċjenti tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Peress li l-partijiet ikkonċernati ewlenin huma essenzjali jew kritiċi għas-CCP fl-għoti tas-servizzi tal-ikklirjar, jenħtieġ li jinkludu membri tal-ikklirjar u fornituri ta’ servizzi kritiċi inklużi l-fornituri tas-servizzi ta’ saldu, u l-fornituri tal-pjattaformi.

    (11)

    Sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li meta l-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw il-pjan, jivverifikaw li dan jippreserva l-funzjonijiet kritiċi tas-CCP, u jqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-CCP, inklużi n-natura tal-attivitajiet tal-ikklirjar tagħha, l-istruttura tas-suq tal-ikklirjar, u l-interdipendenzi ma’ partijiet ikkonċernati oħra inklużi l-membri tal-ikklirjar, iċ-ċentri tan-negozjar jew il-fornituri ta’ servizzi kritiċi. Filwaqt li tiżgura li jiġu inklużi d-dettalji kollha meħtieġa, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta wkoll li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju huwa konċiż u ċar biżżejjed biex ikun jista’ jiġi implimentat malajr.

    (12)

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li meta l-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw il-pjan, iqabblu l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju mal-pjanijiet tan-negozju preċedenti tas-CCPs, mħejjija jew skont is-suppożizzjonijiet tagħhom stess ta’ “żamma tal-istatus quo” jew fejn meħtieġ minn obbligi regolatorji jew legali.

    (13)

    Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, peress li jittrattaw il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju li s-CCPs taħt riżoluzzjoni huma meħtieġa jippreżentaw wara l-applikazzjoni tal-għodda ta’ valutazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, hemm il-ħtieġa li s-CCPs u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għall-obbligi u d-drittijiet tagħhom marbuta ma’ tali pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Għalhekk, huwa xieraq li l-istandards tekniċi regolatorji rilevanti meħtieġa mill-Artikoli 37(4) u 38(4) tar-Regolament (UE) 2021/23 jiġu inklużi f’Regolament wieħed.

    (14)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

    (15)

    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    ELEMENTI MINIMI LI GĦANDHOM JIĠU INKLUŻI FIL-PJAN TA’ RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

    Artikolu 1

    Fatturi jew ċirkostanzi li wasslu biex is-CCP tfalli jew tkun fi probabbiltà li tfalli

    Analiżi dettaljata tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi li wasslu biex is-CCP tfalli jew tkun fi probabbiltà li tfalli kif imsemmi fl-Artikolu 37(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tinkludi dan kollu li ġej:

    (a)

    deskrizzjoni tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi b’distinzjoni ċara bejn eventi ta’ inadempjenza, eventi mhux ta’ inadempjenza u fejn ikun hemm taħlita tat-tnejn;

    (b)

    valutazzjoni tal-kondizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 22(1), il-punt (a), u l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2021/23 meta tali kondizzjonijiet jew ċirkostanzi jkunu kkontribwew direttament jew indirettament biex is-CCP titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli;

    (c)

    deskrizzjoni tal-miżuri ta’ rkupru u tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda jew applikati mis-CCP jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni qabel il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    Artikolu 2

    Deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP

    1.   Deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP kif imsemmi fl-Artikolu 37(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/23 għandha tinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni dwar kif il-miżuri li għandhom jiġu adottati huma adattati għall-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa tas-CCP, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti mis-CCP u l-ambjent ekonomiku u finanzjarju li fih topera s-CCP;

    (b)

    deskrizzjoni dwar kif il-miżuri li għandhom jiġu adottati jqisu l-analiżi dettaljata msemmija fl-Artikolu 1, b’deskrizzjoni tal-limitu sa fejn dawk il-miżuri huma derivati mill-fatturi u ċ-ċirkostanzi identifikati f’dik l-analiżi;

    (c)

    deskrizzjoni dwar kif il-miżuri li għandhom jiġu adottati jkunu inkludew kwalunkwe waħda mill-miżuri identifikati qabel fil-pjan ta’ rkupru, fejn tali miżuri jibqgħu validi għall-istrateġija tas-CCP sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tagħha;

    (d)

    deskrizzjoni dwar kif is-CCP użat l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet rilevanti fir-rigward tas-servizzi tal-ikklirjar previsti tagħha, il-vijabilità u l-kapaċità operazzjonali previsti filwaqt li jitqiesu l-fornituri tas-servizzi ta’ kont kif ukoll l-entitajiet konnessi u infrastrutturi tas-swieq finanzjarji oħra (financial market infrastructures, FMIs); inkluża deskrizzjoni ta’ kif is-CCP qieset l-effett stmat tal-miżuri previsti fuq l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, sabiex tiġi żviluppata kull waħda mill-miżuri skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u biex tiġi mbassra l-prestazzjoni tagħha skont kull miżura bħal din sabiex jiġi żgurat li l-miżuri li għandhom jiġu adottati jkunu adatti għall-għan li titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tagħha;

    (e)

    deskrizzjoni dwar kif il-miżuri huma marbuta mal-eżitu tal-analiżi tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi li wasslu biex is-CCP tfalli jew tkun fi probabbiltà li tfalli, u mal-event li kkawża l-iskattar tal-pjan ta’ riżoluzzjoni;

    (f)

    deskrizzjoni dwar kif il-miżuri li għandhom jiġu adottati jqisu dan li ġej:

    (i)

    kwalunkwe effett materjali fuq il-membri tal-ikklirjar, u l-klijenti diretti u indiretti tagħhom, u l-interdipendenzi ma’ FMIs u ċentri tan-negozjar marbuta oħra;

    (ii)

    kwalunkwe effett materjali fuq il-funzjonament tas-CCP, inklużi settijiet ta’ netting u rekwiżiti ta’ kollateral;

    (iii)

    il-ħtieġa tal-kontinwità tal-arranġamenti legali u tekniċi tas-CCP;

    (iv)

    kwalunkwe bidla materjali prevista fil-pjan ta’ rkupru, sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP fl-istadju tal-ippjanar ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (v)

    il-ħtieġa li tinżamm, jew terġa’ tinkiseb il-konformità tas-CCP mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 16 u t-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikoli 9, 31, 35, 36, 39 u 70 tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-livell ta’ informazzjoni fid-deskrizzjoni tal-miżuri differenti jista’ jvarja skont il-probabbiltà li dawk il-miżuri jiġu adottati skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    2.   Kwalunkwe valutazzjoni u suppożizzjoni li saru, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-kriterji tal-prestazzjoni tal-vijabilità u l-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, biex jiġu identifikati l-miżuri li għandhom jiġu adottati skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, għandhom jiġu deskritti u mqabbla mal-punti ta’ referenza xierqa għas-settur kollu għall-istrumenti kklirjati u għandhom jirriflettu t-tbassir makroekonomiku disponibbli għall-ikklirjar ta’ tali strumenti.

    3.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi analiżi tas-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-aħjar u l-agħar xenarji possibbli, u l-miżuri li jirriżultaw minn dawk ix-xenarji. It-treġġigħ lura tal-vijabilità fit-tul tas-CCP għandu jkun possibbli fix-xenarji kollha, għalkemm għal perjodu ta’ implimentazzjoni, il-miżuri li għandhom jiġu adottati u l-prestazzjoni finanzjarja jistgħu jvarjaw.

    4.   Meta l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jinkludi diversi miżuri li għandhom jiġu adottati biex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP, id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    ġustifikazzjoni tal-miżuri differenti inkluża deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet differenti applikati;

    (b)

    deskrizzjoni ta’ kif kull waħda mill-miżuri differenti se treġġa’ lura, b’mod konġunt jew indipendenti, il-vijabilità fit-tul tas-CCP;

    (c)

    deskrizzjoni tal-ġerarkija fl-applikazzjoni tal-miżuri.

    5.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi deskrizzjoni ġenerali ta’ kwalunkwe miżura alternattiva mhux meqjusa fil-proċess tat-tfassil tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    Artikolu 3

    Ir-riorganizzazzjoni u r-ristrutturar tal-attivitajiet tas-CCP

    Meta l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP jinkludu riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-attivitajiet tas-CCP kif imsemmi fl-Artikolu 37(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/23, id-deskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi wkoll l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tan-negozju riorganizzat u tas-servizz tal-ikklirjar kif huma ppjanati li jirriżultaw mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (b)

    spjegazzjoni tal-bidliet previsti, u l-kontribut tagħhom biex jintlaħaq l-objettiv ta’ riorganizzazzjoni tas-CCP;

    (c)

    deskrizzjoni tal-impatt tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju fuq il-funzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin tas-CCP, b’mod partikolari fuq il-kapaċità tas-CCP li tkompli tipprovdi servizzi tal-ikklirjar;

    (d)

    deskrizzjoni tal-punt sa fejn l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni jkopru parti mill-funzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin tas-CCP, inkluż jekk entità oħra tiddeterminax il-prezzijiet, tipprovdix sistemi għall-ikklirjar, il-kalkoli tal-marġni jew partijiet essenzjali oħra tal-operazzjonijiet tas-CCP, u kif tali funzjonijiet kritiċi u linji tan-negozju ewlenin se jibqgħu operazzjonali;

    (e)

    deskrizzjoni ta’ kif il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju se jaffettwa s-swieq li fihom topera s-CCP, u s-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti mis-CCP;

    (f)

    deskrizzjoni ta’ kif se jaħdmu n-negozju aġġustat u s-servizz tal-ikklirjar meta s-CCP tkun daħlet f’arranġamenti ma’ partijiet terzi, inklużi l-arranġamenti tal-interoperabbiltà u l-arranġamenti mal-fornituri tas-servizzi, u kif is-CCP se tkun tista’ tkompli tipprovdi l-funzjonijiet u s-servizzi kritiċi tagħha meta tkun dipendenti fuq tali entitajiet;

    (g)

    preżentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla prevista fl-organizzazzjoni tas-CCP;

    (h)

    preżentazzjoni tal-bidliet fl-istruttura tas-sjieda tas-CCP u kwalunkwe bidla fl-istrutturi tal-inċentivi tal-maniġers;

    (i)

    fejn rilevanti, preżentazzjoni tal-bidliet fil-governanza, l-organizzazzjoni u l-impjegati tas-CCP.

    Artikolu 4

    Bidliet fis-sistemi operattivi u l-infrastruttura tas-CCP

    Meta l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP jinkludu bidliet fis-sistemi operattivi u l-infrastruttura tas-CCP kif imsemmi fl-Artikolu 37(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/23, id-deskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    preżentazzjoni tas-sistemi operattivi ewlenin u l-infrastruttura identifikati li se jiġu affettwati mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u kif se jiġu affettwati;

    (b)

    preżentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla prevista fl-organizzazzjoni tas-CCP;

    (c)

    preżentazzjoni tal-bidliet fl-istruttura tas-sjieda tas-CCP u kwalunkwe bidla fl-istrutturi tal-inċentivi tal-maniġers;

    (d)

    fejn rilevanti, preżentazzjoni tal-bidliet fil-governanza, l-organizzazzjoni u l-impjegati tas-CCP.

    Artikolu 5

    Il-bejgħ ta’ assi jew linji ta’ negozju

    1.   Meta l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP jinkludu l-bejgħ tal-assi jew tal-linji tan-negozju msemmija fl-Artikolu 37(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/23, id-deskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tal-miżuri li jidentifikaw liema mil-linji tan-negozju jew l-assi rilevanti tas-CCP u l-obbligazzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi relatati, se jiġu stralċati jew mibjugħa, inklużi:

    (i)

    deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet rilevanti għall-istralċ jew għall-bejgħ;

    (ii)

    il-metodu għall-istralċ jew il-bejgħ, inklużi s-suppożizzjonijiet sottostanti u kwalunkwe telf possibbli mistenni;

    (iii)

    id-durata mistennija;

    (iv)

    kwalunkwe finanzjament jew servizz ipprovdut mill-kumplament tas-CCP jew lilhom;

    (b)

    meta parti mil-linja tan-negozju jew mill-assi tifforma parti mill-funzjonijiet kritiċi jew mil-linji tan-negozju ewlenin tas-CCP, deskrizzjoni ta’ kif, sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP, tali funzjonijiet kritiċi jew linji tan-negozju ewlenin jistgħu jiġu sseparati minn funzjonijiet kritiċi jew mhux kritiċi oħra jew mil-linji tan-negozju ewlenin f’termini ekonomiċi, operazzjonali u legali;

    (c)

    meta parti mil-linja tan-negozju jew mill-assi tifforma parti mill-funzjonijiet kritiċi jew mil-linji tan-negozju ewlenin tas-CCP, deskrizzjoni, sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP, ta’ kwalunkwe effett materjali possibbli ta’ tali separazzjoni tal-assi fuq il-membri tal-ikklirjar u, sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli, il-klijenti diretti u indiretti tagħhom, kif ukoll fuq ċentri tan-negozjar u FMIs u CCPs oħra;

    (d)

    fejn rilevanti u fejn l-identifikazzjoni tkun possibbli, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe effett materjali minħabba l-istralċ jew il-bejgħ tal-linji tan-negozju jew tal-assi rilevanti u l-pożizzjonijiet rilevanti tas-CCP fuq:

    (i)

    settijiet ta’ netting, operazzjonijiet jew arranġamenti legali għall-membri tal-ikklirjar u, sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli, il-klijenti diretti u indiretti tagħhom;

    (ii)

    il-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kollateral, b’mod partikolari l-marġnijiet ta’ varjazzjoni, u kif tali stralċ jew bejgħ jista’ jaffettwa materjalment il-kollateral mitlub mill-membri tal-ikklirjar, u, sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli, il-klijenti diretti u indiretti tagħhom;

    (iii)

    il-prezz tal-allokazzjoni u t-trasferiment ta’ tali pożizzjonijiet u tranżazzjonijiet lil CCP oħra;

    (iv)

    spjegazzjoni tal-proċess għall-portabbiltà tal-pożizzjonijiet u tal-assi relatati tal-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tas-CCP għal CCP oħra, fejn previst, u deskrizzjoni ta’ kemm huwa probabbli li tali portabbiltà tirnexxi u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi ffaċilitata;

    (v)

    deskrizzjoni ta’ dawn li ġejjin:

    (i)

    kif is-CCP iżżomm id-data rilevanti aġġornata dwar il-pożizzjonijiet fil-kontijiet omnibus u segregati tal-klijent matul ir-riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (ii)

    kif is-CCP tkun tista’ tipprovdi l-informazzjoni rilevanti malajr matul ir-riorganizzazzjoni sabiex tiżgura li l-pożizzjonijiet u t-tranżazzjonijiet kollha, inklużi l-pożizzjonijiet tal-klijenti, fejn identifikabbli, miżmuma fis-CCP jkunu jistgħu jiġu identifikati u potenzjalment trasferiti b’suċċess;

    (e)

    fejn arranġamenti ta’ servizz jew arranġamenti kuntrattwali oħra jiġu pprovduti minn entitajiet tal-grupp, deskrizzjoni ta’ kif tali entitajiet tal-grupp se jiġu affettwati;

    (f)

    deskrizzjoni ta’ kif il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jqis u jiżgura l-kontinwità tal-arranġamenti legali u tekniċi tas-CCP u kif il-pjan jappoġġa t-trasferiment tal-funzjonijiet tas-CCP, inkluża deskrizzjoni ta’ kwalunkwe ftehim konkluż ma’ FMIs oħra jew ma’ fornituri ta’ servizzi rilevanti bi tħejjija għall-applikazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    2.   Għall-partijiet tas-CCP li mhux se jiġu stralċati jew mibjugħa, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jindika modi kif jiġi rimedjat kwalunkwe nuqqas fl-operat jew fil-prestazzjoni tagħhom li jista’ jkollu impatt fuq il-vijabilità fit-tul tagħhom, anki jekk dawk in-nuqqasijiet mhumiex direttament relatati mal-falliment tas-CCP.

    Artikolu 6

    Il-bidliet fil-ġestjoni tar-riskju tas-CCP

    Meta l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP jinkludu bidliet fil-ġestjoni tar-riskju tas-CCP kif imsemmi fl-Artikolu 37(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/23, id-deskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi deskrizzjoni dwar:

    (a)

    kif is-CCP tipprevedi li tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali tagħha, inkluż billi tagħmel bidliet fil-metodoloġiji tal-fond tal-inadempjenza tagħha, fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju tal-marġni u tal-likwidità, fil-politiki ta’ investiment, fil-politiki tal-kollateral u fl-arranġamenti tas-saldu, u jekk hijiex prevista xi bidla fil-ġestjoni tar-riskju tas-CCP;

    (b)

    kif is-CCP tipprevedi li tikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji l-oħra tagħha, inkluż billi tagħmel bidliet organizzazzjonali, inklużi bidliet fl-istruttura organizzazzjonali tagħha, fil-politika ta’ kontinwità tal-operat u fl-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tagħha, kif ukoll billi tagħmel bidliet materjali fil-ġestjoni tagħha, fir-regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet tagħha, inkluża l-kompożizzjoni tas-sħubija tagħha, u r-regoli tagħha dwar is-segregazzjoni u l-portabbiltà;

    (c)

    kif is-CCP tipprevedi li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-likwidità tagħha, inkluż li tissodisfa l-obbligi ta’ pagament kollha tagħha, fil-muniti rilevanti kollha, hekk kif isiru dovuti u sa liema punt tkun tista’ tirrikorri għall-għodod ta’ likwidità stabbiliti fir-regoli operattivi tagħha skont il-kondizzjonijiet rilevanti tas-suq;

    (d)

    kif is-CCP tipprevedi li tikkonforma mar-rekwiżiti li żżomm ir-riżorsi finanzjarji prefinanzjati u impenjati disponibbli;

    (e)

    kif is-CCP tipprevedi li tikkonforma mar-rekwiżiti biex ikollha l-kapaċità li tirrikostitwixxi r-riżorsi finanzjarji prefinanzjati tagħha.

    Artikolu 7

    Skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex titreġġa’ lura l-vijabilità fit-tul tas-CCP

    1.   L-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 37(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/23 għandha tkopri l-aspetti kollha li ġejjin:

    (a)

    l-iskeda ta’ żmien ġenerali u l-perjodi ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (b)

    lista tal-azzjonijiet u l-passi ewlenin previsti, bi skedi ta’ żmien allokati, li għandhom jittieħdu mis-CCP biex timplimenta kull miżura stabbilita fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (c)

    l-iskeda ta’ żmien fil-mira stmata għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni stabbiliti fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (d)

    skeda ta’ żmien dettaljata tal-interazzjonijiet ippjanati mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mal-awtorità kompetenti;

    (e)

    skeda ta’ żmien għall-komunikazzjoni mal-pubbliku, filwaqt li titqies l-istrateġija ta’ komunikazzjoni interna u esterna tas-CCP dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (f)

    skeda ta’ żmien għall-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni rilevanti involuti fl-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, inklużi l-membri tal-ikklirjar u t-trade unions;

    (g)

    fejn applikabbli, skeda ta’ żmien għat-treġġigħ lura tal-konformità tas-CCP mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u mar-rekwiżiti rilevanti skont ir-Regolament (UE) 2021/23.

    2.   Is-CCP għandha tiżgura li l-iskedi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu xierqa, u jippermettu implimentazzjoni effettiva tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    KAPTOLU II

    KRITERJI GĦALL-APPROVAZZJONI TAL-PJANIJIET TA’ RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

    Artikolu 8

    Kriterji tal-prestazzjoni tal-vijabilità

    Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jissodisfa l-kriterji kollha tal-prestazzjoni tal-vijabilità li ġejjin:

    (a)

    is-CCP għandha tkun tista’, f’konformità mar-regoli u r-regolamenti interni tagħha, twettaq il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (b)

    is-CCP, bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, għandha tkun tista’, fi żmien raġonevoli, treġġa’ lura l-vijabilità fit-tul u tkompli tipprovdi servizzi tal-ikklirjar f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 bil-mod li ġej:

    (i)

    is-CCP ma toħloqx riskju sinifikanti għas-sistema finanzjarja, filwaqt li tqis b’mod partikolari valutazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-lista ta’ parteċipanti tal-ikklirjar;

    (ii)

    is-CCP tipprovdi servizz tal-ikklirjar li huwa stabbli u vijabbli, filwaqt li tqis b’mod partikolari:

    (1)

    il-fluss stmat tat-tranżazzjonijiet li se jiġu ppreżentati lis-CCP għall-ikklirjar;

    (2)

    l-għadd stmat ta’ membri tal-ikklirjar fis-CCP;

    (3)

    il-kapaċità tas-CCP li tiżgura likwidità fl-istrumenti kklirjati;

    (4)

    il-ftehimiet kuntrattwali materjali li se jinżammu, u l-punt sa fejn tali kuntratti jinkludu klawżoli kuntrattwali ta’ reżiljenza, klawżoli reżistenti għar-riżoluzzjoni u limitazzjonijiet tad-drittijiet ta’ terminazzjoni f’riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (5)

    il-ftehimiet interni li se jinżammu matul l-applikazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, inklużi deskrizzjonijiet ta’ kwalunkwe struttura tal-ipprezzar ta’ distakkament u l-aċċess kontinwu ppjanat għall-assi operazzjonali;

    (6)

    il-kontinwazzjoni prevista tas-servizzi lis-CCP wara l-applikazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, kif muri mill-ittri ta’ impenn tal-fornituri tas-servizzi u fejn ma tkun waslet l-ebda ittra bħal din, il-valutazzjoni tas-CCP li t-terminazzjoni ta’ tali servizz mhux se tkun ta’ detriment għall-vijabilità operazzjonali jew finanzjarja tas-CCP;

    (c)

    il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi deskrizzjoni tal-metodu għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjabbiltà tal-funzjonijiet u l-assi kritiċi tas-CCP, b’enfasi fuq aspetti li jista’ jkollhom impatt fuq il-valwazzjoni, inkluża l-volatilità fis-suq, l-inaċċessibbiltà jew l-inċertezza tal-prezzijiet tas-suq, ir-restrizzjonijiet tal-ħin u l-aspetti legali;

    (d)

    il-valwazzjonijiet skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandhom ikopru kemm l-assi kif ukoll il-linji tan-negozju tas-CCP li għandhom jiġu stralċati jew mibjugħa, u l-assi u l-linji tan-negozju li għandhom jibqgħu fis-CCP;

    (e)

    kwalunkwe rikavat miċ-ċessjoni ta’ assi, jew ta’ linji tan-negozju previsti mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jiġi kkalkolat b’mod prudenti u b’referenza għal punt ta’ referenza jew għal valwazzjoni, inkluża valwazzjoni esperta, eżerċizzju ta’ sondaġġ tas-suq, jew il-valur ta’ assi jew linji tan-negozju simili;

    (f)

    is-CCP, bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, għandha tkun kapaċi tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali u rekwiżiti regolatorji oħra applikabbli kollha fuq bażi progressiva, b’mod partikolari:

    (i)

    is-CCP mhux se tibqa’ tikser l-ebda rekwiżit jew tipprevjeni ksur probabbli ta’ dawk ir-rekwiżiti milli jimmaterjalizza;

    (ii)

    is-CCP tiżgura l-funzjoni kontinwa tal-proċessi operazzjonali tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 12(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (g)

    meta flimkien mar-riżoluzzjoni għandu jkun hemm sostituzzjoni tal-maniġment u fejn tali ristrutturar għandu jinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jindirizza ristrutturar li jinkludi s-sostituzzjoni tal-maniġment;

    (h)

    sa fejn taf is-CCP, l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fir-riorganizzazzjoni tan-negozju ma għandu jkollha l-ebda effett negattiv materjali fuq l-istabbiltà tas-suq u dik finanzjarja;

    (i)

    is-CCP ma identifikatx kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali li jistgħu jinqalgħu mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

    Artikolu 9

    Kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja

    Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jissodisfa l-kriterji kollha tal-prestazzjoni finanzjarja li ġejjin:

    (a)

    is-CCP għandha tkun identifikat ir-rekwiżiti ta’ finanzjament skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u tkun żgurat is-sorsi ta’ tali finanzjament, filwaqt li tiżgura, b’mod partikolari, li l-partijiet li jaqblu li jipprovdu riżorsi finanzjarji impenjati, inkluża l-impriża omm, il-membri tal-ikklirjar, l-azzjonisti jew il-fornituri tal-likwidità tas-CCP, ikunu jistgħu jittrasferixxu l-ammonti impenjati lis-CCP fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ f’konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet maqbula minn tali partijiet;

    (b)

    is-CCP għandha tkun identifikat u inkludiet fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju modi biex iżżomm ir-reżiljenza finanzjarja tagħha;

    (c)

    is-CCP għandha tkun tista’ topera u tkopri l-pożizzjonijiet finanzjarji kollha tagħha, kif muri minn karta tal-bilanċ ta’ wara r-riorganizzazzjoni li tipprovdi dettalji dwar l-istruttura l-ġdida tad-dejn u tal-kapital u dwar l-effetti tal-għodod ta’ valutazzjoni negattiva u konverżjoni bbażati fuq il-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 sa fejn tali valwazzjoni tkun ġiet iffinalizzata fiż-żmien tal-istabbiliment tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (d)

    is-CCP għandha tkun identifikat u mmitigat kwalunkwe impediment finanzjarju, inkluż meta s-CCP tkun parti minn litigazzjoni jew tilwima li tkun għaddejja li tista’ taffettwa b’mod negattiv il-pożizzjoni finanzjarja tagħha.

    Artikolu 10

    Kriterji ta’ sensibilizzazzjoni u impenn

    Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jissodisfa l-kriterji kollha ta’ sensibilizzazzjoni u impenn li ġejjin:

    (a)

    il-maniġment superjuri u l-membri tal-bord tas-CCP għandhom jirrikonoxxu bil-miktub li huma konxji u impenjati għal dan li ġej:

    (i)

    l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (ii)

    il-ħatra ta’ persuna waħda jew aktar responsabbli għat-twettiq tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u l-identifikazzjoni tal-individwi assenjati l-karigi ta’ maniġment superjuri ta’ tali dipartimenti;

    (b)

    l-għarfien, l-impenn, il-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati interni u esterni ewlenin li ġejjin għall-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandhom ikunu dokumentati bil-miktub:

    (i)

    il-kumitat tar-riskju;

    (ii)

    il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti diretti u indiretti tagħhom fejn l-identifikazzjoni tagħhom tkun possibbli;

    (iii)

    is-CCPs interoperabbli u l-fornituri ta’ servizzi kritiċi.

    Artikolu 11

    Kredibbiltà tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju

    1.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu japplika suppożizzjonijiet li huma kredibbli, li jvarjaw mill-aktar ottimisti għall-aktar pessimisti, u li jiżguraw li l-istrateġija ta’ riorganizzazzjoni stabbilita fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju tkun realistika, xierqa, u li tqis l-opportunitajiet u t-theddid għas-CCP fis-suq rilevanti.

    2.   Is-suppożizzjonijiet fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandhom ikunu bbażati fuq is-swieq rilevanti fejn is-CCP tipprovdi servizzi tal-ikklirjar u l-offerti tal-ikklirjar minn pari rilevanti tas-CCps, u għandhom jitqabblu ma’ punti ta’ referenza xierqa għas-settur kollu rilevanti għas-CCPs.

    3.   Is-suppożizzjonijiet kollha għandhom jirriżultaw f’xenarji plawżibbli. Il-bidliet applikati biex jiġu ddeterminati l-aktar suppożizzjonijiet pessimisti jew ottimisti għandhom jiffukaw, b’mod partikolari, fuq aspetti li huma rilevanti għas-CCP skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju sabiex jiġu żgurati l-proporzjonalità u l-effiċjenza.

    4.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju ma għandux, lanqas taħt l-agħar xenarju jew l-aħjar xenarju possibbli, jinkludi għodod ta’ riżoluzzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li tkun qed tiġi implimentata.

    Artikolu 12

    Adegwatezza tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju

    1.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jkun konsistenti, sa fejn ikun possibbli, mal-valutazzjonijiet imwettqa mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti fil-perjodu li jwassal għall-istabbiliment ta’ dak il-pjan u mal-valwazzjonijiet użati biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 ġewx issodisfati.

    2.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jorbot il-miżuri li fih mal-eżitu tal-analiżi tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi li wasslu biex is-CCP tfalli jew tkun fi probabbiltà li tfalli, u mal-event li kkawża l-iskattar tal-pjan ta’ riżoluzzjoni, b’separazzjoni bejn eventi ta’ inadempjenza, eventi mhux ta’ inadempjenza u kombinazzjoni tat-tnejn, skont iċ-ċirkostanzi tas-sitwazzjoni.

    3.   L-analiżi tal-ambjent operattiv estern inkluża fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandha tkun konsistenti, sa fejn ikun possibbli, mal-analiżi tal-opportunitajiet u t-theddid fis-swieq rilevanti, kif stabbilit mill-awtorità tar-riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti meta jwettqu l-kompiti tagħhom.

    4.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju ma għandux jaffettwa b’mod negattiv il-funzjonijiet kritiċi jew il-linji tan-negozju ewlenin tas-CCP jew il-funzjonament tas-sistema finanzjarja u l-istabbiltà finanzjarja ġenerali.

    5.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jkun fattibbli u għandu jiżgura dan li ġej:

    (a)

    il-mitigazzjoni ta’ kwalunkwe impediment potenzjali għall-implimentazzjoni, bħal-liġi tax-xogħol jew arranġamenti kuntrattwali oħra;

    (b)

    li l-miżuri ppjanati, l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom u l-valutazzjoni tal-kriterji tal-prestazzjoni jkunu qiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-CCP, inklużi l-organizzazzjoni tan-negozju u s-servizzi tal-ikklirjar, ir-rabtiet mal-membri tal-ikklirjar, u sa fejn l-informazzjoni tkun disponibbli, il-klijenti diretti u l-klijenti indiretti tas-CCP, iċ-ċentri tan-negozjar, il-kredituri u l-fornituri ta’ servizzi kritiċi u kwalunkwe interdipendenzi materjali tas-CCP ma’ entitajiet oħra rilevanti għas-CCP jew arranġamenti tal-interoperabbiltà ma’ FMIs oħra;

    (c)

    li titqies is-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti fejn is-CCP tipprovdi servizzi tal-ikklirjar;

    (d)

    li l-valwazzjoni użata għall-kalkolu ta’ kwalunkwe rikavat mistenni mill-bejgħ ta’ assi jew linji tan-negozju previsti mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju tkun prudenti, affidabbli u realistika.

    Artikolu 13

    Konsistenza tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju

    1.   Is-CCP għandha tallinja l-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju mal-pjanijiet tan-negozju preċedenti li tkun ħejjiet, fejn xieraq, jew tispjega fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għaliex dan jiddevja materjalment mill-pjanijiet tan-negozju preċedenti.

    2.   Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jirrispetta l-objettivi tar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/450/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top