Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0434

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/434 tal-5 ta’ Frar 2024 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-istabbiliment u tat-tixrid tal-Agrilus planipennis Fairmaire fit-territorju tal-Unjoni

    C/2024/583

    ĠU L, 2024/434, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/434/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/434/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/434

    6.2.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/434

    tal-5 ta’ Frar 2024

    dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-istabbiliment u tat-tixrid tal-Agrilus planipennis Fairmaire fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1), il-punti (d) sa (i), tiegħu,

    Billi:

    (1)

    It-tifqigħat reċenti tal-Agrilus planipennis Fairmaire (“il-pest speċifikat”) f’pajjiżi terzi qrib il-fruntieri tal-Unjoni jirrikjedu l-introduzzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-istabbiliment u tat-tixrid tal-pest speċifikat fit-territorju tal-Unjoni f’każ li jinstab li jkun preżenti hemmhekk.

    (2)

    Il-pest speċifikat huwa elenkat bħala pest ta’ prijorità skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 (2).

    (3)

    Abbażi tal-evidenza xjentifika u teknika disponibbli li tikkonċerna l-pest speċifikat, jenħtieġ li l-miżuri fir-rigward tal-pest speċifikat jittieħdu biss għall-pjanti tal-Chionanthus virginicus L. u tal-Fraxinus L. (“il-pjanti speċifikati”) u għall-injam, għall-qoxra iżolata u għal oġġetti oħra magħmula mill-qoxra, tal-Chionanthus virginicus L. u tal-Fraxinus L (“l-injam u l-qoxra tas-siġar speċifikati”).

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata l-assenza tal-pest speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu stħarriġiet annwali intensivi għall-preżenza tal-pest speċifikat u jużaw metodi konformi mal-iktar informazzjoni xjentifika u teknika reċenti.

    (5)

    Sabiex jiġi pprevenut l-istabbiliment tal-pest speċifikat u t-tixrid tiegħu fit-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu żoni demarkati li jikkonsistu minn żona infestata u minn żona ta’ lqugħ, u jenħtieġ li japplikaw miżuri ta’ eradikazzjoni.

    (6)

    Abbażi tal-bijoloġija tal-pest speċifikat, iż-żona infestata jenħtieġ li tinkludi l-pjanti infestati u l-pjanti speċifikati kollha li x’aktarx isiru infestati f’raġġ ta’ mill-inqas 100 m madwar il-pjanti infestati. Fuq l-istess bażi, jenħtieġ li l-wisa’ taż-żona ta’ lqugħ tkun ta’ 10 km lil hinn mill-konfini taż-żona infestata, u dan huwa xieraq għall-kapaċità tat-tixrid tal-pest speċifikat.

    (7)

    Madankollu, f’każijiet ta’ sejbiet iżolati tal-pest speċifikat, jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ żona demarkata ma jkunx meħtieġ jekk il-pest speċifikat ikun jista’ jiġi eliminat minn dawk il-pjanti, u jekk ikun hemm evidenza li dawk il-pjanti kienu infestati qabel l-introduzzjoni tagħhom fiż-żona, jew jekk tkun sejba iżolata li mhux mistennija twassal għal stabbiliment. Dan huwa l-iktar approċċ proporzjonat diment li l-istħarriġiet imwettqa fiż-żona kkonċernata jikkonfermaw l-assenza tal-pest speċifikat.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata t-tneħħija immedjata tal-pjanti infestati u jiġi evitat iktar tixrid tal-pest speċifikat fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li l-monitoraġġ taż-żoni demarkati jitwettaq kull sena fl-iktar żmien xieraq tas-sena u b’biżżejjed intensità.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat approċċ proporzjonat għar-riskju fitosanitarju li jinħoloq mill-pest speċifikat, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ineħħu d-demarkazzjoni meta, abbażi tal-istħarriġiet, dak il-pest ma jiġix identifikat fiż-żona demarkata għal mill-inqas 4 snin konsekuttivi.

    (10)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ eradikazzjoni għall-eliminazzjoni tal-pest speċifikat jekk jinstab preżenti fit-territorju tal-Unjoni. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu xierqa għall-bijoloġija tal-pest speċifikat u bbażati fuq l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli.

    (11)

    F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031, kull Stat Membru għandu jfassal u jżomm aġġornat pjan ta’ kontinġenza għal kull pest ta’ prijorità. Abbażi tal-esperjenza minn tifqigħat preċedenti, jeħtieġ li jiġu adottati regoli speċifiċi li jimplimentaw l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/2031 sabiex jiġi żgurat pjan ta’ kontinġenza komprensiv f’każ ta’ kwalunkwe sejba tal-pest speċifikat fl-Unjoni.

    (12)

    Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-twettiq ta’ stħarriġiet f’żoni ħielsa mill-pest abbażi tal-Linji Gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju tal-Agrilus planipennis (3) jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2027, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jippjanaw, iħejju t-tfassil u jallokaw biżżejjed riżorsi għal tali stħarriġiet.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “pest speċifikat” tfisser Agrilus planipennis Fairmaire;

    (2)

    “pjanti speċifikati” tfisser pjanti tal-Chionanthus virginicus L. u tal-Fraxinus L., għajr il-frott, iż-żrieragħ, it-trab tad-dakra u l-pjanti fil-kultura tat-tessuti;

    (3)

    “stħarriġ tad-delimitazzjoni” tfisser proċedura iterattiva li tintuża biex jiġu stabbiliti l-konfini ta’ żona kkunsidrata bħala infestata minn pest jew ħielsa minnu;

    (4)

    “injam u qoxra tas-siġar speċifikati” tfisser l-injam, il-qoxra iżolata u oġġetti oħra magħmula mill-injam u mill-qoxra, tal-Chionanthus virginicus L. u tal-Fraxinus L.;

    (5)

    “siġar tal-insib” tfisser pjanti speċifikati li jkunu mħażżma u li jintużaw biex jappoġġaw id-detezzjoni bikrija tal-pest speċifikat.

    Artikolu 2

    Stħarriġiet tat-territorju tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/2031

    1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet ibbażati fuq ir-riskju għall-preżenza tal-pest speċifikat kull sena fiż-żoni tat-territorji tagħhom, fejn ma jkunx magħruf li jokkorri.

    2.   L-iskema tat-tfassil u tal-kampjunar ta’ dawk l-istħarriġiet għandha tippermetti d-detezzjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, b’livell għoli suffiċjenti ta’ fiduċja, livell baxx ta’ preżenza tal-pest speċifikat fuq il-pjanti infestati. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-Linji Gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju tal-Agrilus planipennis u għandhom iqisu r-riskju tat-tixrid naturali tal-pest speċifikat.

    3.   L-istħarriġiet għandhom jitwettqu:

    (a)

    fil-beraħ, f’żoni naturali u urbani, f’waqfiet tul it-toroq ewlenin, fil-linji ferrovjarji u f’mogħdijiet oħra tat-trasport, kif ukoll f’mixtliet, f’ċentri tal-ġonna, f’ċentri kummerċjali għall-pjanti speċifikati, għall-injam u għall-qoxra tas-siġar, f’impjanti tal-isserrar tal-injam iebes, u f’siti rilevanti oħra, kif ikun xieraq;

    (b)

    fi żminijiet xierqa matul is-sena fir-rigward tal-possibbiltà ta’ detezzjoni tal-pest speċifikat, filwaqt li titqies il-bijoloġija ta’ dak il-pest, il-preżenza u l-bijoloġija tal-pjanti speċifikati, kif ukoll l-informazzjoni xjentifika u teknika msemmija fil-Karta tal-Istħarriġ tal-Pesti tal-Awtorità dwar l-Agrilus planipennis (4).

    4.   L-istħarriġiet għandhom jikkonsistu minn:

    (a)

    l-insib tal-pest speċifikat, li jista’ jinkludi l-użu tas-siġar tal-insib;

    (b)

    fejn ikun xieraq, eżamijiet viżwali tal-pjanti speċifikati;

    (c)

    f’każ ta’ suspett, il-kampjunar u l-ittestjar tal-pjanti speċifikati u tal-injam speċifikat, inkluż il-friegħi maqtugħin, u l-materjal tal-injam għall-imballaġġ; u

    (d)

    fejn ikun xieraq, l-użu ta’ klieb tat-tfittxija mħarrġa speċifikament.

    Artikolu 3

    Stabbiliment ta’ żoni demarkati

    1.   Fejn il-preżenza tal-pest speċifikat tkun ġiet ikkonfermata uffiċjalment, l-Istat Membru kkonċernat, mingħajr dewmien, għandu jistabbilixxi żona demarkata li tikkonsisti minn:

    (a)

    żona infestata f’raġġ ta’ mill-inqas 100 m madwar il-pjanti infestati, inkluż il-pjanti infestati u l-pjanti speċifikati kollha li x’aktarx isiru infestati (“żona infestata”);

    (b)

    żona ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ mill-inqas 10 km lil hinn mill-konfini taż-żona infestata.

    2.   Id-delimitazzjoni taż-żona demarkata għandha tqis il-prinċipji xjentifiċi, il-bijoloġija tal-pest speċifikat, il-livell ta’ infestazzjoni, id-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti speċifikati fiż-żona kkonċernata, u l-evidenza għall-istabbiliment tal-pest speċifikat.

    Id-demarkazzjoni inizjali taż-żona infestata għandha tiġi segwita minnufih minn stħarriġ tad-delimitazzjoni, bi skema tat-tfassil u tal-kampjunar li tippermetti d-detezzjoni tal-preżenza tal-pjanti infestati ta’ 1 %, b’livell ta’ fiduċja ta’ 95 %.

    L-istħarriġ tad-delimitazzjoni għandu:

    (a)

    ikun ibbażat fuq il-Linji gwida tal-Awtorità għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju tal-Agrilus planipennis; u

    (b)

    jinkludi l-kampjunar tal-friegħi jew metodi adattati oħra, li kapaċi jwasslu għad-detezzjoni tal-pest qabel ma jitfaċċa.

    3.   Fiż-żoni demarkati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom irawmu sensibilizzazzjoni pubblika rigward it-theddida tal-pest speċifikat u rigward il-miżuri adottati għall-prevenzjoni tat-tixrid ulterjuri tiegħu barra minn dawk iż-żoni.

    Għandhom jiżguraw li l-operaturi professjonali u l-pubbliku ġenerali jkunu konxji tad-delimitazzjoni taż-żoni demarkati.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu r-raġġ taż-żona ta’ lqugħ, abbażi tal-informazzjoni dwar id-daqs tal-infestazzjoni, id-densità tal-pjanti speċifikati, kif ukoll l-oriġini u l-età tat-tifqigħa. F’tali każ, għandhom immedjatament jirrapportaw dak it-tnaqqis lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, u r-raġunijiet li jkunu wasslu għalih.

    Artikolu 4

    Derogi mill-istabbiliment ta’ żoni demarkati

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħżlu li ma jistabbilixxux żona demarkata jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ikun hemm evidenza li l-pest speċifikat ikun ġie introdott fiż-żona mal-pjanti jew il-materjal tal-pjanti li jkun instab fuqhom, u li dawk il-pjanti jkunu ġew infestati qabel l-introduzzjoni tagħhom fiż-żona kkonċernata u ma jkunx hemm okkorrenza ta’ multiplikazzjoni tal-pest speċifikat jew ikun hemm evidenza li tkun sejba iżolata, li ma tkunx mistennija li twassal għall-istabbiliment tal-pest speċifikat;

    (b)

    jiġi aċċertat li ma hemm l-ebda stabbiliment tal-pest speċifikat, u li t-tixrid u t-tnissil b’suċċess tal-pest speċifikat ma jkunux possibbli minħabba l-bijoloġija tiegħu, abbażi tar-riżultati ta’ investigazzjoni speċifika u l-miżuri ta’ eradikazzjoni meħuda.

    2.   Meta l-awtorità kompetenti tapplika d-deroga prevista fil-paragrafu 1, hija għandha:

    (a)

    tieħu miżuri biex tiżgura l-eradikazzjoni fil-pront tal-pest speċifikat u biex teskludi r-riskju tat-tixrid tiegħu;

    (b)

    fejn ikun xieraq, iżżid minnufih l-għadd ta’ nases u l-frekwenza li biha n-nases jiġu kkontrollati f’dik iż-żona;

    (c)

    tintensifika minnufih l-eżamijiet viżwali għall-preżenza tal-adulti, flimkien mal-kampjunar tal-friegħi, jew metodi adattati oħra tad-detezzjoni, li kapaċi jwasslu għad-detezzjoni tal-pest speċifikat qabel ma jitfaċċa;

    (d)

    matul mill-inqas ċiklu wieħed tal-ħajja tal-pest speċifikat flimkien ma’ sena addizzjonali, twettaq stħarriġ ta’ żona b’wisa’ ta’ mill-inqas 1 km madwar il-pjanti infestati, jew il-post fejn ikun instab il-pest speċifikat, regolarment u b’mod intensiv matul il-perjodu tat-titjir tal-pest speċifikat;

    (e)

    tinvestiga l-oriġini tal-pest speċifikat bit-traċċar lura tal-pjanti, tal-injam, tal-qoxra tas-siġar u ta’ oġġetti oħra assoċjati mal-pest speċifikat, u twettaq eżami tagħhom għal kwalunkwe sinjal ta’ infestazzjoni, inkluż il-kampjunar tal-friegħi u l-kampjunar distruttiv immirat;

    (f)

    trawwem sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddida tal-pest speċifikat; u

    (g)

    tieħu kwalunkwe miżura oħra, li tista’ tgħin l-eradikazzjoni tal-pest speċifikat, filwaqt li tqis l-ISPM Nru 9 (5) u tapplika approċċ integrat f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-ISPM Nru 14 (6).

    Artikolu 5

    Stħarriġ annwali fiż-żoni demarkati

    Fiż-żoni demarkati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġiet annwali intensivi, kif imsemmi fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, għad-detezzjoni tal-preżenza tal-pest speċifikat, filwaqt li jqisu l-informazzjoni msemmija fil-karta tal-istħarriġ tal-pesti tal-Awtorità.

    It-tfassil tal-istħarriġ għandu jqis il-Linji Gwida għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju tal-Agrilus planipennis. L-iskema tat-tfassil u tal-kampjunar tal-istħarriġ li tintuża għall-istħarriġiet tad-detezzjoni għandha tkun kapaċi tidentifika livell ta’ preżenza tal-pest speċifikat ta’ 1 %, b’livell ta’ fiduċja ta’ mill-inqas 95 %.

    L-istħarriġiet annwali għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (4) fiż-żoni ta’ lqugħ għad-detezzjoni tal-preżenza tal-pest speċifikat, u fiż-żoni infestati għall-monitoraġġ tal-preżenza tiegħu hemmhekk.

    Artikolu 6

    Tneħħija tad-demarkazzjoni

    Id-demarkazzjoni tista’ titneħħa meta, abbażi tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 5, ma jkunx hemm detezzjoni tal-pest speċifikat fiż-żona demarkata għal mill-inqas 4 snin konsekuttivi.

    Artikolu 7

    Miżuri ta’ eradikazzjoni

    1.   Wara d-demarkazzjoni inizjali taż-żona, u b’mod parallel mal-istħarriġiet tad-delimitazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha li ġejjin:

    (a)

    it-tqaċċit minnufih fil-livell tal-art tal-pjanti infestati u tal-pjanti kollha li jkun hemm suspett li jkunu infestati;

    (b)

    it-tqaċċit minnufih fil-livell tal-art tal-pjanti speċifikati kollha f’raġġ ta’ mill-inqas 100 m madwar il-pjanti infestati u eżami bir-reqqa ta’ dawk il-pjanti speċifikati għal kwalunkwe sinjal ta’ infestazzjoni, għajr f’każijiet meta l-pjanti infestati jkunu nstabu barra mill-perjodu tat-titjir tal-pest speċifikat; f’dak il-każ, it-tqaċċit u t-tneħħija tal-pjanti speċifikati għandhom jitwettqu fiż-żmien qabel il-bidu tal-perjodu tat-titjir li jkun imiss;

    (c)

    it-tneħħija, l-eżami u r-rimi b’mod sikur tal-pjanti mqaċċtin f’konformità mal-punti (a) u (b), filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-pest speċifikat matul u wara t-tqaċċit;

    (d)

    l-eżami u r-rimi b’mod sikur tal-injam u tal-qoxra tas-siġar assoċjati mal-infestazzjoni, filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-pest speċifikat;

    (e)

    il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe moviment tal-pjanti speċifikati, tal-injam u tal-qoxra tas-siġar barra miż-żona demarkata;

    (f)

    l-investigazzjoni tal-oriġini tal-infestazzjoni bit-traċċar lura tal-pjanti, tal-injam, tal-qoxra tas-siġar u ta’ oġġetti oħra assoċjati mal-infestazzjoni, u l-eżami tagħhom għal kwalunkwe sinjal ta’ infestazzjoni, inkluż il-kampjunar tal-friegħi u l-kampjunar distruttiv immirat;

    (g)

    is-sostituzzjoni ta’ pjanti speċifikati bi speċijiet oħrajn ta’ pjanti mhux suxxettibbli, fejn xieraq;

    (h)

    il-projbizzjoni tal-preżenza ta’ pjanti speċifikati ġodda fil-beraħ, fiż-żona msemmija fil-punt (b), bl-eċċezzjoni tal-preżenza tas-siġar tal-insib;

    (i)

    f’każ li jintużaw is-siġar tal-insib, dawk għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet regolari, u għandhom jinqerdu u jiġu eżaminati qabel il-perjodu tat-titjir li jkun imiss;

    (j)

    it-trawwim tas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddida tal-pest speċifikat u l-miżuri adottati għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u tat-tixrid tiegħu fit-territorju tal-Unjoni, inkluż il-kundizzjonijiet rigward il-moviment tal-pjanti speċifikati, tal-injam u tal-qoxra tas-siġar miż-żona demarkata;

    (k)

    fejn ikun meħtieġ, miżuri speċifiċi li jindirizzaw kwalunkwe partikolarità jew kumplikazzjoni li tista’ tkun mistennija li tipprevjeni, ixxekkel jew iddewwem l-eradikazzjoni, b’mod partikolari dawk relatati mal-aċċessibbiltà u l-eradikazzjoni adegwata tal-pjanti kollha li jkunu infestati jew li jkun hemm suspett li jkunu infestati, irrispettivament mill-post fejn jinsabu, mis-sjieda pubblika jew privata, jew mill-persuna jew mill-entità responsabbli għalihom; u

    (l)

    kwalunkwe miżura oħra li tista’ tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-pest speċifikat, f’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżura Fitosanitarja (“ISPM”) Nru 9 u għall-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ sistemi f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-ISPM Nru 14.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jestendu r-raġġ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), abbażi tal-informazzjoni dwar id-daqs tal-infestazzjoni, id-densità tal-pjanti speċifikati, kif ukoll l-oriġini u/jew l-età tat-tifqigħa.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (b), meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi li t-tqaċċit ma jkunx xieraq għal għadd limitat ta’ pjanti individwali, minħabba l-valur soċjali, kulturali jew ambjentali partikolari tagħhom, dawk il-pjanti individwali għandhom ikunu soġġetti għal eżami individwali kull xahar għal kwalunkwe sinjal ta’ infestazzjoni. F’tali każijiet għandhom jittieħdu miżuri alternattivi għat-tqaċċit li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe tixrid possibbli tal-pest speċifikat minn dawk il-pjanti.

    Ir-raġunijiet għal tali konklużjoni u l-miżuri meħuda bħala riżultat tagħha għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fir-rapport skont l-Artikolu 9.

    4.   Jekk ir-riżultati tal-istħarriġ tad-delimitazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(2) juru sejba oħra tal-pest speċifikat, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-miżuri kollha msemmija fil-paragrafu 1 u għandha tkompli bl-istħarriġ tad-delimitazzjoni.

    Artikolu 8

    Pjanijiet ta’ kontinġenza

    1.   Flimkien mal-elementi elenkati fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-Istati Membri għandhom jipprevedu dawn li ġejjin fil-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom:

    (a)

    l-azzjonijiet għall-eradikazzjoni tal-pest speċifikat, kif stabbilit fl-Artikolu 7;

    (b)

    il-miżuri ta’ prekawzjoni relatati mal-movimenti tal-pjanti speċifikati, tal-injam u tal-qoxra tas-siġar fit-territorju tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (7);

    (c)

    l-ispezzjonijiet uffiċjali li għandhom jitwettqu fuq il-movimenti tal-pjanti speċifikati, tal-injam u tal-qoxra tas-siġar fit-territorju tal-Unjoni;

    (d)

    ir-riżorsi minimi li għandhom ikunu disponibbli, u l-proċeduri biex dawk ir-riżorsi addizzjonali jsiru disponibbli, f’każ ta’ preżenza kkonfermata jew issuspettata tal-pest speċifikat;

    (e)

    il-proċeduri għall-identifikazzjoni tas-sidien tal-pjanti, tal-injam u tal-qoxra tas-siġar li għandhom jinqerdu, għan-notifika tal-ordni tat-tneħħija u għall-aċċess tal-proprjetajiet privati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom, kif ikun xieraq, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

    Artikolu 9

    Rapportar annwali

    Skont l-Artikoli 2 sa 8, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport dwar il-miżuri meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti u dwar ir-riżultati tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

    Ir-riżultati tal-istħarriġiet imwettqa skont l-Artikolu 5 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni bl-użu tal-mudell imsemmi fl-Anness.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 2(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2027.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorità (ĠU L 260, 11.10.2019, p. 8).

    (3)  L-EFSA, Guidelines for statistically sound and risk-based surveys of Agrilus planipennis (Linji gwida għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju tal-Agrilus planipennis), is-17 ta’ Diċembru 2020, https://doi.org/10.2903/sp.efsa.2020.EN-1983.

    (4)  L-EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2020. Story map for survey of Agrilus planipennis (Mappa tal-istorja għall-istħarriġ dwar l-Agrilus planipennis). Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA tal-2020: EN-1945. https://arcg.is/09S94u.

    (5)  Guidelines for pest eradication programmes — Reference Standard ISPM No 9 by the Secretariat of the International Plant Protection Convention (Linji gwida għal programmi ta’ eradikazzjoni tal-pesti — Standard Referenzjali tal-ISPM Nru 9 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti), Ruma. https://www.fao.org/3/x2981e/x2981e.pdf.

    (6)  The use of integrated measures in a systems approach for pest risk management — Reference Standard ISPM No 14 by the Secretariat of the International Plant Protection Convention (L-użu ta’ miżuri integrati f’approċċ ta’ sistemi għall-ġestjoni tar-riskju ta’ pesti — Standard Referenzjali tal-ISPM Nru 14 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti), Ruma. https://www.ippc.int/en/publications/607/

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).


    ANNESS

    1.   Mudell għar-rapportar tar-riżultati tal-istħarriġiet annwali fiż-żoni demarkati, bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-istatistika

    1.

    Deskrizzjoni taż-Żona Demarkata (ŻD)

    2.

    Daqs inizjali taż-ŻD (ettari)

    3.

    Daqs aġġornat taż-ŻD (ettari)

    4.

    Approċċ

    5.

    Żona

    6.

    Siti ta’ stħarriġ

    7.

    Twaqqit

    A.

    Definizzjoni tal-istħarriġ (parametri tal-input għal RiBESS+)

    B.

    Sforz tal-kampjunar

    C.

    Riżultati tal-istħarriġ

    25.

    Kummenti

    8.

    Popolazzjoni fil-mira

    9.

    Unitajiet epidemjoloġiċi

    10.

    Metodi tad-detezzjoni

    11.

    Effettività tal-kampjunar

    12.

    Sensittività tal-metodu

    13.

    Fatturi ta’ riskju (attivitajiet, postijiet u żoni)

    14.

    Nru ta’ unitajiet epidemjoloġiċi spezzjonati

    15.

    Nru ta’ eżamijiet viżwali

    16.

    Nru ta’ kampjuni

    17.

    Nru ta’ nases

    18.

    Nru ta’ siti tal-insib

    19.

    Nru ta’ testijiet

    20.

    Nru ta’ miżuri oħra

    21.

    Riżultati

    22.

    Numru tan-notifika tat-tifqigħat innotifikati, kif ikun applikabbli, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715

    23

    Livell ta’ fiduċja miksub

    24.

    Prevalenza tat-tfassil

    Isem

    Data tal-istabbiliment

    Deskrizzjoni

    Numru

    Speċijiet ospitanti

    Żona (ettari jew unità oħra iktar rilevanti)

    Unitajiet tal-ispezzjoni

    Deskrizzjoni

    Unitajiet

    Testijiet viżwali

    Insib

    Ittestjar

    Metodi oħra

    Fattur ta’ riskju

    Livelli ta’ riskju

    Nru ta’ postijiet

    Riskji relattivi

    Proporzjon tal-popolazzjoni ospitanti

    Pożittiv

    Negattiv

    Mhux determinat

    Numru

    Data

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    2.   Struzzjonijiet dwar kif timla l-mudell

    Spjega s-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tfassil tal-istħarriġ għal kull pest. Iġbor fil-qosor u ġġustifika:

    il-popolazzjoni fil-mira, l-unità epidemjoloġika u l-unitajiet tal-ispezzjoni;

    il-metodu tad-detezzjoni u s-sensittività tal-metodu;

    il-fattur(i) ta’ riskju, u indika l-livelli ta’ riskju u r-riskji u l-proporzjonijiet relattivi korrispondenti tal-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti.

    Għall-kolonna 1:

    Indika l-isem taż-żona ġeografika, in-numru tat-tifqigħa jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din iż-żona demarkata (ŻD) u d-data meta ġiet stabbilita.

    Għall-kolonna 2:

    Indika d-daqs taż-ŻD qabel il-bidu tal-istħarriġ.

    Għall-kolonna 3:

    Indika d-daqs taż-ŻD wara l-istħarriġ.

    Għall-kolonna 4:

    Indika l-approċċ: Eradikazzjoni jew Trażżin. Jekk jogħġbok inkludi r-ringieli kollha li hemm bżonn, skont in-numru ta’ ŻD għal kull pest u l-approċċi li dawn iż-żoni jkunu soġġetti għalihom.

    Għall-kolonna 5:

    Indika ż-żona taż-ŻD fejn twettaq l-istħarriġ, u inkludi r-ringieli kollha li hemm bżonn: Żona infestata (ŻI) jew żona ta’ lqugħ (ŻL) billi tuża ringieli separati. Meta applikabbli, indika l-erja taż-ŻI fejn twettaq l-istħarriġ (eż. l-aħħar 20 km ħdejn iż-ŻL, madwar il-mixtliet, eċċ.) f’ringieli differenti.

    Għall-kolonna 6:

    Indika n-numru u d-deskrizzjoni tas-siti ta’ stħarriġ, billi tagħżel waħda mill-entrati li ġejjin għad-deskrizzjoni:

    1.

    Fil-beraħ (żona tal-produzzjoni): 1.1 għalqa (li tista’ tinħadem, mergħa); 1.2. għalqa bis-siġar tal-frott/vinja; 1.3. mixtla; 1.4. foresta;

    2.

    Fil-beraħ (oħrajn): 2.1. ġonna privati; 2.2. siti pubbliċi; 2.3. żona ta’ konservazzjoni; 2.4. pjanti selvaġġi f’żoni għajr żoni ta’ konservazzjoni; 2.5. oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari (eż. ċentru tal-ġonna, siti kummerċjali li jużaw materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, industrija tal-injam, artijiet mistagħdra, network tal-irrigazzjoni u tad-drenaġġ, eċċ.);

    3.

    Kundizzjonijiet magħluqa fiżikament: 3.1. serra; 3.2. sit privat, għajr serra; 3.3. sit pubbliku, għajr serra; 3.4. oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari (eż. ċentru tal-ġonna, siti kummerċjali li jużaw materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, industrija tal-injam).

    Għall-kolonna 7:

    Indika x-xhur tas-sena meta twettqu l-istħarriġiet.

    Għall-kolonna 8:

    Indika l-popolazzjoni fil-mira magħżula billi tipprovdi kif ikun xieraq il-lista tal-ispeċijiet/ġeneri ospitanti u ż-żona koperta. Il-popolazzjoni fil-mira hija definita bħala l-ġabra ta’ unitajiet tal-ispezzjoni. Id-daqs tagħha huwa definit tipikament għal żoni agrikoli bl-ettari, iżda jista’ jkun lottijiet, għelieqi, serer, eċċ. Jekk jogħġbok iġġustifika l-għażla li saret fis-suppożizzjonijiet sottostanti. Indika l-unitajiet tal-ispezzjoni li ġew mistħarrġa. “Unità tal-ispezzjoni” tfisser pjanti, partijiet ta’ pjanti, prodotti bażiċi, materjali, vetturi ta’ pesti li ġew eżaminati bir-reqqa għall-identifikazzjoni u għad-detezzjoni tal-pesti.

    Għall-kolonna 9:

    Indika l-unitajiet epidemjoloġiċi mistħarrġa, filwaqt li tindika d-deskrizzjoni u l-unità ta’ kejl tagħhom. “Unità epidemjoloġika” tfisser żona omoġenja fejn l-interazzjonijiet bejn il-pest, il-pjanti ospitanti u l-fatturi u l-kundizzjonijiet abijotiċi u bijotiċi jirriżultaw fl-istess epidemjoloġija, jekk il-pest ikun preżenti. L-unitajiet epidemjoloġiċi huma suddiviżjoni tal-popolazzjoni fil-mira li tkun omoġenja f’termini tal-epidemjoloġija b’mill-inqas pjanta ospitanti waħda. F’xi każijiet il-popolazzjoni ospitanti kollha f’reġjun/żona/pajjiż tista’ tiġi definita bħala unità epidemjoloġika. Dawn jistgħu jkunu reġjuni tal-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), żoni urbani, foresti, ġonna tal-ward jew irziezet, jew ettari. L-għażla tal-unitajiet epidemjoloġiċi għandha tiġi ġġustifikata fis-suppożizzjonijiet sottostanti.

    Għall-kolonna 10:

    Indika l-metodi li ntużaw matul l-istħarriġ inkluż in-numru ta’ attivitajiet f’kull każ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi ta’ kull pest. Indika M/D meta l-informazzjoni għal ċerta kolonna ma tkunx disponibbli.

    Għall-kolonna 11:

    Indika stima tal-effettività tal-kampjunar. L-effettività tal-kampjunar tfisser il-probabbiltà li jintgħażlu partijiet ta’ pjanti infettati minn pjanta infettata. Għall-vetturi, hija l-effettività tal-metodu li jinqabad vettur pożittiv meta jkun preżenti fiż-żona ta’ stħarriġ. Għall-ħamrija, hija l-effettività tal-għażla ta’ kampjun tal-ħamrija li jkun fih il-pest meta l-pest ikun preżenti fiż-żona ta’ stħarriġ.

    Għall-kolonna 12:

    “Sensittività tal-metodu” tfisser il-probabbiltà li metodu jwassal għad-detezzjoni korretta tal-preżenza ta’ pest. Is-sensittività tal-metodu hija definita bħala l-probabbiltà li pjanti ospitanti tassew pożittivi jirriżultaw pożittivi meta jiġu ttestjati. Hija l-multiplikazzjoni tal-effettività tal-kampjunar (jiġifieri l-probabbiltà li jintgħażlu partijiet tal-pjanti infettati minn pjanta infettata) mis-sensittività dijanjostika (ikkaratterizzata mill-ispezzjoni viżwali u/jew it-test tal-laboratorju li jintuża fil-proċess tal-identifikazzjoni).

    Għall-kolonna 13:

    Ipprovdi l-fatturi ta’ riskju f’kolonni differenti, billi tuża r-ringieli kollha li hemm bżonn. Għal kull fattur ta’ riskju indika l-livell ta’ riskju u r-riskju u l-proporzjon relattivi korrispondenti tal-popolazzjoni ospitanti.

    Għall-kolonna B:

    Indika d-dettalji tal-istħarriġ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi għal kull pest. Indika M/A meta l-informazzjoni ta’ ċerta kolonna ma tkunx applikabbli. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’dawn il-kolonni hija relatata mal-informazzjoni inkluża fil-kolonna 10 “Metodi tad-detezzjoni”.

    Għall-kolonna 18:

    Indika n-numru ta’ siti tal-insib f’każ li dan in-numru jkun differenti min-numru ta’ nases (il-kolonna 17) (eż. l-istess nassa tintuża f’postijiet differenti).

    Għall-kolonna 21:

    Indika n-numru ta’ kampjuni li nstabu pożittivi, negattivi jew mhux determinati. “Mhux determinati” huma dawk il-kampjuni analizzati li għalihom ma nkiseb l-ebda riżultat minħabba fatturi differenti (eż. taħt il-livell tad-detezzjoni, kampjun mhux ipproċessat mhux identifikat, antik).

    Għall-kolonna 22:

    Indika n-notifiki tat-tifqigħat tas-sena meta twettaq l-istħarriġ. In-numru tan-notifika tat-tifqigħat ma hemmx għalfejn jiġi inkluż meta l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet li s-sejba hija waħda mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(2) jew fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’dan il-każ, indika r-raġuni għaliex ma pprovdejtx din l-informazzjoni fil-kolonna 25 (“Kummenti”).

    Għall-kolonna 23:

    Indika s-sensittività tal-istħarriġ, kif definit fl-Istandard Internazzjonali għall-Miżura Fitosanitarja (ISPM) Nru 31. Dan il-valur tal-livell ta’ fiduċja miksub tal-ħelsien mill-pesti jiġi kkalkulat abbażi tal-eżamijiet (u/jew il-kampjuni) imwettqa minħabba s-sensittività tal-metodu u l-prevalenza tat-tfassil.

    Għall-kolonna 24:

    Indika l-prevalenza tat-tfassil ibbażata fuq stima ta’ qabel l-istħarriġ tal-probabbiltà ta’ prevalenza reali tal-pest fl-għalqa. Il-prevalenza tat-tfassil tiġi stabbilita bħala għan tal-istħarriġ u tikkorrispondi mal-kompromess li jagħmlu l-maniġers tar-riskju bejn ir-riskju li jkollhom il-pest u r-riżorsi disponibbli għall-istħarriġ. Tipikament, għal stħarriġ tad-detezzjoni jiġi stabbilit valur ta’ 1 %.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/434/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top