Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0291

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/291 tat-12 ta’ Jannar 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

ST/16786/2023/INIT

ĠU L, 2024/291, 15.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/291/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/291/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/291

15.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/291

tat-12 ta’ Jannar 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2309 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2309.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2023, il-kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2653 (2022) żied erba’ persuni mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2309 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 307, 28.11.2022, p. 17.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2309, fil-“Lista ta’ persuni fiżiċi u legali, entitajiet u korpi msemmija f l-Artikolu 2, 3 u 9, taħt “PERSUNI”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“2.

Johnson ANDRE (magħruf ukoll bħala Izo). Elenkat skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2653 (2022) għall-miżuri elenkati fil-paragrafi 3 u 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni, kif elaborat aktar mill-paragrafu 16(a), (e), (f) u (g) ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

Funzjoni: mexxej tal-grupp 5 Segond

Data tat-twelid: 1997

Post tat-twelid: Port-au-Prince, Haiti

Nazzjonalità: Haitjana

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 8 ta’ Diċembru 2023

Sess: raġel

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Johnson Andre (magħruf ukoll bħala “Izo”) huwa l-mexxej ewlieni tal-grupp 5 Segond u kellu rwol dejjem aktar influwenti fl-alleanza G-Pep (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 54). Taħt it-tmexxija ta’ Andre, 5 Segond kien involut f’diversi attivitajiet kriminali li jheddu l-paċi, is-sigurtà, u l-istabbiltà tal-Haiti, inkluż stupru, serq mid-djar, sakkeġġ, ħtif, traffikar ta’ droga, traffikar ta’ armi, u tfixkil għall-għoti ta’ assistenza umanitarja (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 4). Andre huwa mfittex ukoll mill-Pulizija Nazzjonali Haitjana (HNP) għal delitti li jinkludu omiċidju volontarju, ħtif ta’ persuni għal riskatt, pussess illegali ta’ armi tan-nar, serq ta’ vetturi, u ħtif ta’ merkanzija (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 11).

B’ambizzjonijiet espansjonisti u riżorsi sostanzjali miksuba permezz ta’ attivitajiet illeċiti, Andre estenda l-influwenza ta’ 5 Segond matul dawn l-aħħar tliet snin, u xerred il-vjolenza f’żoni oħra ta’ Port-au-Prince (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 54). Barra minn hekk, il-grupp wettaq attakki kontra istituzzjonijiet pubbliċi, inkluż il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ġiet issakkeġġata fl-2022 u li bħalissa għadha taħt il-kontroll tal-5 Segond (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 29).

Andre uża r-rotta marittima biex jipprovdi appoġġ liċ-ċelloli tat-tramuntana tal-grupp tiegħu, kif ukoll lill-grupp Canaan, u jopera b’mod strateġiku minn hemm, billi jwettaq ħtif ta’ persuni fiż-żoni Delmas, Bon Repos u Lilavois, jaħtaf it-trakkijiet u jisraq il-merkanzija. Bejn it-18 ta’ April u t-23 ta’ Ġunju 2023, erba’ attakki li rriżultaw fil-ħtif ta’ aktar minn 30 individwu ġew attribwiti lill-grupp 5 Segond (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 64).

L-attivitajiet tal-grupp fixklu serjament ukoll il-moviment liberu tal-persuni u l-vetturi tul it-Toroq Nazzjonali (NR) 1 u 2, kif ukoll fuq il-baħar, permezz ta’ atti ta’ piraterija. F’Ottubru 2022, il-membri ta’ 5 Segond intensifikaw il-ħtif ta’ trakkijiet tal-merkanzija li jittrasportaw kontejners ta’ merkanzija ta’ valur għoli tul l-NR1. Tul l-NR2 f’Martissant, 5 Segond wettaq operazzjonijiet ta’ estorsjoni (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 79). Dan irrestrinġa l-aċċess għal punti strateġiċi, ħanaq l-ekonomija lokali, u fixkel l-aċċess għall-ikel u oġġetti kritiċi oħra, inkluż l-għajnuna umanitarja.

F’Novembru 2022, il-grupp 5 Segond ħa 38 ostaġġ inkluż 36 passiġġier u żewġ sewwieqa, li kienu f’żewġ minibuses fl-istazzjon waqt li kienu qed jippreparaw biex imorru Miragoâne. F’filmat, Andre saħaq li dan il-ħtif kien b’reazzjoni għall-mewt ta’ wieħed mill-grupp tiegħu.

Il-grupp 5 Segond sfrutta l-ambjent fraġli tas-sigurtà biex jiġġenera dħul addizzjonali permezz tat-traffikar ta’ droga. Xi sorsi indikaw li d-drogi ntbagħtu direttament mill-Amerka t’Isfel liż-żona ta’ Village de Dieu, xi drabi flimkien ma’ armi tan-nar. Minn Village-de-Dieu, Izo għandu l-appoġġ ta’ gruppi oħra, bħal Canaan, Gran Grif u Kokorat San Ras, biex imexxi d-drogi lejn Port-de-Paix u barra mill-pajjiż (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 121).

Il-Bord ta’ Esperti identifika wkoll stupri mwettqa mill-gang 5 Segond (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 136).

3.

Renel DESTINA (magħruf ukoll bħala Ti Lapli). Elenkat skont il-paragrafu 15 tar- Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2653 (2022) għall-miżuri elenkati fil-paragrafi 3 u 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni, kif elaborat aktar mill-paragrafu 16(a), (e), (f) u (g) ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

Funzjoni: mexxej tal-grupp Grand Ravine

Data tat-twelid: 11 ta’ Ġunju 1982

Post tat-twelid: Haiti

Nazzjonalità: Haitjana

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 8 ta’ Diċembru 2023

Sess: raġel

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Renel Destina (magħruf ukoll bħala “Ti Lapli”) huwa l-mexxej tal-grupp Grand Ravine u l-alleat ewlieni ta’ Johnson Andre. Grand Ravine, magħmul minn 300 membru u alleat tal-koalizzjoni G-Pep, kien involut f’diversi azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà f’Haiti (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 65).

Taħt it-tmexxija ta’ Destina, il-grupp Grand Ravine wettaq delitti serji inkluż omiċidju volontarju, stupru, serq bl-użu ta’ armi, qerda ta’ proprjetà, ħtif ta’ persuni għal riskatt, serq ta’ vetturi, ħtif ta’ trakkijiet u merkanzija, u sakkeġġ (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 136, l-Anness 4). Destina huwa mfittex ukoll mill-Pulizija Nazzjonali Haitjana għal delitti li jinkludu omiċidju volontarju, serq ta’ vetturi, ħtif ta’ trakkijiet, pussess illegali ta’ armi tan-nar, ħtif ta’ persuni għal riskatt, (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 18).

Mill-aħħar xhur tal-2022 s’issa, il-grupp ipprova jespandi l-kontroll territorjali tiegħu fuq il-kwartieri ta’ Carrefour-Feuilles u Savanne Pistache, fejn wettaq reati kontra r-residenti u attakki kontinwi kontra l-Pulizija Nazzjonali Haitjana bħal qtil, serq, stupri, sakkeġġ u ħruq ta’ residenzi, u attakki fuq uffiċjali tal-pulizija. Żewġ uffiċjali tal-pulizija nqatlu fl-4 u fl-14 ta’ Awwissu 2023. Fl-14 ta’ Awwissu 2023, Grand Ravine attakka s-substazzjon tal-elettriku ta’ Haiti li ma baqax jaħdem fiż-żona. Fil-15 ta’ Awwissu 2023, madwar 1 020 unità domestika, magħmula minn 4 972 individwu, ħarbu minn Carrefour-Feuilles u Savane Pistache (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 65). Fl-24 ta’ Mejju 2023, persuni armati minn Grand Ravine attakkaw iż-żona ta’ Carrefour-Feuilles u qatlu tifel tal-iskola (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 40).

Skont stqarrija għall-istampa tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 2022, Destina ġie akkużat b’rabta mal-ħtif ta’ vittma mill-Istati Uniti fi Frar 2021. Il-vittma nżamm madwar 14-il jum, li matulhom ġie mhedded kuljum b’arma tan-nar, filwaqt li l-familja tiegħu ppruvat tikseb fondi biex jinħeles.

Skont artiklu fil-Haitan Times tat-22 ta’ Ottubru 2020, Destina ħabbar fuq xandira tar-radju li kien ħataf lil Wolf Hall, il-president tal-organizzazzjoni Titi Loto & T-Sound Lottery fit-18 ta’ Ottubru 2020.

Barra minn hekk, Grand Ravine stabbilixxa kontroll tul it-Triq Nazzjonali 2 (NR2) li tgħaqqad lil Port-au-Prince man-Nofsinhar, biex jagħmel dħul minn estorsjoni, mill-ħtif ta’ trakkijiet, kuntrabandu, u attivitajiet illeċiti oħra (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 79). Dan irrestrinġa l-aċċess għal infrastruttura strateġika u ħanaq l-ekonomija lokal billi fixkel l-aċċess għall-ikel u oġġetti kritiċi oħra, inkluż l-għajnuna umanitarja.

4.

Wilson JOSEPH (magħruf ukoll bħala Lanmo San Jou). Elenkat skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2653 (2022) għall-miżuri elenkati fil-paragrafi 3 u 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni, kif elaborat aktar mill-paragrafu 16(a), (b), (d) u (e) ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

Funzjoni: mexxej tal-grupp 400 Mawozo

Data tat-twelid: 28 ta’ Frar 1993

Post tat-twelid: Haiti

Nazzjonalità: Haitjana

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 8 ta’ Diċembru 2023

Sess: raġel

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Wilson Joseph (magħruf ukoll bħala “Lanmo San Jou”), huwa l-mexxej tal-grupp 400 Mawozo, li huwa grupp attiv fiż-żona metropolitana ta’ Port-au-Prince, b’mod partikolari fil-komun ta’ Croix-des-Bouquets, u huwa alleat tal-koalizzjoni ta’ gruppi G-Pep (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, it-Taqsima III(A)(2.3)).

Wilson Joseph huwa responsabbli, jew direttament jew permezz ta’ ordnijiet lill-membri tal-grupp tiegħu, għat-twettiq ta’ abbużi u delitti kontra d-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk li jinvolvu attakki kontra individwi mingħajr difiża li jikkawżaw mewt u korriment, tfixkil jew impediment tal-għajnuna umanitarja (eż. servizzi mediċi), stupru (inkluż stupru ta’ minorenni), ir-reklutaġġ ta’ tfal, is-serq, is-sakkeġġ, u l-qerda ta’ proprjetà pubblika bħall-ħabsijiet u l-għases tal-pulizija, il-ħtif ta’ persuni, u l-ħtif ta’ trakkijiet (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 4). Dawn l-attakki rriżultaw f’għadd kbir ta’ spostamenti interni. Joseph huwa mfittex ukoll mill-Pulizija Nazzjonali Haitjana għal delitti li jinkludu omiċidju volontarju, attentati ta’ omiċidju volontarju, serq ta’ vetturi u ħtif ta’ persuni (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 20).

Fl-24 ta’ Lulju 2022, Kummissarju tal-Pulizija ta’ Croix-des-Bouquets inqatel u ġie mmutilat minn membri tal-grupp 400 Mawozo (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 6). Fi Frar 2023, il-Higgins Brothers Surgicenter for Hope f’Fonds Parisien, li jinsab f’żona kkontrollata minn 400 Mawozo, irrapporta diversi inċidenti ta’ kirurgi, tobba u infermiera milquta b’tiri tan-nar, misruqa, u maħtufa waqt li kienu fi triqithom lejn ix-xogħol fis-sentejn preċedenti (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 44). Joseph huwa implikat ukoll fil-każ bi profil għoli tal-ħtif ta’ persuni li seħħ f’Ottubru 2021, meta 17-il missjunarju Nisrani barranin u membri tal-familji tagħhom, inkluż ħames minorenni, inħatfu f’Haiti (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 32).

Il-grupp 400 Mawozo huwa involut b’mod attiv fit-traffikar ta’ armi u munizzjon (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 104). Diversi membri magħrufa li huma responsabbli għat-traffikar ta’ armi u munizzjon ġew arrestati mill-Pulizija Nazzjonali ta’ Haiti, inkluż f’Malpasse fis-26 ta’ April 2022, u f’Nippes fil-Lbiċ tal-pajjiż fl-14 ta’ Mejju 2022 (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 32). F’Mejju 2022, tliet ċittadini Haitjani u ċittadin tal-Istati Uniti ġew akkużati bit-traffikar ta’ armi tan-nar b’appoġġ għal 400 Mawozo f’Haiti (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 32).

5.

Vitelhomme INNOCENT. Elenkat skont il-paragrafu 15 tar- Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2653 (2022) għall-miżuri elenkati fil-paragrafi 3 u 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni, kif elaborat aktar mill-paragrafu 16(a), (e) u (f) ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

Funzjoni: mexxej tal-grupp Kraze Barye

Data tat-twelid: 27 ta’ Marzu 1986

Post tat-twelid: Port-au-Prince, Haiti

Nazzjonalità: Haitjana

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Haiti 004-341-263-3

Indirizz: 64, Soisson, Tabarre 49, Port-au-Prince

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 8 ta’ Diċembru 2023

Sess: raġel

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Vitelhomme Innocent huwa l-mexxej tal-grupp Kraze Barye, li sar wieħed mill-aktar gruppi b’saħħithom fiż-żona metropolitana ta’ Port-au-Prince, b’għadd dejjem jikber ta’ ġellieda u armi semiawtomatiċi (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 66). Innocent kien involut f’attivitajiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà ta’ Haiti.

Taħt it-tmexxija ta’ Innocent, il-grupp Krazye Barye wettaq abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu qtil, stupru, reklutaġġ ta’ tfal, u ħtif ta’ persuni għal riskatt, kif ukoll delitti oħra bħal serq bl-użu ta’ armi, qerda ta’ proprjetà, serq ta’ vetturi, sakkeġġ u qerda tal-art (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 141, l-Anness 4). Innocent huwa mfittex ukoll mill-Pulizija Nazzjonali Haitjana għal delitti li jinkludu omiċidju volontarju, attentati ta’ omiċidju volontarju, stupru, serq bl-użu ta’ armi, serq ta’ vetturi u ħtif ta’ persuni (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 19).

Kraze Barye kellu fil-mira l-Pulizija Nazzjonali Haitjana f’diversi okkażjonijiet, li rriżulta fl-imwiet ta’ diversi uffiċjali tal-pulizija u ħsara fl-għases tal-pulizija. Barra minn hekk, il-popolazzjonijiet tal-komuni ta’ Petion-Ville, Kenscoff, Tabarre, Croix-des-Bouquets, u Delmas ripetutament sofrew attakki mill-grupp ta’ Innocent matul dawn l-aħħar tliet snin, li kkontribwew għall-ispostament ta’ eluf ta’ persuni. Huwa kompla jwettaq abbużi kontra l-pulizija u l-popolazzjoni, inkluż dawk li jinvolvu s-sakkeġġ tal-art u l-proprjetà, il-qtil, is-sakkeġġ, is-serq u l-ħtif ta’ individwi influwenti (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 66).

F’Lulju 2023, il-grupp Kraze Barye kompla jattakka, joqtol, u jistupra residenti ta’ Fort-Jacques, Truitier u Dumornay. Mill-10 ta’ Awwissu 2023, l-attakki ta’ Kraze Barye rriżultaw fl-ispostament ta’ madwar 2 000 persuna, inkluż 229 minorenni (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, il-paragrafu 151).

Innocent wettaq ħtif immirat ta’ personalitajiet prominenti, bħad-direttur reġjonali tal-port APN ta’ Cap-Haïtien, id-direttur ta’ stazzjon televiżiv privat fuq “Route des Freres”, id-direttur tar-“Radio Commerciale d’Haiti,” kif ukoll ġurnalist famuż u l-eks president tal-Kummissjoni Elettorali Proviżorja, fost oħrajn (ara d-dokument tan-NU S/2023/674, l-Anness 22). Innocent ġie akkużat b’rabta mat-teħid ta’ ostaġġi bl-użu ta’ armi f’Ottubru 2022 f’Haiti, ta’ żewġ ċittadini tal-Istati Uniti, fejn wieħed minnhom inqatel (Stqarrija għall-istampa, Uffiċċju tal-Avukat tal-Istati Uniti, Distrett ta’ Columbia, 24 ta’ Ottubru 2023).”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/291/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top