Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1654

    Direttiva (UE) 2024/1654 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1153 fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni u tal-miżuri tekniċi biex jiġi ffaċilitat l-użu tar-rekords tat-tranżazzjonijiet

    PE/44/2024/REV/1

    ĠU L, 2024/1654, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1654/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1654/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1654

    19.6.2024

    DIRETTIVA (UE) 2024/1654 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-31 ta’ Mejju 2024

    li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1153 fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni u tal-miżuri tekniċi biex jiġi ffaċilitat l-użu tar-rekords tat-tranżazzjonijiet

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    L-ottimizzar u l-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni finanzjarja huwa meħtieġ għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, inkluż it-terroriżmu. B’mod partikolari, l-aċċess rapidu għall-informazzjoni finanzjarja huwa essenzjali għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet kriminali effettivi u għat-traċċar b’suċċess u l-konfiska sussegwenti ta’ mezzi strumentali u rikavat tal-kriminalità, b’mod partikolari bħala parti minn investigazzjonijiet dwar il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità.

    (2)

    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tippermetti lill-awtoritajiet nnominati mill-Istati Membri fost l-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali biex jaċċessaw u jfittxu, soġġett għal ċerti salvagwardji u limitazzjonijiet, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji. Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tiddefinixxi l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji bħala ċerta informazzjoni li tinsab fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati li l-Istati Membri jistabbilixxu skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Tali mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati huma msemmija fid-Direttiva (UE) 2019/1153 bħala reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji.

    (3)

    L-awtoritajiet kompetenti nnominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1153 għandhom jinkludu tal-inqas l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u jistgħu jinkludu wkoll awtoritajiet tat-taxxa u aġenziji kontra l-korruzzjoni sal-punt li huma kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali skont il-liġi nazzjonali. Skont dik id-Direttiva, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jaċċessaw direttament u jfittxu biss ir-reġistru ċentrali tal-kontijiet bankarji tal-Istat Membru li jkun innominahom.

    (4)

    Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li tissostitwixxi d-Direttiva (UE) 2015/849 u żżomm il-karatteristiċi ewlenin tas-sistema stabbilita minn dik id-Direttiva, tipprevedi, barra minn hekk, li l-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati huma interkonnessi permezz ta’ sistema ta’ interkonnessjoni għar-reġistri tal-kontijiet bankarji (BARIS), li għandha tiġi żviluppata u operata mill-Kummissjoni. Madankollu, skont id-Direttiva (UE) 2024/1640, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (“FIUs”) biss għad għandhom aċċess dirett għall-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, inkluż permezz tal-BARIS.

    (5)

    Meta titqies in-natura transfruntiera tal-kriminalità organizzata, tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-ħasil tal-flus, kif ukoll l-importanza ta’ informazzjoni finanzjarja rilevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali serji, inkluż, fejn possibbli u xieraq, permezz tal-intraċċar, l-iffriżar u l-konfiska malajr ta’ assi miksuba illegalment, l-awtoritajiet kompetenti nnominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1153 jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċedu għal u jfittxu direttament ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank ta’ Stati Membri oħra permezz tal-BARIS.

    (6)

    Is-salvagwardji u l-limitazzjonijiet diġà stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2019/1153 jenħtieġ li japplikaw ukoll għas-setgħa tal-aċċess u t-tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank permezz tal-BARIS. Dawk is-salvagwardji u l-limitazzjonijiet jikkonċernaw liema awtoritajiet ikollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank, l-iskopijiet li għalihom jistgħu jitwettqu l-aċċess u t-tiftix, it-tipi ta’ informazzjoni li huma aċċessibbli u li jistgħu jiġu mfittxija, skont il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, ir-rekwiżiti applikabbli għall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti nnominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1153, is-sigurtà tad-data u r-reġistrazzjoni tal-aċċess u t-tiftix.

    (7)

    L-aċċess transfruntier mill-awtoritajiet kompetenti nnominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1153 għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz tal-BARIS huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri dderivata mir-rispett tagħhom tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), bħad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u d-drittijiet proċedurali, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża u l-prinċipji ta’ legalità u l-proporzjonalità ta’ reati kriminali u ta’ pieni, kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji previsti fil-liġi internazzjonali u ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma partijiet, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

    (8)

    Ir-rekords tat-tranżazzjonijiet jipprovdu informazzjoni kruċjali għall-investigazzjonijiet kriminali. Madankollu, l-investigazzjonijiet finanzjarji huma mxekkla mill-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’rekords tat-tranżazzjonijiet f’formati differenti, li mhumiex immedjatament lesti għall-analiżi. In-natura transfruntiera tal-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet dwar reati kriminali serji, id-disparità tal-formati użati biex jiġu pprovduti rekords tat-tranżazzjonijiet u d-diffikultajiet fl-ipproċessar tar-rekords tat-tranżazzjonijiet ifixklu l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-iżvilupp ta’ investigazzjonijiet finanzjarji transfruntiera. Sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu investigazzjonijiet finanzjarji, din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri li jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu madwar l-Unjoni, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, jipprovdu rekords tat-tranżazzjonijiet f’format li jkun faċli għall-awtoritajiet kompetenti biex jipproċessa u janalizza.

    (9)

    Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li skont liema l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu rekords tat-tranżazzjonijiet minn istituzzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet ta’ kreditu huma rregolati minn regoli proċedurali stabbiliti mil-liġi nazzjonali. L-armonizzazzjoni tal-arranġamenti tekniċi għall-forniment ta’ rekords tat-tranżazzjonijiet minn istituzzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli u s-salvagwardji proċedurali nazzjonali skont liema l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu rekords tat-tranżazzjonijiet.

    (10)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-forniment tar-rekords ta’ tranżazzjonijiet minn istituzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet ta’ kreditu lill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (11)

    Meta jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu n-natura, l-istatus organizzattiv, ir-rwol u l-prerogattivi tal-awtoritajiet u tal-korpi stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali bħala responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi l-mekkaniżmi eżistenti għall-protezzjoni tas-sistemi finanzjarji kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (12)

    Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva huwa soġġett għad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li tistabbilixxi r-regoli relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, f’konformità ma’ sett ta’ prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari l-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza, il-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-preċiżjoni, il-limitazzjoni tal-ħżin, l-integrità u l-kunfidenzjalità, u r-responsabbiltà. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-TUE u mill-Karta, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

    (13)

    Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti nnominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1153 biex jaċċessaw u jfittxu r-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet tal-bank ta’ Stati Membri oħra permezz tal-BARIS u biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ rekords ta’ tranżazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (14)

    F’konformità mal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra datata 25 ta’ Ottubru 2021, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (15)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (16)

    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

    (17)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u ppreżenta l-kummenti tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2021,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi:

    (a)

    miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-użu tal-informazzjoni finanzjarja u tal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji minn awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji;

    (b)

    miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ta’ reati predikati assoċjati u tal-finanzjament tat-terroriżmu u miżuri biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-FIUs; kif ukoll

    (c)

    miżuri tekniċi biex jiġi ffaċilitat l-użu tar-rekords tat-tranżazzjonijiet minn awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji.”

    ;

    (b)

    fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    proċeduri skont il-liġi nazzjonali skont liema l-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu rekords tat-tranżazzjonijiet, inklużi l-limiti ta’ żmien biex jiġu pprovduti rekords tat-tranżazzjonijiet.”

    ;

    (2)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(7)

    ‘informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji’ tfisser l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    (*1)  Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tatterroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj).”;"

    (b)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(7a)

    ‘rekords tat-tranżazzjonijiet’ tfisser id-dettalji tal-operazzjonijiet li jkunu twettqu matul perjodu definit permezz ta’ kont ta’ pagament speċifikat, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew kont bankarju identifikat mill-IBAN, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15), ta’ dak ir-Regolament, jew id-dettalji tat-trasferimenti tal-kriptoassi, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

    (7b)

    ‘istituzzjoni tal-kreditu’ tfisser istituzzjoni tal-kreditu kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

    (7c)

    ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser istituzzjoni finanzjarja kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2024/1624;

    (7d)

    ‘fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi’ tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

    (*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22)."

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 1)."

    (*4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L, 2024/1624, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1624/oj)."

    (*5)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).”;"

    (3)

    it-titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “AĊĊESS MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI GĦALL-INFORMAZZJONI DWAR IL-KONTIJIET BANKARJI U L-FORMAT TAR-REKORDS TAT-TRANŻAZZJONIJIET”

    ;

    (4)

    fl-Artikolu 4, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti nnominati skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra disponibbli permezz ta’ sistema ta’ interkonnessjoni għar-reġistri tal-kontijiet bankarji (BARIS) fis-seħħ skont l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva (UE) 2024/1640 fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat kriminali serju jew l-appoġġ għal investigazzjoni kriminali relatata ma’ reat kriminali serju, inkluż l-identifikazzjoni, it-traċċar u l-iffriżaw tal-assi relatati ma’ tali investigazzjoni.

    Stat Membru jista’ jillimita s-setgħa ta’ aċċess u tiftix għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz tal-BARIS għal sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tiegħu nnominati skont l-Artikolu 3(1) ikollhom raġunijiet ġustifikati biex jemmnu li jista’ jkun hemm informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680, l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji miksuba permezz tal-aċċess u tat-tiftix tal-BARIS għandha tintuża biss għall-fini li għalih tkun inġabret.

    L-aċċess u t-tiftix skont dan il-paragrafu għandhom jiġu kkunsidrati bħala diretti u immedjati, fost l-oħrajn, meta l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jibagħtu b’mod rapidu l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ mekkaniżmu awtomatizzat lill-awtoritajiet kompetenti, dment li l-ebda istituzzjoni intermedjarja ma tkun tista’ tinterferixxi fir-rigward tad-data mitluba jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

    1b.   L-aċċess u t-tfittxijiet skont dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali u r-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali.”

    (5)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-aċċess għal u t-tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji f’konformità mal-Artikolu 4(1) u (1a) għandhom jitwettqu biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-persunal ta’ kull awtorità kompetenti li jkun ġie nnominat u awtorizzat speċifikament biex iwettaq dawk il-kompiti”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiżguraw is-sigurtà tad-data għal standards teknoloġiċi għolja għall-finijiet tal-eżerċizzju mill-awtoritajiet kompetenti tas-setgħa ta’ aċċess u tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 4(1) u (1a).”

    ;

    (6)

    fl-Artikolu 6(1), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jiżguraw li jinżammu rekords kull darba li l-awtoritajiet kompetenti nnominati jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji f’konformità mal-Artikolu 4(1) u (1a).”

    ;

    (7)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej fil-Kapitolu II:

    “Artikolu 6a

    Rekords tat-tranżazzjonijiet

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2 meta jwieġbu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għal talbiet għal rekords tat-tranżazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti bħala parti minn investigazzjoni kriminali, inkluż l-identifikazzjoni, it-traċċar u l-iffriżar ta’ assi relatati ma’ tali investigazzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi sabiex tistabbilixxi l-format strutturat elettroniku u l-mezzi tekniċi li għandhom jintużaw għall-forniment tar-rekords tat-tranżazzjonijiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3). Meta tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-iżviluppi fl-istandards rilevanti tal-messaġġi tas-servizzi finanzjarji.”

    ;

    (8)

    fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jistiednu lill-Europol meta jkun rilevanti, biex jappoġġjawhom meta jwettqu analiżi konġunta msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 u l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6), soġġett għall-ftehim tal-FIUs parteċipanti kollha, fi ħdan il-limiti tal-mandat tal-Europol u għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (h) u (z), tar-Regolament (UE) 2016/794, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/1620.

    (*6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj).”;"

    (9)

    fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011”.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-10 ta’ Lulju 2027.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1, punti (4) u (5), ta’ din id-Direttiva sal-10 ta’ Lulju 2029.

    Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2024.

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/JHA (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskopijiet ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1654/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top