Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1500

    Direttiva (UE) 2024/1500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li temenda d-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE

    PE/92/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/1500, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1500/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1500/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1500

    29.5.2024

    DIRETTIVA (UE) 2024/1500 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-14 ta’ Mejju 2024

    dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li temenda d-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma rikonoxxuti bħala valuri essenzjali tal-Unjoni fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdu, rispettivament, li l-Unjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-attivitajiet kollha tagħha. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipproteġi d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Artikoli 21 u 23. L-Unjoni diġà adottat diversi Direttivi biex tiġġieled id-diskriminazzjoni.

    (2)

    L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-funzjonament ta’ korpi għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali (“korpi tal-ugwaljanza”) biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttivi 2006/54/KE (3) u 2010/41/UE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (3)

    Id-Direttiva 2006/54/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi u x-xogħol, inkluż il-promozzjoni, u għat-taħriġ vokazzjonali, fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-paga, u fir-rigward tal-iskemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali.

    (4)

    Id-Direttiva 2010/41/UE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività li fiha jaħdmu għal rashom.

    (5)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi limitat għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-fatt li persuna hija ta’ sess wieħed jew ieħor. Fid-dawl tal-iskop tiegħu u n-natura tad-drittijiet li jipprova jħares, huwa japplika wkoll għad-diskriminazzjoni minħabba bidla fil-ġeneru tal-persuna. (5)

    (6)

    Id-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE jirrikjedu li l-Istati Membri jaħtru korp wieħed jew aktar għall-promozzjoni tat-trattament ugwali, inkluż l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għar-raġunijiet koperti mid-Direttiva rispettiva. Dawk id-Direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-kompetenzi ta’ tali korpi jinkludu l-għoti ta’ assistenza indipendenti lill-vittmi, it-twettiq ta’ stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni. Huma jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-kompiti ta’ dawk il-korpi jinkludu l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ korpi Ewropej korrispondenti, bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

    (7)

    Id-Direttivi tal-Kunsill 2000/43/KE (6) u 2004/113/KE (7) jipprevedu wkoll il-ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni abbażi tar-raġunijiet koperti mid-Direttiva rispettiva.

    (8)

    L-Istati Membri kollha ħatru korpi tal-ugwaljanza skont id-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE. Ġiet stabbilita sistema varjata ta’ korpi tal-ugwaljanza, u tfaċċaw prattiki tajbin. Madankollu, ħafna korpi tal-ugwaljanza jiffaċċjaw sfidi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-riżorsi, l-indipendenza u s-setgħat meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

    (9)

    Id-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-istruttura u l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. B’riżultat ta’ dan, hemm differenzi sinifikanti bejn il-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri, f’termini tal-mandati, il-kompetenzi, l-istruttura, ir-riżorsi u l-funzjonament operazzjonali tagħhom. Dan, min-naħa tiegħu, ifisser li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

    (10)

    Sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-infurzar tad-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE billi jippromwovu t-trattament ugwali, jipprevjenu d-diskriminazzjoni u joffru assistenza fl-aċċess għall-ġustizzja lill-individwi u l-gruppi kollha li huma diskriminati madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi għall-funzjonament ta’ dawk il-korpi. L-istandards minimi stipulati f’din id-Direttiva jqisu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 (8), filwaqt li huma msejsa fuq uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u l-approċċ rakkomandat fiha. Huma msejsa wkoll fuq strumenti rilevanti oħra, bħar-Rakkomandazzjoni ta’ Politika Ġenerali Nru 2 riveduta dwar il-korpi tal-ugwaljanza adottata mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza u l-Prinċipji ta’ Pariġi dwar l-Istatus ta’ Istituzzjonijiet Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem adottati min-Nazzjonijiet Uniti, li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

    (11)

    L-istess standards minimi għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE (9), mid-Direttiva 2000/43/KE, mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (10) u mid-Direttiva 2004/113/KE huma previsti fid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 (11).

    (12)

    Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-azzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE. Ir-rekwiżiti minimi stipulati f’din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw biss il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza u jenħtieġ li ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni materjali jew personali ta’ dawk id-Direttivi.

    (13)

    Din id-Direttiva tapplika għall-korpi tal-ugwaljanza meta jindirizzaw id-diskriminazzjoni koperta mid-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) permezz tar-referenza fl-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva għall-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE li qed jiġi sostitwit b’din id-Direttiva.

    (14)

    Jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) titqies bħala lex specialis fir-rigward tad- Direttiva 2006/54/KE biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti fiha. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar il-korpi ta’ ugwaljanza stipulati fid-Direttiva (UE) 2023/970.

    (15)

    Fil-promozzjoni tat-trattament ugwali, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, il-ġbir tad-data dwar id-diskriminazzjoni u l-assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva, huwa importanti li l-korpi tal-ugwaljanza jagħtu attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija mifhuma bħala diskriminazzjoni bbażata fuq kombinazzjoni ta’ diskriminazzjnoni ta’ sess u kwalunkwe raġuni jew raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni protetti taħt id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE.

    (16)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru korp wieħed jew aktar sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-kompetenzi bejn diversi korpi tal-ugwaljanza, pereżempju billi jafdaw korp wieħed bil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tat-trattament ugwali u l-assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, u ieħor b’funzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-ispettorati tax-xogħol jew ta’ korpi oħra tal-infurzar, kif ukoll l-awtonomija u r-rwol tas-sħab soċjali.

    (17)

    Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jwettqu l-irwol tagħhom b’mod effettiv biss jekk ikunu jistgħu jaġixxu b’indipendenza sħiħa mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi influwenza esterna. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu għadd ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza. Il-korpi tal-ugwaljanza li jeżerċitaw kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva jistgħu jkunu parti minn ministeru jew entità organizzazzjonali oħra, dment li jkunu fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex jiżguraw it-twettiq tal-kompiti tagħhom indipendentement minn influwenza politika, finanazjarja, reliġjuża jew kwalunkwe influwenza oħra. B’mod partikolari, meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jżommu l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe influwenza esterna, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, billi joqogħdu lura milli jfittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand xi ħadd. F’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva u fi ħdan il-qafas legali applikabbli, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jimmaniġġaw ir-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra tagħhom stess, inkluż billi jagħżlu u jimmaniġġaw il-persunal tagħhom stess, u jkunu jistgħu jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess. Jenħtieġ li l-membri tal-persunal li jkollhom pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew pożizzjoni maniġerjali, kemm jekk permanenti kif ukoll jekk temporanja, bħal kap jew viċi kap tal-korp tal-ugwaljanza u, fejn applikabbli, il-membri tal-bord ta’ tmexxija, ikunu indipendenti, kwalifikati għall-pożizzjoni tagħhom, u magħżula bi proċess trasparenti. It-trasparenza f’dak il-proċess tista’ tiġi żgurata, pereżempju bil-pubblikazzjoni ta’ postijiet battala li tkun miftuħa għall-pubbliku.

    (18)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-istruttura interna tal-korpi tal-ugwaljanza, bħall-organizzazzjoni u l-proċessi interni tagħhom, tippermetti l-eżerċizzju indipendenti, u fejn xieraq imparzjali, tal-kompetenzi varji tagħhom, billi jistabbilixxu salvagwardji xierqa fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom kompiti potenzjalment konfliġġenti, speċjalment meta xi wħud minn dawk il-kompiti jiffukaw fuq l-appoġġ għall-vittmi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jaġixxu b’mod imparzjali waqt li jwettqu inkjesta jew jivvalutaw każ, speċjalment meta l-korp tal-ugwaljanza jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

    (19)

    Fejn il-korp tal-ugwaljanza jkun parti minn korp b’diversi mandati bħal ombudsperson b’mandat usa’ jew istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li l-istruttura interna ta’ tali korp b’diversi mandati tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-mandat speċifiku tal-ugwaljanza.

    (20)

    Permezz tal-proċessi tal-baġit nazzjonali rispettivi tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jirċievu biżżejjed riżorsi, inkluż persunal kwalifikat, bini u infrastruttura xierqa sabiex iwettqu kull kompitu li jkollhom b’mod effettiv, fi żmien raġonevoli jew sal-iskadenzi stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Ir-riċeviment ta’ tali riżorsi suffiċjenti huwa essenzjali għall-funzjonament effettiv tal-korpi tal-ugwaljanza u t-twettiq tal-kompiti tagħhom. Huwa importanti li, fejn jiġu attribwiti kompetenzi ġodda lill-korpi tal-ugwaljanza, l-Istati Membri jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra tagħhom ikomplu jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod effettiv.

    (21)

    Huwa importanti li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji tibqa’ stabbli, tiġi ppjanata fuq bażi pluriennali u tippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jkopru l-ispejjeż li jista’ jkun diffiċli li jiġu antiċipati, bħal fil-każ ta’ żiedet fl-ilmenti, spejjeż tal-litigazzjoni u l-użu ta’ sistemi awtomatizzati. Huwa kruċjali li tingħata attenzjoni għall-opportunitajiet u għar-riskji li jġibu magħhom is-sistemi awtomatizzati, fosthom l-intelliġenza artifiċjali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu mgħammra bir-riżorsi umani u tekniċi xierqa. Jenħtieġ li dawk ir-riżorsi, b’mod partikolari, jagħmluha possibbli li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jużaw sistemi awtomatizzati fil-ħidma tagħhom u, min-naħa l-oħra, jivvalutaw tali sistemi għall-konformità tagħhom mar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni. Meta l-korp tal-ugwaljanza jkun parti minn korp b’diversi mandati, jenħtieġ li jiġu żgurati r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq il-mandat tiegħu ta’ ugwaljanza.

    (22)

    Il-korpi tal-ugwaljanza, flimkien ma’ atturi oħra, bħas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza. Sabiex jindirizzaw l-aspetti strutturali tad-diskriminazzjoni u jikkontribwixxu għall-bidla soċjali, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu attivitajiet biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet u fl-oqsma koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE u biex jippromwovu t-trattament ugwali. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba, azzjoni pożittiva u integrazzjoni tal-ugwaljanza fost l-entitajiet pubbliċi u privati, u jagħtuhom taħriġ, informazzjoni, pariri, gwida u appoġġ rilevanti. Importanti ħafna wkoll li l-korpi tal-ugwaljanza jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jidħlu f’dibattitu pubbliku.

    (23)

    Minbarra l-prevenzjoni, kompitu ċentrali tal-korpi tal-ugwaljanza huwa li jipprovdu assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni. Jenħtieġ li jinftiehem li l-vittmi jinkludu l-persuni kollha li jqisu li esperjenzaw diskriminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE jew fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/41/UE, irrispettivament, pereżempju, mill-istatus soċjoekonomiku, l-opinjoni politika, l-età, is-saħħa, in-nazzjonalità, l-istatus ta’ residenza, il-lingwa, il-kulur, il-livell ta’ litteriżmu, il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom. Kwalunkwe persuna tista’ tkun vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess u jenħtieġ li tibbenefika mill-assistenza tal-korpi tal-ugwaljanza minn stadju bikri, irrispettivament minn jekk tkunx ġiet stabbilita diskriminazzjoni. Jenħtieġ li tali assistenza dejjem tinkludi mill-anqas l-għoti ta’ informazzjoni kruċjali lill-ilmentaturi, inkluż informazzjoni dwar jekk l-ilment ikunx ser jingħalaq jew jekk hemmx raġunijiet biex dan jitkompla, sakemm l-ilment ma jkunx sar b’mod anonimu. L-Istati Membri huma responsabbli għad-definizzjoni tal-modalitajiet li skonthom il-korp tal-ugwaljanza jinforma lill-ilmentaturi, bħall-perjodu ta’ żmien tal-proċess jew is-salvagwardji proċedurali kontra lmenti ripetittivi jew abbużivi.

    (24)

    Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi kollha jkunu jistgħu jilmentaw, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ilmenti jiġu ppreżentati b’diversi modi. Skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2018/951, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ilmenti jitressqu b’lingwa magħżula mill-ilmentatur u li tkun komuni fl-Istat Membru fejn jinsab il-korp tal-ugwaljanza. Sabiex tiġi indirizzata waħda mill-kawżi tas-sottorappurtar, jiġifieri l-biża’ ta’ rappreżalji, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jinfurmaw lill-vittmi dwar ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

    (25)

    Sabiex joffru possibbiltà għal soluzzjoni b’mod rapidu tat-tilwim, affordabbli u barra mill-qorti, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet imorru għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, kif offruta mill-korp tal-ugwaljanza nnifsu jew minn entità kompetenti eżistenti oħra. Fl-għażla ta’ entità kompetenti oħra, huwa importanti li jitqiesu l-entitajiet stabbiliti fuq bażi durabbli u li jiġi żgurat li l-persuna jew persuni responsabbli għall-proċess ta’ riżoluzzjoni jkunu indipendenti, imparzjali u jkollhom l-għarfien espert meħtieġ. Is-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti hija aktar probabbli li tagħti riżultati ta’ suċċess fejn issir bil-qbil tal-partijiet. Il-possibbiltà li wieħed ifittex parir indipendenti jew li jkun rappreżentat jew assistit minn parti terza bħas-sħab soċjali jista’ jkun utli wkoll għall-partijiet fi kwalunkwe stadju tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwima tagħhom. In-nuqqas ta’ soluzzjoni, per eżempju minħabba li waħda mill-partijiet ċaħdet l-eżitu tal-proċess, jenħtieġ li ma jżommx lill-partijiet milli jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet tal-proċess ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim skont il-liġi u l-prattika nazzjonali.

    (26)

    Fejn il-korpi tal-ugwaljanza jissuspettaw ksur possibbli tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jwettqu inkjesti, b’mod partikolari wara lment jew fuq inizjattiva tagħhom stess.

    (27)

    L-evidenza hija kruċjali biex jiġi ddeterminat jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni u din ta’ spiss ma tkunx fil-pussess tal-vittma. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa biex jistabbilixxu jekk tkunx saret diskriminazzjoni u biex jikkooperaw ma’ korpi kompetenti oħra, li jistgħu jinkludu s-servizzi pubbliċi rilevanti, bħall-ispettorati tax-xogħol jew l-ispettorati tal-edukazzjoni, u s-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas xieraq għall-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali. F’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lil korp kompetenti ieħor bit-tmexxija tal-inkjesti. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-proċessi, jenħtieġ li tali korp kompetenti jipprovdi lill-korp tal-ugwaljanza, fuq talba tiegħu, informazzjoni dwar ir-riżultati tal-inkjesta meta jitlesta l-proċess.

    (28)

    Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom tal-ilment fuq il-bażi tal-evidenza miġbura. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw in-natura legali ta’ din il-valutazzjoni li tista’ tkun opinjoni mhux vinkolanti jew deċiżjoni vinkolanti. Jenħtieġ li t-tnejn li huma jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-valutazzjoni u jinkludu, fejn xieraq, miżuri biex jiġi rimedjat kwalunkwe ksur misjub tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u biex jiġu evitati okkorrenzi ulterjuri, waqt li jieħdu kont tan-natura differenti tal-opinjonijiet u tad-deċiżjonijiet. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw mekkaniżmi xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet u għall-infurzar tad-deċiżjonijiet.

    (29)

    Sabiex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tagħhom u dwar il-liġi dwar l-ugwaljanza u l-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu mill-anqas jippubblikaw is-sommarji ta’ dawk l-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom li jqisu li jkunu ta’ rilevanza partikolari.

    (30)

    Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti sabiex jikkontribwixxu għall-iżgurar tar-rispett tal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE. Tali proċedimenti tal-qorti jistgħu jsiru fi qrati jew korpi ekwivalenti li jittrattaw kwistjonijiet ta’ trattament ugwali u diskriminazzjoni, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. Il-liġi u l-prattika nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet, u b’mod partikolari kwalunkwe kondizzjoni ta’ interess leġittimu, ma jistgħux jiġu applikati b’tali mod li jista’ jdgħajjef l-effettività tad-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu. Is-setgħat li jwettqu inkjesti u jieħdu deċiżjonijiet, u d-dritt ta’ azzjoni fi proċedimenti tal-qorti mogħtija lill-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva huma mistennija jiffaċilitaw l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-oneru tal-provi u tad-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE dwar id-difiża tad-drittijiet. Skont il-kondizzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, il-korpi tal-ugwaljanza ser ikunu jistgħu jistabbilixxu fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, u b’hekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54/KE. Għalhekk l-appoġġ ipprovdut mill-korpi tal-ugwaljanza taħt din id-Direttiva ser jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-korpi tal-ugwaljanza jagħżlu l-każijiet li jiddeċiedu li jsegwu fil-proċedimenti tal-qorti sabiex jikkontribwixxu għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali.

    (31)

    Fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jaġixxu bħala parti fil-proċedimenti dwar l-infurzar jew fir-rieżami ġudizzjarju ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fil-qrati, pereżempju billi jipprovdu l-opinjoni esperta tagħhom, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

    (32)

    Id-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti jista’ jieħu forom differenti f’oqfsa legali nazzjonali differenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħżlu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, waħda jew aktar mill-forom ta’ azzjoni li ġejjin għall-korpi ta’ ugwaljanza: jaġixxu għan-nom ta’ vittma waħda jew diversi vittmi, jew b’appoġġ ta’ vittma waħda jew diversi vittmi, jew jagħtu bidu għal proċedimenti tal-qorti f’isem il-korp tal-ugwaljanza stess.

    (33)

    Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaġixxu f’isem il-vittmi jew b’appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni tagħhom fejn applikabbli, b’hekk jippermettu lill-vittmi li jaċċessaw il-ġustizzja meta l-ostakli proċedurali u finanzjarji jew il-biża’ ta’ vittimizzazzjoni spiss jiskoraġġixxuhom. Fejn korpi tal-ugwaljanza jaġixxu f’isem vittma waħda jew diversi vittmi, dawn jirrappreżentaw lill-vittmi quddiem il-qorti. Fejn korpi tal-ugwaljanza jaġixxu b’appoġġ għal vittma waħda jew diversi vittmi, huma jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-qorti mibdija mill-vittmi, biex jappoġġaw it-talba.

    (34)

    Xi każijiet ta’ diskriminazzjoni huma diffiċli biex jiġu miġġielda minħabba li ma hemm l-ebda ilmentatur li qed isegwi l-każ huwa stess. Fis-sentenza tagħha fil-kawża C-54/07 (14), li tressqet minn korp tal-ugwaljanza f’ismu stess, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-diskriminazzjoni tista’ tiġi stabbilita anki fin-nuqqas ta’ vittma identifikata. Għalhekk, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fl-interess pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jipprovdu li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaġixxu f’isimhom f’ċerti każijiet ta’ diskriminazzjoni, pereżempju minħabba l-abbundanza jew is-serjetà tal-każijiet, jew il-ħtieġa għal kjarifika legali, li kull wieħed minnhom jista’ jimplika li d-diskriminazzjoni hija ta’ natura strutturali jew sistematika. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, li tali każijiet ta’ diskriminazzjoni jeħtieġu persuna jew entità identifikata bħala rispondent.

    (35)

    Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet individwali, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkwadraw is-setgħat tal-korpi tal-ugwaljanza fi ħdan salvagwardji proċedurali xierqa, filwaqt li jiżguraw li d-dritt għall-kunfidenzjalità u l-prinċipji ġenerali tal-liġi, bħad-dritt ta’ proċess ġust, id-dritt tad-difiża u d-dritt għal rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet vinkolanti jkunu protetti b’mod xieraq, inkluż fejn il-korp tal-ugwaljanza jaġixxi bħala parti jew f’isem parti fi proċedimenti tal-qorti. L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, joffru kunfidenzjalità lix-xhieda u lill-informaturi bħala mod importanti kif jitħeġġeġ ir-rappurtar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni.

    (36)

    Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti ma jibdlux id-drittijiet tal-vittmi jew ta’ assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-vittmi li għandhom, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali, interess leġittimu li jiżguraw li d-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE jiġu rrispettati, kif stabbilit f’dawk id-Direttivi, inkluż meta dawk il-vittmi, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra jkunu involuti fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv jew it-tnejn.

    (37)

    L-effettività tal-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza tiddependi wkoll fuq l-għoti ta’ aċċess sħiħ għas-servizzi tagħhom lill-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni. Fit-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u Diskriminazzjoni mwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 71 % tal-membri ta’ gruppi ta’ minoranza etnika jew immigranti rrappurtaw li ma kinux konxji minn xi organizzazzjoni li toffri appoġġ jew pariri lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni. Pass ewlieni lejn l-appoġġ għal tali aċċess huwa li l-Istati Membri jiżguraw li n-nies ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkunu konxji mill-eżistenza u s-servizzi offruti mill-korpi tal-ugwaljanza. Dan huwa partikolarment importanti għal gruppi żvantaġġati u għal gruppi li l-aċċess tagħhom għal dik l-informazzjoni jista’ jkun ostakolat, pereżempju mill-istatus ekonomiku prekarju tagħhom, l-età, id-diżabbiltà, il-livell ta’ litteriżmu, in-nazzjonalità jew l-istatus ta’ residenza, jew in-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal għodda online.

    (38)

    Jenħtieġ li jiġi ggarantit l-aċċess għas-servizzi u l-pubblikazzjonijiet tal-korpi tal-ugwaljanza fuq bażi ugwali għal kulħadd. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli potenzjali għall-aċċess għas-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza. Jenħtieġ li s-servizzi jkunu mingħajr ħlas għall-ilmentaturi. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiżguraw li s-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu disponibbli għall-vittmi potenzjali kollha fit-territorju tagħhom, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ uffiċċji lokali, inkluż dawk mobbli, tal-użu ta’ għodda tal-komunikazzjoni, tal-organizzazzjoni ta’ kampanji lokali, tal-kooperazzjoni ma’ delegati lokali jew ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew permezz ta’ fornituri ta’ servizzi kkuntrattati.

    (39)

    Sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għas-servizzi u l-attivitajiet kollha tal-korpi tal-ugwaljanza, jeħtieġ li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u li jiġu żgurati akkomodazzjonijiet raġonevoli f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jiżguraw l-aċċessibbiltà fiżika u diġitali billi jipprevjenu u jneħħu l-ostakli li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jiffaċċjaw biex jaċċessaw is-servizzi u l-informazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza, u jipprovdu akkomodazzjonijiet raġonevoli, filwaqt li jagħmlu l-modifiki u l-aġġustamenti neċessarji u xierqa fejn meħtieġ f’każ partikolari.

    (40)

    Li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jikkoordinaw u jikkooperaw regolarment f’livelli differenti, fuq bażi fit-tul, huwa kruċjali għat-tagħlim reċiproku, il-koerenza u l-konsistenza, u jista’ jwessa’ s-sensibilizzazzjoni u l-impatt tal-ħidma tagħhom. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jikkooperaw, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-istess Stat Membru u ma’ entitajiet pubbliċi u privati fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, bħan-networks tal-korpi tal-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, is-sħab soċjali, l-ispettorati tax-xogħol u tal-edukazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji b’responsabbiltà fil-livell nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, l-awtoritajiet li jimmaniġġaw il-fondi tal-Unjoni, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom, il-korpi tal-konsumaturi, u l-mekkaniżmi indipendenti nazzjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

    (41)

    Il-korpi tal-ugwaljanza ma jistgħux jaqdu r-rwol tagħhom bħala esperti fit-trattament ugwali jew jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jekk ma jiġux ikkonsultati kmieni biżżejjed matul il-proċess tat-tfassil tal-politika dwar materji relatati mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw tali konsultazzjoni f’waqtha u jenħtieġ, fejn il-korpi tal-ugwaljanza jqisu neċessarju, li jippermettulhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet u jippubblikawhom fi żmien li jkun biżżejjed biex jiġu kkunsidrati.

    (42)

    Id-data dwar l-ugwaljanza hija kruċjali għas-sensibilizzazzjoni, biex tissensitizza n-nies, biex tiġi kkwantifikata d-diskriminazzjoni, jintwerew ix-xejriet matul iż-żmien, tiġi pprovata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza, tintwera l-ħtieġa ta’ azzjoni pożittiva, u jingħata kontribut għat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ data dwar l-ugwaljanza għal dawk l-għanijiet, pereżempju billi jorganizzaw diskussjonijiet regolari li jiġbru l-entitajiet rilevanti kollha. Jenħtieġ ukoll li l-korpi tal-ugwaljanza jiġbru u janalizzaw data dwar l-attivitajiet tagħhom stess, ikunu jistgħu jwettqu stħarriġ u, skont il-liġi nazzjonali, ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw statistika relatata mad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE. Jenħtieġ li d-data personali miġbura mill-korp tal-ugwaljanza tiġi anonimizzata jew, fejn dan ma jkunx possibbli, psewdonimizzata.

    (43)

    Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jadottaw programm ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-attivitajiet prospettivi tagħhom, li jippermettilhom jiżguraw il-koerenza tal-linji ta’ ħidma differenti tagħhom maż-żmien u jindirizzaw kwistjonijiet sistemiċi ta’ diskriminazzjoni skont il-mandat tagħhom bħala parti minn pjan ta’ azzjoni fit-tul.

    (44)

    Jenħtieġ li, minbarra li jippubblikaw rapport annwali dwar l-attivitajiet, il-korpi tal-ugwaljanza jippubblikaw regolarment rapport li jinkludi valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni skont il-mandat tagħhom fl-Istati Membri, kif ukoll rapporti oħra marbuta mad-diskriminazzjoni.

    (45)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri fir-rigward tal-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta’ indikaturi rilevanti, li abbażi tagħhom għandha tinġabar id-data. Jenħtieġ li tali indikaturi ma jkunux għall-fini ta’ klassifikazzjoni jew ta’ ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri individwali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

    (46)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma sservix biex tiġġustifika xi regressjoni relatata mas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.

    (47)

    Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva jitwettaq f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu stabbiliti b’mod ċar fil-liġi, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza jipproċessaw data personali biss sa fejn ikun meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data, inkluż ir-rimedji disponibbli għalihom fil-livell nazzjonali.

    (48)

    Meta t-twettiq tal-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza jirrikjedi l-ipproċessar tal-kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-liġi nazzjonali tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data, f’konformità mal-Artikolu 9(2), punt (g), tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li tali salvagwardji jinkludu pereżempju politiki u miżuri interni biex jiżguraw il-minimizzazzjoni tad-data, inkluż permezz tal-anonimizzazzjoni tad-data personali, fejn possibbli; biex jiġu applikati l-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ għad-data personali; biex jiġu evitati l-aċċess għal data personali u t-trażmissjoni tagħha mingħajr awtorizzazzjoni; u biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix ipproċessata aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata.

    (49)

    Din id-Direttiva tibni fuq ir-regoli stabbiliti fid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE billi tintroduċi standards imsaħħa għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza. Jenħtieġ għalhekk li dispożizzjonijiet dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE jitħassru.

    (50)

    Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza skont standards minimi, bil-għan li ttejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, sabiex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva, li sempliċiment tistabbilixxi standards minimi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

    (51)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u ta l-opinjoni tiegħu fit-2 ta’ Frar 2023 (19),

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Għan, suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.

    2.   L-obbligi mqiegħda fuq l-Istati Membri u l-kompiti tal-korpi tal-ugwaljanza skont din id-Direttiva ikopru d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.

    3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2023/970.

    Artikolu 2

    Ħatra ta’ korpi tal-ugwaljanza

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp wieħed jew aktar (“korpi tal-ugwaljanza”) biex jeżerċitaw il-kompetenzi stabbiliti f’din id-Direttiva.

    2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-ispettorati tax-xogħol jew ta’ korpi oħra tal-infurzar u għad-drittijiet u l-prerogattivi tas-sħab soċjali f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ ftehimiet kollettivi u r-rappreżentanza u d-difiża fi proċedimenti tal-qorti.

    Artikolu 3

    Indipendenza

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu indipendenti u ħielsa minn influwenza esterna, u li ma jfittxux jew jieħdu struzzjonijiet mill-gvern jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom. F’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva u fi ħdan il-qafas legali applikabbli, il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess u riżorsi oħra u jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom stess fir-rigward tal-istruttura interna, ir-responsabbiltà, il-persunal u kwistjonijiet organizzattivi tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu proċeduri trasparenti dwar l-għażla, il-ħatra, ir-revoka u l-konflitti ta’ interess potenzjali tal-persunal tal-korpi tal-ugwaljanza li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet jew maniġerjali, u fejn applikabbli l-membri tal-bord ta’ tmexxija, sabiex jiggarantixxu l-kompetenza u l-indipendenza tagħhom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jistabbilixxu struttura interna li tiggarantixxi l-eżerċizzju indipendenti, u fejn xieraq imparzjali, tal-kompetenzi tagħhom.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istruttura interna tal-korpi b’diversi mandati tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tal-ugwaljanza.

    Artikolu 4

    Riżorsi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-proċessi tal-baġit nazzjonali tagħhom, li kull korp tal-ugwaljanza jingħata r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji neċessarji biex iwettaq il-kompiti kollha tiegħu u biex jeżerċita l-kompetenzi kollha tiegħu b’mod effettiv, għar-raġunijiet stipulati fi u fl-oqsma koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE, inkluż fejn il-korpi tal-ugwaljanza huma parti minn korpi b’diversi mandati.

    Artikolu 5

    Sensibilizzazzjoni, prevenzjoni u promozzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa, bħal strateġiji, biex iqajmu sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni ġenerali, fit-territorju kollu tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-individwi u l-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni, dwar id-drittijiet skont id-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE u dwar l-eżistenza ta’ korpi tal-ugwaljanza u s-servizzi tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu attivitajiet biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni u jippromwovu t-trattament ugwali kif jirriżulta mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE. It-tali attivitajiet jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu l-promozzjoni ta’ azzjoni pożittiva u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fost l-entitajiet pubbliċi u privati, l-għoti ta’ taħriġ, pariri u appoġġ rilevanti lilhom, l-involviment f’dibattitu pubbliku, il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, u l-promozzjoni tal-iskambju ta’ prattiki tajba. Fit-twettiq ta’ tali attivitajiet, il-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jqisu sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ żvantaġġ li jirriżultaw minn diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija mifhuma bħala diskriminazzjoni bbażata fuq kombinazzjoni ta’ sess u waħda jew aktar mir-raġunijiet protetti taħt id-Direttivi 79/7/KEE, 2000/43/KE, 2000/78/KE jew 2004/113/KE.

    3.   L-Istati Membri u l-korpi tal-ugwaljanza għandhom iqisu għodda u formati ta’ komunikazzjoni xierqa għal kull grupp fil-mira. Huma għandhom jiffukaw b’mod partikolari fuq gruppi li l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni jista’ jiġi ostakolat, pereżempju minħabba l-istatus ekonomiku prekarju tagħhom, l-età, id-diżabbiltà, il-livell ta’ litteriżmu, in-nazzjonalità jew l-istatus ta’ residenza tagħhom, jew minħabba n-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal għodda online.

    Artikolu 6

    Assistenza lill-vittmi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jipprovdu assistenza lill-vittmi kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 4.

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “vittmi” tfisser il-persuni kollha, irrispettivament, pereżempju, mill-istatus soċjoekonomiku, l-opinjoni politika, l-età, is-saħħa, in-nazzjonalità, l-istatus ta’ residenza, il-lingwa, il-kulur, livell ta’ litteriżmu, il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, li jqisu li esperjenzaw diskriminazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/41/UE.

    2.   Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu jirċievu lmenti dwar diskriminazzjoni.

    3.   Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jipprovdu assistenza lill-vittmi, inizjalment billi jinfurmawhom dwar dan li ġej:

    (a)

    il-qafas legali, inkluż dwar il-parir immirat lejn is-sitwazzjoni speċifika tagħhom;

    (b)

    is-servizzi offruti mill-korp tal-ugwaljanza u l-aspetti proċedurali relatati;

    (c)

    ir-rimedji disponibbli, inkluż il-possibbiltà li tinfetaħ kawża fil-qorti;

    (d)

    ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli u l-protezzjoni tad-data personali; u

    (e)

    il-possibbiltajiet li jingħataw appoġġ psikoloġiku jew tipi oħra ta’ appoġġ rilevanti minn korpi jew organizzazzjonijiet oħra.

    4.   Il-korpi ta’ ugwaljanza għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi, fi żmien raġonevoli, jekk l-ilment ikunx ser jingħalaq jew jekk ikunx hemm raġunijiet biex dan jitkompla.

    Artikolu 7

    Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

    Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu jistgħu joffru lill-partijiet il-possibbiltà li jfittxu soluzzjoni alternattiva għat-tilwima tagħhom. Dak il-proċess jista’ jitmexxa mill-korp tal-ugwaljanza nnifsu jew minn entità kompetenti oħra f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, f’liema każ il-korp tal-ugwaljanza jista’ jifformula osservazzjonijiet lil dik l-entità. Tali soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista’ tieħu forom differenti, bħall-medjazzjoni jew il-konċiljazzjoni, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. In-nuqqas ta’ soluzzjoni ma għandux jipprekludi lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ azzjoni fi proċedimenti fil-qorti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm perjodu ta’ limitazzjoni suffiċjenti biex jiggarantixxu li l-partijiet f’tilwima jkollhom aċċess għall-qorti, pereżempju billi jissospendu l-perjodu ta’ limitazzjoni filwaqt li l-partijiet jidħlu fi proċess għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

    Artikolu 8

    Inkjesti

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu inkjesta dwar jekk seħħx ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas għat-twettiq tal-inkjesti li jippermetti lill-korpi tal-ugwaljanza jwettqu inkjesta. B’mod partikolari, dak il-qafas għandu jipprovdi drittijiet effettivi lill-korpi tal-ugwaljanza li jaċċessaw l-informazzjoni u d-dokumenti li huma neċessarji biex jistabbilixxu jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni. Il-qafas għandu jipprevedi wkoll mekkaniżmi xierqa għall-korpi tal-ugwaljanza biex dawn jikkooperaw mal-korpi pubbliċi rilevanti għal dak il-għan.

    3.   F’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu wkoll jafdaw korp kompetenti ieħor bis-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Meta tali korp kompetenti jkun lesta l-inkjesta tiegħu, huwa għandu jipprovdi lill-korp tal-ugwaljanza, fuq it-talba tiegħu, bl-informazzjoni dwar ir-riżultati tagħhom.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ebda inkjesta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 9 ma tinbeda jew titkompla waqt li l-proċedimenti tal-qorti fl-istess każ ikunu pendenti.

    Artikolu 9

    Opinjonijiet u deċiżjonijiet

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jipprovdu u jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom tal-każ, inkluż l-istabbiliment tal-fatti u konklużjoni motivata dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk dan għandux isir permezz ta’ opinjonijiet mhux vinkolanti jew deċiżjonijiet vinkolanti.

    2.   Fejn xieraq, kemm l-opinjonijiet mhux vinkolanti u d-deċiżjonijiet vinkolanti għandhom jinkludu miżuri speċifiċi biex jiġi rrimedjat kwalunkwe ksur li jinstab tal-prinċipju tat-trattament ugwali u biex ma jitħallewx isiru okkorrenzi ulterjuri. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għas-segwitu tal-opinjonijiet mhux vinkolanti, bħal obbligi ta’ feedback, u għall-infurzar tad-deċiżjonijiet vinkolanti.

    3.   Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jippubblikaw mill-anqas sommarju tal-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom li jqisu li jkunu ta’ rilevanza partikolari.

    Artikolu 10

    Litigazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti fi kwistjonijiet tal-liġi ċivili u amministrattiva relatati mal-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet, inkluż kwalunkwe regola li tirrikjedi l-approvazzjoni tal-vittma.

    2.   Id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi d-dritt li jissottometti osservazzjonijiet lill-qorti, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

    3.   Id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi wkoll mill-anqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    id-dritt li jiftaħ proċedimenti tal-qorti f’isem vittma waħda jew diversi vittmi;

    (b)

    id-dritt li jipparteċipa fil-proċedimenti tal-qorti b’appoġġ għal vittma waħda jew diversi vittmi; jew

    (c)

    id-dritt li jiftaħ proċedimenti tal-qorti f’ismu stess, sabiex jiddefendi l-interess pubbliku.

    4.   Id-dritt tal-korp tal-ugwaljanza li jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti għandu jinkludi d-dritt li jaġixxi bħala parti fi proċedimenti dwar l-infurzar jew ir-rieżami ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet vinkolanti, fejn il-korpi tal-ugwaljanza jkollhom is-setgħa li jieħdu tali deċiżjonijiet skont l-Artikolu 9(1).

    Artikolu 11

    Salvagwardji proċedurali

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 sa 10, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti jkunu protetti. Id-deċiżjonijiet vinkolanti msemmija fl-Artikolu 9 għandhom ikunu soġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    Artikolu 12

    Aċċess ugwali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-aċċess għas-servizzi u l-pubblikazzjonijiet tal-korpi tal-ugwaljanza fuq bażi ugwali għal kulħadd.

    2.   Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom jiggarantixxu li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għall-preżentazzjoni tal-ilmenti, pereżempju billi jkunu jistgħu jirċievu l-ilmenti bil-fomm, bil-miktub u online.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jipprovdu s-servizzi kollha tagħhom lill-ilmentaturi mingħajr ħlas, fit-territorju kollu tagħhom, inkluż f’żoni rurali u remoti.

    Artikolu 13

    Aċċessibbiltà u akkomodazzjonijiet raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà u jipprovdu akkomodazzjonijiet raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà biex jiggarantixxu l-aċċess ugwali tagħhom għas-servizzi u l-attivitajiet kollha tal-korpi tal-ugwaljanza, inkluż l-assistenza lill-vittmi, l-immaniġġar tal-ilmenti, is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, l-informazzjoni u l-pubblikazzjonijiet, kif ukoll l-attivitajiet ta’ prevenzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.

    Artikolu 14

    Kooperazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jikkooperaw, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-istess Stat Membru, u ma’ entitajiet pubbliċi u privati rilevanti, inkluż l-ispettorati tax-xogħol, is-sħab soċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali kif ukoll fi Stati Membri oħra u fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali.

    Artikolu 15

    Konsultazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw li l-gvern u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jikkonsultaw lill-korpi tal-ugwaljanza dwar il-leġiżlazzjoni, il-politika, il-proċedura u l-programmi relatati mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom id-dritt li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet, li jippubblikaw ir-rakkomandazzjonijiet u li jitolbu segwitu ta’ tali rakkomandazzjonijiet.

    Artikolu 16

    Ġbir ta’ data u aċċess għal data dwar l-ugwaljanza

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jiġbru data dwar l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jipproduċu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 17, il-punti (b) u (c).

    Id-data miġbura mill-korpi tal-ugwaljanza għandha tiġi diżaggregata skont ir-raġunijiet u l-oqsma koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE, u f’konformità mal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva. Kwalunkwe data personali miġbura għandha tiġi anonimizzata jew, fejn dak ma jkunx possibbli, psewdonimizzata.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jwettqu stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw statistika relatata mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE f’konformità mal-liġi nazzjonali, fejn il-korpi tal-ugwaljanza jqisu li tali statistika tkun neċessarja biex jagħmlu valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni tad-diskriminazzjoni fl-Istat Membru, u biex ifasslu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 17, il-punt (c) ta’ din id-Direttiva.

    4.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-korpi tal-ugwaljanza jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar liema data għandha tinġabar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE, lil entitajiet pubbliċi u privati inkluż awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, kumpaniji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll lill-korpi tal-ugwaljanza jaqdu rwol ta’ koordinazzjoni fil-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza.

    Artikolu 17

    Rapporti u ppjanar strateġiku

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza:

    (a)

    jadottaw programm ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-attivitajiet prospettivi tagħhom;

    (b)

    jipproduċu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rapport annwali tal-attività, li jinkludi l-baġit annwali, il-persunal u r-rapportar finanzjarju tagħhom; u

    (c)

    jippubblikaw rapport wieħed jew aktar, b’rakkomandazzjonijiet, tal-anqas kull erba’ snin, dwar is-sitwazzjoni tat-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni, inkluż kwistjonijiet strutturali potenzjali, fl-Istat Membru tagħhom.

    Artikolu 18

    Monitoraġġ u rapportar

    1.   Sad-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ indikaturi komuni dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont din id-Direttiva. Meta tħejji l-indikaturi, il-Kummissjoni tista’ titlob il-parir tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u min-networks tal-korpi tal-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni. L-indikaturi għandhom ikopru r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-funzjonament indipendenti, l-aċċessibbiltà u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll l-iżviluppi fil-mandat, is-setgħat jew l-istruttura tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-komparabbiltà, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data miġbura fil-livell nazzjonali. L-indikaturi ma għandhomx ikunu għall-fini ta’ klassifikazzjoni jew ta’ ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri individwali.

    L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

    2.   Sad-19 ta’ Ġunju 2031, u kull 5 snin wara, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas data dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza u għandha tqis ir-rapporti mfassla mill-korpi tal-ugwaljanza skont l-Artikolu 17, il-punti (b) u (c).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni u l-effetti prattiċi ta’ din id-Direttiva, abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u ta’ data rilevanti addizzjonali miġbura fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-korpi tal-ugwaljanza, min-networks tal-korpi tal-ugwaljanza fil-livell tal-Unjoni bħal Equinet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew partijiet ikkonċernati oħra, mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Ir-rapport għandu jindirizza l-funzjonament indipendenti u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri abbażi tal-indikaturi stabbiliti skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 19

    Djalogu dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza

    1.   Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u rapportar skont l-Artikolu 18, u sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u biex tiġi żgurata trasparenza akbar, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni kull sena biex jiddiskuti l-kwistjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu 18 dwar il-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza maħtura skont din id-Direttiva.

    2.   Il-Parlament Ewropew jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu f’riżoluzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tqis, kif xieraq, kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz taddjalogu li jseħħ skont dan l-Artikolu, inkluż kwalunkwe riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-kwistjonijiet msemmija fl-Artikolu 18 anke meta tkun qed tirrevedi l-operat ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 20

    Rekwiżiti minimi

    1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli mir-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.

    2.   L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għat-tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fil-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.

    Artikolu 21

    Proċessar ta’ data personali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jistgħu jiġbru u jipproċessaw data personali biss fejn ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu skont din id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-korpi tal-ugwaljanza jipproċessaw il-kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 jiġu previsti miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardaw id-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.

    Artikolu 22

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 23

    Emendi għad-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE huma mħassra.

    Ir-referenzi għall-korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali msemmija f’dawk l-Artikoli għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-korpi tal-ugwaljanza msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 24

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-19 ta’ Ġunju 2026. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 25

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 23 għandu japplika mid-19 ta’ Ġunju 2026.

    Artikolu 26

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 71.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2024.

    (3)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

    (4)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

    (5)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1996, P v S u Cornwall County Council, C-13/94, ECLI:EU:C:1996:170; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, K.B. v L-Aġenzija Nazzjonali tal-Pensjonijiet tas-Servizz tas-Saħħa u s-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa, C-117/01, ECLI:EU:C:2004:7; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, Sarah Margaret RichardsIs-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Pensjonijiet, C-423/04, ECLI:EU:C:2006:256; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2018, M.B.Is-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Pensjonijiet, C-451/16, ECLI:EU:C:2018:492.

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

    (8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (ĠU L 167, 4.7.2018, p. 28).

    (9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).

    (10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

    (11)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 tas-7 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li temenda d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE (ĠU L, 2024/1499, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1499/oj).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

    (13)  Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar, (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21).

    (14)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijdingFirma f’Feryn NV, C-54/07, ECLI:EU:C:2008:397.

    (15)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi, (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

    (16)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (17)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (19)   ĠU C 64, 21.2.2023, p. 46.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1500/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top