Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H1042

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1042 tat-23 ta’ Frar 2024 dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Belġju li jkopri l-perjodu 2021–2030

    C/2024/1195

    ĠU L, 2024/1042, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1042/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1042/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1042

    5.4.2024

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1042

    tat-23 ta’ Frar 2024

    dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Belġju li jkopri l-perjodu 2021–2030

    (It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 14(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Belġju ppreżenta l-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima (NECP) tiegħu fit-30 ta’ Novembru 2023. Minħabba li s-sottomissjoni tal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima aġġornat tal-Belġju kienet tard, il-Kummissjoni Ewropea ma kinetx f’pożizzjoni li tadotta din ir-rakkomandazzjoni sitt xhur qabel l-iskadenza tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif mitlub mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999

    (2)

    L-Artikolu 3 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 (“ir-Regolament dwar il-Governanza”) jistabbilixxu l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Gwida għall-Istati Membri dwar il-proċess u l-ambitu tat-tħejjija kemm tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima kif ukoll tal-verżjoni finali aġġornata tagħhom (2). Il-Gwida identifikat l-aħjar prassi u ddeskriviet l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi politiċi, legali u ġeopolitiċi reċenti fil-politiki tal-enerġija u tal-klima.

    (3)

    B’rabta mal-pjan REPowerEU (3), bħala parti miċ-ċikli 2022 u 2023 tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonnijiet ta’ riforma u investiment relatati mal-enerġija u l-klima tal-Istati Membri biex jiġu msaħħa kemm is-sigurtà tal-enerġija kif ukoll l-affordabbiltà permezz tal-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta u favur l-ambjent. Dan huwa rifless fir-Rapporti tal-Pajjiżi (4) għall-Belġju u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (5) għall-Belġju tal-2022 u l-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għall-pajjiżi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati għall-enerġija u l-klima finali tagħhom.

    (4)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-twassil tal-miri nazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi — ESR) huma bbażati fuq il-probabilità li l-Istati Membri se jirrispettaw il-miri tal-2030, u jikkunsidraw ir-regoli dwar l-użu ta’ flessibbiltà skont l-ESR.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Qbid, l-Użu u l-Ħżin tal-Karbonju (CCUS) għandhom l-għan li jkollhom ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni maħsuba għal dawn it-teknoloġiji fuq livell nazzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-volumi annwali ta’ CO2 li huwa ppjanat li jinqabdu sal-2030, imqassmin skont is-sors ta’ CO2 maqbud li jkun ġej mill-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew minn sorsi oħra, bħal sorsi bijoġeniċi jew qbid dirett mill-arja; dwar l-infrastruttura tat-trasport ippjanata għas-CO2; kapaċità ta’ ħżin domestiku potenzjali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni ta’ CO2 maħsuba li jkunu disponibbli fl-2030.

    (6)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija — ir-“Regolament LULUCF”) jindirizzaw il-konsenja mill-Istat Membru dwar ir-regola ta’ “ebda debitu” għall-perjodu 2021–2025 (il-Perjodu 1) u l-mira nazzjonali tiegħu għall-perjodu 2026–2030 (il-Perjodu 2), filwaqt li jitqiesu r-regoli li jirregolaw l-użu tal-flessibilitajiet kif stabbilit f’dak ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll li fil-Perjodu 1 kwalunkwe eċċess ta’ emissjonijiet skont ir-Regolament LULUCF se jiġi ttrasferit awtomatikament għall-ESR.

    (7)

    Sabiex l-adattament għat-tibdil fil-klima jappoġġa kif xieraq il-kisba tal-objettivi tal-enerġija u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-perikli potenzjali tat-tibdil fil-klima u li jiġu analizzati l-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi li jistgħu jaffettwaw iż-żoni, il-popolazzjonijiet u s-setturi rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adattament iqisu sa liema punt il-Belġju integra fl-għanijiet tal-adattament tal-NECP aġġornati tiegħu li jqisu r-riskji klimatiċi, li jistgħu jipprevjenu lill-Belġju milli jilħaq l-objettivi u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija. Mingħajr politiki u miżuri speċifiċi ta’ adattament ippjanati u implimentati, il-kisba tal-objettivi fid-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija tkun f’riskju. Il-ġestjoni tal-ilma f’kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu teħtieġ attenzjoni partikolari minħabba r-riskji ta’ tfixkil tal-elettriku peress li l-għargħar, is-sħana u n-nixfa jħallu impatt fuq il-produzzjoni tal-enerġija.

    (8)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ambizzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-Belġju huma bbażati fuq il-formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999, li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, u fuq il-politiki u l-miżuri ewlenin nieqsa fl-abbozz tal-pjan aġġornat tal-Belġju biex jippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tal-Belġju għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex din tiżdied għal 45 % skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati wkoll fuq il-kontribut tal-Belġju għall-miri speċifiċi tal-Artikoli 15a, 22a, 23, 24 u 25 ta’ dik id-Direttiva u għall-politiki u l-miżuri relatati biex ma ddumx ma tiġi trasposta u implimentata. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li jiġi żviluppat ippjanar komprensiv fit-tul għall-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’mod partikolari r-riħ, biex tiżdied il-viżibbiltà għall-industrija tal-manifattura u l-operaturi tal-grilja Ewropej f’konformità mal-Pakkett Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ (11).

    (9)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika huma bbażati fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) dwar l-effiċjenza enerġetika; u l-formula fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, u l-politiki u miżuri relatati biex tiġi implimentata.

    (10)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-miri, l-objettivi u l-kontributi u l-politiki u l-miżuri relatati biex jitwettaq il-pjan REPowerEU biex it-tneħħija gradwali tad-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi issir malajr. Dawn iqisu t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Pakkett Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura (13). Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li s-sistema tal-enerġija ssir aktar reżiljenti fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħżin tal-enerġija (16).

    (11)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu l-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biex jissaħħaħ ir-rwol tal-flessibbiltà u tingħata s-setgħa u jiġu protetti l-konsumaturi. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tqis ukoll l-importanza li jiġi vvalutat l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 (17).

    (12)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza li jiġu żgurati investimenti suffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-enerġija nadifa biex tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta’ żvilupp u manifattura tagħhom, inklużi politiki u miżuri xierqa għall-industriji intensivi fl-enerġija u negozji oħra; u l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol għal industrija b’emissjonijiet żero netti sabiex tiġi kkonsolidata ekonomija b’saħħitha, kompetittiva u nadifa fl-Unjoni.

    (13)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma msejsa fuq l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqas gradwalment l-użu tal-fjuwils fossili, kif ukoll fuq l-importanza tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

    (14)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment issegwi l-valutazzjoni tagħha ta’ jekk l-abbozz tal-pjan aġġornat jipprovdix ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment biex jinkisbu l-objettivi, il-miri u l-kontributi għad-dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija; jindika s-sorsi ta’ finanzjament, filwaqt li jiddistingwi s-sorsi privati u pubbliċi; jiddeskrivix l-investimenti konsistenti mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju, il-Pjanijiet Territorjali ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Belġju u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2022–2023 maħruġa taħt is-Semestru Ewropew; inkluża valutazzjoni makroekonomika robusta tal-politiki u l-miżuri ppjanati. Jenħtieġ li l-NECP jiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u l-miżuri nazzjonali, biex jappoġġa ċ-ċertezza tal-investiment.

    (15)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza kruċjali ta’ konsultazzjoni reġjonali wiesgħa u li tiġi żgurata konsultazzjoni bikrija u inklużiva dwar il-pjan, inkluża parteċipazzjoni pubblika effettiva b’informazzjoni u żmien suffiċjenti, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (18).

    (16)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni ġusta jirriflettu l-valutazzjoni ta’ jekk il-pjan tal-Belġju jidentifikax fil-fond biżżejjed l-impatti soċjali, fuq l-impjiegi u fuq il-ħiliet rilevanti tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija u jiddeskrivi politiki u miżuri ta’ akkumpanjament adegwati biex jippromwovu tranżizzjoni ġusta, filwaqt li jikkontribwixxu għall-promozzjoni kemm tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    (17)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Belġju huma sostnuti mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-NECP aġġornat tagħha (19), li qed tiġi ppubblikata ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (18)

    Jenħtieġ li l-Belġju jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet attwali huwa u jiżviluppa l-NECP integrat aġġornat finali tiegħu li għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2024.

    B’DIN TIRRAKKOMANDA LILL-BELĠJU JIEĦU AZZJONI BIEX:

    1.

    Jistabbilixxi politiki u miżuri addizzjonali kosteffiċjenti, inkluż fis-setturi tat-trasport u tal-bini, biex jitnaqqas id-distakk previst ta’ 4,4 punti perċentwali sabiex tintlaħaq il-mira nazzjonali tal-gassijiet serra ta’ – 47 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005 skont l-ESR. Tipprovdi projezzjonijiet aġġornati li juru kif il-politiki kemm li jeżistu kif ukoll dawk ippjanati se jilħqu l-mira u jekk ikun meħtieġ, tispeċifika kif se jintużaw il-flessibilitajiet disponibbli skont l-ESR biex tiġi żgurata l-konformità. Tikkomplementa l-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri, filwaqt li tispjega b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda taż-żmien u, fejn possibbli, l-impatt mistenni mit-tnaqqis tal-gassijiet serra tagħhom, inkluż il-miżuri fi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-politika agrikola komuni.

    2.

    Jidentifika s-sorsi tal-emissjonijiet CO2 li hemm ippjanat li jinqabdu.

    3.

    Jipprovdi dettall addizzjonali dwar il-miżuri ppjanati, filwaqt li jikkwantifika l-impatti mistennija tagħhom f’termini ta’ assorbimenti jew emissjonijiet mis-settur tal-LULUCF. Jipprovdi informazzjoni ċara dwar kif il-fondi pubbliċi (kemm il-fondi tal-Unjoni, inklużi l-politika agrikola komuni kif ukoll l-għajnuna mill-Istat) u l-finanzjament privat permezz ta’ skemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, jintużaw b’mod konsistenti u effettiv biex tintlaħaq il-mira nazzjonali netta tal-assorbiment. Jipprovdi informazzjoni dwar l-istatus u l-progress li jrid isir fl-iżgurar tat-titjib għal livelli ogħla/settijiet ta’ data ġeografikament espliċiti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika f’konformità mal-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    4.

    Jipprovdi analiżi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi nazzjonali u tal-politiki u tal-miżuri fid-dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija. Jiddeskrivi u jikkwantifika aħjar, fejn possibbli, ir-rabta mal-objettivi u l-politiki speċifiċi tal-Unjoni tal-Enerġija, li l-politiki u l-miżuri ta’ adattament jenħtieġ li jappoġġaw. Jistabbilixxi politiki u miżuri addizzjonali ta’ adattament f’biżżejjed dettall li jappoġġaw li jintlaħqu l-għanijiet, il-miri u l-kontributi nazzjonali skont l-Unjoni tal-Enerġija, inklużi miżuri għas-salvagwardja tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-iffrankar tal-enerġija residenzjali.

    5.

    Iżid b’mod sinifikanti l-ambizzjoni għal sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli sa mill-inqas 33 % bħala kontribut għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata f’konformità mal-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999. Jinkludi trajettorja indikattiva li tilħaq il-punti ta’ referenza għall-2025 u 2027 skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    6.

    Jipprovdi trajettorji stmati u pjan fit-tul għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli matul l-10 snin li ġejjin, bi prospetti għall-2040. Jinkludi mira indikattiva għal teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludi miri speċifiċi biex jikkontribwixxu għas-sottomira indikattiva fil-bini u fl-industrija għall-2030 u s-sottomira vinkolanti għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fl-industrija għall-2030 f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Iżid il-miri vinkolanti għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ kemm għall-2021–2025 kif ukoll għall-2026-2030 u jinkludi mira indikattiva sabiex jinkisbu ż-żidiet tal-Anness IA tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata u mira indikattiva fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali għall-perjodu 2021–2030. Jinkludi sottomira għall-bijokarburanti avvanzati u l-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fis-settur tat-trasport, filwaqt li tiżgura li jiġi osservat il-livell minimu ta’ RFNBO fl-2030.

    7.

    Ikompli jiżviluppa politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati b’mod li jippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tal-Belġju għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-UE ta’ 42,5 % fl-2030 bl-isforz kollettiv biex iżżidha għal 45 %. Iddeskrivi, b’mod partikolari, għal liema teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli għajr l-enerġija mir-riħ il-Belġju qed jippjana li jaċċellera l-permessi u li jiddeżinja “żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” bi proċeduri aktar rapidi u aktar sempliċi. Jiddeskrivi kif il-Belġju għandu l-għan li jaċċellera l-implimentazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri jew ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli u l-garanziji tal-oriġini. Jipprovdi informazzjoni dwar kif il-Belġju għandu l-għan li jkompli jaċċellera l-implimentazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, u fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludi aktar miżuri dettaljati dwar qafas ta’ abilitazzjoni biex tiżdied l-integrazzjoni bejn in-networks tal-elettriku u tat-tisħin u t-tkessiħ. Jiddeskrivi kif id-disinn tal-obbligu dwar il-fornituri tal-fjuwil fis-settur tat-trasport se jkun kopert u jinkludi miżuri komparabbli għall-promozzjoni tal-idroġenu fl-industrija u jħejji l-UE għall-kummerċ fl-idroġenu rinnovabbli.

    8.

    Jipprovdi t-trajettorji stmati għall-provvista tal-bijomassa skont il-materja prima u l-oriġini, filwaqt li jiddistingwi bejn il-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet. Jinkludi valutazzjoni tal-forniment domestiku ta’ bijomassa tal-foresta għal finijiet tal-enerġija fl-2021–2030 f’konformità mal-kriterji ta’ sostenibilità msaħħa tal-Arikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludi valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-użu projettat tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija mal-obbligi tal-Belġju skont ir-Regolament LULUCF rivedut, b’mod partikolari għall-2026–2030, flimkien mal-miżuri u l-politiki nazzjonali biex tiġi żgurata tali kompatibbiltà. Jinkludi aktar informazzjoni dwar il-miri konkreti għall-promozzjoni tal-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan, minħabba l-potenzjal sostenibbli tal-bijogass/bijometan tal-Belġju u l-produzzjoni u l-profil tal-konsum tal-gass naturali u l-infrastruttura eżistenti.

    9.

    Jipprovdi sa fejn ikun possibbli skeda mistennija ta’ żmien tal-passi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ politiki u miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi mmirati lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata, b’mod partikolari għall-miżuri msemmija fil-punti preċedenti.

    10.

    Jinkludi kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika dwar il-konsum finali tal-enerġija lejn il-mira vinkolanti tal-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791, jew daqs il-kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut li l-Kummissjoni se tippreżenta lil kull Stat Membru sal-1 ta’ Marzu 2024 skont l-Artikolu 4(5) ta’ dik id-Direttiva. Jinkludi kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-konsum tal-enerġija primarja fil-mira indikattiva tal-konsum tal-enerġija primarja tal-UE f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Jispeċifika l-ammont ta’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija li jrid jinkiseb mill-korpi pubbliċi kollha diżaggregati skont is-settur u l-erja totali tal-art tal-bini msaħħan u/jew imkessaħ li tkun il-proprjetà ta’ korpi pubbliċi li trid tiġi rinnovata kull sena jew l-iffrankar tal-enerġija annwali korrispondenti li għandu jinkiseb.

    11.

    Jistabbilixxi politiki u miżuri kompluti biex jinkisbu l-kontributi nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari kif se jiġi implimentat il-prinċipju l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel. Jikkwantifika aktar l-iffrankar tal-enerġija mistenni tal-miżuri ppjanati biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-2030. Jispeċifika finanzjament robust ta’ programmi tal-effiċjenza enerġetika u ta’ skemi ta’ appoġġ finanzjarju li kapaċi jimmobilizzaw investiment privat u kofinanzjament addizzjonali.

    12.

    Jinkludi livell ta’ ambizzjoni aġġornat biex jiġi żgurat stokk tal-bini nazzjonali effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat u biex il-bini eżistenti jiġi ttrasformat f’bini b’emissjonijiet żero sal-2050, inklużi stadji importanti intermedji għall-2030 u l-2040, u tqabbil mal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul l-aktar reċenti. Jappoġġa l-miri għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini billi jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri inklużi l-kostijiet tagħhom u l-impatt mistenni fl-iffrankar tal-enerġija, għall-implimentazzjoni ta’ strateġija koerenti ta’ rinnovazzjoni fit-tul.

    13.

    Jispjega aktar il-miżuri previsti biex isegwi d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass tiegħu u biex ikompli jinkoraġġixxi t-tnaqqis fid-domanda għall-gass lejn l-2030, b’mod partikolari minħabba ż-żieda prevista fis-sehem tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija nazzjonali f’nofs it-terminu. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija b’mod partikolari billi jiċċara l-objettiv u l-miżuri previsti għall-varar tal-ħżin tal-elettriku. Jivvaluta l-adegwatezza tal-infrastruttura taż-żejt tal-Belġju (raffinerija, ħażniet taż-żejt, portijiet, pipelines) bit-tnaqqis mistenni fid-domanda għaż-żejt u l-bidla lejn alternattivi b’anqas karbonju. Jispeċifika miżuri xierqa għad-diversifikazzjoni u l-provvista fit-tul ta’ materjali nukleari, spare parts, u servizzi u l-ġestjoni fit-tul tal-iskart nukleari. Jipprovdi aktar dettalji dwar l-attivitajiet ta’ riċerka li għaddejjin relatati ma’ Reatturi Modulari Żgħar (SMRs).

    14.

    Iressaq objettivi u miri ċari għar-rispons tad-domanda biex itejjeb il-flessibbiltà tas-sistema fid-dawl ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà. Jiddeskrivi kif il-Belġju beħsiebu jiffaċilitata l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija fil-kuntest tal-Artikolu 20a tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata.

    15.

    Jiżviluppa aktar l-approċċ biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku billi jindika mira speċifika ta’ tnaqqis li tista’ titkejjel kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999 filwaqt li jqis ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/2407. Jipprovdi dettalji addizzjonali dwar il-miżuri eżistenti u potenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u dwar ir-riżorsi finanzjarji ddedikati mill-perspettiva kemm tal-politika soċjali (affordabbiltà) kif ukoll tal-miżuri strutturali tal-enerġija.

    16.

    Ikompli jiċċara l-objettivi nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività biex jintużaw teknoloġiji nodfa, filwaqt li jiġi stabbilit perkors għall-2030 u l-2050 bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tiġi promossa t-tranżizzjoni tan-negozji lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti. Iressaq politiki u miżuri biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ proġetti b’emissjonijiet żero netti inklużi dawk rilevanti għall-industriji intensivi fl-enerġija. Jiddeskrivi qafas regolatorju prevedibbli u simplifikat għall-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u kif l-aċċess għall-finanzjament nazzjonali se jiġi ssimplifikat fejn meħtieġ. Jipprovdi politiki u miżuri dettaljati għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-enerġija nadifa, u biex jiffaċilita l-kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli ta’ komponenti u tagħmir ewlenin b’emissjonijiet żero netti.

    17.

    Jispeċifika r-riformi u l-miżuri biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima. Itejjeb u jespandi l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment biex jinkludi ħarsa ġenerali komprensiva u konsistenti lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat aggregati u skont is-settur. Jikkomplementa approċċ minn fuq għal isfel fl-ekonomija kollha b’valutazzjoni speċifika għall-proġett minn isfel għal fuq. Jinkludi diżaggregazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment totali b’informazzjoni addizzjonali dwar is-sorsi ta’ finanzjament federali, reġjonali u tal-Unjoni kif ukoll sorsi finanzjarji privati, li għandhom jiġu mobilizzati. Iżid deskrizzjoni qasira tat-tip ta’ skemi ta’ appoġġ finanzjarju magħżula biex jimplimentaw l-politiki u l-miżuri, li huma ffinanzjati permezz tal-baġit pubbliku, u l-użu ta’ strumenti finanzjarji mħallta li jagħmlu użu minn għotjiet, self, assistenza teknika u garanziji pubbliċi, inkluż ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali fl-iskemi rispettivi u/jew kif jiġi mobilizzat il-finanzjament privat. Jikkunsidra l-ġenerazzjoni kosteffettiva ta’ trasferimenti lejn Stati Membri oħra skont l-ESR bħala sors ta’ finanzjament. Jipprovdi valutazzjoni robusta tal-impatt makroekonomiku tal-politiki u l-miżuri ppjanati.

    18.

    Jiddeskrivi kif il-politiki u l-miżuri inklużi fl-abbozz tal-NECP aġġornat huma konsistenti mal-Pjan nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Belġju.

    19.

    Jispjega fid-dettall kif il-Belġju beħsiebu jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili li fadal u sa meta se jagħmel dan.

    20.

    Jagħti aktar dettalji dwar il-bażi analitika billi jipprovdi projezzjonijiet skont il-politiki u l-miżuri ppjanati dwar kif is-sistema tal-enerġija ser jiżviluppa bi prospettiva sal-2040.

    21.

    Jipprovdi aktar informazzjoni dettaljata dwar il-konsegwenzi soċjali, tal-impjiegi u tal-ħiliet, jew kwalunkwe impatt distributtiv ieħor, tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija, u dwar l-objettivi, il-politiki u l-miżuri ppjanati biex jappoġġaw tranżizzjoni ġusta. Jispeċifika l-forma tal-appoġġ, l-impatt tal-inizjattivi, il-gruppi fil-mira u r-riżorsi ddedikati, filwaqt li jqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (20). Jinkludi, sa fejn ikun possibbli, aktar elementi biex jipprovdu bażi analitika adegwata għat-tħejjija ta’ Pjan Soċjali għall-Klima futur, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), inklużi indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-isfidi u l-impatti soċjali fuq l-aktar vulnerabbli tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-kombustjoni tal-fjuwil fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali, u biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u qafas ta’ politika rilevanti. Jispjega kif il-qafas ta’ politika identifikat fl-NECP se jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-Pjan Soċjali għall-Klima tal-Belġju u kif se tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ pjanijiet.

    22.

    Jipprovdi ħarsa ġenerali aktar ċara u aktar dettaljata dwar kif il-proċess ta’ konsultazzjoni għamel possibbli l-parteċipazzjoni mill-awtoritajiet, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali u l-komunitajiet tal-enerġija, fit-tħejjija kemm tal-abbozz kif ukoll tal-pjan aġġornat finali, inkluża informazzjoni dwar it-twaqqit u d-durata tal-konsultazzjonijiet differenti. Jipprovdi sommarju ddettaljat tal-fehmiet espressi minn atturi differenti matul il-konsultazzjonijiet u sommarju ta’ kif dawn tqiesu.

    23.

    Jespandi l-kooperazzjoni reġjonali li diġà hija tajba mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari billi jiddeskrivi kif il-Belġju beħsiebu jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra sal-2025, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2023/2413. Ikompli bl-isforzi biex jiffirma l-ħames ftehimiet ta’ solidarjetà meħtieġa għas-sigurtà tal-provvista tal-gass (mal-Irlanda, Franza, il-Lussemburgu, il-Ġermanja u n-Netherlands).

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Kadri SIMSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

    (2)  2022/C 495/02.

    (3)  COM(2022) 230 final.

    (4)  SWD (2022) 602 final, SWD (2023) 601 final.

    (5)  COM(2022) 602 Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill; COM(2023) 601 final, rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26) kif emendat mir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni (UE) Nru 529/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1), kif emendata mir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami (ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

    (11)  Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ COM(2023) 669 final, 24.10.2023 u l-Komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-ambizzjoni tal-UE rigward l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta (COM(2023) 668 final).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).

    (13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” (COM(2022) 360 final).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

    (16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija — Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzazzata u sigura (ĠU C 103, 20.3.2023, p. 1).

    (17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku (ĠU L 2023/2407, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2407/oj).

    (18)  Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

    (19)  SWD(2024) 44.

    (20)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022 p. 35).

    (21)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1042/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top