EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H0915

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/915 tad-19 ta’ Marzu 2024 dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u għat-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

C/2024/1739

ĠU L, 2024/915, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/915/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/915/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/915

26.3.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/915

tad-19 ta’ Marzu 2024

dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u għat-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Sistema effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) hija element ewlieni ta’ kwalunkwe strateġija industrijali solida. L-industriji li jagħmlu użu intensiv mill-PI għandhom rwol prominenti fl-appoġġ ta’ ekonomija reżiljenti, ekoloġika u kompetittiva fl-UE, filwaqt li jikkontribwixxu 47 % għall-PDG totali u kważi 40 % għall-impjiegi totali. L-industriji kreattivi u innovattivi Ewropej huma minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji ekoloġiċi u fil-prodotti sostenibbli. Globalment, għandhom sehem kbir ta’ privattivi ekoloġiċi u għandhom portafolli tal-PI b’saħħithom f’teknoloġiji bħall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u t-trattament tal-iskart (1). Fl-istess ħin, l-UE rat żieda sinifikanti fir-reġistrazzjoni tat-trademarks ekoloġiċi fl-aħħar 10 snin (2). Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI ssarraf b’mod ekwu f’attività ekonomika, f’investiment, f’impjieg u fi produttività akbar, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) (3).

(2)

Il-valur konsiderevoli tas-suq tal-prodotti protetti mill-PI attira networks kriminali, u wassal għal żieda f’oġġetti kontrafatti u f’piraterija. Il-kontrafazzjoni hija identifikata bħala reat b’impatt kbir fl-Istrateġija biex Tiġi Miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, li għandha l-għan li żżarma n-networks kriminali u l-mudelli tan-negozju tagħhom (4) .. Din l-attività kriminali mhux biss twassal għal telf ta’ dħul għad-detenturi tad-drittijiet tal-PI (“detenturi tad-drittijiet”), iżda toħloq ukoll riskji sinifikanti għas-sikurezza tal-konsumatur, għas-saħħa pubblika u għall-ambjent. Il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot opportunitajiet ġodda biex l-oġġetti kontrafatti u piratati jinfiltraw fis-swieq minħabba ż-żieda fil-bejgħ online u n-nuqqas ta’ prodotti essenzjali matul dak iż-żmien. Dan wassal għal inċidenti ta’ periklu għall-ħajja, inklużi eż. komponenti ta’ semikondutturi piratati f’defibrillaturi awtomatiċi esterni (5). Barra minn hekk, il-bearings kontrafatti infiltraw diversi setturi u qed jheddu pereżempju s-settur tal-enerġija u l-funzjonament tajjeb tat-turbini tar-riħ. Għalhekk, hija meħtieġa politika robusta għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-PI jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jappoġġaw l-innovazzjoni, il-kompetittività u ekonomija aktar ekoloġika u aktar sostenibbli.

(3)

Minkejja l-isforzi biex jitrażżnu, l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI fir-rigward ta’ oġġetti kontrafatti u piratati għadhom fenomenu li qed jikber u li għandu impatti ekonomiċi u soċjali serji fuq l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE (6). L-attivitajiet ta’ ksur tal-PI joħolqu theddid għal diversi industriji u tipi differenti ta’ oġġetti, inklużi prodotti komuni għall-konsumatur u dawk bejn negozju u ieħor. Aktar importanti minn hekk, dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu marbuta mill-qrib ma’ mġiba kriminali (7). In-networks kriminali involuti fil-kriminalità tal-PI qed jinfiltraw kull pass tal-katina tal-provvista, u r-reati huma diffiċli li jiġu investigati, peress li l-biċċa l-kbira tal-oġġetti kontrafatti nnegozjati fl-UE joriġinaw minn barra l-pajjiż, u b’hekk l-individwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin issir aktar diffiċli. Għaldaqstant, l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI jimminaw is-suq uniku tal-UE u r-regoli tal-UE dwar l-istandards ambjentali, tas-sikurezza u tal-etika għall-oġġetti għall-konsumatur. Barra minn hekk, dawn għandhom impatt sinifikanti fuq il-kumpaniji Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs li għandhom ċans ta’ sopravivenza li jitbaxxa b’34 % jekk tinkiser il-PI tagħhom.

(4)

Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-2020 dwar il-PI (8), il-Kummissjoni impenjat ruħha li ttejjeb l-infurzar tal-PI, billi l-ewwel adottat ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li huwa pass kbir ’il quddiem fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online, u t-tieni, billi stabbiliet sett ta’ għodod tal-UE kontra l-kontrafazzjoni, li se jiġi adottat b’din ir-Rakkomandazzjoni. Is-sett ta’ għodod għandu jippromwovi u jiffaċilita kooperazzjoni effettiva bejn id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji u l-awtoritajiet kompetenti, u jfittex li jippromwovi prattika tajba u użu ta’ għodod xierqa u teknoloġiji ġodda. Il-Parlament Ewropew (10) u l-Kunsill (11) laqgħu din l-inizjattiva.

(5)

Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjoni wiesgħa li saret mill-2021. Din tinkludi, b’mod partikolari, il-workshops tal-partijiet ikkonċernati organizzati matul l-2021 u l-2022, il-kontributi għas-Sejħa għall-Evidenza tal-2022 (12), diskussjoni ta’ livell għoli ospitata mill-Kummissarju Thierry Breton f’Ġunju 2022, laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti u s-Summit Internazzjonali dwar l-Infurzar tal-PI li sar f’Ġunju 2023. Din il-konsultazzjoni wiesgħa żvelat l-importanza li jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi, id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizzi intermedjarji. Il-konsultazzjoni rrikonoxxiet ukoll l-importanza li tinbena l-politika futura dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-PI fuq l-għodod eżistenti u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, b’mod partikolari: (i) ir-Regolament (UE) 2022/2065 dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali; (ii) id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-UE; (iii) id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u (iv) ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-PI , kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

(6)

Id-Direttiva 2004/48/KE tapplika għad-drittijiet kollha tal-PI koperti mid-dritt tal-Unjoni u/jew mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat kif stabbilit fl-Artikolu 2. Din tfittex li tiżgura livell għoli, ugwali u uniformi ta’ protezzjoni fis-suq uniku, li jirrifletti l-ħtieġa għal prattiki komuni ta’ infurzar tal-PI. Billi ssegwi dan l-approċċ koerenti għall-infurzar tal-PI, din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-attivitajiet kollha ta’ ksur tal-PI mwettqa fuq skala kummerċjali, li huma atti għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett. Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI fuq skala kummerċjali jikkonċernaw kemm l-oġġetti u l-kontenut kontrafatti kif ukoll dawk piratati, li kienu soġġetti għal ksur ta’ trademark, indikazzjoni ġeografika, privattiva, disinn jew dritt tal-awtur. Mingħajr ma jinterferixxu mal-aspetti indirizzati mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1018 (17) dwar il-ġlieda kontra l-piraterija online tal-isport u avvenimenti diretti oħra , il-biċċa l-kbira tal-prinċipji ta’ gwida, tal-prattiki tajbin u tal-għodod żviluppati skont din ir-Rakkomandazzjoni, jistgħu jkunu rilevanti wkoll biex jiġu miġġielda l-attivitajiet ta’ ksur li jikkonċernaw kontenut online protett mill-PI, pereżempju fl-oqsma tal-azzjonijiet volontarji meħuda mill-intermedjarji online, kooperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tad-data.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2022/2065 jipprovdi regoli armonizzati għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli. F’dak il-kuntest, ir-Regolament (UE) 2022/2065 jirreferi għal informazzjoni dwar l-attivitajiet illegali bħall-bejgħ ta’ prodotti kontrafatti bħala eżempju ta’ kontenut illegali u jimponi obbligi speċifiċi fuq ċerti kategoriji speċifiċi ta’ fornituri ta’ servizzi online intermedjarji. Uħud minn dawn l-obbligi huma strumentali fit-titjib tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija. Pereżempju, dan huwa l-każ ta’: (i) id-deżinjazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt u ta’ rappreżentanti legali; (ii) ir-rekwiżiti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet; (iii) l-obbligi ta’ rapportar tat-trasparenza; (iv) il-mekkaniżmi ta’ avviż u ta’ azzjoni; (v) il-mekkaniżmu tal-ilmenti u tar-rimedju; (vi) il-mekkaniżmu ta’ sinjalatur fdat; (vii) miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin; (viii) miżuri biex tiġi meħtieġa t-traċċabbiltà tan-negozjanti — magħrufa bħala obbligi ta’ kun af lill-klijent tan-negozju tiegħek; u (ix) miżuri kemm biex jiġi vvalutat kif ukoll biex jiġu mmitigati r-riskji.

(8)

Il-Kummissjoni tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti kontrafatti fuq l-Internet (“MtQ dwar il-kontrafazzjoni”) u l-Memorandum ta’ Qbil dwar ir-reklamar online u d-drittijiet tal-PI (“MtQ dwar ir-reklamar”). It-tnejn huma strumenti volontarji miftuħa għad-detenturi tad-drittijiet, għall-pjattaformi online u għall-assoċjazzjonijiet tan-negozju. Il-parteċipanti f’dawn il-MtQ jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-prinċipji u jwettqu l-azzjonijiet stabbiliti mill-MtQ, inkluża l-kooperazzjoni bilaterali u l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-MtQ urew li huma inizjattivi ta’ suċċess immexxija mill-industrija. Madankollu, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2065 jipprovdi opportunità biex wieħed jirrifletti dwar il-futur tal-MtQ biex jiġi żgurat li jibqgħu xierqa għall-iskop tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li jitnieda proċess ta’ modernizzazzjoni tal-MtQ u li l-firmatarji kollha u partijiet interessati oħrajn jitħeġġu jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’dan il-proċess. Huwa rilevanti l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2022/2065, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati kodiċijiet ta’ kondotta volontarji fil-livell tal-UE biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa tar-Regolament (UE) 2022/2065. L-Artikolu 46 jipprevedi wkoll kodiċijiet ta’ kondotta għar-reklamar online biex jikkontribwixxu għal aktar trasparenza għall-atturi fil-katina tal-valur tar-reklamar online. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/48/KE jħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta biex jittejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-PI bħala mezz supplimentari biex jissaħħaħ il-qafas regolatorju.

(9)

Id-detenturi tad-drittijiet huma f’pożizzjoni unika biex jindividwaw, jidentifikaw u jinnotifikaw attivitajiet ta’ ksur tal-PI dwar oġġetti kontrafatti jew piratati. Il-firmatarji tal-MtQ immexxi mill-industrija dwar il-kontrafazzjoni, kisbu kompetenza u esperjenza sinifikanti matul is-snin peress li regolarment jissottomettu n-notifiki li skont il-prinċipji tal-MtQ, għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed. Barra minn hekk, il-firmatarji tal-MtQ impenjaw ruħhom li jieħdu passi kummerċjalment raġonevoli u disponibbli biex jinnotifikaw b’mod responsabbli u korrett u bl-akkuratezza meħtieġa biex jidentifikaw l-oġġetti kontrafatti u biex jevitaw in-notifiki mhux iġġustifikati, bla bażi u abbużivi. Għalhekk, id-detenturi tad-drittijiet li huma firmatarji tal-MtQ jistgħu jikkunsidraw li japplikaw għall-istatus ta’ sinjalatur fdat sabiex jibbenefikaw mit-trattament speċifiku stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2022/2065. F’dan ir-rigward, matul id-deżinjazzjoni ta’ sinjalaturi fdati, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jivvalutaw jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji previsti fl-Artikolu 22(2), b’mod partikolari i) jekk għandux għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tal-individwazzjoni, tal-identifikazzjoni u tan-notifika ta’ kontenut illegali, ii) jekk huwiex indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ pjattaformi online, u iii) jekk iwettaqx l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet tas-sottomissjoni tan-notifiki b’mod diliġenti, akkurat u oġġettiv. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Bord tas-Servizzi Diġitali, tista’ toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sinjalatur fdat skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(10)

Il-kooperazzjoni u ż-żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma essenzjali u għandhom jiġu promossi aktar, fil-livelli kollha, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, mal-protezzjoni tad-data personali u mal-libertà li jitwettaq negozju skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Għandhom jiġu identifikati u rrakkomandati prattiki tajbin lill-atturi kollha, inklużi s-swieq tal-kummerċ elettroniku, il-fornituri tas-servizzi tat-trasport u loġistiċi, il-fornituri tas-servizzi tal-pagament, il-fornituri tal-media soċjali, il-fornituri tas-servizzi tal-isem tad-dominju, eċċ. It-tieni, għandhom jiġu mħeġġa aktar kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni. Dan huwa relatat mal-awtoritajiet kompetenti kollha, inklużi l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li bħalissa jista’ jkun li ma jkollhomx kompetenzi għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI, u għal aktar promozzjoni tal-użu ta’ għodod iddedikati bħall-Portal tal-Infurzar tal-PI (“IPEP”), is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (“ICSMS”), u s-Safety Gate għal prodotti perikolużi li jistgħu jkunu kontrafatti.

(11)

Il-fornituri tas-servizzi tat-trasport u tal-loġistika għandhom rwol ewlieni fil-bejgħ u fid-distribuzzjoni tal-oġġetti u huma essenzjali għall-preżervazzjoni ta’ ktajjen tal-provvista affidabbli. Madankollu, is-servizzi tat-trasport u tal-loġistika jistgħu jintużaw ħażin mill-kontraventuri.

(12)

Bl-istess mod, għalkemm is-servizzi ta’ pagament jistgħu jkunu ċentrali għall-attivitajiet tad-detenturi tad-drittijiet, dawn jistgħu jintużaw ukoll biex jappoġġaw attivitajiet ta’ ksur tal-PI. F’ċerti każijiet, l-użu ta’ servizzi ta’ pagament differenti jista’ jippermetti li jiżviluppaw prattiki li: (i) jagħmluha aktar ikkumplikata li jiġi traċċat il-fluss tal-fondi; u (ii) li jagħmlu aktar diffiċli l-individwazzjoni ta’ kwalunkwe użu possibbli ta’ servizzi ta’ pagament għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI.

(13)

Bil-popolarità dejjem tikber tal-media soċjali, qed jiġu żviluppati strateġiji ġodda li jistgħu jippermettu aktar l-użu ħażin tal-media soċjali biex jitwettqu attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Dan iqajjem sfidi ġodda għall-fornituri tal-media soċjali, għad-detenturi tad-drittijiet u għall-awtoritajiet kompetenti, u jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi kollaborattivi. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni ta’ prattiki tajbin fost il-fornituri ewlenin ta’ servizzi intermedjarji tista’ tgħin biex tiġi appoġġata politika koerenti kontra attivitajiet ta’ ksur tal-PI.

(14)

Għalkemm l-ismijiet tad-dominju huma ta’ importanza kbira fl-ambjent online, dawn jistgħu jintużaw biex jappoġġaw attivitajiet ta’ ksur tal-PI online. Dan huwa l-każ meta d-drittijiet tal-PI jintużaw ħażin f’isem id-dominju nnifsu (jiġifieri cybersquatting jew typo-squatting) jew meta l-isem tad-dominju jwassal għal sit web li jappoġġa l-ksur tal-PI. Id-data tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju (id-data WHOIS) hija kritika għas-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-isem tad-dominju. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva (UE) 2022/2555 tobbliga lill-Istati Membri jirrikjedu reġistri tal-ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell (“TLD”) u entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju biex jiġbru u jżommu data akkurata u kompluta tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju f’bażi tad-data ddedikata li tippermetti li d-detenturi tal-ismijiet tad-dominju jiġu identifikati u kkuntattjati. L-aċċess għal data speċifika tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju jrid jiġi pprovdut fuq talbiet legali u debitament sostanzjati mir-rikjedenti tal-aċċess leġittimu. Għandha tintbagħat tweġiba mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta tasal kwalunkwe talba għal aċċess. Skont id-Direttiva (UE) 2022/2555, ir-rikjedenti tal-aċċess leġittimu għandhom jinftiehmu bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel talba skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali. L-akkuratezza u l-kompletezza tad-data tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju jista’ jkollhom ukoll rwol ċentrali fl-infurzar tad-drittijiet tal-PI. Huwa biss meta l-identità ta’ kontraventur allegat u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu jistgħu jiġu ddivulgati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari f’konformità mal-protezzjoni tad-data personali, mad-dritt fundamentali għall-privatezza u mad-dritt għat-twettiq tan-negozju, li jista’ jkun hemm responsabbiltà għall-ksur u kwalunkwe dannu rilevanti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni u l-garanziji meħtieġa biex jiġu koperti l-kostijiet u d-dannu kkawżat lill-konvenut, f’konformità mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48/KE.

(15)

Il-monitoraġġ tas-suq online għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI jista’ jkun kompitu għali u intensiv fir-riżorsi għad-detenturi tad-drittijiet. Għalhekk, għandhom jiġu estiżi l-prattiki tajbin volontarji bħas-sistema kurrenti ta’ informazzjoni u twissija dwar l-isem tad-dominju għad-dominju tal-ogħla livell.eu operata mir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (“EURid”) u mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“EUIPO”). L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li tiffaċilita s-sensibilizzazzjoni sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-PI tas-sidien tat-trademarks tal-UE u tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli dwar l-ismijiet tad-dominju.eu u d-disponibbiltà tagħhom.

(16)

Il-kooperazzjoni bejn l-operaturi pubbliċi u privati hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Wieħed mill-ewwel ostakli biex tiġi stabbilita l-kooperazzjoni huwa n-nuqqas ta’ punt ta’ kuntatt identifikat biex jiġu indirizzati s-suġġetti relatati mad-drittijiet tal-PI u ma’ attivitajiet ta’ ksur tal-PI jew fi Stat Membru jew transfruntier. Dan in-nuqqas ta’ punt ta’ kuntatt jipprevjeni l-infurzar rapidu u aġli tad-drittijiet tal-PI u jaffettwa l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati. Madankollu, kif enfasizzat mit-tweġibiet għas-sejħa għal evidenza, din il-problema tista’ tiġi rrimedjata faċilment billi jiġi ddeżinjat punt ta’ kuntatt uniku għall-infurzar tal-PI.

(17)

Il-koordinazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jittejbu sostanzjalment jekk l-għodod eżistenti bħall-ICSMS, is-Safety Gate u l-IPEP jintużaw b’mod aktar wiesa’ mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati u mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġġieldu l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. L-IPEP huwa żviluppat mill-EUIPO u jippermetti komunikazzjoni sigura bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-awtoritajiet kompetenti, eż. bil-ġestjoni elettronika tal-applikazzjonijiet doganali għal azzjonijiet (“AFAs”) fir-rigward ta’ oġġetti ssuspettati bi ksur tad-drittijiet tal-PI. Xi Stati Membri żviluppaw ukoll il-portal tan-negozjanti tagħhom stess għall-istess għan. Għodod bħal dawn jiffaċilitaw ix-xogħol kemm tad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll tal-awtoritajiet doganali billi jipprovdu punti ċentrali ta’ dħul għad-detenturi tad-drittijiet dwar il-protezzjoni tal-PI fl-Istati Membri kollha. L-EUIPO nieda estensjoni tal-pjattaforma tal-IPEP u għamilha aċċessibbli għall-intermedjarji, billi beda mis-swieq tal-kummerċ elettroniku. Dan ifisser li s-swieq tal-kummerċ elettroniku issa jistgħu jivverifikaw faċilment id-drittijiet tal-PI u jibdew komunikazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet rilevanti meta jkun meħtieġ. Sabiex din l-għodda tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, jeħtieġ li din tiġi aċċettata aktar mid-detenturi tad-drittijiet u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(18)

Ħafna awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma jiħdux azzjoni jekk isibu evidenza ta’ oġġetti kontrafatti jew piratati allegati eż. billi (i) jirrapportaw is-sejbiet fl-ICSMS; (ii) jikkooperaw mad-detenturi tad-drittijiet jew mal-awtoritajiet kompetenti permezz tal-IPEP, jew (iii) jibagħtu twissijiet dwar prodotti perikolużi permezz tas-Safety Gate li hija s-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel, inklużi prodotti kontrafatti. Dan jirriżulta f’opportunità mitlufa biex jingħata kontribut ulterjuri għall-ġlieda kontra l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Barra minn hekk, ħafna awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma għandhomx is-setgħa li jinfurzaw id-drittijiet tal-PI, minkejja li jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni (18). L-oġġetti kontrafatti spiss jinqabdu fil-fruntieri, iżda jistgħu jiġu individwati wkoll tul il-katina tal-provvista, eż. matul spezzjonijiet tal-kontroll tal-kwalità. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fil-ġlieda kontra l-oġġetti kontrafatti. Sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq jew il-kapaċità ta’ awtoritajiet oħrajn tal-infurzar, u fuq talba minn Stat Membru, jista’ jiġi pprovdut appoġġ tekniku skont ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku.

(19)

L-EUIPO qed jikkollabora ma’ diversi uffiċċji nazzjonali tal-PI parteċipanti fl-Istati Membri biex joħloq ġabra ta’ sentenzi nazzjonali ewlenin dwar l-infurzar tal-PI. Mill-2014, l-uffiċċji parteċipanti, flimkien mal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti tal-UE, kienu involuti fil-ġbir sistematiku ta’ sentenzi ewlenin ta’ infurzar li jsiru disponibbli fil-Bażi tad-Data tal-Ġurisprudenza tal-eSearch. Din il-ġabra tinkludi sentenzi ewlenin dwar it-tipi kollha ta’ drittijiet tal-PI mill-Istati Membri kollha u tkopri kemm kawżi ċivili kif ukoll kriminali. Is-sentenzi huma meqjusa bħala “ewlenin” peress li jipprovdu xejra jew żvilupp ġdid fil-ġurisprudenza. Il-kawżi kriminali qed jiġu mmonitorjati wkoll taħt in-Network Ewropew tal-Prosekuturi tal-Proprjetà Intellettwali. Il-promozzjoni tal-għarfien, il-kontribuzzjonijiet regolari mill-uffiċċji tal-PI u l-użu usa’ ta’ dawn il-bażijiet tad-data, jistgħu jtejbu ħafna l-infurzar tal-PI.

(20)

Il-kooperazzjoni kontinwa bejn l-EUIPO u l-korpi tal-infurzar tal-UE hija importanti biex jiġu ssimplifikati l-isforzi kontra l-ksur tal-PI. Din tinkludi l-appoġġ ta’ sforzi ta’ kooperazzjoni bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (“EMPACT”), li hija pjattaforma ta’ kooperazzjoni mmexxija mill-Istati Membri biex jidentifikaw, jipprijoritizzaw u jindirizzaw it-theddid li jinħoloq minn kriminalità internazzjonali organizzata u serja, bħall-kriminalità tal-PI. Il-komunità tal-infurzar tal-PI għandha tħaddan din il-pjattaforma ta’ kooperazzjoni multidixxiplinari.

(21)

Il-proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (“ADR”) joffru alternattiva kosteffettiva, aktar rapida u aktar effiċjenti għall-proċedimenti legali tradizzjonali, speċjalment għat-tilwim transfruntier u għall-SMEs. Għalhekk, l-aċċess għall-proċedimenti tal-ADR għandu jitwessa’ għat-tipi kollha ta’ tilwim dwar il-PI, inkluż fil-kuntest tat-tilwim dwar l-ismijiet tad-dominju.

(22)

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u d-Direttiva 2004/48/KE jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet il-possibbiltà li jressqu mandat ta’ inibizzjoni kontra fornitur ta’ servizz intermedjarju li s-servizzi tiegħu jkunu qed jintużaw minn parti terza biex jiksru d-drittijiet tal-PI tagħhom. Id-Direttiva 2004/48/KE tipprevedi wkoll proċeduri ta’ ksur provviżorji jew interlokutorji għal ksur imminenti. Din tipprevedi li fejn tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li ssib ksur tal-PI, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat ta’ inibizzjoni kontra l-kontraventur bl-għan li jipprojbixxu l-kontinwazzjoni tal-ksur. Sa issa, il-mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi kienu disponibbli biss fi ftit Stati Membri. L-ambitu u r-rekwiżiti ta’ dawn il-mandati ta’ inibizzjoni jvarjaw fost il-ġuriżdizzjonijiet, inkluż sa fejn ordni tal-qorti tista’ tistabbilixxi miżuri tekniċi speċifiċi biex jiġi implimentat il-mandat ta’ inibizzjoni (21). Fl-2017, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2017“Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” (22) indikat li f’ċerti każijiet l-effettività tal-mandati ta’ inibizzjoni tista’ titnaqqas minħabba l-bidliet fis-suġġett li fir-rigward tiegħu jkun ġie ordnat il-mandat ta’ inibizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta siti web “mera” jidhru taħt ismijiet tad-dominju oħrajn u għalhekk jibqgħu mhux affettwati mill-mandat ta’ inibizzjoni. Għaldaqstant, soġġett għal ċerti salvagwardji, il-mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi jistgħu jkunu mezz effettiv biex jipprevjenu l-kontinwazzjoni ta’ ksur tal-PI kemm online kif ukoll offline. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (23), meta jingħataw mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi, għandhom jitqiesu d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għall-informazzjoni skont l-Artikolu 11 u l-libertà li jitwettaq negozju skont l-Artikolu 16 tal-Karta.

(23)

L-attivitajiet ta’ ksur tal-PI spiss ikunu multiġuriżdizzjonali u jkopru tipi differenti ta’ servizzi intermedjarji, kemm online kif ukoll offline. F’dak il-kuntest, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni – u l-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni – fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha matul iċ-ċiklu ta’ infurzar tal-PI huma essenzjali biex jiġu identifikati, investigati u segwiti attivitajiet ta’ ksur tal-PI, dment li kwalunkwe aċċess u kondiviżjoni bħal dawn jitwettqu f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE diġà jipprevedi dritt għal informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jiksru l-PI f’każijiet li jikkonċernaw attivitajiet ta’ ksur tal-PI fuq skala kummerċjali. Dan id-dritt japplika biss fil-kuntest ta’ proċedimenti li jikkonċernaw ksur ta’ dritt tal-PI fuq skala kummerċjali u bi tweġiba għal talba ġġustifikata u proporzjonata tar-rikorrent. L-importanza tad-dritt għall-informazzjoni ma għandhiex tiġi issottovalutata. Kif ġie mfakkar dan l-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja (24), id-dritt għall-informazzjoni għandu rwol fiż-żamma tad-dritt għal rimedju effettiv u, fl-aħħar mill-aħħar, jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà skont l-Artikolu 17 tal-Karta, li jinkludi d-drittijiet tal-PI.

(24)

Madankollu, matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-partijiet ikkonċernati indikaw inċertezza fil-qasam tad-dritt għall-informazzjoni u talbu għal aktar gwida dwar il-kundizzjonijiet, it-tip ta’ informazzjoni, ir-relazzjoni mal-protezzjoni tad-data, li taħthom id-dritt għall-informazzjoni jista’ jittejjeb bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-intermedjarji.

(25)

Fil-kawża C-597/19 il-Qorti ddeċidiet li d-dritt għall-informazzjoni fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE favur id-detentur tad-dritt, jikkostitwixxi proċedura separata mill-proċedimenti ta’ ksur. Din tista’ titqajjem fi proċedimenti separati peress li mhux dejjem ikun possibbli li tintalab l-informazzjoni rilevanti kollha fil-kuntest tal-proċedimenti li fi tmiemhom jinstab li nkiser dritt tal-PI. B’mod partikolari, id-detentur ta’ dritt tal-PI jista’ jsir konxju biss tal-grad ta’ ksur ta’ dak id-dritt biss wara t-terminazzjoni finali ta’ dawk il-proċedimenti (25). L-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE ma huwiex limitat għal proċedimenti li jfittxu li jinstab ksur ta’ dritt tal-PI. It-talba għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva għandha skop differenti mit-talba għal azzjoni li tfittex sejba li kien hemm ksur ta’ dritt tal-PI. F’C-628/21, il-Qorti ddeċidiet li jekk din it-talba għall-informazzjoni kienet soġġetta għall-istess standard ta’ prova bħall-proċedimenti legali li jfittxu li jsibu li kien hemm ksur ta’ dritt tal-PI, il-proċedura separata stabbilita mill-Artikolu 8 tad-Direttiva, li hija karatteristika speċifika tad-dritt tal-Unjoni, titlef ħafna mill-użu prattiku tagħha. Għalhekk huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-funzjoni ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE u dik tal-proċedimenti legali li jfittxu sejba li kien hemm ksur ta’ dritt tal-PI.

(26)

Il-pagament ta’ danni xierqa fil-każ ta’ sejba ġudizzjarja ta’ ksur ta’ dritt tal-PI huwa element ewlieni ieħor tal-politika ta’ infurzar tal-PI, kif previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE. Matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-partijiet ikkonċernati ddikjaraw li d-danni spiss ma jkunux xierqa biex jirrimedjaw il-preġudizzju attwali mġarrab mid-detentur tad-drittijiet. Kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-99/15, “dannu morali, bħal ksur tar-reputazzjoni tal-awtur ta’ xogħol, jikkostitwixxi, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, komponent tad-dannu realment sofrut minn dan tal-aħħar.” (26). Id-Direttiva 2004/48/KE tapplika minkejja l-mezzi previsti, b’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn dawk il-mezzi jistgħu jkunu aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet. Id-Direttiva 2004/48/KE tistabbilixxi standard minimu għall-infurzar tad-drittijiet tal-PI u ma tipprevenix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu miżuri li huma aktar protettivi, sakemm ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-fatt li d-Direttiva 2004/48/KE ma tobbligax lill-Istati Membri jipprevedu danni “punittivi” ma għandux jipprevjeni l-introduzzjoni ta’ din il-miżura fil-livell nazzjonali.

(27)

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013, flimkien mar-regoli ġenerali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013, li bħalissa qed jiġi rivedut, jippermettu lill-awtoritajiet doganali jżommu jew jissekwestraw oġġetti ssuspettati bi ksur tad-drittijiet tal-PI. Id-Direttiva 2004/48/KE tippermetti s-sekwestru ta’ oġġetti minn awtoritajiet kompetenti oħrajn bħala miżura biex tiġi ppreżervata l-evidenza u l-qorti tista’ tordna l-qerda ta’ dawk l-oġġetti bħala riżultat ta’ deċiżjoni dwar il-merti tal-każ. Għal oġġetti miżmuma mill-awtoritajiet doganali, jekk id-detentur tal-oġġetti jikkontesta l-qerda u d-detentur tad-drittijiet jibda proċediment tal-qorti, l-oġġetti għandhom jibqgħu maħżuna matul il-proċedimenti kollha. Matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, id-detenturi tad-drittijiet qasmu tħassib dwar il-kostijiet relatati mal-ħżin u l-qerda ta’ oġġetti ssekwestrati jew miżmuma mid-dwana u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn. Dawn il-kostijiet ma humiex limitati għall-ħżin u l-qerda iżda jinkludu wkoll kostijiet relatati oħrajn bħall-kostijiet tal-immaniġġar, tal-verifika u tat-trasport. F’xi każijiet, dawn il-kostijiet jitqiesu għoljin wisq mid-detenturi tad-drittijiet u għalhekk id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jiddeċiedu li ma jinfurzawx id-drittijiet tal-PI tagħhom (27).

(28)

Aspett importanti tal-qerda ta’ oġġetti li jiksru l-PI huwa relatat mal-kost ambjentali ta’ din il-qerda. Huwa importanti li l-ħżin u l-qerda ta’ oġġetti li jiksru l-PI jitwettqu b’mod li jevita li s-saħħa tal-bniedem tiġi pperikolata u li ssir ħsara lill-ambjent. Ir-rimi ambjentalment sikur ta’ oġġetti li jiksru l-PI għadu għoli fuq l-aġenda tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali. Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali żviluppat linji gwida dwar ir-rimi ekoloġiku ta’ oġġetti miżmuma li jiksru l-PI. Fl-UE, ir-riċiklaġġ jew ir-rimi ta’ oġġetti li jiksru l-PI miżmuma mill-awtoritajiet doganali huma soġġetti għal deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali u t-tlestija tal-formalitajiet doganali relatati. Dawn jirrikjedu wkoll il-qbil tad-detentur tad-drittijiet. Hemm bżonn li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw ir-rimi ambjentalment sikur u tajjeb ta’ oġġetti li jiksru l-PI.

(29)

L-attivitajiet ta’ ksur tal-PI huma negozju li jħalli qligħ, minħabba l-valur għoli li jista’ jkun assoċjat mal-PI u minħabba l-livell relattivament baxx ta’ riskju f’termini ta’ probabbiltà ta’ individwazzjoni u infurzar. Dan jista’ jirriżulta f’attivitajiet ta’ ksur tal-PI mwettqa minn organizzazzjonijiet kriminali flimkien ma’ reati bħall-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, it-traffikar tal-bnedmin u x-xogħol furzat.

(30)

Fil-Kawża C-655/21 il-Qorti sostniet (28) li meta l-Istati Membri jkunu qed iwettqu l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim TRIPS tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”), inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 61, dawn iridu jitqiesu li qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Jeżistu differenzi fl-Istati Membri fir-rigward tal-pieni kriminali fl-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS għall-kontrafazzjoni volontarja tat-trademarks jew għall-piraterija tad-drittijiet tal-awtur fuq skala kummerċjali. It-terminu massimu ta’ priġunerija jvarja fl-UE għall-aktar forom serji ta’ reati kriminali bħal dawn, jiġifieri dawk li jitwettqu minn organizzazzjonijiet kriminali kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (29). L-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw mill-ġdid jekk il-pieni kriminali disponibbli għal reati kriminali bħal dawn fil-liġi nazzjonali tagħhom humiex biżżejjed biex jipprovdu deterrent, konsistenti mal-livell ta’ pieni applikati għal reati ta’ gravità korrispondenti biex jiżguraw infurzar effettiv u jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, inkluż il-Kawża C-655/21. Għandhom jintalbu wkoll jivvalutaw jekk il-pieni kriminali għal reati kriminali bħal dawn jikkorrispondux kif xieraq għad-dannu kkawżat, filwaqt li jiżguraw il-konformità mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha affettwati.

(31)

Barra minn hekk, xi Stati Membri ma għandhomx unitajiet speċjalizzati fl-infurzar tal-liġi jew fil-prosekuzzjoni pubblika li jittrattaw reati kriminali relatati mad-drittijiet tal-PI. Dan ifixkel il-kooperazzjoni transfruntiera effettiva fl-infurzar u jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet kompetenti biex iżommu l-għarfien. L-użu ta’ metodi ta’ investigazzjoni moħbija (eż. permezz ta’ interċettazzjonijiet tat-telefown u tad-data u operazzjonijiet sigrieti), filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha affettwati, jistgħu jagħmlu investigazzjonijiet transfruntiera kontra reati kriminali mwettqa minn organizzazzjonijiet kriminali aktar effettivi. Bl-istess mod, l-investigazzjonijiet finanzjarji, inklużi l-investigazzjonijiet dwar prattiki fir-reklamar online u l-użu tal-kriptovaluta (30), u speċjalizzazzjoni suffiċjenti tal-unitajiet investigattivi u l-prosekuturi kompetenti, huma ta’ importanza kbira. L-ispeċjalizzazzjoni tal-unitajiet investigattivi rilevanti fl-Istati Membri tagħmilha wkoll aktar faċli li jiġu stabbiliti gruppi fokus madwar l-UE kollha tal-pulizija, tad-dwana u tal-prosekuturi f’kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”), mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (“OLAF”) u mal-Eurojust. Għalhekk, l-użu ta’ unitajiet ta’ investigazzjoni speċjalizzati bir-riżorsi xierqa għandu jiġi mħeġġeġ bil-qawwa, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni u tal-liġi internazzjonali, inkluż għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha affettwati.

(32)

It-teknoloġiji emerġenti u li qed jiżviluppaw malajr jistgħu joħolqu sfidi u jippreżentaw opportunitajiet ġodda għall-infurzar tad-drittijiet tal-PI. Sistemi tal-IA bħas-sistemi tar-rikonoxximent awtomatizzat tal-kontenut u l-algoritmi ta’ apprendiment awtomatiku jistgħu jintużaw biex jirrikonoxxu prodotti kontrafatti jew piratat, jew xejriet assoċjati mal-promozzjoni jew mad-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti u għandhom il-potenzjal li jsiru teknoloġiji ewlenin fil-ġlieda kontra attivitajiet ta’ ksur tal-PI. L-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jeżerċitaw kawtela meta jużaw is-sistemi tal-IA u jevitaw li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali mhux żvelata, għarfien espert jew sigrieti kummerċjali bħala input għas-sistema, peress li dan jista’ potenzjalment jipprevenihom milli jiksbu protezzjoni tal-PI għal din l-informazzjoni fi stadju aktar tard. In-navigazzjoni tal-isfidi u tal-opportunitajiet li tippreżenta l-IA jistgħu jkunu diffiċli, speċjalment għall-SMEs. Għalhekk, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija huma mħeġġa jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ lista ta’ kontroll komprensiva li għandha tipprovdi lill-SMEs b’għarfien, gwida u strateġiji prattiċi siewja, li jippromwovu l-innovazzjoni, jipproteġu l-PI u jiżguraw l-adozzjoni responsabbli tat-teknoloġiji tal-IA fi ħdan ix-xenarju tan-negozju tal-UE.

(33)

Is-suq għat-teknoloġiji kontra l-kontrafazzjoni u kontra l-piraterija huwa kumpless u jevolvi malajr. Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jiffaċċjaw sfidi fin-navigazzjoni ta’ dan is-suq u fis-sejba ta’ soluzzjonijiet tekniċi jew fornituri tat-teknoloġija xierqa. Madankollu, ir-riżorsi bħall-Gwida dwar it-Teknoloġija Kontra l-Kontrafazzjoni u Kontra l-Piraterija tal-EUIPO jistgħu jappoġġaw lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu lesti jużaw teknoloġiji kontra l-kontrafazzjoni. It-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (inkluż iżda mhux limitata għal teknoloġiji bbażati fuq il-blockchain) hija adattata sew biex iżżid it-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-katina tal-provvista, f’konformità mal-passaport tal-prodott diġitali (31), li jista’ jgħin biex jiġu identifikati u jitwaqqfu l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Ir-rekords tokenizzati tal-mogħdija tal-katina tal-provvista ta’ oġġett irreġistrati fuq blockchain ma jinbidlux u huma trasparenti u jiddokumentaw kull tranżazzjoni u moviment tal-prodott u jistgħu jiġu ppreżentati bħala forom ta’ evidenza f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali.

(34)

L-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (“EBSI”) tikkonsisti f’network pubbliku bejn il-pari ta’ nodi interkonnessi li jmexxu infrastruttura ta’ servizzi bbażata fuq il-blockchain. L-EBSI hija mfassla b’mod iterattiv, b’enfasi fuq għadd żgħir ta’ każijiet (applikazzjonijiet) ta’ użu speċifiku, li mbagħad se jiġu estiżi maż-żmien. Eventwalment, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet privati se jkunu jistgħu jissieħbu u jużaw l-EBSI bħala servizz.

(35)

L-Awtentikatur Ewropew tal-Prodotti u tas-Servizzi tal-Loġistika tal-EUIPO (“EBSI-ELSA”) huwa programm pilota għal sistema bbażata fuq il-blockchain li tgħaqqad il-partijiet interessati kollha u s-sistemi tagħhom biex tiżgura l-awtentiċità tal-prodott tul il-katina kollha tal-provvista, u eventwalment lil hinn minnha. Meta l-oġġetti jkunu marbuta mal-infrastruttura tal-blockathon, jinħoloq tewmi diġitali, li jaħżen l-informazzjoni li tagħti prova tal-awtentiċità tiegħu. Dan se jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati bil-mezzi biex jittrasferixxu oġġett flimkien mal-ekwivalenti virtwali tiegħu, b’dan tal-aħħar jiġi ttimbrat b’firma diġitali immutabbli mis-sid tal-marka. Is-sistema tipprovdi wkoll il-possibbiltà li l-informazzjoni diġitali tiġi kondiviża mal-partijiet involuti fil-katina loġistika, inklużi mal-intermedjarji u mal-awtoritajiet kompetenti.

(36)

Il-Komunikazzjoni dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali (32) reċenti tistabbilixxi l-istrateġija tal-UE dwar il-Web 4.0, tranżizzjoni teknoloġika rivoluzzjonarja lejn dinja fejn kollox huwa interkonness mingħajr xkiel. Hekk kif l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali jimxi ’l quddiem, huwa mistenni li jinħolqu sfidi ġodda f’termini ta’ infurzar tad-drittijiet tal-PI u ta’ identifikazzjoni ta’ allegati kontraventuri, eż. l-infurzar tal-PI marbut ma’ token mhux funġibbli (“NFT”). Dawn l-isfidi se jirrikjedu aktar monitoraġġ u djalogu mal-partijiet ikkonċernati.

(37)

NFT huwa assi diġitali li jirrappreżenta l-uniċità u l-awtentiċità ta’ oġġett jew kontenut diġitali speċifiku li juża teknoloġija blockchain. Kull NFT għandu identifikatur kriptografiku uniku li jiddistingwih minn oħrajn, li jagħmlu skars u verifikabbli. Fost użi oħrajn, l-NFTs jistgħu jippermettu lill-kreaturi jittokenizzaw u jbigħu l-kreazzjonijiet (diġitali jew fiżiċi) tagħhom filwaqt li jipprovdu lix-xerrejja bi prova tal-uniċità tal-oġġett u l-kapaċità li jinnegozjaw jew li juru dawn l-assi fi pjattaformi online b’mod sigur u ddeċentralizzat. Madankollu, is-sjieda ta’ NFT ma ssarrafx għas-sjieda tal-assi sottostanti li jkun fih jew li jkun hemm referenza fih. Filwaqt li s-sjieda ta’ NFT ġeneralment tagħti lis-sid drittijiet esklużivi fuq l-NFT innifsu (u b’hekk tipprovdi dritt għat-trasferiment, għall-bejgħ jew għall-wiri tar-rappreżentazzjoni tokenizzata tal-assi), mhux neċessarjament tagħti kwalunkwe dritt fir-rigward tal-assi fiżiku jew diġitali oriġinali, peress li dawn jibqgħu kunċetti legali distinti.

(38)

Fl-1 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni u l-EUIPO nedew il-Fond għall-SMEs (33), li joffri appoġġ finanzjarju għall-SMEs affettwati mill-COVID-19 u mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bl-għan li jgħinu lill-SMEs jimmaniġġaw il-portafolli tal-PI tagħhom. Fl-2024, biex ikomplu jiġu appoġġati l-SMEs fl-infurzar tad-drittijiet tal-PI tagħhom, il-Fond għall-SMEs jirrimborża wkoll il-kostijiet tal-parir inizjali pprovdut minn espert tal-Infurzar tal-Iskennjar tal-PI (34) maħtur minn uffiċċju nazzjonali tal-PI (il-vawċer tal-Infurzar tal-Iskennjar tal-PI). Dan il-parir jew il-gwida tinkludi azzjonijiet irrakkomandati biex jiġi solvut il-ksur eżistenti tal-PI u jiġi pprevenut ksur potenzjali fil-futur. Il-vawċer tal-Infurzar tal-Iskennjar tal-PI ma jinkludix attivitajiet formali ta’ infurzar, bħall-abbozzar ta’ ittri ta’ “waqfien u ebda tkomplija” jew il-preżentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ litigazzjoni. B’din l-għodda addizzjonali, l-SMEs jibbenefikaw minn pariri jew gwida f’sitwazzjonijiet: (i) meta SME ssir konxja ta’ ksur tad-dritt tal-PI tagħha minn parti terza; (ii) meta SME tkun f’riskju li tiġi akkużata minn parti terza li allegatament tikser l-assi tal-PI tal-parti terza; jew (iii) meta l-SME jkollha tieħu azzjonijiet preventivi relatati mal-infurzar tal-PI.

(39)

Minħabba li l-ekonomija globali saret dejjem aktar diġitalizzata, kiber ir-riskju ta’ akkwist, użu u divulgazzjoni illegali ta’ għarfien u informazzjoni kummerċjali mhux żvelati (sigrieti kummerċjali) permezz ta’ attakki ċibernetiċi. Dawn l-attakki ċibernetiċi jinkludu t-twettiq ta’ attività ekonomika mmirata lejn l-akkwist ta’ sigrieti kummerċjali, li aktar tard jistgħu jkunu eliġibbli għall-protezzjoni tal-PI. L-SMEs huma esposti aktar għall-attakki ċibernetiċi minn kumpaniji akbar minħabba n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà u r-robustezza insuffiċjenti tal-miżuri dwar iċ-ċibersigurtà tagħhom. L-attakki ċibernetiċi jikkawżaw ukoll ħsara ekonomika serja lill-SMEs u jimminaw il-kompetittività ġenerali tagħhom. Kif imħabbar fil-pjan ta’ azzjoni tal-PI tal-2020, il-Kummissjoni qed tħejji sett ta’ għodod ta’ sensibilizzazzjoni għall-SMEs biex tgħinhom jipprevjenu jew jirreaġixxu għal attakki ċibernetiċi kontra s-sigrieti kummerċjali.

(40)

Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Ewropej jgħidu li għandhom fehim tajjeb tal-kunċett tad-drittijiet tal-PI u maġġoranza saħansitra akbar (93 %) tqis li huwa importanti li jiġu protetti d-drittijiet tal-PI. Hemm ukoll sensibilizzazzjoni mifruxa fost il-pubbliku Ewropew dwar l-effetti negattivi tal-kontrafazzjoni, b’maġġoranza kbira (madwar 80 %) tal-Ewropej li jqisu li l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI: (i) jappoġġaw imġiba mhux etika u organizzazzjonijiet kriminali; (ii) iħallu impatt fuq in-negozji u jheddu l-impjiegi; u (iii) huma theddida għas-saħħa, għas-sikurezza u għall-ambjent. Minkejja dan, aktar minn kwart taż-żgħażagħ Ewropej (bejn il-15 u l-24 sena) xtraw intenzjonalment mill-anqas prodott wieħed kontrafatt online (35), li turi l-ħtieġa għal azzjonijiet immirati biex titnaqqas din ix-xejra u biex ikomplu jittejbu l-ġbir tal-evidenza u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza meta jinxtraw prodotti kontrafatti. F’dak il-kuntest, l-EUIPO stabbilixxa network ta’ esperti mill-ministeri tal-edukazzjoni tal-Istati Membri u rappreżentanti mill-uffiċċji nazzjonali tal-PI, bil-għan li jgħaqqad flimkien lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti u li jifformula approċċ komuni għall-PI fl-edukazzjoni. Wieħed mill-aktar riżultati viżibbli ta’ dan in-network huwa l-proġett “Ideas Powered @ School”, li jipproduċi u jiġbor materjali edukattivi u ta’ taħriġ dwar il-PI.

(41)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti, bħall-awtoritajiet doganali, il-pulizija u s-servizzi ta’ prosekuzzjoni pubblika, ikunu effiċjenti u effettivi fl-operazzjonijiet tagħhom, jeħtieġ li jkollhom l-għarfien fil-fond meħtieġ dwar il-protezzjoni u l-infurzar tal-PI, u dejjem ikunu aġġornati dwar l-aħħar xejriet u żviluppi teknoloġiċi f’dan il-qasam. F’dak ir-rigward, l-EUIPO u l-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (“CEPOL”) diġà stabbilew iċ-Ċentru Virtwali ta’ Taħriġ dwar id-drittijiet tal-PI għall-awtoritajiet doganali, is-servizzi tal-pulizija, is-servizzi ta’ prosekuzzjoni pubblika u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq. L-EUIPO u s-CEPOL ħolqu wkoll riżorsi u materjali ta’ taħriġ imfassla apposta għal dawn il-gruppi. Barra minn hekk, u fuq talba minn Stat Membru, jista’ jingħata appoġġ tekniku lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont ir-Regolament (UE) 2021/240.

(42)

Il-kummerċ ta’ prodotti farmaċewtiċi kontrafatti fl-UE ilu jiżdied f’dawn l-aħħar snin (36), bil-mediċini jkunu s-seba’ kategorija ta’ prodotti l-aktar issekwestrati fil-fruntiera esterna tal-UE fl-2020. Il-prodotti farmaċewtiċi kontrafatti huma wkoll irreklamati u offruti b’mod wiesa’ għall-bejgħ online. Spiss ikun fihom ingredjenti tossiċi, ingredjenti ta’ kwalità ħażina jew ingredjenti b’dożaġġ ħażin u għalhekk jitqiesu wkoll mediċini ffalsifikati skont id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37). Il-konsumaturi jeħtieġ li jiġu megħjuna fl-identifikazzjoni ta’ siti web li jbigħu prodotti farmaċewtiċi kontrafatti online. Minkejja l-fatt li r-regoli dwar logo komuni li jippermetti lill-konsumaturi jidentifikaw spiżeriji online legali huma stabbiliti fid-Direttiva 2001/83/KE mill-2011, is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur għadha baxxa ħafna f’dan il-qasam.

(43)

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-PI f’pajjiżi terzi (38) għandu l-għan li jinforma lid-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari lill-SMEs, dwar ir-riskji potenzjali għad-drittijiet tal-PI tagħhom meta jinvolvu ruħhom f’attivitajiet kummerċjali f’ċerti pajjiżi mhux tal-UE. Għalhekk, hija tfittex li tippermettilhom ifasslu strateġiji u operazzjonijiet tan-negozju biex jipproteġu l-valur tal-assi intanġibbli tagħhom bħall-PI. Il-Kummissjoni stabbiliet Helpdesks tal-SMEs għad-DPI fiċ-Ċina, fl-Amerika Latina, fl-Asja tax-Xlokk, fl-Indja u fl-Afrika biex tappoġġa l-kumpaniji tal-UE li jfittxu li jipproteġu u jinfurzaw id-drittijiet tal-PI tagħhom f’dawn ir-reġjuni. Dawn is-servizzi jgħinu lill-operaturi ekonomiċi tal-UE jsiru familjari mal-ambjent legali qabel ma jibdew attività ta’ negozju f’dawn ir-reġjuni.

(44)

Il-Lista ta’ Sorveljanza tal-Kontrafazzjoni u tal-Piraterija regolari tal-Kummissjoni fiha eżempji ta’ postijiet tas-suq jew fornituri ta’ servizzi rrapportati li l-operaturi jew is-sidien tagħhom jinsabu barra mill-UE, u li allegatament jinvolvu ruħhom fihom, jiffaċilitaw jew jibbenefikaw mill-kontrafazzjoni u mill-piraterija. L-għan ta’ din il-lista ta’ sorveljanza huwa li tħeġġeġ lill-operaturi u lis-sidien, kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-gvernijiet biex jieħdu l-azzjonijiet u l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu d-disponibbiltà ta’ oġġetti jew servizzi li jiksru l-PI f’dawn is-swieq. Il-lista ta’ sorveljanza tfittex ukoll li żżid is-sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi dwar ir-riskji ambjentali, tas-sikurezza tal-prodotti u riskji oħrajn tax-xiri minn postijiet tas-suq potenzjalment problematiċi. Il-Lista ta’ Sorveljanza titħejja f’kooperazzjoni mal-Europol u mal-EUIPO, li l-għarfien espert tagħhom, b’mod partikolari dwar il-media soċjali u l-pjattaformi online, jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ analiżi aktar fil-fond tax-xejriet u l-isfidi rigward il-piraterija u l-kontrafazzjoni fuq servizzi online ta’ pajjiżi terzi u l-miżuri meħuda.

(45)

It-tkabbir tal-għadd ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles (“FTZs”) barra mill-UE jista’ jiffaċilita l-bejgħ ta’ oġġetti kontrafatti u piratati allegati, minħabba li l-FTZs: (i) jipprovdu eżenzjonijiet mid-dazju u mit-taxxi; (ii) għandhom proċeduri amministrattivi aktar sempliċi; u (iii) jippermettu l-importazzjoni mingħajr dazju ta’ materja prima, makkinarju, parts u tagħmir. Xi operaturi ekonomiċi jistgħu jieħdu vantaġġ mis-sorveljanza inadegwata pperċepita, mill-kontrolli inadegwati u min-nuqqas ta’ trasparenza fl-FTZs biex iwettqu attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni, fl-2019 il-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Kummerċ Illeċitu: It-Titjib tat-Trasparenza fiż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles. Dik ir-Rakkomandazzjoni tinkludi Anness dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Nadif li fih rakkomandazzjonijiet għall-operaturi tal-FTZs dwar kif titnaqqas id-disponibbiltà ta’ oġġetti illeċiti fl-FTZs tagħhom. Deċiżjoni tal-Kunsill sussegwentement approvat ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD (39). Huwa fl-interess kemm tad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll tal-konsumaturi fl-UE li l-operaturi tal-FTZs fl-UE: (i) jaderixxu mal-Kodiċi ta’ Kondotta għaż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Nadif; (ii) itejbu t-trasparenza tal-FTZs tagħhom; u għalhekk (iii) jgħinu biex titnaqqas id-disponibbiltà ta’ oġġetti ssuspettati li jiksru d-DPR fl-FTZs tagħhom.

(46)

Huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jikkondividu l-informazzjoni rilevanti dwar is-segwitu mogħti lil din ir-Rakkomandazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha. L-EUIPO, li għandu rwol ċentrali fl-isforzi tal-UE biex tiġġieled il-kontrafazzjoni u biex ittejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-PI, għandu jappoġġa t-tixrid, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Bl-għarfien espert u n-network wiesa’ tiegħu ta’ rappreżentanti tas-settur pubbliku u privat, l-EUIPO għandu jiġi mħeġġeġ jgħin fil-ġbir tal-informazzjoni, iwettaq monitoraġġ ta’ prattiki tajbin u jżomm kuntatt man-network tiegħu biex iżid il-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Meta wieħed iqis li l-ADR toffri soluzzjoni barra mill-qorti sempliċi, rapida u bi prezz baxx għat-tilwim dwar il-PI, l-użu tagħha jeħtieġ li jiġi estiż u promoss. Iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni tal-EUIPO jista’ jwettaq dawn il-kompiti b’mod effettiv.

(47)

Biex jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll il-moviment liberu ta’ data personali, l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex tagħti effett lil din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. B’mod partikolari, għandha tikkonforma bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40) u mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) u għandu jiġi mmonitorjat mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

(48)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta. B’mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura l-konformità sħiħa mal-Artikoli 8, 11, 16, 17, 47 u 49 tal-Karta.

(49)

Minħabba l-komplementarjetà bejn din ir-Rakkomandazzjoni, ir-Regolament (UE) 2022/2065 u r-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/1018, l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jiġu vvalutati, filwaqt li jitqiesu kif xieraq is-sejbiet tal-EUIPO, sa mhux aktar tard minn 3 snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

GĦAN

(1)

Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, id-detenturi tad-drittijiet u operaturi ekonomiċi oħrajn, inklużi l-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jiġġieldu l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI kemm fl-ambjenti online kif ukoll offline f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Meta jimplimentaw kwalunkwe azzjoni rrakkomandata skont din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 52 tal-Karta, jiġu rrispettati.

(2)

Din ir-Rakkomandazzjoni tfakkar l-obbligi tal-Istati Membri, tad-detenturi tad-drittijiet, tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, u tar-riċevituri ta’ dawk is-servizzi skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 98/44/KE (42), 98/71/KE (43), 2000/31/KE (44), 2001/29/KE, 2002/58/KE (45), 2004/48/KE, (UE) 2015/2436 (46), u (UE) 2019/790 (47), ir-Regolamenti (KE) Nru 1610/96 (48), (KE) Nru 469/2009 (49), (UE) Nru 608/2013, (UE) 2017/1001 (50), u (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(3)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tirrakkomanda l-ebda azzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas ma tfittex li tinterpreta dawk id-dispożizzjonijiet vinkolanti. Fejn jidher li hemm kunflitt jew koinċidenza bejn rakkomandazzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, allura tapplika d-dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni ma tapplika għall-ebda kummerċ leġittimu, inkluż:

(a)

meta d-drittijiet rilevanti jiġu eżawriti skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2015/2436, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1001, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 98/71/KE, l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u d-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva (UE) 2019/790 u d-Direttiva 2004/48/KE;

(b)

kwalunkwe użu leġittimu ta’ kontenut, bħall-użu ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur taħt limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet.

DEFINIZZJONIJIET

(5)

Għall-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Attivitajiet ta’ ksur tal-PI” tfisser attivitajiet bħall-manifattura, il-promozzjoni, il-bejgħ jew id-distribuzzjoni ta’ oġġetti kontrafatti, li huma s-suġġett ta’ att li jikser trademark, privattiva jew indikazzjoni ġeografika, u oġġetti jew kontenut piratat, li huma s-suġġett ta’ att li jikser disinn jew drittijiet tal-awtur, inklużi servizzi relatati miegħu, meta dawk l-atti jitwettqu fuq skala kummerċjali li jkunu għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;

(b)

“Operaturi ekonomiċi” tfisser manifatturi, rappreżentanti awtorizzati, importaturi, distributuri, fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, inklużi detenturi tad-drittijiet u fornituri ta’ servizzi intermedjarji;

(c)

“Fornitur ta’ servizzi intermedjarji” tfisser operatur ekonomiku li jipprovdi servizz li jista’ jintuża minn persuna waħda jew aktar għall-fini ta’ attivitajiet li jiksru l-PI u li mhux neċessarjament ikollu relazzjoni speċifika, pereżempju permezz ta’ rabta kuntrattwali, ma’ dawk il-persuni l-oħra u jista’ jinkludi, fejn xieraq, servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi tat-trasport u tal-loġistika, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, fornituri tal-midja soċjali, u fornituri tal-ismijiet tad-dominji (51);;

(d)

“Fornituri tal-media soċjali” tfisser fornitur ta’ servizzi intermedjarji li jippermettu lill-utenti joħolqu, jikkondividu jew jinteraġixxu ma’ kontenut, informazzjoni jew komunikazzjoni online;

(e)

“Fornituri ta’ servizzi tat-trasport u tal-loġistika” tfisser intermedjarju li jorganizza u/jew iwettaq it-trasport ta’ oġġetti minn punt ta’ oriġini, eż., speditur, lejn punt ta’ destinazzjoni, eż. konsenjatarju, permezz ta’ bastiment, barkun, triq, ferrovija jew merkanzija bl-ajru jew mezz ieħor ta’ trasport;

(f)

“Awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet pubbliċi b’kompetenzi relatati mal-investigazzjoni u/jew mal-infurzar tad-drittijiet tal-PI fil-livelli nazzjonali u tal-UE.

KAPITOLU 2

IT-TRAWWIM TAL-KOOPERAZZJONI, TAL-KOORDINAZZJONI U TAL-KONDIVIŻJONI TAL-INFORMAZZJONI BIEX JIĠU PROTETTI L-INNOVAZZJONI U L-INVESTIMENTI

It-trawwim tal-kooperazzjoni permezz ta’ strumenti volontarji

(6)

Id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizzi intermedjarji huma mħeġġa:

(a)

jipparteċipaw fi strumenti ta’ kooperazzjoni volontarja tal-UE jew nazzjonali bħall-MtQ dwar il-kontrafazzjoni u l-MtQ dwar ir-reklamar;

(b)

jipparteċipaw fil-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-MtQ dwar il-kontrafazzjoni u l-MtQ dwar ir-reklamar u jaderixxu mal-MtQ modernizzati ladarba jiġu stabbiliti.

(7)

L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi, bħal fornituri ta’ servizzi intermedjarji, inklużi swieq tal-kummerċ elettroniku, fornituri ta’ servizzi tat-trasport u tal-loġistika, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, fornituri tal-media soċjali, fornituri ta’ servizzi ta’ isem ta’ dominju u partijiet ikkonċernati tal-industrija tar-reklamar online, f’dawn l-istrumenti ta’ kooperazzjoni volontarja, u fil-modernizzazzjoni tal-MtQ dwar il-kontrafazzjoni u l-MtQ dwar ir-reklamar, inkluża t-trasformazzjoni possibbli tagħhom f’kodiċijiet ta’ kondotta skont l-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament (UE) 2022/2065.

It-tisħiħ tar-rwol tal-firmatarji tal-MtQ dwar il-kontrafazzjoni bħala “sinjalaturi fdati”

(8)

Id-detenturi tad-drittijiet u r-rappreżentanti tagħhom li huma firmatarji tal-MtQ dwar l-kontrafazzjoni huma mħeġġa japplikaw għall-istatus ta’ sinjalaturi fdati sabiex jibbenefikaw mit-trattament speċifiku fir-Regolament (UE) 2022/2065 fir-rigward tal-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati sal-punt li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Fornituri ta’ servizzi tat-trasport u tal-loġistika: Il-prevenzjoni tal-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI

(9)

Biex jiġi pprevenut l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI – jew għal oġġetti li jidħlu fl-UE jew fir-rigward tal-kummerċ intra-UE – il-fornituri tas-servizzi tat-trasport u tal-loġistika li għandhom relazzjonijiet kuntrattwali diretti mal-ispeditur jew mal-konsenjatarju huma mħeġġa jimplimentaw il-prattiki tajbin li ġejjin f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, inkluż għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

li jiddikjaraw b’mod ċar fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom:

(1)

f’liema ċirkostanzi f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, dawn għandhom id-dritt li jiftħu u jispezzjonaw vjeġġ għall-valutazzjoni dwar jekk dak il-vjeġġ fihx oġġetti li jiksru l-PI;

(2)

il-proċedura biex il-konsenjatarju jew is-sid tal-oġġetti jiġi informat bl-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni fiċ-ċirkostanzi kollha irrispettivament minn jekk tinkisibx evidenza ta’ oġġetti li jiksru l-PI;

(3)

il-mezzi ta’ rimedju u kumpens disponibbli għall-konsenjatarju jew għas-sid tal-vjeġġ meta jinfetħu l-vjeġġi u ma jkun hemm l-ebda evidenza ta’ oġġetti li jiksru l-PI.

(b)

li jkun hemm fis-seħħ sistema għall-verifika tad-data relatata mal-vjeġġ, bil-għan li tintbagħat data affidabbli ta’ qabel il-wasla lill-awtoritajiet doganali fuq talba tagħhom, li tikkontribwixxi għal valutazzjoni tar-riskju effettiva tad-dwana kontra attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Din il-verifika tkun tinkludi, sa fejn ikun prattiku, l-elementi li ġejjin:

(1)

il-verifika tad-data pprovduta tal-kumpanija, sa fejn tkun disponibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas;

(2)

il-verifika tal-informazzjoni tal-ispeditur u tal-konsenjatarju kontra d-data li hija disponibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas u li tappoġġa l-individwazzjoni ta’ oġġetti illeċiti u ksur possibbli tal-PI.

Fornituri ta’ servizzi ta’ pagament: Il-prevenzjoni tal-użu ħażin tas-servizz tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI

(10)

Sabiex jiġi pprevenut l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament huma mħeġġa jimplimentaw il-prattiki tajbin li ġejjin:

(a)

jiddikjaraw b’mod ċar fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, bħala raġuni għas-sospensjoni jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom mal-bejjiegħa, kwalunkwe sejba, inkluż mill-awtorità kompetenti, tal-użu tas-servizzi ta’ pagament tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI;

(b)

jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ notifika li jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet jużaw is-servizzi ta’ pagament tagħhom biex jinnotifikaw kwalunkwe attività ta’ ksur tal-PI;

(c)

fejn ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, li jkun hemm sistema ta’ informazzjoni fis-seħħ li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ operaturi li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ ksur tal-PI, fost servizzi ta’ pagament differenti, meta fornitur ta’ servizz ta’ pagament wieħed ikun temm is-servizzi tiegħu ma’ operaturi bħal dawn abbażi ta’ attivitajiet ta’ ksur tal-PI;

(d)

jiskambjaw informazzjoni ma’ fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament dwar xejriet rigward attivitajiet ta’ ksur tal-PI u jistabbilixxu miżuri speċifiċi kontra l-użu ħażin ripetut tas-servizzi tagħhom, b’mod partikolari fejn ikun instab minn awtorità kompetenti li s-servizzi tagħhom intużaw għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI.

(11)

Kwalunkwe proċessar ta’ personali għandu jsir f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni ma għandha twassal għall-ebda rekwiżit min-naħa tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament biex jinstallaw sistema għall-filtrazzjoni ta’ kwalunkwe pagament jew tal-pagamenti kollha li jgħaddu permezz tas-servizzi tagħhom għall-klijenti kollha tagħhom.

Fornituri tal-media soċjali: Il-prevenzjoni tal-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI

(12)

Sabiex jiġi pprevenut l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI, il-fornituri tal-media soċjali huma mħeġġa jimplimentaw il-prattiki tajbin li ġejjin:

(a)

jappoġġaw lid-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari lid-detenturi tat-trademarks, u lill-awtoritajiet kompetenti, fil-ġlieda kontra l-użu illegali tat-trademarks tagħhom f’ismijiet ta’ kontijiet tal-media soċjali, b’mod partikolari f’komunikazzjonijiet privati jew fi gruppi magħluqa, inkluż billi jipprovdu lid-detenturi tat-trademarks b’kontijiet ivverifikati;

(b)

ikun hemm fis-seħħ sistemi xierqa biex jiġu identifikati u tittieħed azzjoni mal-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li allegatament jużaw ħażin is-servizzi tagħhom biex iwettqu attivitajiet ta’ ksur tal-PI;

(c)

ikun hemm fis-seħħ politiki li jagħmlu lill-amministraturi tal-gruppi tal-media soċjali konxji mir-riskju ta’ attivitajiet ta’ ksur tal-PI mill-utenti tal-media soċjali fil-komunikazzjoni privata jew fi gruppi magħluqa.

(13)

Kwalunkwe proċessar ta’ data personali għandu jsir f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni bl-ebda mod ma għandha taffettwa l-użu leġittimu tas-servizz u ma għandhiex twassalx biex il-fornituri tal-media soċjali jieħdu miżuri li jaffettwaw il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti tas-servizzi tagħhom.

Fornituri tal-ismijiet tad-dominji: L-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI fis-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju

(14)

Ir-reġistri tal-ismijiet u l-entitajiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell (“TLD”) li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju stabbiliti fl-UE u/jew li joffru servizzi fl-UE huma mħeġġa jimplimentaw il-prattiki tajbin li ġejjin:

(a)

jipprovdu fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li sejba ta’ attivitajiet ta’ ksur tal-PI mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ isem ta’ dominju jew l-użu tiegħu, tista’ twassal għat-terminazzjoni tar-reġistrazzjoni u/jew is-sospensjoni u t-tħassir tad-delega tal-isem ta’ dominju;

(b)

jipprovdu lir-reġistranti matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni b’links għal reġistri tal-PI rilevanti disponibbli għall-pubbliku u online li jistgħu jiġu mfittxija biex jippermettu lir-reġistranti jivverifikaw l-isem tad-dominju għal kunflitti possibbli mad-drittijiet tal-PI rreġistrati. F’dan ir-rigward, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD stabbiliti fl-UE u/jew li joffru servizzi fl-UE huma mħeġġa jikkooperaw u jaħdmu mal-EUIPO abbażi ta’ ftehimiet volontarji biex għat-TLDs taħt l-amministrazzjoni tagħhom tiġi rreplikata s-sistema eżistenti ta’ informazzjoni u twissija li bħalissa qed titħaddem mill-EUIPO u mill-EURid għat-trademarks tal-UE u t-TLD “.eu” u li testendihom biex ikopru wkoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati;

(c)

jipprevedu proċeduri ta’ verifika għad-data tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju, billi jużaw, eż. soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni elettronika u/jew reġistri aċċessibbli għall-pubbliku bħar-reġistri ċivili u kummerċjali biex jivverifikaw l-identità tar-reġistrant f’konformità sħiħa mad-dritt għall-protezzjoni tad-data;

(d)

jieħdu miżuri volontarji biex jindividwaw data tar-reġistrazzjoni mhux korretta għall-ismijiet ta’ dominju eżistenti, u jagħtu lir-reġistranti perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jikkoreġu jew ilestu din id-data, li wara dan jista’ jingħata avviż ta’ sospensjoni tad-delega tal-isem tad-dominju tagħhom.

(15)

Meta jintalab l-aċċess għad-data tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju li tkun data personali, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju stabbiliti fl-UE u/jew li joffru servizzi fl-UE huma mħeġġa jirrikonoxxu bħala rikjedenti tal-aċċess leġittimu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel talba għal dritt għall-informazzjoni skont id-Direttiva 2004/48/KE.

(16)

Fid-dawl tar-reviżjoni tal-iskema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli u tal-iskema l-ġdida tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali li se jkunu applikabbli bis-sħiħ minn Diċembru 2025 (52), l-EUIPO huwa mħeġġeġ jestendi s-sistema kurrenti ta’ informazzjoni u twissija biex ikopri wkoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

(17)

Ir-reġistranti għandu jkollhom id-dritt li jappellaw kontra kwalunkwe sospensjoni jew tħassir tal-isem tad-dominju li jkunu rreġistraw.

(18)

Kwalunkwe proċessar ta’ data personali għandu jsir f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni.

Id-deżinjazzjoni ta’ punt uniku ta’ kuntatt għall-infurzar tal-PI

(19)

L-awtoritajiet kompetenti, id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizzi intermedjarji huma mħeġġa jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt għall-infurzar tal-PI u jindikawh b’mod ċar fuq is-sit web tagħhom u mezzi ta’ komunikazzjoni rilevanti oħrajn. Huma mħeġġa wkoll jużaw l-IPEP biex jikkondividu l-punt ta’ kuntatt iddeżinjat tagħhom għall-infurzar tal-PI.

Il-promozzjoni ta’ għodod eżistenti biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni

(20)

L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-użu ta’ għodod tekniċi biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u l-komunikazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-awtoritajiet kompetenti billi:

(a)

irawmu l-użu tal-IPEP għall-kondiviżjoni sigura tal-informazzjoni, inkluż mid-detenturi tad-drittijiet għas-sottomissjoni ta’ Applikazzjoni elettronika għal Azzjonijiet (e-AFAs) permezz ta’ portal tan-negozjanti, li jista’ jkun jew il-portal tan-negozjanti tal-IPEP għall-COPIS (53) jew wieħed mill-portali nazzjonali żviluppati mill-Istati Membri;

(b)

iħeġġu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jużaw l-ICSMS u lill-awtoritajiet kompetenti kollha jużaw is-Safety Gate tal-UE biex jissinjalaw u jikkomunikaw prodotti li jistgħu jkunu kontrafatti jew piratati;

(c)

iħeġġu lill-ġudikatura nazzjonali biex tikkonsulta l-ġbir ta’ sentenzi ewlenin ta’ infurzar stabbiliti mill-EUIPO.

(21)

Meta ma jkunx hemm użu biżżejjed ta’ dawn l-għodod mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, inklużi l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, l-Istati Membri huma mħeġġa jiddedikaw ir-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa biex iżidu l-użu tal-għodod imsemmija hawn fuq.

(22)

L-EUIPO huwa mħeġġeġ ifittex aktar kollaborazzjoni ta’ sħab addizzjonali fl-iskambji fl-IPEP, inklużi intermedjarji bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.

Il-promozzjoni ta’ kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni fost l-atturi kollha fil-katina tal-valur

(23)

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkondividu l-intelligence u d-data dwar xejriet ġodda ta’ kontrafazzjoni u piraterija, sekwestri, valutazzjonijiet tar-riskju, listi ta’ siti web li jkunu nżammu mill-awtoritajiet kompetenti talli jkunu wettqu attivitajiet ta’ ksur tal-PI (siti web ta’ ksur), u prattiki tajbin biex jindirizzaw attivitajiet ta’ ksur tal-PI, kif previst mid-dritt tal-Unjoni. Għandhom jikkondividu dawn mal-korpi tal-UE li jaħdmu fil-qasam bħall-OLAF, il-Europol, l-EUIPO u l-Kummissjoni, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod legali u tekniċi disponibbli.

(24)

L-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jikkondividu informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż dwar l-oriġini u l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-attivitajiet ta’ ksur tal-PI, kif ukoll dwar it-tattiċi u l-imġiba tal-allegati kontraventuri. Huma mħeġġa wkoll jesploraw modi ġodda biex jikkondividu informazzjoni dwar persuni li ripetutament jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ ksur tal-PI online jew offline.

(25)

L-awtoritajiet kompetenti rilevanti huma mħeġġa jiskambjaw jew jikkondividu, jew b’mod spontanju jew fuq talba speċifika, kwalunkwe informazzjoni strateġika jew teknika fil-livell nazzjonali u tal-UE, li tikkontribwixxi għall-analiżi tar-riskju tagħhom u informazzjoni oħra tal-intelligence permezz ta’ għodod magħmula disponibbli għalihom (54).

(26)

Il-korpi rilevanti tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa janalizzaw il-possibbiltà li jagħmlu l-analiżi tar-riskju tagħhom u sistemi oħrajn ta’ intelligence disponibbli għall-pubbliku u interoperabbli sabiex jippermettu t-tiftix ta’ affarijiet komuni possibbli ma’ ksur preċedenti tal-PI u reati tal-PI. F’dan ir-rigward, l-EUIPO huwa mħeġġeġ jappoġġa l-ġbir tad-data, it-tfittxijiet tad-data, u l-ħolqien u l-użu ta’ “dashboards” tad-data permezz tal-ħidma tal-Grupp Tekniku dwar l-Infurzar tal-PI u l-Iskambju tad-Data.

(27)

Il-kooperazzjoni bejn l-EUIPO u korpi differenti relatati mal-infurzar tal-UE, inklużi l-Europol, l-OLAF, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (“Eurojust”), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”) u s-CEPOL, għandha tkompli tappoġġa u tissimplifika l-ġlieda kontra l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. L-EUIPO għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tan-network u jappoġġah. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-atturi kollha affettwati minn attivitajiet ta’ ksur tal-PI għandha tkun f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli tal-kompetizzjoni, u f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, b’mod partikolari l-prinċipji dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-ipproċessar ta’ data personali, id-dritt għall-privatezza u għat-twettiq tan-negozju u d-dritt għal rimedju effettiv (55).

It-titjib tal-involviment tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fil-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni

(28)

L-Istati Membri huma mħeġġa jafdaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bil-ħiliet u r-riżorsi biex jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI fl-investigazzjonijiet tagħhom.

(29)

L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet oħrajn responsabbli mill-infurzar tal-PI, b’mod partikolari billi jirrikjedu kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni u koordinazzjoni akbar meta jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. L-EUIPO huwa mħeġġeġ jappoġġa din il-kooperazzjoni, permezz ta’ taħriġ, inkluż għal għodod għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u azzjonijiet konġunti biex jiġu individwati l-oġġetti kontrafatti, u jiġbor aktar evidenza dwar ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza kkawżati minn prodotti kontrafatti.

KAPITOLU 3

L-AVVANZ TAL-PROĊEDURI TA’ INFURZAR TAL-PI

It-trawwim ta’ proċeduri ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim

(30)

L-uffiċċji nazzjonali tal-PI, meta joffru medjazzjoni, u fornituri oħrajn ta’ soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim (ADR) huma mħeġġa jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni għal tilwim relatat mal-PI minbarra l-proċedimenti ta’ reġistrazzjoni u oppożizzjoni.

(31)

Ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD stabbiliti fl-UE u/jew li joffru servizzi fl-UE huma mħeġġa jipprevedu proċedura tal-ADR li fiha d-drittijiet tal-PI jistgħu jiġu invokati billi:

(a)

jitqiesu l-prattiki tajbin internazzjonali f’dan il-qasam u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali biex jiġi żgurat li r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi jiġu evitati kemm jista’ jkun;

(b)

jkun hemm konformità mar-regoli proċedurali uniformi f’konformità ma’ dawk stabbiliti fil-Politika Uniformi dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar l-Isem tad-Dominju tal-ICANN.

(32)

Wara proċedura tal-ADR li fiha kien prevalenti d-detentur tad-drittijiet, u li tista’ titqies bħala finali jew li għaliha ma jkun disponibbli l-ebda appell, ir-reġistru huwa mħeġġeġ jew li jirrevoka l-isem tad-dominju jew li jittrasferih lill-parti prevalenti fuq talba.

(33)

Kwalunkwe proċedura tal-ADR għandha tkun f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali applikabbli, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, id-dritt għall-privatezza u għat-twettiq tan-negozju u d-dritt għal rimedju effettiv.

It-trawwim tal-użu ta’ mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi

(34)

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu l-possibbiltà li jfittxu mandat ta’ inibizzjoni kontra kontraventur jew fornitur ta’ servizzi intermedjarju partikolari, li jista’ jiġi estiż għal attivitajiet ta’ ksur tal-PI li jkunu għadhom ma ġewx identifikati fiż-żmien tal-applikazzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni, iżda fir-rigward ta’ ċirkostanzi fattwali simili ħafna li jwasslu għall-allegat ksur tad-dritt tal-PI rilevanti.

(35)

L-operaturi ekonomiċi huma mistiedna jkomplu jiżviluppaw u jużaw soluzzjonijiet tekniċi li jidentifikaw ksur ripetut tal-istess dritt tal-PI mill-istess persuna fiżika jew ġuridika u b’mezzi simili, pereżempju b’siti web mera, bl-użu ta’ element dominanti ta’ trademark online jew offline jew permezz tal-ħżin ripetut ta’ oġġetti kontrafatti fl-istess faċilità ta’ ħżin.

(36)

Meta jintroduċu jew japplikaw regoli dwar il-mandati ta’ inibizzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu li l-miżuri stabbiliti fil-mandat ta’ inibizzjoni ma għandhomx ikunu ta’ piż mhux raġonevoli għad-destinatarji.

(37)

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu li d-durata tal-mandat ta’ inibizzjoni ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-detenturi tad-drittijiet.

(38)

Kwalunkwe proċedura ta’ mandat ta’ inibizzjoni għandha tkun f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali applikabbli, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, id-dritt għall-privatezza u għat-twettiq tan-negozju u d-dritt għal rimedju effettiv.

L-iżgurar tad-dritt għall-informazzjoni għall-infurzar tal-PI

(39)

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni rilevanti biex jiġġieldu b’mod effettiv il-ksur tal-PI li ma huwiex fuq skala kummerċjali, bi tweġiba għal talba ġġustifikata u proporzjonata tar-rikorrent fil-proċedimenti. Għal dawn il-finijiet, l-informazzjoni rilevanti tista’ tikkonsisti fl-istess informazzjoni li tista’ tintalab f’konformità mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/48/KE, inkluż l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u l-indirizzi IP relatati ma’ allegati kontraventuri jew parteċipanti f’allegati attivitajiet ta’ ksur.

(40)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li, għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE, ikun biżżejjed li tiġi pprovduta kwalunkwe evidenza raġonevolment disponibbli lill-qorti kompetenti li turi grad suffiċjenti ta’ ċertezza li l-applikant huwa d-detentur tad-drittijiet.

(41)

Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, li tista’ tinkludi data personali, hija ta’ importanza kbira biex tippermetti l-ġlieda effiċjenti u effettiva kontra l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI. Sabiex id-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jibdew proċeduri ta’ infurzar ċivili ġusti u ekwi kontra l-kontraventuri tad-drittijiet tal-PI, l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mħeġġa jikkondividu informazzjoni u evidenza rilevanti mad-detenturi tad-drittijiet għall-infurzar ċivili. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jqisu:

(a)

li l-interess tal-kontrollur tad-data jew ta’ parti terza li tikseb l-informazzjoni personali ta’ persuna li allegatament ikkawżat il-ħsara lill-proprjetà tagħha sabiex tressaq azzjoni kontra dik il-persuna għad-danni jew l-irkupru tat-talbiet jista’ jikkostitwixxi interess leġittimu skont l-Artikolu 6(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(b)

il-prattika deċiżjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u kwalunkwe gwida rilevanti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-iżgurar tal-għoti ta’ danni xierqa

(42)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li, fil-kuntest ta’ proċedimenti dwar l-infurzar tal-PI, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jirċievu danni xierqa biex jikkumpensaw għall-preġudizzju attwali kkawżat, bl-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tad-danni li jindirizza l-aspetti kollha tal-preġudizzju mġarrab, inklużi:

(a)

danni li jkopru d-dannu morali mġarrab mid-detentur tad-drittijiet;

(b)

danni li jkopru l-kostijiet li huma marbuta mar-riċerka u mal-identifikazzjoni ta’ atti ta’ ksur possibbli;

(c)

danni li jkopru l-pagament tal-imgħax fuq is-somom dovuti.

(43)

L-Istati Membri huma mfakkra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (56), il-fatt li d-Direttiva 2004/48/KE ma tobbligax lill-Istati Membri jipprevedu danni “punittivi” ma jistax jiġi interpretat bħala projbizzjoni fuq l-introduzzjoni ta’ din il-miżura f’każijiet xierqa. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu, f’konformità mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali u legali tagħhom u f’konformità sħiħa mal-Karta, l-għoti ta’ danni punittivi bħala rimedju fil-każijiet l-aktar dannużi ta’ attivitajiet ta’ ksur tal-PI.

Ħżin u rimi aktar veloċi, orħos u aktar ekoloġiċi ta’ oġġetti li jiksru l-PI

(44)

L-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jappoġġaw lill-Kummissjoni u lill-EUIPO billi:

(a)

jivvalutaw modi li bihom jistgħu jitnaqqsu ż-żmien u l-kostijiet tal-ħżin u tal-qerda ta’ oġġetti li jiksru l-PI miżmuma fil-fruntiera tal-UE jew issekwestrati fis-suq intern u li jiġu ordnati għall-qerda;

(b)

jiġbru u jikkondividu prattiki tajbin dwar il-metodi u l-prattiki ta’ ħżin u rimi ambjentalment sikuri ta’ oġġetti li jiksru l-PI li jiġu ordnati għall-qerda bil-għan li jinbena l-għarfien, jiġu allinjati l-prattiki nazzjonali u tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-atturi rilevanti responsabbli mill-ħżin u r-rimi ta’ oġġetti li jiksru l-PI, inkluż dwar prattiki tajbin dwar il-ħżin ambjentalment sikur.

(45)

L-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jiżguraw li l-oġġetti li jiksru l-PI li jiġu ordnati għall-qerda jgħaddu minn preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għal operazzjonijiet oħrajn ta’ rkupru u jiġu inċinerati jew jintremew fil-landfills biss bħala l-aħħar alternattiva, meta dawn is-soluzzjonijiet iwasslu għall-aħjar eżitu ambjentali u għas-saħħa tal-bniedem. F’każijiet bħal dawn, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-oġġetti li fihom sustanzi jew taħlitiet perikolużi.

(46)

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-EUIPO dwar il-kostijiet u dwar l-operaturi ekonomiċi disponibbli li joffru servizzi ta’ ħżin u/jew rimi ambjentalment sikuri, inkluż fil-każ ta’ riċiklaġġ.

Iż-żieda fl-effettività tal-pieni u tal-investigazzjonijiet kriminali

(47)

L-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw mill-ġdid, u fejn xieraq, iżidu s-sentenza ta’ kustodja massima disponibbli għall-aktar forom serji ta’ kontrafazzjoni u piraterija intenzjonati mwettqa fuq skala kummerċjali minn organizzazzjonijiet kriminali.

(48)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-ammont ta’ benefiċċji illegali ġġenerati jew mistennija – u l-ammont tad-dannu kkawżat – jistgħu jitqiesu meta jiġi ddeterminat il-livell xieraq tal-piena f’każijiet individwali. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-fatturat globali tal-grupp ta’ persuna ġuridika jkun jista’ jitqies meta jiġu ddeterminati l-pieni finanzjarji xierqa f’każ individwali.

(49)

L-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw mill-ġdid il-ħtieġa li jipprevedu jew jippermettu, soġġett għall-konformità mas-salvagwardji meħtieġa fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali, l-applikazzjoni ta’ metodi investigattivi sigrieti, f’investigazzjonijiet tal-aktar forom serji ta’ kontrafazzjoni u piraterija ta’ trademarks volontarji mwettqa fuq skala kummerċjali minn organizzazzjonijiet kriminali.

(50)

L-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu, f’konformità mar-regoli applikabbli, investigazzjonijiet dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta’ reati kriminali relatati mad-drittijiet tal-PI u japplikaw l-istrateġija investigattiva “segwi l-flus”, kull meta jkun possibbli u xieraq.

(51)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw speċjalizzazzjoni sħiħa jew parzjali tal-unitajiet responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati relatati mad-drittijiet tal-PI fl-awtoritajiet kompetenti tagħhom u s-servizzi ta’ prosekuzzjoni pubblika.

(52)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jisfruttaw sistematikament l-aspetti transfruntieri tal-investigazzjonijiet tagħhom u jikkoordinaw mal-kontropartijiet rilevanti permezz ta’ korpi u aġenziji xierqa tal-UE, bħall-Eurojust, l-OLAF u l-Europol.

(53)

Kwalunkwe miżura li l-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu f’dan il-Kapitolu għandha tkun f’konformità mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt nazzjonali u tad-dritt internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha affettwati.

KAPITOLU 4

L-ADATTAMENT TAL-PRATTIKI TAL-PI GĦALL-IA U GĦAD-DINJIET VIRTWALI

Nagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda biex jiġu miġġielda l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI

(54)

Id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizzi intermedjarji huma mħeġġa jadottaw soluzzjonijiet fl-UE kollha għal sistemi ta’ traċċar avvanzat (bħall-passaport tal-prodotti diġitali u s-soluzzjonijiet ta’ tokenizzazzjoni – jew ibbażati fuq il-blockchain jew oħrajn) li se jgħinu lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet doganali, billi jittraċċaw il-pakketti permezz tal-katina tal-valur iżda wkoll jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tad-data f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(55)

L-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-fornituri tas-servizzi intermedjarji kif ukoll id-detenturi tad-drittijiet, huma mħeġġa jagħmlu użu minn metodoloġiji u teknoloġiji avvanzati bħal metodi ta’ analiżi tad-data, sistemi tar-rikonoxximent awtomatizzat tal-kontenut, u algoritmi ta’ apprendiment awtomatiku (inkluż apprendiment profond) biex jidentifikaw l-oġġetti ffalsifikati online, inkluż dawk li jiksru d-disinn.

(56)

L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw sistemi tal-IA biex jiġġieldu l-kontrafazzjoni, itejbu l-miżuri ta’ infurzar u jtejbu s-servizzi għall-applikanti tad-drittijiet tal-PI. F’dan il-kuntest l-Istati Membri huma mħeġġa:

(a)

jimplimentaw sistemi tal-IA biex jissimplifikaw u jtejbu b’mod effettiv il-proċess tal-applikazzjoni tal-PI, billi jipprovdu lill-applikanti b’esperjenza aktar mingħajr xkiel u faċli għall-utent;

(b)

iħeġġu lill-awtoritajiet kompetenti jużaw is-sistemi tal-IA biex jissimplifikaw u jtejbu l-proċess tal-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-oġġetti u l-kontenut online kontrafatti u piratati.

(57)

Kwalunkwe użu tat-teknoloġija għandu jkun f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali applikabbli, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, id-dritt għall-privatezza u għat-twettiq tan-negozju u d-dritt għal rimedju effettiv.

Iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni dwar it-teknoloġiji ġodda u l-għoti tas-setgħa lill-SMEs biex jużaw dawn it-teknoloġiji

(58)

L-Istati Membri huma mħeġġa jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet li għandhom jintużaw fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija, bħal dawk imsemmija fil-Gwida dwar it-Teknoloġija Kontra l-Kontrafazzjoni u Kontra l-Piraterija tal-EUIPO. F’dan il-kuntest, il-governanza tal-EBSI hija mħeġġa taċċetta l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija bħala każ għall-utent ġdid tal-EBSI, li jista’ jħeġġeġ lil adottanti bikrija oħrajn biex ifasslu soluzzjonijiet ġodda kontra l-kontrafazzjoni bbażati fuq teknoloġiji ta’ reġistru distribwit.

(59)

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija huma mħeġġa jikkollaboraw mill-qrib mal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ lista ta’ kontroll komprensiva mfassla għall-SMEs. Din il-lista ta’ kontroll għandha l-għan li tgħin lill-SMEs jinnavigaw l-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mit-teknoloġiji tal-IA. B’mod partikolari, il-lista ta’ kontroll se tiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lill-SMEs biex jipproteġu b’mod effettiv id-drittijiet tal-PI u s-sigrieti kummerċjali tagħhom meta jużaw is-sistemi tal-IA u tipprovdi għarfien prattiku li jgħin lill-SMEs jinnavigaw klawżoli kuntrattwali, filwaqt li jiżguraw fehim tajjeb tal-implikazzjonijiet tal-IA u l-PI.

Il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-PI fid-dinjiet virtwali u f’ambjenti online oħrajn

(60)

L-Istati Membri huma mħeġġa jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-operaturi ekonomiċi dwar ir-regoli tal-PI applikabbli bħalissa (eż. awtorizzazzjoni sigura mid-detenturi tad-drittijiet meta jintroduċu suġġetti protetti mill-PI f’dinjiet virtwali) u l-implikazzjonijiet tal-PI tal-użu tal-NFTs f’dinjiet virtwali.

(61)

Id-detenturi tad-drittijiet, l-uffiċċji tal-PI u partijiet ikkonċernati oħrajn huma mħeġġa jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI, b’mod partikolari t-trademarks u d-disinji, inklużi l-NTFs, f’ambjenti ġodda bħal dawn. Biex jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ ta’ teknoloġiji ġodda u jiġi promoss l-użu tagħhom, il-Kummissjoni se tħeġġeġ djalogu industrijali biex jaġixxi bħala grupp konsultattiv u biex jakkumpanja l-ħafna inizjattivi li għaddejjin bħalissa f’dan il-qasam, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PI tal-2020.

KAPITOLU 5

L-GĦOTI TA’ GĦODOD LILL-INTRAPRIŻI ŻGĦAR U TA’ DAQS MEDJU BIEX JIPPROTEĠU AĦJAR L-ASSI INTANĠIBBLI TAGĦHOM

Fond għall-SMEs: Servizzi ġodda ta’ appoġġ għall-SMEs fl-infurzar tal-PI (vawċer tal-infurzar tal-iskennjar tal-PI)

(62)

Fil-kuntest tal-parir inizjali tal-Fond għall-SMEs minn espert tal-Infurzar tal-Iskennjar tal-PI se jiġi pprovdut għall-SMEs:

(a)

L-Istati Membri huma mħeġġa jipparteċipaw permezz tal-uffiċċji tal-PI tagħhom fis-servizz tal-Infurzar tal-Iskennjar tal-PI u jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-Fond għall-SMEs u l-vawċer ta’ infurzar tiegħu;

(b)

L-operaturi ekonomiċi li huma SMEs huma mistiedna jagħmlu użu mis-servizz ta’ Infurzar tal-Iskennjar tal-PI biex itejbu l-istrateġija tagħhom ta’ infurzar tal-PI;

(c)

L-assoċjazzjonijiet tal-SMEs huma mistiedna jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-Fond għall-SMEs u l-vawċer ta’ infurzar tiegħu fost is-sħubijiet rispettivi tagħhom.

Sett ta’ għodod għall-prevenzjoni tas-serq ċibernetiku

(63)

L-Istati Membri u l-EUIPO huma mħeġġa jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-SMEs innovattivi tagħhom għall-importanza taċ-ċibersigurtà relatata mal-informazzjoni mhux żvelata, mas-sigrieti kummerċjali u mal-għarfien espert tagħhom użati fl-attivitajiet kummerċjali. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-EUIPO huma mħeġġa:

(a)

jippromwovu s-sett ta’ għodod għas-sensibilizzazzjoni li qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-akkwist illegali ta’ sigrieti kummerċjali tal-SMEs permezz ta’ ksur taċ-ċibersigurtà, tal-hacking u ta’ attakki ċibernetiċi oħrajn;

(b)

ixerrdu l-għodod fis-sett ta’ għodod (b’mod partikolari l-gwidi tan-negozju settorjali, il-mistoqsijiet frekwenti, l-istudji tal-każijiet u l-prattiki tajbin dwar iċ-ċibersigurtà applikati min-negozji) u jilħqu lill-kmamar tan-negozju u lill-assoċjazzjonijiet tan-negozju biex iħeġġu lill-SMEs jipparteċipaw f’korsijiet online u f’webinars bla ħlas dwar iċ-ċibersigurtà;

(c)

jippromwovu l-għodod l-oħrajn ta’ sensibilizzazzjoni disponibbli fuq il-portal tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà biex jgħinu lill-SMEs jipproteġu aħjar is-sigrieti tal-PI u kummerċjali tagħhom u biex jgħinuhom jipprevjenu b’mod aktar effettiv l-attakki ċibernetiċi.

(64)

L-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa:

(a)

itejbu l-protezzjoni tagħhom kontra attakki ċibernetiċi bl-użu, fost affarijiet oħrajn, ta’ għodod ipprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż is-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni mfassal biex jipprevjeni jew jirreaġixxi għal attakki ċibernetiċi li għandhom l-għan li jiksbu sigrieti kummerċjali;

(b)

iħarrġu lill-persunal tagħhom dwar kif jipprevjenu, jimmaniġġaw u jirreaġixxu għal attakki ċibernetiċi mmirati lejn is-sigrieti kummerċjali tagħhom billi jużaw il-korsijiet ta’ taħriġ bla ħlas u materjali oħrajn ta’ taħriġ u informazzjoni żviluppati mill-Kummissjoni għal dan il-għan fil-kuntest tas-Sett ta’ Għodod għall-prevenzjoni tas-Serq Ċibernetiku.

KAPITOLU 6

IT-TRAWWIM TAL-GĦARFIEN, TAT-TAĦRIĠ U TAL-EDUKAZZJONI DWAR IL-PI FOST IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI RILEVANTI KOLLHA

It-trawwim tal-għarfien u tat-taħriġ dwar il-PI fil-kurrikuli tal-edukazzjoni nazzjonali

(65)

L-Istati Membri huma mħeġġa jintroduċu fil-kurrikuli nazzjonali tagħhom tal-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, speċjalment għall-istudji kummerċjali fil-kurrikuli tal-edukazzjoni għolja, il-kunċetti ewlenin tad-drittijiet tal-PI, l-użu etiku ta’ materjali protetti mill-PI, u l-ksur tal-PI. Huma mħeġġa wkoll jippromwovu l-kreattività, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-involviment diġitali responsabbli.

(66)

L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar il-PI fil-kotba tal-iskola edukattivi u t-tixrid ta’ materjali ta’ taħriġ dwar id-drittijiet tal-PI lil istituzzjonijiet rilevanti tat-taħriġ tal-għalliema. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu fl-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom, inklużi l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet xjentifiċi tar-riċerka, il-materjali edukattivi u tat-taħriġ prodotti u miġbura permezz tal-proġett “Ideas Powered @ School” ġestit mill-EUIPO, li għandu jinkludi wkoll evidenza dwar ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza li jirriżultaw minn prodotti kontrafatti.

L-inkoraġġiment tat-taħriġ dwar l-infurzar tal-PI għall-aġenti tal-infurzar tal-liġi

(67)

L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu kontenut imfassal apposta dwar il-protezzjoni u l-infurzar tal-PI mħejji mill-EUIPO u mis-CEPOL fl-oqsma li ġejjin, inter alia:

(a)

fil-kurrikulu nazzjonali obbligatorju ta’ taħriġ imfassal għall-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-pulizija, is-servizzi doganali u s-servizzi ta’ prosekuzzjoni pubblika;

(b)

fil-kurrikulu nazzjonali tat-taħriġ imfassal għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u għall-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-gwardja tal-kosta.

(68)

L-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-gwardja tal-kosta, huma mħeġġa: (i) jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-persunal tagħhom f’sessjonijiet ta’ taħriġ regolari organizzati mill-EUIPO u mis-CEPOL dwar l-infurzar tal-PI; u (ii) jikkondividu mal-persunal tagħhom il-materjali ta’ taħriġ imħejjija minn dawn l-aġenziji tal-UE.

Spiżeriji online

(69)

L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, huma mħeġġa jgħinu lill-konsumaturi jevitaw spiżeriji online illeċiti billi jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-logo komuni muri fuq siti web li joffru prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku.

Lista ta’ sorveljanza tal-kontrafazzjoni u tal-piraterija

(70)

Bħala parti mill-attivitajiet tagħhom ta’ kontra l-kontrafazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu, fejn xieraq, l-informazzjoni pprovduta fil-Lista ta’ Sorveljanza tal-Kontrafazzjoni u tal-Piraterija, filwaqt li jqisu l-fatt li l-Lista ta’ Sorveljanza ma fihiex sejbiet ta’ ksur legali.

Il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-PI fis-swieq barra mill-UE

(71)

Qabel ma jinvolvu ruħhom f’attività ta’ negozju ġdida f’pajjiż barra mill-UE, l-operaturi ekonomiċi fl-UE huma mħeġġa jsiru familjari mal-ambjent tan-negozju u legali ta’ dak il-pajjiż billi jikkonsultaw l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Helpdesks għad-DPR u ppubblikata fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-PI f’pajjiżi terzi. Dan ir-rapport biennali jidentifika l-pajjiżi terzi li fihom l-istat tal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-PI (kemm online kif ukoll offline) jagħti lok għall-akbar livell ta’ tħassib għall-UE. Dan se jgħin lill-operaturi ekonomiċi jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali fuq bażi informata. Huma mħeġġa wkoll jużaw l-għodod tekniċi eżistenti (eż. EUIPO TMview u DesignView) jew jirrapportaw kwistjonijiet relatati mal-PI li jista’ jkollhom impatt fuq l-attivitajiet kummerċjali futuri tagħhom barra mill-UE (eż. bl-użu tal-Portal Access2Markets (57)).

Żoni ta’ kummerċ ħieles

(72)

L-operaturi ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles li jinsabu fl-UE huma mħeġġa jaderixxu mal-Kodiċi ta’ Kondotta għaż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Nadif anness mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda Kontra l-Kummerċ Illeċitu: It-Titjib tat-Trasparenza fiż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles.

KAPITOLU 7

SEGWITU U MONITORAĠĠ

(73)

Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda biex jindirizzaw ir-Rakkomandazzjonijiet li huma indirizzati lill-Istati Membri.

(74)

Il-Kummissjoni tistieden lill-EUIPO jżid s-sensibilizzazzjoni għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni relatati ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u jwettaq attivitajiet bħal dawn. Tistieden ukoll lill-EUIPO jappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(75)

L-Osservatorju tal-EUIPO dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali huwa mħeġġeġ:

ixerred ir-rakkomandazzjonijiet fi ħdan in-network tiegħu ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż in-network tiegħu ta’ mħallfin;

jiġbor l-informazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE;

jiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fin-network tiegħu jagħmlu l-kuntatt iddeżinjat tagħhom għall-infurzar tal-PI disponibbli permezz tal-IPEP;

ikomplu jiżviluppaw l-IPEP, inklużi l-funzjonalitajiet ġodda u jestendu l-funzjonalitajiet eżistenti għal partijiet ikkonċernati ġodda, u jkomplu jimmonitorjaw l-użu tal-IPEP;

jimmonitorjaw u jikkondividu l-prattiki tajbin implimentati mill-awtoritajiet kompetenti u mis-servizzi intermedjarji u jimmonitorjaw, sa fejn ikun possibbli, l-implimentazzjoni tal-prattiki tajbin koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni;

jappoġġaw lill-Kummissjoni fid-djalogu tagħha mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-MtQ;

jappoġġaw lill-Kummissjoni fid-djalogi tagħha mal-partijiet ikkonċernati dwar it-teknoloġiji l-ġodda li għandhom l-għan li jadattaw il-prattiki u l-istrateġiji tal-PI għad-dinjiet virtwali u l-IA, b’mod partikolari biex jippromwovu r-riċerka, il-prattiki tajbin u d-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-SMEs, biex jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tal-IA;

jappoġġaw lill-Kummissjoni biex tiġbor u tikkondividi prattiki tajbin dwar il-ħżin u l-qerda ta’ oġġetti li jiksru l-PI, inkluż dwar metodi ta’ ħżin u rimi ambjentalment sikuri;

jappoġġaw l-analiżi u d-diskussjonijiet dwar is-sistemi ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz tal-Grupp Tekniku dwar l-infurzar tal-PI u l-Iskambju tad-Data;

jikkooperaw ma’ korpi tal-UE relatati mal-infurzar, mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u ma’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħrajn u jsaħħu n-networks tagħhom;

jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rigward tax-xejriet relatati mal-kontrafazzjoni u l-piraterija fuq pjattaformi online ta’ pajjiżi terzi u fuq servizzi tal-media soċjali;

jimmonitorjaw l-impatt li l-korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ tal-PI għandhom fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u jimmonitorjaw l-inklużjoni possibbli tal-Istati Membri tal-korsijiet tal-PI fil-kurrikulu nazzjonali tagħhom tat-taħriġ imfassal għall-awtoritajiet kompetenti;

iħeġġu lill-operaturi tal-FTZs fl-UE jikkonformaw mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-Tisħiħ tat-Trasparenza fiż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles.

(76)

L-EUIPO huwa mistieden isegwi s-suċċess tal-Infurzar tal-Iskennjar tal-PI, abbażi tal-għadd ta’ uffiċċji nazzjonali tal-PI li jipprovdu s-servizz kif ukoll l-għadd ta’ SMEs li jużawh.

(77)

L-EUIPO huwa mistieden jespandi l-kooperazzjoni mal-EURid u ma’ reġistri oħrajn dwar l-ismijiet tad-dominju, b’mod partikolari dwar is-sistema tal-informazzjoni u tat-twissija, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u TLDs oħrajn.

(78)

L-EUIPO huwa mistieden iżid s-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u jikkontribwixxi għat-tixrid u l-promozzjoni tas-Sett ta’ Għodod għall-Prevenzjoni tas-Serq Ċibernetiku, inklużi l-materjali ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ tiegħu.

(79)

Iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni tal-EUIPO huwa mħeġġeġ: (i) jibni u jżomm in-networks rilevanti għall-promozzjoni u l-espansjoni tal-użu tal-ADR f’tilwim relatat mal-PI, inkluż fir-rigward ta’ ksur, għal ġlieda aktar effiċjenti kontra l-kontrafazzjoni; u (ii) jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mal-ADR.

(80)

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li tqis kif xieraq is-sejbiet tal-EUIPO, mhux aktar tard minn 3 snin wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE, filwaqt li tqis: (i) l-iżviluppi teknoloġiċi; (ii) l-eżitu tal-istudju ta’ segwitu dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE; u (iii) kwalunkwe impatt li l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 u tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/1018 seta’ kellha fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-PI u fuq il-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Science, Research and Innovation Performance of the EU 2020: A fair, green and digital Europe.

(2)  EUIPO (2021): Green EU trade marks: Analysis of goods and services specifications, 1996-2021.

(3)  EUIPO/EPO (2021): Intellectual property rights and firm performance in the European Union.

(4)  COM (2021) 170 final.

(5)  OECD/EUIPO (2022): Dangerous Fakes: Trade in counterfeit goods that pose health, safety and environmental risks.

(6)  Fl-2019, l-importazzjonijiet ta’ prodotti kontrafatti u piratati fl-UE ammontaw għal EUR 119-il biljun, li jirrappreżenta sa 5,8 % tal-importazzjonijiet tal-UE. OECD/EUIPO (2021): Global Trade in Fakes: A Worrying Threat, OECD Publishing.

(7)  Europol/EUIPO (March 2022), Intellectual Property Crime Threat Assessment 2022.

(8)  COM(2020) 760.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).

(10)  Il-Parlament Ewropew: Rapport “An intellectual property action plan to support the EU’s recovery and resilience”, 2021/2007(INI).

(11)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 12750/20 tal-10 ta’ Novembru 2020, u 9932 tal-21 ta’ Ġunju 2021.

(12)  Sett ta’ għodod tal-UE kontra l-falsifikazzjoni sejħa għal evidenza (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12915-EU-toolbox-against-counterfeiting_mt).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).

(14)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/48/oj).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/608/oj).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1018 tal-4 ta’ Mejju 2023 dwar il-ġlieda kontra l-piraterija online tal-isport u avvenimenti diretti oħra (ĠU L 136, 24.5.2023, p. 83, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/1018/oj).

(18)  Ara l-premessa 17 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/240/oj).

(20)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/29/oj).

(21)  Ara d-Deċiżjoni tad-Diviżjoni Speċjalizzata tal-Kumpaniji u tal-PI tal-Qorti ta’ Bolonja tas-7 ta’ Jannar 2020, “Coop Italia”, li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ inibizzjoni għall-użu ta’ kwalunkwe sinjal distintiv inkluż l-element dominanti tat-trademark miksura.

(22)  COM (2017) 708 final.

(23)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C-314/12 ECLI:EU:C:2014:192 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2016, Tobias Mc Fadden C-484/14 ECLI:EU:C:2016:689.

(24)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C-628/21, ECLI: EU:C:2023:342, il-punt 43.

(25)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C-597/19, ECLI:EU:C:2021:492

(26)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2016, Liffers, C-99/15, ECLI:EU:C:2016:173, il-punt 17.

(27)  EUIPO (2023): Il-ħżin u l-qerda ta’ oġġetti kontrafatti ssekwestrati fl-UE.

(28)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2023, C-655/21 (G. ST. T.), ECLI:EU:C:2023:356.

(29)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2008/841/oj).

(30)  Kwalunkwe forma ta’ munita li teżisti b’mod diġitali jew virtwalment u li tuża l-kriptografija biex tiżgura t-tranżazzjonijiet.

(31)  COM(2022) 140 final 30.3.2022, Komunikazzjoni “Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma”.

(32)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2023 dwar Inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss COM(2023) 442.

(33)  L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 1119 — Titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi, partikolarment SMEs, u jiġu appoġġati fl-aċċess għas-swieq.

(34)  L-esperti tal-infurzar tal-iskennjar tal-PI huma esperti maħtura mill-uffiċċji tal-PI tal-Istati Membri biex jipprovdu parir inizjali lill-SMEs dwar kif għandhom jiġu infurzati d-drittijiet tal-PI f’każ ta’ ksur tal-PI jew kif jiġi evitat ksur tad-drittijiet tal-PI ta’ oħrajn.

(35)  EUIPO: Iċ-ċittadini Ewropej u l-proprjetà intellettwali: Perċezzjoni, sensibilizzazzjoni u mġiba (2023).

(36)  Studju tal-EUIPO-OECD dwar il-Kummerċ ta’ prodotti farmaċewtiċi kontrafatti.

(37)  Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/83/oj).

(38)  SWD(2023) 153 final: Rapport dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi.

(39)  COM(2019) 294 final.

(40)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(41)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/680/oj).

(42)  Id-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bioteknoloġiċi (ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/44/oj).

(43)  Id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU L 289, 28.10.1998, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/71/oj).

(44)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/31/oj).

(45)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad- personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(46)  Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2436/oj).

(47)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/790/oj).

(48)  Ir-Regolament (KE) Nru 1610/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar il-ħolqien ta’ kull ċertifikat supplimentari ta’ ħarsien għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 198, 8.8.1996, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/1610/oj).

(49)  Ir-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/469/oj).

(50)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1001/oj).

(51)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel, C-314/12, ECLI:EU:C:2014:192, il-punti 32 u 35, is-sentenza tal-Qorti (it-Tielet Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, Tommy Hilfiger Licensing et, C-494/15, EU:C:2016:528, il-punt 23.

(52)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).

(53)  COPIS (Sistema għall-Ġlieda Kontra l-Kontrafazzjoni u l-Piraterija) hija bażi tad-data tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 608/2013 u li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom li jirriżultaw mir-Regolament, permezz tal-ipproċessar, tal-ħżin u tal-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet għal azzjoni u rekords ta’ ksur li jkun fihom informazzjoni rilevanti dwar oġġetti li r-rilaxx tagħhom ikun sospiż, jew oġġetti li jinżammu.

(54)  Eż. COPIS kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 dwar il-miżuri fil-fruntieri tad-DPR; is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 515/97 dwar l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar kwistjonijiet doganali u agrikoli; Sistema ta’ Informazzjoni Doganali Plus kif stabbilit fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/917/ĠAI dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni għal finijiet doganali; il-Portal tas-Sistema ta’ Informazzjoni u tal-Analiżi tad-Data tal-Europol kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), eċċ.

(55)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 259, 21.7.2023, p. 1).

(56)  Is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, C-367/15, Stowarzyszenie ‘Oławska Telewizja Kablowa, il-punt 28.

(57)  Paġna ewlenija | Access2Markets (europa.eu)


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/915/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top