Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H0907

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/907 tat-22 ta’ Marzu 2024 dwar il-monitoraġġ tan-nikil fl-ikel

C/2024/1802

ĠU L, 2024/907, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/907/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/907/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/907

26.3.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/907

tat-22 ta’ Marzu 2024

dwar il-monitoraġġ tan-nikil fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

In-nikil huwa komponent mifrux tal-qoxra tad-Dinja u jinsab kullimkien fil-bijosfera. Il-preżenza tiegħu fl-ikel tista’ tirriżulta kemm minn sorsi naturali kif ukoll minn sorsi antropoġeniċi.

(2)

Fl-2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza tan-nikil fl-ikel u fl-ilma tax-xorb (1). L-opinjoni identifikat it-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp bħala l-effett kritiku għall-karatterizzazzjoni tar-riskju tal-esponiment orali kroniku għan-nikil. F’persuni sensittivi għan-nikil instab li esponiment orali akut għan-nikil iwassal, bħala effett kritiku, għal reazzjonijiet ta’ intensifikazzjoni tal-ekżema u għal reazzjonijiet allerġiċi li jmorru għall-agħar.

(3)

Id-data relatata mal-okkorrenza tan-nikil fl-ikel u fl-ilma tax-xorb kienet disponibbli fi 15-il Stat Membru tal-Unjoni. Madankollu, minħabba l-fatt li 80 % tad-data kollha miġbura nġabret fi Stat Membru wieħed, l-Awtorità kkonkludiet li se jkun meħtieġ sett ta’ data ġeografikament iktar diversifikat għall-verifika tal-okkorrenza tan-nikil fl-ikel madwar l-Unjoni.

(4)

Sabiex tinġabar aktar data dwar l-okkorrenzi għan-nikil fl-ikel, permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1111 (2), l-Istati Membri ġew rakkomandati jwettqu monitoraġġ dwar il-preżenza tan-nikil fl-ikel fl-2016, fl-2017 u fl-2018.

(5)

Filwaqt li qieset din id-data ġdida dwar l-okkorrenzi kif ukoll informazzjoni xjentifika ġdida, fl-24 ta’ Settembru 2020 l-Awtorità adottat aġġornament tal-valutazzjoni tar-riskju tan-nikil fl-ikel u fl-ilma tax-xorb (3).

(6)

L-Awtorità kkonkludiet li n-nikil jista’ jikkawża effetti kemm kroniċi kif ukoll akuti. Abbażi tal-effett kroniku kritiku tat-telf tat-tqala, ġiet stabbilita doża tollerabbli ta’ kuljum (TDI) ta’ 13 μg/kg ta’ piż tal-ġisem u l-Awtorità kkonkludiet li din it-TDI nqabżet fit-trabi li telqu jimxu, fit-tfal ta’ bejn is-36 xahar u l-10 snin kif ukoll, f’xi każijiet, fit-trabi. Għalkemm it-telf tat-tqala mhuwiex effett rilevanti għall-gruppi ta’ età żgħira, it-TDI hija wkoll protettiva għal effetti oħra li huma rilevanti għall-gruppi ta’ età iżgħar, bħall-effetti newrotossiċi. Għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li meta jinqabeż it-TDI jistgħu jqumu dubji jekk dan jaffettwax is-saħħa ta’ dawn il-gruppi ta’ età żgħira wkoll. L-awtorità kkonfermat li l-effetti akuti kritiċi huma reazzjonijiet ta’ intensifikazzjoni tal-ekżema fil-ġilda li jseħħu fi bnedmin sensitizzati għan-nikil, xi ħaġa li tolqot madwar 15 % tal-popolazzjoni. L-Awtorità kkonkludiet li l-inqas livell ta’ effett avvers osservat għal dan l-effett huwa 4,3 μg ta’ nikil/kg bw u li huwa meħtieġ marġni ta’ esponiment (MOE) ta’ 30 jew aktar bħala protezzjoni kontra dan l-effett. Dan l-MOE ta’ 30 ma jintlaħaqx fl-esponiment medju u tal-95 perċentil, u dan iqajjem tħassib dwar is-saħħa għall-individwi sensitizzati għan-nikil.

(7)

Filwaqt li tqieset id-data disponibbli dwar l-okkorrenzi, ġew stabbiliti livelli massimi għan-nikil f’diversi oġġetti tal-ikel fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (4).

(8)

Madankollu, għal xi tipi ta’ ikel, li huma kontributuri rilevanti għall-esponiment għan-nikil, ma kienx hemm biżżejjed data disponibbli dwar l-okkorrenzi biex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati l-livelli massimi xierqa. Għalhekk, għandha tinġabar aktar data dwar l-okkorrenzi għal dawk it-tipi ta’ ikel. B’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit il-kontribut ta’ speċijiet differenti ta’ ħut u frott tal-baħar ieħor għall-kontenut tan-nikil fl-ikel tat-trabi, il-ħut u l-frott tal-baħar ieħor użat għall-manifattura ta’ tali ikel għandu jiġi mmonitorjat.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi tal-lott li ttieħed kampjun minnu u li r-riżultati analitiċi jkunu affidabbli u komparabbli, għandu jiġi segwit ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (5),

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

1.

L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-operaturi tan-negozji tal-ikel, għandhom jimmonitorjaw il-preżenza tan-nikil fl-ikel matul is-snin 2025, 2026 u 2027.

2.

Il-monitoraġġ għandu jinkludi supplimenti tal-ikel, ċikkulata, pejsts taċ-ċikkulata, pejsts tal-ġewż, żerriegħa tal-kawkaw, prodotti bbażati fuq iċ-ċereali (b’mod partikolari ċ-ċereali tal-kolazzjon, il-qxur ta’ ċereali u prodotti tat-tħin tal-ħafur), sopop lesti biex jittieklu, kafè, te, ħxejjex, alki tal-baħar, żrieragħ taż-żejt, prodotti bbażati fuq is-sojja, bħal tofu u xarbiet ibbażati fuq is-sojja, ħemes, ġewż, ħut u frott tal-baħar ieħor.

3.

L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jiġbru għarfien dwar miżuri ta’ mitigazzjoni għat-tnaqqis tal-livelli tan-nikil fl-ikel. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-metodi ta’ mitigazzjoni magħrufa jiġu kkomunikati u promossi b’mod effettiv lill-bdiewa u lill-operaturi tan-negozji tal-ikel u li dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni jiġu implimentati progressivament mill-bdiewa u mill-operaturi tan-negozji tal-ikel.

4.

Il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżijiet għandhom jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti għat-teħid tal-kampjuni u għall-analiżi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 333/2007.

5.

L-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jipprovdu d-data ta’ monitoraġġ lill-Awtorità fuq bażi regolari, flimkien mal-informazzjoni u fil-format ta’ rapportar elettroniku kif stabbilit mill-Awtorità, għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda. Għall-kampjuni taċ-ċikkulata, għandu jiġi speċifikat il-kontenut ta’ solidi tal-kawkaw fil-kampjun. Għall-kampjuni tat-te, għandu jiġi speċifikat it-tip jew l-ispeċi tat-te, inkluż l-isem tiegħu bil-Latin. Għall-alka tal-baħar, għandha tiġi rrapportata l-ispeċi, inkluż l-isem tagħha bil-Latin, u għandu jiġi indikat jekk id-data tikkonċernax alka friska jew niexfa.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-kontaminanti fil-katina tal-ikel tal-EFSA (CONTAM); Scientific Opinion on the risks to public health related to the presence of nickel in food and drinking water. EFSA Journal 2015;13(2):4002, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2015.4002.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1111 tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-monitoraġġ tan-nikil fl-ikel (ĠU L 183, 8.7.2016, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2016/1111/oj).

(3)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-kontaminanti fil-katina tal-ikel tal-EFSA (CONTAM); Scientific Opinion on an update of the risk assessment of nickel in food and drinking water. EFSA Journal 2020;18(11):6268, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2020.6268.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/915/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikroelementi u ta’ kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/333/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/907/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top