Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H0603

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/603 tat-18 ta’ Diċembru 2023 dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima taċ-Ċekja li jkopri l-perjodu 2021–2030 u dwar il-konsistenza tal-miżuri taċ-Ċekja mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

    C/2023/9616

    ĠU L, 2024/603, 7.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/603/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/603/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/603

    7.3.2024

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/603

    tat-18 ta’ Diċembru 2023

    dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima taċ-Ċekja li jkopri l-perjodu 2021–2030 u dwar il-konsistenza tal-miżuri taċ-Ċekja mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) u l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (2), u b’mod partikolari l-artikolu 7(2) tiegħu,

    Billi:

    Rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima (NECP) taċ-Ċekja li jkopri l-perjodu 2021–2030

    (1)

    Iċ-Ċekja ppreżentat l-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tagħha fit-23 ta’ Ottubru 2023.

    (2)

    Minħabba li s-sottomissjoni tal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima aġġornat taċ-Ċekja kienet tard, il-Kummissjoni Ewropea kellha żmien limitat biex tabbozza l-valutazzjoni tagħha sabiex tadotta din ir-rakkomandazzjoni sitt xhur qabel l-iskadenza tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif mitlub mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    (3)

    L-Artikolu 3 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 (“ir-Regolament dwar il-Governanza”) jistabbilixxu l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Gwida għall-Istati Membri dwar il-proċess u l-ambitu tat-tħejjija kemm tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima kif ukoll tal-verżjoni finali aġġornata tagħhom (3). Il-Gwida identifikat l-aħjar prassi u ddeskriviet l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi politiċi, legali u ġeopolitiċi reċenti fil-politiki tal-enerġija u tal-klima.

    (4)

    B’rabta mal-pjan REPowerEU (4), bħala parti miċ-ċikli 2022 u 2023 tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonnijiet ta’ riforma u investiment relatati mal-enerġija u l-klima tal-Istati Membri biex jiġu msaħħa kemm is-sigurtà tal-enerġija kif ukoll l-affordabbiltà permezz tal-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta u favur l-ambjent. Dan huwa rifless fir-Rapporti tal-Pajjiżi għaċ-Ċekja (5) u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għaċ-Ċekja (6) tal-2022 u l-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għall-pajjiżi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati għall-enerġija u l-klima finali tagħhom.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-twassil tal-miri nazzjonali skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (7) (ESR) huma bbażati fuq il-probabilità li l-Istati Membri se jirrispettaw il-miri tal-2030, u jikkunsidraw ir-regoli dwar l-użu ta’ flessibbiltà skont l-ESR.

    (6)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Qbid, l-Użu u l-Ħżin tal-Karbonju (CCUS) għandhom l-għan li jkollhom ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni maħsuba għal dawn it-teknoloġiji fuq livell nazzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-volumi annwali ta’ CO2 li huwa ppjanat li jinqabdu sal-2030, imqassmin skont is-sors ta’ CO2 maqbud li jkun ġej mill-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew minn sorsi oħra, bħal sorsi bijoġeniċi jew qbid dirett mill-arja; dwar l-infrastruttura tat-trasport ippjanata għas-CO2; kapaċità ta’ ħżin domestiku potenzjali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni ta’ CO2 maħsuba li jkunu disponibbli fl-2030.

    (7)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija — “ir-Regolament LULUCF”) jindirizzaw il-konsenja mill-Istat Membru dwar ir-regola ta’ “ebda debitu” għall-perjodu 2021–2025 (il-Perjodu 1) u l-mira nazzjonali tiegħu għall-perjodu 2026–2030 (il-Perjodu 2), filwaqt li jitqiesu r-regoli li jirregolaw l-użu tal-flessibilitajiet kif stabbilit f’dak ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll li fil-Perjodu 1 kwalunkwe eċċess ta’ emissjonijiet skont ir-Regolament LULUCF se jiġi ttrasferit awtomatikament għall-ESR.

    (8)

    Sabiex l-adattament għat-tibdil fil-klima jappoġġa kif xieraq il-kisba tal-objettivi tal-enerġija u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-perikli potenzjali tat-tibdil fil-klima u li jiġu analizzati l-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi li jistgħu jaffettwaw iż-żoni, il-popolazzjonijiet u s-setturi rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adattament iqisu sa liema punt iċ-Ċekja integrat fl-għanijiet tal-adattament tal-NECP aġġornati tagħha li jqisu r-riskji klimatiċi, li jistgħu jipprevjenu liċ-Ċekja milli tilħaq l-objettivi u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija. Mingħajr politiki u miżuri speċifiċi ta’ adattament ippjanati u implimentati, il-kisba tal-objettivi fid-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija tkun f’riskju. Il-ġestjoni tal-ilma f’kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu teħtieġ attenzjoni partikolari minħabba r-riskji ta’ tfixkil tal-elettriku peress li l-għargħar, is-sħana u n-nixfa jħallu impatt fuq il-produzzjoni tal-enerġija.

    (9)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ambizzjoni tal-enerġija rinnovabbli huma bbażati fuq il-formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999, li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, u fuq il-politiki u l-miżuri ewlenin nieqsa fl-abbozz tal-NECP aġġornat taċ-Ċekja biex tippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali taċ-Ċekja għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex din tiżdied għal 45 % skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati wkoll fuq il-kontribut taċ-Ċekja għall-miri speċifiċi tal-Artikoli 15a, 22a, 23, 24 u 25 ta’ dik id-Direttiva u għall-politiki u l-miżuri relatati biex ma ddumx ma tiġi trasposta u implimentata. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu wkoll l-importanza li jiġi żviluppat ippjanar komprensiv fit-tul għall-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’mod partikolari r-riħ, biex tiżdied il-viżibbiltà għall-industrija tal-manifattura u l-operaturi tal-grilja Ewropej f’konformità mal-Pakkett Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ (11).

    (10)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika huma bbażati fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) dwar l-effiċjenza enerġetika; u l-formula fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, u l-politiki u miżuri relatati biex tiġi implimentata.

    (11)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-miri, l-objettivi u l-kontributi u l-politiki u l-miżuri relatati biex jitwettaq il-pjan REPowerEU biex it-tneħħija gradwali tad-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi issir malajr. Dawn iqisu t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Pakkett Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura (13). Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li tiġi msaħħa r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, u f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħżin tal-enerġija (16).

    (12)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu l-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biex jissaħħaħ ir-rwol tal-flessibbiltà u tingħata s-setgħa u jiġu protetti l-konsumaturi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll l-importanza li jiġi vvalutat l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 (17).

    (13)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza li jiġu żgurati investimenti suffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa biex jieħdu spinta fil-kapaċitajiet tal-iżvilupp u l-manifattura tagħhom, inklużi politiki u miżuri xierqa għall-industriji intensivi fl-enerġija u negozji oħra; u l-ħtieġa li tittejjeb il-forza tax-xogħol għal industrija b’emissjonijiet żero netti sabiex tiġi kkonsolidata ekonomija b’saħħitha, kompetittiva u nadifa fl-Unjoni.

    (14)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma msejsa fuq l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqas gradwalment l-użu tal-fjuwils fossili kif ukoll fuq l-importanza tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

    (15)

    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment issegwi l-valutazzjoni tagħha ta’ jekk l-abbozz tal-pjan aġġornat jipprovdix ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi għad-dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija; tindika s-sorsi ta’ finanzjament, filwaqt li tiddistingwi s-sorsi privati u pubbliċi; u tiddeskrivi investimenti konsistenti mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza taċ-Ċekja, il-Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta taċ-Ċekja u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-2022–2023 għall-pajjiż maħruġa skont is-Semestru Ewropew, u tinkludi valutazzjoni makroekonomika robusta tal-politiki u l-miżuri ppjanati. Jenħtieġ li l-NECP jiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u l-miżuri nazzjonali, biex jappoġġa ċ-ċertezza tal-investiment.

    (16)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza kruċjali ta’ konsultazzjoni reġjonali wiesgħa, u li tiġi żgurata konsultazzjoni bikrija u inklużiva dwar il-pjan, inkluża parteċipazzjoni pubblika effettiva b’informazzjoni u żmien suffiċjenti, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (18).

    (17)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni ġusta jirriflettu l-valutazzjoni ta’ jekk il-pjan taċ-Ċekja jidentifikax fil-fond biżżejjed l-impatti soċjali, fuq l-impjiegi u fuq il-ħiliet rilevanti tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija u jiddeskrivi politiki u miżuri ta’ akkumpanjament adegwati biex jippromwovu tranżizzjoni ġusta, filwaqt li jikkontribwixxu għall-promozzjoni kemm tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    (18)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni liċ-Ċekja huma sostnuti mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-NECP aġġornat tagħha (19), li qed tiġi ppubblikata ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (19)

    Jenħtieġ li ċ-Ċekja tqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet attwali hi u tiżviluppa l-NECP integrat aġġornat finali tagħha li għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2024.

    Rakkomandazzjonijiet dwar il-konsistenza mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

    (20)

    Skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament. Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miżuri taċ-Ċekja ma’ dawn l-objettivi (20). Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni. Jenħtieġ li ċ-Ċekja tqis kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet u ssegwihom f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

    (21)

    Filwaqt li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tal-Unjoni (inkluż mill-użu tal-art, mit-tibdil tal-użu tal-art u mill-forestrija (LULUCF) u bl-esklużjoni tat-trasport internazzjonali) juru xejra ’l isfel b’mod kumplessiv, ġeneralment f’konformità mat-trajettorja lineari li tilħaq il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 ta’ -55 % u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050, il-pass tat-tnaqqis tal-emissjonijiet jeħtieġ jiġi aċċellerat u hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-Istati Membri. Il-progress fl-Istati Membri tħallat ma’ diversi sfidi u dgħufijiet settorjali li jeħtieġ jiġu rimedjati mingħajr aktar dewmien. Il-valutazzjoni, ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, turi li l-progress lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni jidher li mhuwiex biżżejjed għaċ-Ċekja. Strateġiji fit-tul affidabbli huma l-qofol biex tinkiseb it-trasformazzjoni ekonomika meħtieġa biex nimxu lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni.

    (22)

    Adattament effettiv fuq l-iskala meħtieġa u fis-setturi esposti kollha jirrikjedi struttura ta’ governanza b’mandat ċar u koordinazzjoni b’appoġġ politiku ta’ livell għoli. Din l-istruttura tista’ tinkludi taskforce jew kumitat interdipartimentali. Il-politiki ta’ adattament jenħtieġ li jiffukaw fuq oqsma jew setturi partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, jew li l-attivitajiet tagħhom huma essenzjali għar-reżiljenza ta’ setturi oħra, jew li għandhom importanza sinifikanti għall-ekonomija nazzjonali jew għas-saħħa pubblika. Huwa meħtieġ rispons prijoritarju dwar l-impatti u r-riskji li huma mistennija jaffettwaw l-infrastruttura kritika jew is-sistemi b’ħajja twila, jew li huma mistennija li jaffettwaw is-sistemi b’mod irriversibbli, filwaqt li titqies l-interazzjoni mal-iżvilupp soċjoekonomiku jew ma’ fatturi oħra mhux klimatiċi. Jistgħu jiġu mobilizzati diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE biex jiffinanzjaw l-adattament. Jenħtieġ li l-kunsiderazzjonijiet tar-reżiljenza għall-klima jitqiegħdu fuq quddiem nett meta l-Istati Membri jfasslu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom skont il-fondi rilevanti tal-UE. Jenħtieġ li xejn mill-infiq ma jxekkel l-adattament: jiġifieri, iżid il-vulnerabbiltajiet la għall-benefiċjarji u lanqas għal ħaddieħor. Il-ħtiġijiet tal-investiment fl-adattament għat-tibdil fil-klima qed jiżdiedu u se jaċċelleraw matul id-deċennji li ġejjin. Il-finanzjament imtejjeb jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn kapaċità u għarfien espert suffiċjenti meħtieġa għall-amministrazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni biex tiġi żgurata l-kwalità tal-infiq u l-kapaċità ta’ assorbiment u biex jiġi evitat l-adattament ħażin. Apparti l-finanzjament pubbliku u privat, l-istrumenti innovattivi ta’ finanzjament jistgħu jiġu esplorati wkoll permezz ta’ kooperazzjoni mas-settur privat u mal-istituzzjonijiet finanzjarji.

    (23)

    L-aktar komunitajiet vulnerabbli huma dawk bi probabbiltà għolja li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima. L-esponiment inugwali u l-vulnerabbiltà għall-impatti klimatiċi ta’ reġjuni u gruppi soċjoekonomiċi differenti jaggravaw l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet li diġà jeżistu. Jenħtieġ li reżiljenza ġusta tnaqqas il-piż inugwali tar-riskju klimatiku u li tiżgura ekwità fid-distribuzzjoni tal-benefiċċji tal-adattament. L-abbiltà sistemika ta’ aġġustament għat-tibdil fil-klima hija karatteristika ewlenija biex tiġi evitata jew moderata l-ħsara potenzjali, biex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet, u biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi. L-impatti fiżiċi tat-tibdil fil-klima qed jevolvu b’pass aktar mgħaġġel milli kien mistenni. Il-progress fil-kapaċità tal-adattament huwa meħtieġ fil-livelli kollha tal-gvern, u fis-setturi pubbliċi u privati, u jirrekjedi aktar sensibilizzazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji. Il-partijiet ikkonċernati privati huma aġenti tal-bidla billi jipprovdu informazzjoni, riżorsi, kapaċitajiet, u finanzjament. Il-livell lokali għandu kompetenzi li jistgħu jħallu impatt fuq ir-reżiljenza għall-klima b’mod aktar ġenerali. It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ adattament sottonazzjonali huma ta’ importanza sinifikanti.

    (24)

    Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura joffru għażliet ta’ adattament u mitigazzjoni effiċjenti u kosteffettivi, jekk l-implimentazzjoni tagħhom tkun inċentivata permezz ta’ oqfsa strateġiċi, politiki u finanzjament. Dawn jistgħu jiġu implimentati b’mod indipendenti jew jiġu integrati f’miżuri oħra ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni, flimkien ma’ soluzzjonijiet aktar teknoloġiċi jew ibbażati fuq l-infrastruttura. L-implimentazzjoni jeħtieġ tqis il-kumplessità tal-ekosistemi u l-effetti mbassra tat-tibdil fil-klima, il-kuntest lokali, l-interessi u l-valuri li għandhom x’jaqsmu, u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi.

    B’DIN TIRRAKKOMANDA LIĊ-ĊEKJA TIEĦU AZZJONI BIEX:

    DWAR L-ABBOZZ TAL-PJAN NAZZJONALI GĦALL-ENERĠIJA U L-KLIMA AĠĠORNAT SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2018/1999

    1.

    Tistabbilixxi politiki u miżuri addizzjonali kosteffiċjenti, b’mod partikolari fis-setturi tat-trasport u l-bini, u għall-emissjonijiet mhux tas-CO2, inklużi l-metan u l-N2O u l-gassijiet F mill-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, l-agrikoltura, u l-ġestjoni tal-iskart, sabiex tingħalaq id-diskrepanza projettata ta’ 7.3 punti perċentwali ħalli tintleħaq il-mira nazzjonali tal-gassijiet serra ta’ -26 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005 skont l-ESR. Tipprovdi projezzjonijiet aġġornati li juru kif il-politiki kemm li jeżistu kif ukoll dawk ippjanati se jilħqu l-mira u jekk ikun meħtieġ, tispeċifika kif se jintużaw il-flessibilitajiet disponibbli skont l-ESR biex tiġi żgurata l-konformità. Tikkomplementa l-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri, filwaqt li tispjega b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda taż-żmien u, fejn possibbli, l-impatt mistenni mit-tnaqqis tal-gassijiet serra tagħhom, inkluż għal miżuri fi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-politika agrikola komuni.

    2.

    Tidentifika l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li jistgħu jinqabdu kull sena sal-2030, inkluż is-sors.

    3.

    Tistabbilixxi perkors konkret biex tintlaħaq il-mira nazzjonali tal-LULUCF kif definit fir-Regolament (UE) 2018/841. Tinkludi miżuri addizzjonali fis-settur tal-LULUCF, u tagħti dettalji dwar iż-żmien u l-ambitu tagħhom filwaqt li tikkwantifika l-impatti mistennija tagħhom biex tiżgura li l-assorbimenti ta’ gassijiet serra f’dan is-settur ikunu allinjati b’mod effettiv mal-mira ta’ assorbiment nett tal-UE għall-2030 ta’ -310 MtCO2eq u mal-mira ta’ assorbiment speċifika għal kull pajjiż ta’ -827KtCO2eq definita fir-Regolament (UE) 2018/841. Tipprovdi informazzjoni ċara dwar kif il-fondi pubbliċi (kemm il-fondi tal-Unjoni, inklużi l-politika agrikola komuni kif ukoll l-għajnuna mill-Istat) u l-finanzjament privat permezz ta’ skemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, jintużaw b’mod konsistenti u effettiv biex tintlaħaq il-mira nazzjonali netta tal-assorbiment. Tipprovdi informazzjoni dwar l-istatus u l-progress li jrid isir fl-iżgurar tat-titjib għal livelli ogħla/settijiet ta’ data ġeografikament espliċiti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, f’konformità mal-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    4.

    Tipprovdi analiżi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi nazzjonali u tal-politiki u tal-miżuri fid-dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija. Tiddeskrivi u tikkwantifika aħjar ir-rabta mal-objettivi u l-politiki speċifiċi tal-Unjoni tal-Enerġija, li l-politiki u l-miżuri ta’ adattament jenħtieġ li jappoġġaw. Tistabbilixxi politiki u miżuri addizzjonali ta’ adattament f’biżżejjed dettall li jappoġġaw liċ-Ċekja biex tilħaq l-għanijiet, il-miri u l-kontributi nazzjonali skont l-Unjoni tal-Enerġija.

    5.

    Iżżid l-ambizzjoni għas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 33 % bħala kontribut għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata f’konformità mal-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999. Tinkludi trajettorja indikattiva li tilħaq il-punti ta’ referenza għall-2025 u 2027 skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    6.

    Tipprovdi trajettorji stmati u pjan fit-tul għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli matul l-10 snin li ġejjin, bi prospetti għall-2040. Tinkludi mira indikattiva għal teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tinkludi miri speċifiċi biex jikkontribwixxu għas-sottomiri indikattivi fil-bini u l-industrija għall-2030. Tinkludi l-miri vinkolanti fil-mira tat-tisħin u t-tkessiħ kemm għall-2021–2025 kif ukoll għall-2026–2030 u mira indikattiva biex jinkisbu ż-żidiet tal-Anness IA tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tinkludi mira indikattiva fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali għall-perjodu mill-2021 sal-2030. Tinkludi s-sottomira għall-bijofjuwils avvanzati u l-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fit-trasport sal-2030.

    7.

    Tinkludi politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati b’mod li jippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tagħha għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex iżżidha għal 45 %. Tiddeskrivi b’mod partikolari kif qed jippjana li taċċellera l-permessi u tagħti dettalji dwar it-teknoloġiji rinnovabbli li għalihom qed tippjana li tinnomina “żoni ta’ aċċellerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli” bi proċeduri aktar rapidi u sempliċi. Tiddeskrivi kif għandha l-għan li taċċellera l-implimentazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli permezz tal-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli, garanziji tal-oriġini u qafas ta’ abilitazzjoni għall-promozzjoni tal-awtokonsum u tal-komunitajiet tal-enerġija. Tipprovdi aktar informazzjoni dwar kif għandha l-għan li taċċellera l-implimentazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, u fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tinkludi aktar miżuri dettaljati dwar qafas ta’ abilitazzjoni biex tiżdied l-integrazzjoni bejn in-networks tal-elettriku u tat-tisħin u t-tkessiħ.

    8.

    Tinkludi aktar miżuri biex tippromwovi l-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan, minħabba l-potenzjal u l-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass/bijometan taċ-Ċekja, il-profil tal-konsum tal-gass naturali u l-infrastruttura eżistenti, l-użu tad-diġestat u l-applikazzjonijiet tas-CO2 bijoġeniku.

    9.

    Tipprovdi sa fejn ikun possibbli skeda mistennija ta’ żmien tal-passi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ politiki u miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi mmirati lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata, b’mod partikolari għall-miżuri msemmija fil-punti preċedenti.

    10.

    Tinkludi l-ammont ta’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija li jrid jinkiseb mill-korpi pubbliċi kollha diżaggregati skont is-settur u l-erja totali tal-art tal-bini msaħħan u/jew imkessaħ li tkun il-proprjetà ta’ korpi pubbliċi li trid tiġi rinnovata kull sena jew l-iffrankar tal-enerġija annwali korrispondenti.

    11.

    Tistabbilixxi politiki u miżuri kompluti biex jinkiseb il-kontributi nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika, kif se jiġi implimentat il-prinċipju l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel. Tispeċifika programmi robusti ta’ finanzjament għall-effiċjenza enerġetika u skemi ta’ appoġġ, li kapaċi jimmobilizzaw investimenti privati u kofinanzjament addizzjonali. Tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija biex tiżgura l-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija fl-użu finali kumulattiv sal-2030, inkluża l-kwantifikazzjoni ta’ miżuri mmirati lejn il-faqar enerġetiku.

    12.

    Tappoġġa l-ambizzjoni aġġornata għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini permezz ta’ aktar informazzjoni dwar il-politiki, il-miżuri li jindirizzaw speċifikament l-istima kwantitattiva ta’ dawn il-politiki u l-miżuri f’termini ta’ finanzjament, kostijiet, u impatti f’dak li huwa ffrankar tal-enerġija.

    13.

    Tispjega wkoll kif iċ-Ċekja beħsiebha tkompli tinkoraġġixxi t-tnaqqis fid-domanda għall-gass lejn l-2030. Issaħħaħ reżiljenza tas-sistema tal-enerġija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi objettiv għall-implimentazzjoni tal-ħżin tal-enerġija u tressaq politiki u miżuri biex tintegra l-importanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima fis-sistema tal-enerġija. Tispeċifika miżuri xierqa għad-diversifikazzjoni u l-provvista fit-tul ta’ materjali nukleari, fjuwil, spare parts, u servizzi għall-unitajiet VVER-440 u għall-unitajiet tal-enerġija nukleari ġodda ppjanati, u l-ġestjoni fit-tul tal-iskart nukleari. Tipprovdi aktar dettalji dwar il-pjanijiet imħabbra għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ Reattur Modulari Żgħir (SMR). Tivvaluta l-adegwatezza tal-infrastruttura taż-żejt (raffinerija, ħażniet taż-żejt) bit-tnaqqis mistenni fid-domanda għaż-żejt, il-ħtieġa li tiddiversifika miż-żejt Russu u l-bidla lejn alternattivi b’anqas karbonju.

    14.

    Tressaq objettivi u miri ċari għar-rispons tad-domanda biex ittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija mirfuda minn valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà u tiddeskrivi miżuri speċifiċi biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’rabta mal-Artikolu 20a tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413. Iżżid il-livell tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi fis-suq tal-bejgħ bl-imnut billi tinkludi aktar elementi dwar il-komunitajiet tal-enerġija, l-awtokonsum, il-kondiviżjoni tal-enerġija jew ix-xiri kollettiv.

    15.

    Tiżviluppa aktar l-approċċ biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku billi tinkludi valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi attwalment affettwati u tindika mira speċifika ta’ tnaqqis li tista’ titkejjel kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li tqis ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/2407, u l-politiki u miżuri relatati. Fejn possibbli, tispjega kif l-użu tal-miżuri attwali tal-affordabbiltà u tal-effiċjenza enerġetika diġà jtaffi l-faqar enerġetiku, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar ir-riżorsi u l-iskemi finanzjarji ddedikati għal dawn il-miżuri.

    16.

    Tkompli tiċċara l-objettivi nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività biex jintużaw teknoloġiji nodfa, filwaqt li jiġi stabbilit perkors għall-2030 u l-2050 bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tiġi promossa t-tranżizzjoni tan-negozji lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti. Tressaq politiki u miżuri biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ proġetti b’emissjonijiet żero netti inklużi dawk rilevanti għall-industriji intensivi fl-enerġija. Tiddeskrivi qafas regolatorju prevedibbli u simplifikat għall-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u kif l-aċċess għall-finanzjament nazzjonali se jiġi ssimplifikat fejn meħtieġ. Tipprovdi politiki u miżuri dettaljati għall-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-enerġija nadifa, u biex tiffaċilita l-kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli ta’ komponenti u tagħmir ewlenin b’emissjonijiet żero netti.

    17.

    Tispeċifika r-riformi u l-miżuri biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima. Ittejjeb u testendi l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment biex tinkludi ħarsa ġenerali komprensiva u konsistenti lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat aggregati u skont is-settur. Tikkomplementa approċċ minn fuq għal isfel fl-ekonomija kollha b’valutazzjoni speċifika għall-proġett minn isfel għal fuq. Tinkludi diżaggregazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment totali b’informazzjoni addizzjonali dwar is-sorsi ta’ finanzjament nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni kif ukoll sorsi finanzjarji privati li għandhom jiġu mobilizzati. Iżżid deskrizzjoni qasira tat-tip ta’ skema ta’ appoġġ finanzjarju magħżula biex timplimenta l-politiki u l-miżuri, li huma ffinanzjati permezz tal-baġit pubbliku, u l-użu ta’ strumenti finanzjarji mħallta li jagħmlu użu minn għotjiet, self, assistenza teknika u garanziji pubbliċi, inkluż ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali fl-iskemi rispettivi u/jew kif jiġi mobilizzat il-finanzjament privat. Tikkunsidra l-ġenerazzjoni kosteffettiva ta’ trasferimenti lejn Stati Membri oħra skont l-ESR bħala sors ta’ finanzjament. Tipprovdi valutazzjoni robusta tal-impatt makroekonomiku tal-politiki u l-miżuri ppjanati.

    18.

    Tiddeskrivi kif il-politiki u l-miżuri inklużi fil-pjan aġġornat huma konsistenti mal-Pjan nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza taċ-Ċekja, inkluż il-kapitolu RepowerEU.

    19.

    Tispjega f’aktar dettall kif iċ-Ċekja beħsiebha telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili u sa meta se tagħmel dan.

    20.

    Tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-konsegwenzi soċjali, tal-impjiegi u tal-ħiliet, jew kwalunkwe impatt distributtiv ieħor, tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija, u dwar l-objettivi, il-politiki u l-miżuri ppjanati biex jappoġġaw tranżizzjoni ġusta. Tispeċifika l-forma tal-appoġġ, l-impatt tal-inizjattivi, il-gruppi fil-mira u r-riżorsi ddedikati, filwaqt li tqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (21). Tinkludi, sa fejn ikun possibbli, aktar elementi biex jipprovdu bażi analitika adegwata għat-tħejjija ta’ Pjan Soċjali għall-Klima futur, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), inklużi indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-impatti fuq l-aktar vulnerabbli tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-kombustjoni tal-fjuwil fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali, u biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u qafas ta’ politika rilevanti. Tispjega kif il-qafas ta’ politika identifikat fl-NECP se jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-Pjan Soċjali għall-Klima taċ-Ċekja u kif se tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ pjanijiet.

    21.

    Tiżgura parteċipazzjoni pubblika inklużiva fi żmien raġonevoli u parteċipazzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-pjan. Tipprovdi ħarsa ġenerali ċara dwar kif il-proċess ta’ konsultazzjoni se jippermetti parteċipazzjoni pubblika wiesgħa mill-awtoritajiet, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, fit-tħejjija kemm tal-abbozz kif ukoll tal-pjan aġġornat finali. Tipprovdi sommarju tal-fehmiet espressi minn atturi differenti, u sommarju ta’ kif il-pjan jintegra l-fehmiet espressi matul il-konsultazzjonijiet.

    22.

    Tintensifika l-kooperazzjoni reġjonali mal-Istati Membri ġirien u fi ħdan oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali stabbiliti bħall-Grupp Visegrad. Peress li ċ-Ċekja mhijiex pajjiż membru ta’ xi Grupp Reġjonali ta’ Livell Għoli stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, tikkunsidra li tingħaqad mal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC), fid-dawl tal-mandat tagħha biex tmexxi d-diskussjonijiet u l-inizjattivi reġjonali ddedikati għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tan-network relatat kif ukoll li l-grilja ssir intelliġenti fir-reġjuni tas-CEE u tax-Xlokk tal-Ewropa. Tiddeskrivi kif beħsiebha tistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra sal-2025, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2023/2413. Tkompli bl-isforzi tagħha biex tiffirma l-erba’ arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà meħtieġa għas-sigurtà tal-provvista tal-gass mal-ġirien tagħha (il-Polonja, is-Slovakkja, il-Ġermanja, l-Awstrija).

    DWAR IL-KONSISTENZA TAL-MIŻURI NAZZJONALI MAL-OBJETTIV TAN-NEWTRALITÀ KLIMATIKA U MAL-IŻGURAR TAL-PROGRESS B’RABTA MAL-ADATTAMENT SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2021/1119

    1.

    Iżżid l-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi tagħmel progress tanġibbli fil-politiki eżistenti u ppjanati u tikkunsidra miżuri urġenti addizzjonali biex tallinja t-tnaqqis u l-projezzjonijiet mistennija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mal-objettiv tan-newtralità klimatika. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkun hemm isforz dirett lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport u ż-żieda fl-assorbimenti fis-settur tal-LULUCF.

    2.

    Taġġorna u żżid l-ambizzjoni u l-kwalità tal-istrateġija nazzjonali fit-tul billi tiċċara l-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika taċ-Ċekja, u tissostanzja t-tnaqqis tal-emissjonijiet taċ-Ċekja u t-titjib tal-miri tal-assorbimenti f’setturi individwali b’politiki u miżuri kredibbli.

    3.

    Issaħħaħ u tagħti mandat ċar għal struttura ta’ governanza li kapaċi tappoġġa ppjanar b’saħħtu, l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-adattament tas-setturi, il-gruppi tal-popolazzjoni u l-livelli amministrattivi kollha. Tiżgura li l-prijoritajiet, l-istrateġiji, il-politiki, il-pjanijiet u l-isforzi ta’ adattament ikunu proporzjonati mal-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi futuri previsti, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli u l-għodod ta’ tbassir tal-klima u ta’ twissija bikrija disponibbli. Tpoġġi fuq quddiem aktar il-kunsiderazzjonijiet tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima bħall-politika agrikola komuni, il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u fondi rilevanti oħra tal-Unjoni fl-użu tal-appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament tal-UE. Jenħtieġ li l-fondi tal-Unjoni jintefqu b’tali mod li jżidu r-reżiljenza għall-klima u ma jżidux il-vulnerabbiltajiet (jiġifieri, ma jagħmlux ħsara sinifikanti fl-adattament). Tiżgura li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament pubbliku u privat għal azzjonijiet ta’ adattament ikunu fis-seħħ u li l-baġits ikunu proporzjonati mal-ħtiġijiet ta’ investiment, b’mod partikolari fis-setturi vulnerabbli prijoritarji.

    4.

    Tinvolvi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati li huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ adattament taċ-Ċekja. Tiddokumenta l-proċessi u l-eżiti tal-konsultazzjonijiet rilevanti. Ittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ governanza (nazzjonali/reġjonali/lokali) biex jiġu allinjati l-għodod tal-ippjanar u biex jiġu megħjuna l-interventi kkoordinati mmirati lejn trasformazzjoni sistemika. Tinvolvi sħab soċjali u partijiet interessati mis-settur privat fid-disinn, l-implimentazzjoni, u l-investimenti tal-politika. Tiddokumenta l-proċessi u l-eżiti tal-konsultazzjonijiet rilevanti. Tistabbilixxi mekkaniżmi biex jiżguraw li l-politiki sottonazzjonali jitħejjew, u li dawn jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment.

    5.

    Tippromwovi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u adattament ibbażat fuq l-ekosistema fi strateġiji, politiki u pjanijiet nazzjonali u tipprovdi investimenti għall-implimentazzjoni tagħhom.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Kadri SIMSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

    (2)   ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.

    (3)  Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Gwida lill-Istati Membri għall-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tal-2021 sal-2030 (ĠU C 495, 29.12.2022, p. 24).

    (4)  COM(2022) 230 final.

    (5)  SWD(2022) 605 final, SWD(2023) 603 final.

    (6)  COM (2022) 605 Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill; COM(2023) 603 final, Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26), kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).

    (8)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1) kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami (ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023 ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

    (11)  Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ COM (2023) 669 final, 24.10.2023 u l-Komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-ambizzjoni tal-UE rigward l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, COM (2023) 668 final.

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).

    (13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”, COM/2022/360 final.

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

    (16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija – Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzazzata u sigura (ĠU C 103 20.3.2023 p. 1).

    (17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku (ĠU L 2023/2407, 23.10.2023 ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2407/oj).

    (18)  Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

    (19)  SWD(2023) 926.

    (20)  Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2023, COM(2023) 653 final, u l-Valutazzjoni tal-progress tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Istati Membri individwali skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, SWD(2023) 932.

    (21)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022 p. 35).

    (22)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/603/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top