Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2123

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2123 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija

    ST/12167/2024/INIT

    ĠU L, 2024/2123, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2123/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2123/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/2123

    1.8.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2123

    tas-26 ta’ Lulju 2024

    dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Ungerija,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 126(1)tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi pubbliċi eċċessivi.

    (2)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi governattivi sodi u sostenibbli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.

    (3)

    Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126 TFUE, kif kjarifikata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1), li tifforma parti mill-PST, tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 (3), li emenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97. Peress li l-Kunsill għadu ma stabbilixxiex il-perkors tan-nefqa netta għall-Ungerija, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-konformità mal-kriterju tad-dejn f’konformità mar-regoli l-ġodda.Din id-deċiżjoni għalhekk tikkonċerna biss l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-prodott domestiku gross (PDG) fir-rigward tal-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG, f’konformita’ mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

    (4)

    L-Artikolu 126(5) TFUE jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ defiċit eċċessiv fi Stat Membru, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tinforma lill-Kunsill kif xieraq. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2024 adottat skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottata skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Ungerija. Fit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Ungerija u infurmat lill-Kunsill kif xieraq.

    (5)

    L-Artikolu 126(6) TFUE jipprovdi li l-Kunsill għandu jikkunsidra kwalunkwe osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni wara stima kumplessiva dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Ungerija, l-istima kumplessiva twassal għall-konklużjonijiet stabbiliti hawn taħt.

    (6)

    Skont id-data vvalidata mill-Kummissjoni (Eurostat) fit-22 ta’ April 2024, id-defiċit tal-gvern estiż fl-Ungerija laħaq is-6,7 % tal-PDG fl-2023, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 73,5 % tal-PDG. Il-Kummissjoni, fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE qieset li l-eċċess tad-defiċit fuq il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG fl-2023 mhuwiex eċċezzjonali, peress li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn reċessjoni ekonomika severa fis-sens tal-PST. L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-TFUE wkoll mhux temporanju, ibbażat fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, li pprojettat li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ “l fuq minn 3 % tal-PDG fl-2024 u l-2025. Kollox ma’ kollox” id-defiċit għall-2023 kien ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess la huwa meqjus bħala eċċezzjonali kif definit mit-TFUE u l-PST, u lanqas ma huwa meqjus temporanju. Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 prima facie mhuwiex issodisfat.

    (7)

    Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 tal-Ungerija, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jilħaq l-4,5 % tal-PDG fl-2024. It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jindika defiċit ta’ 5,4 % tal-PDG fl-2024, li huwa’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG. Id-differenza bejn iż-żewġ settijiet ta’ projezzjonijiet tirriżulta primarjament mit-tkabbir tal-linja bażi ogħla pproġettata fin-nefqa fit-tbassir tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagi pubbliċi, il-konsum intermedju u t-trasferimenti kurrenti. Il-Kummissjoni tbassar ukoll dħul kemxejn aktar baxx mill-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet fl-2024.

    (8)

    F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont dak l-Artikolu. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu dawk il-fatturi rilevanti fil-passi wara r-rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE u li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv biss jekk – qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti – id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jibqa’ qrib il-valur referenzjarju u l-eċċess tiegħu fuq il-valur referenzjarju jkun temporanju. Fil-każ tal-Ungerija, dik il-kundizzjoni doppja ma ġietx issodisfata. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed iqisu l-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni.

    (9)

    Fid-dawl tal-iskadenza tal-20 ta’ Settembru 2024 għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, liema skadenza tista’ tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 36(1), punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod indikattiv sal-15 ta’ Ottubru 2024, li hija d-data għall-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-Kunsill jieħu nota li l-pass li jmiss fil-proċedura, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, se jikkoinċidi mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan l-approċċ jippermetti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti baġitarji skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament stabbilit fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. L-iffaċilitar ta’ tali konsistenza, filwaqt li tiġi evitata lakuna fis-sorveljanza skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jirrikjedi li l-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jiġu ppreżentati fil-pront. Din l-iskeda ta’ żmien jenħtieġ li tiġi kkunsidrata eċċezzjonali u marbuta mat-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid, u għalhekk li ma toħloqx preċedent. Il-Kunsill jieħu nota wkoll li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni f’waqtha tal-pjan fiskali- strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE se tikkunsidra t-trajettorja referenzjali trażmessa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru ddeterminata skont ir-Regolament (UE) 2024/1263,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn stima kumplessiva jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Ungerija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fid-data ta’ notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    BÓKA J.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997 p. 6).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2123/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top