Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2023

Deċiżjoni (UE) 2024/2023 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2024 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/18)

ECB/2024/18

ĠU L, 2024/2023, 25.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2023/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2023/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2023

25.7.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/2023 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Lulju 2024

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/18)

Il-kunsill governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ikun hemm aktar effiċjenza fil-funzjonament tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, u b’kont meħud tal-esperjenza miksuba minn meta ġew ikkonferiti kompiti superviżorji lill-BĊE bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (1), ir-rekwiżit tal-firma tal-President tal-minuti tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv u r-regola dwar il-provvediment tal-proċedimenti tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju lill-Kunsill Governattiv għandhom jiġu aġġustati, kjarifiki editorjali għandhom isiru u żviluppi teknoloġiċi għandhom jiġu riflessi fir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE.

(2)

Għall-istess raġuni, għandha tiġi introdotta aktar flessibiltà sabiex jiġi permess it-tiġdid tal-mandat ta’ ħames snin tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju filwaqt li tinżamm il-limitazzjoni attwali li t-terminu tal-mandat tal-Viċi-President tal-Bord Superviżorju ma jestendix lil hinn mit-tmiem tal-mandat tagħhom bħala membru tal-Bord Eżekuttiv, anke fil-kuntest ta’ tiġdid.

(3)

Żewġ dispożizzjonijiet fir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE huma superfluwi u għandhom jitħassru. L-ewwel, regoli dwar votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata fil-Bord Superviżorju, li m’għadhomx japplikaw, għandhom jitħassru. It-tieni, regoli proċedurali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jirriflettu r-rekwiżiti fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, għandhom ukoll jitħassru.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2.5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Laqgħat jistgħu wkoll isiru permezz ta’ telekonferenza, sakemm mhux anqas minn tliet Gvernaturi joġġezzjonaw.”;

(2)

L-Artikolu 3.1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Salv kif ipprovdut hawnhekk, l-attendenza fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv għandha tkun limitata għall-membri tiegħu, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membru tal-Kummissjoni.”;

(3)

L-Artikolu 5.2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-minuti tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv għandhom ikunu approvati fil-laqgħa ta’ wara (jew jekk ikun meħtieġ iktar kmieni bi proċedura bil-miktub) mill-membri tal-Kunsill Governattiv li kellhom dritt tal-vot fil-laqgħa li għaliha jirreferu l-minuti u għandhom ikunu iffirmati mill-President jew mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv sabiex jiġu ċċertifikati.”;

(4)

L-Artikolu 13b.5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-mandat tal-Viċi-President tal-Bord Superviżorju huwa ta’ ħames snin u jista’ jiġi estiż, f’konformità mal-proċedura tal-ħatra kif stabbilita fil-paragrafu 3. Madanakollu, dan ma jistax jiġi estiż lil hinn mit-tmiem tal-mandat tiegħu/tagħha bħala membru tal-Bord Eżekuttiv.”;

(5)

L-Artikolu 13ċ huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (i) huwa mħassar;

(b)

il-punt (ii) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(ii)

Id-deċiżjonijiet għandhom jitqiesu bħala adottati meta mill-inqas 55 % tal-membri tal-Bord Superviżorju li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali, jitfgħu vot favur. Minoranza li tibblokka għandha tinkludi mill-inqas numru minimu ta’ membri tal-Bord Superviżorju li jirrappreżentaw 35 % tal-popolazzjoni totali, flimkien ma’ membru ieħor, fin-nuqqas ta’ dan il-maġġoranza kkwalifikata għandha titiqies milħuqa.”;

(c)

il-punt (iii) hu mħassar;

(6)

L-Artikolu 13f huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13f

Laqgħat tal-Bord Superviżorju

Il-Bord Superviżorju għandu normalment iżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-BĊE. Il-proċeduri tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jiġu pprovduti lill-Kunsill Governattiv, fuq bażi regolari, għall-informazzjoni.”

;

(7)

L-Artikolu 13i huwa mħassar;

(8)

L-Artikolu 17.1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Ir-Regolamenti tal-BĊE għandhom jiġu addottati mill-Kunsill Governattiv u ffirmati mill-President.”;

(9)

L-Artikolu 17.2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-Linji Gwida tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u minn hemm ’il quddiem innotifikati, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, u ffirmati mill-President. Huma għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bbażati. Kull Linja Gwida tal-BĊE li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(10)

L-Artikolu 17.6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“L-Istruzzjonijiet tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv, u minn hemm ’il quddiem għandhom jiġu nnotifikati, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, u ffirmati mill-President jew minn kwalunkwe żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv. Kwalunkwe struzzjoni tal-BĊE li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(11)

L-Artikolu 17a.2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-linji gwida tal-BĊE relatati ma’ kompiti superviżorji skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati, u ffirmati mill-President.”;

(12)

L-Artikolu 17a.3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Istruzzjonijiet tal-BĊE relatati ma’ kompiti superviżorji skont l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 6(5), il-punt (a), u l-Artikoli 7(1), 7(4), 9(1) u 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati, u ffirmati mill-President f’isem il-Kunsill Governattiv. Huma għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bbażati.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Lulju 2024.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2023/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top