Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1997

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1997 tat-22 ta’ Lulju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/156 li ġġedded il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda

    C/2024/5091

    ĠU L, 2024/1997, 24.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1997/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1997/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1997

    24.7.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1997

    tat-22 ta’ Lulju 2024

    li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/156 li ġġedded il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (1),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/156 (2) ġeddet il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda (“GEE”) għal perjodu indefinit biex tiżgura li dan ikompli jipprovdi parir indipendenti fuq livell orizzontali lill-Kummissjoni dwar il-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni fejn id-dimensjonijiet etiċi, soċjetali u tad-drittijiet fundamentali jiltaqgħu mal-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġiji l-ġodda, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess u bi qbil mal-Kummissjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fost l-oħrajn, għandu l-objettiv li jwettaq il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi u l-politiki tal-Unjoni, li f’konformità mal-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom l-għan li jippromwovu l-paċi, il-valuri tal-Unjoni u l-benesseri tal-popli tagħha. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 jistipula li l-objettiv speċifiku tal-Programm huwa, inter alia, li jiġġenera l-għarfien li jappoġġa u jimplimenta l-politiki tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali. L-Artikolu 12(6) jistabbilixxi li l-baġit ta’ Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż ta’ preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar, evalwazzjoni u attivitajiet oħra u nefqiet meħtieġa għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, inkluż l-infiq amministrattiv kollu, kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-ksib tal-għanijiet tiegħu. Jista’ jkopri wkoll, sa fejn ikunu relatati mal-għanijiet tal-Programm, spejjeż relatati ma’ studji, ma’ laqgħat ta’ esperti, ma’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni. Il-GEE jagħti pariri li jissodisfaw l-objettivi tal-Orizzont Ewropa.

    (3)

    L-attivitajiet tal-GEE huma essenzjali għall-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politiki jew tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-Kummissjoni peress li jappoġġaw l-integrazzjoni tad-drittijiet u tal-valuri fundamentali fil-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġiji l-ġodda. Il-GEE huwa stabbilit għal dan il-għan speċifiku u għandu l-kompitu li jipprovdi gwida kritika għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki jew tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-forma ta’ analiżijiet u rakkomandazzjonijiet, ippreżentati f’Opinjonijiet u f’Dikjarazzjonijiet u orjentati lejn il-promozzjoni ta’ tfassil tal-politika tal-Unjoni b’mod etiku. Il-gwida pprovduta mill-GEE hija żviluppata bi tweġiba għat-talbiet mill-Kummissjoni dwar l-isfidi speċifiċi ffaċċjati, jew fuq inizjattiva proprja tal-GEE abbażi tal-identifikazzjoni tiegħu ta’ sfidi speċifiċi li l-Kummissjoni tista’ tindirizza. Il-parir tal-GEE wasal biex ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma u sfidi ta’ kumplessità akbar. L-interazzjoni bejn id-domanda tal-politika u l-parir tal-GEE jenħtieġ li tissaħħaħ aktar, u n-natura indipendenti, il-kwalità, l-integrità u t-trasparenza tal-parir tiegħu lill-Kummissjoni jenħtieġ li jkomplu jiġu żgurati bl-ogħla standards. Għalhekk, jenħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju adegwat fil-forma ta’ indennizz speċjali għall-membri tal-GEE, b’mod parallel mar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

    (4)

    Il-GEE jenħtieġ li jkun magħmul minn esperti kwalifikati ħafna u indipendenti, maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għall-għażla tagħhom, il-Kummissjoni hija megħjuna minn Kumitat tal-Identifikazzjoni indipendenti. L-għażla ssir fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, wara sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet. Jenħtieġ li jingħata wkoll appoġġ finanzjarju adegwat lill-membri tal-Kumitat tal-Identifikazzjoni fil-forma ta’ indennizz speċjali biex jiġu kkumpensati għax-xogħol essenzjali tagħhom fiż-żamma tal-integrità tal-GEE fil-kuntest tal-għażla tal-membri tal-GEE.

    (5)

    Il-GEE jenħtieġ li jaħtar President u Viċi President wieħed jew tnejn għal durata li ma taqbiżx il-mandat tagħhom.

    (6)

    Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkun jista’ jsejjaħ laqgħat tal-GEE mhux biss fiżikament iżda wkoll online biex iqis l-arranġamenti tax-xogħol il-ġodda li ġew introdotti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-politika tal-Ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni.

    (7)

    L-avvenimenti tad-diskussjoni madwar mejda tal-GEE jenħtieġ li ma jibqgħux marbuta mal-iżvilupp ta’ Opinjoni, sabiex ikunu jistgħu jiġu organizzati meta jkun rilevanti u possibbli.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2021/156 tiġi emendata skont dan,

    IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Id-Deċiżjoni (UE) 2021/156 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-proċess tal-għażla għandu jkun issorveljat minn Kumitat tal-Identifikazzjoni. B’mod partikolari, il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni u fl-għażla tal-membri potenzjali tal-GEE u fil-valutazzjoni tad-disponibbiltà u tar-rieda tagħhom li jservu fir-rwol. Il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jkun magħmul minn tliet membri, maħtura abbażi tal-esperjenza rilevanti tagħhom mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għad-dipartiment tal-Kummissjoni li jipprovdi s-segretarjat tal-GEE u jkun appoġġat minn segretarjat ipprovdut mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jagħmel valutazzjoni tal-kandidati eliġibbli mil-lista sottomessa mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ valutazzjoni inizjali tal-applikazzjonijiet kollha skont il-kriterji tal-għażla. Il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għad-dipartiment tal-Kummissjoni li jipprovdi s-segretarjat tal-GEE.”

    (2)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-GEE għandu jeleġġi President u Viċi President wieħed jew tnejn minn fost il-membri tiegħu għal durata li ma taqbiżx il-mandat tagħhom b’maġġoranza sempliċi.”

    (3)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Il-laqgħat tal-GEE għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni, permezz ta’ vidjokonferenza jew bil-modalità ibridà, f’konformità mal-modalitajiet u l-kalendarju stabbilit mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni. Il-GEE għandu jiltaqa’ bejn erba’ u sitt darbiet matul perjodu ta’ 12-il xahar. Jistgħu jiġu organizzati aktar laqgħat skont il-bżonn, bi qbil mad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni.”

    (4)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni għandu jorganizza diskussjoni pubblika madwar mejda sabiex jippromwovi d-djalogu u jtejjeb it-trasparenza dwar il-kwistjonijiet li jkun qed jaħdem fuqhom il-GEE. Il-GEE għandu jistabbilixxi rabtiet mill-qrib mad-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati minn kwistjonijiet li jkun qed jaħdem fuqhom il-GEE.”

    (5)

    L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Indennizzi speċjali u spejjeż tal-laqgħat

    1.   Il-membri tal-GEE għandhom jitħallsu EUR 450 għal kull jum ta’ attendenza sħiħa f’laqgħa plenarja, EUR 225 għal attendenza parzjali, u EUR 225/450 għal kull nofs jum/jum sħiħ ta’ xogħol addizzjonali fis-servizz tal-GEE. Huma ma għandux ikollhom relazzjoni ta’ impjieg mal-Kummissjoni. L-indennizzi speċjali għandhom jitħallsu lill-membri tal-GEE, tas-sottogruppi tiegħu u tal-Kumitat tal-Identifikazzjoni skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 21(2) tar-regoli orizzontali.

    2.   Il-membri tal-GEE jistgħu jintalbu mill-Kummissjoni biex jiddedikaw sa 40 jum tax-xogħol (li jinkludu laqgħat u xogħol) fis-sena għal dawn il-kompiti. Għall-President u l-Viċi Presidenti, in-numru massimu huwa ta’ 60 jum ta’ xogħol.

    3.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-GEE u tas-sottogruppi tiegħu u mill-membri tal-Kumitat tal-Identifikazzjoni skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mar-rati pprovduti skont l-Artikolu 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (4) u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.”

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Iliana IVANOVA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  C(2016) 3301, 30.5.2016, https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=C(2016)3301&lang=en.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/156 tad-9 ta’ Frar 2021 li ġġedded il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda (ĠU L 46, 10.2.2021, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/156/oj).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj.

    (4)  Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 45 14.6.1962, p. 1385, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1962/11(3)/oj). [Fl-att konsolidat, din in-nota f’qiegħ il-paġna se tiġi numerata “7” minflok “3”.]


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1997/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top