Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1854

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1854 tal-21 ta’ Ġunju 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ Anness IV, dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

    ST/10316/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1854, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1854/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1854/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1854

    5.7.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1854

    tal-21 ta’ Ġunju 2024

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO, rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ Anness IV, dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u huma membri tal-ICAO.

    (2)

    Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-ICAO li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Memorandum ta’ Kooperazzjoni”) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012.

    (3)

    Skont il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit fih jista’ jadotta annessi tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.

    (4)

    Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kumitat Konġunt UE-ICAO huwa mistenni jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ Anness IV tal-Memordandum ta’ Kooperazzjoni, dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni. Dak l-Anness IV ġdid għandu jipprovdi għall-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż attivitajiet ta’ taħriġ, fl-oqsma koperti mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji u, meta jkun xieraq, li jiġu kkoordinati dawk l-attivitajiet.

    (5)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni tal-Anness IV il-ġdid dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, billi tiġi appoġġata l-adozzjoni tiegħu, peress li ser ikun vinkolanti għall-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Anness IV ġdid, dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, skont l-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)   ĠU L 232, 9.9.2011, p. 2.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO

    ta’ …

    rigward l-adozzjoni ta’ Anness IV, dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

    IL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO,

    Wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-“Memorandum ta’ Kooperazzjoni”), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 7.3(c) tiegħu,

    Billi jixraq li jiġi inkluż Anness dwar il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fil-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, fl-oqsma koperti mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huwa b’dan adottat, u għandu jifforma parti integrali mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi…, …

    Għall-Kumitat Konġunt UE-ICAO

    Il-Presidenti

    Għall-Unjoni Ewropea

    Għall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    ANNESS

    ANNESS IV tal-MtK

    BINI TAL-KAPAĊITAJIET, ASSISTENZA TEKNIKA U APPOĠĠ GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI

    1.   OBJETTIVI

    1.1

    Il-partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-forniment tal-bini tal-kapaċitajiet tal-avjazzjoni, tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni, soġġett għall-politiki u għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Partijiet, bil-ħsieb li jappoġġaw il-ksib tal-Objettivi Strateġiċi tal-ICAO globalment fl-oqsma li jaqgħu taħt il-qafas tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni (MtK) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Marzu 2012, u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 7.3(c) tiegħu.

    1.2

    Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol tal-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fil-ksib tal-Objettivi Strateġiċi tal-ICAO globalment u fl-iżgurar tal-konformità globali mal-Istandards u mal-Prattiki Rakkomandati (SARPs) tal-ICAO, il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-attivitajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni bil-ħsieb li jidentifikaw is-sinerġiji u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni possibbli.

    2.   AMBITU

    2.1

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi speċifikati fil-paragrafi 1.1 u 1.2, u b'mod komplementari għall-kooperazzjoni stabbilita skont l-Annessi I, II u III tal-MtK, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:

    L-istabbiliment ta' djalogu regolari dwar l-attivitajiet b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż attivitajiet ta' taħriġ, fl-oqsma koperti mill-MtK UE-ICAO, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji u, meta jkun xieraq, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati dawk l-attivitajiet;

    L-appoġġ u l-iffaċilitar tal-forniment tal-attivitajiet tal-Partijiet b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni, inkluż:

    permezz tat-twettiq, meta jkun xieraq, ta' attivitajiet konġunti b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni;

    permezz tal-forniment ta' esperti fil-qasam u kwalunkwe appoġġ ieħor in natura, kif ikun xieraq;

    permezz tal-iżvilupp u tat-twassil ta' prodotti tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-iżvilupp tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni, u ta' taħriġ;

    permezz tal-parteċipazzjoni fi proġetti tekniċi, meta jitqies li jkun xieraq.

    Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali;

    Il-promozzjoni tal-attivitajiet tal-Partijiet rispettivi kif ikun xieraq, inkluż permezz tal-forniment ta' informazzjoni lill-korpi rilevanti tal-Partijiet dwar l-attivitajiet imwettqa.

    3.   IMPLIMENTAZZJONI

    3.1

    Kif previst fl-Artikoli 3.3 u 4.1(a) tal-MtK, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' ħidma, kif meħtieġ, biex jimplimentaw b'mod effettiv l-attivitajiet ta' kooperazzjoni speċifikati fl-Artikoli 2.1. u 5 ta' dan l-Anness. Dawn l-arranġamenti ta' ħidma għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 7.3(c) tal-MtK.

    4.   DJALOGU

    4.1

    Il-Partijiet għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena, fil-livell tad-Direttur tal-ICAO tal-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni tal-Kapaċità, bl-assistenza ta' Diretturi oħra tal-ICAO kif ikun xieraq, u tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għall-ICAO, assistit mir-Rappreżentant tal-EASA u mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea kif ikun xieraq, u jirrapportaw lura dwar dawk l-iskambji lil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO. Ir-Rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Kunsill tal-ICAO u entitajiet oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu dan id-djalogu.

    4.2

    Matul id-djalogu msemmi fil-paragrafu 4.1, il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-attivitajiet rispettivi tagħhom b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni fl-oqsma koperti mill-MtK UE-ICAO, u jidentifikaw is-sinerġiji possibbli u, meta jkun xieraq, ifittxu li jikkoordinaw l-attivitajiet rispettivi tagħhom kif spjegat fl-Artikolu 5.

    4.3

    Id-djalogu msemmi fil-paragrafu 4.2 għandu jkun ikkomplementat, mill-inqas darba kull tliet xhur, bi skambju fil-livell tekniku fil-livell ta' punti ta' kuntatt li għandhom jiġu ddeżinjati minn kull parti.

    5.   APPOĠĠ U FAĊILITAZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

    5.1

    Il-Partijiet jaqblu, inkluż bħala riżultat tad-Djalogu msemmi fl-Artikolu 4, li jappoġġaw u li jiffaċilitaw il-forniment tal-attivitajiet tal-Partijiet b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni.

    5.2

    Meta jkun xieraq, jistgħu jitwettqu attivitajiet konġunti b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni.

    5.3

    Dan l-appoġġ jista' jieħu l-forma ta' forniment ta' esperti fil-qasam b'għarfien espert tekniku ppruvat f'oqsma rilevanti.

    5.4

    Dan l-appoġġ jista' jieħu wkoll il-forma tal-iżvilupp u tat-twassil ta' prodotti tal-bini tal-kapaċitajiet, tal-iżvilupp tal-assistenza teknika u tal-appoġġ għall-implimentazzjoni, tat-taħriġ, u tal-parteċipazzjoni fi proġetti tekniċi, meta jitqies li jkun xieraq.

    5.5

    Dan l-appoġġ għandu jinkludi, kif ikun xieraq, kooperazzjoni fuq il-post bejn l-Uffiċċji Reġjonali tal-ICAO rilevanti u t-timijiet mibgħuta bħala parti mill-attivitajiet iffinanzjati mill-UE b'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-assistenza teknika jew tal-appoġġ għall-implimentazzjoni.

    5.6

    L-użu tal-logos rispettivi għandu jitqies meta jkun pertinenti għall-attività, soġġett għar-regoli u għall-proċeduri ta' kull parti.

    6.   KOOPERAZZJONI REĠJONALI

    6.1

    Fl-attivitajiet tagħhom li għandhom l-għan li jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-SARPs tal-ICAO, il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lill-approċċi reġjonali li joffru opportunitajiet għal titjib fil-proċessi tal-kosteffiċjenza, tas-sorveljanza u/jew tal-istandardizzazzjoni.

    7.   PROMOZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

    7.1

    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-attivitajiet rispettivi tagħhom kif ikun xieraq. Dan jista' jinkludi b'mod partikolari l-forniment ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fl-applikazzjoni ta' dan l-Anness lill-korpi rilevanti tagħhom bħall-Kunsill tal-ICAO, il-maniġment rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea jew il-korpi rilevanti tal-EASA.

    8.   RIEŻAMI

    8.1

    Il-Partijiet għandhom jirrieżaminaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Anness fuq bażi regolari u jikkunsidraw kwalunkwe żvilupp rilevanti fil-politiki jew żvilupp regolatorju rilevanti, skont il-bżonn.

    8.2

    Kwalunkwe reviżjoni ta' dan l-Anness għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 ta' dan l-MtK.

    9.   DĦUL FIS-SEĦĦ, EMENDI U TERMINAZZJONI

    9.1

    Dan l-Anness għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt u għandu jibqa' fis-seħħ sa ma jiġi terminat. It-terminazzjoni mhix ser taffettwa l-implimentazzjoni tal-attivitajiet li jkunu għaddejjin għajr jekk ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

    9.2

    L-arranġamenti ta' ħidma miftiehma skont dan l-Anness għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt.

    9.3

    Kwalunkwe emenda jew terminazzjoni tal-arranġamenti ta' ħidma adottati skont dan l-Anness għandhom jiġu miftiehma fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

    9.4

    Kull Parti tista' tittermina dan l-Anness fi kwalunkwe waqt. Tali terminazzjoni għandha tkun effettiva sitt xhur wara li parti taslilha notifika bil-miktub tat-terminazzjoni mingħand il-parti l-oħra, għajr jekk tali notifika ta' terminazzjoni tkun ġiet irtirata bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jkun skada l-perjodu ta' sitt xhur.

    9.5

    Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk l-MtK jiġi terminat, dan l-Anness u kwalunkwe arranġament ta' ħidma adottat skontu għandhom jiġu terminati fl-istess waqt.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1854/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top