Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1224

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1224 tat-30 ta’ April 2024 li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Монгол Тогтвортой ноолуур/Mongol Togtvortoi Nooluur (IĠP) (notifikata bid-dokument C(2024) 2755)

    C/2024/2755

    ĠU L, 2024/1224, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1224/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1224/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1224

    2.5.2024

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1224

    tat-30 ta’ April 2024

    li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ‘Монгол Тогтвортой ноолуур/Mongol Togtvortoi Nooluur’ (IĠP)

    (notifikata bid-dokument C(2024) 2755)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Сонгоύогогтвортнооолύand Mongol Togtvortoi Nooluur” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (PGI-MN-02885), imressqa fit-22 ta’ Diċembru 2022 mill-MNFPUGs Sustainable Cashmere Srl li tirrappreżenta l-Unjoni tal-Mongolian National Federation of Pasture User Groups of Herders (MNFPUG) u hija kkontrollata minnha.

    (2)

    Wara l-iskrutinju, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ rifjut fil-5 ta’ April 2023 fejn indikat li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. F’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa definit b’referenza għall-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Il-kategorija tal-prodott “cashmere” mhi inkluża fl-ebda wieħed minn dawn l-annessi u konsegwentement ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

    (3)

    Barra minn hekk, minħabba li l-applikazzjoni mressqa kklassifikat il-prodott bħala suf (l-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 668/2014: klassi 2.15.), il-Kummissjoni spjegat li skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-kaxmer ma jistax jiġi interpretat bħala suf, minħabba li l-kaxmer u s-suf jirrappreżentaw żewġ prodotti distinti.

    (4)

    Il-Kummissjoni ċċarat li l-Anness I tat-Trattat, li huwa trasferiment tal-klassifikazzjoni rilevanti fin-nomenklatura ta’ Brussell, juża l-klassifikazzjoni f’termini ta’ kodiċijiet NM mill-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2) biex jiddetermina liema prodott aktar speċifiku jaqa’ taħt kull kategorija elenkata fl-Anness I tat-Trattat. Dan l-istess approċċ huwa applikat biex jiġi ddeterminat il-prodott speċifiku li jaqa’ taħt kull klassi ta’ prodott imsemmi fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (5)

    Skont in-Nota ta’ Spjegazzjoni 1 tal-Kapitolu 51 tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, “suf” u “xagħar fin jew aħrax tal-annimali tal-Kashmir jew mogħoż simili” huma żewġ oġġetti distinti, fejn “suf” tfisser il-fibra naturali mkabbra min-nagħaġ jew mill-ħrief, filwaqt li “xagħar fin tal-annimali” hija kategorija separata li tinkludi ċerti speċijiet ta’ xagħar tal-mogħoż (iżda mhux tal-mogħoż komuni), u li fosthom il-“mogħża tal-Kashmir” hija elenkata speċifikament.

    (6)

    Barra minn hekk, id-distinzjoni hija evidenti wkoll fil-livell tal-kodiċijiet NM fil-Kapitolu 51 tat-Taqsima XI fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, fejn “suf” huwa kklassifikat bħala “Kodiċi NM 5101 — Suf, mhux mimxut jew imqardex” u l-kashmere huwa inkluż taħt “Kodiċi NM 5102 — Xagħar fin jew aħrax ta’ annimali, mhux mimxut jew imqardex”. Għalhekk, minkejja l-applikazzjoni mressqa li tiddeskrivi l-prodott bħala “tip ta’ suf”, huwa kruċjali li wieħed jinnota li “suf” skont it-tifsira tal-kodiċi NM 5101 jenħtieġ li ma jiġix interpretat li jinkludi prodotti taħt il-kodiċi NM 5102. Għaldaqstant, skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, “kaxmer” ma jistax jitqies bħala subkategorija ta’ “suf”.

    (7)

    Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-applikant ġie infurmat li jekk ma tasal l-ebda osservazzjoni fi żmien xahrejn minn meta tasal l-ittra (datata l-5 ta’ April 2023), il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni.

    (8)

    Fir-risposta ppreżentata lill-Kummissjoni fl-20 ta’ April 2023, l-applikant qajjem diversi osservazzjonijiet, li primarjament jikkontestaw l-użu tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fl-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-applikant isostni li anke jekk ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jintuża biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, kemm is-suf kif ukoll il-kaxmer huma inklużi fil-Kapitolu 51 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tinnota li, peress li s-suf biss huwa inkluż fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u mhux il-kaxmer, u dan it-terminu mhuwiex definit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jeħtieġ infittxu t-tifsira tiegħu f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Il-Kummissjoni tuża l-klassifikazzjoni doganali bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prodott, sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni speċjalizzata oħra. F’dan il-każ, ma jeżisti xejn.

    (9)

    L-applikant jindika wkoll fl-osservazzjonijiet tiegħu li regolamenti u direttivi rilevanti oħra tal-Unjoni jirreferu għal “suf tal-kaxmer” jew jassoċjaw il-kaxmer mas-suf. L-applikant jikkwota b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (10)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ebda wieħed minn dawn l-atti leġiżlattivi ma jiddefinixxi l-kaxmer bħala suf. L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011 fih il-lista tal-ismijiet tal-fibri tat-tessuti u, skont it-Tabella 1 f’dan l-Anness, minbarra fibra mis-suf tan-nagħaġ jew tal-ħrief, it-terminu “suf” jista’ jintuża wkoll għal “taħlita ta’ fibri mis-suf tan-nagħaġ jew tal-ħrief u x-xagħar tal-annimali elenkati fin-numru 2”. Il-kaxmer huwa elenkat fin-numru 2. B’hekk, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011, tessut li jkun fih fibri tal-kaxmer jista’ jiġi ttikkettat biss bħala “suf” jekk ikun taħlita ta’ fibri tas-suf u tal-kaxmer. Dan ifisser li tessut magħmul esklussivament minn fibri tal-kaxmer ma jistax jissejjaħ “suf” għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011 u jkollu jiġi ttikkettat bħala “kaxmer” jew “suf tal-kaxmer” jew “xagħar tal-kaxmer” skont ir-regoli stabbiliti fin-numru 2 tat-Tabella 1. Peress li dawn l-ismijiet huma inklużi taħt numru differenti fit-tabella, mhumiex sottokategoriji ta’ “suf” iżda ismijiet distinti. Fir-rigward tad-Direttiva 2008/121/KE, din ma għadhiex fis-seħħ peress li tħassret bir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 imsemmi hawn fuq.

    (11)

    Barra minn hekk, l-applikant ippreżenta diversi definizzjonijiet ta’ kaxmer u suf minn diversi sorsi, primarjament mill-pubblikazzjoni “Wool Notes” tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tat-Tessuti tas-Suf (IWTO); L-istandard DIN 60001-1, l-Istitut Ġermaniż għall-istandardizzazzjoni; L-att Ġermaniż dwar it-tikkettar tat-tessuti; Titolu 15 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti § 68 B u Wikipedia. Il-Kummissjoni tinnota li għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Unjoni t-terminu “suf” jista’ jiġi ddeterminat biss bl-użu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, għalhekk, id-diversi dokumenti indikati mill-applikant mhumiex applikabbli f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, is-sorsi indikati jirreferu prinċipalment għas-“suf tal-kaxmer” f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1007/2011.

    (12)

    Barra minn hekk, l-applikant irrefera għall-avviż ta’ informazzjoni — il-konsultazzjoni pubblika dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (5), ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, li jinkludi l-isem “Alxa Cashmere”, li wassal lill-applikant biex jaħseb li l-kaxmer jista’ jiġi protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012. F’dan il-każ, il-protezzjoni mitluba għall-“Alxa Cashmere” hija għal-laħam frisk tal-mogħża tal-kaxmer u mhux għax-xagħar fin ta’ dawn il-mogħoż.

    (13)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Монгол Тогтвортой ноолуур/Mongol Togtvortoi Nooluur” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li tikkonċerna prodott li l-kategorija tiegħu ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (14)

    Għalhekk, jenħtieġ li tiġi miċħuda l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Монгол Тогтвортой ноолуур/Mongol Togtvortoi Nooluur” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Монгол Тогтвортой ноолуур/Mongol Togtvortoi Nooluur” hija rrifjutata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-applicant:

    MNFPUGs Sustainable Cashmere Srl

    Via Borgovico 223

    22100 Como CO

    L-Italja

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju, 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1007/2018-02-15).

    (4)  Id-Direttiva 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar ismijiet tat-tessuti (ĠU L 19, 23.1.2009, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/121/oj).

    (5)   ĠU C 459, 2.12.2022, p. 17.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1224/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top