Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1005

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1005 tal-25 ta’ Marzu 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards dwar il-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna

    ST/7305/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1005, 2.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1005/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1005/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1005

    2.4.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1005

    tal-25 ta’ Marzu 2024

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards dwar il-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868, kif emendata bil-Konvenzjoni li temenda l-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, iffirmata fi Strasburgu fl-20 ta’ Novembru 1963 (il-“Konvenzjoni”), daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967. Il-Konvenzjoni żżomm lill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) u r-reġim għan-navigazzjoni interna tar-Renu stabbilit fl-1815.

    (2)

    Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (“CESNI”) twaqqaf fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tas-CCNR biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

    (3)

    L-adozzjoni ta’ standards mis-CESNI ma għandhiex effett legali dirett, iżda d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) teżiġi li ssir referenza għall-istandards tas-CESNI l-aktar reċenti dwar il-kwalifiki professjonali, jiġifieri l-Istandards Ewropej għall-Kwalifiki fin-Navigazzjoni Interna (“ES-QIN”). Is-CCNR tirreferi wkoll għall-istandards l-aktar reċenti fir-Regolamenti tagħha għall-Persunal tan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“RPN”). Skont l-Artikoli 17 u 46 tal-Konvenzjoni, is-CCNR tista’ tadotta riżoluzzjonijiet vinkolanti li jistabbilixxu rekwiżiti għall-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna tar-Renu.

    (4)

    Is-CESNI ser jadotta Standard Ewropew aġġornat għall-Kwalifiki fin-Navigazzjoni Interna 2024/1 (ES-QIN 2024/1) matul is-sessjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024. Wara dik l-adozzjoni, is-CCNR biħsiebha tadotta riżoluzzjoni li temenda l-RPN biex tirreferi għall-ES-QIN 2024/1, fis-sessjoni plenarja tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2024. L-ES-QIN 2024/1 jissostitwixxi l-ES-QIN 2019.

    (5)

    L-ES-QIN 2024/1 ser jipprovdi aġġornament għall-istandards Ewropej armonizzati minimi li hemm bżonn biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà, tkun żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni u tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħajja umana u tal-ambjent. Dawk l-istandards issa ser jiġu aġġornati f’termini ta’ rekwiżiti għat-tbaħħir f’ilmijiet b’karattru marittimu. L-ES-QIN 2024/1 jinkludi wkoll referenzi aġġornati għall-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna u għall- Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar. Fl-aħħar nett, gser iisiru kjarifiki editorjali li jżidu ċ-ċertezza legali.

    (6)

    Jixraq li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI u fi ħdan is-CCNR tiġi stabbilita, billi l-ES-QIN 2024/1 ser ikun kapaċi jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni. L-Artikoli 32 u 34 tad-Direttiva (UE) 2017/2397 jirrikjedu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni li jirreferu għall-verżjoni l-aktar reċenti tal-istandards tas-CESNI fir-rigward ta’ kwalifiki professjonali, dment li dawk l-istandards ikunu disponibbli u aġġornati u jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi ta’ dik id-Direttiva, u dment li l-interessi tal-Unjoni ma jiġux kompromessi minn bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CESNI. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi r-rikonoxximent ta’ dokumenti maħruġa skont l-RPN li jistabbilixxu rekwiżiti li huma identiċi għal dawk ta’ dik id-Direttiva.

    (7)

    Biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà, tkun żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni u tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħajja umana u tal-ambjent, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għal membri tal-ekwipaġġ ikunu kemm jista’ jkun armonizzati skont id-diversi reġimi legali fl-Ewropa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma ukoll membri tas-CCNR ikunu awtorizzati jappoġġaw deċiżjonijiet li jarmonizzaw ir-regoli tas-CCNR mar-regoli applikati fl-Unjoni.

    (8)

    L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri ta’ dawk il-korpi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (“CESNI”) fir-rigward tal-adozzjoni tal-ES-QIN 2024/1 u (CESNI (23) 21 rev.1) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tagħhom.

    2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) għandha tkun li jiġu appoġġati l-proposti kollha li jallinjaw ir-Regolamenti tas-CCNR mal-ES-QIN 2024/1 (CESNI (23) 21 rev.1).

    Artikolu 2

    1.   Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CESNI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    2.   Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    Artikolu 3

    Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. MARON


    (1)  Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 53).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1005/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top