This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D0867
Decision (EU) 2024/867 of the European Parliament and of the Council of 13 March 2024 empowering the French Republic to negotiate, sign and conclude an international agreement on the safety and interoperability requirements within the Channel Fixed Link
Deċiżjoni (UE) 2024/867 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li tagħti s-setgħa lir-Repubblika Franċiża biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal
Deċiżjoni (UE) 2024/867 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li tagħti s-setgħa lir-Repubblika Franċiża biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal
PE/91/2023/REV/1
ĠU L, 2024/867, 18.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/867/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/867 |
18.3.2024 |
DEĊIŻJONI (UE) 2024/867 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Marzu 2024
li tagħti s-setgħa lir-Repubblika Franċiża biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
It-Trattat bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Kollegament Fiss tal-Kanal, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (‘it-Trattat ta’ Canterbury’) stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim tal-Kollegament Fiss tal-Kanal (‘il-Kummissjoni Intergovernattiva’). |
(2) |
Minn tmiem il-perjodu tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3), il-maniġer tal-infrastruttura tal-Kollegament Fiss tal-Kanal u l-impriżi ferrovjarji li joperaw fil-Kollegament Fiss tal-Kanal kienu soġġetti għal żewġ oqfsa legali separati fir-rigward tas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja. |
(3) |
Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika Franċiża talbet l-għoti tas-setgħa mill-Unjoni biex tinnegozja u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal. F’konformità ma’ dik it-talba, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tat is-setgħa lir-Repubblika Franċiża li tinnegozja ftehim biex tiżgura l-applikazzjoni unifikata u dinamika tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttivi (UE) 2016/797 (6) u (UE) 2016/798 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 stipulat il-kundizzjonijiet biex il-Kummissjoni Intergovernattiva tkun tista’ tkompli taqdi r-rwol tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli għall-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża. |
(4) |
Ħareġ ċar min-negozjati bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit li ftehim skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dik id-deċiżjoni mhux ser iwassal għal ftehim li huwa sodisfaċenti għaż-żewġ Partijiet. Għalhekk, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2023, ir-Repubblika Franċiża wriet l-intenzjoni tagħha li tinnegozja u tikkonkludi ftehim differenti. Għalhekk qed jiġi propost għoti ta’ setgħa alternattiv. |
(5) |
Ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabilità ferrovjarja f’sitwazzjonijiet transkonfinali x’aktarx li jaffettwa qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa kopert mil-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/796 u mid-Direttivi (UE) 2016/798 u (UE) 2016/797. Għalhekk, kwalunkwe ftehim bħal dan jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw, jew jikkonkludu, tali ftehim biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jagħmlu dan. Peress li tali ftehim jikkonċerna oqsma koperti mil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, jeħtieġ ukoll li t-tali setgħa tingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 TFUE. |
(6) |
Meta wieħed iqis il-pożizzjoni speċjali tal-Kollegament Fiss tal-Kanal bħala kollegament ferrovjarju li jinvolvi struttura tal-inġinerija waħdanija u kumplessa li tinsab parzjalment fit-territorju tar-Repubblika Franċiża u parzjalment f’pajjiż terz, jixraq li r-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni ta’ regoli koerenti dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal (“il-Ftehim”), kif ukoll biex tiżgura l-kooperazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża, jiġifieri l-Établissement Public de Sécurité Ferroviaire (“EPSF”) u l-awtorità tas-sikurezza nazzjonali tar-Renju Unit, jiġifieri l-Office of Rail and Road (“ORR”). |
(7) |
Il-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża jenħtieġ li tibqa’ soġġetta għal-liġi tal-Unjoni. Il-prinċipji ta’ primazija, u fejn applikabbli, ta’ effett dirett tal-liġi tal-Unjoni u l-kompetenzi rispettivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu salvagwardjati. |
(8) |
It-tilwim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim jenħtieġ li ma jiġix ippreżentat lit-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury jew lil kwalunkwe mezz ieħor ta’ soluzzjoni tat-tilwim legalment vinkolanti. |
(9) |
F’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/796, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji jenħtieġ li jibqa’ jkollha r-responsabbiltà unika għall-funzjonijiet u s-setgħat assenjati lilha u, f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-EPSF jenħtieġ li tibqa’ indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Konsegwentement, fir-rigward tal-kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim, ir-rwol tal-Kummissjoni Intergovernattiva u l-Awtorità tas-Sikurezza stabbiliti skont it-Trattat ta’ Canterbury jenħtieġ li jkun limitat għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-EPSF u l-ORR. L-atti regolatorji tal-Kummissjoni Intergovernattiva u tal-Awtorità tas-Sikurezza jew l-effetti tagħhom jenħtieġ li ma jaffettwawx l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EPSF, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. |
(10) |
Sabiex jiġi żgurat li l-liġi tal-Unjoni tiġi implimentata b’mod korrett f’kull ħin fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni tagħha taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’ċirkostanzi ta’ urġenza, ir-Repubblika Franċiża jenħtieġ li żżomm id-dritt li tissospendi jew ittemm il-ftehim unilateralment. |
(11) |
Sabiex jitqiesu l-bidliet possibbli tal-liġi tal-Unjoni fil-ġejjieni, b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi wkoll regoli għall-emendar tiegħu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża temenda l-Ftehim f’konformità mal-proċedura emendatorja stipulata f’dak il-Ftehim, dejjem jekk dawn l-emendi jkunu limitati għal adattamenti biex jirriflettu bidliet fil-liġi tal-Unjoni. |
(12) |
Fl-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li r-Repubblika Franċiża tingħata wkoll is-setgħa li tinnegozja aktar emendi għall-ftehim konkluż abbażi tas-setgħa f’din id-deċiżjoni, u b’hekk ikunu riflessi l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531. Jenħtieġ għalhekk li s-setgħa mogħtija mill-Unjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tibqa’ valida sa fejn il-ftehim konkluż abbażi ta’ din is-setgħa jista’ jiġi emendat biex jirrifletti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-deċiżjoni, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Din id-Deċiżjoni b’dan tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom ir-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja, tiffirma, tikkonkludi u fil-futur temenda ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Établissement Public de Sécurité Ferroviaire (EPSF) u l-Office of Rail and Road (ORR) (“il-ftehim”).
Il-ftehim għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Fir-rigward tal-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, il-ftehim għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
Il-ftehim għandu jkun kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni f’kull aspett. Konformità mal-prinċipji ta’ primazija u, fejn applikabbli, ta’ effett dirett tal-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu żgurati. |
(b) |
Tilwim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim ma għandux jiġi ppreżentat lit-tribunal tal-arbitraġġ stipulat skont l-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury jew lil kwalunkwe mezz ieħor ta’ soluzzjoni ta’ tilwim legalment vinkolanti. |
(c) |
Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm id-dritt li tissospendi jew ittemm il-ftehim unilateralment, bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tal-liġi tal-Unjoni fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. |
(d) |
Il-ftehim għandu jipprevedi mekkaniżmu għall-emendar tiegħu, sabiex jiġi adattat għal bidliet fil-liġi tal-Unjoni. |
(e) |
L-indipendenza u s-setgħat rispettivi mogħtija mil-liġi tal-Unjoni lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-EPSF, bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/798, għandhom jiġu żgurati, u b’mod partikolari:
|
Artikolu 3
Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni regolarment infurmata dwar in-negozjati mar-Renju Unit dwar il-ftehim u, fejn xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur.
Meta jitlestew in-negozjati, ir-Repubblika Franċiża għandha tippreżenta l-abbozz tal-ftehim li jirriżulta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan l-abbozz tal-ftehim li jirriżulta.
Fi żmien xahar mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-ftehim lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 humiex sodisfatti. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, ir-Repubblika Franċiża tista’ tiffirma u tikkonkludi l-ftehim korrispondenti.
Ir-Repubblika Franċiża għandha tipprovdi kopja tal-ftehim iffirmat lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jew, meta l-ftehim irid jiġi applikat proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.
Artikolu 4
Matul id-durata tal-ftehim, ir-Repubblika Franċiża għandha tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tal-liġi tal-Unjoni fuq il-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Ir-Repubblika Franċiża għandha tieħu miżuri xierqa f’dak ir-rigward inkluż, fejn meħtieġ, is-sospensjoni jew id-denunzja tal-ftehim.
Artikolu 5
1. Ir-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja emendi għall-ftehim, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, dejjem jekk dawn l-emendi jkunu meħtieġa biex jadattaw il-ftehim għal bidliet futuri fil-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari għall-emendi tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, u dment ukoll li tali emendi jkunu meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tal-liġi tal-Unjoni fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.
2. Ir-Repubblika Franċiża tingħata wkoll is-setgħa li tinnegozja aktar emendi għall-ftehim, skont il-proċedura stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, sabiex tiżgura li dak il-ftehim jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531.
3. Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni regolarment infurmata dwar kwalunkwe negozjati mar-Renju Unit rigward emendi għall-ftehim u, fejn xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur. Ir-Repubblika Franċiża għandha tippreżenta l-emendi previsti lill-Kummissjoni flimkien ma’ nota ta’ spjegazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan. Ir-Repubblika Franċiża għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar l-emendi previsti kif mitlub mill-Kummissjoni.
4. Fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-emenda prevista u n-nota ta’ spjegazzjoni li takkumpanjaha lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2 jkunux sodisfatti. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, u r-Repubblika Franċiża tista’ tipproċedi bl-emenda tal-ftehim. Kopja tal-ftehim emendat għandha tingħata lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tal-emenda, jew, meta l-emenda trid tiġi applikata proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tagħha.
Artikolu 6
Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tibqa’ applikabbli sal-punt imsemmi fl-Artikolu 5(2).
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) ĠU C, C/2023/879, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/879/oj.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Frar 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2024.
(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).
(6) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
(7) Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(8) Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/867/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)