Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0831

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/831 tal-4 ta’ Marzu 2024 li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja

    ST/6411/2024/INIT

    ĠU L, 2024/831, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/831/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/831/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/831

    6.3.2024

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/831

    tal-4 ta’ Marzu 2024

    li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2409 (2) awtorizzat lill-Iżvezja tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2023, rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (2)

    Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2023, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji għal perjodu addizzjonali ta’ erba’ snin, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal SEK 96 għal kull MWh. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2023, l-Iżvezja bagħtet informazzjoni u kjarifika addizzjonali.

    (3)

    Fiż-żoni kkonċernati, il-kostijiet tat-tisħinhuma ogħla bħala medja milli huma fil-bqija tal-pajjiż, minħabba l-perjodu tat-tisħin itwal. Għaldaqstant, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’dawn iż-żoni jnaqqas id-diskrepanza bejn il-kostijiet kumplessivi tat-tisħin għall-konsumaturi fit-Tramuntana tal-Iżvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Jenħtieġ li t-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jikkumpensa il-kostijiet addizzjonali tat-tisħin għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja.

    (4)

    Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni jenħtieġ li jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (5)

    Fid-dawl tan-natura remota taż-żoni li tapplika għalihom u minħabba li t-tnaqqis fit-taxxa huwa limitat għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi, mingħajr ma jinqabżu l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin fit-Tramuntana tal-Iżvezja, il-miżura mhix mistennija twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (6)

    Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta. Hija kompatibbli wkoll mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

    (7)

    F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien. Sabiex tipprovdi lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ erba’snin, kif mitlub. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.

    (8)

    Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil għall-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kkonċernati, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Iżvezja tkun tista’ tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2409. Billi tiġi prevista l-applikazzjoni minn data qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura speċjali, l-aspettattivi leġittimi tal-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kkonċernati huma rrispettati, peress li l-miżura speċjali ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Iżvezja hija b’dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat mill-unitajiet domestiċi u mill-kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness. It-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa għall-elettriku ma għandux jaqbeż dak meħtieġ biex jikkumpensa l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin minħabba l-pożizzjoni fit-Tramuntana, meta mqabbel mal-bqija tal-Iżvezja, u ma għandux jaqbeż SEK 96 għal kull MWh.

    2.   Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. VERLINDEN


    (1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2409 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 342, 21.12.2017, p. 10).


    ANNESS

    Reġjuni

    Muniċipalitajiet

    Norrbottens län

    Il-muniċipalitajiet kollha

    Västerbottens län

    Il-muniċipalitajiet kollha

    Jämtlands län

    Il-muniċipalitajiet kollha

    Västernorrlands län

    Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik

    Gävleborgs län

    Ljusdal

    Dalarnas län

    Malung-Sälen, Mora, Orsa, Älvdalen

    Värmlands län

    Torsby


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/831/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top