Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0577

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/577 tat-12 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    ST/5437/2024/INIT

    ĠU L, 2024/577, 14.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/577/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/577/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/577

    14.2.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/577

    tat-12 ta’ Frar 2024

    li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

    (2)

    Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna, u l-forzi armati Russi bdew attakk mhux provokat u mhux ġustifikat fuq l-Ukrajna. Dik l-aggressjoni militari hija ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll ksur tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minqux fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li hija regola perentorju tal-liġi internazzjonali, u tal-prinċipji l-oħra tal-Karta tan-NU.

    (3)

    Fir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tagħha li ġiet adottata fit-2 ta’ Marzu 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU kkundannat bl-aktar mod qawwi l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU. Fir-Riżoluzzjoni ES-11/4 tagħha li ġiet adottata fit-12 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, filwaqt li ħadet nota tad-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-29 ta’ Settembru 2022 li fiha fakkar li kwalunkwe annessjoni ta’ territorju ta’ Stat minn Stat ieħor li tirriżulta mit-theddida jew l-użu tal-forza hija ksur tal-prinċipji tal-Karta u tal-liġi internazzjonali, ikkundannat l-organizzazzjoni mill-Federazzjoni Russa ta’ hekk imsejħa referenda illegali f’reġjuni fi ħdan il-fruntieri tal-Ukrajna li huma rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, kif ukoll l-attentat ta’ annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia wara li ġew organizzati dawk l-hekk imsejħa referenda.

    (4)

    Fir-riżoluzzjoni tagħha A/RES/ES-11/5 tal-15 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU esprimiet tħassib serju dwar it-telf ta’ ħajjiet, l-ispostament ċivili, il-qerda tal-infrastruttura u tar-riżorsi naturali, it-telf ta’ proprjetà pubblika u privata, u d-diżastri ekonomiċi kkawżati mill-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, u rrikonoxxiet li l-Federazzjoni Russa trid tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ksur tal-liġi internazzjonali fl-Ukrajna jew kontriha, inkluż l-aggressjoni tagħha bi ksur tal-Karta tan-NU, kif ukoll kwalunkwe ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li trid iġġarrab il-konsegwenzi legali tal-atti kollha tagħha internazzjonalment illeċiti, inkluż l-għoti ta’ kumpens għall-korriment, inkluż kwalunkwe dannu, ikkawżat minn tali atti.

    (5)

    Fir-riżoluzzjoni tagħha A/ES-11/L.7 tat-23 ta’ Frar 2023, l-Assemblea Ġenerali tan-NU appellat ukoll għal aderenza sħiħa mill-partijiet fil-konflitt armat mal-obbligi tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali u għal waqfien immedjat tal-attakki fuq l-infrastruttura kritika tal-Ukrajna u kwalunkwe attakk intenzjonat fuq oġġetti ċivili, inklużi dawk li huma residenzi, skejjel u sptarijiet.

    (6)

    Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), fid-digriet vinkolanti tagħha tas-16 ta’ Marzu 2022 dwar l-indikazzjoni ta’ miżuri proviżorji fil-kawża li tikkonċerna Allegazzjonijiet ta’ Ġenoċidju skont il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju (l-Ukrajna v il-Federazzjoni Russa), sabet (fil-paragrafu 60 tad-digriet) “li l-Ukrajna għandha dritt plawżibbli li ma tkunx soġġetta għal operazzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa”, u (fil-paragrafu 74 tad-digriet) li preġudizzjoni għal dak id-dritt “huwa kapaċi jikkawża ħsara irreparabbli”. Hija żiedet li kwalunkwe operazzjoni militari, b’mod partikolari waħda fuq l-iskala mwettqa mill-Federazzjoni Russa fit-territorju tal-Ukrajna, inevitabbilment tikkawża telf ta’ ħajjiet, ħsara mentali u fuq il-persuna, u ħsara lill-proprjetà u lill-ambjent (2). Il-QIĠ ordnat lill-Federazzjoni Russa tissospendi l-operazzjonijiet militari li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022 fit-territorju tal-Ukrajna.

    (7)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-NU, u afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u għad-dritt inerenti tagħha li tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa.

    (8)

    F’konformità mal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, dak l-appoġġ jinkludi wkoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal dawk imwettqa fuq l-Ukrajna u l-popolazzjoni tagħha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

    (9)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u sakemm l-azzjonijiet illegali mill-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru r-regoli perentorji tal-liġi internazzjonali, inkluż b’mod partikolari l-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, jew tal-liġi umanitarja internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha imposti mill-Unjoni. Huwa xieraq ukoll li jittieħdu miżuri eċċezzjonali addizzjonali bl-għan li jappoġġaw l-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, f’konformità mal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni ta’ u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem.

    (10)

    Fit-28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/335 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK, li pprojbiet kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-ġestjoni ta’ riżervi, kif ukoll ta’ assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inkluż tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja, jew fuq ordni tiegħu. Fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 (4) sabiex jinkludi tali projbizzjoni li tikkonċerna The Russian National Wealth Fund. Il-projbizzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, u hija riflessa wkoll fl-Artikolu 5a(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (5). Bħala riżultat ta’ dawk il-projbizzjonijiet, l-assi rilevanti miżmuma mill-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri huma ‘immobilizzati’.

    (11)

    Kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, huwa meħtieġ progress deċiżiv, f’koordinazzjoni mas-sħab, dwar kif kwalunkwe dħul straordinarju miżmum minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi immobilizzati tar-Russja jista’ jiġi dirett biex jappoġġa lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) u lill-Kummissjoni biex jaċċelleraw il-ħidma bil-ħsieb li jippreżentaw proposti.

    (12)

    Fir-rigward tal-koordinazzjoni mas-sħab, il-Mexxejja tal-G7, fid-dikjarazzjoni tagħhom tas-6 ta’ Diċembru 2023, tennew li kien meħtieġ progress deċiżiv biex jiġi dirett id-dħul straordinarju miżmum minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi sovrani immobilizzati tar-Russja biex jappoġġaw lill-Ukrajna, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli u f’konformità mal-liġijiet applikabbli.

    (13)

    F’dak il-kuntest, huwa xieraq li jiġu pprovduti ċerti kjarifiki rigward il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-ġestjoni tar-riżervi u l-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, kif ukoll li jiġu introdotti aktar miżuri.

    (14)

    B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġi ċċarat li t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ marbuta mal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew marbuta mal-assi u riżervi ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund, ma jaqgħux fl-ambitu tal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet li ilha tapplika mit-28 ta’ Frar 2022. It-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ li jibqgħu awtorizzati jirrigwardaw b’mod partikolari l-investiment mill-ġdid tal-bilanċi tal-flus, li jakkumulaw minħabba kupuni jew dividendi immobilizzati u pagamenti ta’ tifdija u depożiti li jimmaturaw, f’konformità ma’ politika ta’ investiment prudenti, f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli.

    (15)

    Jenħtieġ li jibqgħu pprojbiti tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari kwalunkwe trasferiment dirett jew indirett lil jew għall-benefiċċju tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew lil jew għall- benefiċċju ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, pereżempju The Russian National Wealth Fund.

    (16)

    Il-projbizzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet oħra tiġġenera akkumulazzjoni straordinarja u mhux mistennija ta’ bilanċi tal-flus fuq il-karti tal-bilanċ ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jokkupaw pożizzjoni ewlenija fis-saldu u ż-żamma ċentrali tal-istrumenti finanzjarji fl-Unjoni. Dik l-akkumulazzjoni hija dovuta għall-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund, minħabba li kwalunkwe pagament ta’ kapital u mgħax, kupuni, dividendi jew introjtu ieħor fuq titoli lill-Bank Ċentrali tar-Russja u lil dawk il-persuni, entitajiet u korpi huwa pprojbit.

    (17)

    Depożitorji ċentrali tat-titoli jinsabu f’sitwazzjoni speċifika, li hija differenti minn dik ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn minħabba li l-bilanċi tal-flus ta’ jew ma’ klijenti ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli normalment jiġu ttrasferiti barra mid-depożitorji ċentrali tat-titoli qabel tmiem il-ġurnata u ma jrendu ebda rimunerazzjoni għall-klijenti. Il-bilanċi tal-flus miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward tal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja, jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund, li jakkumulaw minħabba miżuri restrittivi, sussegwentement jeħtieġ li jiġu ġestiti b’mod prudenti mid-depożitorji ċentrali tat-titoli. Dan jirriżulta fil-ġenerazzjoni ta’ dħul mhux mistenni u straordinarju.

    (18)

    Id-dħul mhux mistenni u straordinarju kopert minn din id-Deċiżjoni ma għandux għalfejn isir disponibbli għall-Bank Ċentrali tar-Russja skont ir-regoli applikabbli, anki wara l-waqfien tal-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet. Għalhekk, ma jikkostitwixxix assi sovrani. Għaldaqstant, ir-regoli li jipproteġu l-assi sovrani mhumiex applikabbli għal dan id-dħul.

    (19)

    Barra minn hekk, peress li dan id-dħul mhux mistenni u straordinarju jirriżulta neċessarjament mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u l-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, id-depożitorji ċentrali tat-titoli ma jistgħux jistennew li jiksbu benefiċċju ekonomiku mhux dovut u mhux intenzjonat minnhom. Abbażi tal-għan leġittimu li jiġu segwiti l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni ta’ u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, huwa għalhekk xieraq u meħtieġ li jiġi żgurat li l-profitti mhux mistennija u straordinarji tad-depożitorji ċentrali tat-titoli, li jakkumulaw fil-perjodu ta’ żmien bejn id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u l-mument meta l-miżuri restrittivi temporanji li jikkonċernaw l-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja ma jitkomplewx, ikunu ta’ benefiċċju għall-Ukrajna. Barra minn hekk, il-miżuri skont din id-Deċiżjoni jevitaw li jimponu piż eċċessiv għad-depożitorji ċentrali tat-titoli. Il-miżuri għalhekk jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 52 tagħha, peress li huma ġustifikati u proporzjonati għall-objettivi segwiti.

    (20)

    Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri addizzjonali li jikkonċernaw dak id-dħul mhux mistenni u straordinarju u l-profitti netti, f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni. F’konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dawn il-miżuri addizzjonali jenħtieġ li japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. L-objettiv tal-miżuri addizzjonali jenħtieġ li jkun li fl-aħħar mill-aħħar jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz tal-Faċilità futura għall-Ukrajna proposta mill-Kummissjoni (7), f’konformità mal-objettivi tagħha u tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, u konsistenti mal-iskop tal-miżuri restrittivi u l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni, inkluż b’mod partikolari l-objettiv tal-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, kif ukoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet, il-pajjiżi u r-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal dawk imwettqa fuq l-Ukrajna u l-popolazzjoni tagħha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

    (21)

    L-impożizzjoni ta’ tali miżuri addizzjonali fuq depożitorji ċentrali tat-titoli li għandhom ammonti żgħar ta’ assi u riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund, ma tkunx ġustifikata. Dan joħloq piż amministrattiv sproporzjonat għal dawk id-depożitorji ċentrali tat-titoli, minħabba l-ammonti żgħar ħafna li jistgħu jinġabru. Għalhekk il-miżuri addizzjonali jenħtieġ li japplikaw biss għal depożitorji ċentrali tat-titoli li jżommu tali riżervi u assi b’valur totali ta’ aktar minn EUR 1 miljun.

    (22)

    Bħala l-ewwel pass, dawk id-depożitorji ċentrali tat-titoli jenħtieġ li jagħtu kont għal u jimmaniġġjaw tali bilanċi ta’ flus straordinarji li jakkumulaw minħabba l-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja separatament mill-attivitajiet l-oħra tagħhom, u jenħtieġ li jżommu wkoll id-dħul iġġenerat separat.

    (23)

    Id-depożitorji ċentrali tat-titoli jenħtieġ li jkunu pprojbiti wkoll milli jiddisponu mill-profitti netti riżultanti tagħhom, kif iddeterminat skont il-liġi nazzjonali, wara t-tnaqqis tat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk permezz ta’ distribuzzjoni fil-forma ta’ dividendi jew fi kwalunkwe forma għall-benefiċċju tal-azzjonisti jew ta’ kwalunkwe parti terza. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-premessa 24, fid-dawl tar-riskji u l-kostijiet marbuta maż-żamma tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, kull depożitorju ċentrali tas-sigurtà jista’ jitlob lill-awtorità superviżorja tiegħu tawtorizza rilaxx ta’ sehem minn dawk il-profitti netti bil-ħsieb li jikkonforma mar-rekwiżiti statutorji ta’ kapital u ta’ ġestjoni tar-riskju.

    (24)

    Fit-tieni pass, jenħtieġ li il-Kunsill ikun jista’ jiddeċiedi kif dawk il-profitti netti jenħtieġ li jiġu diretti biex jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, f’koordinazzjoni mas-sħab. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kunsill jiddeċiedi wkoll l-ammont ta’ dawk il-profitti netti li d-depożitorji ċentrali tat-titoli jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu proviżorjament bil-ħsieb li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kapital statutorju u ta’ ġestjoni tar-riskju u fid-dawl tar-riskji u l-kostijiet marbuta maż-żamma tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja. Għal dak l-għan, jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli jagħmel proposta fi żmien debitu biex takkumpanja l-miżuri tal-Unjoni b’appoġġ għall-Ukrajna. Fit-tħejjija ta’ tali proposta, ir-Rappreżentant Għoli mistenni jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari lill-Bank Ċentrali Ewropew.

    (25)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (26)

    Għalhekk id-Deċiżjoni 2014/512/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1a tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “7.   Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal kwalunkwe tranżazzjoni ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ marbuta mal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew marbuta mal-assi u riżervi ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja, jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund, imwettqa fit-28 ta’ Frar 2022 jew wara dan.

    8.   Mill-15 ta’ Frar 2024 u sakemm jinżammu l-miżuri restrittivi stabbiliti fil-paragrafu 4, depożitorji ċentrali tat-titoli fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li għandhom assi u riżervi msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu b’valur totali li jaqbeż il-EUR 1 miljun għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin dwar bilanċi ta’ flus li jakkumulaw esklużivament minħabba l-miżuri restrittivi:

    (a)

    dawk il-bilanċi tal-flus għandhom jiġu kontabilizzati separatament;

    (b)

    id-dħul li jakkumula minn jew iġġenerat mill-bilanċi tal-flus imsemmija fil-punt (a) mill-15 ta’ Frar 2024 għandu jiġi rreġistrat separatament fil-kontijiet finanzjarji tad-depożitorji ċentrali tat-titoli;

    (c)

    il-profitti netti ddeterminati fir-rigward tad-dħul imsemmi fil-punt (b) f’konformità mal-liġi nazzjonali, inkluż billi jitnaqqsu l-ispejjeż kollha rilevanti marbuta mal- jew li jirriżultaw mill-ġestjoni tal-assi mmobilizzati u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati mal-assi mmobilizzati u wara t-tnaqqis tat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, ma jistgħux jitneħħew permezz ta’ distribuzzjoni fil-forma ta’ dividendi jew fi kwalunkwe forma għall-benefiċċju tal-azzjonisti jew ta’ kwalunkwe parti terza sakemm il-Kunsill jiddeċiedi, filwaqt li jaġixxi b’unanimita’ abbażi tal-Artikoli 29 u 30 tat-Trattament dwar l-Unjoni Ewropea, dwar stabbiliment possibbli ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit tal-Unjoni li għandha tiżdied fuq dawk il-profitti netti biex jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ tali kontribuzzjoni, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dak internazzjonali. F’dak il-kuntest, il-Kunsill għandu jiddeċiedi wkoll l-ammont li depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu jżommu proviżorjament minbarra li jikkonformaw mar-rekwiżiti statutorji tal-kapital u tal-ġestjoni tar-riskju, mingħajr preġudizzju għar-rispett min-naħa tad-depożitorji ċentrali tat-titoli rilevanti tar-regoli previsti fl-atti legali tal-Unjoni li jirregolaw is-superviżjoni tagħhom;

    (d)

    sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-punt (c), kull depożitarju ċentrali tas-sigurtà jista’ jitlob lill-awtorità superviżorja tiegħu tawtorizza rilaxxi ta’ sehem mill-profitti netti msemmija fil-punt (c), fid-dawl tal-konformità mar-rekwiżiti statutorji tal-kapital u tal-ġestjoni tar-riskju. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-quddiem bi kwalunkwe awtorizzazzjoni.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

    (2)  QIĠ, DIGIRET tas-16 ta’ Marzu 2022 f’kawża li jikkonċerna Allegazzjonijiet ta’ Ġenoċidju skont il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju (l-Ukrajna v il-Federazzjoni Russa), fil-paragrafu 74.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 57, 28.2.2022, p. 4).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/395 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 81, 9.3.2022, p. 8).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

    (7)  Proċedura Leġiżlattiva 2023/0200/COD: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna. Dettalji dwar il-proċedura huma disponibbli f’https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/HIS/?uri=CELEX:52023PC0338


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/577/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top