This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R2867
Commission Delegated Regulation (EU) 2023/2867 of 5 October 2023 supplementing Regulation (EU) 2019/631 of the European Parliament and of the Council by setting out the guiding principles and criteria for defining the procedures for the verification of the CO2 emissions and fuel consumption values of passenger cars and light commercial vehicles in-service (in-service verification)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2867 tal-5 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji biex jiġu definiti l-proċeduri għall-verifika tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief fis-servizz (verifika waqt is-servizz)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2867 tal-5 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji biex jiġu definiti l-proċeduri għall-verifika tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief fis-servizz (verifika waqt is-servizz)
C/2023/6627
ĠU L, 2023/2867, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2867/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/05/2024
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2867 |
18.12.2023 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2867
tal-5 ta’ Ottubru 2023
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji biex jiġu definiti l-proċeduri għall-verifika tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief fis-servizz (verifika waqt is-servizz)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/631 jipprevedi l-verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief fis-servizz (“verifika waqt is-servizz”). |
(2) |
Il-manifatturi kollha tal-vetturi jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-verifika waqt is-servizz, għajr dawk il-manifatturi li jintroduċu fis-suq għadd limitat ta’ vetturi, sabiex jiġi evitat piż eċċessiv tal-ittestjar, filwaqt li r-rendiment ġenerali tal-emissjonijiet tas-CO2 ma jiġix affettwat b’mod sinifikanti. |
(3) |
Il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fiċ-ċertifikati ta’ konformità jenħtieġ li jiġu vverifikati bl-użu tal-proċeduri tat-testijiet tat-tagħbija fit-triq u tax-xażi dinamometriku stabbiliti fir-Regolament Nru 154 tan-NU (2), iżda sabiex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ strateġiji li jtejbu artifiċjalment ir-rendiment tal-vettura fit-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip, jenħtieġ li jsiru wkoll testijiet dedikati addizzjonali. |
(4) |
Sabiex titnaqqas il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi, it-testijiet ta’ verifika waqt is-servizz jenħtieġ li jitwettqu minn servizz tekniku li ma kienx involut fit-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi kkonċernati. It-testijiet tax-xażi dinamometriku jenħtieġ li jitwettqu fil-faċilità tas-servizz tekniku stess u mhux permezz ta’ ittestjar fil-preżenza ta’ osservatur fil-faċilità ta’ xi manifattur. |
(5) |
Sabiex l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip tkun tista’ tasal għal konklużjoni għall-familja sħiħa ta’ vetturi kkonċernata, abbażi tar-riżultati tat-testijiet għall-vetturi inklużi fil-kampjun, jenħtieġ li jiġi stabbilit metodu xieraq ta’ evalwazzjoni statistika. |
(6) |
Il-manifatturi jenħtieġ li jiżguraw li l-valuri tal-emissjoni tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fiċ-ċertifikati ta’ konformità jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz li għandhom jiġu vverifikati mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip. Sabiex dawn l-attivitajiet ta’ verifika waqt is-servizz jiġu ffinanzjati kif xieraq, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip jenħtieġ li timponi tariffi proporzjonati fuq il-manifatturi. |
(7) |
Sabiex jitnaqqsu l-piż u l-kostijiet tal-ittestjar, fejn possibbli u xieraq, l-istess vetturi jew testijiet jenħtieġ li jintużaw kemm għall-verifika waqt is-servizz tal-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll għall-kontrolli tal-konformità waqt is-servizz tal-emissjonijiet tal-inkwinanti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji għad-definizzjoni tal-proċeduri biex jiġi vverifikat li l-valuri tal-emissjoni tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fiċ-ċertifikati ta’ konformità jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz. Jistabbilixxi wkoll il-proċeduri biex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ kwalunkwe strateġija abbord jew relatata mal-vetturi li ttejjeb artifiċjalment ir-rendiment tal-vettura fit-testijiet imwettqa għall-fini tal-approvazzjoni tat-tip (“verifika waqt is-servizz”).
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn li ġejjin:
(a) |
vetturi eżenti mill-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2; |
(b) |
manifatturi li, flimkien mal-impriżi kollha assoċjati magħhom, kienu responsabbli għal inqas minn 1 000 karozza tal-passiġġieri ġdida jew għal inqas minn 1 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida li ġew irreġistrati fl-Unjoni fis-sena kalendarja sentejn qabel is-sena kalendarja li fiha, f’konformità mal-Artikolu 3(1), jintgħażlu l-familji ta’ verifika waqt is-servizz. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (3) u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/631.
Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip” tfisser l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li tat l-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-emissjonijiet f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew, fejn applikabbli, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); |
(2) |
it-terminu “familja ta’ verifika waqt is-servizz” ifisser il-vetturi M1 jew N1 kollha, li għalihom awtorità waħda tal-approvazzjoni tat-tip tat l-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-emissjonijiet f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 jew, fejn applikabbli, mar-Regolament (KE) Nru 595/2009 abbażi tal-istess test tat-Tip 1 kif stabbilit fl-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 għal “vehicle high” jew “vehicle low”; |
(3) |
it-terminu “familja tat-tagħbija fit-triq” ifisser familja tat-tagħbija fit-triq jew familja tal-matriċi tat-tagħbija fit-triq kif jiddefinixxu l-paragrafi 6.3.3. u 6.3.4. tar-Regolament Nru 154 tan-NU; fil-każ ta’ vetturi N1 b’approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009, familja tat-tagħbija fit-triq tikkonsisti mill-vetturi kollha tal-familja ta’ verifika waqt is-servizz ikkonċernata; |
(4) |
it-terminu “strateġiji artifiċjali” ifisser strateġiji abbord jew relatati mal-vetturi inklużi fil-kampjun li jtejbu artifiċjalment ir-rendiment tal-vettura fit-testijiet imwettqa għall-fini tal-approvazzjoni tat-tip. |
Artikolu 3
Għażla tal-familji ta’ verifika waqt is-servizz
Kull sena, kull awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tagħżel kampjun ta’ familji ta’ verifika waqt is-servizz li għalihom tkun ħarġet approvazzjonijiet tat-tip fir-rigward tal-emissjonijiet. L-għażla għandha tinkludi mill-inqas familja waħda ta’ verifika waqt is-servizz għal kull manifattur li għaliha, fit-3 snin kalendarji ta’ qabel il-verifika waqt is-servizz, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip tkun ħarġet approvazzjonijiet tat-tip fir-rigward tal-emissjonijiet.
Artikolu 4
Testijiet ta’ verifika waqt is-servizz
1. Għal kull familja ta’ verifika waqt is-servizz magħżula f’konformità mal-Artikolu 3, għall-fini tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tagħżel vetturi fis-servizz li huma fi stat rappreżentattiv ta’ vettura miżmuma u użata kif suppost u li għandhom karatteristiċi koperti minn dawk irreġistrati fiċ-ċertifikat ta’ konformità.
2. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tivverifika li l-valuri speċifiċi tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fiċ-ċertifikati ta’ konformità tal-vetturi magħżula f’konformità mal-paragrafu 1, jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz, u tivverifika wkoll jekk humiex preżenti strateġiji artifiċjali, permezz ta’ kwalunkwe wieħed mit-testijiet li ġejjin:
(a) |
għal għadd ta’ vetturi ddeterminati abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni statistika: testijiet tax-xażi dinamometriku f’konformità mal-Anness B6 u mal-Anness B8 tar-Regolament Nru 154 tan-NU; |
(b) |
għal għadd ta’ vetturi ddeterminati abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni statistika u li jappartjenu għal familja waħda tat-tagħbija fit-triq: testijiet tat-tagħbija fit-triq f’konformità mal-Anness B4 tar-Regolament Nru 154 tan-NU; |
(c) |
għal għadd xieraq ta’ vetturi: testijiet dedikata bl-użu ta’ metodi ta’ ttestjar virtwali jew fiżiċi. |
3. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tafda t-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2 f’idejn servizz tekniku li ma wettaqx, għall-familja ta’ verifika waqt is-servizz ikkonċernata, it-test tat-Tip 1 kif stabbilit fl-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 għall-fini tal-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-emissjonijiet f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 jew, fejn applikabbli, mar-Regolament (KE) Nru 595/2009.
4. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tevalwa r-riżultati tat-testijiet tal-vetturi individwali għall-ittestjar u tistabbilixxi jekk il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz humiex ogħla mill-valuri tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fiċ-ċertifikati ta’ konformità, filwaqt li tqis l-evalwazzjoni statistika tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b), u tistabbilixxi wkoll jekk humiex preżenti strateġiji artifiċjali.
5. Kull manifattur għandu, fuq talba, jipprovdi lill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip u lil kwalunkwe entità li twettaq testijiet ta’ verifika waqt is-servizz bl-informazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha jew bl-appoġġ kollu meħtieġ biex il-verifika waqt is-servizz titwettaq b’mod xieraq.
Artikolu 5
Dokumentazzjoni, dmir li tinforma u konklużjoni tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip
1. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tiżgura li t-testijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 4 jiġu ddokumentati, u li r-rapporti tat-testijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-manifattur tal-vetturi kkonċernati u, fuq talba, għad-dispożizzjoni ta’ awtoritajiet oħra tal-approvazzjoni tat-tip, ta’ awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u ta’ partijiet terzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163 (6).
2. Fi żmien 10 xhur wara li tibda test, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tasal għal konklużjoni dwar jekk il-verifika waqt is-servizz identifikatx nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz u l-valuri rreġistrati fiċ-ċertifikati ta’ konformità, jew dwar jekk humiex preżenti strateġiji artifiċjali.
3. F’konformità mal-paragrafu 2, għandha tapplika konklużjoni tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi kollha tal-familja ta’ verifika waqt is-servizz ikkonċernata jew, meta bbażata fuq ir-riżultati tat-test tat-tagħbija fit-triq, għall-vetturi kollha tal-familja tat-tagħbija fit-triq ikkonċernata li jkunu daħlu fis-servizz għall-ewwel darba fl-Unjoni.
Artikolu 6
Finanzjament tal-verifiki waqt is-servizz
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip għandha tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli biex ikopru l-kostijiet tal-verifika waqt is-servizz. Dawk il-kostijiet għandhom jiġu rkuprati minn tariffi li jistgħu jiġu imposti fuq il-manifattur mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip. It-tariffi għandhom ikopru l-istadji tal-verifika waqt is-servizz meħtieġa sabiex l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip tasal għal konklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(2).
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13.
(2) Ir-Regolament Nru 154 tan-NU - Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet tal-kriterji, tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju u tal-konsum tal-fjuwil u/jew tal-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika u l-awtonomija elettrika (WLTP) (ĠU L 290, 10.11.2022, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163 tas-7 ta’ Frar 2022 li jistabbilixxi r-regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti funzjonali għas-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi, ta’ sistemi, ta’ komponenti u ta’ unitajiet tekniċi separati (ĠU L 27, 8.2.2022, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2867/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)