EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2854

Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data)

PE/49/2023/REV/1

ĠU L, 2023/2854, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2854

22.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2854 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),

Billi:

(1)

F'dawn l-aħħar snin, it-teknoloġiji xprunati mid-data kellhom effetti trasformattivi fuq is-setturi kollha tal-ekonomija. Il-proliferazzjoni ta’ prodotti konnessi mal-Internet b'mod partikolari żiedet il-volum u l-valur potenzjali tad-data għall-konsumaturi, għan-negozji u għas-soċjetà. Data ta' kwalità għolja u interoperabbli minn oqsma differenti żżid il-kompetittività u l-innovazzjoni u tiżgura tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-istess data jista' jintuża u jintuża mill-ġdid għal varjetà ta' skopijiet u sa grad mhux limitat, mingħajr ebda telf ta’ kwalità jew kwantità.

(2)

Ostakli għall-kondiviżjoni tad-data jipprevjenu allokazzjoni ottimali tad-data għall-benefiċċju tas-soċjetà. Dawk l-ostakli jinkludu nuqqas ta' inċentivi għad-detenturi tad-data biex jidħlu b'mod volontarju fi ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tad-data, inċertezza dwar id-drittijiet u l-obbligi fir-rigward tad-data, il-kostijiet tal-ikkuntrattar u tal-implimentazzjoni tal-interfaċċi tekniċi, il-livell għoli ta' frammentazzjoni tal-informazzjoni f'silos tad-data, ġestjoni dgħajfa tal- metadata , in-nuqqas ta' standards għall-interoperabbiltà semantika u teknika, konġestjonijiet li jimpedixxu l-aċċess għad-data, nuqqas ta' prattiki komuni ta' kondiviżjoni tad-data u l-abbuż ta' żbilanċi kuntrattwali fir-rigward tal-aċċess u l-użu tad-data.

(3)

F'setturi kkaratterizzati mill-preżenza ta' intrapriżi mikro, intrapriżi żgħar u intrapriżi ta' daqs medju kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (SMEs) (5), ta' spiss ikun hemm nuqqas ta' kapaċitajiet u ħiliet diġitali għall-ġbir, għall-analiżi u għall-użu tad-data, u l-aċċess huwa spiss ristrett fejn attur wieħed iżommha fis-sistema jew minħabba nuqqas ta' interoperabbiltà bejn id-data, bejn is-servizzi tad-data jew bejn il-fruntieri.

(4)

Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali u biex jitneħħew l-ostakli għal suq intern tad-data li jiffunzjona tajjeb, huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas armonizzat li jispeċifika min huwa intitolat li juża data ta' prodott jew data ta’ servizzi relatati, taħt liema kundizzjonijiet u fuq liema bażi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jadottawx u lanqas iżommu rekwiżiti nazzjonali addizzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sakemm dan ma jkunx previst espliċitament fih, peress li dan jaffettwa l-applikazzjoni diretta u uniformi tiegħu. Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi u l-impenji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali konklużi mill-Unjoni.

(5)

Dan ir-Regolament jiżgura li l-utenti ta' prodott konness jew ta' servizz relatat fl-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw, fil-ħin, id-data ġġenerata mill-użu ta' dak il-prodott konness jew ta' dak is-servizz relatat u li dawk l-utenti jkunu jistgħu jużaw id-data, inkluż billi jikkondividuha ma' partijiet terzi tal-għażla tagħhom. Huwa jimponi l-obbligu fuq id-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli għall-utenti u għal partijiet terzi magħżula mill-utenti f'ċerti ċirkostanzi. Jiżgura wkoll li d-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni taħt termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u b'mod trasparenti. Ir-regoli tal-liġi privata huma kruċjali fil-qafas ġenerali għall-kondiviżjoni tad-data. Għalhekk, dan ir-Regolament jadatta r-regoli tal-liġi kuntrattwali u jipprevjeni l-isfruttament ta' żbilanċi kuntrattwali li jxekklu l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha. Dan ir-Regolament jiżgura wkoll li d-detenturi tad-data jagħmlu disponibbli lill-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali, id-data li hija neċessarja għat-twettiq ta’ kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ifittex li jiffaċilita l-qlib bejn servizzi tal-ipproċessar tad-data u li jsaħħaħ l-interoperabbiltà tad-data u tal-mekkaniżmi u s-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data fl-Unjoni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jkunx interpretat bħala li jirrikonoxxi jew li jagħti xi dritt ġdid lid-detenturi tad-data biex jużaw data ġġenerata permezz tal-użu ta' prodott konness jew servizz relatat.

(6)

Il-ġenerazzjoni tad-data hija r-riżultat tal-azzjonijiet ta' mill-inqas żewġ atturi, b'mod partikolari d-disinjatur jew il-manifattur ta' prodott konness, li spiss jaf ikun anke l-fornitur ta' servizzi relatati, u l-utent tal-prodott konness jew servizzi relatat. Dan iwassal għal kwistjonijiet ta' ekwità fl-ekonomija diġitali peress li d-data rreġistrata minn prodotti konnessi jew servizzi relatati hija input importanti għas-suq ta' wara l-bejgħ, servizzi anċillari u servizzi oħrajn. Sabiex jiġu realizzati l-benefiċċji ekonomiċi importanti tad-data, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tad-data abbażi ta' ftehimiet volontarji u l-iżvilupp mill-intrapriżi tal-Unjoni ta' ħolqien ta' valur xprunat mid-data, approċċ ġenerali għall-assenjazzjoni tad-drittijiet fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-użu tagħha huwa preferibbli għall-għoti ta' drittijiet esklużivi ta' aċċess u ta' użu. Dan ir-Regolament jipprevedi regoli orizzontali li jistgħu jiġu segwiti mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tindirizza s-sitwazzjonijiet speċifiċi tas-setturi rilevanti.

(7)

Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa ssalvagwardjat, b'mod partikolari, permezz tar-Regolamenti (UE) 2016/679 (6) u (UE) 2018/1725 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tipproteġi wkoll il-ħajja privata u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, inkluż permezz ta' kundizzjonijiet għal kwalunkwe ħażna ta' data personali u mhux personali fit-tagħmir terminali u l-aċċess għalih. Dawk l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jipprovdu l-bażi għall-ipproċessar tad-data sostenibbli u responsabbli, inkluż fejn is-settijiet ta' data jinkludu taħlita ta' data personali u mhux personali. Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament ma tiġi applikata jew interpretata b'tali mod li jitnaqqas jew jiġi limitat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jew id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż ir-rekwiżit ta' bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE. Dan ir-Regolament ma jikkostitwix bażi legali għall-ġbir jew il-ġenerazzjoni ta' data personali mid-detentur tad-data. Dan ir-Regolament jimponi obbligu fuq id-detenturi tad-data li jagħmlu d-data personali disponibbli għall-utenti jew partijiet terzi ta’ għażla tal-utent fuq talba ta’ dak l-utent. Tali aċċess jenħtieġ li jiġi pprovdut għal data personali li tiġi pproċessata mid-detentur tad-data abbażi ta' kwalunkwe bażi legali msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679. Fejn l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data, dan ir-Regolament ma joħloqx bażi legali biex jingħata aċċess għal data personali jew biex id-data personali ssir disponibbli għal parti terza u jenħtieġ li ma jinftihemx li jikkonferixxi xi dritt ġdid fuq id-detentur tad-data biex juża data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat. F'dawk il-każijiet, jista' jkun fl-interess tal-utent li jiffaċilita l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679. Peress li dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax b'mod negattiv id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tas-suġġetti tad-data, id-detentur tad-data jista' jikkonforma mat-talbiet f’dawk il-każijiet, fost l-oħrajn, billi janonimizza d-data personali jew, meta d-data faċilment disponibbli tkun fiha data personali ta’ diversi suġġetti tad-data, jittrasferixxi biss data personali relatata mal-utent.

(8)

Il-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u tal-protezzjoni tad-data skont id-disinn u b'mod awtomatiku huma essenzjali meta l-ipproċessar jinvolvi riskji sinifikanti għad-drittijiet fundamentali tal-individwi. Filwaqt li jitqies l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, il-partijiet kollha għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż kondiviżjoni tad-data li taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex jipproteġu dawk id-drittijiet. Tali miżuri jinkludu mhux biss il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ, iżda wkoll l-użu ta' teknoloġija dejjem aktar disponibbli li tippermetti li l-algoritmi jinġiebu fid-data u jippermettu li jinkiseb għarfien siewi mingħajr it-trażmissjoni bejn il-partijiet jew l-ikkopjar bla bżonn tad-data mhux ipproċessata jew strutturata.

(9)

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, ma jaffettwax il-liġi kuntrattwali nazzjonali, inkluż regoli dwar il-formazzjoni, il-validità jew l-effett ta' kuntratti, jew il-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta' kuntratt. Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (9) u d-Direttivi 2005/29/KE (10) u 2011/83/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(10)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti ġuridiċi tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-kondiviżjoni ta', aċċess għal u l-użu ta' data għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għal finijiet doganali u ta' tassazzjoni, irrispettivament mill-bażi legali skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li fuqhom bażi ġew adottati tali atti legali tal-Unjoni, kif ukoll għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dak il-qasam, b'mod partikolari abbażi tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185), magħmula f’Budapest fit-23 ta’ Novembru 2001. Tali atti jinkludu r-Regolamenti (UE) 2021/784 (12), (UE) 2022/2065 (13) u (UE) 2023/1543 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2023/1544 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ġbir jew il-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal jew l-użu tad-data skont ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Dan ir-Regolament ma japplikax għal oqsma li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fi kwalunkwe każ ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà nazzjonali, l-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa jew is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini, irrispettivament mit-tip ta' entità fdata mill-Istati Membri biex twettaq kompiti fir-rigward ta' dawk il-kompetenzi.

(11)

Il-liġi tal-Unjoni li tistabbilixxi rekwiżiti ta' disinn fiżiku u ta' data għall-prodotti li għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li ma tiġix affettwata sakemm ma jkunx speċifikament previst minn dan ir-Regolament.

(12)

Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tistabbilixxi rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi, b'mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(13)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inkluż id-Direttivi 2001/29/KE (19), 2004/48/KE (20) u (UE) 2019/790 (21) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(14)

Il-prodotti konnessi li jiksbu, li jiġġeneraw jew li jiġbru, permezz tal-komponenti jew is-sistemi operattivi tagħhom, data li tikkonċerna l-prestazzjoni, l-użu jew l-ambjent tagħhom u li jistgħu jikkomunikaw dik id-data permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika, jew aċċess fuq l-apparat, spiss imsejjaħ l-internet tal-oġġetti, jenħtieġ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-prototipi. Eżempji ta' tali servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jinkludu, b'mod partikolari, networks tat-telefonija bbażati fuq l-art, networks tat-televiżjoni bil-kejbil, networks bis-satellita u networks ta' komunikazzjoni fil-qrib. Prodotti konnessi jinstabu fl-aspetti kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà, inkluż fl-infrastruttura privata, ċivili jew kummerċjali, f'vetturi, apparat tas-saħħa u relatat mal-istil tal-ħajja, vapuri, inġenji tal-ajru, tagħmir tad-dar u oġġetti tal-konsumatur, apparat mediku u tas-saħħa, jew makkinarju agrikolu u industrijali. L-għażliet tad-disinn tal-manifatturi, u, fejn rilevanti, il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi għas-settur u l-objettivi jew id-deċiżjonijiet rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jiddeterminaw liema data prodott konness huwa kapaċi jagħmel disponibbli.

(15)

Tali data tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet u l-avvenimenti tal-utenti u jenħtieġ li tkun aċċessibbli kif xieraq għall-utent. Ir-regoli għall-aċċess għad-data u l-użu tagħha minn prodotti konnessi u servizzi relatati skont dan ir-Regolament jindirizzaw kemm id-data ta' prodotti kif ukoll id-data tas-servizzi relatati. Id-data ta' prodott tirreferi għal data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness li l-manifattur iddiżinja biex tkun tista' tiġi rkuprata mill-prodott konness minn utent, detentur tad-data jew parti terza, inkluż, fejn rilevanti, il-manifattur. Id-data ta' servizz relatat tirreferi għad-data, li tirrappreżenta wkoll id-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet jew l-avvenimenti tal-utenti relatati mal-prodott konness li jiġu ġġenerati matul il-forniment ta' servizz relatat mill-fornitur. Id-data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness jew servizz relatat jenħtieġ li tinftiehem li tkopri data rreġistrata intenzjonalment jew data li tirriżulta indirettament mill-azzjoni tal-utent, bħal data dwar l-ambjent jew l-interazzjonijiet tal-prodott konness. Dan jenħtieġ li tinkludi data dwar l-użu ta' prodott konness iġġenerat minn interfaċċa tal-utent jew permezz ta' servizz relatat, u jenħtieġ li ma tkunx limitata għall-informazzjoni li jkun sar tali użu, iżda jenħtieġ li tinkludi d-data kollha li l-prodott konness jiġġenera bħala riżultat ta' tali użu, bħal data ġġenerata awtomatikament minn sensuri u data rreġistrata minn applikazzjonijiet inkorporati, inkluż applikazzjonijiet li jindikaw l-istatus u l-malfunzjonijiet tal-hardware. Dan jenħtieġ li inkludi wkoll data ġġenerata mill-prodott konness jew mis-servizz relatat matul ħinijiet ta' nuqqas ta' azzjoni mill-utent, bħal meta l-utent jagħżel li ma jużax prodott konness għal perjodu ta' żmien partikolari u minflok iżommu f'modalità stand-by jew saħansitra mitfi, peress li l-istatus ta' prodott konness jew tal-komponenti tiegħu, pereżempju l-batteriji tiegħu, jista' jvarja meta l-prodott konness ikun f'modalità stand-by jew ikun mitfi. Id-data li ma tiġix modifikata sostanzjalment, jiġifieri data f'forma mhux ipproċessata, magħrufa wkoll bħala data tas-sors jew primarja li tirreferi għal punti ta' data li huma ġġenerati awtomatikament mingħajr ebda forma ulterjuri ta' pproċessar, kif ukoll data li tkun ġiet ipproċessata minn qabel bl-għan li tinftiehem u tkun tista' tintuża qabel ipproċessar u analiżi ulterjuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Tali data tinkludi data miġbura minn sensur wieħed jew minn grupp konness ta' sensuri bl-għan li d-data miġbura tkun tista' tinftiehem għal każijiet ta' użu usa' billi tiġi ddeterminata kwantità jew kwalità fiżika jew il-bidla fi kwantità fiżika, bħat-temperatura, il-pressjoni, ir-rata tal-fluss, l-udio, il-valur pH, il-livell tal-likwidu, il-pożizzjoni, l-aċċellerazzjoni jew il-veloċità. It-terminu "data pproċessata minn qabel" jenħtieġ li ma jiġix interpretat b'tali mod li jimponi obbligu fuq id-detentur tad-data li jagħmel investimenti sostanzjali fit-tindif u t-trasformazzjoni tad-data. Id-data li għandha ssir disponibbli jenħtieġ li tinkludi l- metadata rilevanti, inkluż il-kuntest bażiku u l-kronogramma tagħha, biex id-data tkun tista' tintuża, flimkien ma' data oħra, bħal data magħżula u kklassifikata ma' punti oħra tad-data relatati magħha, jew ifformattjata mill-ġdid f'format li jintuża b'mod komuni. Tali data hija potenzjalment siewja għall-utent u tappoġġa l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi diġitali u oħrajn biex jipproteġu l-ambjent, is-saħħa u l-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-iffaċilitar tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-prodotti konnessi inkwistjoni. B'kuntrast ma' dan, l-informazzjoni inferita jew derivata minn tali data, li hija l-eżitu ta' investimenti addizzjonali fl-assenjazzjoni ta' valuri jew għarfien mid-data, b'mod partikolari permezz ta' algoritmi proprjetarji u kumplessi, inkluż dawk li huma parti minn software proprjetarju, jenħtieġ li ma titqiesx li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u konsegwentement jenħtieġ li ma tkunx soġġetta għall-obbligu ta' detentur tad-data li jagħmilha disponibbli għal utent jew riċevitur tad-data, dment li ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn l-utent u d-detentur tad-data. Tali data tista' tinkludi b'mod partikolari informazzjoni derivata permezz ta' fużjoni tas-sensuri, li tinferixxi jew tiġbor data minn diversi sensuri, miġbura fil-prodott konness, bl-użu ta' algoritmi proprjetarji kumplessi u li tista' tkun soġġetta għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

(16)

Dan ir-Regolament jippermetti lill-utenti ta' prodotti konnessi jibbenefikaw minn servizzi ta' wara l-bejgħ, servizzi anċillari u servizzi oħra bbażati fuq data miġbura minn sensuri inkorporati f'tali prodotti, il-ġbir ta' dik id-data huwa ta' valur potenzjali fit-titjib tal-prestazzjoni tal-prodotti konnessi. Huwa importanti li, minn naħa waħda, ssir delineazzjoni bejn is-swieq għall-forniment ta' tali prodotti konnessi mgħammra b'sensuri u servizzi relatati u, min-naħa l-oħra, is-swieq għal software u kontenut mhux relatati bħal kontenut testwali, awdjo jew awdjoviżiv li spiss ikunu koperti mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. B'riżultat ta' dan, id-data li tali prodotti mgħammra b'sensuri u servizzi relatati jiġġeneraw meta l-utent jirreġistra, jittrażmetti, juri jew jattiva l-kontenut, kif ukoll il-kontenut innifsu, li spiss ikun kopert mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, fost l-oħrajn għall-użu minn servizz online, jenħtieġ li ma tkunx koperta minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament lanqas ma jkopri data li tkun inkisbet, ġiet iġġenerata jew aċċessata mill-prodott konness, jew li tkun ġiet trażmessa lilu, għall-fini ta' ħżin jew operazzjonijiet oħra ta' pproċessar f'isem partijiet oħra, li mhumiex l-utent, bħalma jista’ jkun il-każ fir-rigward ta' servers jew infrastruttura tal-cloud imħaddma mis-sidien tagħhom kompletament f'isem partijiet terzi, fost l-oħrajn għall-użu minn servizz online.

(17)

Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli dwar prodotti li fil-mument tax-xiri, kiri jew lokazzjoni jkunu konnessi ma' servizz relatat b'tali mod li jekk dan ma jkunx il-każ il-prodott konness ma jkunx jista' jwettaq funzjoni waħda jew aktar tiegħu, jew li jkun konnessi aktar tard mal-prodott mill-manifattur jew minn parti terza biex tiżdied jew tiġi adattata l-funzjonalità tal-prodott konness. Tali servizzi relatati jinvolvu l-iskambju ta' data bejn il-prodott konness u l-fornitur tas-servizzi u jenħtieġ li jinftiehmu li huma marbuta b'mod espliċitu mat-tħaddim tal-funzjonijiet tal-prodott konness, bħal servizzi li, fejn applikabbli, jittrażmettu kmandi lill-prodott konness li jistgħu jkollhom impatt fuq l-azzjoni jew l-imġiba tiegħu. Is-servizzi li ma jkollhomx impatt fuq l-operat tal-prodott konness u li ma jinvolvux it-trażmissjoni ta' data jew kmandi lill-prodott konness mill-fornitur tas-servizzi jenħtieġ li ma jitqisux bħala servizzi relatati. Tali servizzi jistgħu jinkludu, pereżempju, konsulenza awżiljarja, servizzi analitiċi jew finanzjarji, jew tiswija u manutenzjoni regolari. Servizzi relatati jistgħu jiġu offruti bħala parti mill-kuntratt ta' xiri, kiri jew lokazzjoni. Servizzi relatati jistgħu anke jiġu previsti għal prodotti tal-istess tip u l-utenti jistgħu raġonevolment jistennew li dawn jiġu pprovduti b’kont meħud tan-natura tal-prodott konness u kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f'isem il-bejjiegħ, il-kerrej, il-lokatur jew persuni oħrajn f'rabtiet preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-manifattur. Dawk is-servizzi relatati jistgħu huma stess jiġġeneraw data ta' valur lill-utent indipendentement mill-kapaċitajiet ta' ġbir ta' data ta' prodott konness li miegħu jkunu interkonnessi. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal servizz relatat li mhux fornut mill-bejjiegħ, mill-kerrej jew mil-lokatur innifsu, iżda li jiġi pprovdut minn parti terza. F'każ ta' dubju dwar jekk is-servizz hux ipprovdut bħala parti mill-kuntratt ta' xiri, kiri jew lokazzjoni, jenħtieġ li japplika dan ir-Regolament. La l-provvista tal-enerġija, u lanqas il-provvista tal-konnettività ma għandhom jiġu interpretati bħala servizzi relatati skont dan ir-Regolament.

(18)

L-utent ta' prodott konness jenħtieġ li jinftiehem li huwa persuna fiżika jew ġuridika, bħal negozju, konsumatur jew korp tas-settur pubbliku, li jkun jew is-sid ta' prodott konness, ikun irċieva ċerti drittijiet temporanji, pereżempju permezz ta' ftehim ta' kiri jew lokazzjoni, biex jaċċessa jew juża data miksuba mill-prodott konness, jew jirċievi servizzi relatati għall-prodott konness. Jenħtieġ li dawk id-drittijiet ta' aċċess bl-ebda mod ma jbiddlu jew jinterferixxu mad-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jistgħu jkunu qed jinteraġixxu ma' prodott konness jew servizz relatat fir-rigward ta' data personali ġġenerata mill-prodott konness jew waqt il-forniment tas-servizz relatat. L-utent iġorr ir-riskji u jgawdi l-benefiċċji tal-użu tal-prodott konness u jenħtieġ li jgawdi wkoll aċċess għad-data li jiġġenera. Għalhekk, jenħtieġ li l-utent ikun intitolat li jikseb benefiċċju mid-data ġġenerata minn dak il-prodott konness u minn kwalunkwe servizz relatat. Sid, kerrej jew lokatur jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala utent, inkluż fejn bosta entitajiet jistgħu jitqiesu bħala utenti. Fil-kuntest ta' utenti multipli, kull utent jista' jikkontribwixxi b'mod differenti għall-ġenerazzjoni tad-data u jkollu interess f'diversi forom ta' użu, bħall-ġestjoni tal-flotta għal intrapriża tal-kiri, jew soluzzjonijiet ta' mobbiltà għal individwi li jużaw servizz ta' car sharing.

(19)

Il-litteriżmu fid-data jirreferi għall-ħiliet, għarfien u fehim li jippermetti lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji, b'mod partikolari lill-SMSs li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jiksbu sensibilizzazzjoni tal-valur potenzjali tad-data li jiġġeneraw, jipproduċu u jikkondividu u jkunu mmotivati biex joffru u jipprovdu aċċess f'konformità mar-regoli legali rilevanti. Il-litteriżmu fid-data jenħtieġ li jmur lil hinn mill-apprendiment dwar l-għodod u t-teknoloġiji u jkollu l-għan li jgħammar u jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji bil-kapaċità li jibbenefikaw minn suq tad-data inklużiv u ġust. It-tixrid ta' miżuri ta' litteriżmu fid-data u l-introduzzjoni ta' azzjonijiet ta' segwitu adegwati jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-aħħar mill-aħħar isostni l-konsolidazzjoni u perkors ta' innovazzjoni tal-ekonomija tad-data fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jippromwovu għodod u jadottaw miżuri biex javvanzaw il-litteriżmu fid-data fost l-utenti u l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għarfien tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skontu.

(20)

Fil-prattika, mhux id-data kollha ġġenerata minn prodotti konnessi jew servizzi relatati hija faċilment aċċessibbli għall-utenti tagħhom u spiss ikun hemm possibbiltajiet limitati fir-rigward tal-portabbiltà tad-data ġġenerata minn prodotti konnessi mal-internet. L-utenti ma jkunux jistgħu jiksbu d-data neċessarja biex jagħmlu użu mill-fornituri ta' servizzi ta' tiswija u servizzi oħra u n-negozji ma jkunux jistgħu jniedu servizzi innovattivi, konvenjenti u aktar effiċjenti. F'ħafna setturi, il-manifatturi jistgħu jiddeterminaw, permezz tal-kontroll tagħhom tad-disinn tekniku tal-prodotti konnessi jew tas-servizzi relatati, liema data tiġi ġġenerata u kif tista' tiġi aċċessata, minkejja li ma jkollhom l-ebda dritt ġuridiku għal dik id-data. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-prodotti konnessi jkunu ddisinjati u manifatturati, u li s-servizzi relatati jkunu ddisinjati u pprovduti, b'tali mod li d-data ta' prodott u ta' servizz relatat, inkluż il- metadata relatata neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu ta' dik id-data, inkluż għall-fini tal-irkupru, l-użu jew il-kondiviżjoni tagħha, tkun dejjem aċċessibbli faċilment u b’mod sikur għal utent, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna. Id-data ta' prodott konness u d-data ta' servizzi relatati li detentur tad-data jikseb legalment jew jista' jikseb legalment mill-prodott konness jew servizz relatat, bħal permezz tad-disinn tal-prodott konness, il-kuntratt tad-detentur tad-data mal-utent għall-forniment ta' servizzi relatati, u l-mezzi tekniċi tiegħu ta' aċċess għad-data, mingħajr sforz sproporzjonat, jissejħu "data faċilment disponibbli". Data faċilment disponibbli ma tinkludix data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness fejn id-disinn tal-prodott konness ma jipprevedix li tali data tinħażen jew tiġi trażmessa barra mill-komponent li fih tiġi ġġenerata jew il-prodott konness kollu kemm hu. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jinftiehem bħala li jimponi obbligu biex id-data tinħażen fl-unità ċentrali ta' pproċessar ta' prodott konness. In-nuqqas ta' tali obbligu jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-manifattur jew lid-detentur tad-data milli jaqbel volontarjament mal-utent dwar it-twettiq ta' tali adattamenti. L-obbligi tad-disinn f'dan ir-Regolament huma wkoll mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679 u jenħtieġ li ma jinftehmux bħala li jimponu obbligu li jiġu ddisinjati prodotti konnessi u servizzi relatati b'tali mod li jaħżnu jew inkella jipproċessaw xi data personali għajr id-data personali neċessarja fir-rigward tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata. Tista' tiġi introdotta liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali biex tiddeskrivi aktar speċifiċitajiet, bħad-data ta' prodott li jenħtieġ li tkun aċċessibbli minn prodotti konnessi jew servizzi relatati, peress li tali data tista' tkun essenzjali għat-tħaddim, it-tiswija jew il-manutenzjoni effiċjenti ta' dawk il-prodotti konnessi jew servizzi relatati. Fejn aġġornamenti jew tibdil sussegwenti ta' prodott konness jew servizz relatat, mill-manifattur jew minn parti oħra, iwasslu għal data aċċessibbli addizzjonali jew restrizzjoni ta' data inizjalment aċċessibbli, jenħtieġ li tali bidliet jiġu kkomunikati lill-utent fil-kuntest tal-aġġornament jew tat-tibdil.

(21)

Fejn diversi persuni jew entitajiet jitqiesu bħala utenti, pereżempju fil-każ ta' sjieda konġunta jew meta sid, kerrej jew lokatarju jikkondividi d-drittijiet tal-aċċess jew l-użu tad-data, id-disinn tal-prodott konness jew tas-servizz relatat, jew l-interfaċċa rilevanti, jenħtieġ li jippermetti lil kull utent ikollu aċċess għad-data li jiġġenera. L-użu ta' prodotti konnessi li jiġġeneraw id-data tipikament jeħtieġ li jiġi stabbilit kont tal-utent. Kont bħal dan jippermetti li l-utent jiġi identifikat mid-detentur tad-data, li jista' jkun il-manifattur. Jista’ jintuża wkoll bħala mezz ta' komunikazzjoni u biex jiġu sottomessi u pproċessati t-talbiet għall-aċċess għad-data. Fejn diversi manifatturi jew fornituri ta' servizzi relatati miegħu jkunu biegħu, krew jew għamlu lokazzjoni ta' prodotti konessi jew ipprovdew servizzi relatati, integrati flimkien, lill-istess utent, l-utent jenħtieġ li jikkuntattja kull parti li jkollu ftehim kuntratt magħha. Il-manifatturi jew id-disinjaturi ta' prodott konness li tipikament jintuża minn diversi persuni jenħtieġ li jistabbilixxu l-mekkaniżmi neċessarji biex jippermettu kontijiet tal-utenti separati għal persuni individwali, fejn rilevanti, jew għall-possibbiltà li diversi persuni jużaw l-istess kont tal-utent. Jenħtieġ li s-soluzzjonijiet ta' kont jippermettu lill-utenti jħassru l-kontijiet tagħhom u jħassru d-data relatata magħhom u jistgħu jippermettu lill-utenti jtemmu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni tad-data, jew jissottomettu talbiet biex dawn jintemmu, b'mod partikolari filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet li fihom tinbidel is-sjieda jew l-użu tal-prodott konness. L-utent jenħtieġ li jingħata aċċess abbażi ta' mekkaniżmu sempliċi ta' talba li jagħti eżekuzzjoni awtomatika u li ma jeħtieġx eżami jew approvazzjoni mill-manifattur jew mid-detentur tad-data. Dan ifisser li d-data jenħtieġ li ssir disponibbli biss meta l-utent fil-fatt ikun irid aċċess. Meta l-eżekuzzjoni awtomatizzata tat-talba għal aċċess għad-data ma tkunx possibbli, pereżempju permezz ta' kont tal-utent jew permezz ta' applikazzjoni mobbli li takkumpanja fornuta mal-prodott konness jew mas-servizz relatat, il-manifattur jenħtieġ li jinforma lill-utent dwar kif tista' tiġi aċċessata d-data.

(22)

Il-prodotti konnessi jistgħu jkunu ddisinjati biex jagħmlu ċerta data aċċessibbli direttament minn ħażna ta' data fuq l-apparat jew minn server remot li lilu tiġi kkomunikata d-data. L-aċċess għal ħażna ta' data fuq l-apparat jista' jiġi ffaċilitat permezz ta' networks taż-żona lokali bbażati fuq il-kejbil jew bla fili konnessi ma' servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ma' network mobbli. Is-server jista' jkun il-kapaċità ta' server lokali tal-manifattur stess jew dik ta' parti terza jew ta' fornitur ta' servizzi ta' cloud. Il-proċessuri kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt(8), tar-Regolament (UE) 2016/679 ma jitqisux li jaġixxu bħala detenturi tad-data. Madankollu, jistgħu jkunu inkarigati speċifikament li jagħmlu d-data disponibbli mill-kontrollur kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-prodotti konnessi jistgħu jkunu ddisinjati biex jippermettu lill-utent jew lil parti terza jipproċessaw id-data fuq il-prodott konness, fuq istanza tal-informatika tal-manifattur jew f'ambjent tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) magħżul mill-utent jew il-parti terza.

(23)

L-assistenti virtwali għandhom rwol dejjem akbar fid-diġitalizzazzjoni tal-ambjenti tal-konsumatur u professjonali u jservu bħala interfaċċa faċli għall-użu biex jintwera l-kontenut, tinkiseb l-informazzjoni, jew jiġu attivati prodotti konnessi mal-internet. L-assistenti virtwali jistgħu jaġixxu bħala portal uniku, pereżempju, f'ambjent domestiku intelliġenti u jirreġistraw ammonti sinifikanti ta' data rilevanti dwar kif l-utenti jinteraġixxu ma' prodotti konnessi mal-internet, inkluż dawk manifatturati minn partijiet oħra u jistgħu jissostitwixxu l-użu ta' interfaċċi pprovduti mill-manifattur bħal skrin tattili jew applikazzjonijiet għall-ismartphone. L-utent jista' jkun jixtieq jagħmel disponibbli tali data lill-manifatturi terzi u jippermetti servizzi intelliġenti ġodda. L-assistenti virtwali jenħtieġ li jkunu koperti mid-drittijiet ta' aċċess għad-data previsti f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tkun koperta wkoll id-data ġġenerata meta utent jinteraġixxi ma' prodott konness permezz ta' assistent virtwali pprovdut minn entità oħra għajr il-manifattur tal-prodott konness. Madankollu, hija biss id-data li tirriżulta mill-interazzjoni bejn l-utent u prodott konness jew servizz relatat permezz tal-assistent virtwali li jenħtieġ li jkun kopert. Data prodotta mill-assistent virtwali li mhijiex relatata mal-użu ta' prodott konness jew servizz relatat ma hijiex koperta minn dan ir-Regolament.

(24)

Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għax-xiri, għall-kiri, jew għal-lokazzjoni ta' prodott konness, il-bejjiegħ, il-kerrej jew il-lokatur, li jista' jkun il-manifattur, jenħtieġ li jipprovdi lill-utent informazzjoni rigward id-data ta' prodott li l-prodott konness ikun kapaċi jiġġenera, inkluż it-tip, il-format u l-volum stmat ta' tali data, b'mod ċar u li jinftiehem. Dan jista' jinkludi informazzjoni dwar l-istrutturi tad-data, il-formati tad-data, il-vokabularji, l-iskemi ta' klassifikazzjoni, it-tassonomiji u l-listi ta' kodiċijiet, fejn disponibbli, kif ukoll informazzjoni ċara u suffiċjenti rilevanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utent dwar kif id-data tista' tinħażen, tiġi rkuprata jew aċċessata, inkluż it-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tal-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet jew, fejn applikabbli, il-forniment ta' għodod għall-iżvilupp tas-software. Dak l-obbligu jipprovdi trasparenza fuq id-data ta' prodott iġġenerata u jsaħħaħ l-aċċess faċli għall-utent. L-obbligu ta' informazzjoni jista' jiġi ssodisfat, pereżempju billi jinżamm lokalizzatur uniformi tar-riżorsi (URL) stabbli fuq il-web, li jista' jitqassam bħala link tal-web jew kodiċi QR, li jindika lill-utent l-informazzjoni rilevanti, li tista' tiġi pprovduta mill-bejjiegħ, mill-kerrej jew mil-lokatur, li jista' jkun il-manifattur, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt għax-xiri, għall-kiri jew għal-lokazzjoni ta' prodott konness. Fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li l-utent ikun jista’ jaħżen l-informazzjoni b'mod li jkun aċċessibbli għal referenza futura u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna. Id-detentur tad-data ma jistax ikun mistenni li jaħżen id-data b'mod indefinit fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-utent tal-prodott konness, iżda jenħtieġ li jimplimenta politika ta' żamma ta' data raġonevoli, fejn applikabbli, f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-ħażna skont l-Artikolu 5(1), il-punt e, tar-Regolament (UE) 2016/679, li jippermetti l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet ta' aċċess għad-data previsti f'dan ir-Regolament. L-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ma jaffettwax l-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data skont l-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni qabel ma jiġi konkluż kuntratt għall-forniment ta' servizz relatat ikun fuq id-detentur tad-data prospettiv, indipendentement minn jekk id-detentur tad-data jikkonkludix kuntratt għax-xiri, għall-kiri jew għal-lokazzjoni ta' prodott konness. Meta l-informazzjoni tinbidel matul il-ħajja tal-prodott konness jew matul il-perjodu tal-kuntratt għas-servizz relatat, inkluż meta l-iskop li għalih għandha tintuża dik id-data jinbidel mill-iskop speċifikat oriġinarjament, jenħtieġ li din tiġi pprovduta wkoll lill-utent.

(25)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jinftihemx li jagħti xi dritt ġdid lid-detenturi tad-data biex jużaw data ta' prodotti jew ta' servizzi relatati. Meta l-manifattur ta' prodott konness ikun detentur tad-data, il-bażi għall-manifattur biex juża data mhux personali jenħtieġ li tkun kuntratt bejn il-manifattur u l-utent. Kuntratt bħal dan jista’ jkun parti minn ftehim għall-forniment tas-servizz relatat, li jista' jiġi pprovdut flimkien mal-ftehim ta' xiri, kiri jew lokazzjoni relatat mal-prodott konness. Kwalunkwe terminu kuntrattwali li jistipula li d-detentur tad-data jista' juża d-data ta' prodott jew ta' servizz relatat jenħtieġ li jkun trasparenti għall-utent, inkluż fir-rigward tal-għanijiet li għalih id-detentur tad-data jkun biħsiebu juża d-data. Tali għanijiet jistgħu jinkludu t-titjib tal-funzjonament tal-prodott konness jew tas-servizzi relatati, l-iżvilupp ta’ prodotti jew servizzi ġodda, jew l-aggregazzjoni ta’ data bl-għan li d-data derivata li tirriżulta ssir disponibbli għal partijiet terzi, dment li tali data derivata ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ data speċifika trażmessa lid-detentur tad-data mill-prodott konness, jew ma tippermettix lil parti terza tikseb dik id-data mis-sett ta’ data. Kwalunkwe bidla fil-kuntratt għandha tiddependi fuq il-ftehim infurmat tal-utent. Dan ir-Regolament ma jipprevjenix lil partijiet milli jiftiehmu dwar it-termini kuntrattwali li l-effett tagħhom huwa li jeskludu jew li jillimitaw l-użu tad-data mhux personali, jew ċerti kategoriji ta’ data mhux personali, minn detentur tad-data. Lanqas ma jipprevjeni lil partijiet milli jiftiehmu li jagħmlu data ta' prodotti jew data ta' servizzi relatati disponibbli lil partijiet terzi, direttament jew indirettament, inkluż, fejn applikabbli, permezz ta' detentur tad-data ieħor. Madankollu, dan ir-Regolament ma jipprevjenix rekwiżiti regolatorji speċifiċi għas-settur f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jew il-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, li jeskludu jew jillimitaw l-użu ta' ċerta data mid-detentur tad-data għal raġunijiet ta' politika pubblika definiti sew. Dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-utenti, fil-każ ta' relazzjonijiet bejn in-negozji, milli jagħmlu d-data disponibbli għal partijiet terzi jew għad-detenturi tad-data taħt kwalunkwe terminu kuntrattwali legali, inkluż billi jaqblu li jillimitaw jew jirrestrinġu l-kondiviżjoni ulterjuri ta' tali data, jew milli jiġu kkumpensati b'mod proporzjonat, pereżempju bi skambju għar-rifjut tad-dritt tagħhom li jużaw jew jikkondividu tali data. Filwaqt li l-kunċett ta' "detentur tad-data" ġeneralment ma jinkludix korpi tas-settur pubbliku, dan jista' jinkludi impriżi pubbliċi.

(26)

Biex jitrawwem il-ħolqien ta' swieq likwidi, ġusti u effiċjenti għal data mhux personali, l-utenti ta' prodotti konnessi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkondividu d-data ma' oħrajn, inkluż għal finijiet kummerċjali, bi sforz legali u tekniku minimu. Bħalissa huwa spiss diffiċli għan-negozji li jiġġustifikaw il-kostijiet tal-persunal jew tal-informatika li huma neċessarji għat-tħejjija ta' settijiet ta' data mhux personali jew ta' prodotti ta' data u li joffruhom lil kontropartijiet potenzjali permezz ta' servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data, inklużi swieq tad-data. Għalhekk, ostaklu sostanzjali għall-kondiviżjoni tad-data mhux personali min-negozji jirriżulta min-nuqqas ta' prevedibbiltà tar-redditi ekonomiċi mill-investiment fil-manutenzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' settijiet ta' data jew prodotti ta' data. Sabiex ikun permess il-ħolqien ta' swieq likwidi, ġusti u effiċjenti għad-data mhux personali fl-Unjoni, irid jiġi ċċarat liema parti għandha d-dritt li toffri tali data f'suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-utenti jkollhom id-dritt li jikkondividu data mhux personali mar-riċevituri tad-data għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Tali kondiviżjoni tad-data tista' titwettaq b'mod dirett mill-utent, fuq it-talba tal-utent permezz ta' detentur tad-data, jew permezz ta' servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data. Is-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data, kif irregolati mir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) jistgħu jiffaċilitaw ekonomija tad-data billi jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali bejn l-utenti, ir-riċevituri tad-data u l-partijiet terzi u jistgħu jappoġġaw lill-utenti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jużaw id-data, bħall-iżgurar tal-anonimizzazzjoni tad-data personali jew l-aggregazzjoni tal-aċċess għad-data minn bosta utenti individwali. Fejn id-data tiġi eskluża mill-obbligu ta' detentur tad-data li jagħmilha disponibbli għall-utenti jew partijiet terzi, l-ambitu ta' tali data jista' jiġi speċifikat fil-kuntratt bejn l-utent u d-detentur tad-data għall-forniment ta' servizz relatat sabiex l-utenti jkunu jistgħu faċilment jiddeterminaw liema data hija disponibbli għalihom għall-kondiviżjoni ma' riċevituri tad-data jew partijiet terzi. Jenħtieġ li d-detenturi tad-data ma jagħmlux disponibbli data mhux personali ta' prodotti lil partijiet terzi għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti legali skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali għal detentur tad-data li jagħmel id-data disponibbli. Fejn rilevanti, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jorbtu kuntrattwalment lil partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

(27)

F'setturi kkaratterizzati mill-konċentrazzjoni ta' għadd żgħir ta' manifatturi li jfornu prodotti konnessi lill-utenti finali, jista' jkun hemm biss għażliet limitati disponibbli għall-utenti għall-aċċess għal u l-użu u l-kondiviżjoni tad-data. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-kuntratti jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv tal-għoti tas-setgħa lill-utenti, li jagħmilha diffiċli għall-utenti biex jiksbu valur mid-data ġġenerata mill-prodott konness li jixtru, jikru jew jidħlu f'lokazzjoni għalih. Konsegwentement, hemm potenzjal limitat għal negozji iżgħar innovattivi biex joffru soluzzjonijiet ibbażati fuq id-data b'mod kompetittiv u għal ekonomija tad-data diversa fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibni fuq l-iżviluppi reċenti f'setturi speċifiċi, bħall-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola permezz ta' kuntratt. Il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tista' tiġi adottata biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-objettivi speċifiċi għas-settur. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-detenturi tad-data ma jużaw l-ebda data faċilment disponibbli li mhijiex data personali sabiex jiksbu għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-utent jew l-assi jew il-metodi ta' produzzjoni tiegħu jew dwar tali użu mill-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta' dak l-utent fis-swieq li huwa attiv fihom. Dan jista' jinkludi l-użu ta' għarfien dwar il-prestazzjoni ġenerali ta' negozju jew ta' azjenda agrikola f'negozjati kuntrattwali mal-utent fuq l-akkwist potenzjali tal-prodotti tal-utent jew tal-prodotti agrikoli għad-detriment tal-utent, jew, l-użu ta' tali informazzjoni biex titma' f'bażijiet tad-data akbar dwar ċerti swieq fl-aggregat, pereżempju bażijiet tad-data dwar ir-rendiment tal-għelejjel għall-istaġun tal-ħsad li jmiss, peress li tali użu jista' jaffettwa lill-utent negattivament b'mod indirett. L-utent jenħtieġ li jingħata l-interfaċċa teknika neċessarja għall-ġestjoni tal-permessi, preferibbilment b'għażliet ta' permess granulari bħal "permess ta' darba" jew "permess waqt l-użu ta' din l-applikazzjoni jew dan is-servizz", inkluż l-għażla li jiġu rtirati tali permessi.

(28)

F'kuntratti bejn detentur tad-data u konsumatur bħala utent ta' prodott konness jew servizz relatat li jiġġenera data, il-liġi tal-konsumatur tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE u 2005/29/KE, tapplika biex jiġi żgurat li konsumatur ma jkunx soġġett għal klawżoli kuntrattwali inġusti. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriza, jenħtieġ li ma jkunux vinkolanti fuq dik l-intrapriża.

(29)

Id-detenturi tad-data jistgħu jitolbu identifikazzjoni xierqa tal-utent biex jivverifikaw l-intitolament ta’ utent li jaċċessa d-data. Fil-każ ta' data personali pproċessata minn proċessur f'isem il-kontrollur, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jiżguraw li t-talba għal aċċess tiġi riċevuta u ttrattata mill-proċessur.

(30)

L-utent jenħtieġ li jkun liberu li juża d-data għal kwalunkwe skop legali. Dan jinkludi l-forniment tad-data li l-utent ikun irċieva huwa u jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament lil parti terza li toffri servizz ta' wara l-bejgħ li jista' jkun f'kompetizzjoni ma' servizz ipprovdut minn detentur tad-data, jew li jagħti struzzjonijiet lid-detentur tad-data biex jagħmel dan. It-talba jenħtieġ li tiġi ppreżentata mill-utent jew minn parti terza awtorizzata li taġixxi f'isem utent, inkluż fornitur ta’ servizz ta' intermedjazzjoni tad-data. Id-detenturi tad-data jenħtieġ li jiżguraw li d-data magħmula disponibbli għall-parti terza tkun preċiża, kompluta, affidabbli, rilevanti u aġġornata daqs id-data li d-detentur tad-data nnifsu jista' jkun jew jista' jkun intitolat li jaċċessa mill-użu tal-prodott konness jew tas-servizz relatat. Kwalunkwe dritt ta' proprjetà intellettwali jenħtieġ li jiġi rrispettat fit-trattament tad-data. Huwa importanti li jiġu ppreservati l-inċentivi għall-investiment fi prodotti b'funzjonalitajiet ibbażati fuq l-użu ta' data minn sensuri mibnija f'dawk il-prodotti.

(31)

Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) tipprevedi li l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali jenħtieġ li jitqiesu legali, fost l-oħrajn, fejn tali akkwist, użu jew żvelar ikun meħtieġ jew permess mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Filwaqt li dan ir-Regolament jirrikjedi li d-detenturi tad-data jiżvelaw ċerta data lill-utenti, jew lil partijiet terzi tal-għażla ta' utent, anki meta tali data tikkwalifika għall-protezzjoni bħala sigrieti kummerċjali, jenħtieġ li tiġi interpretata b'tali mod li tippreserva l-protezzjoni mogħtija lis-sigrieti kummerċjali skont id-Direttiva (UE) 2016/943. F'dan il-kuntest, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu li l-utenti, jew partijiet terzi tal-għażla ta’ utent, jippreservaw il-kunfidenzjalità tad-data meqjusa bħala sigrieti kummerċjali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jidentifikaw is-sigrieti kummerċjali qabel l-iżvelar, u jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jaqblu mal-utenti, jew ma' partijiet terzi tal-għażla tal-utent, dwar miżuri neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tagħhom, inkluż bl-użu ta' mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli ta' aċċess stretti, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta. Minbarra l-użu ta’ mudelli ta' termini kuntrattwali li jiġu żviluppati u rakkomandati mill-Kummissjoni, l-istabbiliment ta' kodiċijiet ta' kondotta u standards tekniċi relatati mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali fit-trattament tad-data jista' jgħin biex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ. Fejn ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji jew fejn utent, jew partijiet terzi tal-għażla tal-utent, jonqsu milli jimplimentaw miżuri miftiehma jew jimminaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, jenħtieġ li d-detentur tad-data jkun jista' jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jenħtieġ li jipprovdi d-deċiżjoni bil-miktub lill-utent jew lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed u jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati u, fejn rilevanti, liema kunfidenzjalità ta' sigrieti kummerċjali ġiet imminata. Fil-prinċipju, id-detenturi tad-data ma jistgħux jirrifjutaw talba għal aċċess għad-data skont dan ir-Regolament unikament fuq il-bażi li ċerta data titqies bħala sigriet kummerċjali, peress li dan iwaqqa’ l-effetti maħsuba ta' dan ir-Regolament. Madankollu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali, jenħtieġ li jkun jista', fuq bażi ta' każ b'każ, jirrifjuta talba għad-data speċifika in kwistjoni jekk ikun jista' juri lill-utent jew lill-parti terza li, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent jew minn parti terza, huwa probabbli ħafna li jirriżulta dannu ekonomiku serju mill-iżvelar ta' dak is-sigriet kummerċjali. Dannu ekonomiku serju jimplika telf ekonomiku serju u irreparabbli. Id-detentur tad-data jenħtieġ li jissostanzja kif xieraq ir-rifjut tiegħu bil-miktub mingħajr dewmien żejjed lill-utent jew lill-parti terza u jinnotifika lill-awtorità kompetenti. Sostanzjazzjoni bħal din jenħtieġ li tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li juru r-riskju konkret ta' dannu ekonomiku serju li mistenni jirriżulta minn divulgazzjoni speċifika tad-data u r-raġunijiet għaliex il-miżuri meħuda għas-salvagwardja tad-data mitluba mhumiex ikkunsidrati suffiċjenti. F'dan il-kuntest jista' jitqies impatt negattiv possibbli fuq iċ-ċibersigurtà. Mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitfittex rimedju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, meta l-utent jew parti terza jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tad-detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data, l-utent jew il-parti terza jistgħu jressqu lment quddiem l-awtorità kompetenti, li jenħtieġ, mingħajr dewmien żejjed, li tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data jenħtieġ li tibda jew tkompli, jew tista’ taqbel mad-detentur tad-data li tirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim. L-eċċezzjonijiet għad-drittijiet ta' aċċess għad-data f'dan ir-Regolament jenħtieġ li fl-ebda każ ma jillimitaw id-drittijiet ta' aċċess u d-dritt għall-portabbiltà tad-data tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(32)

L-għan ta' dan ir-Regolament mhuwiex biss li jrawwem l-iżvilupp ta' prodotti konnessi ġodda u innovattivi jew ta' servizzi relatati, jistimula l-innovazzjoni wara l-bejgħ, iżda wkoll li jistimula l-iżvilupp ta' servizzi kompletament ġodda li jagħmlu użu mid-data ikkonċernata, inkluż abbażi ta’ data minn varjetà ta’ prodotti jew servizzi relatati. Fl-istess ħin, dan ir-Regolament għandu l-għan li jevita li jdgħajjef l-inċentivi ta' investiment għat-tip ta' prodott konness li minnu tinkiseb id-data, pereżempju, bl-użu ta' data għall-iżvilupp ta' prodott konness li jikkompeti miegħu li huwa meqjus bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mill-utenti, b'mod partikolari abbażi tal-karatteristiċi tal-prodott konness, il-prezz tiegħu u l-użu maħsub tiegħu. Dan ir-Regolament ma jipprevedi l-ebda projbizzjoni fuq l-iżvilupp ta' servizz relatat bl-użu ta' data miksuba skont dan ir-Regolament peress li dan ikollu effett skoraġġanti mhux mixtieq fuq l-innovazzjoni. Il-projbizzjoni tal-użu tad-data aċċessata skont dan ir-Regolament għall-iżvilupp ta' prodott konness li jikkompeti miegħu tipproteġi l-isforzi ta' innovazzjoni tad-detenturi tad-data. Jekk prodott konness jikkompetix mal-prodott konness li minnu toriġina d-data jiddependi fuq jekk iż-żewġ prodotti konnessi humiex f'kompetizzjoni fl-istess suq tal-prodott. Dan jiġi ddeterminat abbażi tal-prinċipji stabbiliti tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għad-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti. Madankollu, finijiet legali oħra għall-użu tad-data jistgħu jinkludu inġinerija inversa, dment li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Dan jista' jkun il-każ għall-finijiet ta' tiswija jew estensjoni tal-ħajja ta' prodott konness jew għall-forniment ta' servizzi ta' wara l-bejgħ għal prodotti konnessi.

(33)

Parti terza li għaliha ssir disponibbli d-data tista' tkun persuna fiżika jew ġuridika, bħal konsumatur, intrapriża, organizzazzjoni ta' riċerka, organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ jew entità li taġixxi f'kapaċità professjonali. Meta jagħmel id-data disponibbli għall-parti terza, detentur tad-data jenħtieġ li ma jabbużax mill-pożizzjoni tiegħu biex ifittex vantaġġ kompetittiv fis-swieq fejn id-detentur tad-data u l-parti terza jistgħu jkunu f'kompetizzjoni diretta. Għalhekk, id-detentur tad-data jenħtieġ li ma juża l-ebda data faċilment disponibbli sabiex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi jew metodi ta' produzzjoni tal-parti terza jew l-użu minnha bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali tal-parti terza fis-swieq li fihom hija attiva il-parti terza. L-utent jenħtieġ li jkun jista' jikkondividi data mhux personali ma' partijiet terzi għal finijiet kummerċjali. Malli jintlaħaq ftehim mal-utent, u soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-partijiet terzi jkunu jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet ta' aċċess għad-data mogħtija mill-utent lil partijiet terzi oħra, inkluż bi skambju għal kumpens. L-intermedjarji tad-data bejn in-negozji u s-sistemi ta' ġestjoni tal-informazzjoni personali (PIMS), imsejħa servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data fir-Regolament (UE) 2022/868, jistgħu jappoġġaw lill-utenti jew lil partijiet terzi fl-istabbiliment ta' relazzjonijiet kummerċjali ma' għadd mhux determinat ta' kontropartijiet potenzjali għal kwalunkwe skop legali li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jistgħu jkollhom rwol strumentali fl-aggregazzjoni tal-aċċess għad-data biex ikunu jistgħu jiġu ffaċilitati l-analiżi tal-big data jew it-tagħlim awtomatiku, dment li l-utenti jibqa' jkollhom kontroll sħiħ ta' jekk jipprovdu d-data tagħhom għal tali aggregazzjoni u t-termini kummerċjali li taħthom għandha tintuża d-data tagħhom.

(34)

L-użu ta' prodott konness jew ta' servizz relatat jista', b'mod partikolari meta l-utent ikun persuna fiżika, jiġġenera data relatata mas-suġġett tad-data. L-ipproċessar ta' tali data huwa suġġett għar-regoli stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż fejn data personali u mhux personali f'sett ta' data tkun marbuta b'mod inseparabbli. Is-suġġett tad-data jista' jkun l-utent jew persuna fiżika oħra. Id-data personali tista' tintalab biss minn kontrollur jew minn suġġett tad-data. Taħt ċerti ċirkostanzi, utent li huwa s-suġġett tad-data huwa intitolat skont ir-Regolament (UE) 2016/679 li jaċċessa data personali li tikkonċerna dak l-utent, u tali drittijiet ma humiex affettwati minn dan ir-Regolament. Skont dan ir-Regolament, l-utent li jkun persuna fiżika huwa intitolat ukoll li jaċċessa d-data kollha ġġenerata mill-użu ta’ prodott konness, kemm jekk personali jew mhux personali. Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data iżda intrapriża, inkluż negozjant uniku, u mhux f’każijiet ta’ użu kondiviż minn unità domestika tal-prodott konness, l-utent irid ikun ikkunsidrat bħala kontrollur. Għaldaqstant, tali utent li bħala kontrollur ikollu l-intenzjoni li jitlob data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat huwa meħtieġ li jkollu bażi legali għall-ipproċessar tad-data kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, bħall-kunsens tas-suġġett tad-data jew it-twettiq ta' kuntratt li s-suġġett tad-data jkun parti għalih. Jenħtieġ li tali utent jiżgura li s-suġġett tad-data jkun infurmat kif xieraq bl-għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi għall-ipproċessar ta' dik id-data, u dwar kif is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu b'mod effettiv. Meta d-detentur tad-data u l-utent ikunu kontrolluri konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679, dawn ikunu meħtieġa jiddeterminaw, b'mod trasparenti permezz ta' arranġament bejniethom, ir-responsabbiltajiet rilevanti tagħhom għall-konformità ma' dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun mifhum li tali utent, ladarba d-data tkun saret disponibbli, jista' min-naħa tiegħu jsir detentur tad-data, jekk dak l-utent jissodisfa l-kriterji skont dan ir-Regolament u b'hekk isir soġġett għall-obbligi li jagħmel id-data disponibbli skont dan ir-Regolament.

(35)

Id-data ta' prodott jew id-data ta' servizz relatat jenħtieġ li tkun disponibbli biss għal parti terza fuq talba tal-utent. Dan ir-Regolament jikkomplementa kif xieraq id-dritt, previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679, tas-suġġetti tad-data li jirċievu data personali dwarhom f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, kif ukoll li dik id-data tiġi ttrasferita lil kontrollur ieħor, meta dik id-data tiġi pproċessata b'mezzi awtomatizzati abbażi tal-Artikolu 6(1), il-punt (a), jew l-Artikolu 9(2), il-punt (a), jew ta' kuntratt skont l-Artikolu 6(1), il-punt (b), ta' dak ir-Regolament. Is-suġġetti tad-data għandhom ukoll id-dritt li jkollhom id-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal kontrollur ieħor, iżda biss fejn dan ikun teknikament fattibbli. L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679 jispeċifika li jappartjeni għad-data pprovduta mis-suġġett tad-data iżda ma jispeċifikax jekk din teħtieġx imġiba attiva min-naħa tas-suġġett tad-data jew jekk tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet fejn prodott konness jew servizz relatat, bid-disinn tiegħu, josserva l-imġiba ta' suġġett tad-data jew informazzjoni oħra fir-rigward ta' suġġett tad-data b'mod passiv. Id-drittijiet previsti b’dan ir-Regolament jikkomplementa d-dritt li d-data personali tiġi rċevuta u portata skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679 b'diversi modi. Dan ir-Regolament jagħti lill-utenti d-dritt li jaċċessaw u li jagħmlu disponibbli għal parti terza kwalunkwe data ta' prodott jew data ta' servizz relatat, irrispettivament min-natura tagħha bħala data personali, mid-distinzjoni bejn data pprovduta b'mod attiv jew osservata b'mod passiv, u irrispettivament mill-bażi legali tal-ipproċessar. Għall-kuntrarju tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679, dan ir-Regolament jagħti mandat u jiżgura l-fattibbiltà teknika tal-aċċess ta' partijiet terzi għat-tipi kollha ta' data li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, kemm jekk personali kif ukoll jekk mhux personali, u b'hekk jiżgura li l-ostakli tekniċi ma jibqgħux ifixklu jew jipprevjenu l-aċċess għal tali data. Dan jippermetti wkoll lid-detenturi tad-data jistabbilixxu kumpens raġonevoli li jiġu ssodisfati minn partijiet terzi, iżda mhux mill-utent, għall- kostijiet imġarrba fl-għoti ta' aċċess dirett għad-data ġġenerata mill-prodott konness tal-utent. Jekk detentur tad-data u parti terza ma jkunux jistgħu jaqblu dwar termini għal tali aċċess dirett, is-suġġett tad-data jenħtieġ li bl-ebda mod ma jinżamm milli jeżerċita d-drittijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż id-dritt għall-portabbiltà tad-data, billi jfittex rimedji f'konformità ma' dak ir-Regolament. Għandu jinftiehem f'dan il-kuntest li, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kuntratt ma jippermettix l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali mid-detentur tad-data jew mill-parti terza.

(36)

L-aċċess għal kwalunkwe data maħżuna fit-tagħmir terminali u aċċessata minnu huwa soġġett għad-Direttiva 2002/58/KE u jeħtieġ il-kunsens tal-abbonat jew tal-utent skont it-tifsira ta' dik id-Direttiva sakemm ma jkunx strettament meħtieġ għall-forniment ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni espliċitament mitlub mill-utent jew mill-abbonat jew għall-iskop uniku tat-trażmissjoni ta' komunikazzjoni. Id-Direttiva 2002/58/KE tipproteġi l-integrità tat-tagħmir terminali ta’ utent fir-rigward tal-użu tal-kapaċitajiet ta' pproċessar u ħżin u l-ġbir tal-informazzjoni. It-tagħmir tal-internet tal-oġġetti jitqies bħala tagħmir terminali jekk ikun direttament jew indirettament konness ma' network pubbliku ta' komunikazzjoni.

(37)

Sabiex jiġi evitat l-isfruttament tal-utenti, il-partijiet terzi li lilhom tkun saret disponibbli d-data fuq talba tal-utent jenħtieġ li jipproċessaw dik id-data biss għall-finijiet miftiehma mal-utent u jikkondividuha ma' parti terza oħra biss bil-qbil tal-utent għal tali kondiviżjoni tad-data.

(38)

F'konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, il-partijiet terzi jenħtieġ li jkollhom aċċess biss għal informazzjoni li tkun neċessarja għall-forniment tas-servizz mitlub mill-utent. Wara li tkun irċeviet aċċess għad-data, il-parti terza jenħtieġ li tipproċessa din id-data għall-finijiet miftiehma mal-utent mingħajr interferenza mid-detentur tad-data. Jenħtieġ li jkun faċli għall-utent li jirrifjuta jew li jwaqqaf l-aċċess mill-parti terza għad-data kif inhu għall-utent li jawtorizza l-aċċess. Jenħtieġ li la partijiet terzi u lanqas detenturi tad-data ma jagħmlu l-eżerċizzju tal-għażla tad-drittijiet mill-utenti diffiċli bla bżonn, inkluż billi joffru għażliet lill-utent b'mod mhux newtrali, jew billi jisfurzaw jew jimmanipulaw lill-utent, jew billi jimminaw jew ixekklu l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent, inkluż permezz ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha. F'dak il-kuntest, partijiet terzi jew detenturi tad-data jenħtieġ li ma jibbażawx fuq l-hekk imsejħa "dark patterns" fit-tfassil tal-interfaċċi diġitali tagħhom. Dark patterns huma t-tekniki tad-disinn li jixprunaw jew iqarrqu lill-konsumaturi f'deċiżjonijiet li għandhom konsegwenzi negattivi għalihom. Dawk it-tekniki manipulattivi jistgħu jintużaw biex jipperswadu lill-utenti, b'mod partikolari lill-konsumaturi vulnerabbli, biex jinvolvu ruħhom f'imġiba mhux mixtieqa, biex iqarrqu bl-utenti billi jħajruhom jieħdu deċiżjonijiet dwar tranżazzjonijiet ta' divulgazzjoni tad-data jew biex jippreġudikaw b'mod mhux raġonevoli t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-utenti tas-servizz b'tali mod li jimminaw jew jfixklu l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-għażla tagħhom. Prattiki kummerċjali komuni u leġittimi li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li minnhom infushom ma jitqisux li jikkostitwixxu dark patterns. Il-partijiet terzi u d-detenturi tad-data jenħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom f'konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 98/6/KE (24) u 2000/31/KE (25) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE.

(39)

Jenħtieġ li partijiet terzi joqogħdu lura wkoll milli jużaw data li taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal profil tal-individwi sakemm tali attivitajiet ta' pproċessar ma jkunux strettament neċessarji biex jiġi pprovdut is-servizz mitlub mill-utent, inkluż fil-kuntest ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet. Ir-rekwiżit li titħassar id-data meta ma tibqax meħtieġa għall-iskop miftiehem mal-utent, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fir-rigward ta' data mhux personali, jikkomplementa d-dritt tas-suġġett tad-data għal tħassir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679. Meta parti terza tkun fornitur ta' servizz ta' intermedjazzjoni tad-data, japplikaw is-salvagwardji għas-suġġett tad-data previsti mir-Regolament (UE) 2022/868. Il-parti terza tista' tuża d-data biex tiżviluppa prodott konness ġdid u innovattiv jew servizz relatat iżda mhux biex tiżviluppa prodott konness li jikkompeti miegħu.

(40)

Negozji ġodda, intrapriżi żgħar u intrapriżi li jikkwalifikaw bħala intrapriżi ta’ daqs medju skont l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u intrapriżi minn setturi tradizzjonali b'kapaċitajiet diġitali inqas żviluppati jsibu diffikultà biex jiksbu aċċess għad-data rilevanti. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għad-data għal dawk l-entitajiet, filwaqt li jiżgura li l-obbligi korrispondenti jiġu koperti b'mod kemm jista' jkun proporzjonat biex jiġi evitat li jintlaħqu żżejjed. Fl-istess ħin, tfaċċaw għadd żgħir ta' intrapriżi kbar ħafna b'saħħa ekonomika konsiderevoli fl-ekonomija diġitali permezz tal-akkumulazzjoni u l-aggregazzjoni ta' volumi kbar ta' data u l-infrastruttura teknoloġika għall-monetizzazzjoni tagħhom. Dawk l-intrapriżi kbar ħafna jinkludu impriżi li jipprovdu servizzi ta' pjattaforma ewlenija li jikkontrollaw ekosistemi ta' pjattaformi sħaħ fl-ekonomija diġitali u li l-operaturi tas-suq eżistenti jew ġodda ma jistgħux jikkontestaw. Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) għandu l-għan li jirrimedja dawk l-ineffiċjenzi u l-iżbilanċi billi jippermetti lill-Kummissjoni taħtar impriża bħala "gwardjan", u timponi għadd ta' obbligi fuq tali gwardjani, inkluża projbizzjoni li ċerta data tiġi kkombinata mingħajr kunsens u obbligu li jiġu żgurati drittijiet effettivi għall-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. B'konformità mar-Regolament (UE) 2022/1925, u minħabba l-kapaċità li ma hemmx bħalha ta' dawk l-impriżi li jiksbu d-data, mhuwiex neċessarju li jintlaħaq l-objettiv ta' dan ir-Regolament, u għalhekk ikun sproporzjonat għad-detenturi tad-data li jsiru soġġetti għal tali obbligi, biex jinkludu l-gwardjani bħala benefiċjarji tad-dritt għall-aċċess għad-data. Tali inklużjoni x'aktarx li tillimita wkoll il-benefiċċji ta' dan ir-Regolament għall-SMEs, marbuta mal-ekwità tad-distribuzzjoni tal-valur tad-data fost l-atturi tas-suq. Dan ifisser li impriża li tipprovdi servizzi ta' pjattaforma ewlenija li tkun ġiet maħtura bħala gwardjan ma tistax titlob jew tingħata aċċess għad-data tal-utenti ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat jew minn assistent virtwali skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, partijiet terzi li għalihom id-data tkun disponibbli fuq talba tal-utent ma jistgħux jagħmlu d-data disponibbli għal gwardjan. Pereżempju, il-parti terza ma tistax tissottokuntratta l-forniment ta' servizz lil gwardjan. Madankollu, dan ma jżommx lil partijiet terzi milli jużaw servizzi tal-ipproċessar tad-data offruti minn gwardjan. Lanqas ma jipprevjeni lil dawk l-impriżi milli jiksbu u jużaw l-istess data permezz ta' mezzi legali oħra. Id-drittijiet ta' aċċess previsti f’skont dan ir-Regolament jikkontribwixxu għal għażla usa' ta' servizzi għall-konsumaturi. Peress li l-ftehimiet volontarji bejn il-gwardjani u d-detenturi tad-data jibqgħu mhux affettwati, il-limitazzjoni fuq l-għoti ta' aċċess lill-gwardjani ma teskludihomx mis-suq jew ma żżommhomx milli joffru s-servizzi tagħhom.

(41)

Minħabba l-istat attwali tat-teknoloġija, ikun ta' piż kbir wisq fuq intrapriżi mikro u intrapriżi żgħar li jiġu imposti fuqhom aktar obbligi ta’ disinn fir-rigward ta’ prodotti konnessi manifatturati jew iddisinjati, jew is-servizzi relatati pprovduti, minnhom. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fejn mikrointrapriża jew intrapriża żgħira għandha intrapriża msieħba jew intrapriża relatata skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li ma tikkwalifikax bħala mikrointrapriża jew intrapriża żgħira u fejn tiġi sottokuntrattata għall-manifattura jew għad-disinn ta' prodott konness jew biex tipprovdi servizz relatat. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-intrapriża li tkun issottokuntrattat il-manifattura jew id-disinn lil mikrointrapriża jew lil intrapriża żgħira tkun tista' tikkumpensa b'mod xieraq lis-sottokuntrattur. Madankollu, intrapriża mikro jew intrapriża żgħira tista' tkun soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament bħala detentur tad-data meta ma tkunx il-manifattur tal-prodott konness jew fornitur ta' servizzi relatati. Jenħtieġ li perjodu tranżitorju japplika għal intrapriża li tkun ikkwalifikat bħala intrapriża ta' daqs medju għal anqas minn sena u għal prodotti konnessi għal sena wara d-data meta tqiegħdu fis-suq minn intrapriża ta' daqs medju. Tali perjodu ta’ sena jippermetti lil tali intrapriża ta’ daqs medju taġġusta u tħejji qabel ma tiffaċċja kompetizzjoni fis-suq għas-servizzi għall-prodotti konnessi li timmanifattura abbażi tad-drittijiet ta’ aċċess previsti minn dan ir-Regolament. Tali perjodu tranżitorju ma japplikax meta tali intrapriża ta’ daqs medju jkollha intrapriża msieħba jew intrapriża relatata li ma tikkwalifikax bħala mikrointrapriża jew intrapriża żgħira jew meta tali intrapriża ta’ daqs medju ġiet sottokuntrattata biex timmanifattura jew tiddisinja l-prodott konness jew biex tipprovdi s-servizz relatat.

(42)

B’kont meħud tal-varjetà ta' prodotti konnessi, li jipproduċu data ta' natura, volum u frekwenza differenti, li jippreżentaw livelli differenti ta' riskji tad-data u taċ-ċibersigurtà u li jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi ta' valur differenti, u għall-fini li tiġi żgurata l-konsistenza tal-prattiki tal-kondiviżjoni tad-data fis-suq intern, inkluż bejn is-setturi, u biex jitħeġġu u jiġu promossi prattiki ġusti ta' kondiviżjoni tad-data anke f'oqsma fejn ma jiġi pprovdut l-ebda dritt bħal dan għall-aċċess għad-data, dan ir-Regolament jipprevedi regoli orizzontali dwar l-arranġamenti għall-aċċess għad-data kull meta detentur tad-data jkun obbligat bil-liġi tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni li jagħmel id-data disponibbli għal riċevitur tad-data. Tali aċċess jenħtieġ li jkun ibbażat fuq termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli, nondiskriminatorji u trasparenti. Dawk ir-regoli ġenerali dwar l-aċċess ma japplikawx għall-obbligi li d-data ssir disponibbli skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Il-kondiviżjoni volontarja tad-data tibqa' mhux affettwata minn dawk ir-regoli. Il-mudelli ta' termini kuntrattwali mhux vinkolanti għall-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji li jiġu żviluppati u rrakkomandati mill-Kummissjoni jistgħu jgħinu partijiet jikkonkludu kuntratti li jinkludu termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u li għandhom jiġu implimentati b'mod trasparenti. Madankollu, jenħtieġ li l-konklużjoni ta' kuntratti, li jistgħu jinkludu mudelli ta’ termini kuntrattwali mhux vinkolanti, ma tfissirx li d-dritt li d-data tiġi kondiviża ma' partijiet terzi huwa b'xi mod kondizzjonali fuq l-eżistenza ta' tali kuntratt. Jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jikkonkludu kuntratt dwar il-kondiviżjoni tad-data, inkluż bl-appoġġ tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim, id-dritt għall-kondiviżjoni tad-data ma' partijiet terzi huwa infurzabbli fil-qrati jew tribunali nazzjonali.

(43)

Abbażi tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, jenħtieġ li l-partijiet jibqgħu liberi li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet preċiżi biex id-data ssir disponibbli fil-kuntratti tagħhom fil-qafas għar-regoli ġenerali ta' aċċess biex id-data ssir disponibbli. It-termini ta' tali kuntratti jistgħu jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi, inkluż fir-rigward tas-sigurtà tad-data.

(44)

Sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-aċċess obbligatorju għad-data jkunu ġusti għaż-żewġ partijiet għal kuntratt, jenħtieġ li r-regoli ġenerali dwar id-drittijiet ta' aċċess għad-data jirreferu għar-regola dwar l-evitar ta' termini kuntrattwali inġusti.

(45)

Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim konkluż fir-relazzjonijiet bejn in-negozji biex id-data ssir disponibbli ma jiddiskriminax bejn kategoriji komparabbli ta' riċevituri tad-data, irrispettivament minn jekk il-partijiet ikunux intrapriżi kbar jew SMEs. Sabiex jikkumpensaw għan-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet f'kuntratti differenti, li jagħmilha diffiċli għar-riċevitur tad-data li jivvaluta jekk it-termini biex id-data ssir disponibbli humiex nondiskriminatorji, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jkunu responsabbli biex juru li terminu kuntrattwali mhux diskriminatorju. Ma tkunx diskriminazzjoni illegali jekk detentur tad-data juża termini kuntrattwali differenti biex jagħmel id-data disponibbli jekk dawk id-differenzi jkunu ġġustifikati minn raġunijiet oġġettivi. Dawk l-obbligi huma mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679.

(46)

Sabiex jiġi ppromoss l-investiment kontinwu fil-ġenerazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data siewja, inkluż investimenti f'għodod tekniċi rilevanti, filwaqt li fl-istess ħin jiġu evitati piżijiet eċċessivi fuq aċċess għad-data u l-użu tagħha li jagħmlu l-kondiviżjoni tad-data mhux aktar kummerċjalment vijabbli, dan ir-Regolament fih il-prinċipju li fir-relazzjonijiet bejn in-negozji d-detenturi tad-data jistgħu jitolbu kumpens raġonevoli meta jkunu obbligati skont il-liġi tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu d-data disponibbli għal riċevitur tad-data. Jenħtieġ li tali kumpens ma jinftiehemx bħala li jikkostitwixxi ħlas għad-data nnifisha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta linji gwida dwar il-kalkolu ta' kumpens raġonevoli fl-ekonomija tad-data.

(47)

L-ewwel nett, kumpens raġonevoli biex jiġi ssodisfat l-obbligu skont il-liġi tal-Unioni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni ta' konformità ma' talba biex id-data ssir disponibbli jista' jinkludi kumpens għall-kostijiet imġarrba biex id-data ssir disponibbli. Dawk il-kostijiet jistgħu jkunu kostijiet tekniċi, bħall-kostijiet meħtieġa għar-riproduzzjoni, id-disseminazzjoni b'mezzi elettroniċi u l-ħżin tad-data, iżda mhux għall-ġbir jew il-produzzjoni tad-data. Tali kostijiet tekniċi jistgħu jinkludu wkoll il-kostijiet għall-ipproċessar, neċessarja biex id-data ssir disponibbli, inkluż il-kostijiet assoċjati mal-ifformattjar tad-data. Il-kostijiet relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jistgħu jinkludu wkoll il-kostijiet tal-faċilitazzjoni ta' talbiet konkreti għall-kondiviżjoni tad-data. Dawn jistgħu jvarjaw ukoll skont il-volum tad-data kif ukoll l-arranġamenti meħuda biex id-data ssir disponibbli. Arranġamenti fit-tul bejn id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data, pereżempju permezz ta' mudell ta' abbonament jew l-użu ta' kuntratti intelliġenti, jistgħu jnaqqsu l-kostijiet fi tranżazzjonijiet regolari jew ripetittivi f'relazzjoni kummerċjali. Il-kostijiet relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jew huma speċifiċi għal talba partikolari jew huma kondiviżi ma' talbiet oħra. Fil-każ ta' dan tal-aħħar, jenħtieġ li riċevitur wieħed tad-data ma jħallasx il-kostijiet kollha biex id-data ssir disponibbli. It-tieni nett, kumpens raġonevoli jista' jinkludi wkoll marġni, ħlief fir-rigward ta’ SMEs u ta’ organizzazzjonijiet ta' riċerka mingħajr skop ta' qligħ. Marġni jista' jvarja skont il-fatturi relatati mad-data nnifisha, bħall-volum, il-format jew in-natura tad-data. Jista' jqis il-kostijiet għall-ġbir tad-data. Għalhekk, marġni jista' jonqos meta d-detentur tad-data jkun ġabar id-data għan-negozju tiegħu mingħajr investimenti sinifikanti jew jista' jiżdied meta l-investimenti fil-ġbir tad-data għall-finijiet tan-negozju tad-detentur tad-data jkunu għoljin. Jista' jkun limitat jew saħansitra eskluż f'sitwazzjonijiet fejn l-użu tad-data mir-riċevitur tad-data ma jaffettwax l-attivitajiet tad-detentur tad-data. Il-fatt li d-data tkun iġġenerata b'mod konġunt minn prodott konness ta' proprjetà tal-utent jew mikri jew mogħti b'lokazzjoni lilu minnu jista' jnaqqas ukoll l-ammont tal-kumpens meta mqabbel ma' sitwazzjonijiet oħra fejn id-data tkun iġġenerata mid-detentur tad-data pereżempju matul il-forniment ta' servizz relatat.

(48)

Ma huwiex neċessarju li jsir intervent fil-każ ta' kondiviżjoni tad-data bejn intrapriżi kbar, jew meta d-detentur tad-data jkun intrapriża żgħira jew intrapriża ta' daqs medju u r-riċevitur tad-data jkun intrapriża kbira. F'każijiet bħal dawn, l-intrapriżi jitqiesu li huma kapaċi jinnegozjaw il-kumpens fil-limiti ta' dak li huwa raġonevoli u mhux diskriminatorju.

(49)

Biex jipproteġi lill-SMEs kontra piżijiet ekonomiċi eċċessivi li jagħmluha kummerċjalment diffiċli wisq biex jiġu żviluppati u mmexxija mudelli kummerċjali innovattivi, il-kumpens raġonevoli biex id-data tkun disponibbli li jrid jitħallas minnhom jenħtieġ li ma jkunx jaqbeż il-kostijiet marbut direttament mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-istess reġim japplika għal dawk l-organizzazzjonijiet ta' riċerka mingħajr skop ta' qligħ.

(50)

F'każijiet debitament ġustifikati, inkluż fejn hemm ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-parteċipazzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni jew li tiġi promossa l-innovazzjoni f'ċerti swieq, kumpens regolat biex isiru disponibbli tipi speċifiċi ta' data jista’ jkun ipprovdut fil-liġi tal-Unjoni jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(51)

It-trasparenza hija prinċipju importanti biex jiġi żgurat li l-kumpens mitlub minn detentur tad-data jkun raġonevoli, jew, jekk ir-riċevitur tad-data jkun SME jew organizzazzjonijiet ta' riċerka mingħajr skop ta' qligħ, li l-kumpens ma jaqbiżx il-kostijiet direttament relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data lir-riċevitur tad-data u huwa attribwibbli għat-talba individwali kkonċernata. Sabiex ir-riċevituri tad-data jitqiegħdu f'pożizzjoni li jivvalutaw u li jivverifikaw li l-kumpens ikun konformi mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-detentur tad-data jipprovdi lir-riċevitur tad-data informazzjoni dettaljata biżżejjed għall-kalkolu tal-kumpens.

(52)

L-iżgurar tal-aċċess għal modi alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim domestiku u transfruntier li jinħoloq b'rabta mat-tqegħid tad-data disponibbli jenħtieġ li jkun ta' benefiċċju għad-detenturi tad-data u għar-riċevituri tad-data u għalhekk tissaħħaħ il-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data. Fejn il-partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji biex jagħmlu d-data disponibbli, il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li joffru soluzzjoni sempliċi, rapida u bi prezz baxx lill-partijiet. Filwaqt li dan ir-Regolament jistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet li jeħtieġ li l-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jissodisfaw biex jiġu ċċertifikati, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw kwalunkwe regola speċifika għall-proċedura ta' ċertifikazzjoni, inkluż l-iskadenza jew ir-revoka taċ-ċertifikazzjoni. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar is-soluzzjoni tat-tilwim ma jirrikjedux li l-Istati Membri jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim.

(53)

Il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan ir-Regolament hija proċedura volontarja li tippermetti lill-utenti, lid-detenturi tad-data u lir-riċevituri tad-data jaqblu li jressqu t-tilwim tagħhom quddiem il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Għalhekk, jenħtieġ li l-partijiet ikunu liberi li jindirizzaw korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-għażla tagħhom, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Istati Membri li fihom ikunu stabbiliti dawk il-partijiet.

(54)

Biex jiġu evitati każijiet fejn żewġ korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jew aktar jitqabbdu għall-istess tilwima, b'mod partikolari f'sitwazzjoni transfruntiera, jenħtieġ li korp għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun jista' jirrifjuta li jittratta talba għal soluzzjoni ta' tilwima li tkun diġà tressqet quddiem korp ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

(55)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim iqisu mudelli ta' termini kuntrattwali mhux vinkolanti li jiġu żviluppati u rakkomandati mill-Kummissjoni kif ukoll mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li jispeċifikaw l-obbligi tal-kondiviżjoni tad-data jew il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet settorjali għall-applikazzjoni ta' tali liġi.

(56)

Il-partijiet għall-proċedimenti ta' soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li ma jitwaqqfux milli jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom għal rimedju effettiv u proċess ġust. Għalhekk, jenħtieġ li d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata tilwima quddiem korp għas-soluzzjoni tat-tilwim ma ċċaħħadx lil dawk il-partijiet mid-dritt tagħhom li jfittxu rimedju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru. Jenħtieġ li l-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jagħmlu r-rapporti annwali tal-attività disponibbli għall-pubbliku.

(57)

Id-detenturi tad-data jistgħu japplikaw miżuri tekniċi adatti ta' protezzjoni biex jipprevjenu l-iżvelar illegali tad-data jew l-aċċess għaliha. Madankollu, jenħtieġ li dawk il-miżuri la jiddiskriminaw bejn ir-riċevituri tad-data, u lanqas ifixklu l-aċċess għad-data jew l-użu tagħha għall-utenti jew għar-riċevituri tad-data. Fil-każ ta' prattiki abbużivi min-naħa ta' riċevitur tad-data, bħat-tqarriq bid-detentur tad-data billi jipprovdi informazzjoni falza bl-intenzjoni li d-data tintuża għal finijiet illegali, inkluż l-iżvilupp ta' prodott konness kompetitur abbażi tad-data, id-detentur tad-data u, fejn applikabbli u fejn ma jkunx l-istess persuna, id-detentur tas-sigriet kummerċjali jew l-utent jista' jitlob lill-parti terza jew lir-riċevitur tad-data jimplimenta miżuri korrettivi jew ta' rimedju mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li kwalunkwe talba bħal din, u b'mod partikolari talbiet biex tintemm il-produzzjoni, l-offerta jew it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti, data derivattiva jew servizzi, kif ukoll dawk biex jintemmu l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-ħżin ta' oġġetti kontraventorji jew il-qerda tagħhom, tiġi vvalutata fid-dawl tal-proporzjonalità tagħha fir-rigward tal-interessi tad-detentur tad-data, tad-detentur tas-sigriet kummerċjali jew tal-utent.

(58)

Meta parti waħda tkun f'pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha, hemm riskju li dik il-parti tkun tista' tingrana tali pożizzjoni għad-detriment tal-parti kontraenti l-oħra meta tinnegozja l-aċċess għad-data bir-riżultat li l-aċċess għad-data jkun kummerċjalment inqas vijabbli u xi drabi ekonomikament projbittiv. Tali żbilanċi kuntrattwali jagħmlu ħsara lill-intrapriżi kollha mingħajr kapaċità sinifikanti li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data u li jista' ma jkollhom l-ebda għażla għajr li jaċċettaw termini kuntrattwali tat-tip "dawn jew xejn". Għalhekk, jenħtieġ li t-termini kuntrattwali inġusti li jirregolaw l-aċċess għad-data u l-użu tagħha, jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew għat-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data, ma jkunux vinkolanti fuq intrapriżi meta dawk it-termini jkunu ġew imposti unilateralment fuq dawk l-intrapriżi.

(59)

Jenħtieġ li r-regoli dwar it-termini kuntrattwali jqisu l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bħala kunċett essenzjali fir-relazzjonijiet bejn in-negozji. Għalhekk, jenħtieġ li mhux it-termini kuntrattwali kollha jkunu soġġetti għal test ta' inġustizzja, iżda biss dawk it-termini li huma imposti unilateralment. Dan jikkonċerna sitwazzjonijiet ta' "dawn jew xejn" fejn parti waħda tforni ċertu terminu kuntrattwali u l-intrapriża l-oħra ma tistax tinfluwenza l-kontenut ta' dak it-terminu minkejja tentattiv biex tinnegozjah. Jenħtieġ li terminu kuntrattwali li huwa sempliċiment ipprovdut minn parti waħda u aċċettat mill-intrapriża l-oħra jew terminu li jiġi negozjat u sussegwentement miftiehem b'mod emendat bejn il-partijiet kontraenti ma jitqiesx bħala impost unilateralment.

(60)

Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli dwar termini kuntrattwali inġusti japplikaw biss għal dawk l-elementi ta' kuntratt li huma marbuta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, jiġifieri termini kuntrattwali dwar l-aċċess għad-data u l-użu tagħha kif ukoll responsabbiltà jew rimedji għall-ksur u t-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data. Jenħtieġ li partijiet oħra tal-istess kuntratt, mhux relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, ma jkunux soġġetti għat-test tal-inġustizzja stabbilit f'dan ir-Regolament.

(61)

Jenħtieġ li l-kriterji biex jiġu identifikati termini kuntrattwali inġusti jiġu applikati biss għal termini kuntrattwali eċċessivi, fejn tkun ġiet abbużata pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha. Il-maġġoranza l-kbira tat-termini kuntrattwali li huma kummerċjalment aktar favorevoli għal parti waħda milli għal oħra, inklużi dawk li huma normali f'kuntratti minn negozju għal negozju, huma espressjoni normali tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u jibqgħu japplikaw. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, devjazzjoni kbira mill-prattika kummerċjali tajba tinkludi, fost l-oħrajn, tfixkil oġġettiv tal-kapaċità tal-parti li fuqha jkun ġie impost unilateralment t-terminu biex jiġi protett l-interess kummerċjali leġittimu tagħha fid-data inkwistjoni.

(62)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament jistabbilixxi lista ta' klawżoli li dejjem jitqiesu inġusti u lista bi klawżoli li huwa preżunt li huma inġusti. Fil-każ tal-aħħar, jenħtieġ li l-intrapriża li timponi t-terminu kuntrattwali tkun tista' tirribatti l-preżunzjoni ta' inġustizzja billi turi li t-terminu kuntrattwali elenkat f'dan ir-Regolament mhuwiex inġust fil-każ speċifiku inkwistjoni. Jekk terminu kuntrattwali ma jkunx inkluż fil-lista ta' termini li dejjem jitqiesu inġusti jew li huma preżunti inġusti, tapplika d-dispożizzjoni ġenerali dwar in-nuqqas ta' ġustizzja. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li t-termini elenkati bħala termini kuntrattwali inġusti f'dan ir-Regolament iservu bħala kejl biex tiġi interpretata d-dispożizzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' ġustizzja. Fl-aħħar nett, il-mudelli mhux vinkolanti tat-termini kuntrattwali għall-kuntratti ta' kondiviżjoni tad-data minn negozju għal negozju li jridu jiġu żviluppati u rakkomandati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu utli wkoll għall-partijiet kummerċjali meta jinnegozjaw il-kuntratti. Jekk terminu kuntrattwali jiġi ddikjarat inġust, jenħtieġ li l-kuntratt ikkonċernat ikompli japplika mingħajr dak it-terminu, għajr jekk it-terminu kuntrattwali inġust ma jkunx separabbli mit-termini l-oħra tal-kuntratt.

(63)

F'sitwazzjonijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali, jista' jkun neċessarju li l-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni jużaw fit-twettiq tad-dmirijiet statutorji tagħhom fl-interess pubbliku data eżistenti, inkluż, fejn rilevanti, metadata li takkumpanjaha, biex jirrispondu għal emerġenzi pubbliċi jew f'każijiet eċċezzjonali oħra. Ħtiġijiet eċċezzjonali huma ċirkostanzi li huma imprevedibbli u limitati fiż-żmien, b'kuntrast ma' ċirkostanzi oħra li jistgħu jkunu ppjanati, skedati, perjodiċi jew frekwenti. Filwaqt li l-kunċett ta' "detentur tad-data" ma jinkludix, ġeneralment, korpi tas-settur pubbliku, jista' jinkludi impriżi pubbliċi. Organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jistgħu jkunu organizzati wkoll bħala korpi tas-settur pubbliku jew korpi regolati mid-dritt pubbliku. Sabiex jiġi limitat il-piż fuq in-negozji, jenħtieġ li l-intrapriżi mikro u l-intrapriżi żgħar jkunu biss taħt l-obbligu li jipprovdu data lill-korpi tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korpi tal-Unjoni f'sitwazzjonijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali fejn tali data hija meħtieġa bħala rispons għal emerġenza pubblika u l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiksbu dik id-data b’mezz alternattiv fil-ħin u b’mod effettiv b'kundizzjonijiet ekwivalenti.

(64)

F'każ ta' emerġenzi pubbliċi, bħal emerġenzi tas-saħħa pubblika, emerġenzi li jirriżultaw minn diżastri naturali inkluż dawk aggravati mit-tibdil fil-klima u degradazzjoni ambjentali, kif ukoll diżastri kbar ikkawżati mill-bniedem, bħal inċidenti kbar taċ-ċibersigurtà, l-interess pubbliku li jirriżulta mill-użu tad-data ser jisboq l-interessi tad-detenturi tad-data li jiddisponu liberament mid-data li jkollhom. F'każ bħal dan, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jiġu obbligati jagħmlu d-data disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għall-korpi tal-Unjoni fuq talba tagħhom. Jenħtieġ li l-eżistenza ta' emerġenza pubblika tiġi determinata jew iddikjarata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali u abbażi tal-proċeduri rilevanti, inkluż dawk tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-korp tas-settur pubbliku juri li d-data fl-ambitu tat-talba ma setgħetx tinkiseb b'mod ieħor fil-ħin u b'mod effettiv u b'kundizzjonijiet ekwivalenti, pereżempju permezz tal-forniment volontarju ta' data minn intrapriża oħra jew il-konsultazzjoni ta' bażi tad-data pubblika.

(65)

Ħtieġa eċċezzjonali tista' tirriżulta wkoll minn sitwazzjonijiet mhux ta' emerġenza. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jitħallew jitolbu biss data mhux personali. Jenħtieġ li l-korp tas-settur pubbliku juri li d-data hija neċessarja biex jitwettaq kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku li jkun ġie previst espliċitament mil-liġi, bħall-produzzjoni ta’statistika uffiċjali jew il- mitigazzjoni ta’ jew irkupru minn emerġenza pubblika. Barra minn hekk, tali talba tista' ssir biss meta l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jkunu identifikaw data speċifika li ma setgħetx tinkiseb b'mod ieħor fil-ħin u b'mod effettiv u b'kundizzjonijiet ekwivalenti u biss jekk ikunu eżawrew il-mezzi l-oħra kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiksbu tali data, bħall-kisba tad-data permezz ta' ftehimiet volontarji, inkluż ix-xiri ta' data mhux personali fis-suq billi jiġu offruti r-rati fis-suq, jew billi jiddependu fuq obbligi eżistenti biex id-data ssir disponibbli jew l-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi ġodda li jistgħu jiggarantixxu d-disponibbiltà f'waqtha tad-data. Jenħtieġ li japplikaw ukoll l-kundizzjonijiet u l-prinċipji li jirregolaw it-talbiet, bħal dawk relatati mal-limitazzjoni tal-fini, il-proporzjonalità, it-trasparenza, u l-limitazzjoni taż-żmien. F'każijiet ta' talbiet għad-data neċessarji għall-produzzjoni ta' statistika uffiċjali, jenħtieġ li l-korp tas-settur pubbliku rikjedenti juri wkoll jekk il-liġi nazzjonali tippermettilux jixtri data mhux personali fis-suq.

(66)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal, jew ma jantiċipax, arranġamenti volontarji għall-iskambju ta' data bejn entitajiet privati u pubbliċi, inkluż il-forniment ta' data mill-SMEs, u huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni li jipprevedu talbiet obbligatorji għal informazzjoni minn entitajiet pubbliċi lil entitajiet privati. Jenħtieġ li l-obbligi mqiegħda fuq id-detenturi tad-data biex jipprovdu data li tkun motivata mill-ħtiġijiet ta' natura mhux eċċezzjonali, b'mod partikolari fejn il-firxa ta' data u tad-detenturi tad-data tkun magħrufa jew fejn l-użu tad-data jista' jsir fuq bażi regolari, bħal fil-każ tal-obbligi ta' rapportar u l-obbligi tas-suq intern, ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ ukoll li r-rekwiżiti għall-aċċess tad-data biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli applikabbli, inkluż fejn il-korpi tas-settur pubbliku jassenjaw il-kompitu tal-verifika tal-konformità lil entitajiet għajr il-korpi tas-settur pubbliku, ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament.

(67)

Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu għall-aċċess għad-data u l-użu tagħha għal finijiet statistiċi, b'mod partikolari r-Regolament Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) kif ukoll l-atti legali nazzjonali relatati mal-istatistika uffiċjali.

(68)

Għall-eżerċitar tal-kompiti tagħhom fl-oqsma tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tad-detezzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali u amministrattivi, kif ukoll il-ġbir ta' data għal finijiet ta' tassazzjoni jew għal finijiet doganali, jenħtieġ li korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni, iserrħu fuq is-setgħat tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma jaffettwax l-atti leġiżlattivi għall-kondiviżjoni, l-aċċess għad-data u l-użu tagħha f'dawk l-oqsma.

(69)

F'konformità mal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa neċessarju qafas proporzjonat, limitat u prevedibbli fil-livell tal-Unjoni meta tiġi pprovduta l-bażi legali għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data, f'każijiet ta' ħtiġijiet eċċezzjonali, lill-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni, kemm biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll biex jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi mqiegħda fuq in-negozji. Għal dak il-għan, jenħtieġ li t-talbiet għad-data minn korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni lid-detenturi tad-data jkunu speċifiċi, trasparenti u proporzjonati fl-ambitu tal-kontenut tagħhom u tal-granularità tagħhom. L-għan tat-talba u l-użu maħsub tad-data mitluba jenħtieġ li jkunu speċifiċi u spjegati b'mod ċar, filwaqt li jippermettu flessibbiltà xierqa għall-entità rikjedenti biex twettaq il-kompiti speċifiċi tagħha fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li t-talba tirrispetta wkoll l-interessi leġittimi tad-detentur tad-data li lilu ssir it-talba. Jenħtieġ li jiġi minimizzat il-piż fuq id-detenturi tad-data billi l-entitajiet rikjedenti jiġu obbligati jirrispettaw il-prinċipju ta' darba biss, li jipprevjeni li tintalab aktar minn darba l-istess data minn aktar minn korp wieħed tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li t-talbiet għad-data magħmula mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-korpi tal-Unjoni jsiru pubbliċi mingħajr dewmien żejjed mill-entità li titlob id-data. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-talbiet tagħhom. Jekk it-talba għad-data tkun saret minn korp tas-settur pubbliku, dak il-korp jenħtieġ li jinnotifika wkoll lill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp tas-settur pubbliku. Jenħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet kollha. Hekk kif tirċievi notifika ta’ talba għad-data, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tivvaluta l-legalità tat-talba u teżerċita l-funzjonijiet tagħha fir-rigward tal-infurzar u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li d-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet kollha magħmula mill-korpi tas-settur pubbliku tiġi żgurata mill-koordinatur tad-data.

(70)

L-objettiv tal-obbligu li tiġi pprovduta d-data huwa li jiġi żgurat li l-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni jkollhom l-għarfien meħtieġ biex jirrispondu għal, jipprevjenu jew jirkupraw minn emerġenzi pubbliċi jew biex iżommu l-kapaċità li jwettqu kompiti speċifiċi pprovduti b'mod espliċitu mil-liġi. Id-data miksuba minn dawk l-entitajiet tista' tkun kummerċjalment sensittiva. Għalhekk, jenħtieġ li la r-Regolament (UE) 2022/868 u lanqas id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) ma japplikaw għad-data magħmula disponibbli skont dan ir-Regolament u jenħtieġ li ma titqiesx bħala data miftuħa disponibbli għall-użu mill-ġdid minn partijiet terzi. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jaffettwax l-applikabbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/1024 għall-użu mill-ġdid ta' statistika uffiċjali, li għall-produzzjoni tagħha, ntużat id-data miksuba skont dan ir-Regolament, dment li l-użu mill-ġdid ma jinkludix id-data sottostanti. Barra minn hekk, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-possibbiltà ta' kondiviżjoni tad-data għat-twettiq tar-riċerka jew għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistika uffiċjali ma tiġix affettwata. Jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku jitħallew ukoll jiskambjaw data miksuba skont dan ir-Regolament ma' korpi oħra tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni biex jindirizzaw il-ħtiġijiet eċċezzjonali li għalihom tkun intalbet id-data.

(71)

Jenħtieġ li d-detenturi tad-data jkollhom il-possibilità li jew jirrifjutaw it-talba magħmula minn korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jew li jitolbu modifika mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol jew 30 jum tax-xogħol, skont in-natura tal-ħtieġa eċċezzjonali invokata fit-talba. Fejn rilevanti, jenħtieġ li d-detentur tad-data jkollu din il-possibilità meta ma jkollux kontroll fuq id-data mitluba, jiġifieri meta ma jkollux aċċess immedjat għad-data u ma jkunx jista' jiddetermina d-disponibbiltà tagħha. Jenħtieġ li jkun hemm raġuni valida biex id-data ma titqiegħedx għad-dispożizzjoni jekk ikun jista' jintwera li t-talba hija simili għal talba ppreżentata qabel għall-istess għan minn korp ieħor tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp ieħor tal-Unjoni u d-detentur tad-data ma ġiex innotifikat bit-tħassir tad-data skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li detentur tad-data li jirrifjuta t-talba jew li jfittex il-modifika tagħha jikkomunika l-ġustifikazzjoni sottostanti lill-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni li jitlob id-data. Meta d-drittijiet tal-bażi tad-data sui generis skont id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) japplikaw fir-rigward tas-settijiet tad-data mitluba, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'tali mod li ma jipprevjenix lill-korp tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni milli jiksbu d-data, jew milli jikkondividuha, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(72)

Fil-każ ta' ħtieġa eċċezzjonali relatata ma' rispons għal emerġenza pubblika, jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku jużaw data mhux personali kull fejn ikun possibbli. Fil-każ ta' talbiet abbażi ta’ ħtieġa eċċezzjonali mhux relatata ma' emerġenza pubblika, id-data personali ma tistax tintalab. Fejn data personali taqa’ fl-ambitu tat-talba, jenħtieġ li d-detentur tad-data janonimizza d-data. Meta jkun strettament neċessarju li tiġi inkluża data personali fid-data li għandha ssir disponibbli għal korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jew fejn l-anonimizzazzjoni tirriżulta impossibbli, jenħtieġ li l-entità li titlob id-data turi n-neċessità stretta u l-finijiet speċifiċi u limitati għall-ipproċessar. Jenħtieġ li jkun hemm konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data u l-użu sussegwenti tagħha jkunu akkumpanjati minn salvagwardji għad-drittijiet u l-interessi tal-individwi kkonċernati minn dik id-data.

(73)

Jenħtieġ li d-data magħmula disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni abbażi ta' ħtieġa eċċezzjonali tintuża biss għall-finijiet li għalih tkun intalbet, sakemm id-detentur tad-data li jkun għamel id-data disponibbli ma jkunx qabel b'mod espliċitu biex id-data tintuża għal finijiet oħra. Jenħtieġ li d-data titħassar ladarba ma tibqax neċessarja għall-finijiet iddikjarati fit-talba, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, u jenħtieġ li d-detentur tad-data jiġi infurmat b'dan. Dan ir-Regolament jibni fuq ir-reġimi ta' aċċess eżistenti fl-Unjoni u fl-Istati Membri u ma jbiddilx il-liġijiet nazzjonali dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti fil-kuntest tal-obbligi ta' trasparenza. Jenħtieġ li d-data titħassar ladarba ma tibqax meħtieġa għall-konformità ma' tali obbligi ta’ trasparenza.

(74)

Meta d-data pprovduta mid-detenturi tad-data terġa' tintuża, jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korpi tal-Unjoni jirrispettaw kemm il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli eżistenti kif ukoll l-obbligi kuntrattwali li għalihom huwa soġġett id-detentur tad-data. Jenħtieġ li jżommu lura milli jiżviluppaw jew itejbu prodott konness jew servizz relatat li jikkompeti mal-prodott konness jew mas-servizz relatat tad-detentur tad-data kif ukoll milli jikkondividu d-data ma' parti terza għal dawk il-finijiet. Bl-istess mod, jenħtieġ li jipprovdu rikonoxximent pubbliku lid-detenturi tad-data fuq talba tagħhom u jenħtieġ li jkunu responsabbli għaż-żamma tas-sigurtà tad-data riċevuta. Meta d-divulgazzjoni tas-sigrieti kummerċjali tad-detentur tad-data lil korpi tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korpi tal-Unjoni tkun strettament neċessarja biex jiġi ssodisfat l-għan li għalih tkun intalbet id-data, jenħtieġ li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta' tali divulgazzjoni qabel id-divulgazzjoni tad-data.

(75)

Meta s-salvagwardja ta' ben pubbliku sinifikanti tkun f'riskju, bħal rispons għal emerġenzi pubbliċi, il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat jenħtieġ li ma jkunux mistennija jikkumpensaw lill-intrapriżi għad-data miksuba. L-emerġenzi pubbliċi huma avvenimenti rari u mhux l-emerġenzi kollha bħal dawn jeħtieġu l-użu ta' data miżmuma minn intrapriżi. Fl-istess ħin, l-obbligu li tiġi pprovduta data jista' jikkostitwixxi piż konsiderevoli fuq intrapriżi mikro u intrapriżi żgħar. Għalhekk jenħtieġ li jitħallew jitolbu kumpens anke fil-kuntest ta' rispons għal emerġenza pubblika. Għalhekk, l-attivitajiet kummerċjali tad-detenturi tad-data x'aktarx li ma jiġux affettwati b'mod negattiv bħala konsegwenza tal-fatt li l-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni jirrikorru għal dan ir-Regolament. Madankollu, peress li każijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali, għajr każijiet ta' rispons għal emerġenzi pubbliċi, jistgħu jkunu aktar frekwenti, jenħtieġ li d-detenturi tad-data f'każijiet bħal dawn ikunu intitolati għal kumpens raġonevoli li jenħtieġ li ma jaqbiżx il-kostijiet tekniċi u organizzazzjonali mġarrba biex ikun hemm konformità mat-talba u l-marġni raġonevoli meħtieġ biex id-data tkun magħmula disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-kumpens ma jinftehimx bħala li jikkostitwixxi pagament għad-data nnifisha u bħala li hija obbligatorja. Jenħtieġ li d-detenturi tad-data ma jkunux jistgħu jitolbu kumpens meta l-liġi nazzjonali tipprevjeni lill-istituti nazzjonali tal-istatistika jew lil awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-produzzjoni tal-istatistika milli jikkumpensaw lid-detenturi tad-data talli jagħmlu d-data disponibbli. Jenħtieġ li l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat ikunu jistgħu jikkontestaw il-livell ta' kumpens mitlub mid-detentur tad-data billi jressqu l-kwistjoni quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

(76)

Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu intitolati jikkondividu d-data li jkunu kisbu skont it-talba ma' entitajiet jew ma' persuni oħrajn meta dan ikun neċessarju biex jitwettqu attivitajiet ta' riċerka xjentifika jew attivitajiet analitiċi li ma jkunux jistgħu jwettqu huma stess, dment li dawk l-attivitajiet ikunu jikkorrispondu mal-għan li għalih intalbet id-data. Jenħtieġ li jinfurmaw lid-detentur tad-data b'tali kondiviżjoni fil-ħin. Tali data tista' wkoll tiġi kondiviża taħt l-istess ċirkostanzi mal-istituti nazzjonali tal-istatistika u mal-Eurostat għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika uffiċjali. Madankollu, jenħtieġ li tali attivitajiet ta' riċerka jkunu kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet id-data u jenħtieġ li d-detentur tad-data jiġi infurmat bil-kondiviżjoni ulterjuri tad-data li jkun ipprovda. Jenħtieġ li individwi li jwettqu riċerka jew organizzazzjonijiet ta' riċerka li magħhom tista' tiġi kondiviża dik id-data jaġixxu jew fuq bażi mingħajr skop ta' qligħ jew fil-kuntest ta' missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta mill-Istat. Jenħtieġ li organizzazzjonijiet li l-impriżi kummerċjali jkollhom influwenza sinifikanti fuqhom, li tippermetti lil dawn l-impriżi jeżerċitaw kontroll minħabba sitwazzjonijiet strutturali li jistgħu jirriżultaw f'aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka, ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta' riċerka għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(77)

Sabiex tiġi trattata emerġenza pubblika transfruntiera jew ħtieġa eċċezzjonali oħra, it-talbiet għad-data jistgħu jiġu indirizzati lid-detenturi tad-data fi Stati Membri għajr dak tal-korp tas-settur pubbliku rikjedenti. F'każ bħal dan, jenħtieġ li l-korp tas-settur pubbliku rikjedenti jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data sabiex tkun tista' teżamina t-talba skont il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament. L-istess jenħtieġ li japplika għal talbiet magħmula mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew minn korp tal-Unjoni. Fejn tiġi rikjesta data personali, il-korp tas-settur pubbliku jenħtieġ li jinnotifika lill-awtorità superviżorja responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fl-Istat Membru fejn il-korp tas-settur pubbliku huwa stabbilit. L-awtorità kompetenti kkonċernata jenħtieġ li tkun intitolata tagħti pariri lill-korp tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni biex jikkooperaw mal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istat Membru li fih id-detentur tad-data jkun stabbilit dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat piż amministrattiv minimizzat fuq id-detentur tad-data. Meta l-awtorità kompetenti jkollha riżervi ġustifikati fitr-rigward tal-konformità tat-talba ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li tirrifjuta t-talba tal-korp tas-settur pubbliku, tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-korp tal-Unjoni, li jenħtieġ li jqisu dawk l-oġġezzjonijiet qabel ma jieħdu kwalunkwe azzjoni ulterjuri, inkluż il-preżentazzjoni mill-ġdid tat-talba.

(78)

Il-kapaċità tal-klijenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż is-servizzi tal-cloud u tal-edge, li jaqilbu minn servizz tal-ipproċessar tad-data għal ieħor filwaqt li jżommu funzjonalità minima tas-servizz u mingħajr perjodu ta' qtugħ tas-servizzi, jew li jużaw is-servizzi ta' diversi fornituri fl-istess ħin mingħajr ostakli u kostijiet bla bżonn għat-trasferiment tad-data, hija kundizzjoni ewlenija għal suq aktar kompetittiv b'inqas ostakli għad-dħul ta' fornituri ġodda ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, u biex tiġi żgurata aktar reżiljenza għall-utenti ta' dawk is-servizzi. Jenħtieġ li l-klijenti li jibbenefikaw minn offerti bla ħlas jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet għall-qlib li huma stabbiliti f'dan ir-Regolament, sabiex dawk l-offerti ma jirriżultawx f'sitwazzjoni ta' intrappolament għall-klijenti.

(79)

Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) jinkoraġġixxi lill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jiżviluppaw u jimplimentaw b'mod effettiv kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji li jkopru l-aħjar prattiki għal, fost l-oħrajn, l-iffaċilitar tal-qlib ta' fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data u l-portabbiltà tad-data. Minħabba l-użu limitat tal-oqfsa awtoregolatorji żviluppati b'rispons għal dan, u n-nuqqas ta' disponibbiltà ġenerali ta' standards u ta' interfaċċi miftuħa, huwa neċessarju li jiġi adottat sett ta' obbligi regolatorji minimi għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jiġu eliminati ostakli prekummerċjali, kummerċjali, tekniċi, kuntrattwali u organizzattivi, li mhumiex limitati għal veloċità mnaqqsa tat-trasferiment tad-data mal-ħruġ tal-klijent, li jfixklu l-qlib effettiv bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(80)

Jenħtieġ li s-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkopru s-servizzi li jippermettu aċċess tan-network minn kullimkien u fuq talba għal grupp kondiviż konfigurabbli, skalabbli u elastiku ta' riżorsi tal-informatika distribwiti. Dawk ir-riżorsi tal-informatika jinkludu riżorsi bħal networks, servers jew infrastruttura virtwali jew fiżika oħra, software, inkluż għodod għall-iżvilupp tas-software, il-ħżin, l-applikazzjonijiet u s-servizzi. Il-kapaċità tal-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data biex unilateralment jipprovdi awtoforniment tal-kapaċitajiet tal-informatika, bħall-ħin tas-server jew il-ħżin tan-network, mingħajr ebda interazzjoni umana mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data tista' tiġi deskritta bħala li tirrikjedi sforz minimu ta' ġestjoni u li tinvolvi interazzjoni minima bejn il-fornitur u klijent. It-terminu "minn kullimkien" jintuża biex jiddeskrivi l-kapaċitajiet tal-informatika pprovduti fuq in-network u aċċessati permezz ta' mekkaniżmi li jippromwovu l-użu ta' pjattaformi ta' terminals ħfief jew tqal eteroġeni (minn web browsers għal apparat portabbli u stazzjonijiet tax-xogħol). It-terminu "skalabbli" jirreferi għal riżorsi tal-informatika li jiġu allokati b'mod flessibbli mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mill-post ġeografiku fejn ikunu jinsabu r-riżorsi, sabiex jiġu ġestiti l-fluttwazzjonijiet li jkun hemm domanda kbira għalihom. It-terminu " elastiku" jintuża biex jiddeskrivi dawk ir-riżorsi tal-informatika li jiġu pprovduti u li jiġu rilaxxati skont id-domanda sabiex iżidu u jnaqqsu malajr ir-riżorsi disponibbli skont l-ammont ta' xogħol. It-terminu "grupp kondiviż" jintuża biex jiddeskrivi dawk ir-riżorsi tal-informatika li jiġu pprovduti lil għadd ta' utenti li jikkondividu aċċess komuni għas-servizz, iżda fejn l-ipproċessar isir b'mod separat għal kull utent, għalkemm is-servizz jiġi pprovdut mill-istess tagħmir elettroniku. It-terminu "distribwit" jintuża biex jiddeskrivi dawk ir-riżorsi tal-informatika li jinsabu fuq kompjuters jew apparati differenti mqabbda ma' network u li jikkomunikaw u li jikkoordinaw bejniethom billi jgħaddu l-messaġġi. It-terminu "distribwit ħafna" jintuża biex jiddeskrivi s-servizzi tal-ipproċessar tad-data li jinvolvu l-ipproċessar tad-data eqreb ta' fejn tkun qed tiġi ġġenerata jew miġbura d-data, pereżempju f'apparat tal-ipproċessar tad-data konness. Edge computing, li huwa forma ta' pproċessar ta' data distribwit ħafna, huwa mistenni li jiġġenera mudelli kummerċjali ġodda u mudelli ta' kunsinna ta' servizzi tal-cloud, li jenħtieġ li jkunu miftuħin u interoperabbli sa mill-bidu nett.

(81)

Il-kunċett ġeneriku "servizzi tal-ipproċessar tad-data" jkopri għadd sostanzjali ta' servizzi b'firxa wiesgħa ħafna ta' skopijiet, funzjonalitajiet u strutturi tekniċi differenti. Kif mifhum b'mod komuni mill-fornituri u l-utenti u f'konformità ma' standards użati b'mod wiesa', is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jaqgħu f'wieħed jew aktar mit-tliet mudelli ta' kunsinna ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li ġejjin, jiġifieri Infrastruttura bħala Servizz (IaaS), Pjattaforma bħala servizz (PaaS) u Software bħala Servizz (SaaS). Dawk il-mudelli tal-kunsinna ta' servizzi jirrappreżentaw taħlita speċifika u ppakkjata minn qabel ta' riżorsi tal-ICT offruti minn fornitur ta' servizz tal-ipproċessar tad-data. Dawk it-tliet mudelli bażiċi ta' kunsinna ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data huma ulterjorment ikkomplementati minn varjazzjonijiet emerġenti, kull waħda magħmula minn taħlita distinta ta' riżorsi tal-ICT, bħal Ħżin bħala Servizz u Bażi ta' Data bħala Servizz. Is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jiġu kkategorizzati b'mod aktar granulari u diviżi f’lista mhux eżawrjenti ta’ settijiet ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkondividu l-istess objettiv primarju u funzjonalitajiet ewlenin kif ukoll l-istess tip ta' mudelli tal-ipproċessar tad-data, li mhumiex relatati mal-karatteristiċi operazzjonali tas-servizz (l-istess tipi ta’ servizzi). Is-servizzi li jaqgħu taħt l-istess tip ta' servizz jistgħu jikkondividu l-istess mudell ta' servizz tal-ipproċessar tad-data, iżda, għalkemm żewġ bażijiet ta' data jistgħu jidhru li jikkondividu l-istess objettiv primarju, wara li jiġu kkunsidrati l-mudell tal-ipproċessar tad-data u l-mudell ta' distribuzzjoni tagħhom u l-każijiet ta' użu li huma mmirati għalihom, tali bażijiet ta' data jistgħu jaqgħu f'subkategorija aktar granulari ta' servizzi simili. Servizzi tal-istess tip ta' servizz jista' jkollhom karatteristiċi differenti u konkorrenti bħall-prestazzjoni, is-sigurtà, ir-reżiljenza, u l-kwalità tas-servizz.

(82)

L-imminar tal-estrazzjoni tad-data li tista' tiġi esportata li tappartjeni għall-klijent mill-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jista' jimpedixxi r-restawr tal-funzjonalitajiet tas-servizz fl-infrastruttura tal-fornitur ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Sabiex tiġi ffaċilitata l-istrateġija ta' ħruġ tal-klijent, jiġu evitati kompiti bla bżonn u ta' piż u jiġi żgurat li l-klijent ma jitlef l-ebda data tiegħu bħala konsegwenza tal-proċess tal-qlib, jenħtieġ li l-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jinforma lill-klijent minn qabel dwar l-ambitu tad-data li tista' tiġi esportata ladarba dak il-klijent jiddeċiedi li jaqleb għal servizz differenti pprovdut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew imur għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post. Jenħtieġ li l-ambitu tad-data li tista' tiġi esportata jinkludi, bħala minimu, data tal-input u tal-output, inkluż metadata , iġġenerata direttament jew indirettament, jew koġenerata, mill-użu tal-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe assi jew data tal-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jew ta' parti terza. Jenħtieġ li d-data li tista' tiġi esportata teskludi kwalunkwe assi jew data tal-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jew tal-parti terza li jkunu protetti mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali ta' dak il-fornitur jew ta’ dik il-parti terza, jew data relatata mal-integrità u s-sigurtà tas-servizz, li l-esportazzjoni tagħha tesponi lill-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data għal vulnerabbiltajiet taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li dawk l-eżenzjonijiet ma jfixklux jew idewmu l-proċess tal-qlib.

(83)

L-assi diġitali jirreferu għal elementi f'forma diġitali li l-klijent għandu d-dritt li juża, inkluż applikazzjonijiet u metadata relatati mal-konfigurazzjoni tal-konfigurazzjonijiet, is-sigurtà, u l-ġestjoni tad-drittijiet tal-aċċess u l-kontroll, u elementi oħra bħal manifestazzjonijiet ta' teknoloġiji ta' virtwalizzazzjoni, inkluż magni u kontenituri virtwali. L-assi diġitali jistgħu jiġu ttrasferiti fejn il-klijent għandu d-dritt tal-użu, indipendentement mir-relazzjoni kuntrattwali mas-servizz tal-ipproċessar tad-data li biħsiebu jaqleb minnu. Dawk l-elementi l-oħra huma essenzjali għall-użu effettiv tad-data u l-applikazzjonijiet tal-klijent fl-ambjent tal-fornitur ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(84)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data, li jinkludi l-kundizzjonijiet u l-azzjonijiet li huma neċessarja biex klijent jittermina kuntratt għal servizz tal-ipproċessar tad-data, biex jikkonkludi aktar kuntratti ġodda ma' fornituri differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, biex id-data li tista' tiġi esportata u l-assi diġitali tiegħu jiġu ttrasferiti, u fejn applikabbli, biex jibbenefika minn ekwivalenza funzjonali.

(85)

Il-qlib huwa operazzjoni mmexxija mill-klijent li tikkonsisti minn diversi passi, inkluż l-estrazzjoni tad-data, li tirreferi għat-tniżżil tad-data mill-ekosistema tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data; it-trasformazzjoni, meta d-data tkun strutturata b'tali mod li ma tkunx taqbel mal-iskema tal-post fil-mira; u l-uploading tad-data f'post ta' destinazzjoni ġdid. F'sitwazzjoni speċifika deskritta f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-separazzjoni ta' servizz partikolari mill-kuntratt u t-trasferiment tiegħu għal fornitur differenti jitqiesu wkoll li huma qlib. Il-proċess tal-qlib kultant jiġi ġestit f'isem il-klijent minn entità terza. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-klijent stabbiliti b'dan ir-Regolament, inkluż l-obbligu ta' kooperazzjoni in bona fide, jinftiehmu li japplikaw għal tali entità terza f'dawk iċ-ċirkostanzi. Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data u l-klijenti għandhom livelli differenti ta' responsabbiltajiet, skont il-passi tal-proċess inkwistjoni. Pereżempju, il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data huwa responsabbli għall-estrazzjoni tad-data f'format li jinqara minn magna, iżda huma l-klijent u l-fornitur ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li jridu jtellgħu d-data fl-ambjent il-ġdid, sakemm ma jkunx inkiseb servizz ta' tranżizzjoni professjonali speċifiku. Klijent li biħsiebu jeżerċita drittijiet relatati mal-qlib, li huma previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinforma lill-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bid-deċiżjoni li jaqleb għal fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, jaqleb għal infrastruttura ICT fuq il-post jew iħassar l-assi u d-data li tista' tiġi esportata ta' dak il-klijent.

(86)

Ekwivalenza funzjonali tfisser l-istabbiliment mill-ġdid, abbażi tad-data li tista' tiġi esportata u l-assi diġitali tal-klijent, ta' livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid tal-istess tip ta' servizz wara l-qlib, wara l-qlib, fejn is-servizz tal-ipproċessar tad-data tad-destinazzjoni jagħti eżitu materjalment komparabbli b'rispons għall-istess input għal karatteristiċi kondiviżi pprovduti lill-klijent skont il-kuntratt. Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jkunu mistennija biss li jiffaċilitaw ekwivalenza funzjonali għall-karatteristiċi li kemm is-servizzi tal-ipproċessar tad-data sors kif ukoll dawk tad-destinazzjoni joffru b'mod indipendenti. Dan ir-Regolament ma jikkostitwixxix obbligu li tiġi ffaċilitata ekwivalenza funzjonali għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk li joffru servizzi tal-mudell ta' kunsinna IaaS.

(87)

Is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jintużaw fost is-setturi u jvarjaw fil-kumplessità u fit-tip ta' servizz. Din hija kunsiderazzjoni importanti fir-rigward tal-proċess tat-trasferiment u l-perjodi ta' żmien. Madankollu, estensjoni tal-perjodu tranżitorju għal raġunijiet ta' nuqqas ta' fattibbiltà teknika biex tippermetti l-finalizzazzjoni tal-proċess tal-qlib fil-perjodu ta' żmien partikolari jenħtieġ li tiġi invokata biss f'każijiet debitament ġustifikati. Jenħtieġ li l-oneru tal-prova f'dan ir-rigward jaqa' kompletament fuq il-fornitur tas-servizz tal-ipproċessar tad-data kkonċernat. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt esklużiv tal-klijent li jestendi l-perjodu tranżitorju darba għal perjodu li l-klijent iqis aktar xieraq għall-għanijiet tiegħu stess. Il-klijent jista' jinvoka dak id-dritt għal estensjoni qabel jew matul il-perjodu tranżitorju, filwaqt li jitqies li l-kuntratt jibqa' applikabbli matul il-perjodu tranżitorju.

(88)

L-imposti tal-qlib huma imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq il-klijenti għall-proċess tal-qlib. Tipikament, dawk l-imposti huma maħsuba biex il-kostijiet li l-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-deaa sors jaf iġarrab minħabba l-proċess tal-qlib għall-klijent li jkun jixtieq jaqleb. Eżempji komuni ta' imposti tal-qlib huma l-kostijiet relatati mat-trasferiment tad-data minn fornitur wieħed tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data lil ieħor jew għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post (imposti tal-ħruġ ta' data) jew il-kostijiet imġarrba għal azzjonijiet ta' appoġġ speċifiċi matul il-proċess tal-qlib. Imposti tal-ħruġ ta' data għoljin wisq u imposti mhux iġġustifikati oħra mhux relatati mal-kostijiet tal-qlib attwalijiżommu lill-klijenti milli jaqilbu, jirrestrinġu l-flussi ħielsa tad-data, għandhom il-potenzjal li jillimitaw il-kompetizzjoni u jikkawżaw effetti ta' intrappolament għall-klijenti billi jnaqqsu l-inċentivi għall-klijenti biex jagħżlu fornitur differenti jew addizzjonali tas-servizzi. L-imposti tal-qlib għalhekk jenħtieġ li jitneħħew wara tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu imposti tal-qlib imnaqqsa sa dik id-data.

(89)

Fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jkun jista' jesternalizza ċerti kompiti u jikkumpensa lil entitajiet terzi sabiex jikkonforma mal-obbligi previsti f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-klijent ma jġarrabx il-kostijiet li jirriżultaw mill-esternalizzazzjoni tas-servizzi konklużi mill-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data matul il-proċess tal-qlib u jenħtieġ li tali kostijiet jitqiesu li huma mhux ġustifikati sakemm dawn ma jkoprux xogħol imwettaq mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq talba tal-klijent għal appoġġ addizzjonali fil-proċess tal-qlib li jmur lil hinn mill-obbligi tal-qlib tal-fornitur kif previst b'mod espliċituf’dan ir-Regolament. Xejn f'dan ir-Regolament ma jipprevjeni lil klijent milli jikkumpensa lil entitajiet terzi għal appoġġ fil-proċess tal-migrazzjoni jew lill-partijiet milli jaqblu dwar kuntratti għal servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq tul ta' żmien fiss, inkluż penali proporzjonati ta' terminazzjoni bikrija biex ikopru t-terminazzjoni bikrija ta’ tali kuntratti, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Sabiex titrawwem il-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-irtirar gradwali tal-imposti assoċjati mal-qlib bejn fornituri differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jinkludi b'mod speċifiku l-imposti tal-ħruġ ta' data li jintalbu minn fornitur ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data lil klijent. L-imposti ta' servizz standard għall-forniment ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data nfushom mhumiex imposti tal-qlib. Dawk l-imposti ta' servizz standard mhumiex soġġetti għall-irtirar u jibqgħu applikabbli sakemm il-kuntratt għall-forniment tas-servizzi rilevanti ma jibqax japplika. Dan ir-Regolament jippermetti li l-klijent jitlob il-forniment ta' servizzi addizzjonali li jmorru lil hinn mill-obbligi tal-qlib tal-fornitur skont dan ir-Regolament. Dawk is-servizzi addizzjonali, jistgħu jitwettqu u jista' jintalab ħlas għalihom għall-fornitur meta jitwettqu fuq talba tal-klijent u l-klijent jaqbel minn qabel mal-prezz ta' dawk is-servizzi.

(90)

Huwa meħtieġ approċċ regolatorju ambizzjuż u li jispira l-innovazzjoni fir-rigward tal-interoperabbiltà biex jingħeleb l-intrappolament tal-bejjiegħa, li jimmina l-kompetizzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi ġodda. L-interoperabbiltà bejn servizzi tal-ipproċessar tad-data tinvolvi interfaċċi u saffi multipli ta' infrastruttura u software u rarament tkun limitata għal test binarju li jevalwa jekk l-interoperabbiltà hijiex fattibbli. Minflok, il-bini ta' tali interoperabbiltà huwa soġġett għal analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji, li hija neċessarja biex jiġi stabbilit jekk huwiex utli li jsir tentattiv biex jinkisbu riżultati raġonevolment prevedibbli. L-ISO/IEC 19941:2017 huwa standard internazzjonali importanti li jikkostitwixxi referenza biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, billi fih kunsiderazzjonijiet tekniċi li jiċċaraw il-kumplessità ta' proċess bħal dan.

(91)

Meta l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data min-naħa tagħhom ikunu klijenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data pprovduti minn fornitur terz, huma stess jibbenefikaw minn qlib aktar effettiv filwaqt li fl-istess ħin jibqgħu marbuta bl-obbligi ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-offerti ta' servizz tagħhom stess.

(92)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu meħtieġa joffru l-assistenza u l-appoġġ kollu fil-kapaċità tagħhom, fi proporzjon mal-obbligi rispettivi tagħhom, li huma meħtieġa biex il-proċess tal-qlib għal servizz ta' fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jsir b'suċċess u jkun effettiv u sigur. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jiżviluppaw kategoriji ġodda ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż fi ħdan jew abbażi tal-infrastruttura tal-ICT ta' fornituri differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data sabiex jiggarantixxu ekwivalenza funzjonali f'ambjent għajr is-sistemi tagħhom stess. Fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandux aċċess għall-ambjent tal-fornitur ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jew għarfien dwaru. Jenħtieġ li l-ekwivalenza funzjonali ma tinftehimx li tobbliga lill-fornitur sors ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jibni mill-ġdid is-servizz inkwistjoni fl-infrastruttura tal-fornitur ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data. Minflok, il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jieħu l-miżuri raġonevoli kollha fil-kapaċità tiegħu biex jiffaċilita l-proċess għall-kisba ta' ekwivalenza funzjonali billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

(93)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu meħtieġa wkoll ineħħu ostakli eżistenti u ma jimponux oħrajn ġodda, inkluż għall-klijenti li jixtiequ jaqilbu għal sistema tal-infrastruttura tal-ICT fuq il-post. L-ostakli jistgħu, fost oħrajn, ikunu ta' natura prekummerċjali, kummerċjali, teknika, kuntrattwali jew organizzattiva. Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun meħtieġ ukoll ineħħi l-ostakli għas-separazzjoni ta' servizz individwali speċifiku minn servizzi oħra tal-ipproċessar tad-data pprovduti taħt kuntratt u jagħmel is-servizz rilevanti disponibbli għall-qlib, fin-nuqqas ta' ostakli tekniċi kbar u evidenti li jipprevjenu tali separazzjoni.

(94)

Jenħtieġ li matul il-proċess tal-qlib, jinżamm livell għoli ta' sigurtà. Dan ifisser li l-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jestendi l-livell ta' sigurtà li impenja ruħu għalih għas-servizz għall-arranġamenti tekniċi kollha li għalihom tali fornitur huwa responsabbli matul il-proċess tal-qlib, bħal konnessjonijiet tan-network jew apparati fiżiċi. Jenħtieġ li d-drittijiet eżistenti relatati mat-terminazzjoni ta' kuntratti, inkluż dawk introdotti bir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) ma jkunux affettwati. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftehimx bħala li jipprevjeni fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu servizzi, karatteristiċi u funzjonalitajiet ġodda u mtejba jew milli jikkompeti ma' fornituri oħra ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq dik il-bażi.

(95)

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data lill-klijent tista' tappoġġa l-istrateġija tal-ħruġ tal-klijent. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tinkludi proċeduri biex jiġi inizjat il-qlib mis-servizz tal-ipproċessar tad-data; il-formati tad-data li jinqraw minn magna li għalihom id-data tal-utent tista' tiġi esportata; l-għodod maħsuba għall-esportazzjoni tad-data, inklużi interfaċċi miftuħa kif ukoll informazzjoni dwar kompattibilità mal-istandards armonizzati jew speċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà; informazzjoni dwar restrizzjonijiet u limitazzjonijiet tekniċi magħrufa li jista' jkollhom impatt fuq il-proċess tal-qlib; u l-ħin stmat meħtieġ biex jitlesta l-proċess tal-qlib.

(96)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà u l-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jenħtieġ li l-utenti u l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jikkunsidraw l-użu ta' għodod ta' implimentazzjoni u ta' konformità, b'mod partikolari dawk ippubblikati mill-Kummissjoni fil-forma ta' ktieb tar-regoli dwar il-Cloud tal-UE u Gwida dwar l-akkwist pubbliku tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. B'mod partikolari, il-klawżoli kuntrattwali standard huma ta' benefiċċju billi jżidu l-fiduċja fis-servizzi tal-ipproċessar tad-data, joħolqu relazzjoni aktar bilanċjata bejn l-utenti u l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data u jtejbu ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-kundizzjonijiet li japplikaw għall-qlib għal servizzi oħra tal-ipproċessar tad-data. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-utenti u l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jikkunsidraw l-użu ta' klawżoli kuntrattwali standard jew għodod ta' konformità awtoregolatorji sakemm jikkonformaw bis-sħiħ ma' dan ir-Regolament, żviluppati minn korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti stabbiliti f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(97)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jenħtieġ li l-partijiet kollha involuti, inkluż il-fornituri sors u tad-destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikkooperaw in bona fide biex jagħmlu l-proċess ta' qlib effettiv, jippermettu t-trasferiment sigur u f'waqtu tad-data neċessarja f'format li jintuża komunement u li jinqara minn magna, u permezz ta' interfaċċi miftuħa, filwaqt li jiġi evitat tfixkil fis-servizz u tinżamm il-kontinwità tas-servizz.

(98)

Jenħtieġ li s-servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw servizzi li l-maġġoranza tal-karatteristiċi ewlenin tagħhom inbnew apposta biex jirrispondu għad-domandi speċifiċi ta' klijent individwali jew fejn il-komponenti kollha jkunu ġew żviluppati għall-finijiet ta' klijent individwali jiġu eżentati minn xi wħud mill-obbligi applikabbli għall-qlib tas-servizz tal-ipproċessar tad-data. Jenħtieġ li dan ma jinkludix servizzi li l-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data joffri fuq skala kummerċjali wiesgħa permezz tal-katalgu tas-servizz tiegħu. Huwa fost l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li jinforma kif xieraq lill-klijenti prospettivi ta' tali servizzi, qabel il-konklużjoni ta' kuntratt, bl-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament li ma japplikawx għas-servizzi rilevanti. Xejn ma jipprevjeni lill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data milli eventwalment juża tali servizzi fuq skala, f'liema każ dak il-fornitur ikollu jikkonforma mal-obbligi kollha għall-qlib stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(99)

F'konformità mar-rekwiżit minimu li jiġi permess il-qlib bejn il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, dan ir-Regolament għandu wkoll l-għan li jtejjeb l-interoperabbiltà għall-użu parallel ta' diversi servizzi tal-ipproċessar tad-data b'funzjonalitajiet komplementari. Dan huwa relatat ma' sitwazzjonijiet li fihom il-klijenti ma jitterminawx kuntratt biex jaqilbu għal fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, iżda fejn servizzi multipli ta' fornituri differenti jintużaw b'mod parallel u interoperabbli, biex jibbenefikaw mill-funzjonalitajiet komplementari tas-servizzi differenti fl-istruttura tas-sistema tal-klijent. Madankollu, huwa rikonoxxut li l-ħruġ ta' data minn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għal ieħor sabiex jiġi ffaċilitat l-użu parallel tas-servizzi jista' jkun attività kontinwa, b'kuntrast mal-ħruġ ta' darba meħtieġ bħala parti mill-proċess tal-qlib. Għalhekk, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jkomplu bil-possibbiltà li jimponu imposti għall-ħruġ ta' data, li ma jaqbiżx il-kostijiet imġarrba, għall-finijiet ta' użu parallel wara tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Dan huwa importanti, fost l-oħrajn, għall-użu b'suċċess ta' strateġiji multicloud, li jippermettu lill-klijenti jimplimentaw strateġiji tal-IT li jibqgħu validi fil-futur u li jnaqqsu d-dipendenza fuq fornituri individwali ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data. L-iffaċilitar ta' approċċ multicloud għall-klijenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jista' jikkontribwixxi wkoll biex tiżdied ir-reżiljenza operazzjonali diġitali tagħhom, kif ġie rikonoxxut għall-istituzzjonijiet ta' servizzi finanzjarji fir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).

(100)

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards miftuħa tal-interoperabbiltà żviluppati f'konformità mal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33) fil-qasam tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà huma mistennija jippermettu ambjent tal-cloud b'bosta bejjiegħa, li huwa rekwiżit ewlieni għall-innovazzjoni miftuħa fl-ekonomija Ewropea tad-data. Billi l-adozzjoni mis-suq ta' standards identifikati taħt l-inizjattiva tal-koordinazzjoni tal-istandardizzazzjoni tal-cloud (CSC) konkluża fl-2016 kienet limitata, huwa neċessarju wkoll li l-Kummissjoni tiddependi minn partijiet fis-suq biex tiżviluppa speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà rilevanti biex tlaħħaq mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku f'din l-industrija. Tali speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jistgħu mbagħad jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta' speċifikazzjonijiet komuni. Barra minn hekk, fejn il-proċessi xprunati mis-suq ma wrewx il-kapaċità li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet jew standards komuni li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà effettiva tal-cloud fil-livelli ta’ PaaS u SaaS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, abbażi ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni jiżviluppaw tali standards għal tipi ta’ servizzi speċifiċi fejn tali standards ikun għadhom ma jeżistux. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tħeġġeġ lill-partijiet fis-suq jiżviluppaw speċifikazzjonijiet miftuħa rilevanti tal-interoperabbiltà. Wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni, ’permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li tkun tista’ tordna l-użu ta’ standards armonizzati għall-interoperabbiltà jew speċifikazzjonijiet komuni għal tipi speċifiċi ta’ servizzi permezz ta’ referenza f’repożitorju ċentrali tal-istandards tal-Unjoni għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jiżguraw il-kompatibbiltà ma’ dawk l-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà, u jenħtieġ li dawn ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-sigurtà jew l-integrità tad-data. L-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jiġu referenzjati biss jekk ikunu konformi mal-kriterji speċifikati f’dan ir-Regolament, li jkollhom l-istess tifsira bħar-rekwiżiti fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-aspetti tal-interoperabbiltà definiti skont l-istandard internazzjonali ISO/IEC 19941:2017. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-istandardizzazzjoni tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs.

(101)

Pajjiżi terzi jistgħu jadottaw liġijiet, regolamenti u atti legali oħra li jkollhom l-għan li jittrasferixxu jew li jipprovdu direttament l-aċċess minn gvern għal data mhux personali li tkun tinsab barra mill-fruntieri tagħhom, inkluż fl-Unjoni. Jenħtieġ li s-sentenzi ta’ qrati jew tribunali jew id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi, inkluż awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’pajjiżi terzi li jeħtieġu tali trasferiment jew aċċess għal data mhux personali, ikunu infurzabbli meta jkunu bbażati fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat ta’ assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni jew Stat Membru. F’każijiet oħra, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn talba għat-trasferiment jew għall-għoti ta’ aċċess għal data mhux personali li tirriżulta minn liġi ta’ pajjiż terz tkun f’kunflitt mal-obbligu li tiġi protetta tali data’skont il-liġi tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu, bħad-dritt għas-sigurtà u d-dritt għal rimedju effettiv, jew l-interessi fundamentali ta’ Stat Membru relatati mas-sigurtà nazzjonali jew mad-difiża, kif ukoll il-protezzjoni ta’ data kummerċjalment sensittiva, inkluż il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali, u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż l-impenji kuntrattwali tagħha rigward il-kunfidenzjalità f’konformità ma’ tali liġi. Fin-nuqqas ta’ ftehimiet internazzjonali li jirregolaw kwistjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li t-trasferiment ta’ data mhux personali jew l-aċċess għaliha jkun permess biss jekk jiġi verifikat li s-sistema legali tal-pajjiż terz tirrikjedi li r-raġunijiet u l-proporzjonalità tad-deċiżjoni jkunu stabbiliti, li l-ordni tal-qorti jew id-deċiżjoni tkun speċifika fin-natura tagħha, u li l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta’ pajjiż terz, li jkollhom is-setgħa li jqisu debitament l-interessi ġuridiċi rilevanti tal-fornitur ta’ tali data. Kull fejn possibbli skont it-termini tat-talba għal aċċess għad-data tal-awtorità tal-pajjiż terz, jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun jista’ jinforma lill-klijent li d-data tiegħu tkun meħtieġa qabel ma jingħata aċċess għal dik id-data sabiex jivverifika l-preżenza ta’ kunflitt potenzjali ta’ tali aċċess mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, bħal dik dwar il-protezzjoni ta’ data kummerċjalment sensittiva, inkluż il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u tal-impriżi kuntrattwali fir-rigward tal-kunfidenzjalità.

(102)

Sabiex titrawwem aktar fiduċja fid-data, huwa importanti li s-salvagwardji biex jiġi żgurat il-kontroll tad-data tagħhom miċ-ċittadini tal-Unjoni, il-korpi tas-settur pubbliku u n-negozji jiġu implimentati sa fejn ikun possibbli. Barra minn hekk, id-dritt, il-valuri u l-istandards tal-Unjoni jiġu ’rigward, inter alia,’ tas-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, u l-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ li jiġu sostnuti. Sabiex jiġi evitat l-aċċess illegali minn gvern għal data mhux personali mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data soġġetti għal dan ir-Regolament, bħal servizzi cloud u tal-edge, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jipprevjenu l-aċċess għas-sistemi fejn jinħażnu data mhux personali, inkluż, fejn rilevanti, permezz ta’ kriptaġġ tad-data, sottomissjoni frekwenti għall-awditi, aderenza vverifikata mal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni rilevanti ta’ riassigurazzjoni tas-sigurtà, u l-modifika tal-politiki korporattivi.

(103)

Jenħtieġ li l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà semantika jkollhom rwol ewlieni biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet tekniċi biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà fi ħdan u fost l-ispazji komuni Ewropej tad-data li huma oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ’għal standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b’mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta’ riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili. Dan ir-Regolamentjistabbilixxi ċerti rekwiżiti essenzjali għall-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra, li huma entitajiet li jiffaċilitaw jew jinvolvu ruħhom fil-kondiviżjoni tad-data fi spazji komuni Ewropej tad-data, inkluż id-detenturi tad-data, jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti sa fejn huma kkonċernati l-elementi taħt il-kontroll tagħhom. Il-konformità ma’ dawk ir-regoli tista’ tiġi żgurata billi jiġu osservati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew preżunti permezz ta’ konformità ma’ standards armonizzati jew speċifikazzjonijiet komuni permezz ta' preżunzjoni ta' konformità. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti għall-interoperabbiltà, huwa neċessarju li tiġi prevista preżunzjoni ta' konformità tas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li jissodisfaw standards armonizzati jew partijiet minnhom f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, li jirrappreżenta l-qafas prestabbilit għall-elaborazzjoni ta' standards li jipprevedu tali preżunzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli għall-interoperabbiltà u tipprijoritizza l-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni, li abbażi tagħhom tista' titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar, skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan ir-Regolament. Meta tali talbiet ma jirriżultawx fi standards armonizzati jew tali standards armonizzati ma jkunux biżżejjed biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tadotta speċifikazzjonijiet komuni f'dawk l-oqsma dment li meta tagħmel dan tirrispetta kif xieraq ir-rwol u l-funzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni. Speċifikazzjoni komuni jenħtieġ li jiġi adottat biss bħala soluzzjoni eċċezzjonali ta' riżerva biex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta' dan ir-Regolament, jew meta l-proċess tal-istandardizzazzjoni jiġi mblukkat, jew meta jkun hemm dewmien fl-istabbiliment ta' standards armonizzati xierqa. Meta dewmien ikun dovut għall-kumplessità teknika tal-istandard inkwistjoni, jenħtieġ li dan jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni qabel ma tikkontempla l-istabbiliment ta' speċifikazzjonijiet komuni. Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet komuni jiġu żviluppati b'mod miftuħ u inklużiv u jqisu, fejn rilevanti, il-pariri tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data (EDIB) sstabbilit bir-Regolament (UE) 2022/868. Barra minn hekk, jistgħu jiġu adottati speċifikazzjonijiet komuni f'setturi differenti, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawk is-setturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tordna l-iżvilupp ta' standards armonizzati għall-interoperabbiltà ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(104)

Sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tal-għodod għall-eżekuzzjoni awtomatizzata tal-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tad-data, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti essenzjali għal kuntratti intelliġenti li l-professjonisti joħolqu għal oħrajn jew jintegraw f'applikazzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' ftehimiet għall-kondiviżjoni tad-data. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ta' tali kuntratti intelliġenti ma' dawk ir-rekwiżiti essenzjali, huwa neċessarju li tiġi prevista preżunzjoni ta' konformità ta' kuntratti intelliġenti li jissodisfaw standards armonizzati jew partijiet minnhom f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-kunċett ta' "kuntratt intelliġenti" f'dan ir-Regolament huwa teknoloġikament newtrali. Il-kuntratti intelliġenti jistgħu, pereżempju, ikunu konnessi ma' reġistru elettroniku. Jenħtieġ li r-rekwiżiti essenzjali japplikaw biss għall-bejjiegħa ta' kuntratti intelliġenti, għalkemm mhux fejn jiżviluppaw kuntratti intelliġenti internament esklużivament għall-użu intern. Ir-rekwiżit essenzjali li jiġi żgurat li l-kuntratti intelliġenti jkunu jistgħu jiġu interrotti u terminati jimplika kunsens reċiproku mill-partijiet għall-ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data. L-applikabbiltà tar-regoli rilevanti tal-liġi ċivili, kuntrattwali u tal-protezzjoni tal-konsumatur għall-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tad-data tibqa' jew jenħtieġ li tibqa' mhux affettwata mill-użu ta' kuntratti intelliġenti għall-eżekuzzjoni awtomatizzata ta' tali ftehim.

(105)

Sabiex juri l-issodisfar tar-rekwiżiti essenzjali ta' dan ir-Regolament, il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti, jew fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-introduzzjoni ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data ssir disponibbli fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li twettaq valutazzjoni tal-konformità u toħroġ dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE. Jenħtieġ li tali valutazzjoni tal-konformità tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) u d-Deċiżjoni (KE) Nru 768/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35).

(106)

Minbarra l-obbligu fuq l-iżviluppaturi professjonali ta' kuntratti intelliġenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali, huwa importanti wkoll li dawk il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi bbażati fuq id-data lil parteċipanti oħra fi spazji komuni Ewropej tad-data u bejniethom jiġu mħeġġa jappoġġaw l-interoperabbiltà tal-għodod għall-kondiviżjoni tad-data inkluż kuntratti intelliġenti.

(107)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar. Jekk Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, jenħtieġ li jaħtar ukoll minn fosthom koordinatur tad-data. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ma' xulxin. Permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħhom f'konformità mal-proċeduri nazzjonali applikabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jfittxu u jiksbu informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta' entitajiet taħt il-kompetenza tagħhom u, inkluż fil-kuntest ta' investigazzjonijiet konġunti, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-fatt li l-miżuri ta' sorveljanza u infurzar li jikkonċernaw entità taħt il-kompetenza ta' Stat Membru ieħor jenħtieġ li jiġu adottati mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru l-ieħor, fejn rilevanti, f'konformità mal-proċeduri relatati mal-kooperazzjoni transfruntiera. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jassistu lil xulxin f'waqtu, b'mod partikolari meta awtorità kompetenti fi Stat Membru jkollha informazzjoni rilevanti għal investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra, jew tkun tista' tiġbor tali informazzjoni li ma jkollhomx aċċess għaliha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-entità. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-koordinaturi tad-data maħtura jiġu identifikati fir-reġistru pubbliku miżmum mill-Kummissjoni. Il-koordinatur tad-data jista' jkun mezz addizzjonali biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet transfruntieri, bħal meta awtorità kompetenti minn Stat Membru partikolari ma tkunx taf liema awtorità jenħtieġ li tavviċina fl-Istat Membru tal-koordinatur tad-data, pereżempju meta l-każ ikun relatat ma' aktar minn awtorità jew settur kompetenti wieħed. Jenħtieġ li l-koordinatur tad-data jaġixxi, fost l-oħrajn, bħala punt uniku ta' kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Meta ma jinħatar l-ebda koordinatur tad-data, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tassumi l-kompiti assenjati lill-koordinatur tad-data skont dan ir-Regolament. L-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità mal-liġi tal-protezzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom. Sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament fil-qasam tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data wara talba bbażata fuq ħtieġa eċċezzjonali ma jibbenefikawx mid-dritt li jissottomettu talba bħal din.

(108)

Sabiex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jenħtieġ li jkunu intitolati jfittxu rimedju għall-ksur tad-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament billi jressqu lmenti. Jenħtieġ li l-koordinatur tad-data, fuq talba, jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi għat-tressiq tal-ilmenti tagħhom lill-awtorità kompetenti xierqa. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet ikunu obbligati jikkooperaw biex jiżguraw li lment jiġi ttrattat u solvut kif xieraq b'mod effettiv u f’waqtu. Sabiex isir użu mill-mekkaniżmu tan-network ta' kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur u sabiex ikunu jistgħu jsiru azzjonijiet rappreżentattivi, dan ir-Regolament jemenda l-Annessi għar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36) u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37).

(109)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament ikun soġġett għal penali. Tali penali jistgħu jinkludu penali finanzjarji, twissijiet, twiddib jew ordnijiet biex il-prattiki tan-negozju jinġiebu f'konformità mal-obbligi imposti minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-penali stabbiliti mill-Istati Membri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u jenħtieġ li jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-EDIB, u b'hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-akbar livell possibbli ta' konsistenza fl-istabbiliment u l-applikazzjoni tal-penali. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu minn miżuri interim biex jillimitaw l-effetti ta' ksur allegat waqt li tkun għaddejja l-investigazzjoni ta' dak il-ksur. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jqisu, fost l-oħrajn, in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta' żmien tal-ksur fid-dawl tal-interess pubbliku inkwistjoni, l-ambitu u t-tip ta' attivitajiet imwettqa, u l-kapaċità ekonomika tal-parti li tkun wettqet il-ksur. Jenħtieġ ukoll li jqisu jekk il-parti li tkun wettqet il-ksur tonqos b'mod sistematiku jew rikorrenti milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ ne bis in idem, u b’mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament jiġi ppenalizzat aktar minn darba, jenħtieġ li Stat Membru li biħsiebu jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta' parti li tkun wettqet il-ksur li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-koordinatur tad-data kollhal-oħra, kif ukoll lill-Kummissjoni.

(110)

L-EDIB jenħtieġ li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tal-prattiki u l-politiki nazzjonali dwar is-suġġetti koperti minn dan ir-Regolament kif ukoll fit-twettiq tal-objettivi tiegħu fir-rigward tal-istandardizzazzjoni teknika biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà. Jenħtieġ li jkollu wkoll rwol ewlieni fl-iffaċilitar ta' diskussjonijiet komprensivi bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar l-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. Dak l-iskambju ta' informazzjoni huwa mfassal biex iżid l-aċċess effettiv għall-ġustizzja kif ukoll l-infurzar u l-kooperazzjoni ġudizzjarja madwar l-Unjoni. Fost funzjonijiet oħra, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu mill-EDIB bħala pjattaforma biex jevalwaw, jikkoordinaw u jadottaw rakkomandazzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' penali għall-ksur ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, jikkoordinaw l-aħjar approċċ għad-determinazzjoni u l-impożizzjoni ta' tali penali. Dak l-approċċ jipprevjeni l-frammentazzjoni filwaqt li jippermetti l-flessibbiltà tal-Istati Membri u jenħtieġ li jwassal għal rakkomandazzjonijiet effettivi li jappoġġaw l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-EDIB jkollu wkoll rwol konsultattiv fil-proċessi ta' standardizzazzjoni u fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet komuni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, fl-adozzjoni ta' atti delegati biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-imposti tal-qlib, imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u biex jiġu speċifikati aktar ir-rekwiżiti essenzjali għall-interoperabbiltà tad-data, ta’ mekkaniżmi u servizzi tal-kondiviżjoni tad-data, kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data. Jenħtieġ ukoll li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-linji gwida li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà għall-funzjonament tal-ispazji komuni Ewropej tad-data.

(111)

Sabiex tgħin lill-intrapriżi jfasslu u jinnegozjaw kuntratti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa u tirrakkomanda mudelli ta' termini kuntrattwali mhux vinkolanti għal kuntratti ta' kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji, fejn neċessarju filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet f'setturi speċifiċi u l-prattiki eżistenti b'mekkaniżmi volontarji ta' kondiviżjoni tad-data. Dawk il-mudelli ta' termini kuntrattwali jenħtieġ li jkunu primarjament għodda prattika biex jgħinu b'mod partikolari lill-SMEs jikkonkludu kuntratt. Meta jintużaw b'mod wiesa' u b'mod integrali, dawk il-mudelli ta' termini kuntrattwali jenħtieġ li jkollhom ukoll l-effett ta' benefiċċju li jinfluwenzaw it-tfassil ta' kuntratti rigward l-aċċess għal u l-użu ta' data u għalhekk iwasslu b'mod usa' lejn relazzjonijiet kuntrattwali aktar ġusti meta jaċċessaw u jikkondividu d-data.

(112)

Sabiex jiġi eliminat ir-riskju li d-detenturi tad-data f'bażijiet tad-data miksuba jew iġġenerati permezz ta' komponenti fiżiċi, bħal sensuri, ta' prodott konness u servizz relatat jew data oħra ġġenerata mill-magni, jaffermaw id-dritt sui generis skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE, u huma u jagħmlu dan, b'mod partikolari, ifixklu l-eżerċitar effettiv tad-dritt tal-utenti li jaċċessaw u li jużaw id-data u d-dritt li jikkondividu d-data ma' partijiet terzi skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi ċċarat li d-dritt sui generis ma japplikax għal tali bażijiet tad-data. Dak ma jaffettwax l-applikazzjoni possibbli tad-dritt sui generis skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE għal bażijiet tad-data li fihom data li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-protezzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.

(113)

Sabiex jitqiesu l-aspetti tekniċi tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentazzjoni ta' dan ir-Regolament biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ dwar l-imposti tal-qlib imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fis-suq, u biex jiġu speċifikati ulterjorment ir-rekwiżiti essenzjali fir-rigward tal-interoperabbiltà għall-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (38). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(114)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet komuni biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi u s-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data, kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data, speċifikazzjonijiet komuni dwar interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, u speċifikazzjonijiet komuni dwar l-interoperabbiltà ta’ kuntratti intelliġenti. Is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu kkonferiti wkoll lill-Kummissjoni għall-fini ta’ pubblikazzjoni tar-referenzi ta' standards armonizzati u speċifikazzjonijiet komuni għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data f'repożitorju ċentrali tal-istandards tal-Unjoni għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39).

(115)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għar-regoli li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi għal setturi jew oqsma individwali ta' interess pubbliku. Tali regoli jistgħu jinkludu rekwiżiti addizzjonali dwar l-aspetti tekniċi tal-aċċess għad-data, bħall-interfaċċi għall-aċċess għad-data, jew kif jista' jiġi pprovdut aċċess għad-data, pereżempju direttament mill-prodott jew permezz ta' servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data. Tali regoli jistgħu jinkludu wkoll limiti fuq id-drittijiet tad-detenturi tad-data biex jaċċessaw jew jużaw id-data tal-utenti, jew aspetti oħra lil hinn mill-aċċess u l-użu tad-data, bħall-aspetti ta' governanza jew rekwiżiti tas-sigurtà, inkluż ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ukoll mingħajr preġudizzju għal regoli aktar speċifiċi fil-kuntest tal-iżvilupp ta' spazji komuni Ewropej tad-data jew, soġġett għall-eċċezzjoni previsti f'dan ir-Regolament, għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali li tipprevedi l-aċċess għad-data u tawtorizza l-użu tagħha għal finijiet ta' riċerka xjentifika.

(116)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Jenħtieġ li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ma jintużawx biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra t-TFUE.

(117)

Sabiex l-atturi jkunu jistgħu, fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, jadattaw għar-regoli l-ġodda previsti fih, u biex jagħmlu l-arranġamenti tekniċi neċessarji, jenħtieġ li dawk ir-regoli japplikaw mit-12 ta’ Settembru 2025.

(118)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u taw l-opinjoni tagħhom fl-4 ta' Mejju 2022.

(119)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżgurar ta’ sens ta’ ġustizzja fl-allokazzjoni ta’ valur mid-data fost l-atturi fl-ekonomija tad-data u t-trawwim ta’ aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha bħala kontribut għall-istabbiliment ta’ suq intern ġenwin għad-data, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni u l-użu transfruntier tad-data, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati, fost-l-oħrajn, dwar:

(a)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ta' prodotti u ta' servizzi relatati għall-utent tal-prodott konness jew servizz relatat;

(b)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għar-riċevituri tad-data;

(c)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għall-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku;

(d)

l-iffaċilitar tal-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(e)

l-introduzzjoni ta' salvagwardji kontra l-aċċess illegali ta' partijiet terzi għal data mhux personali;, u

(f)

l-iżvilupp ta' standards ta' interoperabbiltà għad-data li trid tiġi aċċessata, trasferita u użata.

2.   Dan ir-Regolament ikopri data personali u mhux personali, inkluż it-tipi ta' data li ġejjin, fil-kuntesti li ġejjin:

(a)

il-Kapitolu II japplika għad-data, bl-eċċezzjoni tal-kontenut, li tikkonċerna l-prestazzjoni, l-użu u l-ambjent ta' prodotti konnessi u servizzi relatati;

(b)

il-Kapitolu III japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat li hija soġġetta għal obbligi statutorji ta' kondiviżjoni tad-data;

(c)

il-Kapitolu IV japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat aċċessata u użata abbażi ta' kuntratti bejn intrapriżi;

(d)

il-Kapitolu V japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat b'enfasi fuq data mhux personali;

(e)

il-Kapitolu VI japplika għal kwalunkwe data u servizzi pproċessati mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(f)

il-Kapitolu VII japplika għal kwalunkwe data mhux personali miżmuma fl-Unjoni mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

manifatturi ta' prodotti konnessi mqiegħda fis-suq fl-Unjoni u l-fornituri ta' servizzi relatati, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment ta' dawk il-manifatturi u l-fornituri;

(b)

utenti fl-Unjoni ta' prodotti konnessi jew servizzi relatati kif imsemmija fil-punt (a);

(c)

detenturi tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni;

(d)

riċevituri tad-data fl-Unjoni li għalihom tkun disponibbli d-data;

(e)

korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u korpi tal-Unjoni li jitolbu lid-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli meta jkun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku u d-detenturi tad-data li jipprovdu dik id-data bi tweġiba għal talba bħal din;

(f)

fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jipprovdu tali servizzi lill-klijenti fl-Unjoni;

(g)

parteċipanti fi spazji tad-data u bejjiegħa ta' applikazzjonijiet li jużaw kuntratti intelliġenti u persuni li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim.

4.   Meta dan ir-Regolament jirreferi għal prodotti konnessi jew għal servizzi relatati, tali referenzi għandhom jinftiehmu wkoll li jinkludu assistenti virtwali sa fejn li dawn jinteraġixxu ma' prodott konness jew servizz relatat.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-integrità tat-tagħmir terminali, li għandu japplika għad-data personali pproċessata b'rabta mad-drittijiet u mal-obbligi stabbiliti fih, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE, inklużi s-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Sa fejn l-utenti jkunu suġġetti tad-data, id-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament għandhom jikkomplementaw id-drittijiet ta' aċċess mis-suġġetti tad-data u d-drittijiet tal-portabbiltà tad-data skont l-Artikoli 15 u 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. Fil-każ ta' kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali jew tal-privatezza, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità ma' tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' data personali.

6.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal, jew ma jħeġġiġx bil-quddiem, arranġamenti volontarji għall-iskambju ta' data bejn entitajiet privati u pubbliċi, b'mod partikolari arranġamenti volontarji għall-kondiviżjoni tad-data.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-atti legali tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jipprevedu l-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal u l-użu ta' data għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għal skopijiet doganali u ta’ tassazzjoni, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2021/784, (UE) 2022/2065 u (UE) 2023/1543 u d-Direttiva (UE) 2023/1544 jew il-kooperazzjoni internazzjonali f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ġbir jew il-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal jew l-użu ta’ data skont ir-Regolament (UE) 2015/847 u d-Direttiva (UE) 2015/849. Dan ir-Regolament ma japplikax għal oqsma li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fi kwalunkwe każ ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip ta' entità fdata mill-Istati Membri biex twettaq kompiti fir-rigward ta' dawk il-kompetenzi, jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku. Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa jew is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini.

7.   Dan ir-Regolament jikkumplimenta l-approċċ awtoregolatorju tar-Regolament (UE) 2018/1807 billi jżid obbligi applikabbli b'mod ġenerali dwar il-qlib tal-cloud.

8.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, b'mod partikolari d-Direttivi 2001/29/KE, 2004/48/KE u (UE) 2019/790.

9.   Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, b'mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE, 2005/29/KE u 2011/83/UE.

10.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix il-konklużjoni ta' kuntratti volontarji legali għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż kuntratti konklużi fuq bażi reċiproka, li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"data" tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta' atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta' dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta' reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

" metadata" tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut jew tal-użu tad-data li tiffaċilita s-sejbien jew l-użu ta' dik id-data;

(3)

"data personali" tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

"data mhux personali" tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

"prodott konness" tfisser oġġett li jikseb, jiġġenera jew jiġbor data dwar l-użu jew l-ambjent tiegħu u li jkun jista' jikkomunika data ta' prodott permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, u li l-funzjoni primarja tiegħu ma tkunx il-ħżin, l-ipproċessar jew it-trażmissjoni tad-data f'isem kwalunkwe parti għajr l-utent;

(6)

"servizz relatat" tfisser servizz diġitali, għajr servizz tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż software, li jkun konness mal-prodott fil-mument tax-xiri, kiri jew lokazzjoni b'tali mod li n-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott konness milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu, jew li sussegwentement ikun konness mal-prodott mill-manifattur jew parti terza biex iżid, jaġġorna jew jadatta l-funzjonijiet tal-prodott konness;

(7)

"ipproċessar" tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data jew fuq settijiet ta' data, sew jekk b'mezzi awtomatizzati, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni permezz ta' trażmissjoni, id-disseminazzjoni, jew mezzi oħra biex isiru disponibbli, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(8)

"servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser servizz diġitali li jkun ipprovdut lil klijent u li jippermetti aċċess minn kullimkien u fuq talba għan-network għal grupp kondiviż ta' riżorsi tal-informatika konfigurabbli, skalabbli u elastiċi ta' natura ċentralizzata, distribwita jew distribwita ħafna li jista' jiġi fornut malajr u rilaxxat bi sforz minimu ta' ġestjoni jew interazzjoni mal-fornitur tas-servizz;

(9)

"l-istess tip ta' servizz" tfisser sett ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jaqsmu l-istess objettiv primarju, mudell ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u funzjonalitajiet prinċipali;

(10)

"servizz ta' intermedjazzjoni tad-data" tfisser servizz ta' intermedjazzjoni tad-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2022/868;

(11)

"suġġett tad-data" tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(12)

"utent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta' prodott konness jew li lilha jkunu ġew ittrasferiti kuntrattwalment drittijiet temporanji għall-użu ta' dak il-prodott konness, jew li tirċievi servizzi relatati;

(13)

"detentur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha d-dritt jew l-obbligu, f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni applikabbli jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tuża u tagħmel disponibbli data, inkluż, fejn miftiehem kuntrattwalment, data ta' prodott jew data ta' servizz relatat li tkun irkuprat jew iġġenerat matul il-forniment ta' servizz relatat;

(14)

"riċevitur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna, minbarra l-utent ta' prodott konness jew servizz relatat, li d-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli lilha, inkluż parti terza wara talba mill-utent lid-detentur tad-data jew f'konformità ma' obbligu legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(15)

"data ta' prodott" tfisser data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness li l-manifattur iddiżinja biex ikun tista' tiġi rkuprata, permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, minn utent, detentur tad-data jew parti terza, inkluż, fejn rilevanti, il-manifattur;

(16)

"data ta' servizz relatat" tfisser data li tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-utent jew tal-avvenimenti relatati mal-prodott konness, irreġistrata intenzjonalment mill-utent jew iġġenerata bħala prodott sekondarju tal-azzjoni tal-utent matul il-forniment ta' servizz relatat mill-fornitur;

(17)

"data faċilment disponibbli" tfisser data ta' prodott u data ta' servizz relatat li detentur tad-data jikseb legalment jew jista' jikseb legalment mill-prodott konness jew servizz relatat, mingħajr sforz sproporzjonat li jmur lil hinn minn operazzjoni sempliċi;

(18)

"sigriet kummerċjali" tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(19)

"detentur ta' sigriet kummerċjali" tfisser detentur ta' sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(20)

“tfassil tal-profil” tfisser tfassil tal-profil kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(21)

"tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq" tfisser kwalunkwe provvista ta' prodott konness għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, sew bi ħlas u anki mingħajru;

(22)

"tqegħid fis-suq" tfisser li prodott konness jitqiegħed għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni;

(23)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jkunux fl-ambitu tal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni ta' dik il-persuna;

(24)

"intrapriża" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward ta' kuntratti u prattiki koperti minn dan ir-Regolament, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna;

(25)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira kif definit fl-Artikolu 2(1) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(26)

"mikrointrapriża" tfisser mikrointrapriża kif definit fl-Artikolu 2(3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(27)

"korpi tal-Unjoni" tfisser il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti skont atti adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-TFUE jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;

(28)

"korp tas-settur pubbliku" tfisser awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri u korpi regolati mil-liġi pubblika tal-Istati Membri, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew minn tali korp wieħed jew aktar;

(29)

"emerġenza pubblika" tfisser sitwazzjoni eċċezzjonali, limitata fiż-żmien, bħal emerġenza tas-saħħa pubblika, emerġenza li tirriżulta minn diżastri naturali, diżastru kbir ħafna kkaġunat mill-bniedem, inkluż inċident maġġuri ta' ċibersigurtà, li taffettwa b'mod negattiv il-popolazzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru sħiħ jew parti minnu, b'riskju ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema għall-kundizzjonijiet tal-għajxien jew l-istabbiltà ekonomika, l-istabbiltà finanzjarja, jew id-degradazzjoni sostanzjali u immedjata tal-assi ekonomiċi fl-Unjoni jew fl-Istat Membru rilevanti u li hija determinata jew iddikjarata uffiċjalment f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(30)

"klijent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun daħlet f'relazzjoni kuntrattwali ma' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bl-objettiv li tuża servizz wieħed jew aktar tal-ipproċessar tad-data;

(31)

"assistenti virtwali" tfisser software li jista' jipproċessa d-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, inkluż dawk abbażi ta' awdjo, input bil-miktub, ġesti jew movimenti, u li, abbażi ta' dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla l-funzjonijiet tal-prodotti konnessi;

(32)

"assi diġitali" tfisser elementi f'forma diġitali, inkluż applikazzjonijiet, li għalihom il-klijent għandu d-dritt tal-użu, indipendentement mir-relazzjoni kuntrattwali mas-servizz tal-ipproċessar tad-data li biħsiebu jaqleb minnu;

(33)

“infrastruttura tal-ICT fuq il-post" tfisser infrastruttura tal-ICT u riżorsi tal-informatika li jkunu proprjetà tal klijent jew mikrija jew mogħtija b'lokazzjoni mill-klijent, li tinsab fiċ-ċentru tad-data tal-klijent innifsu u operata mill-klijent jew minn parti terza;

(34)

"qlib" tfisser il-proċess li jinvolvi fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u fornitur ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, fejn il-klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data jibdel mill-użu ta' servizz tal-ipproċessar tad-data wieħed għall-użu ta' servizz ieħor tal-ipproċessar tad-data tal-istess tip ta' servizz, jew servizz ieħor, offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż permezz tal-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u l-uploading tad-data;

(35)

"imposti tal-ħruġ ta' data" tfisser tariffi tat-trasferiment tad-data imposti fuq il-klijenti għall-estrazzjoni tad-data tagħhom permezz tan-network mill-infrastruttura tal-ICT ta' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura ICT fuq il-post;

(36)

"imposti tal-qlib" tfisser imposti, għajr it-tariffi tas-servizz standard jew penali għal terminazzjoni bikrija, imposti minn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq klijent għall-azzjonijiet meħtieġa minn dan ir-Regolament għall-qlib għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż imposti tal-ħruġ tad-data;

(37)

"ekwivalenza funzjonali" tfisser l-istabbiliment mill-ġdid, abbażi tad-data li tista' tiġi esportata u l-assi diġitali tal-klijent, ta' livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid tal-istess tip ta' servizz wara l-proċess ta' qlib, fejn is-servizz ta' pproċessar ta' data tad-destinazzjoni jagħti eżitu materjalment komparabbli b'rispons għall-istess input għal karatteristiċi kondiviżi pprovduti lill-klijent skont il-kuntratt;

(38)

"data li tista' tiġi esportata", għall-fini tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 35, tfisser id-data tal-input u l-output, inkluż il- metadata , iġġenerata direttament jew indirettament, jew koġenerata, mill-użu mill-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, minbarra kwalunkwe assi jew data protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, tal-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data jew ta’ partijiet terzi;

(39)

"kuntratt intelliġenti" tfisser programm tal-kompjuter użat għall-eżekuzzjoni awtomatizzata ta' ftehim jew parti minnu, bl-użu ta' sekwenza ta' rekords elettroniċi tad-data u l-iżgurar tal-integrità tagħhom u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġika tagħhom;

(40)

"interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità ta' żewġ spazji jew aktar tad-data jew networks ta' komunikazzjoni, sistemi, prodotti konnessi, applikazzjonijiet, servizzi tal-ipproċessar tad-data jew komponenti għall-iskambju u għall-użu tad-data sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(41)

"speċifikazzjoni miftuħa tal-interoperabbiltà" tfisser speċifikazzjoni teknika, fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni,, li hija orjentata lejn il-prestazzjoni biex jiksbu l-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(42)

"speċifikazzjonijiet komuni" tfisser dokument, għajr standard, li jkun fih soluzzjonijiet tekniċi li jipprovdu mezz għall-konformità ma' ċerti rekwiżiti u obbligi stabbiliti skont dan ir-Regolament;

(43)

"standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

KAPITOLU II

KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN IN-NEGOZJI

Artikolu 3

Obbligu li d-data ta' prodott u ta' servizz relatat issir aċċessibbli għall-utent

1.   Prodotti konnessi għandhom ikunu ddisinjati u mmanifatturati, u s-servizzi relatati għandhom ikunu ddisinjati u pprovduti, b'tali mod li d-data ta' prodott u ta' servizz relatat, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, huma, awtomatikament, faċilment, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, direttament aċċessibbli għall-utent.

2.   Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għax-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' prodott konness, il-bejjiegħ, il-kerrej jew il-lokatur, li jista' jkun il-manifattur, għandu jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-utent, b’mod ċar u li jinftiehem:

(a)

it-tip, il-format u l-volum stmat tad-data ta' prodott li l-prodott konness huwa kapaċi jiġġenera;

(b)

jekk il-prodott konness huwiex kapaċi jiġġenera data kontinwament u f'ħin reali;

(c)

jekk il-prodott konness huwiex kapaċi jaħżen data fuq l-apparat jew fuq server remot, inkluż, fejn applikabbli, it-tul ta' żmien taż-żamma maħsub;

(d)

kif l-utent jista' jaċċessa, jirkupra jew, fejn rilevanti, iħassar dik id-data, inkluż il-mezzi tekniċi biex jagħmel dan, kif ukoll it-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tiegħu.

3.   Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għall-forniment ta' servizz relatat, il-fornitur ta' tali servizz relatat għandu jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-utent, b’mod ċar u li jinftiehem:

(a)

in-natura, il-volum stmat u l-frekwenza tal-ġbir tad-data ta' prodott li d-detentur tad-data prospettiv huwa mistenni li jikseb u, fejn rilevanti, l- arranġamenti għall-utent biex jaċċessa jew jirkupra tali data, inkluż l-arranġamenti dwar il-ħżin tad-data tad-detentur tad-data prospettiv u d-durata taż-żamma;

(b)

in-natura u l-volum stmat tad-data tas-servizz relatat li trid tiġi ġġenerata, kif ukoll l-arranġamenti għall-utent biex jaċċessa jew jirkupra tali data, inkluż l-arranġamenti dwar il-ħżin tad-data tad-detentur tad-data prospettiv u d-durata taż-żamma;

(c)

jekk id-detentur tad-data prospettiv jistenniex li juża d-data faċilment disponibbli huwa stess u l-iskopijiet li għalihom għandha tintuża dik id-data, u jekk għandux l-intenzjoni li jippermetti lil parti terza waħda jew aktar tuża d-data għal skopijiet miftiehma mal-utent;

(d)

l-identità tad-detentur tad-data prospettiv, bħall-isem kummerċjali tiegħu u l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit u, fejn applikabbli, partijiet oħra għall-ipproċessar tad-data;

(e)

il-mezzi ta' komunikazzjoni li jagħmluha possibbli li jiġi kkuntattjat id-detentur tad-data prospettiv malajr u jikkomunika ma' dak id-detentur tad-data b'mod effiċjenti;

(f)

kif l-utent jista' jitlob li d-data tiġi kondiviża ma' parti terza u, fejn applikabbli, iwaqqaf il-kondiviżjoni tad-data;

(g)

id-dritt tal-utent li jressaq ilment li jallega ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta' dan il-Kapitolu mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37;

(h)

jekk detentur tad-data prospettiv huwiex id-detentur ta' sigrieti kummerċjali li jinsabu fid-data li tkun aċċessibbli mill-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat, u, fejn id-deterntur tad-data prospettiv ma jkunx id-detentur tas-sigriet kummerċjali, l-identità tad-detentur tas-sigriet kummerċjali;

(i)

it-tul tal-perjodu tal-kuntratt bejn l-utent u d-detentur tad-data prospettiv, kif ukoll l-arranġamenti għat-terminazzjoni ta’ tali kuntratt.

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tad-detenturi tad-data fir-rigward tal-aċċess, l-użu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tal-prodott u data tas-servizz relatat

1.   Fejn id-data ma tistax tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott konness jew mis-servizz relatat, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, aċċessibbli għall-utent mingħajr dewmien żejjed, tal-istess kwalità kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data, b'mod faċli, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Dan għandu jsir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn dan ikun teknikament fattibbli.

2.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu kuntrattwalment jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, jekk tali pproċessar jista' jimmina r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott konness, kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżulta f'effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ persuni fiżiċi. L-awtoritajiet settorjali jistgħu jipprovdu lill-utenti u lid-detenturi b’għarfien espert tekniku f'dak il-kuntest. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, l-utent jista', fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima mad-detentur tad-data dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(3), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew id-drittijiet tal-utenti skont dan l-Artikolu, inkluż billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha.

5.   Sabiex tiġi vverifikata jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent skont il-paragrafu 1, detentur tad-data ma għandux jirrikjedi li dik il-persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Detentur tad-data ma għandu jżomm l-ebda informazzjoni, b'mod partikolari data tar-reġistru, dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

6.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss meta d-detentur tad-data u l-utent jieħdu l-miżuri kollha neċessarji qabel id-divulgazzjoni biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħhom b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data, jew fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-utent dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

7.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk l-utent jonqos milli jimplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 6 jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament sostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 31 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata..

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali kapaċi juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq il-bażi ta’ każ b’każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

9.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, utent li jixtieq jikkontesta deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 7 u 8 jista':

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data tibda jew tkompli; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

10.   L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott konness li jikkompeti mal-prodott konness, li minnu toriġina d-data, u lanqas ma għandu jikkondividi d-data ma' parti terza b'dik l-intenzjoni u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur jew, fejn applikabbli d-detentur tad-data.

11.   L-utent ma għandux juża mezzi koerċittivi jew jabbuża minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex jikseb aċċess għad-data.

12.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun ġiet mitluba d-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-utent biss fejn ikun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

13.   Detentur tad-data għandu juża biss kwalunkwe data faċilment disponibbli li mhijiex data personali abbażi ta' kuntratt mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta', jew l-użu minn, l-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta’ dak l-utent fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

14.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data ta' prodott mhux personali lil partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

Artikolu 5

Dritt tal-utent li jikkondividi data ma' partijiet terzi

1.   Fuq talba minn utent, jew minn parti li taġixxi f'isem utent, id-detentur tad-data għandu jagħmel disponibbli data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, lil parti terza mingħajr dewmien żejjed, bl-istess kwalità kif disponibbli għad-detentur tad-data faċilment, b'mod sigur, mingħajr ħlas għall-utent, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Id-data għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-parti terza f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data faċilment disponibbli fil-kuntest tal-ittestjar ta' prodotti konnessi, sustanzi jew proċessi ġodda li għadhom ma tqiegħdux fis-suq sakemm l-użu tagħhom minn parti terza ma jkunx permess kuntrattwalment.

3.   Kwalunkwe impriża maħtura bħala gwardjan, skont l-Artikolu 3 tar- Regolament (UE) 2022/1925, ma għandhiex tkun parti terza eliġibbli skont dan l-Artikolu u għalhekk ma għandhiex:

(a)

tħajjar jew tinċentiva kummerċjalment utent bi kwalunkwe mod, inkluż billi tipprovdi kumpens monetarju jew kwalunkwe kumpens ieħor, biex tagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1);

(b)

tfittex jew tinċentiva kummerċjalment utent biex jitlob lid-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(c)

tirċievi data minn utent li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1).

4.   Għall-fini ta' verifika ta' jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent jew bħala parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-utent jew il-parti terza ma għandhiex tirrikjedi li l-utent jipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Id-detenturi tad-data ma għandhom iżommu l-ebda informazzjoni dwar l-aċċess tal-parti terza għad-data mitluba lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għal aċċess tal-parti terza u għas-sigurtà u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

5.   Il-parti terza ma għandhiex tuża mezzi koerċittivi jew ta' abbuż li juru lakuni evidenti fl-infrastruttura teknika ta' detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex tikseb aċċess għad-data.

6.   Id-detentur tad-data ma għandu juża l-ebda data faċilment disponibbli biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-parti terza jew l-użu minnha b’xi mod ieħor li jistgħu jimminaw il-pożizzjoni kummerċjali tal-parti terza fis-swieq li fihom hija attiva l-parti terza, sakemm il-parti terza ma tkunx tat permess għal tali użu u jkollha l-possibbiltà teknika li tirtira faċilment dak il-permess fi kwalunkwe ħin.

7.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun intalbet id-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data lill-parti terza biss meta jkun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta' dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

8.   Kwalunkwe nuqqas min-naħa tad-detentur tad-data u tal-parti terza milli jaqbel fuq arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data ma għandux ifixkel, jipprevjeni jew jinterferixxi mal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u, b'mod partikolari, mad-dritt għall-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament.

9.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu divulgati lil partijiet terzi biss safejn tali divulgazzjoni jkun strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan miftiehem bejn l-utent u l-parti terza. Id-detentur tad-data jew, fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-parti terza dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

10.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu jew jekk il-parti terza tonqos milli timplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu jew timmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament issostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu l-Artikolu 37 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema kunfidenzjalità ta' sigrieti kummerċjali ġiet imminata.

11.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali jista' juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-parti terza skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq bażi ta' każ b'każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

12.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti terza li tfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, parti terza li tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 10 u 11 tista':

(a)

tressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data trid tibda jew tkompli; jew

(b)

taqbel mad-detentur tad-data li tirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

13.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet ta' suġġetti tad-data oħra skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 6

Obbligi ta' partijiet terzi li jirċievu data fuq talba tal-utent

1.   Parti terza għandha tipproċessa d-data li tkun saret disponibbli għaliha skont l-Artikolu 5 biss għall-finijiet u skont il-kundizzjonijiet miftiehma mal-utent u soġġett għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali inkluż id-drittijiet tas-suġġett tad-data sa fejn hija kkonċernata d-data personali. Il-parti terza għandha tħassar id-data meta din ma tibqax neċessarja għall-iskop miftiehem, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mal-utent fir-rigward tad-data mhux personali.

2.   Il-parti terza ma għandhiex:

(a)

tagħmel indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew tad-drittijiet skont l-Artikolu 5 u dan l-Artikolu mill-utent, inkluż billi toffri għażliet lill-utent b'mod mhux newtrali, jew billi iġġiegħel lill-utent, tqarraq bih jew timmanipulah, jew billi timmina jew tippreġudika l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent, inkluż permezz ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha;

(b)

minkejja l-Artikolu 22(2), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, tuża d-data li tirċievi għat-tfassil tal-profil, sakemm ma jkunx neċessarju li jiġi pprovdut is-servizz mitlub mill-utent;

(c)

tagħmel id-data li tirċievi disponibbli għal parti terza oħra, sakemm id-data ssir disponibbli abbażi ta’ kuntratt mal-utent, u dment li l-parti terza l-oħra tieħu l-miżuri kollha neċessarji miftiehma bejn id-detentur tad-data u l-parti terza biex tippreserva l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali;

(d)

tagħmel id-data li tirċievi disponibbli għal impriża maħtura bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/1925;

(e)

tuża d-data li tirċievi biex tiżviluppa prodott li jikkompeti mal-prodott konness li minnu toriġina d-data aċċessata jew tikkondividi d-data ma' parti terza oħra għal dak il-għan; il-partijiet terzi ma għandhom ukoll jużaw l-ebda data mhux personali ta' prodott jew ta' servizz relatat magħmula disponibbli għalihom biex jiksbu għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tad-detentur tad-data jew l-użu minnu;

(f)

tuża d-data li tirċievi b'mod li jħalli impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-prodott konness jew tas-servizz relatat;

(g)

tinjora l-miżuri speċifiċi miftiehma ma’ detentur tad-data jew mad-detentur ta' sigriet kummerċjali skont l-Artikolu 5(9) u tikser il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali;

(h)

tipprevjeni lill-utent li huwa konsumatur, inkluż abbażi ta' kuntratt, milli jagħmel id-data li jirċievi disponibbli għal partijiet oħrajn.

Artikolu 7

Kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi ta' kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-konsumaturi u bejn in-negozji

1.   L-obbligi ta' dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għal data ġġenerata bl-użu ta' prodotti konnessi manifatturati jew ddisinjati jew servizzi relatati pprovduti minn intrapriża mikro jew intrapriża żgħira, dment li dik l-intrapriża ma jkollhiex intrapriża msieħba jew intrapriża relatata fi-sens tal-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li ma tikkwalifikax bħala intrapriża mikro jew intrapriża żgħira u fejn il-mikrointrapriża u l-intrapriża żgħira ma tkunx sottokuntrattata biex timmanifattura jew tiddisinja prodott konness jew biex tipprovdi servizz relatat.

L-istess għandu japplika għad-data ġġenerata permezz tal-użu ta' prodotti konnessi mmanifatturati minn jew servizzi relatati pprovduti minn intrapriża li tkun ikkwalifikat bħala intrapriża ta’ daqs medju skont l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE għal inqas minn sena u għal prodotti konnessi għal sena wara d-data li fiha jkunu tqiegħdu fuq is-suq minn intrapriża ta’ daqs medju.

2.   Kwalunkwe terminu kuntrattwali li, għad-detriment tal-utent, jeskludi l-applikazzjoni ta', jidderoga minn jew ivarja l-effett tad-drittijiet tal-utent skont dan il-Kapitolu ma għandux ikun vinkolanti fuq l-utent.

KAPITOLU III

OBBLIGI GĦAD-DETENTURI TAD-DATA OBBLIGATI LI JAGĦMLU D-DATA DISPONIBBLI SKONT IL-LIĠI TAL-UNJONI

Artikolu 8

Il-kundizzjonijiet li skonthom id-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data

1.   Meta, fir-relazzjonijiet bejn in-negozji, detentur tad-data jkun obbligat li jagħmel id-data disponibbli għal riċevitur tad-data skont l-Artikolu 5 jew skont liġi tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali oħra applikabbli adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, huwa għandu jiftiehem ma' riċevitur tad-data dwar l-arranġamenti li bihom jagħmel id-data disponibbli u għandu jagħmel dan skont termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u b'mod trasparenti f'konformità ma' dan il-Kapitolu u l-Kapitolu IV.

2.   Terminu kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċess għad-data u l-użu tagħha, jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data, ma għandux ikun vinkolanti jekk jikkostitwixxi terminu kuntrattwali inġust skont it-tifsira tal-Artikolu 13 jew jekk, għad-detriment tal-utent, jeskludi l-applikazzjoni ta’, jidderoga minn, jew ivarja l-effett tad-drittijiet tal-utent skont il-Kapitolu II.

3.   Detentur tad-data ma għandux jiddiskrimina fir-rigward tal-arranġamenti biex issir disponibbli data bejn kategoriji komparabbli ta' riċevituri tad-data, inkluż intrapriżi sħab jew intrapriżi relatati tad-detentur tad-data meta jagħmel id-data disponibbli. Fejn riċevitur tad-data jqis li l-kundizzjonijiet li bihom id-data tkun saret disponibbli għalih huma diskriminatorji, id-detentur tad-data għandu mingħajr dewmien żejjed jipprovdi lir-riċevitur tad-data, wara talba motivata tiegħu, informazzjoni li turi li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni.

4.   Detentur tad-data ma għandux jagħmel id-data disponibbli lil riċevitur tad-data, inkluż fuq bażi esklużiva, għajr jekk jintalab jagħmel hekk mill-utent skont il-Kapitolu II.

5.   Id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tiġi vverifikata l-konformità mat-termini kuntrattwali miftiehma biex id-data tkun magħmula disponibbli jew mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament jew liġi tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali oħra applikabbli adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

6.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni, inkluż fl-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 5(9) ta' dan ir-Regolament, jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, obbligu li d-data tkun magħmula disponibbli għal riċevitur tad-data ma għandux jobbliga d-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali.

Artikolu 9

Kumpens biex id-data tkun magħmula disponibbli

1.   Kwalunkwe kumpens miftiehem bejn detentur tad-data u riċevitur tad-data biex id-data ssir disponibbli f'relazzjonijiet bejn in-negozji għandu jkun nondiskriminatorju u raġonevoli u jista' jinkludi marġini.

2.   Meta jkunu qed jiftiehmu dwar kwalunkwe kumpens id-detentur tad-data u r-riċevitur tad-data għandhom iqisu b'mod partikolari:

(a)

il-kostijiet imġarrba biex id-data ssir disponibbli, inkluż, b'mod partikolari, il-kostijiet neċessarji għall-ifformattjar tad-data, id-disseminazzjoni b'mezzi elettroniċi u l-ħżin;

(b)

investimenti fil-ġbir u l-produzzjoni ta' data, fejn ikun japplika, filwaqt li jitqies jekk partijiet oħra kkontribwixxewx għall-kisba, il-ġenerazzjoni jew il-ġbir tad-data inkwistjoni.

3.   Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiddependi wkoll mill-volum, il-format u n-natura tad-data.

4.   Meta r-riċevitur tad-data jkun SME jew organizzazzjoni tar-riċerka mingħajr skop ta' qligħ u meta tali riċevitur tad-data ma jkollux intrapriżi sħab jew intrapriżi relatati li ma jikkwalifikawx bħala SMEs, kwalunkwe kumpens miftiehem ma għandux jaqbeż il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a).

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida dwar il-kalkolu tal-kumpens raġonevoli, filwaqt li tqis il-parir tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data (EDIB) imsemmi fl-Artikolu 42.

6.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi liġi tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali oħra adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni milli teskludi l-kumpens biex issir disponibbli d-data jew għall-provvediment għal kumpens aktar baxx.

7.   Id-detentur tad-data għandu jipprovdi lir-riċevitur tad-data b'informazzjoni li tistabbilixxi l-bażi għall-kalkolu tal-kumpens f'dettall suffiċjenti sabiex ir-riċevitur tad-data jkun jista' jivvaluta jekk humiex issodisfati r-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 4.

Artikolu 10

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   L-utenti, id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data għandu jkollhom aċċess għal korp għas-soluzzjoni tat-tilwim, iċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, biex isolvi tilwim skont l-Artikolu 4(3) u (9) tal-Artikolu 5(12) kif ukoll tilwim relatati mat-termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, u l-mod trasparenti, kif id-data ssir disponibbli f'konformità ma’ dan il-Kapitolu u l-Kapitolu IV.

2.   Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jagħmlu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiġu ddeterminati t-tariffi, magħrufa lill-partijiet ikkonċernati qabel ma dawk il-partijiet jitolbu deċiżjoni.

3.   Għat-tilwim riferut lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 4(3) u (9) u l-Artikolu 5(12), meta l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jiddeċiedi tilwima favur l-utent jew ir-riċevitur tad-data, id-detentur tad-data għandu jħallas it-tariffi kollha imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim u għandu jirrimborża lil dak l-utent jew lil dak ir-riċevitur tad-data kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ġarrab b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwima. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jiddeċiedi tilwima favur id-detentur tad-data, l-utent jew ir-riċevitur tad-data ma għandux ikun meħtieġ jirrimborża kwalunkwe tariffa jew spiża oħra li d-detentur tad-data jkun ħallas jew irid iħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwima, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim ma jsibx li l-utent jew ir-riċevitur tad-data aġixxa b'mala fide ċara.

4.   Il-klijenti u l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jkollhom aċċess għal korp għas-soluzzjoni tat-tilwim, iċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, biex isolvu t-tilwim relatat mal-ksur tad-drittijiet tal-klijenti u l-obbligi tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-Artikoli 23 u 31.

5.   L-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu, fuq talba ta' dak il-korp, jiċċertifika lil dak il-korp meta jkun wera li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun imparzjali u indipendenti, u joħroġ id-deċiżjonijiet tiegħu f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari, nondiskriminatorji u ġusti;

(b)

ikollu l-għarfien espert neċessarju, b'mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni ta' termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, inkluż il-kumpens, u dwar id-data tkun magħmula disponibbli b’mod trasparenti, li jippermetti lill-korp jiddetermina b'mod effettiv dawk it-termini u l-kondizzjonijiet;

(c)

ikun faċilment aċċessibbli permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika;

(d)

ikun kapaċi jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv b'mill-inqas lingwa waħda uffiċjali tal-Unjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim iċċertifikati f'konformità mal-paragrafu 5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi fuq sit web iddedikat u żżommha aġġornata.

7.   Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jirrifjuta li jittratta talba biex isolvi tilwima li tkun diġà tressqet quddiem korp ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

8.   Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet li dawk il-partijiet ikunu ressqu quddiem dak il-korp. F'dak il-kuntest, kull parti f’tilwima għandha tingħata s-sottomissjonijiet tal-parti l-oħra involuta fit-tilwima tagħhom u kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula mill-esperti. Il-partijiet għandhom jingħataw il-possibbiltà li jikkummentaw dwar dawk is-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet.

9.   Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jadotta d-deċiżjoni tagħha dwar kwistjoni riferuta lilu fi żmien 90 jum minn meta jkun irċieva talba skont il-paragrafi 1 u 4. Dik id-deċiżjoni għandhatkunu bil-miktub jew fuq mezz durabbli u għandha tkun appoġġata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

10.   Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ifasslu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rapporti annwali tal-attività. Talirapporti annwali għandhom jinkludu, b'mod partikolari, l-informazzjoni ġenerali li ġejja:

(a)

aggregazzjoni tal-eżiti tat-tilwim;

(b)

iż-żmien medju meħud biex tiġi solvuta tilwima;

(c)

l-aktar raġunijiet komuni għat-tilwim.

11.   Sabiex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki, korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jista' jiddeċiedi li jinkludi rakkomandazzjonijiet fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 10 dwar kif il-problemi jistgħu jiġu evitati jew solvuti.

12.   Id-deċiżjoni ta' korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun vinkolanti fuq il-partijiet biss jekk il-partijiet ikunu taw kunsens espliċitu għan-natura vinkolanti tagħha qabel il-bidu tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

13.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax id-dritt tal-partijiet li jfittxu rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

Artikolu 11

Miżuri tekniċi ta' protezzjoni dwar l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data

1.   Detentur tad-data jista' japplika miżuri tekniċi ta' protezzjoni adatti, inkluż kuntratti intelliġenti u kriptaġġ, biex jipprevjeni aċċess mhux awtorizzat għad-data, inkluż metadata , u biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 4, 5, 6, 8 u 9, kif ukoll mat-termini kuntrattwali miftiehma biex id-data tkun magħmula disponibbli. Tali miżuri tekniċi ta' protezzjoni ma għandhomx jiddiskriminaw bejn ir-riċevituri tad-data jew ifixklu d-dritt ta’ utent li jikseb kopja tad-data, jirkupraha, jużaha jew ikollu aċċess għaliha, biex jipprovdi data lil partijiet terzi skont l-Artikolu 5 jew kwalunkwe dritt ta' parti terza f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-utenti, il-partijiet terzi u r-riċevituri tad-data ma għandhomx ibiddlu jew ineħħu tali miżuri tekniċi ta' protezzjoni sakemm ma jkunx hemm qbil mid-detentur tad-data.

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3, il-parti terza jew riċevitur tad-data għandhom jikkonformaw, mingħajr dewmien żejjed, mat-talbiet tad-detentur tad-data u, fejn ikun japplika, u fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali jew l-utent:

(a)

iħassru d-data magħmula disponibbli mid-detentur tad-data u kwalunkwe kopja tagħha;

(b)

itemmu l-produzzjoni, l-offerta, jew it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti, data derivattiva jew servizzi prodotti abbażi tal-għarfien miksub permezz ta' dik id-data, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħżin ta' oġġetti kontraventorji għal dawk il-finijiet, u jeqirdu kwalunkwe oġġett kontraventorju, fejn ikun hemm riskju serju li l-użu illegali ta' dik id-data jikkawża ħsara sinifikanti lid-detentur tad-data, lid-detentur tas-sigriet kummerċjali jew lill-utent jew fejn tali miżura ma tkunx sproporzjonata fid-dawl tal-interessi tad-detentur tad-data, id-detentur tas-sigriet kummerċjali jew tal-utent;

(c)

jgħarrfu lill-utent bl-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data u bil-miżuri meħuda biex jitwaqqfu l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data;

(d)

jikkumpensaw lill-parti li ġarrbet dannu mill-użu ħażin jew mid-divulgazzjoni ta' dik id-data li sar aċċess għaliha jew intużat illegalment.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll meta parti terza jew riċevitur tad-data jkunu:

(a)

għall-finijiet li tinkiseb data, ipprovdew informazzjoni falza lil detentur tad-data, użaw mezzi qarrieqa jew koerċittivi jew abbużaw minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data mfassla biex tipproteġi d-data;

(b)

użaw id-data magħmula disponibbli għal finijiet mhux awtorizzati, inkluż l-iżvilupp ta' prodott konness li jikkompeti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(2), il-punt (e);

(c)

iddivulgaw data illegalment lil parti oħra;

(d)

ma żammewx il-miżuri tekniċi u organizzattivi miftiehma skont l-Artikolu 5(9); jew

(e)

biddlu jew neħħew miżuri tekniċi ta' protezzjoni applikati mid-detentur tad-data skont il-paragrafu 1 mingħajr il-qbil tad-detentur tad-data.

4.   Il-paragrafu 2 għandu japplika fejn utent ibiddel jew ineħħi miżuri tekniċi ta' protezzjoni applikati mid-detentur tad-data jew ma jżommx il-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent bi ftehim mad-detentur tad-data jew, fejn dawn mhumiex l-istess persuna, mad-detentur ta' sigrieti kummerċjali sabiex jippreserva sigrieti kummerċjali, kwalunkwe parti oħra li tkun irċeviet id-data mingħand l-utent permezz ta’ ksur ta' dan ir-Regolament.

5.   Meta r-riċevitur tad-data jkun kiser l-Artikolu 6(2), il-punti (a) jew (b), l-utenti għandu jkollhom l-istess drittijiet bħad-detenturi tad-data skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi għad-detenturi tad-data obbligati skont il-liġi tal-Unjonili jagħmlu d-data disponibbli

1.   Dan il-Kapitolu għandu japplika meta, fir-relazzjonijiet bejn in-negozji, detentur tad-data jkun obbligat skont l-Artikolu 5 jew skont il-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jagħmel id-data disponibbli għal riċevitur tad-data.

2.   Terminu kuntrattwali fi ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data li, għad-detriment ta' parti waħda, jew, fejn applikabbli, għad-detriment tal-utent, jeskludi l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu, jidderoga minnu, jew ivarja l-effett tiegħu, ma għandux ikun vinkolanti fuq dik il-parti.

KAPITOLU IV

TERMINI KUNTRATTWALI INĠUSTI RELATATI MAL-AĊĊESS GĦAD-DATA U L-UŻU BEJN L-INTRAPRIŻI

Artikolu 13

Termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriża oħra

1.   Terminu kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċess għad-data u l-użu tagħha jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew it-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data, li jkun ġie impost unilateralment minn intrapriża fuq intrapriża oħra, ma għandux ikun vinkolanti fuq l-intrapriża tal-aħħar jekk ikun inġust.

2.   Terminu kuntrattwali li jirrifletti dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-Unjoni, jew dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li japplikaw jekk it-termini kuntrattwali ma jirregolawx il-kwistjoni, ma għandhomx jitqiesu bħala inġusti.

3.   Terminu kuntrattwali huwa inġust jekk ikun ta' natura tali li l-użu tiegħu jiddevja bil-kbir mill-prattika kummerċjali tajba fl-aċċess u fl-użu tad-data, ikun kuntrarju għan-negozjar bona fide u ġust.

4.   B'mod partikolari, terminu kuntrattwali għandu jkun inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-parti li imponiet unilateralment it-terminu għal atti intenzjonali jew għal negliġenza serja;

(b)

jeskludi r-rimedji disponibbli għall-parti li fuqha ġie impost it-terminu unilateralment fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali, jew ir-responsabbiltà tal-parti li imponiet it-terminu unilateralment fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

(c)

jagħti lill-parti li imponiet it-terminu unilateralment id-dritt esklużiv li tiddetermina jekk id-data pprovduta hijiex konformi mal-kuntratt jew li tinterpreta kwalunkwe terminu kuntrattwali.

5.   Terminu kuntrattwali għandu jkun preżunt inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jillimita b'mod mhux xieraq ir-rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligi kuntrattwali jew responsabbiltà fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi, jew jestendi r-responsabbiltà tal-intrapriża li fuqha jkun ġie impost unilateralment it-terminu;

(b)

jippermetti lill-parti li imponiet unilateralment it-terminu għall-aċċess u għall-użu tad-data tal-parti kontraenti l-oħra b'mod li jkun ta' detriment sinifikanti għall-interessi leġittimi tal-parti kontraenti l-oħra, b'mod partikolari meta dik id-data jkun fiha data kummerċjalment sensittiva jew tkun protetta minn sigrieti kummerċjali jew minn drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(c)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tuża d-data ipprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt, jew li tillimita l-użu ta' tali data sal-punt li dik il-parti ma tkunx intitolata li tuża, tiġbor, taċċessa jew tikkontrolla tali data jew tisfrutta l-valur ta' tali data b'mod adegwat;

(d)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli ttemm il-ftehim f'perjodu raġonevoli;

(e)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tikseb kopja tad-data pprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt jew f'perjodu raġonevoli wara t-terminazzjoni tiegħu;

(f)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment biex ittemm il-kuntratt b'avviż qasir mhux raġonevoli, filwaqt li titqies kwalunkwe possibbiltà raġonevoli tal-parti kontraenti l-oħra li taqleb għal servizz alternattiv u komparabbli u d-detriment finanzjarju kkawżat minn tali terminazzjoni, għajr fejn ikun hemm raġunijiet serji biex isir dan;

(g)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment li tibdel sostanzjalment il-prezz speċifikat fil-kuntratt jew kwalunkwe kundizzjoni sostantiva oħra relatata man-natura, il-format, il-kwalità jew il-kwantità tad-data li ser tiġi kondiviża, fejn ma tkun ġiet speċifikata fil-kuntratt ebda raġuni valida u ebda dritt tal-parti l-oħra li tittermina l-kuntratt fil-każ ta' bidla ta’ din ix-xorta.

Il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu m'għandux m'għandux jaffettwa t-termini li bihom il-parti li imponiet it-terminu unilateralment tirriżerva d-dritt li tibdel unilateralment it-termini ta' kuntratt ta' żmien indeterminat, dment li l-kuntratt ikun speċifika raġuni valida għal tali tibdil unilaterali, li l-parti li imponiet it-terminu unilateralment tkun meħtieġa tipprovdi lill-parti kontraenti l-oħra b'avviż raġonevoli bi kwalunkwe bidla maħsuba, u li l-parti kontraenti l-oħra tkun libera li tittermina l-kuntratt mingħajr ħlas fil-każ ta' bidla.

6.   Terminu kuntrattwali għandu jitqies bħala impost unilateralment skont it-tifsira ta' dan l-Artikolu jekk ikun ġie fornut minn parti kontraenti waħda u l-parti kontraenti l-oħra ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tiegħu minkejja tentattiv biex dan jiġi nnegozjat. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali għandha l-oneru li tagħti provi li dak it-terminu ma ġiex impost unilateralment. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali kkontestat ma tistax targumenta li t-terminu huwa terminu kuntrattwali inġust.

7.   Meta t-terminu kuntrattwali inġust ikun jista' jkun magħmul indipendenti mit-termini li jifdal tal-kuntratt, dawk it-termini li jifdal għandhom ikunu vinkolanti.

8.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal termini kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett ewlieni tal-kuntratt jew għall-adegwatezza tal-prezz, meta titqies id-data pprovduta bħala kambju.

9.   Il-partijiet għal kuntratt kopert mill-paragrafu 1 ma għandhomx jeskludu l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, jidderogaw minnu, jew ivarjaw l-effetti tiegħu.

KAPITOLU V

IT-TQEGĦID TAD-DATA GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU, TAL-KUMMISSJONI, TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U TAL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI

Artikolu 14

Obbligu li d-data ssir disponibbli abbażi ta' ħtieġa eċċezzjonali

Fejn korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni juru ħtieġa eċċezzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 15, li jużaw ċerta data, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu ta' dik id-data, biex iwettqu d-dmirijiet statutorji tagħhom fl-interess pubbliku, id-detenturi tad-data li huma persuni ġuridiċi, għajr korpi tas-settur pubbliku, li jkollhom dik id-data għandhom jagħmluha disponibbli fuq talba debitament ġustifikata.

Artikolu 15

Ħtieġa eċċezzjonali li tintuża data

1.   Ħtieġa eċċezzjonali li tintuża ċerta data skont it-tifsira ta' dan il-Kapitolu għandha tkun limitata fiż-żmien u l-kamp ta' applikazzjoni u għandha titqies li teżisti biss fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn id-data mitluba tkun neċessarja għar-rispons għal emerġenza pubblika u l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiksbu dik id-data b'mezz alternattiv fil-ħin u b'mod effettiv b'kundizzjonijiet ekwivalenti;

(b)

f'ċirkostanzi mhux koperti mill-punt (a) u sa fejn hija kkonċernata biss data mhux personali, fejn:

(i)

korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jkunu qed jaġixxu abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali u jkunu identifikaw data speċifika, li mingħajrha ma jkunux jistgħu jwettqu kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku, li jkun previst espliċitament mil-liġi, bħalma huma l-produzzjoni ta’ statistika uffiċjali jew il-mitigazzjoni ta' emerġenza pubblika jew l-irkupru minnha; u

(ii)

il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni jkunu eżawrew il-mezzi l-oħra kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiksbu dik id-data, inkluż, ix-xiri tad-data fis-suq billi joffru rati tas-suq, jew billi jiddependu fuq l-obbligi eżistenti biex id-data ssir disponibbli jew l-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi ġodda li jistgħu jiggarantixxu d-disponibbiltà tad-data fil-ħin.

2.   Il-paragrafu 1, il-punt (b), ma għandux japplika għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar.

3.   L-obbligu li jintwera li l-korp tas-settur pubbliku ma setgħax jikseb data mhux personali billi jixtriha fis-suq ma għandux japplika fejn il-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku jkun il-produzzjoni ta' statistika uffiċjali u fejn ix-xiri ta' din id-data ma jkunx permess mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 16

Ir-relazzjoni ma’ obbligi oħra biex id-data ssir disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew u għall-korpi tal-Unjoni

1.   Dan il-Kapitolu ma għandux jaffettwa l-obbligi stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali għall-finijiet tar-rapportar, il-konformità mat-talbiet għal aċċess għal informazzjoni jew il-wiri jew il-verifika tal-konformità ma' obbligi legali.

2.   Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għall-korpi tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni, għall-individwazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għall-amministrazzjoni doganali jew tat-tassazzjoni. Dan il-Kapitolu ma jaffettwax il-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali jew amministrattivi, jew għall-amministrazzjoni doganali jew tat-tassazzjoni.

Artikolu 17

Talbiet biex data ssir disponibbli

1.   Meta jitolbu data skont l-Artikolu 14, korp tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom:

(a)

jispeċifikaw id-data meħtieġa, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu ta' dik id-data;

(b)

juru li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tal-ħtieġa eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 15 li għall-fini tagħha qed tintalab id-data huma ssodisfati;

(c)

jispjegaw l-iskop tat-talba, l-użu maħsub tad-data mitluba, inkluż, fejn applikabbli, minn parti terza f'konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, it-tul ta' żmien ta' dak l-użu, u, fejn ikun rilevanti, kif l-ipproċessar ta' data personali ser jindirizza l-ħtieġa eċċezzjonali;

(d)

jispeċifikaw, jekk ikun possibbli, meta d-data tkun mistennija li titħassar mill-partijiet kollha li jkollhom aċċess għaliha;

(e)

jiġġustifikaw l-għażla tad-detentur tad-data li lilu tkun indirizzata t-talba;

(f)

jispeċifikaw kwalunkwe korp ieħor tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni u l-partijiet terzi li magħhom tkun mistennija tiġi kondiviża d-data mitluba;

(g)

meta tintalab data personali, jispeċifikaw kwalunkwe miżura teknika u organizzattiva neċessarja u proporzjonata għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji neċessarji, bħall-psewdonimizzazzjoni, u jekk tistax tiġi applikata anonimizzazzjoni mid-detentur tad-data qabel ma jagħmel id-data disponibbli;

(h)

jispeċifikaw id-dispożizzjoni legali li talloka lill-korp tas-settur pubbliku li jagħmel it-talba, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni l-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku rilevanti għat-talba tad-data;

(i)

jispeċifikaw l-iskadenza sa meta d-data trid issir disponibbli u l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(2) sa meta d-detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika tat-talba;

(j)

jagħmlu l-aħjar almu tagħhom biex jevitaw il-konformità mat-talba għad-data li tirriżulta fir-responsabbiltà tad-detenturi tad-data għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Talba għad-data magħmula skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:

(a)

issir bil-kitba u tkun ifformulata b'lingwaġġ ċar, konċiż u sempliċi li jista' jinftiehem mid-detentur tad-data;

(b)

tkun speċifika fir-rigward tat-tip ta' data mitluba u tikkorrispondi għal data li d-detentur tad-data jkollu kontroll fuqha fil-mument tat-talba;

(c)

tkun proporzjonata għall-ħtieġa eċċezzjonali u debitament ġustifikata, fir-rigward tal-granularità u l-volum tad-data mitluba u l-frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba;

(d)

tirrispetta l-għanijiet leġittimi tad-detentur tad-data, filwaqt li tintrabat li tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'konformità mal-Artikolu 19(3), u b'kont meħud tal-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli;

(e)

tikkonċerna data mhux personali, u fil-każ biss li jintwera li dan mhux biżżejjed għar-rispons għall-ħtieġa eċċezzjonali li tintuża d-data, f'konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (a), tintalab data personali f'forma psewdonimizzata u tistabbilixxi l-miżuri tekniċi u organizzattivi li jridu jittieħdu biex tiġi protetta d-data;

(f)

tinforma lid-detentur tad-data dwar il-penali li jiġu imposti skont l-Artikolu 40 mill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-talba;

(g)

meta t-talba ssir minn korp tas-settur pubbliku, tiġi trażmessa lill-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 37 tal-Istat Membrufejn il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti jkun stabbilit, li għandu jagħmel it-talba disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed sakemm il-koordinatur tad-data ma jqisx li tali pubblikazzjoni toħloq riskju għas-sigurtà pubblika.

(h)

meta t-talba ssir mill-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni, issir disponibbli online mingħajr dewmien żejjed;

(i)

meta tintalab data personali, tiġi nnotifikata mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità superviżorja iresponsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp tas-settur pubbliku.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-talbiet tagħhom.

3.   Korp tas-settur pubbliku il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu d-data miksuba skont dan il-Kapitolu disponibbli għall-użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE) 2022/868 jew l-Artikolu 2, il-punt 11, tad-Direttiva (UE) 2019/1024. Ir-Regolament (UE) 2022/868 u d-Direttiva (UE) 2019/1024 ma għandhomx japplikaw għad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku miksuba skont dan il-Kapitolu.

4.   Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jipprekludix lil korp tas-settur pubbliku,lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni milli jiskambjaw data miksuba skont dan il-Kapitolu ma' korp ieħor tas-settur pubbliku jew mal-Kummissjoni, mal-Bank Ċentrali Ewropew jew ma' korp tal-Unjoni bil-ħsieb li jikkompletaw il-kompiti msemmija fl-Artikolu 15, kif speċifikat fit-talba f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (f), ta' dan l-Artikolu jew li jagħmlu d-data disponibbli għal parti terza meta dan ikun iddelega, permezz ta' ftehim disponibbli għall-pubbliku, spezzjonijiet tekniċi jew funzjonijiet oħra lil dik il-parti terza. L-obbligi fuq il-korpi tas-settur pubbliku skont l-Artikolu 19, b'mod partikolari s-salvagwardji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, għandhom japplikaw ukoll għal dawn il-partijiet terzi. Meta korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jittrażmetti jew jagħmel id-data disponibbli skont dan il-paragrafu, huma għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data mingħajr dewmien żejjed.

5.   Meta d-detentur tad-data jqis li d-drittijiet tiegħu skont dan il-Kapitolu jkunu nkisru bit-trażmissjoni jew bit-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, huwa jista' jressaq ilment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudell għat-talbiet skont dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Konformità mat-talbiet għad-data

1.   Detentur tad-data li jirċievi talba biexid-data ssir disponibbli skont dan il-Kapitolu għandu jagħmel id-data disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għal korp tal-Unjoni mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqis il-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali neċessarji.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward tad-disponibbiltà tad-data definiti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika ta' talba biex id-data ssir disponibbli skont dan il-Kapitolu mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li jirċievi talba għad-data neċessarja bħala tweġiba għal emerġenza pubblika u mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol wara li tkun waslet tali talba f'każijiet oħra ta' ħtieġa eċċezzjonali, għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-detentur tad-data ma jkollux kontroll fuq id-data mitluba;

(b)

talba simili għall-istess għan tkun ġiet sottomessa qabel minn korp ieħor tas-settur pubbliku jew mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew minn korp tal-Unjoni u d-detentur tad-data ma jkunx ġie nnotifikat bit-tħassir tad-data skont l-Artikolu 19(1), il-punt (c);

(c)

it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1) u (2).

3.   Jekk id-detentur tad-data jiddeċiedi li jirrifjuta t-talba jew ifittex il-modifika tagħha f'konformità mal-paragrafu 2, il-punt (b), huwa għandu jindika l-identità tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-korp tal-Unjoni li qabel ikunu ssottomettew talba għall-istess għan.

4.   Meta d-data mitluba tinkludi data personali, id-detentur tad-data għandu janonimizza d-data kif xieraq, sakemm il-konformità mat-talba biex id-data ssir disponibbli għal korp tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għal korp tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ l-iżvelar ta' data personali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jippsewdonimizza d-data.

5.   Meta l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni jkunu jixtiequ jikkontestaw ir-rifjut ta' detentur tad-data milli jipprovdi d-data mitluba, jew meta d-detentur tad-data jkun jixtieq jikkontesta t-talba, u l-kwistjoni ma tkunx tista' tiġi risolta permezz ta' modifika xierqa tat-talba, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

Artikolu 19

Obbligi tal-korpi tas-settur pubbliku, tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-korpi tal-Unjoni

1.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni li jirċievu data fuq talba magħmula skont l-Artikolu 14 għandhom:

(a)

ma jużawx id-data b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet;

(b)

ikunu implimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi li jippreservaw il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data mitluba u s-sigurtà tat-trasferimenti tad-data, b'mod partikolari d-data personali, u jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;

(c)

iħassru d-data hekk kif ma tibqax aktar neċessarja għall-għan iddikjarat u jinformaw lid-detentur tad-data u lill-individwi jew lill-organizzazzjonijiet li jkunu rċevew id-data skont l-Artikolu 21(1) mingħajr dewmien żejjed li d-data tkun tħassret, sakemm ma jkunx meħtieġ l-arkivjar tad-data f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti fil-kuntest tal-obbligi ta' trasparenza.

2.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew, korp tal-Unjoni jew parti terza li jirċievu data skont dan il-Kapitolu ma għandhomx:

(a)

jużaw id-data jew l-għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni jew ta' operat tad-detentur tad-data biex jiżviluppaw jew itejbu prodott konness jew servizz relatat li jikkompeti mal-prodott konness jew mas-servizz relatat tad-detentur tad-data;

(b)

jikkondividu d-data ma' parti terza oħra għal kwalunkwe wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punt (a).

3.   L-iżvelar ta' sigrieti kummerċjali lil korp tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni għandu jkun meħtieġ biss sa fejn ikun strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta' talba skont l-Artikolu 15. F'każ bħal dan, id-detentur tad-data jew, jekk ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali għandu jidentifika d-data li tkun protetta bħala sigriet kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti. Il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom, qabel l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji u xierqa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, inkluż, skont kif ikun xieraq, l-użu ta' mudelli ta' termini kuntrattwali, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

4.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għas-sigurtà tad-data li jirċievu.

Artikolu 20

Kumpens f'każijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali

1.   Id-detenturi tad-data għajr l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi mikro għandhom jagħmlu disponibbli d-data neċessarja biex iwieġbu għal emerġenza pubblika skont l-Artikolu 15(1), il-punt (a), mingħajr ħlas. Il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni li jkunu rċevew data għandhom jagħtu rikonoxximent pubbliku lid-detentur tad-data jekk dan jintalab mid-detentur tad-data.

2.   Id-detentur tad-data għandu jkun intitolat għal kumpens ġust talli jkun għamel id-data disponibbli f'konformità ma' talba magħmula skont l-Artikolu 15(1), il-punt (b). Tali kumpens għandu jkopri l-kostijiet tekniċi u organizzattivi mġarrba għall-konformità mat-talba inkluż, fejn applikabbli, il-kostijiet tal-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni, l-aggregazzjoni u l-adattament tekniku, u marġni raġonevoli. Fuq talba tal-korp tas-settur pubbliku, tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-korp tal-Unjoni, id-detentur tad-data għandu jipprovdi informazzjoni abbażi tal-kalkolu tal-kostijiet u tal-marġni raġonevoli.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll meta mikrointrapriża u intrapriża żgħira titlob kumpens talli tagħmel id-data disponibbli.

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx ikunu intitolati għal kumpens talli jagħmlu d-data disponibbli f'konformità ma' talba magħmula skont l-Artikolu 15(1), il-punt (b), meta l-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku jkun il-produzzjoni ta' statistika uffiċjali u meta x-xiri tad-data ma jkunx permess mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta x-xiri ta' data għall-produzzjoni ta' statistika uffiċjali ma jkunx permess mil-liġi nazzjonali.

5.   Meta l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni ma jaqblux mal-livell ta' kumpens mitlub mid-detentur tad-data, huma jistgħu jressqu lment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun ibbażat id-detentur tad-data.

Artikolu 21

Kondiviżjoni ta' data miksuba fil-kuntest ta' ħtieġa eċċezzjonali ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka jew korpi tal-istatistika

1.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom ikunu intitolati jikkondividu d-data li jkunu rċevew skont dan il-Kapitolu:

(a)

ma' individwi jew organizzazzjonijiet bil-ħsieb li jwettqu riċerka xjentifika jew analitika kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet id-data; jew

(b)

ma' istituti nazzjonali tal-istatistika u l-Eurostat għall-produzzjoni ta' statistika uffiċjali.

2.   L-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 għandhom jaġixxu mingħajr skop ta' qligħ jew fil-kuntest ta' missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Dawn ma għandhomx jinkludu organizzazzjonijiet li l-impriżi kummerċjali jkollhom influwenza sinifikanti fuqhom li x'aktarx tirriżulta f'aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka.

3.   L-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mal-istess obbligi li japplikaw għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għall-korpi tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 19.

4.   Minkejja l-Artikolu 19(1), il-punt (c), l-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jżommu d-data li jirċievu għall-għan li għalih tkun intalbet id-data sa sitt xhur wara t-tħassir tad-data mill-korpi tas-settur pubbliku, mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-korpi tal-Unjoni.

5.   Meta korp tas-settur pubbliku,il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jkollhom l-intenzjoni li jittrażmettu jew jagħmlu d-data disponibbli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien żejjed lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data, u jiddikjaraw l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-organizzazzjoni jew tal-individwu li jkun qed jirċievi d-data, l-għan tat-trażmissjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, il-perjodu li għalih tintuża d-data u l-miżuri ta' protezzjoni teknika u organizzattivi meħuda, inkluż fejn ikunu involuti data personali jew sigrieti kummerċjali. Meta d-detentur tad-data ma jaqbilx mat-trażmissjoni jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, huwa jista' jressaq ilment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

Artikolu 22

Assistenza reċiproka u kooperazzjoni transfruntiera

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku. il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin, biex jimplimentaw dan il-Kapitolu b'mod konsistenti.

2.   Kwalunkwe data skambjata fil-kuntest ta' assistenza mitluba u pprovduta skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tintuża b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet.

3.   Meta korp tas-settur pubbliku jkollu l-intenzjoni li jitlob data mingħand detentur tad-data stabbilit fi Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 f’dak l-Istat Membru, b'dik l-intenzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għal talbiet mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u minn korpi tal-Unjoni. It-talba għandha tiġi eżaminata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

4.   Wara li tkun eżaminat it-talba fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tittrażmetti t-talba lid-detentur tad-data u, jekk ikun applikabbli, tagħti parir lill-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni dwar il-ħtieġa, jekk ikun hemm, biex jikkooperaw mal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq id-detentur tad-data biex jikkonforma mat-talba;

(b)

tirrifjuta t-talba għal raġunijiet debitament sostanzjati, f'konformità ma' dan il-Kapitolu.

Il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom iqisu l-parir u r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti rilevanti skont l-ewwel subparagrafu qabel kwalunkwe azzjoni ulterjuri bħas-sottomisjoni tat-talba, jekk ikun applikabbli.

KAPITOLU VI

QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 23

Tneħħija tal-ostakli għall-qlib effettiv

Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 25, 26, 27, 29 u 30 biex jippermettu lill-klijenti jaqilbu għal servizz tal-ipproċessar tad-data, li jkopri l-istess tip ta' servizz, li huwa pprovdut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, jew għal intrastruttura tal-ICT fuq il-post, jew, fejn rilevanti, jużaw diversi fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fl-istess ħin. B'mod partikolari, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx jimponu u għandhom ineħħu l-ostakli prekummerċjali, kummerċjali, tekniċi, kuntrattwali u organizzattivi li jimpedixxu lill-klijenti milli:

(a)

itemmu, wara l-perjodu massimu ta' avviż u t-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib, f'konformità mal-Artikolu 25, il-kuntratt tas-servizz tal-ipproċessar tad-data;

(b)

jikkonkludu kuntratti ġodda ma' fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(c)

jittrasferixxu d-data tal-klijent li tista' tiġi esportata u assi diġitali, lil fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew lil infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż wara li jkun ibbenefika minn offerta bla ħlas;

(d)

f'konformità mal-Artikolu 24, jiksbu ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz il-ġdid tal-ipproċessar tad-data fl-ambjent tal-ICT tal-fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(e)

jisseparaw, fejn ikun teknikament fattibbli, is-servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 30(1) minn servizzi oħra tal-ipproċessar tad-data pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 24

Kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi tekniċi

Ir-responsabbiltajiet tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikoli 23, 25, 29, 30 u 34 għandhom japplikaw biss għas-servizzi, il-kuntratti jew il-prattiki kummerċjali pprovduti mill-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 25

Termini kuntrattwali dwar il-qlib

1.   Id-drittijiet tal-klijent u l-obbligi tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fir-rigward tal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi jew, fejn applikabbli, għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar f'kuntratt bil-miktub. Il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jagħmel il-kuntratt disponibbli għall-klijent qabel l-iffirmar tal-kuntratt b'mod li jippermetti lill-klijent jaħżen u jipproduċi mill-ġdid il-kuntratt.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/770, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

klawżoli li jippermettu lill-klijent, fuq talba, jaqleb għal servizz tal-ipproċessar tad-data offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew li jittrasferixxi d-data u l-assi diġitali kollha li jistgħu jiġu esportati għal infrastruttura ICT fuq il-post, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux wara l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju ta' 30 jum kalendarju, li jibda wara l-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-punt (d), li matulu l-kuntratt tas-servizz jibqa' japplika u li matulu l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu:

(i)

jagħti assistenza raġonevoli lill-klijent u lill-partijiet terzi awtorizzati mill-klijent fil-proċess tal-qlib;

(ii)

jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex tinżamm il-kontinwità tan-negozju, u jkompli jipprovdi l-funzjonijiet jew is-servizzi skont il-kuntratt;

(iii)

jipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-riskji magħrufa għall-kontinwità fil-forniment tal-funzjonijiet jew tas-servizzi min-naħa tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(iv)

jiżgura li jinżamm livell għoli ta' sigurtà matul il-proċess tal-qlib, b'mod partikolari s-sigurtà tad-data matul it-trasferiment tagħha u l-kontinwità tas-sigurtà tad-data matul il-perjodu ta' rkupru speċifikat fil-punt (g), f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali applikabbli;

(b)

obbligu tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jappoġġa l-istrateġija ta' ħruġ rilevanti tal-klijent għas-servizzi kkuntrattati, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha;

(c)

klawżola li tispeċifika li l-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat mitmum u l-klijent għandu jiġi nnotifikat bit-terminazzjoni, f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i)

fejn applikabbli, mat-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib;

(ii)

fi tmiem il-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu (d), meta l-klijent ma jixtieqx jaqleb iżda jixtieq iħassar id-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali kollha tiegħu mat-terminazzjoni tas-servizz;

(d)

perjodu massimu ta' avviż għall-bidu tal-proċess tal-qlib, li ma għandux jaqbeż xahrejn;

(e)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji kollha tad-data u l-assi diġitali li jistgħu jiġu ttrasferiti matul il-proċess tal-qlib, inkluż, bħala minimu, id-data kollha li tista' tiġi esportata;

(f)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji tad-data speċifiċi għall-funzjonament intern tas-servizz tal-ipproċessar tad-data tal-fornitur li jridu jiġu eżentati mid-data li tista' tiġi esportata skont il-punt (e) ta’ dan il-paragrafu fejn jeżisti riskju ta' ksur tas-sigrieti kummerċjali tal-fornitur; sakemm tali eżenzjonijiet ma għandhomx jimpedixxu jew idewmu l-proċess tal-qlib previst fl-Artikolu 23;

(g)

perjodu minimu għall-irkupru tad-data ta' mill-inqas 30 jum kalendarju, li jibda wara t-terminazzjoni tal-perjodu tranżizzjonali li kien miftiehem bejn il-klijent u l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafu 4;

(h)

klawżola li tiggarantixxi t-tħassir sħiħ tad-data kollha li tista' tiġi esportata u ta’ assi diġitali ġġenerati direttament mill-klijent, jew relatati mal-klijent direttament, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g) jew wara l-iskadenza ta' perjodu alternattiv maqbul f'data aktar tard mid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g), dment li l-proċess tal-qlib ikun tlesta b'suċċess;

(i)

l-imposti tal-qlib li jistgħu jiġu imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data f'konformità mal-Artikolu 29.

3.   Il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jipprovdu li l-klijent jista' jinnotifika lill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bid-deċiżjoni tiegħu li jwettaq waħda mill-azzjonijiet li ġejjin jew aktar mat-terminazzjoni tal-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d):

(a)

jaqleb għal fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'liema każ il-klijent għandu jipprovdi d-dettalji neċessarji ta' dak il-fornitur;

(b)

jaqleb għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post;

(c)

iħassar d-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali tiegħu.

4.   Meta l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju kif previst fil-paragrafu 2, il-punt (a) ma jkunx teknikament fattibbli, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinnotifika lill-klijent fi żmien 14-il jum tax-xogħol minn meta ssir it-talba għall-qlib, u għandu jiġġustifika b’mod xieraq in-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u jindika perjodu tranżizzjonali alternattiv, li ma għandux jaqbeż seba' xhur. F'konformità mal-paragrafu 1, għandha tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz matul il-perjodu tranżizzjonali alternattiv kollu,.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jagħtu lill-klijent id-dritt li jestendi l-perjodu tranżizzjonali darba għal perjodu li l-klijent jikkunsidra aktar xieraq għall-għanijiet tiegħu stess.

Artikolu 26

Obbligu ta' informazzjoni tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data

Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi lill-klijent:

(a)

b'informazzjoni dwar il-proċeduri disponibbli għall-qlib u t-trasferiment għas-servizz tal-ipproċessar tad-data, inkluż informazzjoni dwar il-metodi u l-formati disponibbli tal-qlib u tat-trasferiment kif ukoll ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tekniċi li huma magħrufa mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(b)

b'referenza għal reġistru online aġġornat ospitat mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, bid-dettalji tal-istrutturi tad-data u l-formati tad-data kollha kif ukoll l-istandards rilevanti u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà, li fihom tkun disponibbli d-data li tista' tiġi esportata msemmija fl-Artikolu 25 (1a), punt (e).

Artikolu 27

Obbligu ta' bona fide

Il-partijiet kollha involuti, inkluż il-fornituri ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għandhom jikkooperaw in bona fide biex jagħmlu l-proċess tal-qlib effettiv, jippermettu t-trasferiment f'waqtu tad-data u jżommu l-kontinwità tas-servizz tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 28

Obbligi ta' trasparenza kuntrattwali dwar l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli fuq is-siti web tagħhom, u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata:

(a)

il-ġuriżdizzjoni li għaliha tkun soġġetta l-infrastruttura tal-ICT użata għall-ipproċessar tad-data tas-servizzi individwali tagħhom;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi, organizzattivi u kuntrattwali adottati mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data sabiex jiġi evitat l-aċċess jew it-trasferiment internazzjonali mill-gvern ta’ data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali aċċess jew trasferiment joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

2.   Is-siti web imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu elenkati fi kuntratt għas-servizzi kollha tal-ipproċessar tad-data offruti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 29

Irtirar gradwali tal-imposti tal-qlib

1.   Mit-12 ta’ Jannar 2027, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhom jimponu l-ebda imposta tal-qlib fuq il-klijent għall-proċess tal-qlib.

2.   Mill-11 ta’ Jannar 2024 sat-12 ta’ Jannar 2027, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jimponu imposti mnaqqsa tal-qlib fuq il-klijent għall-proċess tal-qlib.

3.   L-imposti mnaqqsa tal-qlib imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet imġarrba mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li huma direttament marbuta mal-proċess tal-qlib ikkonċernat.

4.   Qabel ma jidħlu f’kuntrattwali ma' klijent, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jipprovdu lill-klijent prospettiv informazzjoni ċara dwar it-tariffi ta' servizz standard u l-penali ta' terminazzjoni bikrija li jistgħu jiġu imposti, kif ukoll dwar l-imposti mnaqqsa tal-qlib li jistgħu jiġu imposti matul il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 2.

5.   Meta jkun rilevanti, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jipprovdu informazzjoni lil konsumatur dwar servizzi tal-ipproċessar tad-data li jinvolvu qlib kumpless ħafna jew għali jew li għalihom ikun impossibbli li jsir qlib mingħajr interferenza sinifikanti fid-data, fl-assi diġitali jew fl-arkitettura tas-servizz.

6.   Fejn ikun applikabbli, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5 disponibbli pubblikament għall-klijenti permezz ta' taqsima ddedikata tas-sit web tagħhom jew bi kwalunkwe mod ieħor faċilment aċċessibbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 45 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex il-Kummissjoni timmonitorja l-imposti tal-qlib, imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fis-suq sabiex tiżgura li l-irtirar u t-tnaqqis ta' imposti tal-qlib skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jintlaħqu f'konformità mal-iskadenzi previsti f'dawk il-paragrafi.

Artikolu 30

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali neċessarji għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, li jiġu pproċessati mod ieħor, jew li jintużaw fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom, f’konformità mal-Artikolu 27, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz ta’ destinazzjoni tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess tal-qlib billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

2.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli bl-istess mod għall-klijenti kollha tagħhom u għall-fornituri ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati mingħajr ħlas biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib. Dawk l-interfaċċi għandhom jinkludu biżżejjed informazzjoni dwar is-servizz ikkonċernat biex jippermettu l-iżvilupp ta' software li jikkomunika mas-servizzi, għall-finijiet tat-trasferiment u l-interoperabbiltà tad-data.

3.   Għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jew standards armonizzati għall-interoperabbiltà mill-inqas 12-il xahar wara li r-referenzi għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni wara l-pubblikazzjonijiet tal-atti ta' implimentazzjoni sottostanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 35(8).

4.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġġornaw ir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 26, il-punt (b), f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Fil-każ tal-qlib bejn servizzi tal-istess tip ta' servizz, li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 35(7), il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna.

6.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jew jiżvelaw jew jittrasferixxu assi diġitali li huma protetti minn drittijiet ta' propjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali, lil klijent jew lil fornitur differenti ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur.

Artikolu 31

Reġim speċifiku għal ċerti servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 23, il-punt (d), l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30(1) u (3) ma għandhomx japplikaw għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li l-maġġoranza tal-karatteristiċi ewlenin tagħhom ikunu nbnew apposta biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' klijent individwali jew fejn il-komponenti kollha jkunu ġew żviluppati għall-finijiet ta' klijent individwali, u fejn dawk is-servizzi tal-ipproċessar tad-data ma jiġux offruti fuq skala kummerċjali wiesgħa permezz tal-katalogu tas-servizzi tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.   L-obbligi stabbiliti f'dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data pprovduti bħala verżjoni mhux tal-produzzjoni għall-finijiet tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni u għal perjodu ta' żmien limitat.

3.   Qabel il-konklużjoni ta' kuntratt dwar il-forniment tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija f'dan l-Artikolu, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent prospettiv dwar l-obbligi ta' dan il-Kapitolu li ma japplikawx.

KAPITOLU VII

AĊĊESS U TRASFERIMENT GOVERNATTIV INTERNAZZJONALI ILLEGALI TA' DATA MHUX PERSONALI

Artikolu 32

Aċċess u trasferiment governattiv internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali adegwati kollha, inkluż kuntratti, sabiex jevitaw l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali u minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi ta' data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal ta' pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jittrasferixxi jew jagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni, jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew ta' tribunal ta' pajjiż terz jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma' tali deċiżjoni tkun qed tissogra li tpoġġi lid-destinatarju f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment ta' tali data jew l-aċċess għaliha minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jsir biss fejn:

(a)

is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta' tali deċiżjoni jew sentenza u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni jew ksur suspettati;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta' pajjiż terz; u

(c)

il-qorti jew it-tribunal kompetenti ta' pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva jingħata s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz li jqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mil-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jew sentenza jista' jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet legali, sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali u data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll ma' kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew it-trasferiment jista' jwassal għal identifikazzjoni mill-ġdid. Il-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Jekk id-destinatarju jqis li d-deċiżjoni jew sentenza tista' taffettwa l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, huwa għandu jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti sabiex jiddetermina jekk id-data mitluba tikkonċernax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni ta’ tali korp jew awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu mhumiex issodisfati, id-destinatarju jista' jiċħad it-talba għal trasferiment jew aċċess, għad-data mhux personali, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

L-EDIB imsemmi fl-Artikolu 42 għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi tal-interpretazzjoni raġonevoli ta’ dik it-talba mill-fornitur jew mill-korp jew awtorità nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

5.   Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità ta' pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma ma' dik it-talba, ħlief fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ

Artikolu 33

Rekwiżiti essenzjali dwar l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data

1.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi u tas-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data li huma oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali għal standards u prattiki komuni għall-kondiviżjoni jew għall-ipproċessar konġunt tad-data għal, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda, riċerka xjentifika jew inizjattivi tas-soċjetà ċivili:

(a)

il-kontenut tas-sett tad-data, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu, il-liċenzji, il-metodoloġija tal-ġbir tad-data, il-kwalità tad-data u l-inċertezza għandhom ikunu deskritti b'mod suffiċjenti, fejn applikabbli, f'format li jinqara minn magna, biex jippermettu lir-riċevitur isib, jaċċessa u juża d-data;

(b)

l-istrutturi tad-data, il-formati tad-data, il-vokabularji, l-iskemi ta' klassifikazzjoni, it-tassonomiji u l-listi tal-kodiċijiet, fejn disponibbli, għandhom jiġu deskritti b'mod disponibbli pubblikament u konsistenti;

(c)

il-mezzi tekniċi għall-aċċess għad-data, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, u t-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tagħhom għandhom jiġu deskritti b'mod suffiċjenti biex jippermettu l-aċċess u t-trażmissjoni awtomatiċi tad-data bejn il-partijiet, inkluż kontinwament, f'tniżżil massiv jew f'ħin reali, f'format li jinqara minn magna fejn dan huwa teknikament fattibbli u ma jostakolax il-funzjonament tajjeb tal-prodott konness;

(d)

fejn applikabbli, il-mezzi li jippermettu l-interoperabbiltà tal-għodod għall-awtomatizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data, bħal kuntratti intelliġenti għandhom jiġu pprovduti.

Ir-rekwiżiti jista' jkollhom natura ġenerika jew jistgħu jikkonċernaw setturi speċifiċi, filwaqt li jqisu bis-sħiħ l-interrelazzjoni mar-rekwiżiti li joħorġu minn liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 45 ta' dan ir-Regolament biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'rabta ma' dawk ir-rekwiżiti li, min-natura tagħhom, ma jistgħux jipproduċu l-effett maħsub sakemm ma jkunux speċifikati aktar f'atti legali vinkolanti tal-Unjoni u sabiex tirrifletti kif xieraq l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

Il-Kummissjoni għandha, meta tadotta atti delegati, tqis il-parir tal-EDIB f'konformità mal-Artikolu 42, il-punt (c)(iii).

3.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi ta' data lil parteċipanti oħra fl-ispazji tad-data li jissodisfaw l-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi tagħhom huma ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu preżunti li huma f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni li jkopru kwalunkwe rekwiżit essenzjali jew ir-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 fejn ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun talbet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u:

(i)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(ii)

l-istandard armonizzat li jindirizza dik it-talba ma jkunx ġew ikkonsenjat fl-iskadenza stabbilita f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; jew

(iii)

l-istandard armonizzat ma jikkonformawx mat-talba; u

(b)

ma tkun ġiet ippubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-ebda referenza bħal din ma tkun mistennija li tiġi ppubblikata fi żmien raġonevoli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

6.   Qabel ma tħejji abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament UE Nru 1025/2012 li hija tqis li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu ġew issodisfati.

7.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tal-EDIB u l-fehmiet ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

8.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra fl-ispazji tad-data li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti minn atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

9.   Meta standard armonizzat jiġi adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta' standard armonizzat tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti essenzjali bħal dawk koperti minn dak l-istandard armonizzat.

10.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

11.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida filwaqt li tqis il-proposta tal-EDIB f'konformità mal-Artikolu 30, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/868 li jistabbilixxi oqsfa interoperabbli għal standards u prattiki komuni għall-funzjonament ta' spazji komuni Ewropej tad-data.

Artikolu 34

Interoperabbiltà għall-finijiet ta' użu parallel tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23, l-Artikolu 24, l-Artikolu 25(2), il-punti (a)(ii), (a)(iv), (e) u (f) u l-Artikolu 30(2) sa (5) għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà għall-finijiet ta' użu parallel tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.   Meta servizz tal-ipproċessar tad-data qed jiġi użat b’mod parallel ma’ servizz ieħor tal-ipproċessar tad-data, il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jimponu imposti tal-ħruġ ta' data, iżda biss sabiex jiġu trasferiti l-kostijiet imġarrba, mingħajr ma jeċċedu tali kostijiet..

Artikolu 35

Interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom:

(a)

jiksbu, fejn ikun teknikament fattibbli, interoperabbiltà bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(b)

itejbu l-portabbiltà tal-assi diġitali bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(c)

jiffaċilitaw, fejn ikun teknikament fattibbli, ekwivalenza funzjonali bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 30(1) li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(d)

ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-sigurtà u l-integrità tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u tad-data;

(e)

jitfasslu b'tali mod li jippermettu avvanzi tekniċi u inklużjoni ta' funzjonijiet u innovazzjoni ġodda fis-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jindirizzaw b'mod adegwat:

(a)

l-aspetti tal-interoperabbiltà tal-cloud tal-interoperabbiltà tat-trasport, l-interoperabbiltà sintattika, l-interoperabbiltà tad-data semantika, l-interoperabbiltà tal-imġiba u l-interoperabbiltà tal-politika;

(b)

l-aspetti tal-portabbiltà tad-data fuq il-cloud tal-portabbiltà sintattika tad-data, il-portabbiltà semantika tad-data u l-portabbiltà tal-politika dwar id-data;

(c)

l-aspetti tal-applikazzjoni tal-cloud tal-portabbiltà sintattika tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-istruzzjoni tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal- metadata tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-imġiba tal-applikazzjoni u l-portabbiltà tal-politika tal-applikazzjoni.

3.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà għandhom jikkonformaw mal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

4.   Wara li tqis l-istandards internazzjonali u Ewropej u l-inizjattivi awtoregolatorji rilevanti, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet komuni ibbażat fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà li jkopru r-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

6.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 37(5), il-punt (h), u ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

7.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, tista’ temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

8.   Għall-fini tal-Artikolu 30(3), il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tippubblika r-referenzi tal-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet komuni għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data f'repożitorju ċentrali tal-Unjoni tal-istandards għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

9.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 36

Rekwiżiti essenzjali rigward il-kuntratti intelliġenti għall-eżekuzzjoni tal-ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data

1.   Il-bejjiegħ ta' applikazzjoni li tuża kuntratti intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli, għandhom jiżguraw li dawk il-kuntratti intelliġenti jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a)

robustezza u kontroll tal-aċċess, biex ikun żgurat li l-kuntratt intelliġenti jkun tfassal biex joffri mekkaniżmi ta' kontroll tal-aċċess u grad għoli ħafna ta' robustezza biex jiġu evitati żbalji funzjonali u biex jiflaħ għall-manipulazzjoni minn partijiet terzi;

(b)

terminazzjoni u interruzzjoni sikuri, biex ikun żgurat li jeżisti mekkaniżmu biex tintemm il-kontinwazzjoni tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u li l-kuntratt intelliġenti jinkludi funzjonijiet interni li jistgħu jerġgħu jistabbilixxu jew jagħtu struzzjonijiet lill-kuntratt sabiex iwaqqaf jew jinterrompi l-operazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu evitati eżekuzzjonijiet aċċidentali futuri;

(c)

arkivjar u kontinwità tad-data, biex ikun żgurat, f'ċirkostanzi li fihom kuntratt intelliġenti jrid jiġi tterminat jew diżattivat, ikun hemm possibbiltà tal-arkivjar tad-data tranżazzjonali, il-loġika u l-kodiċi tal-kuntratt intelliġenti sabiex jinżamm ir-rekord tal-operazzjonijiet imwettqa fuq id-data fil-passat (awditabbiltà);

(d)

kontroll tal-aċċess, biex ikun żgurat li kuntratt intelliġenti jiġi protett permezz ta' mekkaniżmi rigorużi ta' kontroll tal-aċċess fis-saffi ta' governanza u ta' kuntratti intelliġenti; u

(e)

konsistenza, biex tkun żgurata konsistenza mat-termini tal-ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data li l-kuntratt intelliġenti jeżegwixxi.

2.   Il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest ta' eżekuzzjoni ta’ ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli għandhom iwettqu valutazzjoni tal-konformità bil-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 u, malli jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti, toħroġ dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.

3.   Billi jfassal id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-bejjiegħ ta' applikazzjoni bl-użu ta' kuntratti intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest ta' ftehim ta’ eżekuzzjoni jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli għandhom ikunu responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.   Kuntratt intelliġenti li jissodisfa l-istandards armonizzati jew il-partijiet rilevanti tagħhom, li r-referenzi tiegħu huma ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni li jkopru kwalunkwe rekwiżit essenzjali jew ir-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 fejn ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun talbet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u:

(i)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(ii)

l-istandards armonizzati li jindirizzaw dik it-talba ma jkunux ġew ikkonsenjati fl-iskadenza stabbilita f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; jew

(iii)

l-istandards armonizzati ma jikkonformawx mat-talba; u

(b)

ma tkun ġiet ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huwa f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-ebda referenza bħal din ma tkun mistennija li tiġi ppubblikata fi żmien raġonevoli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

7.   Qabel ma tħejji abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 li hija tqis li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu huma ssodisfati.

8.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tal-EDIB u l-fehmiet ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

9.   Il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti mill-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

10.   Meta standard armonizzat jiġi adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta' standard armonizzat tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti essenzjali bħal dawk koperti minn dak l-istandard armonizzat.

11.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, tista’ temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

KAPITOLU IX

IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR

Artikolu 37

Awtoritajiet kompetenti u koordinaturi tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar ta' dan ir-Regolament (awtoritajiet kompetenti). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar jew jiddependu fuq awtoritajiet eżistenti.

2.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jaħtar koordinatur tad-data minn fosthom biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u biex jassisti lill-entitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni u l-infurzar tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompiti u s-setgħat assenjati lilhom skont il-paragrafu 5, jikkooperaw ma' xulxin.

3.   L-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn hija kkonċernata l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn jikkonċerna l-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni. Meta rilevanti, l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika mutatis mutandis.

Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu eżerċitati fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali.

4.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

għal kwistjonijiet speċifiċi ta' aċċess u użu tad-data settorjali relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kompetenza tal-awtoritajiet settorjali għandha tiġi rispettata;

(b)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u 35 għandu jkollha esperjenza fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti jkunu definiti b'mod ċar u jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni tal-litteriżmu fid-data fost l-utenti u l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament;

(b)

it-trattament ta' lmenti relatati ma' allegat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward ta' sigrieti kummerċjali, u investigazzjoni, sa fejn ikun xieraq, tas-suġġett tal-ilmenti u l-infurmar regolari lill-ilmentaturi, fejn rilevanti f'konformità mal-liġi nazzjonali, dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun neċessarja aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(c)

it-twettiq ta' investigazzjonijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni rċevuta minn awtorità superviżorja jew minn awtorità pubblika oħra;

(d)

l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b'effett retroattiv, jew il-bidu ta' proċedimenti ġudizzjarji għall-impożizzjoni ta' multi;

(e)

il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjalment rilevanti ta' rilevanza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u għall-użu tad-data;

(f)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni jew mal-EDIB, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effiċjenti ta' dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed, inkluż fir-rigward tal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu;

(g)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' atti legali oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjoni elettronika, mal-awtorità superviżorja responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-awtoritajiet settorjali biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jiġi infurzat b'mod konsistenti ma' liġijiet oħra tal-Unjoni u nazzjonali;

(h)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jiġi żgurat li l-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 34 u l-Artikolu 35 jiġu infurzati b'mod konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u mal-awtoregolamentazzjoni applikabbli għall-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(i)

l-iżgurar li l-imposti għall-qlib jiġu rtirati f'konformità mal-Artikolu 29;

(j)

l-eżami tat-talbiet għad-data magħmula skont il-Kapitolu V.

Meta jinħatar, il-koordinatur tad-data għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni msemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu u għandu jassisti lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

6.   Il-koordinatur tad-data, fejn tkun inħatret tali awtorità kompetenti, għandu:

(a)

jaġixxi bħala l-punt uniku ta' kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

jiżgura d-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet biex id-data ssir disponibbli magħmula mill-korpi tas-settur pubbliku fil-każ ta' ħtieġa eċċezzjonali skont il-Kapitolu V u jippromwovi l-ftehimiet volontarji dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn il-korpi tas-settur pubbliku u d-detenturi tad-data;

(c)

jinforma lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, dwar ir-rifjuti nnotifikati skont l-Artikolu 4(2) u (8) u l-Artikolu 5(11).

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-kompiti u s-setgħat tagħhom u, fejn applikabbli, l-isem tal-koordinatur tad-data. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku ta' dawk l-awtoritajiet.

8.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibqgħu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet għal każijiet individwali minn kwalunkwe awtorità pubblika oħra jew minn kwalunkwe parti privata.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw ir-riżorsi umani u tekniċi suffiċjenti u l-għarfien espert biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

10.   Entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-kompetenza tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità. Meta l-entità tkun stabbilita f'aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tiġi kkunsidrata li tkun taħt il-kompetenza tal-Istat Membru li fih ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha, jiġifieri, fejn l-entità jkollha l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tagħha minn fejn jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operazzjonali.

11.   Kwalunkwe entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, u li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri.

12.   Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, rappreżentant legali għandu jingħata mandat minn entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni li għandhom jiġu indirizzati flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma' dik l-entità. Dak ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u jurihom b'mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

13.   Entità li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tagħmel prodotti konnessi disponibbli jew toffri servizzi relatati fl-Unjoni, għandha titqies li taqa' taħt il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali tagħha. Il-ħatra ta' rappreżentant legali minn tali entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’, u kwalunkwe azzjoni legali li tista' tinbeda kontra, tali entità. Sakemm entità taħtar rappreżentant legali f'konformità ma' dan l-Artikolu, hija għandha tkun taħt il-kompetenza tal-Istati Membri kollha, fejn applikabbli, għall-finijiet tal-iżgurar tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe awtorità kompetenti tista' teżerċita l-kompetenza tagħha, inkluż billi timponi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, dment li l-entità ma tkunx soġġetta għal proċedimenti ta' infurzar skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-istess fatti minn awtorità kompetenti oħra.

14.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand l-utenti, id-detenturi tad-data, jew ir-riċevituri tad-data, jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiġi vverifikata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu sottostanti u għandha tkun motivata.

15.   Meta awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed titlob assistenza jew miżuri ta' infurzar minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. Malli tirċievi talba bħal din, awtorità kompetenti għandha tipprovdi tweġiba, bid-dettalji dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew li huma maħsuba li jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed.

16.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u kummerċjali u għandhom jipproteġu d-data personali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest ta' talba għal assistenza u mogħtija skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.

Artikolu 38

Dritt li jitressaq ilment

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw ilment, individwalment jew, fejn rilevanti, kollettivament, mal-awtorità kompetenti rilevanti fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom, post tax-xogħol jew stabbiliment jekk iqisu li d-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament ikunu nkisru. Il-koordinatur tad-data għandu, fuq talba, jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-preżentazzjoni tal-ilmenti tagħhom lill-awtorità kompetenti xierqa.

2.   L-awtorità kompetenti li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur, f'konformità mal-liġi nazzjonali, dwar il-progress tal-proċedimenti u dwar id-deċiżjoni meħuda.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw biex jittrattaw u jsolvu l-ilmenti b'mod effettiv u f'waqthom, inkluż billi jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed. Din il-kooperazzjoni ma għandhiex taffettwa l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni previsti fil-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 u mir-Regolament (UE) 2017/2394.

Artikolu 39

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

1.   Minkejja kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika affettwata għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fir-rigward ta' deċiżjonijiet legalment vinkolanti meħuda mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Meta awtorità kompetenti tonqos milli taġixxi fuq ilment, kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika affettwata għandha, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jew ikollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv inkella aċċess għal rieżami minn korp imparzjali bl-għarfien espert xieraq.

3.   Il-proċedimenti skont dan l-Artikolu għandhom jitressqu quddiem il-qrati jew tribunali tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li kontriha jintalab ir-rimedju ġudizzjarju b'mod individwali jew, fejn rilevanti, kollettivament mir-rappreżentanti ta' persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar.

Artikolu 40

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom, sat-12 ta’ Settembru 2025 jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u l-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment u żżomm reġistru pubbliku faċilment aċċessibbli ta' dawk il-miżuri.

3.   L-Istati Membri għandhom iqisu -rakkomandazzjonijiet tal-EDIB u l-kriterji mhux eżawrjenti li ġejjin għall-impożizzjoni ta' penali għall-ksur ta' dan ir-Regolament:

(a)

in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta' żmien tal-ksur;

(b)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-parti li tkun wettqet il-ksur biex ittaffi jew tirrimedja għall-ħsara kkawżata mill-ksur;

(c)

kwalunkwe ksur preċedenti mill-parti li tkun wettqet il-ksur;

(d)

il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-parti li wettqet il-ksur minħabba l-ksur, sakemm tali benefiċċji jew telf jistgħu jiġu stabbiliti b'mod affidabbli;

(e)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ;

(f)

il-fatturat annwali tal-kontraventur fis-sena finanzjarja preċedenti fl-Unjoni.

4.   Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu II, III u V ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, jimponu multi amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta' dak ir-Regolament.

5.   Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu V ta' dan ir-Regolament, is-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tista' timponi, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, multi amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2018/1725 sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 66(3) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 41

Mudelli ta' termini kuntrattwali u klawżoli kuntrattwali standard

Il-Kummissjoni, qabel it-12 ta’ Settembru 2025, għandha tiżviluppa u tirrakkomanda mudelli mhux vinkolanti ta' termini kuntrattwali dwar l-aċċess u l-użu tad-data, inkluż termini dwar kumpens raġonevoli u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, u klawżoli kuntrattwali standard mhux vinkolanti għall-kuntratti tal-cloud computing biex jassistu lill-partijiet fl-abbozzar u fin-negozjar ta' kuntratti bi drittijiet u obbligi kuntrattwali ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

Artikolu 42

Rwol tal-EDIB

L-EDIB stabbilit mil-Kummissjoni bħala grupp ta' esperti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2022/868, fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu rappreżentati, għandu jappoġġa l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament billi:

(a)

jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta' prattika konsistenti tal-awtoritajiet kompetenti fl-infurzar tal-Kapitoli II, III, V u VII;

(b)

jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti permezz tal-bini tal-kapaċità u l-iskambju ta' informazzjoni, b'mod partikolari billi jistabbilixxi metodi għall-iskambju effiċjenti ta' informazzjoni relatata mal-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi skont il-Kapitoli II, III u V f'każijiet transfruntieri, inkluż il-koordinazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta' penali;

(c)

jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward ta':

(i)

jekk għandux jintalab l-abbozzar tal-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 33(4), l-Artikolu 35(4) u l-Artikolu 36(5);

(ii)

it-tħejjija tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(5), l-Artikolu 35(5) u (8) u l-Artikolu 36(6);

(iii)

it-tħejjija tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 29(7) u l-Artikolu 33(2); u

(iv)

l-adozzjoni tal-linji gwida li jistabbilixxu l-oqsfa interoperabbli għal standards u prattiki komuni għall-funzjonament tal-ispazji komuni Ewropej tad-data msemmija fl-Artikolu 33(11).

KAPITOLU X

DRITT SUI GENERIS SKONT ID-DIRETTIVA 96/9/KE

Artikolu 43

Bażijiet tad-data li jkun fihom ċerta data

Id-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux japplika meta d-data tinkiseb minn jew tiġi ġġenerata minn prodott konness jew servizz relatat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 4 u 5 tiegħu.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 44

Atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi dwar l-aċċess u l-użu tad-data

1.   L-obbligi speċifiċi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data bejn in-negozji, bejn in-negozji u l-konsumaturi, u fuq bażi eċċezzjonali bejn in-negozji u l-korpi pubbliċi, fl-atti legali tal-Unjoni li daħlu fis-seħħ fi jew qabel il-11 ta’ Jannar 2024, u l-atti delegati jew ta' implimentazzjoni skonthom, għandhom jibqgħu mhux affettwati.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tispeċifika, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' settur, spazju komuni Ewropew tad-data, jew qasam ta' interess pubbliku, rekwiżiti ulterjuri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

l-aspetti tekniċi tal-kondiviżjoni tad-data;

(b)

l-limiti fuq id-drittijiet tad-detenturi tad-data li jaċċessaw jew jużaw ċerta data pprovduta mill-utenti;

(c)

aspetti li jmorru lil hinn mill-aċċess u l-użu tad-data.

3.   Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu V, huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali li tipprevedi l-aċċess għad-data u l-awtorizzazzjoni tal-użu tagħha għal finijiet ta' riċerka xjentifika.

Artikolu 45

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 29(7) u l-Artikolu 33(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mill-11 ta’ Jannar 2024.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 29(7) u l-Artikolu 33(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 29(7) jew l-Artikolu 33(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 46

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/868. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 47

Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2394

Fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 2017/2394 jiżdied il-punt li ġej:

“29.

Ir-Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data) (ĠU L, 2023/2854, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj).”

Artikolu 48

Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/1828

Fl-Anness I għad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiżdied il-punt li ġej:

“68.

Ir-Regolament (UE) 2023/2854 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar id-Data) (ĠU L, 2023/2854, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj).”

Artikolu 49

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-12 ta’ Settembru 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta, b'mod partikolari:

(a)

sitwazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsirati bħala sitwazzjonijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali għall-fini tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament u l-applikazzjoni tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament fil-prattika, b'mod partikolari l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament minn korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u korpi tal-Unjoni; l-għadd u l-eżitu tal-proċedimenti mressqa quddiem l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 18(5) dwar l-applikazzjoni tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament, kif irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti; l-impatt ta' obbligi oħra stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali għall-finijiet ta' konformità ma' talbiet għal aċċess għal informazzjoni; l-impatt tal-mekkaniżmi volontarji ta' kondiviżjoni tad-data, bħal dawk stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) 2022/868, fuq l-ilħuq tal-objettivi tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament, u r-rwol tad-data personali fil-kuntest tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, inkluż l-evoluzzjoni ta' teknoloġiji li jtejbu l-privatezza;

(b)

l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq l-użu tad-data fl-ekonomija, inkluż fuq l-innovazzjoni tad-data, il-prattiki ta' monetizzazzjoni tad-data u s-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data, kif ukoll fuq il-kondiviżjoni tad-data fi ħdan l-ispazji komuni Ewropej tad-data;

(c)

l-aċċessibbiltà u l-użu ta' kategoriji u tipi differenti ta' data;

(d)

l-esklużjoni ta' ċerti kategoriji ta' intrapriżi bħala benefiċjarji skont l-Artikolu 5;

(e)

in-nuqqas ta' kwalunkwe impatt fuq id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(f)

l-impatt fuq is-sigrieti kummerċjali, inkluż fuq il-protezzjoni kontra l-akkwist, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom, kif ukoll l-impatt tal-mekkaniżmu li jippermetti lid-detentur tad-data jirrifjuta t-talba tal-utent skont l-Artikolu 4(8) u l-Artikolu 5(11), b’kont meħud, sa fejn ikun possibbli, ta’ kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(g)

jekk il-lista ta' termini kuntrattwali inġusti msemmija fl-Artikolu 13 hijiex aġġornata fid-dawl ta' prattiki kummerċjali ġodda u l-pass mgħaġġel tal-innovazzjoni tas-suq;

(h)

bidliet fil-prattiki kuntrattwali tal-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u jekk dan jirriżultax f'konformità suffiċjenti mal-Artikolu 25;

(i)

it-tnaqqis fl-imposti, imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għall-proċess tal-qlib, f'konformità mal-irtirar gradwali tal-imposti tal-qlib skont l-Artikolu 29;

(j)

l-interazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' atti legali oħra tal-Unjoni ta' rilevanza għall-ekonomija tad-data;

(k)

il-prevenzjoni ta' aċċess governattiv illegali għal data mhux personali;

(l)

l-effikaċja tar-reġim ta' infurzar meħtieġ skont l-Artikolu 37;

(m)

l-impatt tar-regolamentazzjoni fuq l-SMEs fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jinnovaw u tad-disponibbiltà ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data għall-utenti fl-Unjoni u l-piż tal-konformità mal-obbligi l-ġodda.

2.   Sat-12 ta’ Settembru 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikoli 34 u 35, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipprezzar u d-diversità tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data offruti fl-Unjoni, b'enfasi speċjali fuq il-fornituri tal-SMEs.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista', fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex temenda dan ir-Regolament.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Settembru 2025.

L-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) għandu japplika għall-prodotti konnessi u s-servizzi relatati magħhom imqiegħda fis-suq wara t-12 ta’ Settembru 2026.

Il-Kapitolu III għandu japplika biss fir-rigward tal-obbligi li d-data tkun magħmula disponibbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tidħol fis-seħħ wara t-12 ta’ Settembru 2025.

Il-Kapitolu IV għandu japplika għall-kuntratti konklużi wara t-12 ta’ Settembru 2025.

Il-Kapitolu IV għandu japplika mit-12 ta’ Settembru 2027 għall-kuntratti konklużi fi jew qabel it-12 ta’ Settembru 2025 dment li jkunu:

(a)

ta' durata ta' żmien indefinit; jew

(b)

ser jiskadu mill-inqas 10 snin mll-11 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 402, 19.10.2022, p. 5.

(2)   ĠU C 365, 23.9.2022, p. 18.

(3)   ĠU C 375, 30.9.2022, p. 112.

(4)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023.

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(10)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(11)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 79).

(13)  Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-19 ta' Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(14)  Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2023 dwar Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja wara proċedimenti kriminali (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 118).

(15)  Direttiva (UE) 2023/1544 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2023 li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminal (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 181).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(19)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni. (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(20)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE. (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(24)  Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

(25)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku') (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(27)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(28)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(29)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(30)  Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropa. (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59).

(31)  Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).

(33)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(35)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(36)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(37)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(38)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(39)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2854/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top