EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2599

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2599 tat-22 ta’ Novembru 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir

C/2023/7831

ĠU L, 2023/2599, 23.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2599/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2599/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2599

23.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2599

tat-22 ta’ Novembru 2023

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3gf(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tipprevedi l-inklużjoni ta’ emissjonijiet tat-trasport marittimu fis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (l-“EU ETS”).

(2)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji tat-tbaħħir, id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi li Stat Membru wieħed ikun responsabbli għal kull kumpanija tat-tbaħħir. Skont id-Direttiva 2003/87/KE, l-Istat Membru responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kumpanija tat-tbaħħir jissejjaħ l-“awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir”.

(3)

Fil-kuntest tal-liġi marittima ġenerali, il-kunċett ta’ “kumpanija tat-tbaħħir” jirreferi għall-entità fdata bil-ġestjoni tal-bastiment u ma jistax jiġi mmodifikat bi ftehim bilaterali bejn il-partijiet. Madankollu, dan l-approċċ ġenerali ma huwiex l-aktar xieraq fil-kuntest tal-EU ETS, li huwa s-suġġett ta’ dan l-att. F’dan il-kuntest speċifiku tal-EU ETS huwa meħtieġ l-indirizzar tal-obbligi għall-entità li hija aktar adattata biex tieħu l-miżuri meħtieġa f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-liġi marittima ġenerali, din l-entità tista’ tkun differenti mill-entità fdata bil-ġestjoni effettiva tal-bastiment. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, huwa meħtieġ li wieħed jiddevja, għall-finijiet tal-EU ETS, mit-tifsira tal-kunċett ta’ “kumpanija tat-tbaħħir” fil-liġi marittima ġenerali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jaqblu kuntrattwalment bejniethom dwar l-identità tal-entità li hija fdata bl-obbligi li jirriżultaw mill-EU ETS.

(4)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kumpaniji tat-tbaħħir, l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu regoli armonizzati għall-amministrazzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir li huma responsabbli għalihom. Biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-EU ETS u biex jitqiesu d-differenzi bejn l-EU ETS u l-liġi marittima ġenerali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li meta l-organizzazzjoni jew il-persuna li tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment minn sid il-bastiment u li, meta tassumi responsabbiltà bħal din, tkun qablet li tieħu f’idejha d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis, stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), tkun assumiet ukoll ir-responsabbiltà għall-obbligi tal-EU ETS, tali organizzazzjoni jew persuna tkun ingħatat mandat kif xieraq minn sid il-bastiment biex tikkonforma mal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2003/87/KE, inkluż l-obbligu li jiġu ċeduti kwoti skont l-Artikoli 3gb u 12 ta’ dik id-Direttiva. Sa fejn dan ir-rekwiżit jiddevja mill-prattika fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “kumpanija tat-tbaħħir” fil-liġi marittima ġenerali, huwa limitat għas-suppożizzjoni tar-responsabbiltà skont l-EU ETS.

(5)

Biex tiffaċilita l-infurzar tal-EU ETS, l-organizzazzjoni jew il-persuna li tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-obbligi tal-EU ETS jenħtieġ li tipprovdi lill-awtorità amministrattiva tagħha fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir b’informazzjoni dwar il-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tagħha.

(6)

L-entitajiet responsabbli għall-konformità mal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mal-obbligi skont id-Direttiva 2003/87/KE jeħtiġilhom jiġu identifikati b’mod ċar f’kull ħin. Għal dan l-għan, u bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza fl-amministrazzjoni u fl-infurzar, ir-Regolament (UE) 2015/757 jipprevedi li l-istess entità trid tkun responsabbli għat-tnejn li huma.

(7)

L-Artikolu 3gf(1) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE jinkludi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attribuzzjoni ta’ kull kumpanija tat-tbaħħir lill-awtorità amministrattiva tagħha fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kumpaniji tat-tbaħħir, huwa meħtieġ li jiġu previsti regoli dettaljati armonizzati dwar l-attribuzzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir lill-Istati Membri. Ir-regoli għall-attribuzzjoni ta’ kumpanija tat-tbaħħir lil Stat Membru jinkludu l-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija tat-tbaħħir, li jenħtieġ li jkun ibbażat fuq informazzjoni rreġistrata f’Thetis MRV, is-sistema ta’ informazzjoni ddedikata tal-Unjoni żviluppata u operata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima li tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757. L-attribuzzjoni ta’ kumpaniji tat-tbaħħir li ma humiex irreġistrati fi Stat Membru jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data dwar il-waqfiet f’portijiet maħżuna fis-sistema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni marittima stabbilita bid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (SafeSeaNet). Id-data dwar il-waqfiet f’portijiet tista’ tiġi ssupplimentata b’informazzjoni minn sistemi ta’ informazzjoni oħrajn, kif xieraq.

(8)

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ attribuzzjoni dettaljati għall-kumpaniji tat-tbaħħir li ma humiex irreġistrati fi Stat Membru u li ma wettqu l-ebda vjaġġ li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga tad-Direttiva 2003/87/KE fl-4 snin ta’ monitoraġġ ta’ qabel u li l-ewwel vjaġġ tagħhom li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva huwa vjaġġ bejn portijiet fil-ġuriżdizzjoni ta’ żewġ Stati Membri, u għall-kumpaniji tat-tbaħħir li ma humiex irreġistrati fi Stat Membru u li għandhom l-akbar għadd ta’ waqfiet f’portijiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-EU ETS, l-Istati Membri jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni fil-każ ta’ bidla fl-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir ta’ kumpanija tat-tbaħħir partikolari.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Meta l-organizzazzjoni jew il-persuna, bħall-maniġer jew in-noleġġatur ta’ bastiment mingħajr ekwipaġġ, li tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mingħand sid il-bastiment u li, meta tassumi tali responsabbiltà, tkun qablet li tassumi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis, stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 336/2006, tkun assumiet ukoll ir-responsabbiltà għall-obbligi ta’ konformità mal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2003/87/KE u l-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti skont l-Artikoli 3gb u 12 ta’ dik id-Direttiva (“l-obbligi tal-ETS”), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-organizzazzjoni jew dik il-persuna tkun ingħatat mandat xieraq minn sid il-bastiment biex tikkonforma mal-obbligi tal-ETS.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-organizzazzjoni jew il-persuna għandha tipprovdi lill-awtorità amministrattiva tagħha fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir b’dokument li jindika b’mod ċar li tkun ingħatat mandat xieraq minn sid il-bastiment biex tikkonforma mal-obbligi tal-ETS.

Id-dokument għandu jiġi ffirmat kemm minn sid il-bastiment kif ukoll minn dik l-organizzazzjoni jew persuna.

Jekk dak id-dokument ikun f’lingwa li ma hijiex lingwa uffiċjali tal-Istat Membru jew l-Ingliż, għandha tiġi pprovduta traduzzjoni bl-Ingliż.

Jekk dak id-dokument ikun kopja, dan għandu jiġi ċċertifikat bħala kopja vera minn nutar pubbliku jew minn persuna simili oħra speċifikata mill-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir. Jekk il-kopja ċċertifikata tinħareġ barra l-Istat Membru tal-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, il-kopja għandha tkun legalizzata, ħlief fejn ikun previst mod ieħor mid-dritt nazzjonali.

3.   Id-dokument imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tal-kumpanija u tas-sid irreġistrat tal-organizzazzjoni jew tal-persuna mogħtija mandat minn sid il-bastiment;

(b)

il-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni jew tal-persuna mogħtija mandat minn sid il-bastiment, kif irreġistrat taħt l-Iskema tan-Numru Uniku ta’ Identifikazzjoni tal-Kumpanija u s-Sid Reġistrat tal-OMI;

(c)

l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-OMI tal-kumpanija u tas-sid irreġistrat ta’ sid il-bastiment;

(d)

l-informazzjoni li ġejja għall-persuna ta’ kuntatt ta’ sid il-bastiment:

(i)

l-isem;

(ii)

il-kunjom;

(iii)

it-titolu tal-impjieg;

(iv)

l-indirizz tan-negozju;

(v)

in-numru tat-telefown tan-negozju;

(vi)

l-indirizz tal-posta elettronika tan-negozju;

(e)

id-data tal-applikazzjoni tal-mandat minn sid il-bastiment lil dik l-organizzazzjoni jew persuna;

(f)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-OMI tal-bastiment ta’ kull bastiment li jaqa’ fl-ambitu tal-mandat.

4.   Meta l-organizzazzjoni jew il-persuna msemmija fl-ewwel paragrafu ma tkunx tista’ tipprovdi lill-awtorità amministrattiva tagħha bid-dokument imsemmi fil-paragrafu 2, sid il-bastiment għandu jitqies bħala l-entità responsabbli għall-obbligi tal-ETS.

Artikolu 2

1.   Meta l-entità li tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-obbligi tal-ETS tkun sid il-bastiment, l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir għandha tiżgura li sid il-bastiment jipprovdiha b’dokument li jinkludi l-lista tal-bastimenti li fir-rigward tagħhom sid il-bastiment ikun ħa r-responsabbiltà għall-obbligi tal-ETS u li l-emissjonijiet tagħhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni tal-OMI tal-bastiment rispettiv tagħhom.

2.   Fil-każ ta’ kwalunkwe bidla fil-lista msemmija fil-paragrafu 1, sid il-bastiment għandu jinforma lill-awtorità amministrattiva tiegħu fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir mingħajr ebda dewmien u għandu jipprovdiha b’dokument aġġornat, kif ukoll bl-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-OMI uniku tal-kumpanija tat-tbaħħir u tas-sid irreġistrat tal-kumpanija tat-tbaħħir il-ġdida għal kull bastiment li ma għadux taħt ir-responsabbiltà ta’ sid il-bastiment.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ kumpanija tat-tbaħħir lil awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir f’konformità mal-Artikolu 3gf tad-Direttiva 2003/87/KE, il-pajjiż tar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija tat-tbaħħir kif imsemmi fl-Artikolu 3gf ta’ dik id-Direttiva għandu jkun il-pajjiż irreġistrat f’Thetis MRV, is-sistema ta’ informazzjoni ddedikata tal-Unjoni li tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757.

2.   Għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ kumpanija tat-tbaħħir li ma hijiex irreġistrata fi Stat Membru lil awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir f’konformità mal-Artikolu 3gf(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, id-data dwar il-waqfiet f’port għandha tkun ibbażata fuq data maħżuna fis-sistema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni marittima (SafeSeaNet) stabbilita bid-Direttiva 2002/59/KE.

Meta d-data rreġistrata ġewwa SafeSeaNet tkun insuffiċjenti għall-fini tal-attribuzzjoni ta’ kumpanija tat-tbaħħir li ma hijiex irreġistrata fi Stat Membru lil awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, il-Kummissjoni tista’ tuża data komplementari, bħad-data tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika, maħżuna minn sistemi ta’ informazzjoni oħrajn.

Artikolu 4

Meta l-ewwel vjaġġ ta’ bastiment ta’ kumpanija tat-tbaħħir li ma jkunx irreġistrat fi Stat Membru, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3gf(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa vjaġġ li jibda minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, u li jkun intemm f’port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ dik il-kumpanija tat-tbaħħir għandha tkun l-Istat Membru fejn ikun beda dak il-vjaġġ.

Artikolu 5

Fil-każ li kumpanija tat-tbaħħir li ma hijiex irreġistrata fi Stat Membru jkollha l-akbar għadd ta’ waqfiet f’portijiet f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir għandha tkun l-Istat Membru fejn il-kumpanija tat-tbaħħir kellha l-ewwel waqfa f’port tagħha fost il-vjaġġi li bdew jew li ntemmu f’dawk l-Istati Membri b’għadd ugwali ta’ waqfiet f’portijiet u li seħħew matul il-perjodi ta’ rapportar rilevanti.

Id-data u s-siegħa tat-tluq u tal-wasla għandhom jiġu kkalkolati skont il-Ħin Universali Koordinat (GMT/UTC).

Artikolu 6

1.   Fil-każ ta’ bidla fl-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, l-awtorità amministrattiva l-ġdida fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar dik il-kumpanija tat-tbaħħir. Dan għandu jinkludi aċċess għall-pjan ta’ monitoraġġ ta’ kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija tat-tbaħħir, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-bastimenti preċedenti u għar-rapporti fil-livell tal-bastimenti li għandhom jiġu sottomessi fejn ikun hemm bidla fil-kumpanija ta’ kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija tat-tbaħħir, u għad-data dwar l-emissjonijiet aggregata fil-livell tal-kumpanija tal-perjodi ta’ monitoraġġ preċedenti.

2.   L-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir responsabbli qabel il-bidla msemmija fil-paragrafu 1 għandha teżerċita d-diliġenza dovuta biex tipprovdi lill-awtorità amministrattiva l-ġdida fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir, fuq talba tagħha, bi kwalunkwe dokument jew informazzjoni rilevanti oħra relatata mal-kumpanija tat-tbaħħir ikkonċernata.

3.   L-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir responsabbli qabel il-bidla msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha aċċess għal informazzjoni dwar il-perjodu li matulu l-kumpanija tat-tbaħħir kienet taħt ir-responsabbiltà tagħha kif xieraq, b’mod partikolari għall-finijiet tat-trattament tal-proċeduri ta’ penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2003/87/KE u l-penali msemmija fl-Artikolu 16(3) ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fi ħdan il-Komunità u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(5)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2599/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top