EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2589

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2589 tal-21 ta’ Novembru 2023 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfat tal-ammonju u tal-aluminju f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

C/2023/7779

ĠU L, 2023/2589, 22.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2589/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2589/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2589

22.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2589

tal-21 ta’ Novembru 2023

li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfat tal-ammonju u tal-aluminju f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet is-sulfat tal-ammonju u tal-aluminju bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfat tal-aluminju u l-ammonju tiskadi fil-15 ta’ Diċembru 2024.

(4)

Fl-24 ta’ Awwissu 2016, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfat tal-aluminju u l-ammonju lill-Irlanda, l-Istat Membru relatur, u lill-Portugall, l-Istat Membru korelatur, f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu.

(5)

L-applikant issottometta l-fajls supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, lill-Istat Membru relatur, lill-Istat Membru korelatur, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur, u ssottomettieh lill-Awtorità u lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ġunju 2019. Fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur ippropona li l-approvazzjoni tas-sulfat tal-aluminju u l-ammonju tiġġedded.

(7)

L-Awtorità għaddiet l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità għamlet ukoll il-fajl tas-sommarju supplimentari disponibbli għall-pubbliku.

(8)

Fit-13 ta’ April 2022, l-Awtorità kkomunikat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) li indikat li jista jkun mistenni li s-sulfat tal-aluminju u l-ammonju jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-Kummissjoni ppreżentat rapport tat-tiġdid dwar is-sulfat tal-aluminju u l-ammonju u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fl-24 ta’ Mejju 2023 u fil-11 ta’ Lulju 2023 rispettivament.

(10)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant jibgħat il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar ir-rapport tat-tiġdid. L-applikant issottometta l-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa u tqiesu.

(11)

Ġie stabbilit li l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati rigward użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, is-sulfat tal-aluminju u l-ammonju.

(12)

Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfat tal-aluminju u l-ammonju hija bbażata fuq għadd limitat ta’ użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfat tal-aluminju u l-ammonju. Għalhekk jixraq li ma tinżammx ir-restrizzjoni fuq l-użu tiegħu bħala repellent.

(13)

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali u tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, jeħtieġ li jiġu previsti ċerti kundizzjonijiet.

(14)

Għalhekk jixraq li l-approvazzjoni tas-sulfat tal-aluminju u l-ammonju tiġi mġedda.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(16)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1446 (7) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sulfat tal-aluminju u l-ammonju sal-15 ta’ Diċembru 2024 sabiex il-proċess tat-tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva. Madankollu, minħabba li d-deċiżjoni dwar it-tiġdid ittieħdet qabel dik id-data tal-iskadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika qabel dik id-data.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfat tal-aluminju u l-ammonju, kif speċifikata fl-Anness I, hija mġedda soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(6)  EFSA (L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel). Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance aluminium ammonium sulfate EFSA Journal 2022;20(5):7319. Disponibbli online: www.efsa.europa.eu

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1446 tat-12 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,5-dichlorobenzoic acid methylester, aċidu aċetiku, sulfat tal-ammonju tal-aluminju, aluminium phosphide, silikat tal-aluminju, calcium carbide, cymoxanil, dodemorph, ethylene, estratt mis-siġra tat-te, residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam, aċidi grassi C7 sa C20, flonicamid (IKI-220), gibberellic acid, gibberellins, alosulfuron-metil, hydrolysed proteins, sulfat tal-ħadid, magnesium phosphide, maltodestrina, metamitron, żjut tal-pjanti/essenza tal-qronfol, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, żjut tal-pjanti/żejt tan-nagħniegħ, piretrini, sulcotrione, tebuconazole u urea (ĠU L 178, 13.7.2023, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Sulfat tal-aluminju u l-ammonju (dodekaidrat)

Nru CAS: 7784-26-1

Nru CIPAC: 840

Sulfat tal-aluminju u l-ammonju

975 g/kg

Anidru - Mhux inqas minn 510 g/kg

L-ebda impuritajiet rilevanti

1.2.2024

31.1.2039

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar is-sulfat tal-aluminju u l-ammonju, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan li ġej:

il-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema fejn rilevanti, filwaqt li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali xieraq;

il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi meta s-sustanza tiġi applikata f’reġjuni b’kundizzjonijiet aċidużi jew bażiċi tal-ħamrija;

il-protezzjoni tan-naħal mill-applikazzjonijiet ta’ bexx matul il-perjodu tal-fjoritura ta’ għelieqi maġenb xulxin jew meta l-ħaxix ħażin li jagħmel il-fjuri jkun preżenti fl-għalqa ttrattata;

il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli (jiġifieri sitwazzjonijiet meta l-pH tal-ħamrija jkun inqas minn 5,5, eż. bur f’żoni muntanjużi, żoni ta’ forestrija tal-koniferi u żoni ta’ tkabbir ta’ pjanti erikaċji ornamentali);

l-awtorizzazzjoni, għal użu fuq għelejjel f’ringieli u kombinabbli, bħala trattament ta’ lqugħ fit-truf tal-għelieqi biss.

Meta jkun rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, titħassar l-entrata 219 dwar is-sulfat tal-aluminju u l-ammonju;

(2)

fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“167

Sulfat tal-aluminju u l-ammonju (dodekaidrat)

Nru CAS: 7784-26-1

Nru CIPAC: 840

Sulfat tal-aluminju u l-ammonju

975 g/kg

Anidru - Mhux inqas minn 510 g/kg

L-ebda impuritajiet rilevanti

1.2.2024

31.1.2039

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar is-sulfat tal-aluminju u l-ammonju, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan li ġej:

il-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema fejn rilevanti, filwaqt li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali xieraq;

il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi meta s-sustanza tiġi applikata f’reġjuni b’kundizzjonijiet aċidużi jew bażiċi tal-ħamrija;

il-protezzjoni tan-naħal mill-applikazzjonijiet ta’ bexx matul il-perjodu tal-fjoritura ta’ għelieqi maġenb xulxin jew meta l-ħaxix ħażin li jagħmel il-fjuri jkun preżenti fl-għalqa ttrattata;

il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli (jiġifieri sitwazzjonijiet meta l-pH tal-ħamrija jkun inqas minn 5,5, eż. bur f’żoni muntanjużi, żoni ta’ forestrija tal-koniferi u żoni ta’ tkabbir ta’ pjanti erikaċji ornamentali);

l-awtorizzazzjoni, għal użu fuq għelejjel f’ringieli u kombinabbli, bħala trattament ta’ lqugħ fit-truf tal-għelieqi biss.

Meta jkun rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2589/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top