EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2466

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2466 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd

C/2023/5510

ĠU L, 2023/2466, 8.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2466/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2466/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2466

8.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2466

tas-17 ta’ Awwissu 2023

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 90a(6), il-punt (c), u l-Artikolu 91, l-ewwel subparagrafu, il-punti (b), (f) u (g), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u sostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-bajd fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ tali atti. Jenħtieġ li dawk l-atti jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 (3), li huwa mħassar mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2465 (4). Ir-referenzi għar-Regolament imħassar jenħtieġ li jinqraw f’konformità mal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament Delegat, li jipprevedi tabella ta’ korrelazzjoni.

(2)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-bajd, jenħtieġ li jiġu stabbiliti xi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni li jikkonċernaw l-ippakkjar tal-bajd u t-traċċabbiltà tagħhom, kif ukoll il-kontrolli li jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu biex jivverifikaw ir-rispett tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd.

(3)

Huma biss iċ-ċentri tal-ippakkjar li għandhom il-bini u t-tagħmir tekniku neċessarju għall-ippakkjar mill-ġdid tal-bajd. Għalhekk jenħtieġ li l-attivitajiet tal-ippakkjar mill-ġdid jiġu limitati għal dawn iċ-ċentri biss.

(4)

L-operaturi tas-settur tal-ikel iridu jistabbilixxu t-traċċabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-produtturi, il-kolletturi u ċ-ċentri tal-ippakkjar tal-bajd jenħtieġ li jkunu obbligati li jżommu reġistri addizzjonali speċifiċi bil-ħsieb li jippermettu lis-servizzi tal-ispezzjoni jikkontrollaw il-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni.

(5)

Il-kompożizzjoni tal-kodiċi tal-produttur previst fil-Parti VI, il-Punt III(1), tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li tiġi ffissata. Barra dan, jenħtieġ jiġi ċċarat li tista’ ssir eċċezzjoni għar-rekwiżit tal-immarkar bil-kodiċi tal-produttur jekk it-tagħmir tekniku ma jippermettix l-immarkar tal-bajd maqsum jew maħmuġ.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu kontrolli tal-konformità biex jivverifikaw jekk il-bajd tat-tiġieġ tal-ispeċi Gallus gallus jikkonformax mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2023/2465. Huwa importanti li dawn il-kontrolli tal-konformità u r-riżultati tagħhom ikunu komparabbli fl-Unjoni kollha. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-metodi u l-kriterji għat-twettiq tal-kontrolli.

(7)

Jixraq li l-konformità tiġi vverifikata mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal lott partikolari kollha kemm hu, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ lott li jinstab li ma huwiex konformi jenħtieġ li tiġi pprojbita, sakemm ma tkunx tista’ tiġi ppruvata l-konformità.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw kwalunkwe ksur tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, sabiex l-Istati Membri l-oħra li jistgħu jkunu affettwati jistgħu jiġu mwissija b’mod xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd tat-tiġieġ tal-ispeċi Gallus gallus, ħlief għall-bajd għat-tifqis, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

l-identifikazzjoni tal-produtturi u taċ-ċentri tal-ippakkjar;

(b)

ir-reġistri li għandhom jinżammu mill-produtturi, mill-kolletturi u miċ-ċentri tal-ippakkjar;

(c)

il-kontrolli tal-konformità;

(d)

in-notifiki.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465.

Artikolu 3

Ċentri tal-ippakkjar

1.   Huma biss iċ-ċentri tal-ippakkjar li għandhom jiggradaw, jippakkjaw u jippakkjaw mill-ġdid il-bajd u jittikkettjaw il-pakketti tagħhom.

Huma biss l-intrapriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu li għandhom ikunu approvati bħala ċentri tal-ippakkjar.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza liċ-ċentri tal-ippakkjar biex jiggradaw il-bajd u għandha tagħti kodiċi taċ-ċentru tal-ippakkjar lil kull operatur li l-bini u t-tagħmir tekniku tiegħu jkunu adatatti għall-gradazzjoni tal-bajd skont il-kwalità u skont il-piż. Iċ-ċentri tal-ippakkjar li jaħdmu esklużivament għall-industrija tal-ikel u mhux tal-ikel, ma għandhomx ikunu meħtieġa jkollhom tagħmir tekniku adattat għall-gradazzjoni tal-bajd skont il-piż.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti liċ-ċentru tal-ippakkjar kodiċi taċ-ċentru tal-ippakkjar b’kodiċi inizjali għall-Istat Membri konċernat imsemmi fil-punt 2.2 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE (6).

3.   Iċ-ċentri tal-ippakkjar għandu jkollhom it-tagħmir tekniku neċessarju biex jiżguraw il-manipulazzjoni adegwata tal-bajd. Dan għandu jinkludu, kif xieraq:

(a)

tagħmir tad-dawl adattat, awtomatiku jew sorveljat il-ħin kollu minn impjegati, li jippermetti l-eżami separat tal-kwalità ta’ kull bajda, jew tagħmir ieħor adattat;

(b)

apparat li jkejjel l-għoli tal-ispazju tal-arja;

(c)

tagħmir għall-gradazzjoni tal-bajd skont il-piż;

(d)

miżien approvat jew diversi mwieżen approvati biex jintiżen il-bajd;

(e)

tagħmir għall-immarkar tal-bajd.

4.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fi kwalunkwe mument tista’ tiġi rtirata jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

Artikolu 4

Immarkar tal-bajd b’kodiċi tal-produttur

Il-kodiċi tal-produttur għandha tkun magħmula min-numru distintiv previst fil-punt 2 tal-Anness tad-Direttiva 2002/4/KE. Dan għandu jkun jidher faċilment u jinqara b’mod ċar u għandu jkun għoli tal-anqas 2 mm.

Mingħajr preġudizzju għall-Parti VI, il-Punt III(1), tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, meta ma jkunx possibbli, għal raġunijiet tekniċi, li l-bajd maqsum jew maħmuġ jiġi mmarkat, l-immarkar bil-kodiċi tal-produttur ma għandux ikun obbligatorju.

Artikolu 5

Reġistri li għandhom jinżammu mill-produtturi

1.   Il-produtturi għandhom jirreġistraw l-informazzjoni dwar il-metodi tat-trobbija, billi jispeċifikaw għal kull metodu tat-trobbija użat:

(a)

id-data tat-tqegħid, l-età waqt it-tqegħid u l-għadd tat-tiġieġ tal-bajd;

(b)

d-data tal-qatla u l-għadd tat-tiġieġ maqtula;

(c)

il-produzzjoni ta’ kuljum tal-bajd;

(d)

l-għadd u/jew il-piż tal-bajd li nbigħ kull jum jew li ġie kkonsenjat kuljum b’mezzi oħra;

(e)

l-ismijiet u l-indirizzi tax-xerrejja kummerċjali.

2.   Meta l-metodu tal-għalf huwa indikat f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti A, il-Punt III tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-produtturi jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja billi jispeċifikaw għal kull metodu ta’ għalf użaat:

(a)

il-kwantità u t-tip ta’ għalf provdut jew imħallat fuq il-post;

(b)

id-data tal-konsenja tal-għalf.

3.   Meta produttur juża metodi differenti ta’ trobbija fuq sit uniku ta’ produzzjoni, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mqassma skont il-gallinar.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, minflok iżommu reġistri tal-bejgħ u tal-konsenji, il-produtturi jistgħu jżommu fajls tal-fatturi u tan-noti tal-konsenji li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 6

Reġistri li għandhom jinżammu mill-kolletturi

1.   Il-kolletturi għandhom jirreġistraw separatament, skont il-metodu tat-trobbija u bil-ġurnata:

(a)

il-kwantità ta’ bajd miġbur, imqassam skont il-produttur, bl-isem, l-indirizz u l-kodiċi tal-produttur, kif ukoll id-data jew il-perjodu li fih inbied;

(b)

il-kwantità tal-bajd ikkonsenjat liċ-ċentru rilevanti tal-ippakkjar, imqassam skont il-produttur, bl-isem, l-indirizz u l-kodiċi taċ-ċentru tal-ippakkjar, u d-data jew il-perjodu li fih inbied.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, minflok iżommu reġistri tal-bejgħ u tal-konsenji, il-kolletturi jistgħu jżommu fajls tal-fatturi u tan-noti tal-konsenji li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1.

Artikolu 7

Reġistri li għandhom jinżammu miċ-ċentri tal-ippakkjar

1.   Iċ-ċentri tal-ippakkjar għandhom jirreġistraw separatament, skont il-metodu tat-trobbija u bil-ġurnata:

(a)

il-kwantitajiet tal-bajd mhux iggradat li huma jirċievu, imqassma skont il-produttur, bl-isem, l-indirizz u l-kodiċi tal-produttur u d-data jew il-perjodu li fih inbied;

(b)

wara l-gradazzjoni tal-bajd, il-kwantitajiet skont il-grad tal-kwalità u tal-piż;

(c)

il-kwantitajiet tal-bajd iggradat riċevut li ġej minn ċentri oħra tal-ippakkjar, bil-kodiċi ta’ dawk iċ-ċentri tal-ippakkjar u d-data tad-durabbiltà minima;

(d)

il-kwantitajiet tal-bajd mhux iggradat ikkonsenjat lil ċentri oħra tal-ippakkjar, imqassam skont il-produttur, bil-kodiċi ta’ dawk iċ-ċentri tal-ippakkjar u d-data jew il-perjodu li fih inbied;

(e)

in-numru u/jew il-piż tal-bajd ikkonsenjat, skont il-grad tal-kwalità u tal-piż, id-data tal-ippakkjar għall-bajd tal-Klassi B jew id-data minima tad-durabbiltà għall-bajd tal-Klassi A, u skont ix-xerrej, bl-isem u l-indirizz ta’ dan tal-aħħar.

Kull ġimgħa ċ-ċentri tal-ippakkjar għandhom jaġġornaw l-istokk fiżiku tagħhom.

2.   Meta l-bajd tal-Klassi A u l-pakketti tiegħu jkollhom l-indikazzjoni tal-metodu tal-għalf tat-tiġieġ tal-bajd f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465, iċ-ċentri tal-ippakkjar li jużaw tali indikazzjonijiet għandhom iżommu reġistri separati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, minflok iżommu reġistri tal-bejgħ u tal-konsenji, iċ-ċentri tal-ippakkjar jistgħu jżommu fajls tal-fatturi u tan-noti tal-konsenji li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 8

Termini massimi għaż-żamma tar-reġistri

Ir-reġistri u l-fajls msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465 u fl-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament għandhom jinżammu għal mill-anqas 12-il xahar li jibdew jgħoddu mid-data minn meta nħolqu.

Artikolu 9

Kontrolli

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar servizz tal-ispezzjoni biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465.

2.   Is-servizzi tal-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkontrollaw il-prodotti koperti mir-Regolament Delegat (UE) 2023/2465 fl-istadji differenti tal-kummerċjalizzazzjoni, kif xieraq. Minbarra l-kampjunar aleatorju, għandhom isiru kontrolli fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji, filwaqt li jitqiesu t-tip u t-throughput tal-istabbiliment konċernat, kif ukoll ir-reġistri tal-passat tal-operatur rigward il-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd.

3.   Għall-bajd tal-Klassi A importat minn pajjiżi terzi, il-kontrolli stipulati fil-paragrafu 2 għandhom isiru meta dan jgħaddi mid-dwana jew qabel ma jinħareġ għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Il-bajd tal-Klassi B importat minn pajjiżi terzi għandu jinħareġ għaċ-ċirkolazzjoni libera biss wara li tkun ġiet ikkontrollata li d-destinazzjoni finali tiegħu hija l-industrija tal-ipproċessar, meta dan jgħaddi mid-dwana.

4.   Minbarra l-kampjunar aleatorju, l-operaturi għandhom jiġu spezzjonati bi frekwenza li tiġi stabbilita mis-servizzi tal-ispezzjoni fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskji kif imsemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li jitqiesu tal-anqas:

(a)

ir-riżultat tal-kontrolli preċedenti;

(b)

il-kumplessità tal-mezzi tal-kummerċjalizzazzjoni li jgħaddi minnhom il-bajd;

(c)

il-livell ta’ segmentazzjoni fl-istabbiliment tal-produzzjoni jew tal-ippakkjar;

(d)

il-kwantità tal-bajd prodott jew ippakkjat;

(e)

kull bidla sostanzjali meta mqabbla mas-snin preċedenti, fit-tip tal-bajd prodott jew ipproċessat jew fil-mod tal-kummerċjalizzazzjoni.

5.   Il-kontrolli għandhom jitwettqu b’mod regolari u mingħajr avviż minn qabel. Ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 4, 5 u 6 għandhom ikunu magħmula għad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-ispezzjoni mal-ewwel talba.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet dwar in-nonkonformità

1.   Id-deċiżjonijiet mis-servizzi ta’ spezzjoni wara l-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 li jindikaw nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jew mal-Parti VI tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew mar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465 jistgħu jittieħdu biss għal-lott kollu kemm hu li jkun ġie vverifikat.

2.   Fil-każ li l-lott ikkontrollat ma jitqiesx konformi ma’ dan ir-Regolament jew mal-Parti VI tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew mar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465, is-servizz tal-ispezzjoni għandu jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni jew l-importazzjoni tiegħu, jekk il-lott ikun ġej minn pajjiż terz, diment li tingħata prova u sakemm tingħatha dik il-prova li dan ikun sar konformi ma’ dan ir-Regolament.

3.   Is-servizz tal-ispezzjoni li jkun wettaq il-kontroll għandu jivverifika jekk il-lott irrifjutat ikunx sar jew qed isir konformi ma’ dan ir-Regolament jew mar-Regolament Delegat (UE) 2023/2465.

Artikolu 11

Notifika ta’ ksur

Fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ mezzi elettroniċi, dwar kwalunkwe ksur li jinstab mis-servizzi tal-ispezzjoni, jew dwar kwlaunkwe suspett serju ta’ ksur, li jista’ jaffettwa l-kummerċ intra-Unjoni fis-settur tal-bajd. Il-kummerċ intra-Unjoni jitqies li huwa affettwat b’mod partikolari f’każ ta’ ksur serju mill-operaturi li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-bajd għall-bejgħ fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 12

Notifiki

1.   Wara talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (8) u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (9).

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 6).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2465 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 (ĠU L, 2023/2465, 8.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2465/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE tat-30 ta’ Jannar 2002 fuq ir-reġistrazzjoni tan-negozji stabbiliti tat-trobbija tat-tiġieġ li jbidu, koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (ĠU L 30, 31.1.2002, p. 44).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2466/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top