Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2451

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2451 tas-26 ta’ Ottubru 2023 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2023/7456

ĠU L, 2023/2451, 3.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2451/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2451/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2451

3.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2451

tas-26 ta’ Ottubru 2023

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Xedd is-saqajn bil-wiċċ magħmul minn drapp tessili (100 % tal-qoton). Strixxi (wesgħin madwar 5 mm) tal-istess drapp tessili huma meħjuta madwar il-ħobża tas-sieq u tul il-fetħa ta’ quddiem kif ukoll taħt l-anelli. Fuq ġewwa, il-ħjata ta’ dawn l-istrixxi tgħaqqad strixxa oħra li ssaħħaħ l-anelli. Fuq iż-żewġ ġnubijiet tax-xedd is-saqajn huma meħjuta żewġ strixxi vertikali (wesgħin madwar 5 mm) mal-materjal tal-wiċċ, mill-anelli sal-pett.

Ix-xedd is-saqajn għandu pett tal-lastiku (ħxuna ta’ madwar 2 cm). Il-parti tal-pett li tmiss mal-art għandha wiċċ li ma jiżloqx bi struttura uniformi. Strixxa tal-lastiku ta’ madwar 3 cm hija mwaħħla mal-ġenb tal-pett tal-lastiku u madwar 1 cm ta’ din l-istrixxa hija mrikkba fuq id-drapp tessili tal-wiċċ madwar ix-xedd is-saqajn kollu.

Ix-xedd is-saqajn jinqafel permezz tal-lazzijiet.

Ara l-istampi (*1).

6404 19 90

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 4(a) u (b) u n-Nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6404 , 6404 19 u 6404 19 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 6404 11 00 bħala żraben tat-tennis, żraben tal-basketball, żraben tal-ġinnastika, żraben tat-training u żraben oħrajn ta’ dan it-tip hija eskluża peress li x-xedd is-saqajn la huwa maħsub għal xi waħda minn dawn l-attivitajiet sportivi u lanqas mhu maħsub għal xi attività sportiva simili għat-tennis, il-basketball, il-ġinnastika jew it-training. Dawn l-attivitajiet sportivi jeħtieġu ġiri, movimenti ta’ qbiż, tidwir malajr jew waqfiet f’daqqa. Għalhekk, il-pett tax-xedd is-saqajn maħsub għal dawn l-attivitajiet irid ikollu karatteristiċi li jassorbu x-xokkijiet li jirriżultaw mill-impatti ta’ dawk il-movimenti jew inkella jkun adattat għal attività sportiva speċifika. Dawn il-karatteristiċi jistgħu jkunu, fost l-oħrajn, pads tal-arja jew tal-gass, speċjalment fil-parti tal-għarqub tax-xedd is-saqajn biex jassorbu x-xokkijiet. Madankollu, il-pett tax-xedd is-saqajn ma għandux dawn il-karatteristiċi. Barra minn hekk, il-pett ta’ barra ma għandu l-ebda karatteristika biex tappoġġa movimenti speċifiċi għal ċerta attività sportiva. Pereżempju, il-pett ta’ barra ma għandux l-istruttura tipika (disinn tal-pett ta’ barra) taż-żraben tat-tennis li jappoġġaw movimenti ta’ tidwir tipiċi tat-tennis. Il-pett ta’ barra li ma jiżloqx huwa aktar maħsub għall-mixi. Barra minn hekk, il-wiċċ la huwa msaħħaħ u lanqas ikkuttunat biex jagħti stabbiltà lis-sieq u bilanċ meta jsir il-mixi, il-qbiż, it-tidwir jew il-waqfien f’daqqa. Iż-żewġ strixxi vertikali (wesgħin madwar 5 mm) meħjuta maż-żewġ ġnubijiet tax-xedd is-saqajn u l-parti tal-istrixxa tal-lastiku mrikkba fuq il-wiċċ qrib il-pett mhumiex qed isaħħu l-wiċċ biżżejjed.

Konsegwentement, minkejja l-lazzijiet u l-pett ta’ barra li ma jiżloqx, l-oġġett huwa maħsub bħala xedd is-saqajn tar-rikreazzjoni għall-mixi.

(Ara wkoll il-paragrafi 3 sa 7 tan-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għas-subintestatura 6404 11 00 ).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6404 19 90 bħala xedd is-saqajn bil-pett ta’ barra tal-lastiku u bil-wiċċ magħmul minn materjali tessili oħrajn.

Image 1


(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta’ informazzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2451/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top