Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2217

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2217 tas-16 ta’ Ottubru 2023 li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 901/2007 dwar il-klassifika ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2023/7074

    ĠU L, 2023/2217, 18.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2217/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/11/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2217/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2217

    18.10.2023

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2217

    tas-16 ta’ Ottubru 2023

    li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 901/2007 dwar il-klassifika ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 901/2007 (2), kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2013 (3), prodott li jikkonsisti f’weraq maqtugħa (f’tulijiet ta’ bejn 2 u 5 mm), iffermentati u mnixxfa u truf tal-pjanta rooibos (Aspalathus linearis), magħrufa wkoll bħala “L-Arbuxella Ħamra”, użat għat-tħejjija ta’ infużjonijiet, kien ikklassifikat taħt il-kodiċi 1212 99 95 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4), bħala “prodotti tal-ħaxix oħrajn li jintużaw l-aktar għall-konsum mill-bniedem, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra”. Il-prodott ġie eskluż mill-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1211 peress li l-prodott ma jintużax l-aktar għall-iskopijiet imsemmijin fit-test ta’ dik l-intestatura (“…li jintużaw l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew bħala insettiċidi, fungiċidi jew għal finijiet simili”). Konsegwentement, bis-saħħa tar-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-prodott ġie kklassifikat taħt l-intestatura 1212.

    (2)

    Matul l-71 sessjoni tiegħu f’Marzu 2023, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (Kumitat tas-SA) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali approva l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 1211.90/1 li tikklassifika t-“tè rooibos”, magħmul mill-weraq imnixxfin tal-buxx rooibos (Aspalathus linearis) użati biex isiru infużjonijiet erbali. Dak il-prodott ġie kklassifikat taħt l-intestatura tas-SA 1211 peress li tqies li l-pjanta tar-rooibos hija tat-tip użat primarjament fil-farmaċija jew għal skopijiet simili li jibqgħu kklassifikati f’din l-intestatura wkoll meta jiġu ppreżentati, pereżempju, f’boroż żgħar, biex isiru infużjonijiet erbali jew “tejiet” erbali. Konsegwentement, it-“tè rooibos” ġie kklassifikat taħt is-subintestatura tas-SA 1211 90, li tikkorrispondi għall-kodiċi NM 1211 90 86, bl-applikazzjoni tar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tas-SA.

    (3)

    Minħabba l-karatteristiċi identiċi jew simili ħafna tat-“tè rooibos” mal-prodott deskritt fir-Regolament (KE) Nru 901/2007, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodott, kif stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament, mhijiex f’konformità mal-opinjoni ta’ klassifikazzjoni tal-Kumitat tas-SA 1211.90/1.

    (4)

    Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (5), l-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti. L-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni approvati mill-Kumitat tas-SA tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali huma strumenti ta’ gwida għall-miżuri tariffarji tal-Unjoni.

    (5)

    Bl-għan li tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata fil-livell internazzjonali u meta jitqies li l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 1211.90/1 hija konformi mal-kliem tal-intestatura tas-SA 1211 u tas-subintestatura tas-SA 1211 90, jeħtieġ li jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 901/2007.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 901/2007 huwa b’dan imħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


    (1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 901/2007 tas-27 ta’ Lulju 2007 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 31).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2013 tas-7 ta’ Mejju 2013 li jemenda jew iħassar ċertu regolamenti dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 130, 15.5.2013, p. 1)

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2217/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top