This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R2175
Commission Delegated Regulation (EU) 2023/2175 of 7 July 2023 on supplementing Regulation (EU) 2017/2402 of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards specifying in greater detail the risk retention requirements for originators, sponsors, original lenders, and servicers
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2175 tas-7 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f’aktar dettall ir-rekwiżiti relatati mar-retenzjoni tar-riskju għall-oriġinaturi, l-isponsors, il-mutwanti oriġinali u l-ġesturi
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2175 tas-7 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f’aktar dettall ir-rekwiżiti relatati mar-retenzjoni tar-riskju għall-oriġinaturi, l-isponsors, il-mutwanti oriġinali u l-ġesturi
C/2023/1563
ĠU L, 2023/2175, 18.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2175/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2175 |
18.10.2023 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2175
tas-7 ta’ Lulju 2023
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f’aktar dettall ir-rekwiżiti relatati mar-retenzjoni tar-riskju għall-oriġinaturi, l-isponsors, il-mutwanti oriġinali u l-ġesturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(7), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-investituri u s-superviżuri jifhmu kif forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni hija ekwivalenti għal waħda mill-opzjonijiet ta’ retenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2017/2402, l-użu ta’ tali forma ta’ retenzjoni u d-dettalji tagħha għandhom jiġu żvelati fid-dokument tal-offerta finali, fil-prospett, fis-sommarju tat-tranżazzjoni jew fil-ħarsa ġenerali lejn il-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni. |
(2) |
L-Artikolu 6(3), il-punti (a) sa (e), tar-Regolament (UE) 2017/2402 jistabbilixxi diversi modalitajiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju stabbilit fl-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tiġi armonizzata l-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju u tinkiseb retenzjoni ekwivalenti ta’ interess materjali ekonomiku nett f’titolizzazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar dawk il-modalitajiet, inkluż it-twettiq permezz ta’ forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni. Fil-qafas ta’ programm ABCP, faċilità ta’ likwidità li tkopri 100 % tar-riskju ta’ kreditu ta’ kull waħda mill-iskoperturi titolizzati, jew li tikkostitwixxi pożizzjoni tal-ewwel telf fir-rigward tat-titolizzazzjoni, hija ekwivalenti għaż-żamma ta’ interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni. Għalhekk, tali programmi ABCP jenħtieġ li jitqiesu konformi mar-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 6(3), il-punti (a) u (d), tar-Regolament (UE) 2017/2402. |
(3) |
Il-marġni pożittiv sintetiku huwa ddefinit fl-Artikolu 2(29) tar-Regolament (UE) 2017/2402 bħala ammont kuntrattwalment allokat mill-oriġinatur biex jassorbi t-telf. Konsegwentement, il-marġni pożittiv sintetiku jwassal għal valur tal-iskopertura li jenħtieġ li jitqies fil-kejl tal-interess materjali ekonomiku nett fl-oriġinazzjoni. Għalhekk, il-marġni pożittiv sintetiku jenħtieġ li jiġi rikonoxxut bħala forma possibbli ta’ konformità mill-oriġinatur ta’ titolizzazzjoni sintetika mar-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju meta dak il-marġni pożittiv sintetiku jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402, u fejn dak il-marġni pożittiv sintetiku jkun soġġett għal rekwiżit ta’ kapital f’konformità mar-regolament prudenzjali applikabbli. |
(4) |
Marġnijiet pożittivi sintetiċi jistgħu jiġu deżinjati b’żewġ modi differenti. Mod wieħed huwa permezz tal-għoti ta’ titjib fil-kreditu lis-segment superjuri jew intermedju. It-tieni mod huwa billi jiġi pprovdut titjib fil-kreditu għas-segmenti kollha, inkluż is-segment tal-ewwel telf. Meta l-marġni pożittiv sintetiku jipprovdi titjib fil-kreditu lis-segmenti superjuri jew intermedji biss, ma jistax jiġi ttrattat bħala segment tal-ewwel telf. Għalhekk, jenħtieġ li r-ritenitur iżomm mill-inqas ammont minimu fis-segmenti kollha sabiex jikkonforma mal-Artikolu 6(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/2402. Meta l-marġni pożittiv sintetiku jipprovdi titjib fil-kreditu għas-segmenti kollha, il-marġni pożittiv sintetiku jenħtieġ li jkun ekwivalenti għas-segment tal-ewwel telf tat-titolizzazzjoni sintetika, u, għalhekk, jitqies li jikkonforma mal-Artikolu 6(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2017/2402. |
(5) |
Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat l-interess ekonomiku li għandu jiġi ritenut meta l-iskoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjoni jinkludu ammonti prelevati u mhux prelevati ta’ faċilitajiet ta’ kreditu. Minħabba li r-riskju ta’ kreditu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-ammonti prelevati, l-interess ekonomiku nett jenħtieġ li jitkejjel b’kont meħud ta’ dawk l-ammonti biss. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tar-rekwiżit ta’ retenzjoni fejn l-interess ekonomiku nett jiġi ritenut mill-grupp konsolidat u r-ritenitur li jappartjeni għall-grupp ma jibqax inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li waħda jew aktar mill-entitajiet li jifdal inklużi fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata jenħtieġ li jassumu skopertura għat-titolizzazzjoni. |
(7) |
L-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402 jipprojbixxi l-bejgħ jew l-iħħeġġjar tal-interess ekonomiku ritenut minħabba li jekk dan iseħħ, dan ineħħi l-iskopertura tar-ritenitur għar-riskju ta’ kreditu tal-pożizzjonijiet jew l-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni ritenuti. Għalhekk, jenħtieġ li l-iħħeġġjar ikun permess biss meta jiħħeġġja r-ritenitur kontra riskji għajr ir-riskju ta’ kreditu tal-pożizzjonijiet jew tal-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni ritenuti. Madankollu, l-iħħeġġjar jenħtieġ li jkun permess ukoll meta jitwettaq qabel it-titolizzazzjoni bħala element leġittimu u prudenti tal-għoti ta’ kreditu jew tal-ġestjoni tar-riskju u ma joħloqx differenzjazzjoni għall-benefiċċju tar-ritenitur bejn ir-riskju ta’ kreditu tal-pożizzjonijiet jew l-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni ritenuti u l-pożizzjonijiet jew l-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni trasferiti lill-investituri. Barra minn hekk, f’titolizzazzjonijiet fejn ir-ritenitur jimpenja ruħu għal retenzjoni ta’ aktar mill-interess materjali ekonomiku nett minimu ta’ 5 %, jenħtieġ li l-iħħeġġjar ma jkunx ipprojbit għal kwalunkwe imgħax ritenut li jaqbeż dak il-perċentwal, dment li dawk iċ-ċirkostanzi jiġu ddivulgati fid-dokument tal-offerta finali, fil-prospett, fis-sommarju tat-tranżazzjoni jew fil-ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni. |
(8) |
Sabiex tiġi żgurata r-retenzjoni kontinwa tal-interess materjali ekonomiku nett, ir-ritenituri jenħtieġ li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda mekkaniżmu inkorporat fl-istruttura ta’ titolizzazzjoni li bih l-interess materjali ekonomiku nett ritenut imkejjel fl-oriġinazzjoni jonqos aktar malajr mill-interess ittrasferit. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-interess materjali ekonomiku nett ritenut ma jingħatax prijorità f’termini ta’ flussi ta’ flus biex b’mod preferenzjali jibbenefika milli jitħallas lura jew jiġi amortizzat b’mod li jnaqqas dak l-interess materjali ekonomiku nett ritenut taħt il-5 % tal-valur nominali kontinwu tas-segmenti mibjugħin jew ittrasferiti lill-investituri jew tal-iskoperturi titolizzati, jew taħt il-valur nett ta’ 5 % fil-każ ta’ skoperturi improduttivi ta’ titolizzazzjonijiet tradizzjonali NPE. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-titjib fil-kreditu pprovdut lill-investitur li jassumi skopertura għal xi pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni ma jonqosx b’mod sproporzjonat għar-rata ta’ ħlas lura fuq l-iskoperturi sottostanti. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ma jipprevjenix lir-ritenitur milli jiġi rremunerat fuq bażi ta’ prijorità għal servizzi mogħtija lill-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni, dment li l-ammont tar-remunerazzjoni jiġi stabbilit fuq bażi distakkata u li l-istruttura ta’ din ir-remunerazzjoni ma xxekkilx ir-rekwiżit ta’ retenzjoni. |
(9) |
Meta l-obbligant prinċipali jkollu allinjament sħiħ tal-interess mal-investitur, inkluż fis-sitwazzjoni fejn it-titolizzazzjoni tkun tinkludi esklussivament bonds koperti maħruġa minnu stess jew strumenti ta’ dejn oħra maħruġa minnu stess, jenħtieġ li l-entità li tittitolizza dawk l-istrumenti ma tkunx obbligata tieħu xi azzjoni ulterjuri biex tikkonforma mar-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju. |
(10) |
L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/2402 jipprevedi ċerti eċċezzjonijiet dwar il-projbizzjoni fuq ir-rititolizzazzjonijiet. Minħabba li r-rekwiżiti ta’ retenzjoni japplikaw għaż-żewġ livelli tat-tranżazzjonijiet involuti f’rititolizzazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat kif dawk it-tranżazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ retenzjoni. Bħala regola ġenerali, l-ewwel titolizzazzjonijiet ta’ skoperturi u t-tieni livell “ripakkettat” tat-tranżazzjoni jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala separati għall-finijiet li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm obbligu li jiġi ritenut interess ekonomiku materjali nett f’kull wieħed minn dawk il-livelli. Jenħtieġ li l-istess japplika għal tranżazzjonijiet b’aktar minn titolizzazzjoni sottostanti waħda, bħal programmi ABCP għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2017/2402. Madankollu, huwa possibbli li l-oriġinatur tat-titolizzazzjoni li jaġixxi bħala ritenitur jittitolizza pożizzjonijiet li jkun żamm lil hinn mir-rekwiżit ta’ retenzjoni minimu fl-ewwel livell ta’ titolizzazzjoni. F’dak il-każ, jenħtieġ li dak l-oriġinatur ma jkunx meħtieġ li jżomm interess addizzjonali fil-livell tar-rititolizzazzjoni, dment li ma tiżdied l-ebda skopertura jew pożizzjoni oħra mal-aggregazzjoni sottostanti tar-rititolizzazzjoni. F’dawk il-każijiet, ir-rititolizzazzjoni jenħtieġ li titqies biss bħala t-tieni parti tal-istess tranżazzjoni li ma tbiddilx b’mod sinifikanti l-bażi ekonomika tat-titolizzazzjoni. Għalhekk, ir-retenzjoni oriġinali fil-livell tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li tkun biżżejjed biex tissodisfa l-għan tar-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li s-sempliċi riaggregazzjoni mill-oriġinatur tat-titolizzazzjoni ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni f’segmenti kontigwi ma titqiesx bħala rititolizzazzjoni għall-finijiet tar-rekwiżit ta’ retenzjoni. |
(11) |
Ir-rekwiżiti tal-għażla tal-assi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 huma parti integrali mill-qafas ta’ retenzjoni tar-riskju. Li kieku l-oriġinaturi setgħu jagħżlu l-assi li jaqblilhom biex jittitolizzaw il-portafolli ta’ kwalità ta’ kreditu agħar, u b’mod partikolari mingħajr l-għarfien tal-investituri jew tal-investituri potenzjali, l-iskop u l-effettività ta’ retenzjoni tar-riskju biex jiġu allinjati l-interessi tal-oriġinaturi u tal-investituri jiġu mxekkla serjament. F’dak ix-xenarju, filwaqt li l-oriġinatur ikun qed juża t-titolizzazzjoni biex jeħles minn assi riskjużi, l-investituri jiġu mqarrqa jekk jibbażaw fuq ir-retenzjoni mill-oriġinatur ta’ porzjon tar-riskju bħala evidenza ta’ allinjament xieraq tal-interessi. Sabiex jiġi evitat xenarju bħal dan u biex jiġu previsti ċ-ċertezza u s-sigurtà legali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji li l-oriġinaturi jistgħu jibbażaw fuqhom biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll kriterji għad-determinazzjoni ta’ “assi komparabbli”. It-titolizzazzjonijiet fejn it-tqabbil imsemmi fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 ma jkunx possibbli minħabba li l-assi komparabbli kollha jkunu ġew ittrasferiti lill-SSPE jenħtieġ li jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dak il-paragrafu, dment li l-fatt li dan it-tqabbil ma jkunx possibbli jiġi ddivulgat fid-dokument tal-offerta finali, fil-prospett, fis-sommarju tat-tranżazzjoni jew fil-ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni. |
(12) |
Meta jkunu nbdew proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward tar-ritenitur, jew meta r-ritenitur ma jkunx jista’ jkompli jaġixxi f’dik il-kapaċità għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu jew mill-kontroll tal-azzjonisti tiegħu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-interess materjali ekonomiku nett li jifdal jiġi ritenut minn entità ġuridika oħra li tikkonforma mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/2402, sabiex l-allinjament tal-interessi jkompli jseħħ. |
(13) |
Skont l-Artikolu 6(1), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402, il-ġesturi biss li jistgħu juru għarfien espert fis-servizzjar ta’ skoperturi ta’ natura simili għall-iskoperturi titolizzati jistgħu jaġixxu bħala ritenituri f’titolizzazzjoni ta’ skoperturi li ma jrendux tradizzjonali. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-kriterji li l-ġesturi jenħtieġ li jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu juru li għandhom l-għarfien espert meħtieġ fis-servizzjar tal-iskoperturi li huma simili għal dawk titolizzati. |
(14) |
Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 625/2014 (2) jissupplimenta d-dispożizzjonijiet dwar ir-retenzjoni tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment. Ir-Regolament (UE) 2017/2401 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi ħassar il-Parti Ħamsa, u għalhekk l-Artikolu 405, ta’ dak ir-Regolament. Ir-rekwiżiti dwar ir-retenzjoni tar-riskju li ġew stabbiliti fl-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 issa huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/2402. Għalhekk huwa xieraq li jitħassar ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 625/2014, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 43(6) tar-Regolament (UE) 2017/2402. |
(15) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea. |
(16) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“forma sintetika ta’ retenzjoni” tfisser ir-retenzjoni ta’ interess materjali ekonomiku nett permezz tal-użu ta’ strumenti derivattivi; |
(b) |
“forma kontinġenti ta’ retenzjoni” tfisser ir-retenzjoni ta’ interess materjali ekonomiku nett permezz tal-użu ta’ appoġġ ta’ kreditu li jiżgura infurzar immedjat tar-retenzjoni, inkluż permezz ta’ garanziji, ittri ta’ kreditu, jew forom simili ta’ appoġġ ta’ kreditu. |
Artikolu 2
Ritenituri ta’ interess materjali ekonomiku nett
1. Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402, li jgħid li l-interess materjali ekonomiku nett ritenut ma għandux jinqasam bejn tipi differenti ta’ ritenituri għandu jiġi ssodisfat minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-oriġinatur jew l-oriġinaturi; |
(b) |
l-isponsor jew l-isponsors; |
(c) |
il-mutwant oriġinali jew il-mutwanti oriġinali; |
(d) |
il-ġestur jew il-ġesturi f’titolizzazzjoni NPE tradizzjonali, dment li jissodisfaw ir-rekwiżit dwar l-għarfien espert stabbilit fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament. |
2. Meta aktar minn oriġinatur wieħed ikun eliġibbli biex jissodisfa r-rekwiżit ta’ retenzjoni, kull oriġinatur għandu jissodisfa dak ir-rekwiżit fuq bażi pro rata b’referenza għall-iskoperturi titolizzati li għalihom huwa l-oriġinatur.
3. Meta aktar minn mutwant oriġinali wieħed ikun eliġibbli biex jissodisfa r-rekwiżit ta’ retenzjoni, kull mutwant oriġinali għandu jissodisfa dak ir-rekwiżit fuq bażi pro rata b’referenza għall-iskoperturi titolizzati li għalihom huwa l-mutwant oriġinali.
4. B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, ir-rekwiżit ta’ retenzjoni jista’ jiġi ssodisfat bis-sħiħ minn oriġinatur wieħed jew minn mutwant oriġinali dment li tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jkun stabbilixxa u jkun qed jimmaniġġa l-programm ta’ karti kummerċjali garantiti b’assi (ABCP) jew titolizzazzjoni oħra; |
(b) |
l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jkun stabbilixxa l-programm ABCP jew titolizzazzjoni oħra u jkun ikkontribwixxa aktar minn 50 % tal-iskoperturi titolizzati totali mkejla bil-valur nominali fl-oriġinazzjoni. |
5. Fejn aktar minn sponsor wieħed ikun eliġibbli biex jissodisfa r-rekwiżit ta’ retenzjoni, ir-rekwiżit ta’ retenzjoni għandu jiġi ssodisfat minn:
(a) |
l-isponsor li l-interess ekonomiku tiegħu jkun l-aktar allinjat mill-qrib mal-interess tal-investitur kif miftiehem mill-isponsors involuti kollha abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inklużi dawn kollha li ġejjin:
|
(b) |
kull sponsor bi proporzjon mal-għadd totali ta’ sponsors. |
6. Meta aktar minn ġestur wieħed ikun eliġibbli biex jissodisfa r-rekwiżit ta’ retenzjoni, ir-rekwiżit ta’ retenzjoni għandu jiġi ssodisfat minn:
(a) |
il-ġestur bl-interess ekonomiku predominanti fir-ristrutturar b’suċċess tal-iskoperturi tat-titolizzazzjoni NPE tradizzjonali, kif miftiehem mill-ġesturi kollha involuti abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inklużi l-istruttura tat-tariffi tat-tranżazzjoni u r-riżorsi u l-għarfien espert disponibbli tal-ġestur biex jimmaniġġa l-proċess ta’ristrutturar tal-iskoperturi; jew |
(b) |
kull ġestur fuq bażi pro rata b’referenza għall-iskoperturi titolizzati li huwa jimmaniġġa, li għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma tal-valur nett tal-iskoperturi titolizzati li jikkwalifikaw bħala skoperturi improduttivi u tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati produttivi. |
7. Entità ma għandhiex titqies li tkun ġiet stabbilita jew li topera għall-iskop uniku tat-titolizzazzjoni ta’ skoperturi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402 fejn japplika dan kollu li ġej:
(a) |
l-entità jkollha strateġija u l-kapaċità li tissodisfa l-obbligi ta’ pagament konsistenti ma’ mudell ta’ negozju usa’ li jinvolvi sostenn mill-kapital, assi, miżati jew sorsi oħra ta’ introjtu, li bis-saħħa tagħhom l-entità ma tiddependix fuq l-iskoperturi li għandhom jiġu titolizzati, fuq imgħax ritenut jew propost li jiġi ritenut f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/2402, jew fuq kwalunkwe introjtu korrispondenti minn dawn l-iskoperturi u interessi, bħala s-sors uniku jew predominanti ta’ dħul tiegħu; |
(b) |
il-membri tal-korp maniġerjali jkollhom l-esperjenza meħtieġa biex jippermettu lill-entità ssegwi l-istrateġija tan-negozju stabbilita, kif ukoll arranġamenti ta’ governanza korporattiva adegwati. |
Artikolu 3
Rispett tar-rekwiżit ta’ retenzjoni permezz ta’ forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni
1. Ir-rispett tar-rekwiżit ta’ retenzjoni b’mod ekwivalenti għal waħda mill-opzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2017/2402 permezz ta’ forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
l-ammont ritenut ikun mill-inqas ugwali għall-ammont meħtieġ taħt l-opzjoni li għalih tikkorrespondi l-forma sintetika jew kontinġenti tar-retenzjoni; |
(b) |
ir-ritenitur ikun iddivulga b’mod espliċitu fid-dokument tal-offerta finali, fil-prospett, fis-sommarju tat-tranżazzjoni jew fil-ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni li se jżomm interess materjali ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni permezz ta’ forma sintetika jew kontinġenti fuq bażi kontinwa. |
Għall-finijiet tal-punt (b), ir-ritenitur għandu jiddivulga fid-dokument tal-offerta finali, fil-prospett, fis-sommarju tat-tranżazzjoni jew fil-ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni d-dettalji kollha dwar il-forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni applikabbli, inkluża l-metodoloġija użata fid-determinazzjoni tal-interess materjali nett ritenut u spjegazzjoni għal liema mill-opzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3), il-punti (a) sa (e) tar-Regolament (UE) 2017/2402 hija ekwivalenti r-retenzjoni.
2. Meta entità minbarra istituzzjoni kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (3), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u għajr impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, il-punti (1) u (4), tad-Direttiva 2009/138/KE, iżżomm interess ekonomiku permezz ta’ forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni, dak l-imgħax ritenut għandu jkun kollateralizzat bis-sħiħ fi flus u jinżamm skont arranġamenti kif imsemmi fl-Artikolu 16(9) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).
Artikolu 4
Retenzjoni ekwivalenti għal mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull segment mibjugħ jew trasferit lill-investituri
Ir-retenzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (UE) 2017/2402 (porzjon vertikali) għandha tiġi ssodisfata bi kwalunkwe wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a) |
retenzjoni diretta ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull segment mibjugħ jew trasferit lill-investituri; |
(b) |
ir-retenzjoni ta’ skopertura li tesponi lid-detentur tagħha għar-riskju ta’ kreditu ta’ kull segment maħruġ ta’ tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni fuq bażi pro rata ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali totali ta’ kull segment maħruġ; |
(c) |
ir-retenzjoni ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull waħda mill-iskoperturi titolizzati, dment li r-riskju ta’ kreditu miżmum ikun ikklassifikat pari passu mar-riskju ta’ kreditu titolizzat fir-rigward tal-istess skoperturi jew ikun subordinat għalih; |
(d) |
il-provvediment, fil-kuntest ta’ programm ABCP, ta’ faċilità ta’ likwidità, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
Artikolu 5
Retenzjoni tal-interess tal-oriġinatur f’titolizzazzjoni ċirkolanti jew f’titolizzazzjoni ta’ skoperturi ċirkolanti
Ir-retenzjoni tal-interess tal-oriġinatur ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull waħda mill-iskoperturi titolizzati kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandha titqies biss bħala ssodisfata meta r-riskju ta’ kreditu ritenut ta’ dawn l-iskoperturi jikklassifika pari passu mar-riskju ta’ kreditu titolizzat fir-rigward tal-istess skoperturi, jew ikun subordinat għalih.
Artikolu 6
Retenzjoni ta’ skoperturi magħżula b’mod aleatorju ekwivalenti għal mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati
1. L-aggregazzjoni ta’ mill-inqas 100 skopertura potenzjalment titolizzata li minnhom l-iskoperturi mhux titolizzati u titolizzati ritenuti għandhom jintgħażlu b’mod aleatorju, kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/2402, għandha tkun varjata biżżejjed biex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tal-interess ritenut.
2. Meta jagħżlu l-iskoperturi msemmija fil-paragrafu 1, ir-ritenituri għandhom iqisu l-fatturi kwantitattivi u kwalitattivi li huma xierqa għat-tip ta’ skoperturi titolizzati sabiex jiżguraw li d-distinzjoni bejn skoperturi mhux titolizzati u dawk titolizzati ritenuti tkun aleatorja. Għal dak il-għan, u fejn rilevanti, ir-ritenituri għandhom iqisu l-fatturi li ġejjin meta jagħżlu l-iskoperturi:
(a) |
iż-żmien tal-oriġinazzjoni tas-self (anzjanità); |
(b) |
it-tip ta’ skoperturi titolizzati; |
(c) |
il-pożizzjoni ġeografika; |
(d) |
id-data tal-oriġinazzjoni; |
(e) |
id-data tal-maturità; |
(f) |
il-proporzjon tas-self mal-valur; |
(g) |
it-tip ta’ kollateral; |
(h) |
is-settur tal-industrija; |
(i) |
il-bilanċ tas-self pendenti; |
(j) |
kwalunkwe fattur ieħor meqjus rilevanti mir-ritenitur. |
3. Ir-ritenituri ma għandhomx jagħżlu skoperturi individwali differenti f’punti differenti fiż-żmien, ħlief meta dan jista’ jkun meħtieġ biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ retenzjoni fir-rigward ta’ titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi titolizzati jvarjaw matul iż-żmien, jew minħabba skoperturi ġodda miżjuda mat-titolizzazzjoni jew minħabba tibdil fil-livell ta’ skoperturi titolizzati individwali.
4. Meta r-ritenitur ikun il-ġestur tat-titolizzazzjoni, l-għażla mwettqa f’konformità ma’ dan l-Artikolu ma għandhiex twassal għal deterjorament fl-istandards ta’ ġestjoni applikati mir-ritenitur fuq l-iskoperturi ttrasferiti meta mqabbel mal-iskoperturi ritenuti.
Artikolu 7
Retenzjoni tas-segment tal-ewwel telf
1. Ir-retenzjoni tas-segment tal-ewwel telf skont l-Artikolu 6(3)(d), tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandha tiġi ssodisfata bi kwalunkwe wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a) |
iż-żamma jew ta’ pożizzjonijiet fil-karta bilanċjali jew barra l-karta bilanċjali; |
(b) |
iż-żamma ta’ skopertura permezz ta’ provvediment ta’ forma kontinġenti ta’ retenzjoni jew ta’ faċilità ta’ likwidità fil-kuntest ta’ programm ABCP, li jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:
|
(c) |
sovrakollateralizzazzjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 242, il-punt (9), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jekk dik is-sovrakollateralizzazzjoni topera f’pożizzjoni ta’ “l-ewwel telf” ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati. |
2. Fejn is-segment tal-ewwel telf jaqbeż il-5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati, ir-ritenitur jista’ jagħżel li jżomm porzjon pro rata minn dan is-segment tal-ewwel telf biss, dment li dan il-porzjon ikun ekwivalenti għal mill-inqas 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati.
Artikolu 8
Retenzjoni ta’ skopertura tal-ewwel telf ta’ mhux inqas minn 5 % ta’ kull skopertura titolizzata
1. Ir-retenzjoni ta’ skopertura tal-ewwel telf fil-livell ta’ kull skopertura titolizzata kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandha titqies li tkun ġiet issodisfata biss meta r-riskju ta’ kreditu ritenut ikun subordinat għar-riskju ta’ kreditu titolizzat fir-rigward tal-istess skoperturi.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, ir-retenzjoni ta’ skopertura tal-ewwel telf fil-livell ta’ kull skopertura titolizzata kif imsemmi fl-Artikolu 6(3)(e) tar-Regolament (UE) 2017/2402 tista’ tiġi ssodisfata wkoll permezz tal-bejgħ mill-oriġinatur jew mill-mutwant oriġinali tal-iskoperturi sottostanti b’valur skontat meta tiġi ssodisfata kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ammont tal-iskont ma jkunx inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull skopertura; |
(b) |
l-ammont ta’ bejgħ skontat ikun rimborsabbli lill-oriġinatur jew lill-mutwant oriġinali biss jekk dak l-ammont ta’ bejgħ skontat ma jiġix assorbit minn telf relatat mar-riskju ta’ kreditu assoċjat mal-iskoperturi titolizzati. |
Artikolu 9
Applikazzjoni tal-għażliet ta’ retenzjoni fuq it-titolizzazzjonijiet NPE tradizzjonali
1. Fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet NPE kif imsemmi fl-Artikolu 6(3a) tar-Regolament (UE) 2017/2402, għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(a), u l-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament għas-sehem ta’ skoperturi improduttivi fl-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjoni, kwalunkwe referenza għall-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati għandha tinftiehem bħala referenza għall-valur nett tal-iskoperturi improduttivi.
2. Għall-finijiet tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, il-valur nett tal-iskoperturi improduttivi ritenuti għandu jiġi kkalkolat bl-użu tal-istess ammont tal-iskont li ma jitħallasx lura fil-prezz tax-xiri li kien jiġi applikat li kieku l-iskoperturi improduttivi ritenuti ġew titolizzati.
3. Għall-finijiet tal-Artikolu 4, il-punt (a), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, il-valur nett tal-parti ritenuta tal-iskoperturi improduttivi għandu jiġi kkalkolat bl-użu tal-istess perċentwal tal-iskont li ma jitħallasx lura fil-prezz tax-xiri li japplika għall-parti mhux ritenuta.
4. Meta l-iskont li ma jitħallasx lura fil-prezz tax-xiri kif imsemmi fl-Artikolu 6(3a), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402 ikun ġie miftiehem fil-livell tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti improduttivi jew fil-livell ta’ subaggregazzjoni, il-valur nett ta’ skoperturi improduttivi titolizzati individwali inklużi fl-aggregazzjoni jew fis-subaggregazzjoni, kif applikabbli, għandu jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni ta’ sehem korrispondenti tal-iskont li ma jitħallasx lura fil-prezz tax-xiri għal kull waħda mill-iskoperturi titolizzati improduttivi bi proporzjon għall-valur nominali tagħhom jew, fejn applikabbli, il-valur pendenti tagħhom fiż-żmien tal-oriġinazzjoni.
5. Meta l-iskont li ma jitħallasx lura fil-prezz tax-xiri jinkludi d-differenza bejn l-ammont nominali ta’ segment wieħed jew diversi segmenti ta’ titolizzazzjoni NPE sottoskritti mill-oriġinatur għall-bejgħ sussegwenti u l-prezz li bih dak is-segment jew dawk is-segmenti l-ewwel jinbiegħu lil partijiet terzi mhux relatati kif imsemmi fl-Artikolu 6(3a), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402, dik id-differenza għandha titqies fil-kalkolu tal-valur nett tal-iskoperturi titolizzati individwali improduttivi billi jiġi applikat sehem korrispondenti tad-differenza għal kull waħda mill-iskoperturi titolizzati improduttivi bi proporzjon mal-valur nominali tagħhom.
Artikolu 10
Kejl tal-livell ta’ retenzjoni
1. Fejn ikun qed jitkejjel il-livell ta’ retenzjoni ta’ interess ekonomiku nett, jiġu applikati l-kriterji li ġejjin:
(a) |
l-oriġinazzjoni għandha tkun iż-żmien li fih l-iskoperturi ġew titolizzati għall-ewwel darba, li għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(b) |
meta l-kalkolu tal-livell ta’ retenzjoni jkun ibbażat fuq valuri nominali, il-prezz tal-akkwiżizzjoni tal-assi ma għandux jitqies għall-fini ta’ dak il-kalkolu; |
(c) |
il-ġbir tal-imposti finanzjarji u introjtu ieħor mill-imposti riċevuti fir-rigward tal-iskoperturi titolizzati f’titolizzazzjoni tradizzjonali netta tal-kostijiet u l-ispejjeż (marġni pożittiv tradizzjonali) ma għandhomx jitqiesu meta jitkejjel l-interess ekonomiku nett tar-ritenitur; |
(d) |
meta l-oriġinatur jaġixxi bħala r-ritenitur tat-titolizzazzjoni u japplika l-għażla ta’ retenzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3)(d) tar-Regolament (UE) 2017/2402, u meta l-valur tal-iskopertura tal-marġni pożittiv sintetiku li jipprovdi titjib fil-kreditu għas-segmenti kollha tat-titolizzazzjoni sintetika u jservi bħala protezzjoni tal-ewwel telf ikun soġġett għal rekwiżiti kapitali f’konformità mar-regolament prudenzjali applikabbli għall-oriġinatur, l-oriġinatur jista’ jqis il-valur tal-iskopertura tal-marġni pożittiv sintetiku meta jikkalkula l-interess materjali ekonomiku nett f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament billi jittratta l-valur tal-iskopertura tal-marġni pożittiv sintetiku bħala retenzjoni tas-segment tal-ewwel telf, minbarra kwalunkwe retenzjoni reali tas-segment tal-ewwel telf; |
(e) |
l-opzjoni ta’ retenzjoni u l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-interess ekonomiku nett ma għandhomx jinbidlu matul il-ħajja ta’ titolizzazzjoni, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jeħtiġux bidla u dik il-bidla ma tintużax bħala mezz sabiex jitnaqqas l-ammont tal-imgħax ritenut. |
2. Ir-ritenitur ma għandux jintalab biex kontinwament iforni jew jaġġusta mill-ġdid l-imgħax ritenut tiegħu għal mill-inqas 5 % fil-każ ta’ telf realizzat fuq l-iskoperturi ritenuti jew allokat għall-pożizzjonijiet ritenuti.
Artikolu 11
Kejl tal-interess materjali ekonomiku nett li għandu jinżamm għal skoperturi fil-forma ta’ ammonti prelevati u mhux prelevati ta’ faċilitajiet ta’ kreditu
Il-kalkolu tal-interess ekonomiku nett li għandu jinżamm għall-faċilitajiet ta’ kreditu, inklużi karti ta’ kreditu, għandu jkun ibbażat biss fuq l-ammonti li diġà ġew prelevati, realizzati jew riċevuti u għandu jiġi aġġustat f’konformità ma’ tibdiliet f’dawk l-ammonti.
Artikolu 12
Projbizzjoni tal-iħħeġġjar jew tal-bejgħ tal-interess ritenut
1. L-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402 li interess materjali ekonomiku nett jiġi ritenut fuq bażi kontinwa fit-titolizzazzjoni għandu jitqies li ġie ssodisfat biss meta, filwaqt li titqies is-sustanza ekonomika tat-tranżazzjoni, jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-interess materjali ekonomiku nett ritenut ma jkun soġġett għall-ebda mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu jew iħħeġġjar tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ritenuti jew tal-iskoperturi ritenuti, |
(b) |
ir-ritenitur ma jbigħx, jittrasferixxi jew b’xi mod ieħor iċedi d-drittijiet, il-benefiċċji jew l-obbligi kollha jew parti minnhom li jirriżultaw mill-interess ekonomiku nett ritenut. |
B’deroga mill-punt (a), ir-ritenitur jista’ jiħħeġġja l-interess ekonomiku nett meta l-iħħeġġjar ma jkunx kontra r-riskju ta’ kreditu tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ritenuti jew tal-iskoperturi ritenuti.
2. Ir-ritenitur jista’ juża skoperturi jew pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ritenuti bħala kollateral għal finijiet ta’ finanzjament garantit inklużi, fejn rilevanti, arranġamenti ta’ finanzjament li jinvolvu bejgħ, trasferiment jew ċediment ieħor tad-drittijiet, tal-benefiċċji jew tal-obbligi kollha jew parti minnhom li jirriżultaw mill-interess ekonomiku nett ritenut, dment li dan l-użu bħala kollateral ma jittrasferix l-iskopertura għar-riskju ta’ kreditu ta’ dawk l-iskoperturi jew il-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ritenuti lil parti terza.
3. Il-paragrafu 1, il-punt (b), ma għandu japplika fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a) |
fil-każ tal-insolvenza tar-ritenitur; |
(b) |
meta r-ritenitur, għal raġunijiet legali lil hinn mill-kontroll tiegħu u lil hinn mill-kontroll tal-azzjonisti tiegħu, ma jkunx jista’ jkompli jaġixxi bħala ritenitur; |
(c) |
fil-każ ta’ retenzjoni fuq bażi konsolidata kif imsemmi fl-Artikolu 14. |
Artikolu 13
Tranżazzjonijiet li għalihom ir-rekwiżit ta’ retenzjoni ma japplikax, kif imsemmi fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2017/2402
It-tranżazzjonijiet li għalihom ir-rekwiżit ta’ retenzjoni ma japplikax, kif imsemmi fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2017/2402, għandhom jinkludu pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni fil-portafoll ta’ negozjar ta’ korrelazzjoni li jew huma strumenti ta’ referenza kif imsemmi fl-Artikolu 338(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew huma eliġibbli għall-inklużjoni fil-portafoll ta’ negozjar ta’ korrelazzjoni.
Artikolu 14
Retenzjoni fuq bażi konsolidata
Kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (15), tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), istituzzjonijiet prinċipali, jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji, li huma stabbiliti fl-Unjoni u li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tagħhom f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu għandhom, meta r-ritenitur ma jibqax inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata, jiżguraw li waħda jew aktar mill-entitajiet li jifdal inklużi fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata tissodisfa r-rekwiżit ta’ retenzjoni.
Artikolu 15
Rekwiżiti dwar l-allokazzjoni tal-flussi tal-flus u t-telf għall-interess ritenut u dwar it-tariffi pagabbli lir-ritenitur
1. Ir-ritenituri ma għandhomx jużaw arranġamenti jew mekkaniżmi inkorporati fit-titolizzazzjoni li bis-saħħa tagħhom l-imgħax ritenut fl-oriġinazzjoni jonqos aktar malajr mill-interess ittrasferit. Fl-allokazzjoni tal-flussi tal-flus, l-imgħax ritenut ma għandux jingħata prijorità sabiex jibbenefika b’mod preferenzjali milli jitħallas lura jew jiġi amortizzat qabel l-interess ittrasferit.
L-amortizzament tal-interess ritenut permezz tal-allokazzjoni tal-fluss tal-flus f’konformità mal-ewwel subparagrafu jew permezz tal-allokazzjoni ta’ telf li, fil-fatt, inaqqas il-livell ta’ retenzjoni maż-żmien, għandu jkun permess.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-arranġamenti dwar kwalunkwe tariffa, jew fissa jew kontinġenti fuq il-volum jew il-prestazzjoni tal-iskoperturi titolizzati jew l-evoluzzjoni tal-parametri referenzjarji tas-suq rilevanti, pagabbli lir-ritenitur fuq bażi ta’ prijorità għar-remunerazzjoni tar-ritenitur għal kwalunkwe servizz ipprovdut lit-titolizzazzjoni għandhom jitqiesu konsistenti biss mar-rekwiżiti dwar l-interess ritenut stabbiliti f’dak il-paragrafu meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
l-ammont tat-tariffi huwa stabbilit fuq bażi distakkata wara li jitqiesu tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq; |
(b) |
it-tariffi huma strutturati bħala kunsiderazzjoni għall-forniment tas-servizz u ma joħolqux pretensjoni preferenzjali fil-flussi tal-flus tat-titolizzazzjoni li effettivament inaqqsu l-interess ritenut aktar malajr mill-interess ittrasferit. Għall-finijiet tal-punt (a), fin-nuqqas ta’ tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq rilevanti, l-ammont tat-tariffi għandu jikkonforma mar-rekwiżit li dawk it-tariffi jiġu stabbiliti fuq bażi distakkata meta dawk it-tariffi jiġu stabbiliti b’referenza għat-tariffi pagabbli fi tranżazzjonijiet simili fi swieq oħra, jew jiġu stabbiliti bl-użu ta’ metriċi ta’ valwazzjoni li jqisu kif xieraq it-tip ta’ titolizzazzjoni u s-servizz li jkun qiegħed jiġi pprovdut. Il-kundizzjonijiet fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ma għandhomx jitqiesu li ġew issodisfati meta t-tariffi jkunu ggarantiti jew pagabbli bil-quddiem fi kwalunkwe forma, kompletament jew parzjalment qabel is-servizz li jkun qiegħed jiġi pprovdut wara l-għeluq, u l-interess materjali ekonomiku nett effettiv wara li jitnaqqsu t-tariffi jkun anqas mill-interess ekonomiku nett minimu meħtieġ skont l-għażla tar-retenzjoni magħżula mill-għażliet stipulati fl-Artikolu 6(3), il-punti (a) sa (e), tar-Regolament (UE) 2017/2402. |
Artikolu 16
Rispett tar-rekwiżit ta’ retenzjoni f’titolizzazzjonijiet ta’ strumenti ta’ dejn proprji maħruġa
Meta entità tititolizza l-istrumenti ta’ dejn maħruġa minnha stess, inklużi bonds koperti kif iddefiniti fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u l-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni jinkludu esklussivament dawk l-istrumenti ta’ dejn proprji maħruġin, għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżit ta’ retenzjoni fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402.
Artikolu 17
Rekwiżit ta’ retenzjoni fir-rititolizzazzjonijiet
1. Għar-rititolizzazzjonijiet permessi mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/2402, ritenitur għandu jżomm l-interess materjali ekonomiku nett fir-rigward ta’ kull wieħed mil-livelli ta’ tranżazzjoni rispettivi.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-oriġinatur ta’ rititolizzazzjoni ma għandux ikun obbligat li jżomm interess materjali ekonomiku nett fil-livell tat-tranżazzjoni tar-rititolizzazzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
l-oriġinatur tar-rititolizzazzjoni jkun ukoll l-oriġinatur u r-ritenitur tat-titolizzazzjoni sottostanti; |
(b) |
ir-rititolizzazzjoni tkun appoġġata minn aggregazzjoni ta’ skoperturi li jinkludu biss skoperturi jew pożizzjonijiet li ġew ritenuti mill-oriġinatur fit-titolizzazzjoni sottostanti li jaqbżu l-interess ekonomiku nett minimu meħtieġ qabel id-data tal-oriġinazzjoni tar-rititolizzazzjoni; |
(c) |
ma hemm l-ebda diskrepanza fil-maturità bejn il-pożizzjonijiet jew l-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni sottostanti u r-rititolizzazzjoni. |
3. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, is-segmentazzjoni mill-ġdid mill-oriġinatur tat-titolizzazzjoni ta’ segment maħruġ f’segmenti kontigwi ma għandhiex tikkostitwixxi rititolizzazzjoni.
Artikolu 18
Assi ttrasferiti lill-SSPE
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402, l-assi miżmuma fil-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur li, skont id-dokumentazzjoni tat-titolizzazzjoni, jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, għandhom jitqiesu li huma komparabbli mal-assi li għandhom jiġu ttrasferiti lill-SSPE meta, fiż-żmien tal-għażla tal-assi, jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-prestazzjoni mistennija kemm tal-assi li għandhom jinżammu ulterjorment fil-karta tal-bilanċ kif ukoll tal-assi li għandhom jiġu ttrasferiti hija ddeterminata minn fatturi simili; |
(b) |
abbażi ta’ indikazzjonijiet, inklużi l-prestazzjoni fl-imgħoddi u l-mudelli applikabbli, jista’ jkun raġonevolment mistenni li l-prestazzjoni tal-assi li għandhom jinżammu ulterjorment fil-karta tal-bilanċ mhix se tkun aħjar b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 mill-prestazzjoni tal-assi li għandhom jiġu ttrasferiti. |
2. Il-valutazzjoni dwar jekk l-oriġinatur ikunx ikkonforma mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandha tqis jekk l-oriġinatur ikunx ħa kwalunkwe azzjoni biex jikkonforma ma’ dak l-Artikolu, u b’mod partikolari jekk l-oriġinatur ikunx stabbilixxa kwalunkwe politika, proċedura u kontroll intern biex jipprevjeni l-għażla sistematika jew intenzjonata għall-finijiet ta’ titolizzazzjoni ta’ assi ta’ kwalità ta’ kreditu medja agħar minn assi komparabbli ritenuti fil-karta tal-bilanċ tiegħu.
3. Oriġinatur għandu jitqies li jkun ikkonforma mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 meta, wara t-titolizzazzjoni, ma jkun hemm l-ebda skopertura li titħalla fil-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur li tkun komparabbli mal-iskoperturi titolizzati, għajr l-iskoperturi li l-oriġinatur ikun diġà impenja kuntrattwalment li jittitolizza, u dment li dak il-fatt ikun ġie kkomunikat b’mod ċar lill-investituri.
Artikolu 19
Rekwiżit ta’ għarfien espert dwar is-servizzjant tat-titolizzazzjonijiet NPE tradizzjonali
1. Fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet NPE tradizzjonali, is-servizzjanti għandhom jitqiesu li għandhom għarfien espert fis-servizzjar ta’ skoperturi ta’ natura simili għal dawk titolizzati, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402 fejn tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-membri tal-korp maniġerjali tas-servizzjant u l-persunal superjuri, minbarra l-membri tal-korp maniġerjali, li huma responsabbli għas-servizzjar ta’ skoperturi ta’ natura simili għal dawk titolizzati jkollhom għarfien u ħiliet adegwati fis-servizzjar ta’ dawn l-iskoperturi; |
(b) |
in-negozju tal-ġestur, jew tal-grupp konsolidat tiegħu għal finijiet kontabilistiċi jew prudenzjali, ikun inkluda l-ġestjoni ta’ skoperturi ta’ natura simili għal dawk titolizzati għal mill-inqas 5 snin qabel id-data tat-titolizzazzjoni; |
(c) |
jiġu ssodisfati l-punti kollha li ġejjin:
|
2. Il-ġesturi għandhom jissostanzjaw u jiddivulgaw l-esperjenza professjonali tagħhom f’dettall suffiċjenti biex l-investituri istituzzjonali jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2017/2402, filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità applikabbli.
Artikolu 20
Tħassir
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 625/2014 huwa mħassar, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 43(6) tar-Regolament (UE) 2017/2402.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 625/2014 tat-13 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istituzzjonijiet investituri, sponsors, mutwanti oriġinali u oriġinaturi marbuta ma’ skoperturi għar-riskju tal-kreditu trasferit (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 16).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/2401 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(6) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(7) Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).
(8) Id-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 29).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2175/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)